|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
|
2024/859 |
19.3.2024 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/859
tat-18 ta’ Marzu 2024
li jemenda r-Regolament (UE) Nru 37/2010 dwar il-klassifikazzjoni tas-sustanza saliċilat tas-sodju fir-rigward tal-limitu massimu ta’ residwi tagħha fl-oġġetti tal-ikel li ġejjin mill-annimali
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 470/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 li jistabbilixxi l-proċeduri Komunitarji għall-istabbiliment ta’ limiti ta’ residwi ta’ sustanzi farmakoloġikament attivi fl-oġġetti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2377/90 u li jemenda d-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14 flimkien mal-Artikolu 17 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
It-Tabella 1 tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 37/2010 (2) tistabbilixxi s-sustanzi farmakoloġikament attivi u l-klassifikazzjoni tagħhom fir-rigward tal-limiti massimi ta’ residwi (MRLs) fl-oġġetti tal-ikel li ġejjin mill-annimali. |
|
(2) |
Is-sustanza saliċilat tas-sodju hija inkluża f’dik it-tabella bħala sustanza permessa. |
|
(3) |
Fit-30 ta’ Settembru 2022, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 470/2009, Dopharma B.V. ressqet applikazzjoni lill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (“l-Aġenzija”) għall-estensjoni tal-entrata eżistenti għas-sustanza saliċilat tas-sodju għat-tiġieġ. |
|
(4) |
Fil-5 ta’ Ottubru 2023, abbażi tal-opinjoni tal-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali Veterinarji, stabbilit skont l-Artikolu 139 tar-Regolament (UE) 2019/6 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), u wara li qieset l-applikazzjoni ta’ Dopharma B.V., l-Aġenzija rrakkomandat l-estensjoni tal-limiti massimi ta’ residwi għas-sustanza saliċilat tas-sodju fit-tiġieġ u l-istabbiliment ta’ MRLs numeriċi. |
|
(5) |
L-Aġenzija kkonkludiet ukoll li l-estrapolazzjoni tal-MRLs għas-saliċilat tas-sodju mit-tessuti tat-tiġieġ għat-tessuti ta’ speċijiet oħra tal-pollam għajr għad-dundjani hija xierqa. |
|
(6) |
Fid-dawl tal-opinjoni tal-Aġenzija, il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq li jiġi stabbilit l-MRL rakkomandat għas-saliċilat tas-sodju fit-tessuti tat-tiġieġ u li jiġi estrapolat għal speċijiet oħra tal-pollam għajr għad-dundjani, iżda ristrett għall-annimali li ma jipproduċux bajd għall-konsum mill-bniedem peress li ma ġiet ipprovduta l-ebda data dwar ir-residwi għall-bajd. |
|
(7) |
Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) Nru 37/2010 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan. |
|
(8) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Mediċinali Veterinarji, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness tar-Regolament (UE) Nru 37/2010 huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Marzu 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 152, 16.6.2009, p. 11.
(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 37/2010 tat-22 ta’ Diċembru 2009 dwar is-sustanzi farmakoloġikament attivi u l-klassifikazzjoni tagħhom fir-rigward tal-limiti massimi ta’ residwu fl-oġġetti tal-ikel li ġejjin mill-annimali (ĠU L 15, 20.1.2010, p. 1).
(3) Ir-Regolament (UE) 2019/6 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar prodotti mediċinali veterinarji u li jħassar id-Direttiva 2001/82/KE (ĠU L 4, 7.1.2019, p. 43).
ANNESS
Fit-Tabella 1 tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 37/2010, l-entrata għas-sustanza “saliċilat tas-sodju” hija sostitwita b’dan li ġej:
|
Sustanza farmakoloġikament attiva |
Residwu markatur |
Speċi tal-annimali |
MRL |
Tessuti kkonċernati |
Dispożizzjonijiet oħrajn (skont l-Artikolu 14(7) tar-Regolament (KE) Nru 470/2009) |
Klassifikazzjoni Terapewtika |
|
“Saliċilat tas-sodju |
MHUX APPLIKABBLI |
Bovini, Porċini |
MRL mhux neċessarju |
MHUX APPLIKABBLI |
Għall-użu orali. Mhux għall-użu fl-annimali li minnhom jiġi prodott il-ħalib għall-konsum mill-bniedem. |
L-EBDA ENTRATA |
|
Kull speċi mrobbija għall-ikel minbarra l-ħut bil-pinen |
MRL mhux neċessarju |
Għall-użu topiku biss. |
||||
|
Aċidu saliċiliku |
Dundjani |
400 μg/kg 2 500 μg/kg 200 μg/kg 150 μg/kg |
Muskoli Ġilda u xaħam fi proporzjonijiet naturali Fwied Kliewi |
Mhux għall-użu fl-annimali li jipproduċu l-bajd għall-konsum mill-bniedem |
Aġenti kontra l-infjammazzjoni/ Aġenti kontra l-infjammazzjoni mhux sterojdi”. |
|
|
Pollam minbarra d-dundjani |
250 μg/kg 250 μg/kg 500 μg/kg 1 000 μg/kg |
Muskoli Ġilda u xaħam fi proporzjonijiet naturali Fwied Kliewi |
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/859/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)