Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla Intermedja)

30 ta’ Settembru 2026 (*)

“Implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni – Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 – Reġim ġenerali ta’ kundizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni – Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/2506 – Miżuri għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni kontra l-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fl-Ungerija – Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506 – Projbizzjoni għall-Kummissjoni milli tidħol f’impenji legali ma’ trust ta’ interess pubbliku jew ma’ entità miżmuma minn tali trust – Obbligu ta’ motivazzjoni – Dritt għal smigħ – Intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju – Proporzjonalità – Żball ta’ evalwazzjoni – Użu ħażin ta’ poter”

Fil-Kawża T‑138/23,

Semmelweis Egyetem, stabbilita f’Budapest (l-Ungerija), irrappreżentata minn P. Nagy, B. Karsai u Z. Lehoczki, avukati,

rikorrenti,

sostnuta minn

L-Ungerija, irrappreżentata minn M. Fehér, bħala aġent,

intervenjenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn E. Rebasti, G. Rugge u L. Vétillard, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Baquero Cruz u D. Drambozova, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Awla Intermedja),

komposta minn S. Papasavvas, President, M. J. Costeira, L. Truchot, J. Schwarcz, M. Kancheva, U. Öberg (Relatur), P. Zilgalvis, E. Tichy-Fisslberger u S. Verschuur, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura, b’mod partikolari d-digriet tal‑4 ta’ April 2024, Semmelweis Egyetem vs Il‑Kunsill (T‑138/23, mhux ippubblikat, EU:T:2024:211),

wara s-seduta tal‑10 ta’ Settembru 2025,

wara li rat it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura mressqa mir-rikorrenti, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑26 ta’ Novembru 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Semmelweis Egyetem, qiegħda essenzjalment titlob l-annullament tal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2506 tal‑15 ta’ Diċembru 2022 dwar miżuri għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni mill-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fl-Ungerija (ĠU 2022, L 325, p. 94) (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjoni kkontestata”), li permezz tiegħu l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea pprojbixxa lill-Kummissjoni Ewropea milli tidħol, fl-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni Ewropea taħt ġestjoni diretta jew indiretta, f’impenn legali ma’ trust ta’ interess pubbliku stabbilita abbażi tal-közfeladatot ellátó közérdekű vagyonkezelő alapítványokról szóló 2021. évi IX. törvény (il-Liġi Nru IX tal‑2021 dwar it-Trusts ta’ Interess Pubbliku Mogħtija Missjoni ta’ Servizz Pubbliku (Magyar Közlöny 2021/75., iktar ’il quddiem il-“Liġi Ungeriża IX”)) jew ma’ entità miżmuma minn tali trust ta’ interess pubbliku.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Ir-rikorrenti hija università ta’ riċerka fil-mediċina u fix-xjenzi tas-saħħa, stabbilita fl‑1769, li tinsab f’Budapest (l-Ungerija). Sal‑2021, ir-rikorrenti kienet miżmuma, ikkontrollata u parzjalment iffinanzjata mill-Istat Ungeriż bħala università pubblika.

3        Permezz tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi Ungeriża IX, ir-rikorrenti tneħħiet minn fost l-istituzzjonijiet direttament amministrati u ffinanzjati mill-Istat, b’effett mill‑1 ta’ Awwissu 2021. Id-drittijiet kostituttivi u ta’ ġestjoni tagħha ġew ittrasferiti lil trust ta’ interess pubbliku. Hija kienet marbuta mat-trust ta’ interess pubbliku Nemzeti Egészségügyi és Orvosképzésért Alapítvány (Fondazzjoni Nazzjonali għas-Saħħa u għat-Taħriġ Mediku).

4        Fl‑24 ta’ Novembru 2021, il-Kummissjoni bagħtet talba għal informazzjoni lill-Ungerija skont l-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni (ĠU 2020, L 433 I, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2021, L 373, p. 94 u fil-ĠU L, 2023/90149).

5        Fil‑15 ta’ Diċembru 2022, wara skambji bejn l-Ungerija u l-Kummissjoni, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506, abbażi, minn naħa, tal-Proposta tal-Kummissjoni COM(2022) 485 final tat‑18 ta’ Settembru 2022 għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill dwar miżuri għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni mill-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fl-Ungerija (iktar ’il quddiem il-“Proposta tal-Kummissjoni”) u, min-naħa l-oħra, tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill COM(2022) 687 final tat‑30 ta’ Novembru 2022 dwar il-miżuri ta’ rimedju nnotifikati mill-Ungerija skont ir-Regolament 2020/2092 għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni”).

6        Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506, il-Kunsill b’mod partikolari kkonstata li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament 2020/2092 kienu ssodisfatti u għalhekk adotta miżuri intiżi għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni kontra l-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fl-Ungerija. Dan il-ksur kien jikkonċerna l-kuntratti pubbliċi, il-prosekuzzjonijiet, il-kunflitti ta’ interessi, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u t-trusts ta’ interess pubbliku.

7        Iż-żewġ miżuri adottati mill-Kunsill kienu jikkonsistu, minn naħa, f’sospensjoni ta’ 55 % tal-impenji baġitarji għal tliet programmi li jaqgħu taħt il-politika ta’ koeżjoni matul il-perijodu bejn l‑2021 u l‑2027, imposta mill-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506, u, min-naħa l-oħra, fi projbizzjoni għall-Kummissjoni milli tidħol f’impenji legali ġodda ma’ trusts ta’ interess pubbliku u mal-entitajiet miżmuma minn dawn it-trusts fir-rigward tal-finanzjamenti mill-Unjoni implimentati taħt ġestjoni diretta jew indiretta, imposta mid-dispożizzjoni kkontestata.

8        B’hekk, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506 tipprevedi, fid-dispożizzjoni kkontestata, li, “[m]eta l-Kummissjoni timplimenta l-baġit tal-Unjoni b’ġestjoni diretta jew indiretta skont l-Artikolu 62(1) il-punti (a) u (c) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, ma għandu jittieħed l-ebda impenn legali ma’ kwalunkwe trust ta’ interess pubbliku stabbilit fuq il-bażi tal-Att Ungeriż IX [...] jew ma’ kwalunkwe entità miżmuma minn tali trust ta’ interess pubbliku”. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506 daħlet fis-seħħ fis‑16 ta’ Diċembru 2022.

 It-talbiet tal-partijiet

9        Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla d-dispożizzjoni kkontestata sa fejn din id-dispożizzjoni tikkonċernaha;

–        sussidjarjament, tannulla d-dispożizzjoni kkontestata fl-intier tagħha;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

10      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

11      L-Ungerija titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tilqa’ r-rikors tar-rikorrenti.

 Id-dritt

 Fuq it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura

12      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑26 ta’ Novembru 2025, ir-rikorrenti talbet il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura abbażi tal-Artikolu 113(2)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Hija ppreżentat ukoll proposti ta’ prova addizzjonali li jikkonsistu f’żewġ notifiki fil-kuntest tal-programm Erasmus+, intiżi sabiex juru li l-universitajiet miżmuma mit-trusts ta’ interess pubbliku kienu esklużi minn dan il-programm, kif ukoll f’ittri tal-Ombudsman Ewropew, li wieġbu għal ilment min-naħa tagħha dwar l-assenza ta’ tweġiba min-naħa tal-Kummissjoni għat-talba konfermattiva tagħha dwar rifjut ta’ aċċess għal dokumenti, li, fil-fehma tagħha, potenzjalment jinkludu informazzjoni importanti għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima.

13      Skont l-Artikolu 113(2)(c) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura meta parti prinċipali titlob dan, billi tibbaża ruħha fuq fatti ta’ natura li jeżerċitaw influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali u li hija ma setgħetx tinvoka qabel l-għeluq tal-imsemmija fażi orali.

14      Issa, mingħajr ma huwa neċessarju għall-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tal-proposti ta’ provi prodotti wara s-seduta, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-fatti invokati mir-rikorrenti ma humiex, fi kwalunkwe każ, ta’ natura li jeżerċitaw influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tagħha.

15      Għaldaqstant, peress li l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 113(2)(c) tar-Regoli tal-Proċedura ma hijiex issodisfatta f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li tiċħad it-talba tar-rikorrenti intiża għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

 Fuq il-mertu

16      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem ħames motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq assenza ta’ bażi fattwali suffiċjentement solida, fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tieni wieħed, fuq ksur tad-dritt għal smigħ, it-tielet wieħed, fuq assenza ta’ bażi legali u fuq użu ħażin ta’ poter, ir-raba’ wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u, il-ħames wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 107 TFUE.

17      Għall-finijiet tal-eżami ta’ dan ir-rikors, il-Qorti Ġenerali ser tanalizza suċċessivament l-ewwel parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq l-assenza ta’ bażi legali għall-adozzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata, it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ, it-tielet parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, l-ewwel u t-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażati, essenzjalment, fuq ksur tar-Regolament 2020/2092, ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, it-tieni parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq użu ħażin ta’ poter, u l-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107 TFUE.

 Fuq l-ewwel parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq l-assenza ta’ bażi legali għall-adozzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata

18      Permezz tal-ewwel parti tat-tielet motiv, ir-rikorrenti ssostni li r-Regolament 2020/2092 ma jinkludi ebda awtorizzazzjoni xierqa għall-adozzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata.

19      F’dan ir-rigward, minn naħa, ir-rikorrenti ssostni li, fil-bidu tal-proċedura, il-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt imqajjem fir-rigward tat-trusts ta’ interess pubbliku kien jikkonċerna biss il-kuntratti pubbliċi u li din il-kwistjoni kienet ġiet solvuta qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506. Għalhekk, it-tħassib dwar il-kunflitti ta’ interessi ġie żviluppat iktar tard u ma jikkonċernax lir-rikorrenti peress li ebda membru tal-bord tat-tmexxija tagħha ma kien deputat jew membru tal-gvern. Għaldaqstant, ir-Regolament 2020/2092 ma huwiex intiż li japplika għar-rikorrenti u d-dispożizzjoni kkontestata marret lil hinn mill-awtorizzazzjoni mogħtija mill-imsemmi regolament. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li l-fatt li l-miżuri adottati ma humiex xierqa u proporzjonati, fis-sens tar-Regolament 2020/2092, juri li dawn il-miżuri, mid-definizzjoni tagħhom stess, imorru lil hinn mill-awtorizzazzjoni tal-Kunsill skont dan ir-regolament.

20      Il-Kunsill iqis li din il-parti għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli sa fejn ma tqajmitx b’mod suffiċjentement ċar u koerenti fir-rikors, jew, sussidjarjament, bħala infondata.

21      Fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 ta’ dan l-Istatut u l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża, il-motivi u l-argumenti invokati kif ukoll espożizzjoni fil-qosor ta’ dawn il-motivi.

22      Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura ma jobbligawx lir-rikorrent jiċċita fir-rikors l-artikoli li huwa jinvoka. Huwa biżżejjed li l-fatti, il-motivi u t-talbiet tar-rikorrent ikunu indikati fir-rikors. Għall-kuntrarju, sabiex motiv ikun ammissibbli ma huwiex biżżejjed li tissemma dispożizzjoni tat-Trattat FUE jew tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, skont l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors għandu jinkludi, b’mod partikolari, espożizzjoni fil-qosor tal-motivi invokati. Barra minn hekk, din l-espożizzjoni għandha tkun suffiċjentement ċara u preċiża sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali tagħti deċiżjoni dwar ir-rikors, jekk ikun il-każ mingħajr ebda informazzjoni oħra ta’ sostenn. Bil-għan li jiġu ggarantiti ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, sabiex motiv ikun ammissibbli huwa meħtieġ li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat il-motiv jirriżultaw, minn tal-inqas fil-qosor iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess, u dan sabiex jiġi evitat li l-Qorti Ġenerali tonqos milli tagħti deċiżjoni dwar ilment rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima. Kull motiv li ma jkunx żviluppat b’mod suffiċjenti fir-rikors promotur għandu jitqies li huwa inammissibbli (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Eliġibbiltà u kwalità ta’ membru ta’ partit politiku), C‑814/21, EU:C:2024:963, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Għalkemm l-argumenti żviluppati mir-rikorrenti insostenn ta’ din il-parti ma humiex partikolarment preċiżi, mis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha jirriżulta li hija qiegħda ssostni b’mod ċar li r-Regolament 2020/2092 ma jinkludi ebda awtorizzazzjoni xierqa għall-adozzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata.

24      Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill għandha tiġi miċħuda.

25      Fir-rigward tal-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti, mill-kunsiderazzjonijiet tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506 jirriżulta li din ġiet adottata mill-Kunsill abbażi tar-Regolament 2020/2092 u b’mod partikolari tal-Artikolu 6(10) tiegħu, wara l-Proposta tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-miżuri xierqa li kellhom jiġu adottati, konformement mal-Artikolu 6(9) ta’ dan ir-regolament.

26      B’mod iktar preċiż, id-dispożizzjoni kkontestata tirriżulta mill-fatt li l-Kummissjoni qieset li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament 2020/2092 kienu ssodisfatti u li l-miżuri korrettivi proposti mill-Ungerija ma kinux jindirizzaw b’mod sodisfaċenti l-konstatazzjonijiet li jinsabu fin-notifika tal-Kummissjoni, prevista fl-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament. F’każ bħal dan, l-Artikolu 5(1)(a)(ii) tal-imsemmi regolament jipprevedi li, meta l-Kummissjoni timplimenta l-baġit tal-Unjoni taħt ġestjoni diretta jew indiretta, skont l-Artikolu 62(1)(a) u (c) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p. 36), u meta entità pubblika tkun id-destinatarja ta’ fondi li joriġinaw minn dan il-baġit, huwa possibbli għall-Kunsill li jipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tidħol f’impenji legali ġodda ma’ din l-entità.

27      Issa, mis-sottomissjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti jirriżulta li hija ma hijiex qiegħda tikkontesta, bħala tali, il-fatt li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506 setgħet tiġi adottata abbażi tal-Artikolu 6(10) tar-Regolament 2020/2092.

28      F’dan il-każ, ir-rikorrenti qiegħda ssostni li l-awtorizzazzjoni prevista mill-Artikolu 6(10) tar-Regolament 2020/2092 ma kinitx testendi għall-adozzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata. Madankollu, ebda argument żviluppat mir-rikorrenti ma jista’ jsostni din l-affermazzjoni.

29      Fil-fatt, minn naħa, l-argument tar-rikorrenti fis-sens li t-tħassib tal-Kummissjoni dwar il-kunflitti ta’ interessi ma kienx jidher mill-bidu tal-proċedura u għalhekk kien ġie żviluppat fi stadju tardiv ma jikkonċernax in-nuqqas ta’ bażi legali tad-dispożizzjoni kkontestata. L-istess japplika fir-rigward tal-fatt li t-tħassib fil-qasam tal-kunflitti ta’ interessi ma kienx jeżisti fir-rigward tar-rikorrenti. Minn dan isegwi li dawn l-argumenti ma humiex rilevanti sabiex tintwera l-assenza ta’ bażi legali għall-adozzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata.

30      Fi kwalunkwe każ, l-argument dwar l-iżvilupp tardiv tat-tħassib dwar il-kunflitti ta’ interessi huwa kontradett mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506. Fil-fatt, mill-premessa 2 tagħha jirriżulta li, fin-notifika tal-Kummissjoni, din tal-aħħar esprimiet it-tħassib tagħha u ppreżentat il-konstatazzjonijiet tagħha dwar ċertu numru ta’ problemi marbuta mas-sistema ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi fl-Ungerija, inkluż “id-detezzjoni, il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-kunflitti ta’ interess” u “kwistjonijiet relatati ma’ trusts ta’ interess pubbliku”.

31      Għalhekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, ir-riskju ta’ kunflitti ta’ interessi fi ħdan it-trusts ta’ interess pubbliku kien tqajjem mill-Kummissjoni sa mill-bidu tal-proċedura segwita skont ir-Regolament 2020/2092 u fi kwalunkwe każ ma kienx l-unika problema marbuta mat-trusts ta’ interess pubbliku u mal-entitajiet miżmuma minnhom, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punt 33 tal-Proposta tal-Kummissjoni.

32      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jorbot l-awtorizzazzjoni sabiex tiġi adottata d-dispożizzjoni kkontestata mal-proporzjonalità tal-miżura, għandu jiġi kkonstatat li dan lanqas ma huwa rilevanti peress li r-rikorrenti tfixkel l-eżistenza tal-bażi legali għall-adozzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata mal-proporzjonalità tal-miżura adottata. Issa, ma huwiex minħabba li miżura ma tkunx proporzjonata li hija ma tkunx ittieħdet fuq il-bażi legali xierqa.

33      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ

34      Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, minħabba l-assenza ta’ konsultazzjoni fir-rigward tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506, il-Kunsill kiser id-dritt għal smigħ tagħha.

35      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li, għalkemm l-għan tad-dispożizzjoni kkontestata ma huwiex li tiġi ssanzjonata l-Ungerija jew hija stess, iżda li jiġi protett il-baġit tal-Unjoni, konsegwenza indiretta tad-dispożizzjoni kkontestata hija madankollu li hija tiġi ppenalizzata, b’tali mod li hija kellha dritt għal smigħ. Issa, skont ir-rikorrenti, li kieku hija setgħet teżerċita d-dritt għal smigħ tagħha fi żmien xieraq, setgħu jiġu previsti limitazzjonijiet iktar adattati, iktar proporzjonati u iktar iffokati.

36      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

37      Id-dritt għal smigħ huwa stabbilit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u jinkludi b’mod partikolari d-dritt ta’ kull persuna li tinstema’ qabel tittieħed fil-konfront tagħha miżura individwali li taffettwaha ħażin.

38      Id-dritt għal smigħ jagħmel parti mid-drittijiet tad-difiża u jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li għandu japplika anki fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni speċifika f’dan ir-rigward. Dan il-prinċipju jeżiġi li d-destinatarji ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw l-interessi tagħhom b’mod sinjifikattiv għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni li jesprimu b’mod utli l-opinjoni tagħhom dwar l-elementi kkunsidrati kontrihom bħala bażi għal dawn id-deċiżjonijiet (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2021, Vialto Consulting vs Il‑Kummissjoni, C‑650/19 P, EU:C:2021:879, punt 122 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Madankollu, id-dritt għal smigħ fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva li tirrigwarda persuna speċifika, li għandu jiġi rrispettat anki fl-assenza ta’ kull leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-proċedura, ma jistax jiġi traspost fil-kuntest ta’ proċedura li twassal għall-adozzjoni ta’ miżura ta’ portata ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 2023, Arysta LifeScience Great Britain vs Il‑Kummissjoni, C‑259/22 P, mhux ippubblikata, EU:C:2023:513, punt 50, u tal‑11 ta’ Settembru 2002, Alpharma vs Il‑Kunsill, T‑70/99, EU:T:2002:210, punt 388 u l-ġurisprudenza ċċitata), bħalma hija d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506 (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑4 ta’ April 2024, Semmelweis Egyetem vs Il‑Kunsill, T‑138/23, mhux ippubblikat, EU:T:2024:211, punt 36).

40      B’mod partikolari, fir-rigward ta’ atti ta’ portata ġenerali, la l-proċess tat-tfassil tagħhom u lanqas dawn l-atti stess ma jeħtieġu, abbażi tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħalma huwa d-dritt għal smigħ, għal konsultazzjoni jew għal informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-persuni kkonċernati. Ikun mod ieħor jekk dispożizzjoni espressa tal-qafas legali li jirregola l-adozzjoni tal-imsemmi att tagħti tali dritt proċedurali lil persuna affettwata (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2023, Arysta LifeScience Great Britain vs Il‑Kummissjoni, C‑259/22 P, mhux ippubblikata, EU:C:2023:513, punt 51; ara wkoll is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Probelte vs Il‑Kummissjoni, T‑67/18, EU:T:2019:873, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Issa, il-proċedura prevista mill-Artikolu 6(1) sa (9) tar-Regolament 2020/2092, għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ miżuri xierqa għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni, tistabbilixxi biss l-obbligu li jiġi kkonsultat l-Istat Membru kkonċernat u tipprevedi diversi skambji bejn il-Kummissjoni u dan l-Istat Membru. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tikkontestax li din il-proċedura ġiet debitament segwita. Barra minn hekk, f’dan il-każ, mill-premessi 1, 2, 6 u 8 sa 10 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506 jirriżulta li l-Kummissjoni kellha djalogu mal-awtoritajiet Ungeriżi qabel ma bagħtet il-proposta tagħha lill-Kunsill.

42      Għandu jingħad ukoll li l-Kummissjoni u l-Kunsill ma allegawx ksur individwali tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, frodi sistemiċi jew kunflitti ta’ interessi konkreti li fihom kienet involuta r-rikorrenti, li kienu jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ miżuri speċifiċi taħt ir-Regolament 2020/2092, li kien jimponi r-rispett tad-dritt għal smigħ tagħha. Is-sempliċi fatt li d-dispożizzjoni kkontestata taffettwa lir-rikorrenti bl-istess mod bħal benefiċjarji oħra minħabba ksur sistemiku gravi tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, li huwa allegat mill-Kummissjoni u mill-Kunsill, ma jagħtihiex dritt proċedurali partikolari.

43      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tistax tinvoka b’mod utli l-ksur tad-dritt għal smigħ tagħha.

44      Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

 Fuq it‑tielet parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni

45      Fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506 ma hijiex suffiċjentement motivata.

46      Ir-rikorrenti ssostni b’mod partikolari li, anki jekk id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506 kienet tinkludi fatti jew riferimenti li jippermettu li jiġi stabbilit ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt imwettaq minnha, dawn il-fatti u riferimenti ma jirriżultawx mill-espożizzjoni tal-motivi ta’ din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tilmenta li l-Kunsill ma mmotivax b’mod suffiċjenti n-natura xierqa tad-dispożizzjoni kkontestata fid-dawl tal-konsegwenzi serji ta’ din tal-aħħar għaliha stess, kif ukoll għall-istudenti tagħha, għall-għalliema tagħha u għar-riċerkaturi tagħha. B’hekk, hija tikkritika lill-Kunsill li ma esponiex b’mod ċar ir-raġunijiet għaliex hija kienet ġiet inkluża fil-lista tal-entitajiet imsemmija fid-dispożizzjoni kkontestata.

47      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

48      It-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE jipprovdi li l-atti legali għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet li fuqhom ikunu bbażati u għandhom jirreferu għal kwalunkwe proposta, inizjattiva, rakkomandazzjoni, talba jew opinjoni prevista fit-Trattati.

49      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE jikkostitwixxi formalità essenzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li tikkonċerna l-legalità sostantiva tal-att kontenzjuż (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2024, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et, C‑465/20 P, EU:C:2024:724, punt 389 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

50      Att li ma jkunx suffiċjentement motivat, fis-sens tal-obbligu ta’ motivazzjoni formali, huwa att li ma jippermettix li jinftiehem għaliex, fuq liema bażi jew għal liema raġuni ġie adottat, filwaqt li l-motivi ta’ att, li huma r-raġunijiet u l-ġustifikazzjonijiet tiegħu, jistgħu jkunu suffiċjentement magħrufa u komprensibbli, iżda insuffiċjenti sabiex jiġġustifikawh legalment, sa fejn dawn ma jkunux issostanzjati, rilevanti jew konformi mad-dispożizzjonijiet applikabbli (sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2024, Veritas vs Il‑Kummissjoni, T‑602/22, EU:T:2024:26, punt 18).

51      Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-Kunsill, att ta’ implimentazzjoni ma jissodisfax l-obbligu ta’ motivazzjoni meħtieġ mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE meta jagħmel sempliċi riferiment espliċitu jew impliċitu għal dispożizzjonijiet tar-regolament li fuqu jkun ibbażat, u b’hekk jippermetti lill-qorti tal-Unjoni “tirrikonoxxi” l-kriterji li wasslu għall-adozzjoni tiegħu.

52      Fil-fatt, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi ta’ dan l-att, b’tali mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u b’tali mod li l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha. F’dan ir-rigward, ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ dan l-artikolu ma għandhiex tiġi evalwata biss fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu iżda fid-dawl ukoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tat-totalità tad-dispożizzjonijiet legali li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2024, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et, C‑465/20 P, EU:C:2024:724, punti 391 u 392 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

53      Għalhekk, il-motivazzjoni meħtieġa mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandha turi b’mod ċar u inekwivoku l-motivi preċiżi u l-elementi konkreti li fuqhom il-Kunsill ibbaża ruħu sabiex adotta d-dispożizzjoni kkontestata, b’mod partikolari, fir-rigward tal-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt allegat minn din l-istituzzjoni u r-raġunijiet li għalihom hija tqis li dan il-ksur jippreġudika jew jippreżenta riskju għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha, iżda wkoll in-natura xierqa tad-dispożizzjoni kkontestata.

54      F’dan ir-rigward, qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li l-premessa 11 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506 tindika dan li ġej:

“[H]emm tħassib dwar in-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku u l-kunflitt ta’ interess għal ‘trusts ta’ interess pubbliku’ u l-entitajiet ġestiti minnhom, u n-nuqqas ta’ trasparenza fir-rigward tal-ġestjoni tal-fondi minn dawk it-trusts. Dawk il-kwistjonijiet u r-rikorrenza tagħhom maż-żmien juru inabbiltà sistemika, falliment jew nuqqas ta’ rieda, min-naħa tal-awtoritajiet Ungeriżi, li jipprevjenu deċiżjonijiet li jiksru l-liġi applikabbli, fir-rigward tal-[...]kunflitti ta’ interess, u b’hekk li jindirizzaw b’mod adegwat ir-riskji ta’ korruzzjoni. Dawn jikkostitwixxu ksur tal-prinċipji tal-[I]stat tad-dritt, b’mod partikolari l-prinċipji taċ-ċertezza legali u l-projbizzjoni tal-arbitrarjetà tas-setgħat eżekuttivi, u jqajmu tħassib fir-rigward tas-separazzjoni tas-setgħat.”

55      Barra minn hekk, il-premessa 43 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506 tippreċiża dan li ġej:

“[Minkejja ċerti emendi leġiżlattivi,] il-qafas regolatorju [Ungeriż] għadu ma jżommx lill-uffiċjali tal-ogħla livell, inkluż eżekuttivi politiċi għolja mill-Assemblea Nazzjonali u mill-korpi awtonomi tal-Ungerija, milli jkunu fuq bordijiet ta’ fondazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-assi ta’ interess pubbliku [...]. Barra minn hekk, l-Ungerija introduċiet mill-ġdid mill‑1 ta’ Novembru 2022 il-possibbiltà (permezz ta’ eċċezzjoni mill-projbizzjoni ġenerali) għal eżekuttivi politiċi għolja li jkollhom impjieg ieħor remunerat, inkluż fuq bordijiet ta’ fondazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-assi ta’ interess pubbliku. Il-Kunsill iqis li għal dawn ir-raġunijiet kif stabbilit aktar fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, id-dgħufijiet tal-qafas regolatorju flimkien mal-iżviluppi leġiżlattivi ġodda jaggravaw il-possibbiltà ta’ kunflitt ta’ interess li l-miżura ta’ rimedju kienet maħsuba li tindirizza u għalhekk jagħmluh inadegwat biex jindirizza t-tħassib oriġinarjament imqajjem mill-Kummissjoni.”

56      Fl-aħħar nett, il-premessa 62 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506 tindika dan li ġej:

“Fir-rigward tal-ksur identifikat b’rabta mat-trusts ta’ interess pubbliku, il-qafas regolatorju fl-Ungerija għandu dgħufijiet, kif stabbilit hawn fuq, li ma rrimedjawx ir-riskju ta’ kunflitt ta’ interess li l-miżura ta’ rimedju kellha tindirizza. Fid-dawl tal-inadegwatezza tal-miżura ta’ rimedju, jibqa’ riskju serju għall-baġit tal-Unjoni u jista’ jiġi indirizzat bl-aħjar mod permezz ta’ projbizzjoni milli tidħol f’impenji legali ġodda ma’ kwalunkwe trust ta’ interess pubbliku u ma’ kwalunkwe entità miżmuma minnhom taħt kwalunkwe programm b’ġestjoni diretta jew indiretta [...]”

57      Għalhekk, mill-premessi 11, 43 u 62 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506 jirriżulta li l-allegat ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt li jippreġudika jew li jippreżenta riskju serju li ser jippreġudika l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew l-interessi finanzjarji tagħha huwa mifhum mill-perspettiva tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, tal-projbizzjoni tal-arbitrarjetà tal-poter eżekuttiv u tal-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri u huwa kkonkretizzat, f’dan il-każ, mill-eżistenza ta’ eventwali kunflitti ta’ interessi.

58      Skont dawn il-premessi, l-allegat ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt jinsab f’sitwazzjoni ta’ fatt u fil-qafas regolamentari Ungeriż, li ma jipprekludix lill-uffiċjali f’pożizzjonijiet għolja, inklużi uffiċjali politiċi f’pożizzjonijiet għolja, milli jpoġġu fuq il-bordijiet tat-tmexxija tal-fondazzjonijiet li jiġġestixxu assi ta’ interess pubbliku stabbiliti mil-Liġi Ungeriża IX. Mill-istess premessi jirriżulta li dan il-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt huwa aggravat mill-fatt li l-Ungerija reġgħet introduċiet, b’effett mill‑1 ta’ Novembru 2022, il-possibbiltà għall-uffiċjali politiċi f’pożizzjonijiet għolja li jokkupaw impjieg remunerat ieħor, inklużi fi ħdan il-bordijiet tat-tmexxija ta’ fondazzjonijiet li jiġġestixxu assi ta’ interess pubbliku stabbiliti minn din il-liġi.

59      Minn dan isegwi li l-Kunsill espona, b’mod suffiċjentement iddettaljat u ssostanzjat, ir-raġunijiet li għalihom ġiet adottata d-dispożizzjoni kkontestata.

60      Fir-rigward tal-motivazzjoni tan-natura xierqa tad-dispożizzjoni kkontestata, għandu jiġi rrilevat li l-premessi 43 u 62 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506 jindikaw b’mod ċar kif id-dispożizzjoni kkontestata hija xierqa sabiex tissodisfa l-għan ta’ protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni, imsemmi fl-Artikolu 1 tar-Regolament 2020/2092, peress li jispeċifikaw li l-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, li jinsab fid-dgħufijiet tal-qafas regolamentari Ungeriż dwar it-trusts ta’ interess pubbliku, joħloq riskju gravi ta’ kunflitti ta’ interessi għall-ġestjoni tal-fondi tal-Unjoni.

61      Għaldaqstant, it-tielet parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-ewwel u t-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażati fuq ksur tar-Regolament 2020/2092

62      Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill ma żgurax li l-inklużjoni tagħha fil-grupp tal-entitajiet suġġetti għall-miżura prevista mid-dispożizzjoni kkontestata hija bbażata fuq bażi fattwali suffiċjentement solida. Barra minn hekk, il-Kunsill kiser il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 4(1) tar-Regolament 2020/2092, u b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt u d-determinazzjoni tar-“rabta diretta” bejn dan il-ksur u l-preġudizzju jew ir-riskju ta’ preġudizzju għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

63      F’dan ir-rigward, minn naħa, ir-rikorrenti, sostnuta mill-Ungerija, issostni li t-tfittxija tal-fatti mwettqa mill-Kummissjoni ma ġietx estiża għall-kompożizzjoni, għat-teħid ta’ deċiżjoni, għall-finanzi u għall-funzjonament tat-trusts ta’ interess pubbliku u li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn it-trusts ma kinux involuti fil-ġestjoni tal-universitajiet. Min-naħa l-oħra, hija ssostni li ma hemm ebda element li jistabbilixxi li hija stess jew it-trust ta’ interess pubbliku li żżomm id-drittijiet kostituttivi tagħha wettqu att jew ommissjoni li jistgħu jiġu kklassifikati bħala ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt li jippreġudika l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni jew li jippreżenta riskju għal tali ġestjoni. Essenzjalment, ir-rikorrenti tikkritika għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Kunsill li ma stabbilixxewx ksur individwali tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt.

64      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis, fir-replika tagħha, li, fl-assenza ta’ prova mill-Kunsill ta’ ksur individwali, ma jistax ikun hemm ksur sistemiku tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt.

65      Ir-rikorrenti ssostni wkoll li, għalkemm il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tevalwa s-sitwazzjoni individwali tagħha, dan ma japplikax għall-Kunsill. L-Ungerija żżid li, anki jekk jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet li fihom il-Kunsill ma jkunx jista’ jiġi mistenni li jwettaq evalwazzjoni individwali tas-sitwazzjoni tal-persuni kkonċernati minħabba n-numru partikolarment għoli tagħhom, dan ma japplikax f’dan il-każ, fejn kien possibbli li jiġu identifikati preċiżament il-persuni, f’numru relattivament żgħir, ikkonċernati mid-dispożizzjoni kkontestata.

66      Barra minn hekk, ir-rikorrenti, sostnuta mill-Ungerija, issostni li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506 ma stabbilixxietx “rabta fattwali” bejn il-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt u l-impatt tiegħu fuq il-baġit tal-Unjoni.

67      Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill wettaq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni sa fejn id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506 ma hijiex ibbażata fuq fatti rilevanti. Essenzjalment, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kunsill li adotta din id-deċiżjoni meta l-elementi kostituttivi preliminari li jippermettu li tittieħed tali miżura ma kinux issodisfatti.

68      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

69      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 4 tar-Regolament 2020/2092 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-miżuri xierqa taħt dan ir-regolament.

70      L-Artikolu 4(1) tar-Regolament 2020/2092 jindika li tali miżuri għandhom jittieħdu meta jiġi stabbilit, konformement mal-Artikolu 6 tal-istess regolament, li ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fi Stat Membru jippreġudika jew jippreżenta riskju serju li ser jippreġudika l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, b’mod suffiċjentement dirett.

71      Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament 2020/2092, hija l-Kummissjoni li għandha tesponi, f’notifika bil-miktub lill-Istat Membru kkonċernat, l-elementi fattwali u l-motivi preċiżi li fuqhom ikunu bbażati l-konstatazzjonijiet tagħha fis-sens li jeżistu raġunijiet raġonevoli sabiex jitqies li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament huma ssodisfatti (sentenza tas-16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C-157/21, EU:C:2022:98, punt 338), u, b’mod partikolari, li l-ksur jippreġudika jew jippreżenta riskju serju li ser jippreġudika l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha, b’mod suffiċjentement dirett, fejn din l-aħħar kundizzjoni teżiġi rabta reali bejn dan il-ksur u tali preġudizzju jew tali riskju serju ta’ preġudizzju (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Frar 2022, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑156/21, EU:C:2022:97, punti 111 u 147).

72      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prevenzjoni ta’ preġudizzju bħal dak imsemmi fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament 2020/2092 kienet teżiġi li l-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt li kien ikkonstatat jippreżenta riskju “serju” ta’ preġudizzju għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew għall-interessi finanzjarji tagħha u teħtieġ, għaldaqstant, li l-Kummissjoni u l-Kunsill juru li hemm probabbiltà għolja li dan ir-riskju jseħħ, b’rabta mas-sitwazzjonijiet jew mal-aġir tal-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament 2020/2092 (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑157/21, EU:C:2022:98, punt 299).

73      Barra minn hekk, l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Kunsill huma suġġetti għar-rekwiżiti proċedurali speċifikati fl-Artikolu 6(1) sa (9) tar-Regolament 2020/2092. Dawn ir-rekwiżiti jimplikaw b’mod partikolari, kif tirrileva l-premessa 26 ta’ dan ir-regolament, li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tibbaża ruħha fuq elementi konkreti u li tosserva l-prinċipji ta’ oġġettività, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati meta hija tmexxi proċeduri skont din id-dispożizzjoni. Fir-rigward tal-identifikazzjoni u tal-evalwazzjoni tal-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, l-imsemmija rekwiżiti għandhom jinftiehmu fid-dawl tal-premessa 16 tal-imsemmi regolament, li tindika li din l-evalwazzjoni għandha tkun oġġettiva, imparzjali u ekwa, filwaqt li l-osservanza ta’ dawn l-obbligi kollha hija suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju sħiħ mill-qorti tal-Unjoni (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑157/21, EU:C:2022:98, punt 286).

74      Fl-aħħar nett, l-għażla u l-portata tal-miżuri li jistgħu jiġu adottati skont ir-Regolament 2020/2092 huma limitati, sa fejn l-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament jelenka b’mod eżawrjenti d-diversi miżuri ta’ protezzjoni li jistgħu jiġu adottati (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑157/21, EU:C:2022:98, punt 301).

75      Konformement mal-Artikolu 5(3) tar-Regolament 2020/2092, tali miżuri għandhom ikunu proporzjonati u ddeterminati skont l-impatt reali jew potenzjali tal-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fuq il-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew fuq l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. In-natura, it-tul, il-gravità u l-portata tal-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt għandhom jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni u għandu jkollhom fil-mira, sa fejn ikun possibbli, l-azzjonijiet tal-Unjoni ppreġudikati minn dan il-ksur. Minn dan jirriżulta li l-miżuri meħuda għandhom ikunu strettament proporzjonati mal-impatt tal-ksur ikkonstatat tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fuq il-baġit tal-Unjoni jew fuq l-interessi finanzjarji tagħha (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑157/21, EU:C:2022:98, punt 32).

76      Għaldaqstant, minn qari flimkien tal-Artikolu 4 u tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2020/2092 jirriżulta li, sabiex jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ miżuri xierqa taħt dan ir-regolament, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jistabbilixxu b’mod konkret, l-ewwel, li jeżistu raġunijiet raġonevoli sabiex jitqies li minn tal-inqas wieħed mill-prinċipji tal-Istat tad-dritt imsemmija fl-Artikolu 2(a) tal-imsemmi regolament inkiser fi Stat Membru, it-tieni, li dan il-ksur jikkonċerna minn tal-inqas waħda mis-sitwazzjonijiet imputabbli lil awtorità ta’ Stat Membru jew minn tal-inqas każ wieħed ta’ aġir ta’ tali awtorità msemmi fl-Artikolu 4(2) tal-istess regolament, kemm-il darba dawn is-sitwazzjonijiet jew dawn il-każijiet ta’ aġir ikunu rilevanti għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha u, it-tielet, li dan il-ksur jippreġudika jew ikollu riskju serju li ser jippreġudika din il-ġestjoni tajba jew il-protezzjoni ta’ dawn l-interessi finanzjarji, b’mod suffiċjentement dirett, permezz ta’ rabta reali bejn dan il-ksur u dan il-preġudizzju jew dan ir-riskju serju ta’ preġudizzju (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑157/21, EU:C:2022:98, punt 288).

77      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti.

–       Fuq l-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju

78      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, isostni li l-istituzzjonijiet għandhom marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ sabiex jiddefinixxu l-miżuri li huma jqisu xierqa sabiex jirrimedjaw il-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fi Stat Membru.

79      Il-Kummissjoni ppreċiżat, waqt is-seduta, li, fid-dawl tal-kumplessità tas-suġġetti u tal-miżuri baġitarji li kienu s-suġġett tal-istħarriġ ġudizzjarju f’dan il-każ, kemm hija stess kif ukoll il-Kunsill kellhom jingħataw marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ fir-rigward tal-evalwazzjonijiet tagħhom f’dan il-kuntest, bi stħarriġ ġudizzjarju limitat għall-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

80      Madankollu, il-Kunsill u l-Kummissjoni ammettew, waqt is-seduta, li l-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament 2020/2092, kienet kwistjoni ta’ liġi li fir-rigward tagħha l-istħarriġ ġudizzjarju tal-qorti tal-Unjoni kellu jkun strett.

81      Ir-rikorrenti, sostnuta mill-Ungerija, issostni li l-Qorti Ġenerali għandha teżerċita, f’dan il-każ, stħarriġ ġudizzjarju komplet u sħiħ.

82      Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-prinċipji tal-Istat tad-dritt, li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, jimplikaw li la l-Istati Membri u lanqas l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jevitaw l-istħarriġ tal-konformità tal-atti tagħhom mat-Trattat FUE, li stabbilixxa sistema kompleta ta’ rimedji u ta’ proċeduri intiżi sabiex jafdaw lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea bl-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il‑Parlament, 294/83, EU:C:1986:166, punti 23 u 24).

83      Fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ ġudizzjarju, il-qorti tal-Unjoni teżerċita stħarriġ sħiħ fuq il-kwistjonijiet ta’ liġi, u dan jinkludi l-interpretazzjoni li għandha tingħata lil dispożizzjonijiet legali abbażi ta’ elementi oġġettivi kif ukoll il-verifika ta’ jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ tali dispożizzjoni humiex issodisfatti jew le (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2022, Il‑Kambodja u CRF vs Il‑Kummissjoni, T‑246/19, EU:T:2022:694, punt 45).

84      Barra minn hekk, fil-każijiet fejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jgawdu minn setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa, b’mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-elementi fattwali ta’ natura ekonomika, teknika jew xjentifika kumplessi ħafna sabiex jiddeterminaw in-natura u l-portata tal-miżuri li huma jadottaw, l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa ma huwiex eskluż mill-istħarriġ ġudizzjarju. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, il-qorti tal-Unjoni għandha tivverifika jekk l-eżerċizzju ta’ tali setgħa huwiex ivvizzjat minn żball manifest ta’ evalwazzjoni jew minn użu ħażin ta’ poter jew jekk dawn l-awtoritajiet qabżux manifestament il-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħhom. F’tali kuntest, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-elementi fattwali ta’ natura ekonomika, xjentifika jew teknika minflok dik tal-istituzzjonijiet li lilhom, waħedhom, it-Trattati fdaw dan il-kompitu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2007, Industrias Químicas del Vallés vs Il‑Kummissjoni, C‑326/05 P, EU:C:2007:443, punti 75 u 76; tal‑4 ta’ Mejju 2023, BĊE vs Crédit lyonnais, C‑389/21 P, EU:C:2023:368, punt 55; u tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Franza u Il‑Kummissjoni vs CWS Powder Coatings et, C‑71/23 P u C‑82/23 P, EU:C:2025:601, punt 106 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

85      F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, il-qorti tal-Unjoni għandha b’mod partikolari tivverifika mhux biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex tali li jissostanzjaw il-konklużjonijiet misluta minnhom (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, BĊE vs Crédit lyonnais, C‑389/21 P, EU:C:2023:368, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-istabbiliment tal-fatti nieqsa minn kumplessità ekonomika, teknika jew xjentifika, l-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni jibqa’ sħiħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2020, Medac Gesellschaft für klinische Spezialpräparate vs Il‑Kummissjoni, T‑549/19, EU:T:2020:444, punt 47 (mhux ippubblikata)).

87      Għalhekk, kif ġie rrilevat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-leġiżlatur tal-Unjoni bl-ebda mod ma ta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dritt illimitat sabiex jevalwaw, fid-dawl ta’ kunsiderazzjonijiet politiċi, l-osservanza tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt jew sabiex jorbtu kull ksur ikkonstatat ta’ dawn il-prinċipji, b’mod ġenerali, mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba tal-fondi tal-Unjoni. Fil-fatt, huwa ssuġġetta l-bidu tal-proċedura għal kriterji, imfakkra fil-punti 69 sa 76 iktar ’il fuq, li jiżguraw li l-evalwazzjonijiet ta’ dawn l-istituzzjonijiet jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u jkunu ta’ natura legali u mhux politika (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑157/21, EU:C:2022:98, punt 358).

88      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-obbligu għall-Kummissjoni u għall-Kunsill li jibbażaw ruħhom, meta jeżaminaw jekk l-adozzjoni ta’ miżuri xierqa hijiex iġġustifikata, fuq elementi konkreti u li josservaw il-prinċipji ta’ oġġettività, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati huwa suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju sħiħ mill-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Frar 2022, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑156/21, EU:C:2022:97, punt 149, u tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑157/21, EU:C:2022:98, punti 167, 202 u 286).

89      Għaldaqstant, ma jistax jiġi sostnut li l-istħarriġ ġudizzjarju mwettaq f’dan il-każ huwa stħarriġ ristrett.

–       Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament 2020/2092, fir-rigward tal-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt

90      Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni u lill-Kunsill li ma stabbilixxewx ksur individwali tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt imwettaq minnha jew mit-trust li żżommha. Għaldaqstant, id-dispożizzjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq bażi fattwali suffiċjentement solida. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li, fl-assenza ta’ prova mill-Kunsill ta’ ksur individwali, ma jistax ikun hemm ksur sistemiku tal-Istat tad-dritt.

91      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

92      Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 76 iktar ’il fuq, l-ewwel waħda mill-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ miżuri għall-protezzjoni tal-baġit, skont ir-Regolament 2020/2092, hija li jiġi stabbilit ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, kif iddefinit fl-Artikolu 2(a) ta’ dan ir-regolament.

93      Fir-rigward tan-natura tal-ksur inkwistjoni f’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament 2020/2092 jirrigwarda kemm il-ksur individwali tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt kif ukoll il-ksur sistemiku.

94      Fil-fatt, is-sitwazzjonijiet jew l-aġir tal-awtoritajiet li huma elenkati fl-Artikolu 4(2)(a) sa (h) tar-Regolament 2020/2092, bħala ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fis-sens ta’ dan ir-regolament, jinkludu s-sitwazzjonijiet jew l-aġir ta’ natura kemm individwali kif ukoll sistemika. Barra minn hekk, il-premessa 15 tar-Regolament 2020/2092 tindika li ma huwiex biss il-ksur individwali tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, iżda wkoll il-ksur li huwa mifrux jew li jirriżulta minn prassi jew ommissjonijiet rikorrenti tal-awtoritajiet pubbliċi jew ukoll minn miżuri ġenerali adottati minn dawn l-awtoritajiet li jista’ jippreġudika b’mod gravi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

95      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, meta ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt li seta’ jkun sistematiku fin-natura tiegħu kien ukoll ta’ natura li jippreġudika jew li jippreżenta riskju serju li ser jippreġudika l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha, l-Unjoni ma setgħetx tiġi kkritikata talli timplimenta l-mezzi neċessarji għall-protezzjoni ta’ din il-ġestjoni tajba u ta’ dawn l-interessi finanzjarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑157/21, EU:C:2022:98, punt 362).

96      F’dan il-każ, għandu jitfakkar li mill-premessi 11, 43 u 62 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506 jirriżulta li l-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt jirriżulta minn sitwazzjoni ta’ fatt u mill-qafas regolamentari Ungeriż, li ma jipprekludix lill-uffiċjali f’pożizzjonijiet għolja, inklużi uffiċjali politiċi f’pożizzjonijiet għolja, milli jpoġġu fuq il-bordijiet tat-tmexxija tal-fondazzjonijiet li jiġġestixxu assi ta’ interess pubbliku, u li dan jista’ jaggrava r-riskju eventwali ta’ kunflitti ta’ interessi.

97      Barra minn hekk, il-premessa 58 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506 tindika espressament li “l-każijiet identifikati ta’ nuqqas ta’ konformità jirreferu għal ksur ta’ natura sistemika”.

98      F’dan ir-rigward, il-punt 128 tal-Proposta tal-Kummissjoni jindika li, “[f]ir-rigward tan-natura tal-ksur, il-Kummissjoni tqis li l-valutazzjoni tal-ksur [...] rilevanti għall-kunflitti ta’ interess għat-trusts ta’ interess pubbliku wasslet għall-konklużjoni li dawn il-kwistjonijiet [kienu] indikattivi ta’ ksur tal-[I]stat tad-dritt, b’mod partikolari ta’ dawk tal-Artikolu 3(b) tar-Regolament [...] 2020/2092, billi jonqsu milli jipprevjenu, jikkoreġu jew jissanzjonaw deċiżjonijiet arbitrarji jew illegali mill-awtoritajiet pubbliċi u jonqsu milli jiggarantixxu li ma jkunx hemm kunflitti ta’ interess”.

99      Fil-punt 57 tal-proposta tagħha, il-Kummissjoni qieset ukoll li l-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt kien jikkonċerna, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(2)(h) tar-Regolament 2020/2092, jiġifieri “sitwazzjonijiet [...] oħra [...] li [kienu] rilevanti għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni”, irrappreżentati f’dan il-każ mir-riskju aggravat ta’ kunflitti ta’ interessi minħabba l-fatt li uffiċjali politiċi f’pożizzjonijiet għolja kienu jpoġġu fuq il-bordijiet tat-tmexxija ta’ trusts ta’ interess pubbliku.

100    Barra minn hekk, il-punt 130 tal-Proposta tal-Kummissjoni jispeċifika dan li ġej:

“[I]l-ksur identifikat tal-prinċipji tal-[I]stat tad-dritt jikkonċerna partijiet importanti tas-settur pubbliku fl-Ungerija, jiġifieri l-entitajiet pubbliċi kollha li jimplimentaw il-fondi tal-Unjoni li jistgħu jkunu jew isiru awtoritajiet kontraenti, kif ukoll it-trusts kollha ta’ interess pubbliku, li minkejja li huma entitajiet privati, għandhom objettiv ta’ interess pubbliku, bħall-edukazzjoni, ir-riċerka, l-ambjent u l-protezzjoni tal-klima u l-protezzjoni tal-patrimonju. Għalhekk, il-ksur identifikat tal-prinċipji tal-[I]stat tad-dritt huwa sistemiku u mifrux, u b’hekk serju.”

101    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni, fil-punt 142 tal-proposta tagħha, osservat li kien prattikament impossibbli li jitqies li l-projbizzjoni li jiġu konklużi impenji legali ġodda, fil-kuntest ta’ programmi taħt ġestjoni diretta u indiretta, ma’ trusts ta’ interess pubbliku u ma’ entitajiet miżmuma minnhom kellha tapplika biss għal ċerti trusts ta’ interess pubbliku u għal ċerti entitajiet miżmuma minnhom jew li setgħu jittieħdu impenji legali parzjali ma’ tali entitajiet.

102    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 70 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, il-fatt li l-uffiċjali f’pożizzjonijiet għolja u l-uffiċjali politiċi f’pożizzjonijiet għolja jistgħu jpoġġu fuq il-bordijiet tat-tmexxija tat-trusts ta’ interess pubbliku “[j]oħloq sitwazzjoni li fiha [dawn l-]eżekuttivi politiċi għolja jistgħu jipparteċipaw fit-teħid ta’ deċiżjonijiet relatati mal-iżborż ta’ fondi pubbliċi lil entitajiet, li fihom huma stess ikunu impjegati u għandhom setgħat ewlenin ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet”. Issa, kif isostni l-Kunsill, it-trusts ta’ interess pubbliku jeżerċitaw, min-natura tagħhom stess kif iddeterminata mil-liġi, influwenza u kontroll deċiżivi fuq l-entitajiet miżmuma minnhom, b’tali mod li, fil-prattika, iż-żewġ entitajiet ikunu marbuta b’mod inseparabbli bħala unità. Għaldaqstant, kull deċiżjoni dwar l-użu ta’ fondi tal-Unjoni minn entità ġestita minn trust ta’ interess ġenerali tkun affettwata mir-riskju ta’ kunflitti ta’ interessi fir-rigward tat-trusts ta’ interess pubbliku.

103    Għaldaqstant, mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506, moqrija fid-dawl tal-Proposta u tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, jirriżulta li t-tħassib dwar il-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt kien jikkonċerna l-qafas legali applikabbli għat-trusts ta’ interess pubbliku, u b’mod partikolari l-organizzazzjoni, il-funzjonament u n-nuqqas ta’ trasparenza sistemiku fir-rigward tal-ġestjoni tal-fondi minn dawn it-trusts u mill-entitajiet miżmuma minnhom, u mhux ksur imwettaq individwalment minnhom jew mill-entitajiet miżmuma minnhom, bħalma hija r-rikorrenti.

104    F’tali ċirkustanzi, ikun kuntrarju għall-effett utli tar-Regolament 2020/2092 li l-Kummissjoni u l-Kunsill jintalbu jistabbilixxu wkoll, neċessarjament, fil-kuntest ta’ allegat ksur sistemiku tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, ksur individwali tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt minn kull entità kkonċernata, kif issostni r-rikorrenti. Barra minn hekk, tali interpretazzjoni tirrendi impossibbli l-adozzjoni ta’ miżuri bl-għan li jiġi rrimedjat il-ksur sistemiku tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt.

105    Għaldaqstant, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, ksur sistemiku tal-Istat tad-dritt jista’ jiġi allegat mill-Kunsill u jista’ jwassal għall-adozzjoni ta’ miżura għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni skont ir-Regolament 2020/2092, anki fl-assenza ta’ ksur individwali tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt imwettaq mill-entitajiet ikkonċernati.

106    Fir-rigward tal-fatt li jiġi stabbilit il-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat, kif jirriżulta mill-punti 96 sa 102 iktar ’il fuq, li d-dispożizzjoni kkontestata hija bbażata fuq bażi fattwali suffiċjentement solida, sa fejn ġie stabbilit, b’mod suffiċjenti fid-dritt, konformement mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament 2020/2092, meħud flimkien, b’mod partikolari, mal-Artikolu 3(b) ta’ dan ir-regolament, ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tal-imsemmi regolament. Dan il-ksur jikkonsisti f’riskju serju ta’ eventwali kunflitti ta’ interessi minħabba l-qafas regolamentari Ungeriż u huwa ta’ natura sistemika minħabba l-inkapaċità, l-impossibbiltà jew in-nuqqas ta’ rieda sistemiċi min-naħa tal-Ungerija sabiex tipprevjeni deċiżjonijiet meħuda bi ksur tad-dritt applikabbli fil-qasam tal-kunflitti ta’ interessi.

107    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt ma kinitx teħtieġ, għall-finijiet tal-adozzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata, li jiġi stabbilit ksur individwali mwettaq minn entitajiet, bħalma hija r-rikorrenti, jew mit-trusts li jżommu dawn l-entitajiet.

108    Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti li l-Kunsill ma stabbilixxiex ksur individwali tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv. Fir-rigward tal-fatt li jiġi stabbilit il-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat sa fejn hija ssostni li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506 ma kinitx ibbażata fuq bażi fattwali suffiċjentement solida jew issostanzjata.

–       Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament 2020/2092, fir-rigward tal-eżistenza ta’ rabta reali u suffiċjentement diretta bejn il-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt u l-impatt tiegħu fuq il-baġit tal-Unjoni

109    Ir-rikorrenti, sostnuta mill-Ungerija, issostni li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506 ma stabbilixxietx “rabta diretta” bejn il-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt u l-impatt tiegħu fuq il-baġit tal-Unjoni.

110    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

111    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-Artikolu 4(1) tar-Regolament 2020/2092 jeżiġi, sabiex jiġu adottati miżuri xierqa, li jiġi stabbilit li l-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fi Stat Membru jippreġudika jew jippreżenta riskju serju li ser jippreġudika l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, b’mod suffiċjentement dirett. Din il-kundizzjoni teżiġi għalhekk li tiġi stabbilita “rabta reali” bejn dan il-ksur u tali preġudizzju jew tali riskju serju ta’ preġudizzju (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑157/21, EU:C:2022:98, punt 165).

112    Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti fis-sens li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li t-trusts ta’ interess pubbliku ma kinux involuti fil-ġestjoni tal-universitajiet.

113    Skont l-Artikolu 22(4) tal-Liġi Ungeriża IX, l-att li joħloq stabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla miżmum minn trust jista’ jipprevedi li din it-trust tkun responsabbli għall-approvazzjoni tal-baġit tal-istabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla, tal-kontijiet annwali tiegħu ppreparati konformement mad-dispożizzjonijiet tal-kontabbiltà, tar-regoli ta’ organizzazzjoni u ta’ funzjonament tiegħu, tal-pjan ta’ ġestjoni tal-assi tiegħu kif ukoll tal-ħolqien u tal-akkwist ta’ ishma f’entità ekonomika u li din it-trust tkun inkarigata li tniedi s-sejħa għal kandidaturi għall-pożizzjoni ta’ rettur.

114    Is-setgħat tat-trusts ta’ interess pubbliku li jżommu stabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla Ungeriżi huma ddettaljati wkoll fin-nemzeti felsőoktatásról szóló 2011. évi CCIV. törvény (il-Liġi Nru CCIV tal‑2011 dwar l-Edukazzjoni Ogħla Nazzjonali (Magyar Közlöny 2011/165., iktar ’il quddiem il-“Liġi Ungeriża CCIV”)), li tapplika għall-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla Ungeriżi kollha. L-Artikoli 12 u 73 ta’ din il-liġi jistabbilixxu t-tqassim tal-kompetenzi bejn il-bord tat-tmexxija tal-istabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla u l-entitajiet detenturi, jiġifieri, jekk ikun il-każ, it-trusts ta’ interess pubbliku.

115    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 12(3) tal-Liġi Ungeriża CCIV jipprevedi, bħala regola ġenerali, li huwa l-bord tat-tmexxija li għandu, b’mod partikolari, jadotta l-baġit, il-kontijiet annwali kif ukoll ir-regoli ta’ organizzazzjoni u ta’ funzjonament tal-istabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla.

116    Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 73(1) tal-Liġi Ungeriża CCIV jipprevedi li, sakemm ma jkunx previst mod ieħor, id-drittijiet u l-obbligi marbuta mal-kontroll tal-entitajiet detenturi huma l-istess, irrispettivament mill-entità li teżerċita dawn id-drittijiet u li tissodisfa dawn l-obbligi. Għalhekk, mill-Artikolu 73(3) ta’ din il-liġi jirriżulta li l-entitajiet detenturi għandhom, b’mod partikolari, il-kompetenza li jadottaw u li jemendaw l-att li joħloq l-istabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla kif ukoll li jirrevedu r-regoli ta’ organizzazzjoni u ta’ funzjonament tal-istabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla.

117    Fl-aħħar nett, l-Artikolu 94(6) tal-Liġi Ungeriża CCIV jipprovdi li, b’deroga mill-Artikolu 12(3) u mill-Artikolu 73(3) ta’ din il-liġi, l-att li joħloq stabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla privat jista’ jipprevedi, b’mod partikolari, li l-entità detentriċi tapprova l-baġit tal-istabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla, il-kontijiet annwali tiegħu kif ukoll ir-regoli ta’ organizzazzjoni u ta’ funzjonament tiegħu.

118    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, skont l-att li joħloq l-istabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla, it-trust ta’ interess pubbliku jista’ jkollha setgħat kunsiderevoli fuq il-kwistjonijiet baġitarji, operattivi u organizzattivi ta’ dan l-istabbiliment.

119    Fit-tieni lok, għandha tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ “rabta reali” bejn il-ksur inkwistjoni u l-preġudizzju jew ir-riskju serju ta’ preġudizzju għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha.

120    Mill-premessi 58 u 62 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506 jirriżulta li, minħabba l-inadegwatezza tal-miżuri korrettivi nnotifikati mill-Ungerija sabiex jirrimedjaw il-ksur ta’ natura sistemika tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, kien għad hemm riskju gravi għall-baġit tal-Unjoni peress li dan il-ksur kien jhedded il-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’mod suffiċjentement dirett.

121    Il-punt 33 tal-Proposta tal-Kummissjoni jindika, f’dan ir-rigward, li l-ħolqien ta’ entitajiet irregolati mid-dritt privat li ngħataw donazzjoni ta’ assi pubbliċi sinjifikattivi mingħand l-Istat jista’ jimplika l-assenza ta’ kontroll pubbliku fuq il-funzjonament u l-governanza ta’ dawn l-entitajiet.

122    Barra minn hekk, il-punt 142 tal-Proposta tal-Kummissjoni jinnota li l-eċċezzjoni li tippermetti lill-membri tal-bordijiet tat-tmexxija tat-trusts ta’ interess pubbliku ma jikkonformawx mar-rekwiżiti dwar il-kunflitti ta’ interessi jista’ jkollha impatt fuq il-baġits li dawn l-entitajiet jistgħu jimplimentaw jew jiġġestixxu.

123    Bl-istess mod, skont il-punt 70 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, l-eċċezzjoni introdotta mill-ġdid mill-Ungerija, b’effett mill‑1 ta’ Novembru 2022, li tippermetti lill-uffiċjali politiċi f’pożizzjonijiet għolja jpoġġu fuq il-bordijiet tat-tmexxija tat-trusts ta’ interess pubbliku toħloq sitwazzjoni li fiha dawn l-uffiċjali politiċi f’pożizzjonijiet għolja jistgħu jipparteċipaw fit-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar il-ħlas ta’ fondi pubbliċi lil entitajiet li fihom ipoġġu u li fihom ikollhom setgħat deċiżjonali essenzjali.

124    Fl-aħħar nett, il-punt 154(VI) tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni jindika li “[kien] għad hemm riskji importanti fir-rigward ta’ għadd ta’ kwistjonijiet oħra, jiġifieri: [...] il-faċilitazzjoni ulterjuri, wara l-valutazzjoni ta’ Settembru mill-Kummissjoni tal-miżura ta’ rimedju proposta, tal-preżenza ta’ uffiċjali tal-ogħla livell fuq bordijiet ta’ fondazzjonijiet ta’ ġestjoni ta’ interess pubbliku li l-għan tagħhom [kien] li jiżborżaw ammonti kbar ta’ fondi pubbliċi”.

125    F’dan il-każ, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 120 sa 124 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li r-rikorrenti hija miżmuma minn trust ta’ interess pubbliku u tinsab taħt il-kontroll tal-bord tat-tmexxija ta’ din it-trust, li l-membri tiegħu jinħatru għal żmien indeterminat mill-poter eżekuttiv. Għaldaqstant, jeżisti riskju reali u serju, minn perspettiva sistemika, li l-għażla tal-iżvilupp ta’ programmi u ta’ taħriġ universitarji kif ukoll ta’ proġetti ta’ riċerka u ta’ żvilupp iffinanzjati mill-Unjoni tkun direttament influwenzata politikament jew sempliċement ma tibqax tiġi sostnuta għal raġunijiet politiċi.

126    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li, fl-assenza tad-dispożizzjoni kkontestata, it-trusts li fihom jistgħu jpoġġu uffiċjali f’pożizzjonijiet għolja, inklużi uffiċjali politiċi f’pożizzjonijiet għolja, u l-entitajiet miżmuma minn tali trusts jistgħu jirċievu riżorsi mill-baġit tal-Unjoni. Issa, kif jirriżulta mill-punt 118 iktar ’il fuq, it-trusts ta’ interess pubbliku jista’ jkollhom setgħat kunsiderevoli fuq il-kwistjonijiet baġitarji, operattivi u organizzattivi tal-entitajiet miżmuma minnhom, bħalma hija r-rikorrenti f’dan il-każ.

127    Barra minn hekk, hemm riskju reali li l-persunal involut fl-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ riċerka u ta’ żvilupp jew ta’ edukazzjoni ogħla, iffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni, jista’ jintgħażel mill-bordijiet tat-tmexxija tat-trusts ta’ interess pubbliku jew mill-bord tat-tmexxija tal-università abbażi tal-allinjament politiku tagħhom.

128    Għalhekk, fil-kuntest tal-programmi Erasmus+ u Horizon Europe, it-trusts ta’ interess pubbliku jista’ jkollhom rwol fil-ħlas tal-fondi tal-Unjoni lill-benefiċjarji finali. Għalhekk hemm riskju reali li kunflitti ta’ interessi politiċi, ekonomiċi jew personali jinterferixxu fl-għażla ta’ dawn il-benefiċjarji.

129    Barra minn hekk, il-Kunsill sostna, u dan ġustament, li kien jeżisti riskju reali u sistemiku, fil-każ tal-programm Erasmus+, li kunflitti ta’ interessi jinterferixxu mal-għażla tal-istudenti benefiċjarji, u b’mod partikolari mal-għażla u mar-rikonoxximent reċiproku tal-korsijiet eliġibbli segwiti fi Stati Membri oħra, u b’hekk jintroduċu f’dan il-proċess ta’ selezzjoni kunsiderazzjonijiet li jmorru lil hinn mill-evalwazzjoni tal-mertu akkademiku.

130    Il-Kunsill allega wkoll, mingħajr ma ġie serjament kontradett mir-rikorrenti jew mill-Ungerija, li, fir-rigward tal-implimentazzjoni tas-sussidji, taħt il-programm Horizon Europe, is-selezzjoni tal-fornituri fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti, għall-implimentazzjoni tal-proġetti rregolati minn dan il-programm, li ta’ spiss kienu ta’ importanza kbira fir-rigward tal-baġit allokat għall-proġetti xjentifiċi, hija vulnerabbli għar-riskju ta’ influwenza indebita. Il-qafas regolamentari Ungeriż għandu wkoll impatt fuq ir-reklutaġġ tal-persunal u fuq proċessi oħra fil-qasam tar-riżorsi umani. Fid-dawl tal-omnipreżenza tal-kontroll politiku u tar-riskju ta’ kunflitti ta’ interessi, il-Kunsill afferma li l-proċessi interni kollha, il-proċeduri universitarji kollha u l-istrutturi ta’ governanza kollha involuti fl-użu tal-fondi tal-Unjoni jistgħu jiġu influwenzati esternament, u dan jista’ jwassal għal użu mhux xieraq tal-fondi tal-Unjoni.

131    Issa, il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni tirrikjedi li r-riżorsi finanzjarji tagħha ma jintużawx sabiex jiġu ffinanzjati entitajiet ta’ interess pubbliku tal-Istati Membri, bħalma huma t-trusts, jew l-entitajiet miżmuma minnhom, li l-modalitajiet ta’ funzjonament tagħhom jiksru l-prinċipji tal-Istat tad-dritt.

132    Għaldaqstant, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti u l-Ungerija, f’dan il-każ il-Kummissjoni u l-Kunsill stabbilixxew b’mod suffiċjenti fid-dritt rabta reali u suffiċjentement diretta bejn il-ksur gravi u sistemiku tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt allegat u l-preġudizzju jew ir-riskju serju ta’ preġudizzju għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha.

133    Għaldaqstant, l-argumenti fis-sens li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506 ma stabbilixxietx rabta reali u suffiċjentement diretta bejn il-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt u l-impatt tiegħu fuq il-baġit tal-Unjoni u, għaldaqstant, l-ewwel u t-tieni parti tal-ewwel motiv, għandhom jiġi miċħuda bħala infondati fl-intier tagħhom.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

134    Permezz tar-raba’ motiv tagħha, ir-rikorrenti, sostnuta mill-Ungerija, issostni li d-dispożizzjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità previst fl-Artikolu 5(4) TUE u fil-premessa 18 tar-Regolament 2020/2092.

135    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tressaq ħames argumenti. L-ewwel nett, peress li ma għandha ebda influwenza fuq l-allegat ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, id-dispożizzjoni kkontestata, li tippreġudika l-interessi tagħha, ma tistax tiġi kklassifikata bħala xierqa u neċessarja sabiex tipproteġi l-baġit tal-Unjoni. It-tieni nett, minħabba l-impatt baġitarju limitat tagħha meta mqabbel mal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506, id-dispożizzjoni kkontestata ma hijiex xierqa sabiex tipproteġi l-baġit tal-Unjoni. It-tielet nett, id-dispożizzjoni kkontestata, li l-effetti tagħha huma dannużi għall-attivitajiet u għar-reputazzjoni tajba tar-rikorrenti, ma hijiex l-inqas miżura restrittiva. Ir-raba’ nett, l-argumenti invokati fil-premessa 61 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506 sabiex tiġi ġġustifikata l-proporzjonalità tad-dispożizzjoni kkontestata, b’mod partikolari l-fatt li l-miżura hija temporanja, huma insuffiċjenti f’dan ir-rigward. Il-ħames nett, l-interessi u s-sitwazzjoni tar-rikorrenti ma ttiħdux inkunsiderazzjoni qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506.

136    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u tal-Ungerija.

137    Fil-premessa 62 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506, il-Kunsill qies li l-aħjar mod sabiex jiġi rrimedjat ir-riskju gravi għall-baġit, ikkawżat mill-eventwali kunflitti ta’ interessi fit-trusts ta’ interess pubbliku, kien jikkonsisti fid-dispożizzjoni kkontestata, jiġifieri l-projbizzjoni għall-Kummissjoni, meta timplimenta l-baġit tal-Unjoni taħt ġestjoni diretta jew indiretta, milli tidħol f’impenji legali ġodda ma’ dawn it-trusts jew mal-entitajiet miżmuma minnhom. Skont il-Kunsill, tali miżura hija proporzjonata għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni kontra l-preġudizzji jew ir-riskji ta’ preġudizzju li jirriżultaw minn ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fi Stat Membru.

138    Il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament 2020/2092 jipprevedi li l-miżuri meħuda skont dan ir-regolament għandhom ikunu proporzjonati. Dawn il-miżuri għandhom ikunu ddeterminati skont l-impatt reali jew potenzjali tal-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fuq il-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew fuq l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. In-natura, it-tul, il-gravità u l-portata tal-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt għandhom jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni. Il-miżuri għandhom, sa fejn ikun possibbli, ikollhom fil-mira tagħhom l-azzjonijiet tal-Unjoni ppreġudikati mill-ksur. Minn dan jirriżulta li l-miżuri meħuda għandhom ikunu strettament proporzjonati mal-impatt tal-ksur ikkonstatat tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fuq il-baġit tal-Unjoni jew fuq l-interessi finanzjarji tagħha (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑157/21, EU:C:2022:98, punt 302).

139    Il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u li huwa sanċit fl-Artikolu 5(4) TUE kif ukoll fl-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu ta’ natura li jilħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, bil-kundizzjoni li meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva u bil-kundizzjoni li l-inkonvenjenzi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet fil-mira (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑156/21, EU:C:2022:97, punt 340; ara wkoll is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑157/21, EU:C:2022:98, punt 353 u l-ġurisprudenza ċċitata).

140    Fl-ewwel lok, għandha tiġi eżaminata n-natura neċessarja u xierqa tad-dispożizzjoni kkontestata.

141    Qabelxejn, għandu jitfakkar li r-Regolament 2020/2092 u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506 huma intiżi li jipproteġu l-baġit tal-Unjoni kontra l-preġudizzju għal dan tal-aħħar, li jista’ jirriżulta minn ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fi Stat Membru.

142    Madankollu, ir-rikorrenti ma ppreżentat lill-Qorti Ġenerali ebda element li jikkontesta l-fatt li d-dispożizzjoni kkontestata hija ta’ natura li tippermetti li jintlaħaq l-għan imfittex, billi tipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tidħol f’impenji legali ġodda ma’ trusts ta’ interess pubbliku stabbiliti abbażi tal-Liġi Ungeriża IX jew ma’ entità miżmuma minn tali trusts.

143    Sussegwentement, ir-rikorrenti ssostni li, peress li ma għandha ebda influwenza fuq l-allegat ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, id-dispożizzjoni kkontestata, li tippreġudika l-interessi tagħha, ma tistax tiġi kklassifikata bħala xierqa sabiex jiġi protett il-baġit tal-Unjoni.

144    Issa, din l-affermazzjoni tinjora l-fatt li l-għan tar-Regolament 2020/2092 huwa li jipproteġi l-baġit tal-Unjoni u mhux li jissanzjona, fih innifsu, ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fi Stat Membru (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑156/21, EU:C:2022:97, punt 119). Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 118 iktar ’il fuq, it-trust ta’ interess pubbliku li żżomm lir-rikorrenti jista’ jkollha setgħat kunsiderevoli, b’mod partikolari fuq il-kwistjonijiet baġitarji, u għalhekk tista’ teżerċita influwenza fuq il-fondi tal-Unjoni. Barra minn hekk, peress li l-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt huwa ta’ natura sistemika u mhux individwali, sa fejn jirriżulta mill-qafas regolamentari Ungeriż, il-fatt li r-rikorrenti ma wettqitx il-ksur inkwistjoni jew ma għandhiex influwenza fuq dan il-ksur ma għandu ebda konsegwenza fuq in-natura xierqa tal-miżura stabbilita mid-dispożizzjoni kkontestata.

145    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li, minħabba l-impatt baġitarju limitat tagħha, id-dispożizzjoni kkontestata ma hijiex xierqa sabiex tipproteġi l-baġit tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni b’mod partikolari li l-impenji sospiżi skont id-dispożizzjoni kkontestata jammontaw għal EUR 1.85 miljuni, filwaqt li l-ammont tal-assi ffriżati mill-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506 jammonta għal EUR 6.3 biljuni.

146    Madankollu, il-konstatazzjoni li d-dispożizzjoni kkontestata għandha impatt baġitarju iktar limitat mill-impatt marbut ma’ ċerti miżuri oħra previsti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506 ma hijiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita n-natura mhux xierqa tagħha u għandha tiġi miċħuda. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proporzjonalità tal-miżuri li għandhom jiġu adottati hija żgurata, b’mod determinanti, mill-kriterju tal-“impatt” tal-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fuq il-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew fuq l-interessi finanzjarji tagħha (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑157/21, EU:C:2022:98, punt 361). Għaldaqstant, ir-Regolament 2020/2092 ma jistabbilixxix limitu minimu dwar l-impatt baġitarju jew dwar l-importanza ta’ ksur sabiex tkun tista’ tiġi adottata miżura skont dan ir-regolament, iżda jeżiġi li l-miżura meħuda tkun strettament proporzjonata għal dan l-impatt fuq il-baġit jew fuq l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

147    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li d-dispożizzjoni kkontestata ma hijiex l-inqas miżura restrittiva, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li r-rikorrenti sempliċement tagħmel affermazzjoni ġenerali f’dan is-sens, mingħajr madankollu ma tippreċiża liema miżura oħra kienet tkun inqas restrittiva.

148    Għalhekk, ma huwiex stabbilit li kienet teżisti miżura oħra li kienet tkun inqas restrittiva sabiex jiġi protett il-baġit tal-Unjoni.

149    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, kif għamel il-Kunsill, li, anki jekk id-dispożizzjoni kkontestata kellha l-konsegwenza li teskludi lir-rikorrenti minn ċerti finanzjamenti, fost il-ħames miżuri elenkati fl-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament 2020/2092, l-inqas waħda restrittiva fir-rigward tal-għanijiet imfittxija hija dik li timponi l-obbligu li ma jsirux impenji legali ġodda. Il-miżuri l-oħra elenkati f’din id-dispożizzjoni kien ser ikollhom effetti ta’ tfixkil fuq il-programmi diġà għaddejjin fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506, u kienu ser jikkawżaw ukoll diffikultajiet għal terzi.

150    Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessa 62 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506, id-dispożizzjoni kkontestata ma taffettwax l-allokazzjoni globali tal-fondi tal-programmi tal-Unjoni taħt ġestjoni diretta jew indiretta. B’mod konkret, dan ifisser li l-universitajiet Ungeriżi li ma humiex miżmuma minn trusts ta’ interess pubbliku stabbiliti abbażi tal-Liġi Ungeriża IX kif ukoll l-istudenti, l-għalliema u r-riċerkaturi tagħhom jistgħu jibbenefikaw mill-fondi tal-Unjoni taħt il-programmi Erasmus+ u Horizon Europe.

151    Fl-aħħar nett, l-Artikolu 5(2) tar-Regolament 2020/2092 jipprovdi li l-impożizzjoni ta’ miżuri xierqa ma taffettwax l-obbligi tal-entitajiet pubbliċi jew tal-Istati Membri li jimplimentaw il-programm jew il-fond, u b’mod partikolari l-obbligi tagħhom fir-rigward tad-destinatarji finali jew tal-benefiċjarji, sakemm id-deċiżjoni li tadotta l-miżuri ma tipprovdix mod ieħor.

152    F’dan ir-rigward, il-premessa 63 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506 tindika li, “[s]kont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament [...] 2020/2092, din id-Deċiżjoni ma taffettwax l-obbligi tal-Ungerija li timplimenta l-programmi u l-fondi kkonċernati minn din id-Deċiżjoni, u b’mod partikolari l-obbligi tagħha lejn ir-riċevituri jew il-benefiċjarji finali, inkluż l-obbligu li tagħmel pagamenti skont ir-regoli speċifiċi għas-settur jew finanzjarji applikabbli”.

153    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-argumenti invokati fil-premessa 61 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506 sabiex tiġi ġġustifikata l-proporzjonalità tad-dispożizzjoni kkontestata ma humiex suffiċjenti f’dan ir-rigward u jistgħu jiġu miċħuda. B’mod partikolari, ir-rikorrenti ssostni li hija ma wettqitx att jew ommissjoni li jistgħu jiġu kklassifikati bħala ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, li mill-premessa 61 jirriżulta li huwa l-Istat Ungeriż, u mhux hija stess, li jimplimenta l-programmi kkonċernati u li l-effetti tad-dispożizzjoni kkontestata ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala temporanji mill-perspettiva tagħha.

154    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, qabelxejn, li l-argumenti tar-rikorrenti intiżi li jikkontestaw l-elementi mressqa fil-premessa 61 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506 huma irrilevanti peress li din il-premessa għandha l-għan li tiġġustifika l-proporzjonalità tal-miżura msemmija fl-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506 u mhux tal-miżura li tirriżulta mid-dispożizzjoni kkontestata.

155    Min-naħa l-oħra, mill-premessa 62 jirriżulta li l-miżura ta’ projbizzjoni li jittieħdu impenji legali ġodda li tirriżulta mid-dispożizzjoni kkontestata ma taffettwax l-allokazzjoni globali tal-fondi tal-programmi tal-Unjoni taħt ġestjoni diretta u indiretta li xorta jistgħu jintużaw għal entitajiet oħra u hija għalhekk suffiċjenti sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni filwaqt li hija proporzjonata għal dak li huwa strettament meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan.

156    Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma pproduċiet ebda prova li tippermetti li din il-konstatazzjoni tiġi kkontestata b’mod validu.

157    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti fis-sens li l-interessi u s-sitwazzjoni tagħha ma ttiħdux inkunsiderazzjoni qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506, għandu jitfakkar li l-premessa 19 tar-Regolament 2020/2092 tippreċiża li huwa “essenzjali li l-interessi leġittimi tar-riċevituri u tal-benefiċjarji finali jkunu protetti kif xieraq meta jiġu adottati miżuri f’każ ta’ ksur tal-prinċipji tal-[I]stat tad-dritt” u li, “[m]eta tikkunsidra l-adozzjoni tal-miżuri, il-Kummissjoni jenħtieġ li tqis l-impatt potenzjali tagħhom fuq ir-riċevituri u l-benefiċjarji finali”.

158    F’dan il-każ, mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506, moqrija fid-dawl tal-Proposta tal-Kummissjoni, jirriżulta li l-impatt potenzjali tal-miżura fuq il-benefiċjarji u, b’mod partikolari, fuq ir-rikorrenti, kien ittieħed inkunsiderazzjoni. Fil-fatt, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat, kif jirriżulta mill-punt 149 iktar ’il fuq, li l-miżura prevista mid-dispożizzjoni kkontestata hija l-inqas ta’ tfixkil għall-programmi diġà għaddejjin fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506 peress li tippermetti lid-destinatarji finali tal-programmi Erasmus+ jew Horizon Europe jkomplu jirċievu, anki wara l-adozzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata, sussidji mogħtija qabel l-adozzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, u dan sat-tmiem tal-ftehimiet iffirmati fil-kuntest ta’ dawn il-programmi.

159    Min-naħa l-oħra, il-premessa 63 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506, li tindika li din tal-aħħar ma taffettwax l-obbligi tal-Ungerija, b’mod partikolari, dawk li hija għandha fir-rigward tad-destinatarji finali jew tal-benefiċjarji, inkluż l-obbligu li twettaq il-pagamenti, turi li l-Kunsill ħa inkunsiderazzjoni l-effetti ta’ din id-deċiżjoni fuq id-destinatarji finali u l-benefiċjarji tal-finanzjamenti mill-Unjoni.

160    Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

161    Fil-ħames lok, fir-rigward tan-natura proporzjonata tad-dispożizzjoni kkontestata, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, din id-dispożizzjoni tissodisfa l-għan ta’ interess ġenerali ta’ protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni. Sussegwentement, il-miżura prevista mid-dispożizzjoni kkontestata tagħmel parti mill-miżuri elenkati fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament 2020/2092. Fil-fatt, il-Kunsill ma għandux marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ fir-rigward tal-għażla u tal-portata tal-miżuri li jistgħu jiġu adottati skont ir-Regolament 2020/2092, peress li dawn l-għażliet huma strettament irregolati minn dan l-artikolu u b’mod partikolari mill-proċedura ta’ adozzjoni ta’ dawn il-miżuri prevista minn dan ir-regolament, kif tfakkar fil-punti 73 u 74 iktar ’il fuq. Fl-aħħar nett, id-dispożizzjoni kkontestata ma hijiex sproporzjonata peress li l-impatt tagħha fuq l-allokazzjoni globali tal-fondi u fuq id-destinatarji finali jew il-benefiċjarji, li fir-rigward tagħhom l-Ungerija għandha tissodisfa l-obbligi tagħha, huwa limitat, kif tfakkar fil-premessa 62 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506.

162    Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma wrietx li d-dispożizzjoni kkontestata kienet sproporzjonata fir-rigward tal-għan imfittex.

163    Għaldaqstant, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq użu ħażin ta’ poter

164    Permezz tat-tieni parti tat-tielet motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill wettaq użu ħażin ta’ poter.

165    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni b’mod partikolari li l-Kunsill, meta adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506 temm il-finanzjamenti li hija kienet tirċievi direttament u indirettament mill-Unjoni u r-relazzjonijiet professjonali, personali u xjentifiċi li dawn il-finanzjamenti kienu jippermettu. Skont ir-rikorrenti, il-Kunsill għandu biss is-setgħa li jadotta “miżuri xierqa intiżi sabiex jipproteġu l-baġit tal-Unjoni kontra l-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fl-Ungerija”.

166    F’dan il-kuntest, skont ir-rikorrenti, jekk jiġi kkunsidrat li l-Kunsill ma wettaqx użu ħażin ta’ poter, dan ikun ekwivalenti għall-għoti lil dan tal-aħħar ta’ kontroll totali fuq il-kriterji ta’ deżinjazzjoni u fuq il-persuni fil-mira tal-miżuri previsti fl-Artikolu 5 tar-Regolament 2020/2092.

167    Il-Kunsill iqis li t-tieni parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli sa fejn ma tqajmitx b’mod suffiċjentement ċar u koerenti fir-rikors, jew, sussidjarjament, bħala infondata.

168    Preliminarjament, għandha tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill, abbażi tal-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura.

169    Fil-fatt, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 21 u 22 iktar ’il fuq, minkejja li l-argumenti żviluppati mir-rikorrenti, insostenn ta’ din il-parti, ma humiex partikolarment preċiżi, mis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha jirriżulta li hija qiegħda ssostni b’mod ċar li l-Kunsill wettaq użu ħażin ta’ poter.

170    Sussegwentement, fir-rigward tal-mertu, il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-kunċett ta’ “użu ħażin ta’ poter” għandu portata preċiża u jirreferi għall-użu minn awtorità amministrattiva tas-setgħat tagħha għal għan differenti minn dak li għaliha jkunu ngħatawlha dawn is-setgħat. Deċiżjoni tkun ivvizzjata minn użu ħażin ta’ poter biss jekk ikun jidher, abbażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li ttieħdet esklużivament jew, minn tal-inqas, b’mod determinanti, sabiex jintlaħqu għanijiet differenti minn dawk li għalihom ingħatat is-setgħa inkwistjoni jew bl-għan li tiġi evitata proċedura prevista speċifikament mit-Trattati jew mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni sabiex jiġu indirizzati ċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2022, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (Miżuri tekniċi dwar l-opportunitajiet tas-sajd), C‑259/21, EU:C:2022:917, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, ma huwiex suffiċjenti li jiġu invokati ċerti fatti insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha, iżda għandhom jitressqu indizji preċiżi, oġġettivi u konkordanti biżżejjed li jkunu ta’ natura li jissostanzjaw il-veraċità tagħhom jew, tal-inqas, il-verosimiljanza tagħhom. Fin-nuqqas ta’ dan, il-preċiżjoni materjali tal-affermazzjonijiet tal-istituzzjoni kkonċernata ma tkunx tista’ tiġi kkontestata. B’hekk, l-evalwazzjoni globali tal-indizji ta’ użu ħażin ta’ poter ma tistax tkun ibbażata fuq sempliċi allegazzjonijiet jew fuq indizji mhux suffiċjentement preċiżi jew li la jkunu oġġettivi u lanqas rilevanti (ara d-digriet tad‑19 ta’ Diċembru 2013, da Silva Tenreiro vs Il‑Kummissjoni, T‑32/13 P, EU:T:2013:721, punti 32 u 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

171    Issa, għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamel il-Kunsill, li r-rikorrenti ma tipproduċi ebda indizju li jista’ juri li l-Kunsill wettaq użu ħażin ta’ poter.

172    Fil-fatt, ir-rikorrenti tidher li tibbaża din l-affermazzjoni fuq il-konstatazzjoni li d-dispożizzjoni kkontestata temmet il-finanzjamenti li hija kienet tirċievi mill-Unjoni. Madankollu, din il-konstatazzjoni ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li l-Kunsill għamel użu mis-setgħat li huwa għandu skont ir-Regolament 2020/2092 għal għan differenti minn dak li jipproteġi l-baġit tal-Unjoni kontra l-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fl-Ungerija jew bl-għan li jevita proċedura prevista speċifikament mit-Trattati jew mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

173    F’dan ir-rigward, il-Kunsill josserva, ġustament, li l-Kummissjoni u huwa stess segwew il-proċedura prevista mir-Regolament 2020/2092, mingħajr ma r-rikorrenti pproduċiet il-prova kuntrarja, u li din il-proċedura għandha għan leġittimu rrikonoxxut mit-Trattati, jiġifieri l-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni, b’rabta mal-osservanza tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt.

174    Għaldaqstant, fil-kuntest tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/2506 u, b’mod partikolari, tad-dispożizzjoni kkontestata, il-Kunsill eżerċita kompetenza dwar l-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 322(1)(a) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑157/21, EU:C:2022:98, punt 241).

175    Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107 TFUE

176    Permezz tal-ħames motiv tagħha, ir-rikorrenti, sostnuta mill-Ungerija, issostni li d-dispożizzjoni kkontestata toħloq distorsjoni tas-suq sa fejn kellha effett immedjat fuq il-proġetti ta’ riċerka u ta’ żvilupp u tipperikola l-parteċipazzjoni tagħha fil-programmi Erasmus+ u Horizon Europe. Issa, l-applikazzjoni ta’ kundizzjonijiet mhux simili għal atturi kummerċjali ekwivalenti jew simili twassal għal diskriminazzjoni u tista’ twassal għal distorsjoni tas-suq.

177    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ssostni li d-dispożizzjoni kkontestata tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u tikser l-Artikolu 107 TFUE.

178    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, iqis, prinċipalment, li dan il-motiv huwa inammissibbli minħabba n-nuqqas ta’ ċarezza, ta’ koerenza u ta’ struttura tiegħu u jikkontesta, sussidjarjament, l-argumenti tar-rikorrenti fuq il-mertu.

179    Preliminarjament, għandha tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill, abbażi tal-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura.

180    Fil-fatt, minkejja li l-argumenti żviluppati mir-rikorrenti, insostenn ta’ dan il-motiv, ma humiex partikolarment preċiżi, mis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha jirriżulta li hija qiegħda ssostni b’mod ċar li d-dispożizzjoni kkontestata hija illegali sa fejn toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni skont l-Artikolu 107 TFUE.

181    Sussegwentement, għandu jitfakkar li l-Artikolu 107(1) TFUE jiddikjara inkompatibbli mas-suq intern, sa fejn taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, l-għajnuna mogħtija mill-Istati jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat taħt kwalunkwe forma li twassal għal distorsjoni jew għal theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi.

182    F’dan ir-rigward, sabiex vantaġġi jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, dawn il-vantaġġi għandhom, minn naħa, jingħataw direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat u, min-naħa l-oħra, ikunu attribwibbli lill-Istat (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

183    Issa, id-dispożizzjoni kkontestata ma tistax titqies li hija għajnuna mill-Istat peress li, b’mod partikolari, il-finanzjamenti li tirreferi għalihom huma riżorsi tal-Unjoni, ġestiti direttament jew indirettament mill-Unjoni, mingħajr marġni ta’ evalwazzjoni tal-Istati Membri.

184    B’hekk, il-ħames motiv kif ukoll, għaldaqstant, ir-rikors fl-intier tiegħu, għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

185    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill, konformement mat-talbiet ta’ dan tal-aħħar, bl-eċċezzjoni ta’ dawk sostnuti fil-kuntest tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà miċħuda permezz tad-digriet tal‑4 ta’ April 2024, Semmelweis Egyetem vs Il‑Kunsill (T‑138/23, mhux ippubblikat, EU:T:2024:211), li għandhom jiġu sostnuti mill-Kunsill.

186    Konformement mal-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Ungerija u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom stess.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Awla Intermedja)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Semmelweis Egyetem hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni ta’ dawk sostnuti fil-kuntest tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà miċħuda permezz tad-digriet tal‑4 ta’ April 2024, Semmelweis Egyetem vs Il‑Kunsill (T‑138/23, mhux ippubblikat, EU:T:2024:211), li għandhom jiġu sostnuti mill-Kunsill.

3)      L-Ungerija u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom stess.

Papasavvas

Costeira

Truchot

Schwarcz

Kancheva

Öberg

Zilgalvis

Tichy-Fisslberger

Verschuur

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-30 ta’ Settembru 2026.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.