Brussell, 4.6.2025

COM(2025) 224 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tas-Slovenja

{SWD(2025) 224 final}


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tas-Slovenja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

(1)Ir-Regolament (UE) 2024/1263, li daħal fis-seħħ fit-30 ta’ April 2024, jispeċifika l-objettivi tal-qafas ta’ governanza ekonomika, li għandu l-għan jippromwovi l-finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv u r-reżiljenza permezz ta’ riformi u investimenti, u li jipprevjeni defiċits eċċessivi tal-gvern. Ir-Regolament jistipula li l-Kunsill u l-Kummissjoni jwettqu sorveljanza multilaterali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew f’konformità mal-objettivi u mar-rekwiżiti stabbiliti fit-TFUE. Is-Semestru Ewropew jinkludi, b’mod partikolari, il-formulazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u s-sorveljanza tal-implimentazzjoni tagħhom. Ir-Regolament jippromwovi wkoll is-sjieda nazzjonali tal-politika fiskali u jenfasizza l-fokus tagħha fuq it-terminu medju, flimkien ma’ infurzar aktar effettiv u aktar koerenti. Kull Stat Membru jrid jissottometti lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju li jkun fih l-impenji fiskali, ta’ riforma u ta’ investiment tiegħu, fuq perjodu ta’ 4 jew 5 snin, skont it-tul tat-terminu leġiżlattiv nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta 2 f’dawn il-pjanijiet għandu jkun konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament, inkluż mar-rekwiżiti li d-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors plawżibbli ’l isfel sat-tmiem tal-perjodu ta’ aġġustament, jew li jibqa’ f’livelli prudenti taħt is-60 % tal-prodott domestiku gross (PDG), u li d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG kif stabbilit mit-Trattat, fuq terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta’ riformi u investimenti f’konformità mal-kriterji stabbiliti fir-Regolament, il-perjodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż b’mhux aktar minn 3 snin.

(2)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 , li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (l-“RRF”), daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. L-RRF tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, li jagħtu impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, l-RRF trawwem irkupru ekonomiku u soċjali filwaqt li tmexxi riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari billi tippromwovi t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u billi tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-Unjoni u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

(3)Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 (ir-“Regolament REPowerEU”), li ġie adottat fis-27 ta’ Frar 2023, għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi. Dan jgħin biex tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza fl-enerġija. Is-Slovenja żiedet kapitolu REPowerEU ġdid mal-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex tiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li se jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU.

(4)Fit-30 ta’ April 2021, is-Slovenja ppreżentat il-pjan tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni stipulati fl-Anness V. Fl-20 ta’ Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tiegħu li tapprova l-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għas-Slovenja 5 , li ġiet emendata bl-Artikolu 18(2) tas-16 ta’ Ottubru 2023 biex tiġi aġġornata l-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, kif ukoll biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU 6 . Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq l-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 24(5), li tiddikjara li s-Slovenja tkun laħqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stipulati fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. L-ilħuq sodisfaċenti jirrikjedi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti għall-istess riforma jew investiment ma tkunx treġġgħet lura.

(5)Fil-21 ta’ Jannar 2025, il-Kunsill, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tas-Slovenja 7 . Il-pjan ġie ppreżentat f’konformità mal-Artikolu 11 u mal-Artikolu 36(1)(a) tar-Regolament (UE) 2024/1263, ikopri l-perjodu mill-2025 sal-2028 u jippreżenta firxa ta’ aġġustament fiskali fuq 4 snin.

(6)Fis-26 ta’ Novembru 2024, il-Kummissjoni adottat opinjoni dwar l-abbozz ta’ pjan baġitarju tal-2025 tas-Slovenja. Fl-istess ġurnata, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija tal-2025, li fih hija ma identifikatx lis-Slovenja bħala wieħed mill-Istati Membri li għalih kien meħtieġ rieżami fil-fond. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2025, li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro 8 fit-13 ta’ Mejju 2025 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi fl-10 ta’ Marzu 2025.

(7)Fid-29 ta’ Jannar 2025, il-Kummissjoni ppubblikat il-Boxxla għall-Kompetittività, qafas strateġiku li għandu l-għan li jagħti spinta lill-kompetittività globali tal-UE matul il-5 snin li ġejjin. Hija tidentifika t-tliet imperattivi trasformattivi ta’ tkabbir ekonomiku sostenibbli: (i) l-innovazzjoni; (ii) id-dekarbonizzazzjoni u l-kompetittività; u (iii) is-sigurtà. Biex tnaqqas id-diskrepanza fl-innovazzjoni, l-UE għandha l-għan li trawwem l-innovazzjoni industrijali, tappoġġa t-tkabbir tan-negozji ġodda permezz ta’ inizjattivi bħall-Istrateġija tal-UE għall-kumpaniji Start-up u Scale-up, u tippromwovi l-adozzjoni ta’ teknoloġiji avvanzati bħall-intelliġenza artifiċjali u l-computing kwantistiku. B’ħarsa lejn il-mira ta’ ekonomija aktar ekoloġika, il-Kummissjoni ddeskriviet Pjan ta’ Azzjoni komprensiv dwar l-enerġija affordabbli u Patt għal Industrija Nadifa, li jiżguraw li l-bidla lejn enerġija nadifa tibqa’ kosteffettiva, favur il-kompetittività, b’mod partikolari għas-setturi intensivi fl-enerġija, u li jixprunaw it-tkabbir. Biex tnaqqas dipendenzi eċċessivi u żżid is-sigurtà, l-Unjoni hija impenjata li ssaħħaħ is-sħubijiet kummerċjali globali, tiddiversifika l-ktajjen tal-provvista u tiżgura l-aċċess għal materja prima kritika u sorsi ta’ enerġija nadifa. Dawn il-prijoritajiet huma sostnuti minn faċilitaturi orizzontali, jiġifieri s-simplifikazzjoni regolatorja, l-approfondiment tas-suq uniku, il-finanzjament tal-kompetittività kif ukoll Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti, il-promozzjoni tal-ħiliet u tax-xogħlijiet ta’ kwalità, u koordinazzjoni aħjar tal-politiki tal-UE. Il-Boxxla għall-Kompetittività hija allinjata mas-Semestru Ewropew, li jiżgura li l-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri jkunu konsistenti mal-objettivi strateġiċi tal-Kummissjoni, u li fil-governanza ekonomika jinħoloq approċċ unifikat li jrawwem it-tkabbir sostenibbli, l-innovazzjoni u r-reżiljenza madwar l-Unjoni.

(8)Fl-2025, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jiżviluppa biswit l-implimentazzjoni tal-RRF. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika fil-qafas tas-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż għadhom ugwalment rilevanti għall-valutazzjoni tal-pjanijiet emendati għall-irkupru u r-reżiljenza f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(9)Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2025 ikopru l-isfidi ewlenin tal-politika ekonomika li mhumiex indirizzati biżżejjed mill-miżuri inklużi fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza, filwaqt li jqisu l-isfidi rilevanti identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019–2024.

(10)Fl-4 ta’ Ġunju 2025, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2025 għas-Slovenja. F’dan ġie vvalutat il-progress tas-Slovenja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti u ħa kont tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tas-Slovenja. Abbażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika l-aktar sfidi urġenti li qed tiffaċċja s-Slovenja. Huwa vvaluta wkoll il-progress tas-Slovenja fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.

Valutazzjoni tar-Rapport ta’ Progress Annwali

(11)Fil-21 ta’ Jannar 2025, il-Kunsill irrakkomanda r-rati massimi ta’ tkabbir li ġejjin tan-nefqa netta għas-Slovenja: 5,6 % fl-2025, 4,4 % fl-2026, 4,1 % fl-2027, u 4,0 % fl-2028, li jikkorrispondu għar-rati ta’ tkabbir kumulattivi massimi kkalkulati b’referenza għall-2023 ta’ 12,1 % fl-2025, 17,0 % fl-2026, 21,8 % fl-2027, u 26,6 % fl-2028. Fit-28 ta’ April 2025, is-Slovenja ppreżentat ir-Rapport ta’ Progress Annwali tagħha 9 , dwar l-aderenza mar-rati massimi ta’ tkabbir rakkomandati tan-nefqa netta u l-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tas-Semestru Ewropew. Ir-Rapport ta’ Progress Annwali jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tas-Slovenja dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(12)Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u r-riperkussjonijiet tagħha jikkostitwixxu sfida eżistenzjali għall-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni rrakkomandat l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir b’mod koordinat biex tappoġġa l-isforzi tal-UE biex tikseb żieda rapida u sinifikanti fl-infiq fid-difiża u din il-proposta ntlaqgħet mill-Kunsill Ewropew tas-6 ta’ Marzu 2025. Wara t-talba tas-Slovenja fid-29 ta’ April 2025, fi [data], il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni li tippermetti lis-Slovenja tiddevja mir-rati massimi ta’ tkabbir rakkomandati tan-nefqa netta u taqbeż dawn ir-rati 10 .

(13)Fuq il-bażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat 11 , id-defiċit tal-gvern estiż tas-Slovenja naqas minn 2,6 % tal-PDG fl-2023 għal 0,9 % fl-2024, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż naqas minn 68,4 % tal-PDG fi tmiem l-2023 għal 67,0 % fi tmiem l-2024. Skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal rata ta’ tkabbir fin-nefqa netta ta’ 4,5 % fl-2024. Fir-Rapport ta’ Progress Annwali, is-Slovenja wkoll tistma li t-tkabbir fin-nefqa netta fl-2024 kien 4,5 %. Fuq il-bażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali 12 , li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll dik iffinanzjata mill-UE, kienet restrittiva, b’1,1 % tal-PDG, fl-2024.

(14)Skont ir-Rapport ta’ Progress Annwali, ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji mis-Slovenja jistenna tkabbir tal-PDG reali ta’ 2,1 % fl-2025 u 2,4 % fl-2026, filwaqt li l-inflazzjoni tal-HICP hija pprojettata għal 2,3 % fl-2025 u 2,3 % fl-2026. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-PDG reali jikber b’2,0 % fl-2025 u 2,4 % fl-2026, u li l-inflazzjoni tal-HICP tkun 2,1 % fl-2025 u 1,9 % fl-2026.

(15)Fir-Rapport ta’ Progress Annwali, id-defiċit tal-gvern estiż mistenni jiżdied għal 1,9 % tal-PDG fl-2025, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG mistenni jonqos għal 66,0 % sa tmiem l-2025. Dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir fin-nefqa netta ta’ 5,3 % fl-2025. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern estiż ta’ 1,3 % tal-PDG għall-2025. Iż-żieda tad-defiċit fl-2025 tirrifletti prinċipalment introjtu aktar baxx mill-proprjetà u kumpens ogħla lill-impjegati minħabba l-introduzzjoni gradwali tar-riforma tal-pagi tas-settur pubbliku. Skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir fin-nefqa netta ta’ 4,6 % fl-2025. Dawn il-projezzjonijiet aktar baxxi tat-tkabbir fin-nefqa netta milli fir-Rapport ta’ Progress Annwali u d-differenza bejn il-bilanċ tal-gvern estiż ipprojettat mill-Kummissjoni u mis-Slovenja huma dovuti l-aktar għal projezzjoni aktar baxxa tal-formazzjoni grossa tal-kapital fiss u valutazzjoni differenti tal-miżuri tad-dħul diskrezzjonali. Il-Kummissjoni tipprojetta wkoll dħul ogħla mit-taxxi fuq il-produzzjoni u l-importazzjonijiet u mill-kontribuzzjonijiet soċjali li jkomplu jispjegaw id-differenza bejn il-bilanċ tal-gvern estiż kif ipprojettat mill-Kummissjoni u mis-Slovenja. Abbażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali, li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll dik iffinanzjata mill-UE, hi projettata li tkun espansjonarja, b’0,3 % tal-PDG, fl-2025. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jonqos għal 65,5 % sa tmiem l-2025.

(16)In-nefqa tal-gvern estiż li tammonta għal 0,9 % tal-PDG hija mistennija li tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2025, meta mqabbla ma’ 0,3 % tal-PDG fl-2024, skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni. In-nefqa ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se tippermetti investiment ta’ kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq il-bilanċ tal-gvern estiż u d-dejn tas-Slovenja.

(17)In-nefqa fid-difiża tal-gvern estiż fis-Slovenja baqgħet stabbli b’1,2 % tal-PDG bejn l-2021 u l-2023 13 . Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, in-nefqa fuq id-difiża hija pprojettata għal 1,4 % tal-PDG fl-2024 u 1,6 % tal-PDG fl-2025. Dan jikkorrispondi għal żieda ta’ 0,4 punti perċentwali tal-PDG meta mqabbel mal-2021. Il-perjodu meta tiġi attivata l-klawżola liberatorja nazzjonali (2025-2028) jippermetti lis-Slovenja tipprijoritizza mill-ġdid in-nefqa tal-gvern jew iżżid id-dħul tal-gvern sabiex in-nefqa fid-difiża, li tkun ogħla b’mod dejjiemi, ma tipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju.

(18)Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, in-nefqa netta fis-Slovenja hija projettata li tikber b’4,6 % kemm fl-2025 u 9,3 % b’mod kumulattiv fl-2024 u fl-2025. Abbażi tat-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, it-tkabbir tan-nefqa netta tas-Slovenja fl-2025 huwa pprojettat li jkun taħt ir-rata massima ta’ tkabbir rakkomandata, kemm annwalment kif ukoll meta l-2024 u l-2025 jitqiesu flimkien.

(19)Ir-Rapport ta’ Progress Annwali ma jinkludix projezzjonijiet baġitarji wara l-2025. Abbażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta’ 1,5 % tal-PDG fl-2026. Iż-żieda tad-defiċit fl-2026 tirrifletti prinċipalment kumpens ogħla lill-impjegati. Dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir fin-nefqa netta ta’ 7,0 % fl-2026. Abbażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali, li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll dik iffinanzjata mill-UE, hi projettata li tkun espansjonarja, b’0,8 % tal-PDG, fl-2026. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG hu projettat mill-Kummissjoni li jonqos għal 63,8 % fi tmiem l-2026.

Sfidi ewlenin tal-politika

(20)Għalkemm il-proporzjon tat-taxxa għall-PDG tas-Slovenja għadu taħt il-medja tal-UE, il-kompożizzjoni tiegħu ma tantx tiffavorixxi t-tkabbir. L-ogħla kategorija tat-taxxa fuq l-introjtu personali u l-porzjon ta’ taxxa fuq ix-xogħol 14 għal persuna mhux miżżewġa għal diversi livelli ta’ introjtu għadhom fost l-ogħla fl-UE. Fl-istess ħin, it-taxxi fuq il-proprjetà, inklużi t-taxxi rikorrenti fuq il-proprjetà, għadhom baxxi ħafna, b’inqas minn nofs il-medja tal-UE. It-tnaqqis tal-porzjon tat-taxxa fuq ix-xogħol inaqqas il-kostijiet lavorattivi, jagħti spinta lid-domanda għax-xogħol u jtejjeb il-kompetittività. Barra minn hekk, pagi netti ogħla jistgħu jagħtu spinta lill-provvista ta’ ħaddiema. Għalkemm is-sehem tad-dħul mit-taxxa ambjentali huwa ogħla mill-medja tal-UE, is-sistema tat-taxxa tista’ tintuża biex tippromwovi aktar l-objettivi ekoloġiċi, inkluż billi jiġi applikat il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”.

(21)Żieda sostanzjali fil-kostijiet tat-tixjiħ hija pprojettata għas-Slovenja, li tirriżulta f’żidiet fl-infiq fuq il-kura tas-saħħa, il-kura fit-tul u s-sistemi tal-pensjonijiet fid-deċennji li ġejjin. Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza diġà fih diversi miżuri li jappoġġaw is-sostenibbiltà fiskali ta’ dawn is-sistemi u l-introduzzjoni ta’ klawżola ta’ rieżami fl-Att dwar il-Kura fit-Tul tista’ titqies bħala titjib sostanzjali. Lil hinn mill-pjan, madankollu jkun importanti li jiġi mmonitorjat l-infiq biex jiġu żgurati l-adegwatezza u s-sostenibbiltà fiskali tal-protezzjoni soċjali peress li ħafna elementi tas-sistemi msemmija hawn fuq għadhom ma ġewx iffinalizzati u ċ-ċirkostanzi ekonomiċi jinsabu fi fluss kostanti. Ir-rieżamijiet tal-infiq huma rikonoxxuti bħala għodda utli għall-identifikazzjoni ta’ oqsma ta’ nfiq ta’ prijorità aktar baxxa jew ineffiċjenti, u l-iffrankar li jirriżulta jista’ jiġi riallokat biex jiġu indirizzati sfidi fiskali ġodda fid-difiża, u t-trasformazzjonijiet diġitali u ekoloġiċi u biex jingħalaq id-distakk fl-innovazzjoni fejn in-nefqa se jkollha tiġi sostnuta f’livell ogħla.

(22)F’konformità mal-Artikolu 19(3)(b) tar-Regolament (UE) 2021/241 u l-kriterju 2.2 tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li mistennijin jiġu implimentati sal-2026. Dawn mistennijin jgħinu biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F’dan il-perjodu ta’ żmien strett, il-finalizzazzjoni tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul tas-Slovenja permezz tat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Biex twettaq l-impenji tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza sa Awwissu 2026, huwa essenzjali li s-Slovenja tkompli żżid il-pass tal-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti billi tindirizza l-isfidi rilevanti. Hemm konċentrazzjoni qawwija ta’ investimenti lejn tmiem il-perjodu ta’ implimentazzjoni, li jista’ joħloq sfidi sinifikanti ta’ kapaċità f’diversi livelli. Dan għalhekk jistħoqqlu attenzjoni speċjali. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ essenzjali biex tiġi żgurata responsabbiltà wiesgħa għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.

(23)L-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, li jinkludu appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF), u l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u l-Fond ta’ Koeżjoni (FK), aċċellerat fis-Slovenja. Huwa importanti li jkomplu l-isforzi biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni rapida ta’ dawn il-programmi, filwaqt li jiġi massimizzat l-impatt tagħhom fil-prattika. Is-Slovenja diġà qed tieħu azzjoni fil-qafas tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni tagħha biex tagħti spinta lill-kompetittività u t-tkabbir. Fl-istess ħin, is-Slovenja tkompli tiffaċċja sfidi, inkluż il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kompetittività billi tiffoka fuq l-innovazzjoni, inkluż billi tiżviluppa u timmanifattura teknoloġiji kritiċi, kif ukoll sfidi relatati mat-tranżizzjoni tal-enerġija, ir-reżiljenza tal-ilma u l-akkomodazzjoni, li huma speċjalment rilevanti għaċ-ċentri urbani u ż-żoni li jiffaċċjaw turiżmu għoli, nuqqas u spariġġi fil-ħiliet, inkluż fir-rigward tal-ħiliet diġitali u ekoloġiċi, l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-ħaddiema migranti u tal-gruppi vulnerabbli, id-deistituzzjonalizzazzjoni u l-iżvilupp ta’ servizzi soċjali bbażati fil-komunità ta’ kwalità, adegwati u affordabbli. F’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060, is-Slovenja hija meħtieġa — bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni — tirrieżamina kull programm filwaqt li tikkunsidra fost l-oħrajn l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024. Il-proposti tal-Kummissjoni adottati fl-1 ta’ April 2025 15 jestendu l-iskadenza għas-sottomissjoni ta’ valutazzjoni — għal kull programm — tal-eżitu tar-rieżami ta’ nofs it-terminu lil hinn mill-31 ta’ Marzu 2025. Hija tipprovdi wkoll flessibbiltajiet biex titħaffef l-implimentazzjoni tal-programm, u inċentivi għall-Istati Membri biex jallokaw riżorsi tal-politika ta’ koeżjoni għal ħames oqsma strateġiċi ta’ prijorità tal-Unjoni, jiġifieri l-kompetittività fit-teknoloġiji strateġiċi, id-difiża, l-akkomodazzjoni, ir-reżiljenza tal-ilma u t-tranżizzjoni tal-enerġija.

(24)Il-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP) tipprovdi l-opportunità li jsir investiment fi prijorità strateġika ewlenija tal-UE billi tissaħħaħ il-kompetittività tal-UE. Hemm 11-il fond eżistenti tal-UE li jikkontribwixxu għal STEP. L-Istati Membri jistgħu jikkontribwixxu wkoll għall-programm InvestEU, li jappoġġa investimenti f’oqsma ta’ prijorità. Is-Slovenja tista’ tagħmel użu minn dawn l-inizjattivi biex tappoġġa l-iżvilupp jew il-manifattura ta’ teknoloġiji kritiċi, inklużi teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi.

(25)Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-UE, is-Slovenja qed tiltaqa’ ma’ diversi sfidi addizzjonali relatati mas-settur tal-enerġija, mat-trasport sostenibbli, mar-reżiljenza għat-tibdil fil-klima u mal-ambjent, mal-ambjent tan-negozju, mal-kompetittività u man-nuqqas ta’ ħaddiema.

(26)Kif stabbilit fil-Boxxla għall-Kompetittività, l-istituzzjonijiet kollha tal-UE, nazzjonali u lokali jridu jagħmlu sforz kbir biex jipproduċu regoli aktar sempliċi u biex jaċċelleraw il-ħeffa tal-proċeduri amministrattivi. Il-Kummissjoni stabbiliet miri ambizzjużi għat-tnaqqis tal-piż amministrattiv: b’mill-inqas 25 % u b’mill-inqas 35 % għall-SMEs; u ħolqot għodod ġodda biex jintlaħqu dawn il-miri, inkluż test tal-istress sistematiku tal-istokk tal-leġiżlazzjoni tal-UE u djalogu msaħħaħ mal-partijiet ikkonċernati. Biex tirrealizza din l-ambizzjoni, is-Slovenja trid tieħu azzjoni. 67 % tan-negozji jqisu l-kumplessità tal-proċeduri amministrattivi bħala problema għall-kumpanija tagħhom meta jagħmlu negozju fis-Slovenja 16 .. L-ostakli regolatorji f’ċerti setturi għadhom iktar sinifikanti milli fil-bqija tal-UE. It-tnaqqis tal-ostakli regolatorji fis-settur tas-servizzi professjonali jagħmel l-entrata f’dan is-settur aktar faċli u jista’ jtejjeb il-kwalità u jbaxxi l-prezzijiet kif ukoll jgħin biex jintlaħqu l-objettivi ta’ simplifikazzjoni tal-UE. B’mod partikolari, il-professjonijiet fil-qasam tal-ġustizzja huma rregolati b’mod aktar strett milli f’pajjiżi oħra tal-UE. It-tensjonijiet fis-suq tax-xogħol mistennijin jippersistu billi l-popolazzjoni qed tixjieħ, u b’hekk ir-restrizzjonijiet f’dawn il-professjonijiet jaffettwaw b’mod negattiv l-attività ekonomika u jistgħu jillimitaw it-tkabbir fit-tul. Skont l-indiċi tar-restrizzjoni tal-kummerċ tal-OECD, is-Slovenja hija wieħed mill-aktar Stati Membri restrittivi għall-kummerċ fis-servizzi.

(27)Id-dinamiżmu tan-negozju tas-Slovenja ddgħajjef fl-aħħar snin. Huma importanti l-ħolqien ta’ kumpaniji ġodda u l-istralċ ta’ kumpaniji ineffiċjenti sabiex ir-riżorsi jkunu jistgħu jiġu allokati mill-ġdid b’mod effiċjenti għal użi aktar produttivi u għal prodotti u servizzi aktar innovattivi. Sal-2020, id-dħul u l-ħruġ ta’ kumpaniji mis-suq kienu ogħla mill-medja tal-UE, li jirrifletti kapaċità qawwija ta’ aġġustament għal opportunitajiet ġodda, iżda kien evidenti tnaqqis f’dawn l-aħħar snin, minħabba, b’mod partikolari, tnaqqis fir-rata ta’ ħruġ tal-kumpaniji. Filwaqt li l-ħruġ tal-kumpaniji mis-suq ma jistax jitqies bħala objettiv fih innifsu, il-miżuri li jimmiraw li jipproteġu l-istruttura tal-produzzjoni eżistenti ma għandhomx ikunu eċċessivi. Il-ħolqien u t-tkabbir addizzjonali ta’ kumpaniji ġodda jistgħu jgħinu biex jiżdiedu l-produttività u l-kompetittività tal-ekonomija.

(28)Il-kumpaniji Sloveni jiddependu prinċipalment fuq krediti bankarji u rarament ikunu jistgħu jisfruttaw is-swieq finanzjarji għall-finanzjament mill-ħruġ ta’ bonds jew ta’ ekwità. Fi tmiem l-2023, is-sehem tal-kreditu bankarju fis-sorsi kollha ta’ finanzjament ta’ korporazzjonijiet mhux finanzjarji fis-Slovenja kien simili għall-medja tal-UE, iżda s-sehem tal-ishma u l-bonds elenkati kien biss terz tal-medja tal-UE. Il-possibbiltà li jinkiseb aktar kapital minbarra mis-self jippermetti lill-kumpaniji fis-Slovenja jwettqu investimenti aktar ambizzjużi u orjentati lejn l-iżvilupp b’riskju ogħla. B’mod partikolari, l-investiment kapitali ta’ riskju relattiv għall-PDG huwa fost l-aktar baxxi fl-UE, u dan ixekkel it-tkabbir ta’ kumpaniji start-up. L-investituri istituzzjonali mhumiex qed jipparteċipaw biżżejjed f’dawn is-swieq. It-titjib ulterjuri tal-kundizzjonijiet għall-finanzjament mill-ekwità u l-kapital ta’ riskju, pereżempju bl-inkoraġġiment tal-investiment tal-fondi tal-pensjonijiet, u l-investiment tat-tfaddil tal-unitajiet domestiċi permezz tal-kontijiet ta’ investiment individwali, jista’ jgħin biex jattira aktar kapital barrani u jgħin lil start-ups innovattivi biex jespandu.

(29)Skont it-Tabella ta’ Valutazzjoni Ewropea tal-Innovazzjoni tal-2024 17 , il-prestazzjoni tal-innovazzjoni tas-Slovenja baqgħet kemxejn taħt il-medja tal-UE fl-2024 u tjiebet inqas mill-medja tal-UE bejn l-2017 u l-2024. In-nefqa pubblika fuq ir-riċerka, in-nefqa fuq l-innovazzjoni mhux fuq ir-riċerka mill-kumpaniji u n-nefqa fuq l-innovazzjoni għal kull impjegat għadhom relattivament baxxi fis-Slovenja. Sabiex tilħaq l-objettiv tagħha stess li ssir innovatur ewlieni sal-2030, is-Slovenja jkollha żżid l-investiment tagħha fir-riċerka u l-iżvilupp skont l-impenji li ħadet fl-istrateġija tar-RŻI tagħha skont il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha. L-implimentazzjoni sħiħa u rapida tal-leġiżlazzjoni rilevanti tista’ tipprovdi bażi tajba għal investiment fir-riċerka u tgħin biex jintlaħaq dan l-għan.

(30)Abbażi tal-istħarriġ tal-Kummissjoni dwar il-fiduċja fin-negozju 18 , il-maniġers tan-negozju fl-industrija Slovena ilhom jirrapportaw in-nuqqas ta’ ħaddiema bħala fattur b’saħħtu ħafna li jillimita l-attività ekonomika minn nofs l-2021. Ir-rati tal-postijiet tax-xogħol battala huma qrib il-medja tal-UE. Peress li s-suq tax-xogħol mistenni jibqa’ taħt tensjoni, l-ispariġġ ġenerali fil-ħiliet huwa ta’ tħassib. Il-ħiliet disponibbli ma jikkorrispondux mad-domanda fis-suq tax-xogħol. Fl-2024, ir-rati tal-postijiet tax-xogħol battala f’setturi ewlenin bħall-industrija, il-kostruzzjoni u s-servizzi baqgħu għoljin, għalkemm naqsu meta mqabbla mas-sena preċedenti. Kważi nofs l-impjegaturi sabuha diffiċli biex jimpjegaw ħaddiema xierqa, inkluż fost l-oħrajn individwi b’edukazzjoni vokazzjonali u postsekondarja, li jimmina l-produttività tal-kumpaniji u l-kapaċità ta’ innovazzjoni tagħhom.

(31)Bejn l-2018 u l-2022, il-ħiliet bażiċi taż-żgħażagħ ta’ 15-il sena ddeterjoraw, u dan joħloq sfida għall-iżvilupp tal-ħiliet fil-futur. Filwaqt li bejn l-2015 u l-2018, il-progress insuffiċjenti kien qrib il-mira ffissata fil-livell tal-UE ta’ 15 %, dan żdied b’mod sinifikanti fil-matematika u fil-qari bejn l-2018 u l-2022. In-nuqqas ta’ għalliema qed jiżdied hekk saret sfida biex il-professjoni tat-tagħlim tibqa’ attraenti. Fl-2022, madwar 42 % tal-istudenti fis-Slovenja attendew skejjel fejn it-tagħlim kien kompromess minn nuqqas ta’ persunal li jgħallem.

(32)Abbażi tad-data dwar il-postijiet tax-xogħol battala, il-professjonisti tal-ICT, b’mod partikolari gradwati ġodda fl-ICT, huma skarsi. Dan joħloq problema biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tat-trasformazzjoni diġitali fis-settur korporattiv. In-nuqqas ta’ kompetenzi diġitali fost il-popolazzjoni huwa sfida għall-popolazzjoni adulta kollha, iżda b’mod partikolari għall-persuni qiegħda u dawk li ma għandhomx aċċess għall-għodod diġitali. Għandha tingħata wkoll attenzjoni speċjali lill-ħiliet ekoloġiċi, peress li n-nuqqas ta’ ħaddiema huwa prevalenti f’ħafna okkupazzjonijiet li jeħtieġu ħiliet speċjalizzati jew għarfien espert essenzjali għat-tranżizzjoni ekoloġika.

(33)Filwaqt li l-forza tax-xogħol ma għandhiex ħiliet rilevanti għas-suq tax-xogħol, inkluż fl-oqsma diġitali u STEM, il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni għall-adulti naqset. Is-Slovenja hija ’l bogħod sew mill-mira ambizzjuża tagħha ta’ rata ta’ parteċipazzjoni ta’ 60 %. In-nuqqas ta’ ħiliet diġitali jimpedixxi lil ħafna adulti milli jimxu lejn setturi ta’ impjieg b’aktar ħiliet. L-isfidi kienu l-aktar evidenti fost individwi li huma kbar fl-età jew li għandhom kwalifiki ta’ livell aktar baxx, dawk bi sfond ta’ migrazzjoni, u persuni li ma jaħdmux.

(34)Il-ħaddiema mwielda barra l-pajjiż bħalissa jirrappreżentaw 15 % tal-forza tax-xogħol tal-pajjiż. Mill-2019, l-għadd ta’ ħaddiema barranin żdied bi 48,7 %. Il-biċċa l-kbira minnhom huma ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet: 9 minn 10 ma għandhomx aktar minn edukazzjoni primarja u aktar minn terz jaħdmu bil-paga minima. Is-suq tax-xogħol Sloven ibbenefika mill-influss ta’ dawn il-ħaddiema iżda għad hemm nuqqasijiet, anke għall-impjiegi li jirrikjedu livell għoli ta’ ħiliet. Minkejja l-miżuri meħuda, għad hemm akkumulazzjoni sinifikanti ta’ applikazzjonijiet għal permessi sottomessi minn ħaddiema barranin, minħabba rekwiżiti legali eċċessivament ikkumplikati.

(35)In-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet ifixkel il-forniment bla xkiel ta’ servizzi, b’mod partikolari fis-setturi tal-kura u tat-tagħlim. Ir-rati tal-postijiet tax-xogħol battala fis-settur tal-kura u fl-iskejjel għadhom relattivament għoljin. Peress li l-fornituri ta’ dawn is-servizzi għandhom diffikultajiet biex jimlew il-pożizzjonijiet vakanti, l-ammont ta’ xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-persunal eżistenti qed ikomplu jiddeterjoraw. Sabiex tingħata spinta lill-kompetittività u t-tkabbir, iż-żieda fil-provvista ta’ ħaddiema, inkluż billi tiġi stimulata aktar il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari ta’ ħaddiema akbar fl-età u ħaddiema b’livelli aktar baxxi ta’ ħiliet, l-attrazzjoni ta’ ħaddiema minn pajjiżi mhux tal-UE, u t-tisħiħ tal-integrazzjoni tal-ħaddiema migranti fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà huma kruċjali.

(36)Il-fjuwils fossili, li proporzjon kbir minnhom huma importati, għadhom jikkostitwixxu sehem sinifikanti mit-taħlita tal-enerġija tas-Slovenja (58 %), li jikkontribwixxi għal prezzijiet ogħla u aktar volatili, li min-naħa tagħhom jaffettwaw il-kompetittività. Huma meħtieġa sforzi kkonċentrati biex jiġu aċċellerati l-introduzzjoni tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fis-setturi kollha, l-adozzjoni tal-ħżin tal-enerġija u l-implimentazzjoni ta’ miżuri tal-effiċjenza enerġetika.

(37)Il-proċeduri għall-għoti ta’ permessi u amministrattivi għall-installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli fuq skala ta’ grilja, b’mod partikolari t-turbini eoliċi, għadhom ostaklu kbir, minħabba l-proċeduri kumplessi u twal fil-livell ambjentali u muniċipali, li ġieli jdumu diversi snin. Is-Slovenja ma rreġistrat l-ebda żieda fil-kapaċità tal-enerġija mir-riħ fl-aħħar deċennju minkejja l-potenzjal eżistenti. Id-deżinjazzjoni ta’ żoni għal turbini eoliċi b’regoli dettaljati dwar l-ippjanar spazjali tista’ tgħin biex jiġi sfruttat il-potenzjal. Barra minn hekk, il-bini tal-kapaċità fil-forma ta’ taħriġ u riżorsi addizzjonali disponibbli għall-awtoritajiet lokali jistgħu jgħinu biex jitħaffef il-varar ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

(38)Ir-restrizzjonijiet tal-grilja, b’mod partikolari fil-livell tad-distribuzzjoni, jipprevjenu li jiġi konness sehem akbar ta’ installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli (aktar minn 20 % tat-talbiet fil-livell ta’ vultaġġ baxx jiġu rrifjutati), li jenfasizza l-ħtieġa għal tisħiħ. Filwaqt li komplew jiġu implimentati miżuri biex tissaħħaħ il-grilja permezz tal-RRF, inkluż taħt il-kapitolu REPowerEU, is-Slovenja jeħtieġ li żżid l-isforzi tagħha, inkluż billi tintroduċi komponenti ta’ grilji intelliġenti. Filwaqt li l-miżuri tal-effiċjenza enerġetika, speċjalment ir-rinnovazzjoni tal-bini, komplew jiġu implimentati permezz tal-qafas ta’ finanzjament nazzjonali u fondi differenti tal-UE, inkluż l-RRF, is-Slovenja jeħtieġ li żżid l-isforzi tagħha, b’mod partikolari biex tilħaq il-miri tal-istrateġija ta’ rinnovazzjoni fit-tul biex tnaqqas il-konsum tal-enerġija tal-bini bi 17 % sal-2030 meta mqabbel mal-2020.

(39)L-utilizzazzjoni tat-trasport sostenibbli għadu lura meta mqabbel mal-bqija tal-UE u d-dipendenza fuq il-karozzi privati għadha għolja ħafna. L-elettrifikazzjoni tat-trasport hija partikolarment baxxa u s-sehem tal-elettriku fil-konsum finali tal-enerġija fis-settur tat-trasport jibqa’ negliġibbli fil-livell ta’ 1,3 %. Filwaqt li, fil-livell tal-UE, l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mit-trasport bit-triq naqsu bejn l-2005 u l-2023, fis-Slovenja dawn żdiedu b’mod viżibbli. Għaddejjin ħafna investimenti kbar fil-ferroviji u fl-elettromobbiltà skont il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. Madankollu, għad hemm lok biex it-trasport pubbliku jintuża aktar.

(40)Is-Slovenja hija vulnerabbli ħafna għar-riskji relatati mal-klima, b’mod partikolari l-għargħar, u sofriet minn diversi avvenimenti ta’ temp estrem f’dawn l-aħħar snin (bħal nirien fis-selvaġġ fl-2022 u maltempati b’għargħar qawwi fl-2023). Dawn il-fatturi għandhom impatt negattiv fuq l-ekonomija u s-soċjetà tal-pajjiż, fejn it-telf ekonomiku għal kull persuna fis-Slovenja huwa l-ogħla fl-UE. Minkejja l-isforzi biex tissaħħaħ ir-reżiljenza għall-klima, għad fadal sfidi, b’mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni mill-għargħar u soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, u l-governanza ambjentali. Barra minn hekk, il-pressjoni fuq ir-riżorsi tal-ilma qed tikber u l-istat tan-natura u l-ekosistemi qed ikompli jiddeterjora, u dan ikompli jdgħajjef ir-reżiljenza tal-klima u tal-ilma tas-Slovenja u jissottolinja l-lakuni eżistenti fil-finanzjament f’dan ir-rigward.

(41)Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribuzzjoni kollettiva tagħhom għall-funzjonament tal-unjoni ekonomika u monetarja, fl-2025 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-2025 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Fil-każ tas-Slovenja, ir-rakkomandazzjonijiet (2), (3) u (5) jgħinu fl-implimentazzjoni tal-ewwel rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro dwar il-kompetittività, filwaqt li r-rakkomandazzjonijiet (4) u (5) jgħinu fl-implimentazzjoni tat-tieni rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro dwar ir-reżiljenza, u r-rakkomandazzjoni (1) tgħin fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro dwar l-istabbiltà makroekonomika u finanzjarja stabbilita fir-Rakkomandazzjoni tal-2025.

B’DAN JIRRAKKOMANDA li s-Slovenja tieħu azzjoni fl-2025 u fl-2026 biex:

1.Issaħħaħ l-infiq kumplessiv fid-difiża u l-prontezza militari skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-6 ta’ Marzu 2025. Taderixxi mar-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta rrakkomandati mill-Kunsill fil-21 ta’ Jannar 2025, filwaqt li tagħmel użu mit-tolleranza skont il-klawżola liberatorja nazzjonali għal nefqa ogħla fid-difiża. Tiżgura s-sostenibbiltà fiskali tal-protezzjoni soċjali u tibbilanċja mill-ġdid id-dħul mit-taxxa lejn sorsi aktar favorevoli għat-tkabbir u sostenibbli. Ittejjeb il-kwalità tal-finanzi pubbliċi permezz ta’ rieżamijiet tal-infiq.

2.Bil-ħsieb tal-iskadenzi applikabbli għat-tlestija f’waqtha tar-riformi u l-investimenti skont ir-Regolament (UE) 2021/241, taċċellera l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU. Taċċellera l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni (FEŻR, JTF, FSE+), filwaqt li tibni, fejn xieraq, fuq l-opportunitajiet offruti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu. Tagħmel l-aħjar użu mill-istrumenti tal-UE, inkluż il-kamp ta’ applikazzjoni pprovdut mill-InvestEU u l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa, biex itejjeb il-kompetittività.

3.Tissimplifika r-regolamentazzjoni, ittejjeb l-għodod regolatorji u tnaqqas il-piż amministrattiv fuq in-negozji, inkluż f’ċerti servizzi u ċerti professjonijiet regolati, kif ukoll tnaqqas l-ostakli għall-kummerċ tas-servizzi. Issaħħaħ il-kompetittività billi tippromwovi d-dinamiżmu tan-negozji u l-ħolqien ta’ kumpaniji b’rata għolja ta’ tkabbir billi ttejjeb il-kundizzjonijiet għall-investiment fl-ekwità, inkluż l-investiment f’kapital ta’ riskju, għall-investituri istituzzjonali, kif ukoll għal investimenti fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni.

4.Taċċellera l-introduzzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u ħżin tal-enerġija billi tissimplifika u tħaffef il-proċeduri amministrattivi u għall-ħruġ tal-permessi billi tiddeżinja żoni għall-installazzjonijiet tal-enerġija mir-riħ u billi żżid il-bini tal-kapaċità għall-għoti ta’ permessi fil-livell lokali. Issaħħaħ l-infrastruttura tal-grilja tal-elettriku fil-livell tad-distribuzzjoni u tintroduċi komponenti tal-grilja intelliġenti. Barra minn hekk, taċċellera l-implimentazzjoni ta’ miżuri tal-effiċjenza enerġetika, b’mod partikolari fis-settur tal-bini. Tippromwovi l-elettrifikazzjoni tas-settur tat-trasport u tinvesti aktar fit-trasport sostenibbli, b’mod partikolari l-ferroviji. Tkompli ssaħħaħ ir-reżiljenza għall-klima u għall-ilma billi ttejjeb il-governanza ambjentali u tal-adattament għat-tibdil fil-klima u taċċellera l-implimentazzjoni ta’ miżuri mmirati f’dawn l-oqsma.

5.Tindirizza n-nuqqas ta’ ħaddiema billi żżid il-provvista u l-akkwist ta’ ħiliet u kompetenzi, inklużi ħiliet bażiċi fost l-istudenti u dawk rilevanti għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Tagħti spinta lit-tagħlim u t-taħriġ tul il-ħajja, speċjalment għall-ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet u dawk akbar fl-età. Iżżid l-attraenza tas-Slovenja għall-ħaddiema barranin b’ħiliet avvanzati. Ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol, b’mod partikolari fis-setturi tal-kura u tat-tagħlim.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj.
(2)    Nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (2) tar-Regolament (UE) 2024/1263: “nefqa netta” tfisser nefqa tal-gvern netta minn (i) nefqa f’imgħax; (ii) miżuri tad-dħul diskrezzjonali; (iii) nefqa fuq programmi tal-Unjoni korrisposti bis-sħiħ mid-dħul mill-fondi tal-Unjoni; (iv) nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta’ programmi ffinanzjati mill-Unjoni; (v) elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad; u (vi) miżuri ta’ darba u oħrajn temporanji.
(3)    Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj).
(4)    Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/435/oj).
(5)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tas-Slovenja (10612/21).
(6)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ottubru 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-20 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tas-Slovenja (13615/1/23).
(7)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Mejju 2025 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (ĠU C, C/2025/2782, 22.5.2025, ELI:  http:// data.europa.eu/eli/C/2025/2782/oj ).
(8)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Mejju 2025 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (ĠU C, C/2025/2782, 22.5.2025, ELI:  http:// data.europa.eu/eli/C/2025/2782/oj ).      
(9)    Ir-Rapporti ta’ Progress Annwali tal-2025 huma disponibbli fuq: https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-and-fiscal-governance/stability-and-growth-pact/preventive-arm/annual-progress-reports_en
(10)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tippermetti lis-Slovenja tiddevja minn, u taqbeż, il-perkors tan-nefqa netta rakkomandat (Attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali) [Żid id-dettalji: ĠU C/2025/xxx, x.x.2025].
(11)    Il-Eurostat, indikaturi tal-euro, 22.4.2025.
(12)    Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-amministrazzjoni pubblika. Hija għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-UE. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq perjodu medju ta’ żmien u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta mill-miżuri diskrezzjonali tad-dħul u inkluża n-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-Unjoni.
(13)    Eurostat, in-nefqa tal-gvern skont il-klassifikazzjoni tal-funzjonijiet tal-gvern (COFOG).
(14)    Il-porzjon ta’ taxxa huwa definit bħala s-somma tat-taxxi fuq l-introjtu personali u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-impjegati u tal-impjegaturi netti mill-allowances tal-familja, espressi bħala perċentwal tal-kostijiet lavorattivi totali.
(15)

   Il-Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1058 u (UE) 2021/1056 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi sabiex jiġu indirizzati sfidi strateġiċi fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu - COM(2025) 123 final.

(16)    Businesses’ attitudes towards corruption in the EU, Flash Report, Eurobarometer Report (April 2024).
(17)     It-Tabella ta’ Valutazzjoni Ewropea tal-Innovazzjoni — is-Slovenja .
(18)     Serje kronoloġika — Kummissjoni Ewropea (europa.eu) .