|
24.7.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 196/3 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1256
tat-23 ta' Lulju 2019
li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/943 dwar miżuri ta' emerġenza li jissospendu l-importazzjonijiet ta' fażola mnixxfa min-Niġerja, fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodu ta' applikazzjoni tiegħu
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 53(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali li jirregolaw is-sigurtà tal-ikel u tal-għalf fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali. Jipprevedi miżuri ta' emerġenza li jridu jittieħdu mill-Kummissjoni meta jkun hemm evidenza li ikel importat minn pajjiż terz x'aktarx li jkun ta' riskju serju għas-saħħa tal-bniedem. |
|
(2) |
Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/943 (2) issospenda l-importazzjoni fl-Unjoni ta' fażola mnixxfa taħt il-kodiċi NM 0713 39 00 min-Niġerja minħabba l-għadd kbir ta' każijiet ta' kontaminazzjoni b'sustanza attiva mhux awtorizzata, id-diklorvos, f'livelli li jaqbżu sew id-doża akuta ta' referenza tentattivament stabbilita mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel. Sakemm in-Niġerija timplimenta l-miżuri xierqa tal-ġestjoni tar-riskju, il-projbizzjoni kellha tapplika sat-30 ta' Ġunju 2016. |
|
(3) |
Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/874 (3) estenda s-sospensjoni tal-importazzjoni ta' fażola mnixxfa min-Niġerja sat-30 ta' Ġunju 2019 u applikaha għal żewġ kodiċijiet addizzjonali tan-NM, 0713 35 00 u 0713 90 00, minħabba l-preżenza kontinwa tad-diklorvos fil-fażola mnixxfa importata min-Niġerja u l-impossibbiltà li tinkiseb, fi żmien qasir, il-konformità mar-rekwiżiti tal-liġi tal-Unjoni dwar l-ikel fir-rigward tar-residwi tal-pestiċidi. |
|
(4) |
Fi Frar 2018, in-Niġerja ssottomettiet pjan ta' azzjoni ġdid u ddikjarat li l-objettiv tagħha kien li tikkontrolla u tissimplifika b'mod partikolari l-fażola mnixxfa, issaħħaħ l-ambjent legali u regolatorju u tibni prinċipji fundamentali għal produzzjoni ta' kwalità ta' fażola mnixxfa. Madankollu, il-Kummissjoni tifhem li n-Niġerja għadha ma implimentatx il-pjan ta' azzjoni, u lanqas ma tat xi mezzi baġitarji għall-implimentazzjoni tiegħu. L-istadju tal-implimentazzjoni min-Niġerja tal-pjan ta' azzjoni fir-rigward tal-ġestjoni integrata tal-organiżmi ta' ħsara u l-livelli massimi tar-residwi tal-pestiċidi, ma jippermettix li jiġi konkluż li ġew issodisfati r-rekwiżiti tal-Unjoni fir-rigward tar-residwi tal-pestiċidi fuq il-fażola mnixxfa rilevanti. |
|
(5) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li t-tul tas-sospensjoni tal-importazzjonijiet jiġi estiż għal perjodu addizzjonali ta' tliet snin, sabiex in-Niġerja tkun tista' timplimenta l-miżuri xierqa għall-ġestjoni tar-riskju u tipprovdi l-garanziji meħtieġa. |
|
(6) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Artikolu 5 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/943 huwa sostitwit b'dan li ġej:
“Artikolu 5
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika sat-30 ta' Ġunju 2022.”
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Lulju 2019.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(2) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/943 tat-18 ta' Ġunju 2015 dwar miżuri ta' emerġenza li jissospendu l-importazzjonijiet ta' fażola mnixxfa min-Niġerja u li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 669/2009 (ĠU L 154, 19.6.2015, p. 8).
(3) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/874 tal-1 ta' Ġunju 2016 li jemenda Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/943 dwar miżuri ta' emerġenza li jissospendu l-importazzjonijiet ta' fażola mnixxfa min-Niġerja (ĠU L 145, 2.6.2016, p. 18).