IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 2.4.2025
COM(2025) 143 final
2025/0074(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1727 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodu ta’ żmien għall-istabbiliment tas-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet tal-Eurojust
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
L-Eurojust, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali, tappoġġa l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ każijiet ta’ kriminalità transfruntiera serja.
Il-Membru Nazzjonali tal-Istat Membru li jitlob l-appoġġ tal-Eurojust jiftaħ każ fis-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Każijiet tal-Eurojust (Case Management System, CMS) u juża din is-sistema tal-IT biex jiskambja informazzjoni relatata mal-każijiet mal-Membri Nazzjonali tal-Istati Membri l-oħra (jew prosekuturi ta’ kollegament f’każ ta’ pajjiżi terzi) involuti fil-każ speċifiku. L-għan tas-CMS huwa li tiffaċilita l-ħżin u l-iskambju ta’ data operazzjonali personali sensittiva b’mod sigur, f’konformità sħiħa mas-salvagwardji tal-protezzjoni tad-data, u li tosserva perjodi stretti ta’ żamma. B’hekk, is-CMS hija l-qofol tal-appoġġ tal-Eurojust lill-awtoritajiet nazzjonali.
Is-CMS attwali hija teknikament skaduta, li kienet waħda mir-raġunijiet għall-Kummissjoni biex tipproponi emenda għar-Regolament dwar l-Eurojust fl-2021, li ġie adottat bħala r-Regolament (UE) 2023/2131 fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni diġitali f’każijiet ta’ terroriżmu. Ir-Regolament tal-aħħar jinkludi dispożizzjonijiet dwar is-CMS li jippermettu disinn tekniku ġdid u aktar flessibbli, u li jipprevedu perjodu tranżitorju, li jippermetti l-użu kontinwu tas-CMS “l-antika” sal-1 ta’ Diċembru 2025. Il-proposta tal-Kummissjoni kienet akkumpanjata minn dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva biex jiġi żgurat li l-Eurojust tirċievi r-riżorsi finanzjarji u umani meħtieġa biex tistabbilixxi s-CMS il-ġdida bil-funzjonalitajiet kollha meħtieġa sa din l-iskadenza.
F’ittra lill-Kummissjoni mibgħuta f’Diċembru 2024, l-Eurojust qajmet it-tħassib tagħha dwar il-kapaċità tagħha li tikkonforma mal-iskadenza statutorja għall-istabbiliment tas-CMS il-ġdida. Dan ġie kkonfermat f’diskussjonijiet li saru aktar tard. Ir-raġunijiet ewlenin għad-dewmien huma d-diffikultajiet bil-kuntrattur estern li jappoġġa l-iżvilupp tas-CMS “ġdida”. Barra minn hekk, il-migrazzjoni tad-data mis-CMS “l-antika” għas-CMS “il-ġdida” u l-verifika tad-data qed jieħdu ħafna aktar żmien milli kien antiċipat, b’mod partikolari peress li jeħtieġu interventi manwali minħabba l-istruttura kkumplikata tas-CMS “l-antika” u l-involviment tal-uffiċċji nazzjonali.
Ir-Regolament dwar l-Eurojust jobbliga lill-Eurojust taħżen id-data personali operazzjonali kollha fis-CMS u jistabbilixxi projbizzjoni li tinħażen data personali operazzjonali xi mkien ieħor. Id-dispożizzjoni tranżizzjonali rilevanti fir-Regolament dwar l-Eurojust ġiet proposta bl-għan espliċitu li tippermetti lill-Eurojust tkompli tuża s-CMS l-antika sal-iskadenza statutorja tal-1 ta’ Diċembru 2025, iżda fl-istess ħin tistabbilixxi limitu ta’ żmien finali għal tali użu.
L-użu tas-CMS “l-antika” lil hinn mill-perjodu tranżitorju previst fir-Regolament dwar l-Eurojust jesponi lill-Eurojust għal responsabbiltà għall-ipproċessar illegali ta’ data personali operazzjonali. Tali pproċessar illegali ta’ data jista’ jiġi kkontestat fi proċeduri ġudizzjarji nazzjonali u fl-aħħar mill-aħħar jitressaq quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Il-qrati nazzjonali jistgħu għaldaqstant iqisu bħala inammissibbli l-informazzjoni u l-evidenza skambjati bl-appoġġ tal-Eurojust, li jista’ jkollhom impatt negattiv fuq il-prosekuzzjoni tar-reat inkwistjoni, u li jista’ jkollhom impatt negattiv sinifikanti fuq il-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera serja u s-sigurtà fl-Unjoni.
Peress li r-regoli tranżizzjonali għall-“Bażi tad-Data tal-Evidenza ta’ Delitti Internazzjonali Ewlenin” tal-Eurojust, li fihom tinħażen evidenza relatata ma’ delitti internazzjonali inkluż id-delitt ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna, u li ġiet stabbilita abbażi tar-Regolament (UE) Nru 2022/838, huma marbuta wkoll mal-iskadenza statutorja tal-1 ta’ Diċembru 2025, tali tħassib japplika bl-istess mod għall-evidenza maħżuna f’dik il-bażi tad-data. In-nuqqas ta’ integrazzjoni ta’ dik il-bażi tad-data fis-CMS “il-ġdida” u l-ipproċessar kontinwu tad-data barra mis-CMS “il-ġdida” wara l-1 ta’ Diċembru 2025 jista’ jkollu impatt negattiv fuq l-ammissibbiltà tal-evidenza miġbura fil-qafas taċ-Ċentru Internazzjonali għall-Prosekuzzjoni tad-Delitt ta’ Aggressjoni kontra l-Ukrajna, inkorporat fl-Eurojust, li jista’ saħansitra jkollu effetti negattivi fuq il-prosekuzzjonijiet quddiem Tribunal Speċjali futur għad-Delitt ta’ Aggressjoni kontra l-Ukrajna.
Għalhekk, il-Kummissjoni qed tipproponi emenda teknika għad-dispożizzjoni rilevanti tar-Regolament dwar l-Eurojust biex jiġi żgurat li l-użu tas-CMS “il-qadima” jibqa’ legali sakemm is-CMS “il-ġdida” tkun kompletament operattiva, u d-data rilevanti tkun ġiet ittrasferita lis-CMS “il-ġdida”.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat
L-istabbiliment ta’ CMS ġdida u tal-ogħla livell għall-Eurojust, inkluż Reġistru Ġudizzjarju Ewropew integrat aħjar u aġġornat għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu, huwa konformi mal-Istrateġija dwar id-Diġitalizzazzjoni tal-Ġustizzja, l-Istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà u l-Aġenda Kontra t-Terroriżmu għall-Unjoni Ewropea.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Il-proposta hija konformi mal-acquis Ewropew dwar il-protezzjoni tad-data. Din tistabbilixxi regoli tranżizzjonali ċari applikabbli għall-użu kontinwu tas-CMS “l-antika” u l-bidu tas-CMS “il-ġdida” u tistabbilixxi salvagwardji ċari għall-perjodu tranżitorju.
Il-proposta hija wkoll konformi mad-diġitalizzazzjoni ġenerali tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, b’mod partikolari l-qafas tal-interoperabbiltà. Is-CMS “il-ġdida” se ttejjeb l-interoperabbiltà ma’ sistemi oħra tal-IT stabbiliti fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja u se tiffaċilita l-iskambji u t-tfittxijiet fil-Portal Ewropew tat-Tfittxija.
2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika tal-emenda tal-bażi ġuridika tal-Eurojust hija l-Artikolu 85 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Skont l-Art. 85 TFUE, l-istruttura, l-operat, il-qasam ta’ azzjoni u l-kompiti tal-Eurojust għandhom jiġu stabbiliti b’regolament. Dan jinkludi wkoll l-istabbiliment u l-funzjonament tas-CMS tal-Aġenzija.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), azzjoni fil-livell tal-UE għandha tittieħed biss meta l-għanijiet ma jkunux jistgħu jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri waħedhom u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni proposta, jinkisbu aħjar fil-livell tal-UE. Hemm ukoll il-ħtieġa li n-natura u l-intensità ta’ miżura partikolari jitqabblu mal-problema identifikata.
Hemm ħtieġa speċifika għal azzjoni tal-UE minħabba li l-miżuri previsti għandhom dimensjoni intrinsika tal-UE. Huma għandhom l-għan li jtejbu l-kapaċità tal-Eurojust li taġixxi, permezz tal-iskambju ta’ data personali operazzjonali fis-CMS b’mod sigur. Hija l-missjoni tal-Eurojust li tappoġġa u ssaħħaħ il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali fir-rigward tal-kriminalità serja inkluż it-terroriżmu li jaffettwa żewġ Stati Membri jew aktar jew li jeħtieġ prosekuzzjoni fuq bażijiet komuni. Dan l-objettiv jista’ jintlaħaq biss fil-livell tal-UE, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. L-Istati Membri ma jistgħux joħolqu qafas legali aktar xieraq biex jiġi indirizzat id-dewmien possibbli fl-istabbiliment tas-CMS “il-ġdida”. Għalhekk hija l-UE li għandha tistabbilixxi l-istrumenti legalment vinkolanti sabiex jinkisbu dawn ir-riżultati f’konformità mas-setgħat mogħtija lilha mit-Trattati tal-UE.
•Proporzjonalità
Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità stipulat fl-Artikolu 5(4) tat-TUE, jeħtieġ li n-natura u l-intensità ta’ miżura partikolari jkunu jaqblu mal-problema identifikata. Il-problemi kollha indirizzati f’din il-proposta jitolbu appoġġ fil-livell tal-UE sabiex l-Istati Membri jindirizzaw dawn il-problemi b’mod effettiv.
Din il-proposta għandha l-għan li ttaffi d-dewmien fl-istabbiliment tas-CMS “il-ġdid” u l-konsegwenzi sinifikanti tiegħu, billi tipproponi emenda teknika tad-dispożizzjoni rilevanti tar-Regolament dwar l-Eurojust biex jiġi żgurat li l-użu tas-CMS “l-antika” jibqa’ legali sakemm is-CMS “il-ġdida” tkun kompletament operazzjonali. Mingħajr din l-emenda, l-Eurojust ma tistax tkompli taħżen data personali operazzjonali fis-CMS “l-antika” wara l-iskadenza statutorja attwali, filwaqt li ma tistax taħżen din id-data xi mkien ieħor. Għaldaqstant, hija ma tkunx tista’ taqdi r-rwol kruċjali tagħha fl-appoġġ u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ forom serji ta’ kriminalità, inkluż it-terroriżmu. Sabiex l-Eurojust tkun tista’ twettaq bis-sħiħ il-kompitu kruċjali tagħha, huwa meħtieġ li jiġi żgurat perjodu tranżitorju li jippermetti l-migrazzjoni mis-CMS “il-qadima” għall-“ġdida”.
Għalhekk, f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dan l-objettiv.
•Għażla tal-istrument
Skont l-Artikolu 85(1) tat-TFUE, il-qafas legali tal-Eurojust għandu jiġi definit permezz ta’ Regolament. Kwalunkwe emenda ta’ dan il-qafas legali teħtieġ ukoll regolament.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI, U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Mhux Applikabbli
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Mhux Applikabbli
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Mhux Applikabbli
•Valutazzjoni tal-impatt
Mhux Applikabbli
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Mhux Applikabbli
•Drittijiet fundamentali
Is-CMS tal-Eurojust ġiet stabbilita biex tiżgura t-trattament sigur tad-data personali operazzjonali u l-konformità mal-perjodi ta’ żamma stabbiliti fir-Regolament dwar l-Eurojust. Sabiex tiġi evitata kwalunkwe ċirkomvenzjoni ta’ dawn ir-regoli, ir-Regolament dwar l-Eurojust jipprojbixxi l-ħżin ta’ data personali operazzjonali kullimkien barra mis-CMS.
Biex id-data mis-CMS “l-antika” tiġi migrata għas-CMS “il-ġdida” u biex tiġi vverifikata l-korrettezza tad-data migrata, iż-żewġ sistemi se jkollhom jaħdmu b’mod parallel għal ċertu perjodu. Dan se jwassal għal duplikazzjoni tad-data u se jkollu impatt fuq il-prinċipju tal-minimizzazzjoni tad-data. Madankollu, l-għan ta’ din id-duplikazzjoni temporanja huwa li tippermetti t-tranżizzjoni sigura għall-infrastruttura teknika l-ġdida, li se tqis il-prinċipju tal-protezzjoni tad-data mid-disinn u fl-istess ħin tiżgura l-ogħla standards ta’ sigurtà tal-ICT u għalhekk tipprovdi salvagwardji aħjar għall-protezzjoni tad-data b’mod awtomatiku. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda mezz ieħor u aktar rapidu biex id-data tiġi migrata mis-CMS “l-antika” għas-CMS “il-ġdida”. Ħafna mid-data maħżuna, pereżempju hemżiet, għandha drittijiet ta’ aċċess individwalizzati, li jeħtieġ li jinżammu manwalment fil-migrazzjoni. Barra minn hekk, kull uffiċċju nazzjonali ħażen id-data b’mod differenti, u huwa għalhekk li din id-data jeħtieġ li tiġi migrata bl-appoġġ u l-involviment tal-persunal ta’ kull uffiċċju nazzjonali. Il-migrazzjoni għalhekk tiddependi wkoll fuq l-ammont ta’ xogħol u d-disponibbiltà tagħhom. Id-duplikazzjoni hija limitata sal-punt meħtieġ. L-Eurojust tista’ tuża s-CMS “l-antika” biss sakemm jiġu konklużi l-migrazzjoni u l-verifika tad-data, b’limitu ta’ żmien massimu fiss tal-1 ta’ Diċembru 2027. Għalhekk, dan l-impatt fuq il-minimizzazzjoni tad-data huwa ġġustifikat.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Din il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni baġitarja għall-baġit tal-UE.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Mhux Applikabbli
•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)
Mhux Applikabbli
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
L-emenda proposta testendi l-iskadenza statutorja stabbilita fl-Artikolu 80(9) tar-Regolament (UE) 2018/1727 għaż-żamma tas-CMS “antika” u l-istabbiliment tas-CMS “ġdida” mill-1 ta’ Diċembru 2025 sal-1 ta’ Diċembru 2027. Din il-bidla se tagħti lill-Eurojust sentejn addizzjonali biex tiżgura tranżizzjoni b’suċċess għas-sistema “ġdida” ta’ ġestjoni tal-każijiet.
Barra minn hekk, wara l-aħħar nofs sentenza tal-Artikolu 80(9) tar-Regolament (UE) 2018/1727, li tipprevedi li s-CMS “antika” jkollha twaqqaf l-operazzjonijiet, meta s-CMS “ġdida” tkun bdiet topera, tiżdied nofs sentenza addizzjonali biex jiġi żgurat li l-Eurojust tkun tista’ tittrasferixxi d-data mis-CMS “antika” għas-CMS “ġdida”. Il-migrazzjoni mis-CMS “antika” għal dik “ġdida” teħtieġ intervent manwali sinifikanti peress li kull uffiċċju nazzjonali tal-Eurojust jaħżen l-informazzjoni u l-annessi b’mod differenti, proċess li se jirrikjedi diversi xhur. Wara l-migrazzjoni tad-data, il-preċiżjoni tagħha trid tiġi vverifikata qabel is-CMS ‘antika’ tkun tista’ twaqqaf l-operazzjonijiet. Madankollu, din il-fażi tranżitorja għandha tkun limitata fiż-żmien. Is-CMS “antika” tista’ tintuża biss sakemm is-CMS “ġdida” tkun fis-seħħ u sakemm titlesta l-migrazzjoni u l-verifika tal-preċiżjoni tad-data, jew sal-iskadenza statutorja finali tal-1 ta’ Diċembru 2027, li lil hinn minnha s-CMS “qadima” ma tistax tibqa’ tintuża. Din l-iskadenza statutorja estiża tagħti biżżejjed żmien lill-Eurojust biex tistabbilixxi s-CMS “ġdida”, filwaqt li tistabbilixxi limitu ta’ żmien massimu fil-bażi ġuridika nfisha.
2025/0074 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1727 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodu ta’ żmien għall-istabbiliment tas-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet tal-Eurojust
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 85 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Ir-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jistabbilixxi l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) u jistipula l-kompiti, il-kompetenza u l-funzjonijiet tagħha.
(2)Biex taħżen id-data personali operazzjonali kollha b’mod sigur, l-Eurojust stabbiliet sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet magħmula minn fajls ta’ ħidma temporanji u indiċi. Permezz tas-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet, il-membri nazzjonali tal-Eurojust jiskambjaw l-informazzjoni kollha relatata mal-każijiet b’mod sigur u f’konformità sħiħa mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data. L-Eurojust ma tista’ tistabbilixxi l-ebda fajl ta’ data awtomatizzat ieħor għall-ipproċessar ta’ data personali operazzjonali.
(3)Ir-Regolament (UE) 2023/2131 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill emenda r-Regolament (UE) 2018/1727 biex jipprovdi l-qafas legali għal sistema modernizzata ta’ ġestjoni tal-każijiet. Dik is-sistema l-ġdida ta’ ġestjoni tal-każijiet għandha tintegra u tippermetti l-funzjonalitajiet tar-Reġistru Ġudizzjarju Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu u ttejjeb il-kapaċità tal-Eurojust li tidentifika rabtiet bejn proċedimenti ġudizzjarji transfruntiera kontra persuni suspettati b’reati terroristiċi u informazzjoni pproċessata fl-Eurojust relatata ma’ każijiet oħra ta’ reati serji filwaqt li tieħu, bħala regola, vantaġġ sħiħ mill-mekkaniżmi eżistenti nazzjonali u tal-Unjoni għat-tqabbil tad-data bijometrika.
(4)L-iskadenza għall-istabbiliment tas-sistema l-ġdida ta’ ġestjoni tal-każijiet hija l-1 ta’ Diċembru 2025. Madankollu, minħabba fatturi esterni u l-kumplessità tal-migrazzjoni, l-Eurojust mhux se tkun tista’ tistabbilixxi s-sistema l-ġdida ta’ ġestjoni tal-każijiet sa dik l-iskadenza. Għalhekk, sakemm tiġi stabbilita s-sistema l-ġdida ta’ ġestjoni tal-każijiet, huwa meħtieġ li jiġi previst li l-Eurojust tkun tista’ tkompli tuża s-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet magħmula minn fajls ta’ ħidma temporanji u indiċi.
(5)Sabiex l-Eurojust tkun tista’ tittestja u tiżgura l-operazzjonalità u l-interoperabbiltà tas-sistema l-ġdida ta’ ġestjoni tal-każijiet f’konformità mar-Regolament (UE) 2024/903 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u biex tittrasferixxi d-data mis-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet magħmula minn fajls ta’ ħidma temporanji u indiċi għas-sistema ġdida ta’ ġestjoni tal-każijiet, huwa meħtieġ li l-iskadenza tiġi estiża.
(6)Jenħtieġ li l-Eurojust tkun tista’ żżomm is-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet magħmula minn fajls ta’ ħidma temporanji u indiċi wara li s-sistema ġdida ta’ ġestjoni tal-każijiet tkun bdiet topera biex tittrasferixxi d-data mis-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet magħmula minn fajls ta’ ħidma temporanji u indiċi għas-sistema l-ġdida ta’ ġestjoni tal-każijiet u tivverifika l-korrettezza tad-data migrata, iżda mhux iktar tard mill-1 ta’ Diċembru 2027. L-estensjoni b’sentejn tal-perjodu ta’ żmien attwali għall-istabbiliment tas-sistema l-ġdida ta’ ġestjoni tal-każijiet jenħtieġ li tagħti lill-Eurojust biżżejjed żmien biex tiffinalizza l-istabbiliment tas-sistema l-ġdida ta’ ġestjoni tal-każijiet, filwaqt li tillimita l-perjodu li fih id-duplikazzjoni tad-data personali operazzjonali tiġi permessa b’mod eċċezzjonali.
(7)[F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 u 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, l-Irlanda ma hijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-regolament u ma hijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.] JEW [F’konformità mal-Artikolu 3 u 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Irlanda innotifikat [, b’ittra ta’ …,] ix-xewqa tagħha li ma tiħux sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.]
(8)F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.
(9)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta opinjoni fi […],
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emendi għar-Regolament (UE) 2018/1727
Fl-Artikolu 80 tar-Regolament (UE) 2018/1727, il-paragrafu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“9. L-Eurojust tista’ tkompli tuża s-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet magħmula minn fajls ta’ ħidma temporanji u indiċi sal-1 ta’ Diċembru 2027, sakemm is-sistema ġdida ta’ ġestjoni tal-każijiet ma tkunx diġà fis-seħħ, u l-migrazzjoni tad-data mis-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet magħmula minn fajls ta’ ħidma temporanji u indiċi, u l-verifika tal-akkuratezza tagħhom ma jkunux tlestew qabel.”
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President
DIKJARAZZJONI FINANZJARJA U DIĠITALI LEĠIŻLATTIVA
1.FRAMEWORK OF THE PROPOSAL/INITIATIVE
1.1.Title of the proposal/initiative
1.2.Policy area(s) concerned
1.3.Objective(s)
1.3.1.General objective(s)
1.3.2.Specific objective(s)
1.3.3.Expected result(s) and impact
1.3.4.Indicators of performance
1.4.The proposal/initiative relates to:
1.5.Grounds for the proposal/initiative
1.5.1.Requirement(s) to be met in the short or long term including a detailed timeline for roll-out of the implementation of the initiative
1.5.2.Added value of EU involvement (it may result from different factors, e.g. coordination gains, legal certainty, greater effectiveness or complementarities). For the purposes of this section 'added value of EU involvement' is the value resulting from EU action, that is additional to the value that would have been otherwise created by Member States alone.
1.5.3.Lessons learned from similar experiences in the past
1.5.4.Compatibility with the multiannual financial framework and possible synergies with other appropriate instruments
1.5.5.Assessment of the different available financing options, including scope for redeployment
1.6.Duration of the proposal/initiative and of its financial impact
1.7.Method(s) of budget implementation planned
2.MANAGEMENT MEASURES
3.ESTIMATED FINANCIAL IMPACT OF THE PROPOSAL/INITIATIVE
4.Digital dimensions
1.QAFAS TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA
1.1.Titolu tal-proposta/tal-inizjattiva
Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-estensjoni tal-perjodu ta’ żmien għall-istabbiliment tas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Każijiet tal-Eurojust u li temenda r-Regolament (UE) 2018/1727
1.2.Qasam/Oqsma ta’ politika kkonċernat(i)
Qasam ta’ politika: Il-ġustizzja u d-drittijiet fundamentali
Attività: Investiment fin-nies, koeżjoni soċjali u valuri
071007: L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust)
1.3.Objettiv(i)
1.3.1.Objettiv(i) ġenerali
Abbażi tar-Regolament emendatorju 2023/2131, l-Eurojust qed taħdem fuq l-istabbiliment ta’ sistema ġdida ta’ ġestjoni tal-każijiet (CMS). Minħabba dewmien fl-iżvilupp mill-kuntrattur estern u l-perjodu twil li se tkun teħtieġ il-migrazzjoni tad-data, l-Eurojust mhux se tkun tista’ tistabbilixxi s-CMS “ġdida” u tittrasferixxi d-data operazzjonali kollha mis-CMS “antika” għal dik “ġdida” sal-iskadenza legali. L-objettiv ġenerali huwa li tiġi żgurata l-legalità kontinwa tal-ipproċessar tad-data fl-Eurojust billi tiġi estiża l-iskadenza legali għall-istabbiliment tas-CMS “ġdida”.
1.3.2.Objettiv(i) speċifiku/speċifiċi
L-objettiv speċifiku jirriżulta mill-objettiv ġenerali kif deskritt hawn fuq:
Objettiv speċifiku nru 1:
Biex jiġi żgurat li l-każijiet ta’ prosekuzzjoni fil-livell nazzjonali appoġġati mill-Eurojust ma jkunux jistgħu jiġu kkontestati abbażi tal-affermazzjoni li l-Eurojust kellha data b’mod illegali.
Objettiv speċifiku nru 2:
Biex jiġi żgurat li l-Eurojust tkun tista’ tittestja s-sistema ġdida u temigra d-data operazzjonali mis-CMS qadima għal dik “ġdida”.
1.3.3.Riżultat(i) u impatt mistennija
Speċifika l-effetti li l-proposta/l-inizjattiva għandu jkollha fuq il-benefiċjarji/il-gruppi fil-mira.
Tiffaċilita t-tranżizzjoni mis-CMS “l-antika” għal dik “ġdida” u tiżgura l-legalità tad-data matul il-proċess kollu.
1.3.4.Indikaturi tal-prestazzjoni
Speċifika l-indikaturi għall-monitoraġġ tal-progress u tal-kisbiet.
- L-istabbiliment tas-CMS il-ġdida u l-migrazzjoni tad-data mis-CMS “l-antika” għal dik “ġdida” sal-1 ta’ Diċembru 2027.
1.4.Il-proposta/l-inizjattiva hija relatata ma’:
azzjoni ġdida
azzjoni ġdida b’segwitu għal proġett pilota / azzjoni preparatorja
l-estensjoni ta’ azzjoni eżistenti
fużjoni jew ridirezzjonar ta’ azzjoni waħda jew aktar lejn azzjoni oħra/ġdida
1.5.Raġunijiet għall-proposta/għall-inizjattiva
1.5.1.Rekwiżit(i) li jrid(u) jiġi/u ssodisfat(i) fuq terminu qasir jew twil inkluża kronoloġija dettaljata għat-tnedija tal-implimentazzjoni tal-inizjattiva
L-Eurojust se jkollha tiffinalizza l-iżvilupp, tikkonsulta lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, tistabbilixxi u tittestja s-CMS “il-ġdida” u tittrasferixxi d-data operazzjonali mis-CMS “l-antika” għal dik “ġdida” u tivverifika l-korrettezza tad-data sal-1 ta’ Diċembru 2027.
1.5.2.Valur miżjud tal-involviment tal-UE (dan jista’ jirriżulta minn fatturi differenti, pereż. gwadanji mill-koordinazzjoni, ċertezza legali, aktar effettività jew komplementarjetajiet). Għall-finijiet ta’ din it-taqsima, “valur miżjud tal-involviment tal-UE” huwa l-valur li jirriżulta mill-azzjoni tal-UE, li huwa addizzjonali għall-valur illi kieku kien jinħoloq mill-Istati Membri waħedhom.
Is-CMS “ġdida” se tagħmel l-appoġġ tal-Eurojust lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti aktar effiċjenti u tiffaċilita l-ħidma tal-uffiċċji nazzjonali tal-Eurojust b’mod sinifikanti billi tiddiġitalizza l-proċessi. Dan se jippermetti identifikazzjoni aħjar ta’ rabtiet transfruntiera bejn każijiet miftuħa fi Stati Membri differenti u għalhekk se jsaħħaħ il-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera serja.
1.5.3.Tagħlimiet meħuda minn esperjenzi simili fl-imgħoddi
L-iżvilupp ta’ proġetti kbar tal-IT spiss jinvolvi dewmien sinifikanti peress li l-iżvilupp huwa diffiċli li jitbassar. Hawnhekk ukoll, l-iżvilupp iddewwem minħabba diffikultajiet mal-kuntrattur estern u perjodu twil mhux mistenni u imprevedibbli, li se tkun teħtieġ l-migrazzjoni tad-data operazzjonali mis-CMS “l-antika” għal dik “ġdida”. Għalhekk, l-iskadenza hija estiża għal sentejn oħra.
1.5.4.Kompatibbiltà mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali u sinerġiji possibbli ma’ strumenti xierqa oħra
Din il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni baġitarja għall-baġit tal-UE. L-impatt baġitarju għall-istabbiliment tas-CMS “ġdida” diġà huwa kopert mid-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva li takkompanja r-Regolament (UE) 2023/2131.
1.5.5.Valutazzjoni tal-għażliet differenti ta’ finanzjament disponibbli, inkluż l-ambitu għar-riallokazzjoni
Din l-inizjattiva diġà hija koperta mid-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva li takkumpanja r-Regolament (UE) 2023/2131.
1.6.Durata tal-proposta/tal-inizjattiva u tal-impatt finanzjarju tagħha
1.7.Metodu/i tal-implimentazzjoni tal-baġit ippjanat(i)
2.MIŻURI TA’ ĠESTJONI
3.IMPATT FINANZJARJU STMAT TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA
4.Dimensjonijiet diġitali
|
Din il-proposta tipprevedi l-estensjoni tal-perjodu ta’ żmien għall-istabbiliment tas-sistema l-ġdida ta’ ġestjoni tal-każijiet tal-Eurojust sabiex l-Eurojust tkun tista’ tittestja u tiżgura l-operazzjonalità u l-interoperabbiltà ta’ din is-sistema l-ġdida, kif ukoll biex tippermetti l-migrazzjoni tad-data rilevanti. Għalkemm il-proposta temenda r-Regolament (UE) 2018/1727, li huwa parti mill-pakkett dwar id-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja, din ma tintroduċi l-ebda rekwiżit ġdid ta’ rilevanza diġitali. Għaldaqstant, il-prinċipju “diġitali b’mod awtomatiku” ma japplikax. Filwaqt li l-istabbiliment tas-CMS “ġdida” huwa b’mod ċar ta’ rilevanza diġitali għolja, dan jaqa’ barra mill-ambitu ta’ din id-dikjarazzjoni diġitali.
|