Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL‑QORTI ĠENERALI (Ir‑Raba’ Awla)
30 ta’ Settembru 2026 (*)
“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fir-rigward tal-azzjonijiet li jikkompromettu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina – Iffriżar ta’ fondi – Lista tal-persuni, tal-entitajiet u tal-organi li għalihom japplika l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi – Żamma ta’ isem ir-rikorrent fuq il-lista – Artikolu 2(1)(f) tad-Deċiżjoni 2014/145/PESK – Artikolu 3(1)(f) tar-Regolament (UE) Nru 269/2014 – Żball ta’ evalwazzjoni – Responsabbiltà mhux kuntrattwali”
Fil-Kawża T‑323/25,
Vladimir Avetisyan, residenti f’Moska (Ir-Russja), irrappreżentat minn A. Genko u É. Épron, avukati,
rikorrent,
vs
Il‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn S. Lejeune u A. Jaume, bħala aġenti, assistiti minn B. Maingain, avukat,
konvenut
IL‑QORTI ĠENERALI (Ir‑Raba’ Awla),
komposta minn G. De Baere (Relatur), President, J. Svenningsen u C. Mac Eochaidh, Imħallfin,
Reġistratur: H. Eriksson, Amministratriċi,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura, b’mod partikolari:
– ir-rikors, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑23 ta’ Mejju 2025,
– in-nota ta’ adattament, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑16 ta’ Ottubru 2025,
wara s-seduta tat‑3 ta’ Ġunju 2026,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent, Vladimir Avetisyan, jitlob, minn naħa, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, l-annullament, l-ewwel nett, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2025/528 tal‑14 ta’ Marzu 2025 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU L, 2025/528), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2025/527 tal‑14 ta’ Marzu 2025 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU L, 2025/527) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“atti ta’ Marzu 2025”), it-tieni nett, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2025/1895 tat‑12 ta’ Settembru 2025 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU L, 2025/1895), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2025/1894 tat‑12 ta’ Settembru 2025 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU L, 2025/1894, (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“atti ta’ Settembru 2025”), sa fejn dawn l-atti (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“atti kkontestati”) jikkonċernawh u, min-naħa l-oħra, abbażi tal-Artikolu 268 TFUE, il-kumpens għad-dannu allegatament imġarrab.
Il-fatti li wasslu għall-kawża
2 Ir-rikorrent huwa ċittadin ta’ nazzjonalità Russa u Armena.
3 Din il-kawża taqa’ fil-kuntest tal-miżuri restrittivi adottati mill-Unjoni Ewropea fid-dawl tal-azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina.
4 Fis‑17 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, id-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 16). Fl-istess jum, huwa adotta, abbażi tal-Artikolu 215 TFUE, ir-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 6, rettifika fil-ĠU 2014, L 294, p. 64).
5 Fil‑25 ta’ Frar 2022, minħabba l-gravità tas-sitwazzjoni fl-Ukraina, il-Kunsill adotta, minn naħa, id- Deċiżjoni (PESK) 2022/329 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145 (ĠU 2022, L 50, p. 1), u min-naħa l-oħra, ir-Regolament (UE) 2022/330 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 269/2014 (ĠU 2022, L 51, p. 1), b’mod partikolari bil-għan li jiġu emendati l-kriterji li permezz tagħhom persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew organi setgħu jkunu suġġetti għall-miżuri restrittivi inkwistjoni.
6 L-Artikolu 2(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendat bid-Deċiżjoni 2022/329, jipprovdi:
“1 Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, jew huma proprjetà ta’, jew huma miżmuma jew ikkontrollati minn:
[…]
(f) persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jappoġġaw, b’mod materjali jew finanzjarju, jew li jibbenefikaw mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li huwa responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna; [...]
2. L-ebda fond jew riżorsa ekonomika ma għandha ssir disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għal benefiċċju ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness.”
7 Ir-Regolament Nru 269/2014, fil-verżjoni tiegħu kif emendat bir-Regolament 2022/330, jimponi l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi u jiddefinixxi l-modalitajiet ta’ dan l-iffriżar f’termini identiċi, essenzjalment, għal dawk tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata. Fil-fatt, b’mod partikolari, l-Artikolu 3(1)(f) ta’ dan ir-regolament essenzjalment jirriproduċi l-Artikolu 2(1)(f) tal-imsemmija deċiżjoni (iktar ’il quddiem il-“kriterju (f)”).
8 Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/1738 tal-24 ta’ Ġunju 2024 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145 (ĠU L, 2024/1738), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1746 tal‑24 ta’ Ġunju 2024 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 (ĠU L, 2024/1746, rettifika fil-ĠU L, 2024/90485), isem ir-rikorrent ġie miżjud, rispettivament, fil-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni 2014/145 emendata u f’dik li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 269/2014 emendat (iktar ’il quddiem, meħudin flimkien, il-“listi inkwistjoni”), għar-raġuni li ġejja:
“Vladimir Avetisyan huwa d-Direttur Ġenerali u l-fundatur ta’ LLC RBA-Management. LLC RBA-Management hija kumpanija maniġerjali Russa li tipprovdi servizzi legali, kontabilistiċi, ta’ sigurtà korporattiva u servizzi oħra ta’ ġestjoni, u li taħdem ma’ klijenti li jispeċjalizzaw fil-provvista ta’ komponenti elettroniċi. LLC RBA-Management tiġġestixxi JSC Compel li tipparteċipa fi skemi ta’ importazzjoni għal komponenti elettroniċi u tforni komponenti mikroelettroniċi ta’ importanza strateġika lill-industrija Russa, inkluż l-industrija militari. Bħala d-Direttur Ġenerali u l-fundatur ta’ LLC RBA-Management, Vladimir Avetisyan huwa responsabbli għall-azzjonijiet tagħha u għalhekk huwa qed jappoġġa materjalment lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li huwa responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna.”
9 Fis‑6 ta’ Settembru 2024, il-Kunsill bagħat lir-rikorrent kopja tal-fajl bil-provi bir-referenza WK 7807/2024 (iktar ’il quddiem il-“fajl WK”), bid-data tal‑31 ta’ Mejju 2024.
10 Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/2456 tat‑12 ta’ Settembru 2024 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145 (ĠU L, 2024/2456, rettifika fil-ĠU L, 2025/90125) u permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/2455 tat‑12 ta’ Settembru 2024 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 (ĠU L, 2024/2455, rettifika fil-ĠU L, 2025/90123), isem ir-rikorrent inżamm fil-listi inkwistjoni għall-istess raġuni bħal dik imsemmija fil-punt 8 iktar ’il fuq.
11 Permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ Settembru 2024, il-Kunsill informa lir-rikorrent bid-deċiżjoni tiegħu li jżomm ismu fil-listi inkwistjoni.
12 Permezz ta’ ittra tal‑31 ta’ Ottubru 2024, ikkompletata b’ittra tat‑8 ta’ Novembru 2024, ir-rikorrent bagħat lill-Kunsill talba għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni ta’ żamma ta’ ismu fil-listi inkwistjoni.
13 Fl‑14 ta’ Marzu 2025, il-Kunsill adotta l-atti ta’ Marzu 2025, li permezz tagħhom isem ir-rikorrent inżamm fil-listi inkwistjoni għall-istess raġuni bħal dik imsemmija fil-punt 8 iktar ’il fuq.
14 Permezz ta’ ittra tas‑17 ta’ Marzu 2025, il-Kunsill ċaħad it-talba għal eżami mill-ġdid tar-rikorrent tal‑31 ta’ Ottubru 2024 u informah bid-deċiżjoni tiegħu li jżomm ismu fil-listi inkwistjoni.
15 Permezz ta’ ittra tal‑5 ta’ April 2025, ir-rikorrent bagħat lill-Kunsill talba għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni ta’ żamma ta’ ismu fil-listi inkwistjoni.
Fatti li seħħew wara l-preżentata tar-rikors
16 Fit‑12 ta’ Settembru 2025, il-Kunsill adotta l-atti ta’ Settembru 2025, li permezz tagħhom isem ir-rikorrent inżamm fil-listi inkwistjoni abbażi tal-motiv emendat li ġej:
“Vladimir Avetisyan huwa l-eks Direttur Ġenerali u fundatur ta’ LLC RBA-Management. LLC RBA-Management hija kumpanija maniġerjali Russa li tipprovdi servizzi legali, kontabilistiċi, ta’ sigurtà korporattiva u servizzi oħra ta’ ġestjoni, u li taħdem ma’ klijenti li jispeċjalizzaw fil-provvista ta’ komponenti elettroniċi. LLC RBA-Management tiġġestixxi JSC Compel li tipparteċipa fi skemi ta’ importazzjoni għal komponenti elettroniċi u tforni komponenti mikroelettroniċi ta’ importanza strateġika lill-industrija Russa, inkluż l-industrija militari. Bħala d-Direttur Ġenerali u fundatur ta’ LLC RBA-Management, Vladimir Avetisyan kien responsabbli għall-azzjonijiet tal-kumpanija u għalhekk huwa responsabbli għall-appoġġ materjali lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li huwa responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna.”
17 Isem ir-rikorrent inżamm fil-listi inkwistjoni għall-istess raġuni permezz tad- Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2026/696 tal‑14 ta’ Marzu 2026 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145 (ĠU L, 2026/696, rettifika fil-ĠU L, 2026/90508) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2026/695 tal‑14 ta’ Marzu 2026 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 (ĠU L, 2026/695, rettifika fil-ĠU L, 2026/90507).
It-talbiet tal-partijiet
18 Ir-rikorrent, wara l-adattament tar-rikors, jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tannulla l-atti kkontestati, sa fejn jirrigwardawh;
– tikkundanna lill-Kunsill iħallsu s-somma ta’ EUR 192 480 bħala kumpens għad-dannu allegatament subit;
– tikkundanna l-Kunsill għall-ispejjeż.
19 Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tiċħad it-talba għal annullament;
– tiċħad it-talba għad-danni;
– tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.
Id-dritt
Fuq it-talba għall-annullament tal-atti kkontestati
20 Insostenn tat-talba tiegħu għal annullament, ir-rikorrent iqajjem motiv wieħed ibbażat fuq żbalji ta’ evalwazzjoni.
Kunsiderazzjonijiet preliminari
21 Għalkemm huwa minnu li l-Kunsill għandu ċerta setgħa ta’ evalwazzjoni sabiex jiddetermina, każ b’każ, jekk il-kriterji legali li fuqhom huma bbażati l-miżuri restrittivi inkwistjoni humiex issodisfatti, xorta jibqa’ l-fatt li l-qrati tal-Unjoni għandhom jiżguraw stħarriġ, bħala prinċipju komplet, tal-legalità tal-atti kollha tal-Unjoni (ara s-sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2024, Tokareva vs Il‑Kunsill, T‑744/22, EU:T:2024:608, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad‑19 ta’ Marzu 2025, BSW — management company of “BMC” holding vs Il‑Kunsill, T‑1042/23, EU:T:2025:314, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).
22 L-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea teħtieġ, b’mod partikolari, li l-qorti tal-Unjoni tiżgura li d-deċiżjoni li permezz tagħha miżuri restrittivi jkunu ġew adottati jew miżmuma, li jkollha portata individwali għall-persuna jew għall-entità kkonċernata, tkun ibbażata fuq bażi fattwali suffiċjentement solida. Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fl-espożizzjoni tal-motivi li fuqha tkun ibbażata din id-deċiżjoni, b’mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma għandux ikun limitat għall-evalwazzjoni tal-probabbiltà astratta tal-motivi invokati, iżda għandu jirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk dawn il-motivi, jew tal-inqas, wieħed minnhom ikkunsidrat bħala li huwa suffiċjenti minnu nnifsu sabiex isostni din l-istess deċiżjoni, humiex issostanzjati (ara s-sentenzi tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Timchenko vs Il‑Kunsill, C‑702/23 P, EU:C:2025:605, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata; tas‑26 ta’ Marzu 2026, Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill, C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P, C‑35/24 P u C‑111/24 P, EU:C:2026:245, punt 327 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑11 ta’ Settembru 2024, Tokareva vs Il‑Kunsill, T‑744/22, EU:T:2024:608, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).
23 Hija l-awtorità kompetenti tal-Unjoni li, fil-każ ta’ kontestazzjoni, għandha tistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi invokati kontra l-persuna jew l-entità kkonċernata, u ma hijiex din tal-aħħar li għandha tipproduċi prova negattiva tal-assenza ta’ fondatezza ta’ dawn il-motivi. Għal dan il-għan, ma huwiex meħtieġ li l-Kunsill jipproduċi quddiem il-qorti tal-Unjoni l-informazzjoni u l-provi kollha inerenti għall-motivi allegati fl-att li jkun intalab l-annullament tiegħu. Huwa importanti madankollu li l-informazzjoni jew l-elementi prodotti jsostnu l-motivi meqjusa kontra l-persuna jew l-entità kkonċernata (ara s-sentenzi tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Timchenko vs Il‑Kunsill, C‑702/23 P, EU:C:2025:605, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 123 u l-ġurisprudenza ċċitata).
24 L-evalwazzjoni tal-fondatezza ta’ dawn il-motivi għandha ssir billi jiġu eżaminati l-provi u l-informazzjoni mhux b’mod iżolat, iżda fil-kuntest li jagħmlu parti minnu. Fil-fatt, il-Kunsill jissodisfa l-oneru tal-prova impost fuqu jekk jistabbilixxi quddiem il-qorti tal-Unjoni sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti li jippermettu li jiġi stabbilit li l-persuna suġġetta għal miżura restrittiva kienet tissodisfa, fid-data tal-adozzjoni tal-atti kontenzjużi, il-kundizzjonijiet previsti mill-kriterju applikat (ara, f’dan is-sens, is‑sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 124 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑11 ta’ Settembru 2024, Tokareva vs Il‑Kunsill, T‑744/22, EU:T:2024:608, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).
25 Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-miżuri restrittivi huma ta’ natura kawtelatorja u, mid-definizzjoni tagħhom stess, provviżorja, li l-validità tagħhom hija dejjem suġġetta għall-kontinwazzjoni taċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi li jkunu wasslu għall-adozzjoni tagħhom kif ukoll għall-ħtieġa taż-żamma tagħhom sabiex jintlaħaq l-għan relatat magħhom. Huwa għalhekk li l-Kunsill huwa obbligat iwettaq, matul l-eżami mill-ġdid perijodiku ta’ dawn il-miżuri restrittivi, evalwazzjoni aġġornata tas-sitwazzjoni u jistabbilixxi bilanċ tal-impatt ta’ tali miżuri, sabiex jiddetermina jekk dawn ippermettewx li jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mill-inklużjoni inizjali tal-ismijiet tal-persuni u tal-entitajiet ikkonċernati fil-lista inkwistjoni jew jekk għadux possibbli li tinsilet l-istess konklużjoni fir-rigward tal-imsemmija persuni u entitajiet (ara s‑sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 168 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑11 ta’ Settembru 2024, Tokareva vs Il‑Kunsill, T‑744/22, EU:T:2024:608, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).
26 Minn dan jirriżulta li, sabiex tiġi ġġustifikata ż-żamma ta’ isem persuna fil-lista tal-persuni u tal-entitajiet li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi, il-Kunsill ma huwiex ipprojbit milli jibbaża ruħu fuq l-istess provi bħal dawk li kienu ġġustifikaw l-inklużjoni inizjali, l-inklużjoni mill-ġdid jew iż-żamma preċedenti ta’ isem tal-persuna kkonċernata fl-imsemmija lista, sakemm, minn naħa, ir-raġunijiet għall-inklużjoni ma jkunux inbidlu u sakemm, min-naħa l-oħra, il-kuntest ma jkunx żviluppa b’tali mod li dawn il-provi jkunu saru obsoleti. L-imsemmi kuntest jinkludi mhux biss is-sitwazzjoni tal-pajjiż li fir-rigward tiegħu ġiet stabbilita s-sistema ta’ miżuri restrittivi, iżda wkoll is-sitwazzjoni partikolari tal-persuna kkonċernata (ara s-sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 169 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad‑29 ta’ Mejju 2024, Belavia vs Il‑Kunsill, T‑116/22, EU:T:2024:334, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).
27 Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li l-attività tal-qorti tal-Unjoni hija rregolata mill-prinċipju ta’ evalwazzjoni libera tal-provi u l-uniku kriterju sabiex jiġi evalwat il-valur tal-provi prodotti jinsab fil-kredibbiltà tagħhom. F’dan ir-rigward, sabiex jiġi evalwat il-valur probatorju ta’ dokument, għandha tiġi vverifikata l-probabbiltà tal-informazzjoni li tinsab fih billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-oriġini tad-dokument, iċ-ċirkustanzi tat-tfassil tiegħu kif ukoll id-destinatarju tiegħu u għandu jiġi mistoqsi jekk, skont il-kontenut tiegħu, jidhirx li huwa raġonevoli u affidabbli (sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 114).
28 Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi evalwat jekk il-Kunsill wettaqx żbalji ta’ evalwazzjoni meta żamm isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni fl-atti ta’ Marzu 2025 u sussegwentement fl-atti ta’ Settembru 2025.
Dwar l-atti ta’ Marzu 2025
29 Ir-rikorrent isostni li l-Kunsill wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra, wara l-eżami mill-ġdid perijodiku tas-sitwazzjoni tiegħu, li kienet teżisti bażi fattwali suffiċjentement solida sabiex tiġġustifika l-adozzjoni tal-atti ta’ Marzu 2025.
30 Ir-rikorrent isostni li, fit-talba tiegħu għal eżami mill-ġdid tal‑31 ta’ Ottubru 2024, jiġifieri iktar minn erba’ xhur qabel l-adozzjoni tal-atti ta’ Marzu 2025, huwa informa lill-Kunsill bir-riżenja tiegħu mill-funzjonijiet tiegħu fi ħdan RBA-Management, bit-trasferiment tal-ishma tiegħu f’RBA-Management kif ukoll bit-terminazzjoni tar-relazzjonijiet bejn il-kumpanniji RBA-Management u Compel u li huwa pprovda lill-Kunsill dokumenti intiżi li jistabbilixxu l-bidla fis-sitwazzjoni personali tiegħu. Issa, il-Kunsill ma ħax dan inkunsiderazzjoni bi ksur tal-obbligu tiegħu ta’ eżami mill-ġdid. Skont ir-rikorrent, fid-data tal-adozzjoni tal-atti ta’ Marzu 2025, l-allegazzjonijiet kollha tal-Kunsill li jikkonċernawh li jinsabu fil-fajl WK kienu obsoleti għal iktar minn erba’ xhur u għalhekk ma setgħux iservu bħala ġustifikazzjoni għaż-żamma tal-miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu.
31 Il-Kunsill isostni li għalkemm huwa għandu l-obbligu li jirrevedi d-deċiżjoni tiegħu jekk il-provi ġodda sostanzjali prodotti jikkonċernaw is-sitwazzjoni partikolari suġġetta għall-eżami perijodiku tiegħu, dan ma japplikax meta l-provi prodotti ma jkollhomx valur probatorju. Huwa jqis li l-provi prodotti mir-rikorrent ma humiex probatorji biżżejjed sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-irtirar tiegħu mill-funzjoni tiegħu ta’ direttur ġenerali ta’ RBA-Management u tal-bejgħ tal-ishma tiegħu ta’ din il-kumpannija. Fid-dawl tal-attivitajiet eżerċitati mir-rikorrent għall-benefiċċju ta’ Compel għal iktar minn għoxrin sena, din tal-aħħar ma stabbilixxietx b’ċertezza suffiċjenti li huwa ma kienx ser jibqa’ jeżerċita funzjoni fi ħdan din l-impriża. Barra minn hekk, ir-rikorrent ma pproduċiex elementi fattwali suffiċjenti li juru l-bidla fl-attività tiegħu. Il-Kunsill isostni li, fid-dawl tal-fatti kollha, il-provi li jinsabu fil-fajl WK jiġġustifikaw iż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fl-atti ta’ Marzu 2025.
32 F’dan il-każ, għandu jitfakkar li, fl-atti ta’ Marzu 2025, iż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni hija mmotivata mill-fatt li, minħabba r-rwol tiegħu ta’ direttur ġenerali u ta’ fundatur ta’ RBA-Management, huwa responsabbli għall-atti ta’ din tal-aħħar, li hija ġestjonarja ta’ Compel, u għalhekk jagħti sostenn materjali lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa.
33 Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-partijiet jaqblu fuq il-fatt li l-kunċett ta’ “fundatur” użat fil-motivazzjoni għall-inklużjoni tal-isem tar-rikorrent huwa dak tad-dritt Russu u għandu jinftiehem bħala li jfisser “soċju” jew “detentur ta’ ishma”.
34 Il-fatt li l-kunċett ta’ “fundatur” jirreferi għad-detentur attwali ta’ sehem kapitalistiku f’kumpannija b’responsabbiltà limitata huwa kkonfermat mill-estratt mis-sit internet “Audit-it.ru” tal-impriża ta’ awditjar Avdeev & Co, li jinsab fil-fajl WK dwar RBA-Management (Dokument Nru 6). Dan id-dokument jindika li RBA-Management ġiet irreġistrata bħala kumpannija b’responsabbiltà limitata fir-reġistru nazzjonali unifikat Russu tal-persuni ġuridiċi fid‑9 ta’ Lulju 2007. Fit-Taqsima “li huwa l-proprjetarju (fundatur) tal-kumpannija” [who is the owner (founder) of the organization], ir-rikorrent jidher bħala “fundatur” ta’ RBA-Management sa mis‑7 ta’ Diċembru 2015 u jissemmew l-ismijiet tal-preċedenti “fundaturi”. Dan id-dokument jindika wkoll “7.12.2015 il-fundatur il-ġdid huwa Vladimir Avetisyan [,il]-fundatur il-ġdid Sergey Alekseevich Cherkasov” (7.12.2015 The new founder is Vladimir Avetisyan [,t] he new founder is Sergey Alekseevich Cherkasov) u “23.4.2020 Sergey Alekseevich Cherkasov ma għadux imsemmi bħala fundatur fir-Reġistru Nazzjonali Unifikat tal-Persuni Ġuridiċi” (23.4.2020 Sergey Alekseevich Cherkasov is no longer listed as a founder in the Unified State Register of Legal Entities).
35 Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-ġustifikazzjoni mill-Kunsill tal-fondatezza taż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni fid-data tal-adozzjoni tal-atti ta’ Marzu 2025 hija bbażata biss fuq id-dokumenti li jinsabu fil-fajl WK, tal‑31 ta’ Mejju 2024. Dawn id-dokumenti servew bħala bażi għall-adozzjoni tal-atti ta’ inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni fl‑24 ta’ Ġunju 2024 u kollha ġew ikkonsultati fit‑22 ta’ Frar 2024, bl-eċċezzjoni ta’ wieħed minnhom li ġie kkonsultat fis‑16 ta’ April 2024. Il-Kunsill ma pproduċa ebda prova ġdida quddiem il-Qorti Ġenerali intiża li ssostni l-motiv adottat kontra r-rikorrent fl-atti ta’ Marzu 2025.
36 Fit-talba tiegħu għal eżami mill-ġdid tal‑31 ta’ Ottubru 2024, ir-rikorrent indika li huwa kien irriżenja mill-pożizzjoni tiegħu ta’ Direttur Ġenerali ta’ RBA-Management fis‑16 ta’ Ottubru 2024 u li huwa ma kienx għad kellu RBA-Management mid‑29 ta’ Ottubru 2024. F’dan ir-rigward, huwa bagħat lill-Kunsill dokumenti intiżi li jistabbilixxu l-bidla fis-sitwazzjoni tiegħu, b’mod partikolari:
– ir-riżoluzzjoni Nru 16, tas‑16 ta’ Ottubru 2024, tal-uniku membru ta’ RBA-Management li ttemm is-setgħat tar-rikorrent u li taħtar lil Aleksandr Gurin bħala direttur ġenerali ta’ din il-kumpannija (iktar ’il quddiem ir-“Riżoluzzjoni Nru 16”);
– l-estratt mir-reġistru nazzjonali unifikat Russu tal-persuni ġuridiċi li jikkonċerna lil RBA-Management, tat‑30 ta’ Ottubru 2024, li fih jidher li A. Gurin ġie rreġistrat fl‑24 ta’ Ottubru 2024 bħala d-direttur ġenerali ta’ RBA-Management;
– konferma ta’ rċevuta mill-awtoritajiet fiskali li tinforma dwar ir-riċezzjoni fid‑29 ta’ Ottubru 2024 tal-emendi tad-dokumenti kostituttivi ta’ RBA-Management.
37 F’din it-talba għal eżami mill-ġdid, ir-rikorrent spjega wkoll li t-trasferiment tal-ishma f’kumpannija b’responsabbiltà limitata kellu jiġi sottomess lill-awtoritajiet minn nutar u li huwa kien ipproduċa f’dan ir-rigward il-konferma ta’ rċevuta mill-awtoritajiet fiskali. Madankollu, huwa indika li l-bidla tal-proprjetarju ta’ RBA-Management kienet għadha ma ġietx irreġistrata fir-reġistru nazzjonali unifikat Russu tal-persuni ġuridiċi, iżda li huwa kien ser jibgħat estratt minn dan ir-reġistru lill-Kunsill hekk kif l-informazzjoni dwar it-trasferiment tal-ishma tissemma fih.
38 F’dan ir-rigward, fit‑8 ta’ Novembru 2024, ir-rikorrent bagħat lill-Kunsill prova addizzjonali, jiġifieri l-estratt mir-reġistru nazzjonali unifikat Russu tal-persuni ġuridiċi li jikkonċerna lil RBA-Management, bid-data tas‑7 ta’ Novembru 2024. Skont dan id-dokument, A. Gurin ġie rreġistrat fil‑5 ta’ Novembru 2024 bħala “membru/fundatur” ta’ RBA-Management u bħala li kellu 100 % tal-ishma ta’ din il-kumpannija.
39 Permezz ta’ ittra tas‑17 ta’ Marzu 2025, il-Kunsill ċaħad it-talba għal eżami mill-ġdid tar-rikorrent minħabba li huwa qies bħala mhux plawżibbli l-provi prodotti mill-persuna kkonċernata dwar, b’mod partikolari, l-allegat tluq ta’ dan tal-aħħar minn RBA-Management.
40 Il-kwistjoni li hija importanti waqt l-eżami taż-żamma ta’ isem persuna fil-listi inkwistjoni hija dwar jekk, sa mill-inklużjoni ta’ isimha jew mill-eżami mill-ġdid preċedenti, is-sitwazzjoni fattwali nbidlitx b’tali mod li ma tippermettix iktar li tinsilet l-istess konklużjoni dwar l-involviment ta’ din il-persuna f’attivitajiet immirati mill-miżuri restrittivi (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2024, Mironovich Shor vs Il‑Kunsill, T‑489/23, EU:T:2024:912, punt 154 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2025, Boguslayev vs il‑Kunsill, T‑604/24, mhux ippubblikata, EU:T:2025:817, punt 41).
41 Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-atti ta’ żamma huma bbażati fuq eżami mill-ġdid perijodiku tal-miżuri restrittivi inkwistjoni sabiex il-Kunsill ikun jista’ jieħu inkunsiderazzjoni possibbli bidliet fiċ-ċirkustanzi li jikkonċernaw, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni individwali tal-persuni kkonċernati minnhom. Fil-fatt, l-atti ta’ Marzu 2025 jirrappreżentaw l-eżitu ta’ dan l-eżerċizzju ta’ eżami mill-ġdid perijodiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Ottubru 2022, Ovsyannikov vs Il‑Kunsill, T‑714/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:674, punt 85, u tad‑29 ta’ Novembru 2023, Pumpyanskiy vs Il-Kunsill, T‑734/22, mhux ippubblikata, EU:T:2023:761, punt 84).
42 Barra minn hekk, meta jiġu fformulati osservazzjonijiet mill-persuna kkonċernata dwar l-espożizzjoni tal-motivi, l-awtorità kompetenti tal-Unjoni għandha l-obbligu li teżamina, bir-reqqa u b’imparzjalità, il-fondatezza tal-motivi allegati, fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet u tal-possibbli elementi li jiskaġunaw annessi magħhom (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 114 u l-ġurisprudenza ċċitata).
43 Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk il-Kunsill wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta żamm isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni fl-atti ta’ Marzu 2025 abbażi tal-fajl WK. B’mod partikolari, għandu jiġi ddeterminat jekk, fid-data tal-adozzjoni tal-atti ta’ Marzu 2025, il-provi li jinsabu fil-fajl WK kinux ta’ natura li jistabbilixxu li r-rikorrent kien jissodisfa l-funzjonijiet li ġġustifikaw iż-żamma ta’ ismu fil-listi inkwistjoni, jiġifieri li huwa kien għadu direttur ġenerali u fundatur ta’ RBA-Management, fid-dawl tal-informazzjoni prodotta minn dan tal-aħħar intiża li tistabbilixxi li s-sitwazzjoni tiegħu kienet inbidlet f’Ottubru 2024.
44 Fl-ewwel lok, ir-rikorrent jikkritika lill-Kunsill li ma ħax inkunsiderazzjoni l-provi li huwa kien ipproduċa fit-talba tiegħu għal eżami mill-ġdid.
45 Il-Kunsill jikkontesta l-valur probatorju ta’ dawn id-dokumenti. Huwa jsostni li r-rikorrent ipproduċa dokumenti moħbija, fatt li ma jippermettix li jiġi evalwat il-kontenut tagħhom, li huwa ma pprovda ebda element li jippermetti li tiġi vverifikata l-identità tal-amministratur il-ġdid ta’ RBA-Management u li huwa pproduċa ftehim ta’ trasferiment ta’ ishma mingħajr prova tar-realtà tal-ħlas tal-prezz.
46 L-ewwel nett, il-Kunsill isostni li diversi paragrafi tar-Riżoluzzjoni Nru 16, li permezz tagħha r-rikorrent temm il-funzjonijiet tiegħu ta’ direttur ġenerali ta’ RBA-Management, kienu moħbija, fatt li kien jipprekludi li jiġi evalwat il-kontenut sħiħ tagħhom.
47 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk dan id-dokument jinkludi partijiet moħbija, minn dan jirriżulta b’mod ċar li r-rikorrent, l-uniku membru ta’ RBA-Management li għandu 100 % tal-kapital tiegħu, minn naħa, itemm il-funzjonijiet tiegħu ta’ direttur ġenerali fis‑16 ta’ Ottubru 2024 u, min-naħa l-oħra, jaħtar lil A. Gurin bħala direttur ġenerali minn din l-istess data. Dan id-dokument huwa ffirmat mir-rikorrent.
48 Għaldaqstant, il-Kunsill ma jistax validament isostni li l-partijiet moħbija ma jippermettux li jinftiehem il-kontenut ta’ dan id-dokument.
49 Barra minn hekk, il-verżjoni sħiħa tar-Riżoluzzjoni Nru 16, prodotta fl-anness tar-replika, tikkonferma li data personali biss inżammet sigrieta.
50 F’dan ir-rigward, fil-kontroreplika, il-Kunsill isostni li r-Riżoluzzjoni Nru 16, l-estratt tar-Reġistru Nazzjonali Unifikat Russu tal-Persuni Ġuridiċi li jikkonċerna lil RBA-Management u l-estratt ta’ dan l-istess reġistru dwar Compel, prodotti fil-verżjoni sħiħa tagħhom fl-anness tar-replika, huma inammissibbli skont l-Artikolu 85 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, sa fejn ir-rikorrent seta’ jipproduċihom fl-anness tar-rikors.
51 Issa, ir-rikorrent indika li pproduċa l-verżjoni sħiħa ta’ dawn id-dokumenti b’risposta għall-kritika li għamel il-Kunsill, fir-risposta, li ħeba ċerta informazzjoni.
52 Għaldaqstant, għandu jiġi rrilevat li d-dokumenti li jinsabu fl-annessi tar-replika ma jikkostitwixxux provi ġodda, iżda ġew prodotti sabiex iwieġbu għall-argument tal-Kunsill li jikkontesta l-valur probatorju ta’ dawn l-istess dokumenti prodotti fl-anness tar-rikors, minħabba li dawn kienu jinkludu informazzjoni moħbija. L-annessi tar-replika huma għalhekk ammissibbli. Barra minn hekk, l-informazzjoni moħbija kienet tikkonċerna biss data personali u r-rikorrent ma jistax jiġi ppenalizzat talli żamm sigriet din id-data.
53 It-tieni nett, il-Kunsill isostni li r-rikorrent jinvoka l-ħatra ta’ amministratur ġdid ta’ RBA-Management mingħajr ma jipproduċi elementi li jippermettu li tiġi vverifikata l-identità ta’ din il-persuna.
54 Għalkemm, permezz ta’ dan l-argument, il-Kunsill jirreferi għad-data personali moħbija fir-Riżoluzzjoni Nru 16 u fl-estratt mir-reġistru nazzjonali unifikat Russu tal-persuni ġuridiċi li tikkonċerna lil RBA-Management, għandu jiġi rrilevat li peress li dan ir-reġistru huwa aċċessibbli għall-pubbliku, il-Kunsill kellu l-possibbiltà li jivverifika l-identità tad-Direttur Ġenerali l-ġdid ta’ RBA-Management permezz ta’ sempliċi konsultazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, ir-rikorrent ipproduċa fl-anness tar-replika l-verżjoni sħiħa ta’ dawn id-dokumenti.
55 It-tielet nett, il-Kunsill jirrileva li r-rikorrent ipproduċa, fl-anness tar-rikors, ftehim ta’ trasferiment ta’ ishma mingħajr prova tar-realtà tal-ħlas tal-prezz miftiehem, li kellu jkun 8 700 000 rublu Russu (RUB) (madwar EUR 95 000), li jidher li huwa insinjifikattiv għal kumpannija bħal RBA-Management, li tamministra Compel, u mingħajr prova li ċ-ċessjonarju effettivament ħa responsabbiltajiet ta’ ġestjoni. L-opinjoni legali prodotta mir-rikorrent ukoll fl-anness tar-rikors, dwar iż-żamma ta’ RBA-Management, għandha valur probatorju dgħajjef sa fejn din ġiet stabbilita fuq talba u ma hijiex kredibbli peress li toriġina mill-avukat tiegħu fir-Russja.
56 Għandu jitqies li peress li d-dokument tal-avukat Russu tar-rikorrent prodott fl-anness tar-rikors ġie redatt għall-finijiet ta’ dan ir-rikors, huwa għandu valur probatorju dgħajjef.
57 Madankollu, l-argument tal-Kunsill li jgħid li l-prezz miftiehem huwa baxx huwa bbażat fuq qari żbaljat tal-kuntratt ta’ bejgħ ta’ 100 % tal-ishma ta’ RBA-Management, konkluż fid‑29 ta’ Ottubru 2024 bejn ir-rikorrent u A. Gurin, li jinsab fl-anness tar-rikors. Dan il-kuntratt isemmi prezz tal-bejgħ ta’ RUB 14 700 000 (madwar EUR 161 000), u mhux l-ammont indikat mill-Kunsill.
58 Barra minn hekk, il-kuntratt ta’ bejgħ jieħu l-forma ta’ att notarili, li jagħtih ċertu valur probatorju. Fl-aħħar nett, il-bejgħ mir-rikorrent tal-ishma tiegħu f’RBA-Management li huma s-suġġett ta’ dan il-kuntratt huwa kkonfermat ukoll mill-estratt mir-reġistru nazzjonali unifikat Russu tal-persuni ġuridiċi li jikkonċerna lil RBA-Management, tas‑7 ta’ Novembru 2024, li jsemmi lil A. Gurin bħala l-fundatur ta’ RBA-Management.
59 Huwa għalhekk żbaljat li l-Kunsill isostni li l-provi prodotti mir-rikorrent ma kellhomx valur probatorju.
60 Fit-tieni lok, ir-rikorrent isostni li, fid-data tal-adozzjoni tal-atti ta’ Marzu 2025, id-dokumenti li jinsabu fil-fajl WK kienu obsoleti u li l-Kunsill wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta ma ħax inkunsiderazzjoni l-bidla fis-sitwazzjoni personali tiegħu.
61 Il-Kunsill isostni li l-provi prodotti mir-rikorrent jistabbilixxu biss riżenja apparenti mill-funzjonijiet tiegħu fi ħdan RBA-Management u trasferiment apparenti tal-ishma tiegħu fi ħdan din il-kumpannija. Għaldaqstant, il-provi li jinsabu fil-fajl WK jibqgħu rilevanti sabiex isostnu r-raġuni għaż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fl-atti ta’ Marzu 2025.
62 L-ewwel nett, il-Kunsill isostni li l-affidabbiltà tar-reġistru nazzjonali unifikat Russu tal-persuni ġuridiċi, li estratti tiegħu ġew prodotti mir-rikorrent, għandha tiġi ddeterminata fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali kollha tal-fajl u li dan ma jippermettix waħdu li jipprova li r-rikorrent, li eżerċita b’mod effettiv attivitajiet ta’ ġestjoni ta’ Compel permezz ta’ RBA-Management matul diversi snin, irrinunzja għal kull attività ta’ sostenn. Waqt is-seduta, il-Kunsill ippreċiża li l-fatt li r-Reġistru Nazzjonali Unifikat Russu ta’ Persuni Ġuridiċi rreġistra r-riżenja tar-rikorrent ma jfissirx li dan tal-aħħar kien ittermina l-attivitajiet tiegħu fil-prattika.
63 Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrent ipproduċa estratti mir-reġistru nazzjonali unifikat Russu tal-persuni ġuridiċi li jikkonċernaw lil RBA-Management, datati 30 ta’ Ottubru u 7 ta’ Novembru 2024, sabiex jistabbilixxi li l-isem tad-Direttur Ġenerali l-ġdid u tal-fundatur il-ġdid ta’ RBA-Management kien ġie rreġistrat uffiċjalment. Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, dawn is-siltiet ma humiex prodotti b’mod iżolat, iżda huma intiżi li jikkorroboraw l-informazzjoni li tinsab fit-talba għal eżami mill-ġdid.
64 Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, permezz ta’ dawn l-argumenti, il-Kunsill neċessarjament jikkontesta l-affidabbiltà tal-informazzjoni li tinsab fir-reġistru nazzjonali unifikat Russu tal-persuni ġuridiċi.
65 Issa, kif jenfasizza r-rikorrent, minn naħa, dan ir-reġistru pubbliku, stabbilit mill-Ministeru għall-Finanzi Russu, huwa sors ta’ informazzjoni dwar il-kumpanniji u huwa preżunt li jirrifletti s-sitwazzjoni reali ta’ kull entità rreġistrata. Min-naħa l-oħra, il-Kunsill juża dan l-istess reġistru f’ċerti fajls ta’ prova sabiex jiġġustifika inklużjoni fil-listi ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi.
66 Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li, fil-fajl WK, il-Kunsill ibbaża ruħu fuq reġistru ieħor, il-portal “checko.ru”, sabiex jiġġustifika l-fatt li r-rikorrent kien id-Direttur Ġenerali u l-fundatur ta’ RBA-Management.
67 F’dan ir-rigward, l-estratt mis-sit internet “checko.ru” li jikkonċerna lir-rikorrent li jinsab fil-fajl WK (dokument Nru 3) kien ġie kkonsultat mill-Kunsill fit‑22 ta’ Frar 2024. Fil-fajl WK, il-Kunsill jindika li l-portal “checko.ru” “jippermetti li tiġi vverifikata malajr u mingħajr ħlas kull persuna ġuridika jew fiżika rreġistrata fil-Federazzjoni Russa”. L-affidabbiltà ta’ dan il-portal ma tistax għalhekk tiġi kkontestata mill-Kunsill.
68 Issa, il-Kunsill ma pproduċiex verżjoni aġġornata tal-estratt ta’ dan il-portal, wara s‑7 ta’ Novembru 2024, li kien jippermettilu jivverifika jew jinvalida l-informazzjoni li r-rikorrent kien irriżenja u persuna oħra kienet inħatret direttur ġenerali u fundatur ta’ RBA-Management.
69 Għaldaqstant, il-Kunsill ma pproduċa ebda element intiż li jistabbilixxi li l-informazzjoni li tinsab fir-reġistru nazzjonali unifikat Russu tal-persuni ġuridiċi hija żbaljata.
70 It-tieni nett, il-Kunsill isostni li d-dokumenti prodotti mir-rikorrent jidhru bħala mezz sabiex jiġu evitati l-effetti tal-miżuri restrittivi meħuda fil-konfront tiegħu u mhux bħala prova solida li dan tal-aħħar abbanduna kull responsabbiltà fis-settur tal-komponenti elettroniċi li jistgħu jintużaw fuq materjal militari. Il-Kunsill iqis li ma għandha tingħata l-ebda kredibbiltà lil dan it-tip ta’ manuvra.
71 Issa, ir-rikorrent ma jistax jiġi kkritikat li xtaq itemm il-funzjonijiet tiegħu fi ħdan RBA-Management f’Ottubru 2024 sabiex jevita l-miżuri restrittivi li kienu applikabbli għalih minn Ġunju 2024.
72 Barra minn hekk, il-fatt li r-rikorrent jieħu miżuri sabiex ma jibqax inkluż fil-listi inkwistjoni jista’ jiġi pperċepit bħala r-riżultat tal-effikaċja tal-miżuri restrittivi, sa fejn dan juri għalhekk l-intenzjoni tiegħu li ma jibqax jeżerċita l-attivitajiet li ġġustifikaw l-inklużjoni ta’ ismu fil-listi inkwistjoni.
73 It-tielet nett, il-Kunsill isostni li, fuq il-livell taż-żmien, it-terminu bejn l-atti li jinvoka r-rikorrent u l-perijodu ta’ eżami mill-ġdid huwa mnaqqas wisq sabiex jiżgura ruħu mir-realtà tal-irtirar tan-negozju ta’ dan tal-aħħar, li ilu jeżerċita attivitajiet fis-servizz ta’ Compel għal iktar minn 20 sena u li għandu r-responsabbiltà għat-tmexxija ta’ din l-impriża mill‑2015. It-terminu ta’ 16-il ġimgħa bejn il-passi tar-rikorrent f’Ottubru 2024 u l-atti ta’ Marzu 2025 ma ppermettiex lill-Kunsill jevalwa l-effettività u s-sinċerità tal-irtirar tar-rikorrent minn kull forma ta’ sostenn lill-Gvern Russu jew ta’ vantaġġ miksub minn dan il-gvern.
74 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rikorrent ipproduċa dokumenti intiżi li jistabbilixxu l-irtirar tiegħu minn RBA-Management fil‑31 ta’ Ottubru 2024, jiġifieri fit-terminu stabbilit għat-tressiq ta’ talbiet għal eżami mill-ġdid, li kien jiskadi fit‑2 ta’ Novembru 2024.
75 Għaldaqstant, il-Kunsill ma jistax, taħt piena li jċaħħad mill-effett utli t-talbiet għal eżami mill-ġdid, isostni li huwa ma kellux iż-żmien neċessarju sabiex jeżamina mill-ġdid il-fondatezza tar-raġuni għall-inklużjoni fid-dawl tal-provi prodotti mir-rikorrent intiżi li tiġi stabbilita l-bidla fis-sitwazzjoni personali tiegħu. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-atti ta’ Marzu 2025 ġew adottati wara eżami mill-ġdid perjodiku.
76 Barra minn hekk, għandu jitfakkar li d-dokumenti prodotti mir-rikorrent fit-talba tiegħu għal eżami mill-ġdid kellhom l-għan li jistabbilixxu li huwa ma kienx għadu direttur ġenerali u lanqas fundatur ta’ RBA-Management u li għalhekk iż-żamma ta’ ismu fil-listi inkwistjoni għal din ir-raġuni ma kinitx għadha ġġustifikata.
77 Minn naħa, kif indikat fil-punt 67 iktar ’il fuq, il-Kunsill kellu l-possibbiltà li jivverifika malajr l-eżattezza tal-informazzjoni trażmessa mir-rikorrent, b’mod partikolari billi jikkonsulta s-sit internet “checko.ru”.
78 Min-naħa l-oħra, l-argument tal-Kunsill li huwa ma kellux iż-żmien neċessarju sabiex jiżgura ruħu mill-effettività tal-irtirar tar-rikorrent minn kull attività fi ħdan Compel jew minn kull forma ta’ sostenn lill-Gvern Russu, fid-dawl tar-rwol li kellu fil-passat fi ħdan din il-kumpannija, b’mod partikolari matul il-gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukraina, ma huwiex rilevanti. Fil-fatt, ir-raġuni li tiġġustifika ż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fl-atti ta’ Marzu 2025 kienet ibbażata biss fuq il-kwalità tiegħu ta’ direttur ġenerali u ta’ fundatur ta’ RBA-Management.
79 Ir-raba’ nett, il-Kunsill isostni li r-rikorrent ma pproduċiex provi suffiċjenti li jistabbilixxu l-bidla fl-attivitajiet tiegħu. Huwa jsostni li r-rikorrent ma pproduċiex l-iċken evidenza prima facie li huwa ma kienx għadu involut fis-settur tal-elettronika, filwaqt li huwa għamel il-karriera kollha tiegħu f’dan is-settur, u li huwa ma pproduċiex prova tal-irtirar definittiv tiegħu minn kull kariga fi ħdan Compel. Barra minn hekk, huwa kien f’pożizzjoni li jipproduċi provi dwar l-attività l-ġdida tiegħu fis-settur tal-proprjetà immobbli u dwar l-installazzjoni tiegħu fl-Armenja.
80 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 23 iktar ’il fuq, huwa l-Kunsill li għandu jistabbilixxi l-fondatezza tal-motiv adottat kontra r-rikorrent u mhux dan tal-aħħar li għandu jipproduċi l-prova negattiva tal-assenza ta’ fondatezza.
81 Sa fejn il-Kunsill qies li, minkejja d-dokumenti prodotti mir-rikorrent, dan tal-aħħar kien żamm fil-prattika l-attivitajiet tiegħu, huwa kellu jipproduċi l-prova ta’ dan.
82 Għalhekk, billi jeżiġi li r-rikorrent juri li ma kompliex jeżerċita attivitajiet fis-settur tal-elettronika jew b’rabta ma’ Compel jew li jipproduċi provi tal-attività l-ġdida tiegħu, il-Kunsill iwettaq inverżjoni tal-oneru tal-prova.
83 Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, fid-dawl tar-raġuni għaż-żamma ta’ isem ir-rikorrent li tinsab fl-atti ta’ Marzu 2025, l-uniċi provi rilevanti kienu dawk li kienu intiżi li jistabbilixxu jew li jikkontestaw il-fatt li r-rikorrent kien direttur ġenerali u fundatur ta’ RBA-Management u responsabbli għall-atti ta’ din il-kumpannija fid-data tal-adozzjoni tal-atti ta’ Marzu 2025. Il-Kunsill ma setax jeħtieġ li r-rikorrent jipproduċi provi addizzjonali mingħajr rabta ma’ din ir-raġuni.
84 Il-ħames nett, il-Kunsill isostni li l-provi prodotti mir-rikorrent ma kinux juru li dan tal-aħħar kien temm l-attivitajiet tiegħu b’mod effettiv, fid-dawl tal-elementi fattwali kollha tal-fajl.
85 F’dan ir-rigward, il-Kunsill isostni li jeżistu indizji serji u konkordanti li jippermettu li jiġi kkunsidrat li r-rikorrent iżomm rabtiet ma’ Compel u li jiġġustifikaw iż-żamma ta’ ismu fil-listi inkwistjoni. Huwa jsemmi provi li jinsabu fil-fajl WK dwar Compel, li jistabbilixxu li din l-impriża timmanifattura komponenti elettroniċi intiżi għall-industrija tal-armi li ntużaw matul il-gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukraina. Huwa jfakkar ukoll li diversi provi li jinsabu fil-fajl WK jiżvelaw li r-rikorrent għandu taħriġ ta’ inġinier fis-settur ta’ attività ta’ Compel, li huwa eżerċita funzjonijiet importanti fi ħdan din l-impriża, li huwa kien fundatur ta’ Compel Regions LLC u li, permezz ta’ RBA-Management, huwa assuma l-funzjonijiet ta’ tmexxija ta’ Compel minn Frar 2015 sa Ottubru 2024, jiġifieri ftit wara l-invażjoni tal-Krimea u matul l-invażjoni tal-Ukraina.
86 B’hekk, permezz ta’ dan l-argument, il-Kunsill isostni, essenzjalment, li l-provi prodotti mir-rikorrent intiżi li jistabbilixxu r-riżenja tiegħu u l-bejgħ tal-ishma tiegħu ta’ RBA-Management ma humiex kredibbli u ma jirriflettux ir-realtà, fid-dawl tal-attivitajiet passati ta’ dan tal-aħħar fi ħdan Compel.
87 Issa, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 24 iktar ’il fuq, l-evalwazzjoni tal-fondatezza tar-raġunijiet għaż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fl-atti ta’ Marzu 2025 għandha ssir billi jiġu eżaminati l-provi fil-kuntest li jagħmlu parti minnu u l-Kunsill jissodisfa l-oneru tal-prova impost fuqu jekk jistabbilixxi quddiem il-qorti tal-Unjoni sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti li jippermettu li jiġi stabbilit li r-rikorrent kien jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mill-kriterju (f) fid-data tal-adozzjoni ta’ dawn l-atti.
88 Minn naħa, fir-rigward tal-kuntest, għandu jiġi rrilevat li l-Kunsill sempliċement jirreferi għal provi li jinsabu fil-fajl WK, li l-parti l-kbira tagħhom kienu jikkonċernaw Compel u mhux ir-rikorrent, relatati mal-attivitajiet passati ta’ dan tal-aħħar fi ħdan din il-kumpannija.
89 Issa, il-Kunsill ma jistax validament isostni li provi dwar il-karriera fil-passat tar-rikorrent fi ħdan Compel, li jinsabu fil-fajl WK u għalhekk relatati ma’ elementi fattwali preċedenti għal Mejju 2024, huma ta’ natura li jċaħħdu mill-kredibbiltà l-irtirar tar-rikorrent mill-funzjonijiet tiegħu fi ħdan RBA-Management f’Ottubru 2024.
90 Il-Kunsill lanqas ma jista’ jiċħad il-provi prodotti mir-rikorrent fit-talba tiegħu għal eżami mill-ġdid bħala li ma humiex suffiċjenti sabiex juru l-irtirar effettiv mill-funzjonijiet tiegħu ta’ RBA-Management billi jibbaża ruħu biss fuq il-konstatazzjoni li dan tal-aħħar eżerċita l-parti l-kbira tal-karriera tiegħu fi ħdan Compel. Tali evalwazzjoni min-naħa tal-Kunsill twassal sabiex is-sitwazzjoni tar-rikorrent tiġi ffriżata u sabiex l-eżerċizzju ta’ eżami mill-ġdid perijodiku previst jiġi mċaħħad minn kull effett utli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2023, Pumpyanskiy vs Il‑Kunsill, T‑734/22, mhux ippubblikata, EU:T:2023:761, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).
91 Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-oneru tal-prova, jekk il-Kunsill iqis li l-provi prodotti mir-rikorrent kienu jistabbilixxu biss irtirar apparenti mill-funzjonijiet ta’ dan tal-aħħar fi ħdan RBA-Management u li r-raġuni li tinsab fl-atti ta’ Marzu 2025 baqgħet valida, huwa kellu jipproduċi l-prova li dan tal-aħħar kien iżomm rabtiet effettivi ma’ din il-kumpannija u kien għadu responsabbli għall-atti tagħha fid-data tal-adozzjoni tal-atti ta’ Marzu 2025.
92 Issa, il-Kunsill naqas milli jipproduċi l-iċken prova sussegwenti għal Ottubru 2024 li tista’ sservi ta’ bażi għad-dikjarazzjoni tiegħu li l-irtirar tar-rikorrent mill-attivitajiet tiegħu fi ħdan RBA-Management kien purament fittizju.
93 Barra minn hekk, jekk il-Kunsill iqis li r-rikorrent kien jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-kriterju (f) għal raġuni differenti minn dik li tinsab fl-atti ta’ Marzu 2025, jiġifieri minħabba r-rabtiet li dan tal-aħħar kellu direttament ma’ Compel jew minħabba kull forma oħra ta’ sostenn li huwa kien ta lill-Gvern Russu, huwa kellu jipproduċi l-prova ta’ dan u konsegwentement jemenda r-raġuni għaż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni. Fi kwalunkwe każ, il-Kunsill ma jipproduċi ebda prova li tista’ tistabbilixxi l-eżistenza ta’ rabta bejn ir-rikorrent u Compel fid-data tal-adozzjoni tal-atti ta’ Marzu 2025.
94 Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe prova intiża li tikkompleta l-fajl WK, ebda indizju ma kien jippermetti li jitqies li r-rikorrent kien għadu, fil-fatt, mexxej u fundatur ta’ RBA-Management fid-data tal-adozzjoni tal-atti ta’ Marzu 2025. L-argument tal-Kunsill li l-attivitajiet passati tar-rikorrent fi ħdan Compel kienu jneħħu kull kredibbiltà ta’ din il-bidla fis-sitwazzjoni huwa purament spekulattiv u ma huwiex sostnut.
95 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Kunsill ma stabbilixxiex li d-dokumenti prodotti mir-rikorrent intiżi li jistabbilixxu l-bidla fis-sitwazzjoni personali tiegħu kienu nieqsa minn kull valur probatorju. Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li dawn id-dokumenti jikkostitwixxu evidenza prima facie li r-rikorrent kien irriżenja mill-funzjoni tiegħu ta’ direttur ta’ RBA-Management f’Ottubru 2024 u ma kienx għadu fundatur tagħha minn Novembru 2024.
96 Għalhekk, il-Kunsill ma setax sempliċement jibbaża ruħu biss fuq l-elementi li jinsabu fil-fajl WK, li seħħew diversi xhur qabel l-informazzjoni prodotta mir-rikorrent u li, fid-dawl ta’ din l-informazzjoni, kienet ta’ natura obsoleta.
97 Huwa għalhekk b’mod żbaljat li l-Kunsill ċaħad id-dokumenti ppreżentati mir-rikorrent bħala li ma kinux suffiċjentement probatorji sabiex jiġi stabbilit li s-sitwazzjoni personali ta’ dan tal-aħħar kienet effettivament inbidlet f’Ottubru 2024, mingħajr ma pproduċa verżjonijiet aġġornati tad-dokumenti li jinsabu fil-fajl WK jew provi oħra li juru li ċ-ċirkustanzi li ġġustifikaw l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni kienu jippersistu fid-data tal-adozzjoni tal-atti ta’ Marzu 2025, jiġifieri li dan tal-aħħar kien għadu direttur ġenerali u fundatur ta’ RBA-Management u responsabbli għall-atti ta’ din il-kumpannija f’din id-data.
98 Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill, billi ma wettaqx evalwazzjoni aġġornata tas-sitwazzjoni tar-rikorrent, ma stabbilixxiex il-fondatezza tal-motiv taż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni fid-data tal-adozzjoni tal-atti ta’ Marzu 2025.
99 Minn dan isegwi li l-Kunsill wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta żamm isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni abbażi tal-kriterju (f) fl-atti ta’ Marzu 2025.
Dwar l‑atti ta’ Settembru 2025
100 Ir-rikorrent isostni li l-Kunsill wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta żamm ismu fil-listi inkwistjoni permezz tal-atti ta’ Settembru 2025 filwaqt li kien temm is-sitwazzjoni li mmotivat l-inklużjoni inizjali u li l-Kunsill irrikonoxxa din il-bidla fis-sitwazzjoni fir-raġuni għall-inklużjoni ta’ ismu.
101 Il-Kunsill isostni li huwa seta’ biss jikkonstata t-tluq formali u apparenti mill-funzjonijiet ta’ tmexxija tar-rikorrent, iżda li dan tal-aħħar ma kkompletax il-fajl tiegħu bl-iċken element li jistabbilixxi t-tmiem effettiv ta’ kull funzjoni b’rabta ma’ Compel, l-uniku mod kif jiġi stabbilit li r-rabta kostanti u essenzjali bejn id-“direttur” u Compel intemmet. Riżenja apparenti ma hijiex suffiċjenti u lanqas konvinċenti fid-dawl tar-rwol li kellu r-rikorrent fl-importazzjoni ta’ materjal intiż li jsostni l-isforz ta’ gwerra Russa.
102 Fit-talba tiegħu għal eżami mill-ġdid tal‑5 ta’ April 2025, ir-rikorrent bagħat mill-ġdid lill-Kunsill ir-Riżoluzzjoni Nru 16, iċċitata fil-punt 36 iktar ’il fuq, u l-estratt mir-reġistru nazzjonali unifikat Russu tal-persuni ġuridiċi dwar RBA-Management, tas‑7 ta’ Novembru 2024, iċċitat fil-punt 38 iktar ’il fuq. Huwa bagħat ukoll, b’mod partikolari, l-estratt mir-reġistru nazzjonali unifikat Russu tal-persuni ġuridiċi li jikkonċerna lil RBA-Management, bid-data tas‑27 ta’ Marzu 2025, li jsemmi lil A. Gurin bħala direttur ġenerali u fundatur ta’ RBA-Management, kif ukoll l-estratt mis-sit internet “checko.ru”, li jikkonċernah, li jikkorrispondi għal aġġornament tad-dokument Nru 3 tal-fajl WK.
103 Għandu jiġi rrilevat li, fl-atti ta’ Settembru 2025, il-Kunsill emenda r-raġuni għaż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni. Dawn l-emendi jindikaw li r-rikorrent huwa “l-ex” direttur ġenerali ta’ RBA-Management u li, minħabba l-kwalità tiegħu ta’ direttur ġenerali u fundatur ta’ RBA-Management, ir-rikorrent “kien” responsabbli għall-atti ta’ din il-kumpannija.
104 Minn dan jirriżulta neċessarjament li l-Kunsill ħa inkunsiderazzjoni l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrent fit-talba tiegħu għal eżami mill-ġdid tal‑5 ta’ April 2025 u kkunsidra li dan tal-aħħar kien ipproduċa provi suffiċjenti li jistabbilixxu bidla fis-sitwazzjoni individwali tiegħu, jiġifieri li huwa ma kienx iktar id-direttur ġenerali ta’ RBA-Management u li huwa ma kienx għadu responsabbli għall-atti ta’ RBA-Management.
105 Għaldaqstant, il-Kunsill ma jistax validament isostni li, permezz ta’ din ir-raġuni ġdida, huwa sempliċement ħa nota ta’ bidla fis-sitwazzjoni personali tar-rikorrent biss apparenti. Fil-fatt, tali interpretazzjoni ma tikkorrispondix mal-formulazzjoni tar-raġuni għaż-żamma ta’ isem ir-rikorrent li tinsab fl-atti ta’ Settembru 2025.
106 Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-motiv adottat fl-atti ta’ Settembru 2025 sabiex jiġġustifika ż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni huwa bbażat esklużivament fuq il-fatt li dan tal-aħħar kien, fil-passat, responsabbli għall-atti ta’ RBA-Management.
107 Issa, il-kriterju (f), li jirrigwarda persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew organi li “jipprovdu” sostenn materjali jew finanzjarju lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, huwa fformulat b’mod ċar f’dan il-każ (sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2024, Rashevsky vs Il‑Kunsill, T‑309/22 u T‑739/22, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2024:455, punt 173), li jimplika li s-sostenn ikun ingħata fil-jum tal-adozzjoni tal-atti ta’ żamma (ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Biondi fil-kawżi magħquda Il‑Latvja vs Aven u Fridman, C‑440/24 P u C‑441/24 P, EU:C:2025:854, punt 115).
108 Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-fatt li persuna tkun waqfet milli teżerċita l-funzjonijiet tagħha fi ħdan struttura ma jimplikax, fih innifsu, li dawn il-funzjonijiet preċedenti huma irrilevanti, inkwantu l-attivitajiet passati tagħha jistgħu jinfluwenzaw l-aġir tagħha. Madankollu, ikkunsidrati waħedhom, il-funzjonijiet preċedenti ta’ persuna ma jistgħux jiġġustifikaw l-inklużjoni ta’ isem din tal-aħħar fil-listi inkwistjoni. Jekk il-Kunsill kellu l-intenzjoni li jibbaża ruħu fuq l-attivitajiet passati tal-imsemmija persuna, huwa għandu fil-fatt jipproduċi indizji serji u konkordanti li jippermettu raġonevolment li jitqies li din tal-aħħar iżżomm rabtiet mal-istruttura fejn hija kienet teżerċita dawn il-funzjonijiet fid-data tal-adozzjoni tal-att inkwistjoni, li jiġġustifikaw l-inklużjoni ta’ isimha fil-listi, wara t-tmiem tal-attivitajiet tagħha fi ħdan din l-istruttura. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2021, Assi vs Il‑Kunsill, T‑256/19, EU:T:2021:818, punt 128 u l-ġurisprudenza ċċitata).
109 Issa, għandu jiġi rrilevat li l-Kunsill ma jipproduċi ebda prova ta’ natura li tistabbilixxi li r-rikorrent żamm rabtiet ma’ RBA-Management jew li huwa kompla jeżerċita funzjonijiet fi ħdan din l-impriża fid-data tal-adozzjoni tal-atti ta’ Settembru 2025.
110 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kunsill ma jistax jippreżumi, minħabba s-sempliċi fatt li r-rikorrent kien direttur ġenerali ta’ RBA-Management u kien responsabbli għall-atti ta’ din il-kumpannija, li huwa jista’ jiġi kklassifikat bħala persuna fiżika li tipprovdi sostenn materjali lill-Gvern Russu diversi xhur wara li telaq minn tali funzjonijiet. Fil-fatt, dan iwassal sabiex tiġi ffriżata s-sitwazzjoni tar-rikorrent u sabiex l-eżerċizzju ta’ eżami mill-ġdid perijodiku previst, b’mod partikolari, fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2014/145 u fl-Artikolu 14(4) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendati, jiġi mċaħħad minn kull effett utli (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2023, Shulgin vs Il-Kunsill, T‑364/22, mhux ippubblikata, EU:T:2023:503, punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad‑29 ta’ Novembru 2023, Pumpyanskiy vs Il‑Kunsill, T‑734/22, mhux ippubblikata, EU:T:2023:761, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).
111 Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 26 iktar ’il fuq jirriżulta li, ċertament, il-Kunsill ma huwiex ipprojbit milli jibbaża ruħu fuq l-istess provi li ġġustifikaw iż-żamma preċedenti ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni, sakemm, minn naħa, ir-raġunijiet għall-inklużjoni jibqgħu l-istess u, min-naħa l-oħra, il-kuntest ma jkunx evolva b’tali mod li dawn il-provi jkunu saru obsoleti.
112 Madankollu, għandu jiġi rrilevat li r-raġuni għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent ġiet emendata fl-atti ta’ Settembru 2025 u li, billi rrikonoxxa li r-rikorrent ma kienx għadu responsabbli għall-atti ta’ RBA-Management, il-Kunsill impliċitament, iżda neċessarjament, irrikonoxxa n-natura obsoleta tal-provi li jinsabu fil-fajl WK intiżi li jiġi stabbilit li r-rikorrent kien id-direttur ta’ RBA-Management.
113 Minn dan isegwi li l-Kunsill ma ssodisfax l-oneru tal-prova impost fuqu konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 23 u 24 iktar ’il fuq sa fejn huwa ma pproduċa ebda prova li tippermetti li jitqies li r-rikorrent, minħabba l-funzjonijiet antiki tiegħu fi ħdan RBA-Management, kien jipprovdi sostenn materjali lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa fis-sens tal-kriterju (f) fid-data tal-adozzjoni tal-atti ta’ Settembru 2025.
114 Din il-konklużjoni ma titpoġġiex f’dubju mill-argumenti tal-Kunsill.
115 Il-Kunsill isostni li d-dokumenti li jinsabu fil-fajl WK dwar Compel jibqgħu rilevanti u juru li din l-impriża kienet tqiegħdet fiċ-ċentru ta’ manuvri frawdolenti sabiex tiżgura l-importazzjoni ta’ materjal intiż li jsostni l-gwerra fl-Ukraina u li r-rikorrent ma jistax jafferma li mexxa impriża għal finijiet purament ċivili. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Kunsill jistaqsi dwar ir-realtà tal-irtirar tar-rikorrent li huwa d-direttur effettiv ta’ Compel.
116 Minn naħa, l-argument tal-Kunsill li r-rikorrent jista’ dejjem imexxi Compel de facto ma huwiex rilevanti. Fil-fatt, fl-atti ta’ Settembru 2025, is-sostenn tar-rikorrent lill-Gvern Russu ma huwiex iġġustifikat minn rabtiet li fadal bejn ir-rikorrent u Compel wara r-riżenja tiegħu mill-kariga ta’ direttur ta’ RBA-Management u lanqas mill-fatt li huwa direttur de facto ta’ Compel.
117 Min-naħa l-oħra, l-affermazzjoni tal-Kunsill li r-rikorrent żamm l-allegata tmexxija de facto ta’ Compel ma hija, fi kwalunkwe każ, sostnuta minn ebda prova.
118 F’dan ir-rigward, billi jsostni li r-rikorrent ma weriex il-waqfien effettiv ta’ kull kariga b’rabta ma’ Compel u lanqas ma pproduċa provi suffiċjenti sabiex jistabbilixxi b’mod konvinċenti li huwa rtira fl-Armenja billi rrinunzja għal kull attività, il-Kunsill iwettaq inverżjoni tal-oneru tal-prova. Jekk il-Kunsill iqis li r-rikorrent kien għadu jeżerċita attivitajiet fi ħdan Compel li jiġġustifikaw l-inklużjoni tiegħu taħt il-kriterju (f), huwa kellu jipproduċi l-prova ta’ dan u konsegwentement jemenda r-raġuni għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent.
119 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, peress li l-motivi tal-atti ta’ Settembru 2025, li huma marbuta mal-kriterju (f), jirreferu biss għall-funzjonijiet antiki tar-rikorrent fi ħdan RBA-Management, il-Kunsill wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta qies li, fid-data tal-adozzjoni tal-imsemmija atti, ir-rikorrent seta’ jiġi kklassifikat bħala persuna fiżika li tagħti sostenn materjali lill-Gvern Russu. Fil-fatt, il-Kunsill ma jistax jikkunsidra li s-sempliċi fatt li r-rikorrent kien jeżerċita, sena qabel l-adozzjoni tal-atti ta’ Settembru 2025, il-funzjonijiet ta’ direttur ġenerali ta’ RBA-Management huwa suffiċjenti sabiex jiġġustifika ż-żamma ta’ ismu fil-listi inkwistjoni bħala persuna li tipprovdi sostenn materjali lill-Gvern Russu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2025, Pumpyanskiy vs Il‑Kunsill, T‑541/24, mhux ippubblikata, EU:T:2025:841, punt 120 u l-ġurisprudenza ċċitata).
120 Minn dan isegwi li l-Kunsill wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta żamm isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni abbażi tal-kriterju (f) fl-atti ta’ Settembru 2025.
121 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li hemm lok li jintlaqa’ l-motiv uniku u li jiġu annullati l-atti kkontestati sa fejn dawn jikkonċernaw lir-rikorrent.
Fuq it-talba għall-kumpens
122 Ir-rikorrent jitlob l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kunsill skont l-Artikolu 340 TFUE minħabba l-ksur tad-drittijiet tad-difiża tiegħu. Huwa jsostni li l-Kunsill, fl-ittra tiegħu tas‑17 ta’ Marzu 2025, illimita ruħu għal formuli stereotipiċi u standardizzati sabiex iwieġeb għat-talba tiegħu għal eżami mill-ġdid tal‑31 ta’ Ottubru 2024. Ir-rifjut tal-Kunsill li jittratta din it-talba jikkawżalu dannu ċert billi jestendi t-tul tal-miżuri restrittivi matul mill-inqas it-tul ta’ din il-proċedura, jiġifieri madwar sentejn.
123 Fir-rigward tad-dannu, ir-rikorrent jindika li l-banek Armeni jirrifjutaw li joffru servizzi bankarji lill-persuni suġġetti għal sanzjonijiet internazzjonali u li, minħabba f’hekk, kien ostakolat fil-proġetti tiegħu li jistabbilixxi ruħu fl-Armenja u li hemmhekk jeżerċita attività kummerċjali fis-settur tal-proprjetà immobbli. Minħabba l-aġir tal-banek Armeni, it-telf finanzjarju tiegħu jammonta, minn naħa, għal EUR 42 480, li jikkorrispondi għall-impossibbiltà li jikri proprjetà immobbli li huwa għandu f’Erevan (l-Armenja) għal sentejn, u, min-naħa l-oħra, għal EUR 150 000, li jikkorrispondi għal telf ta’ dħul mill-bejgħ matul dan l-istess perijodu, minħabba l-impossibbiltà li jiġu konklużi ċerti kuntratti u li jsiru investimenti fis-settur tal-proprjetà immobbli f’Erevan.
124 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, huwa suġġett għall-eżistenza ta’ numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn il-ksur tal-obbligu tal-awtur tal-att u d-dannu mġarrab mill-persuni leżi (ara s-sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il‑Kunsill, C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑11 ta’ Settembru 2024, Tokareva vs Il‑Kunsill, T‑744/22, EU:T:2024:608, punt 171 u l-ġurisprudenza ċċitata).
125 Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, huma kumulattivi. Minn dan isegwi li, meta waħda minn dawn ma tkunx issodisfatta, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2024, Tokareva vs Il‑Kunsill, T‑744/22, EU:T:2024:608, punt 172 u l-ġurisprudenza ċċitata).
126 Fir-rigward tal-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u l-ħsara invokata, l-imsemmi dannu għandu jirriżulta b’mod suffiċjentement dirett mill-aġir ikkritikat, b’tali mod li dan tal-aħħar għandu jikkostitwixxi l-kawża determinanti tad-dannu, filwaqt li ma jkun hemm l-ebda obbligu li jiġu rimedjati l-konsegwenzi negattivi kollha, anki mbiegħda, ta’ sitwazzjoni illegali. Huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi l-prova tal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir ikkritikat u d-dannu invokat (ara s-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Iran Insurance vs Il‑Kunsill, T‑558/15, EU:T:2018:945, punt 121 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Eleveté Invest Group et vs Il‑Kummissjoni u SRB, T‑523/17, EU:T:2022:313, punt 655 u l-ġurisprudenza ċċitata).
127 F’dan il-każ, minn naħa, fir-rigward tal-aġir ikkritikat, ir-rikorrent jinvoka ksur tad-drittijiet tad-difiża tiegħu mill-Kunsill waqt it-trattament tat-talba tiegħu għal eżami mill-ġdid tal‑31 ta’ Ottubru 2024. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-dannu invokat, huwa jsostni l-impossibbiltà li jikri proprjetà immobbli li huwa għandu f’Erevan u telf ta’ dħul mill-bejgħ, minħabba l-aġir tal-banek Armeni.
128 Għalhekk, permezz tar-raġunament tiegħu, ir-rikorrent isostni li allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża tiegħu matul il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid wassal lill-Kunsill sabiex iżomm b’mod żbaljat ismu fil-listi inkwistjoni, li kien jobbligah jippreżenta dan ir-rikors sabiex b’hekk jestendi l-miżuri restrittivi matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, li huwa jqis li dam sentejn. Huwa jispjega li, matul dawn is-sentejn, huwa ma setax jibda attivitajiet kummerċjali fl-Armenja minħabba l-fatt li l-banek Armeni rrifjutaw li jiftħulu kont bankarju.
129 B’hekk, mill-argumenti tar-rikorrent jirriżulta li d-dannu allegat jirriżulta l-iktar l-iktar mir-rifjut, jekk jitqies li huwa stabbilit, tal-banek Armeni li jiftħulu kont bankarju u mhux direttament mill-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża tiegħu.
130 Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li ebda relazzjoni diretta ma tista’ tiġi stabbilita bejn il-fatt, jekk jitqies li huwa stabbilit, li l-Kunsill ma kienx ittratta t-talba għal eżami mill-ġdid tar-rikorrent u l-ostakoli li dan tal-aħħar iltaqa’ magħhom fit-twettiq tal-proġetti tiegħu fl-Armenja.
131 Għaldaqstant, ir-rikorrent ma jistabbilixxix rabta kawżali diretta bejn l-aġir illegali li huwa jikkritika lill-Kunsill u d-dannu li huwa allegatament ġarrab.
132 Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li r-rikorrent sostna li l-aġir ikkritikat lill-Kunsill kien jirriżulta mill-adozzjoni tal-atti kkontestati, huwa naqas milli jistabbilixxi li r-rifjut tal-banek Armeni li joffrulu servizzi bankarji huwa l-konsegwenza diretta tal-miżuri restrittivi li jikkonċernawh.
133 F’dan ir-rigward, għalkemm, kif jirrileva l-Kunsill, tali aġir tal-banek Armeni jista’ jirriżulta biss fuq inizjattiva tagħhom stess u fuq il-politika interna tagħhom stess, ma jistax jiġi eskluż li huma ddeċidew volontarjament li jikkonformaw ruħhom mal-miżuri restrittivi adottati mill-Unjoni Ewropea. Madankollu, tali konstatazzjoni hija irrilevanti f’dan il-każ.
134 Fil-fatt, minn naħa, peress li l-atti kkontestati ma humiex applikabbli fl-Armenja, minn dan ma jirriżulta ebda obbligu għall-banek Armeni. Min-naħa l-oħra, il-miżuri restrittivi adottati b’applikazzjoni tal-atti kkontestati jikkonsistu f’miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi tal-persuni li isimhom huwa inkluż fil-listi inkwistjoni u mhux f’miżuri ta’ projbizzjoni ta’ ftuħ ta’ kontijiet bankarji.
135 Minn dan isegwi li peress li waħda mill-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Kunsill ma hijiex issodisfatta, it-talba għad-danni għandha tiġi miċħuda.
Fuq l-ispejjeż
136 Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.
137 F’dan il-każ, peress li r-rikorrent u l-Kunsill tilfu parzjalment, hemm lok li jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.
Għal dawn il-motivi,
IL‑QORTI ĠENERALI (Ir‑Raba’ Awla)
taqta’ u tiddeċiedi:
1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2025/528 tal‑14 ta’ Marzu 2025 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2025/527 tal‑14 ta’Marzu 2025 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2025/1895 tat‑12 ta’ Settembru 2025 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2025/1894 tat‑12 ta’ Settembru 2025 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, huma annullati, sa fejn isem Vladimir Avetisyan inżamm fil-lista tal-persuni, tal-entitajiet u tal-organi li għalihom japplikaw dawn il-miżuri restrittivi.
2) Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.
3) V. Avetisyan u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.
|
De Baere |
Svenningsen |
Mac Eochaidh |
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑30 ta’ Settembru 2026.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.