Official Journal L 090 , 02/04/1987 P. 0029 - 0029
Finnish special edition: Chapter 4 Volume 2 P. 0180
Swedish special edition: Chapter 4 Volume 2 P. 0180
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 955/87 ta' l-1 t'April 1987 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 3440/84 dwar it-twaħħil ta' mekkaniżmi ma' gangmi, xbieki Daniżi u xbieki simili IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 170/83 tal-25 ta' Jannar 1983 li jistabbilixxi sistema tal-Komunità għall-konverzjoni u l-immaniġġjar tar-riżorsi tas-sajd [1], Wara li kkunsidraw ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3094/86 tas-7 ta' Ottubru 1986, li jipprovdi ċerti metodi tekniċi għall-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd [2], kif emendat bir-Regolament (KEE) Nru 4026/86 [3], u b'mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu, Billi l-Artikolu 6(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3440/84 [4] jipprovdi għat-twaħħil ta' borża li ssaħħaħ il-gangmi, xbieki Daniżi u xbieki simili sakemm id-daqs tat-toqob tagħha fl-ebda każ ma jkunu iżgħar minn 80 millimetru; Billi l-esperjenza wriet li l-użu ta' boroż li jsaħħu li jkollhom daqs ta' toqob ta' anqas minn 40 millimetru jirriżulta fil-formazzjoni ta' vojt fix-xibka bil-konsegwenza ta' ħsara fil-qabda minħabba problemi tekniċi fit-tneħħija tal-qabda mill-linja tal-ġbid bil-konsegwenza ta' xidd u kidd fil-linja tal-ġbid; Billi l-użu ta' borża li ssaħħaħ b'daqs ta' toqob iżgħar tevita dawn il-problemi mingħajr ma ġġib magħha konsegwenzi ta' ħsara lill-konservazzjoni tal-ħażniet tal-ħut; Billi t-tifsirjiet tal-kategoriji ta' xbieki fl-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament (KEE) Nru 3440/84 huma għalhekk meħtieġa li jiġu emendati; Billi l-miżuri li għalihom jipprovdi dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta' Ġestjoni tar-Riżorsi tas-Sajd, ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT L-Artikolu 1 Ir-Regolament (KEE) Nru 3440/84 qiegħed b'dan jiġi emendat kif ġej: 1. L-Artikolu 5(5) qiegħed jiġi mibdul b'dan li ġej: "5. Huwa pprojbit li jintuża bukagħwa tan-naħa ta' fuq flimkien ma' boroż li jsaħħu ħlief għall-gangmi li jkollhom daqs ta' toqob daqs jew inqas minn 60 millimetru". 2. L-Artikolu 6 qiegħed jiġi mmodifikat kif ġej: - Il-paragrafu 2 tiegħu qiegħed jiġi mibdul bit-test li ġej: "2. Huwa projbit li tintuża aktar minn borża li ssaħħaħ waħda ħlief meta mqabbda ma' gangmi li jkollhom daqs ta' toqob ugwali għal jew inqas minn 60 millimetru, li għalih jistgħu jintużaw żewġ boroż li jsaħħu"; - Il-paragrafu 3 qiegħed jiġi mibdul bit-test li ġej: "3. Id-daqs tat-toqob għandu jkun ta' l-anqas daqs id-doppju ta' dawk tal-linja tal-ġbid. Jekk tintuża t-tieni borża li ssaħħaħ, id-daqs minimu tat-toqob għandu jkun ta' 120 millimetru."; - Il-paragrafu 6 qiegħed jiġi mibdul bit-test li ġej: "6. Boroż li jsaħħu mqabbda ma' gangmi li jkollhom daqs ta' toqob akbar minn 60 millimetru m'għandhomx ikunu jestendu għall-aktar minn żewġ metri quddiem iċ-ċinga tar-rfiħ ta' wara."; - Il-paragrafu 7 qiegħed jiġi mibdul bit-test li ġej: "7. Minkejja l-paragrafu 1, boroż li jsaħħu li jkunu iżgħar mid-daqs tal-linja tal-ġbidjistgħu jiġu mqabbda ma' xbieki li jkollhom daqs ta' toqob ugwali għal jew anqas minn 60 millimetru.". L-Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum li jiġi wara dak li fih jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, fl-1 t'April 1987. Għall-Kummissjoni António Cardoso E Cunha Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 24, tas-27.1.1983, p. 1. [2] ĠU L 288, tal-11.10.1986, p. 1. [3] ĠU L 376, tal-31.12.1986, p. 1. [4] ĠU L 318, tas-7.12.1984, p. 23. --------------------------------------------------