|
22.11.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 443/29 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Analiżi tar-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata fil-ftehim il-ġdid bejn l-UE u l-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (OSAKP), inkluża s-sitwazzjoni tal-ftehimiet ta’ sħubija ekonomika (FSE) f’dan ir-rigward”
(opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(2022/C 443/04)
|
Relatur: |
Carlos TRINDADE |
|
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja |
21.10.2021 |
|
Bażi legali |
Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura |
|
|
Opinjoni fuq inizjattiva proprja |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni |
|
Adottata fis-sezzjoni |
9.6.2022 |
|
Adottata fil-plenarja |
13.7.2022 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
571 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
170/0/1 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jinnota li l-Unjoni Ewropea għal żmien twil adottat qafas ta’ valuri u objettivi li jirregola r-relazzjonijiet tagħha mal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP), speċifikament dwar id-demokrazija, il-governanza tajba u d-drittijiet tal-bniedem, it-tkabbir sostenibbli u inklużiv b’impjiegi deċenti, il-mobilità u l-migrazzjoni meqjusa bħala opportunitajiet, l-iżvilupp tal-bniedem, l-ambjent, u r-rieda li “ngħaqqdu l-forzi tagħna fix-xena dinjija fl-oqsma ta’ interess komuni”. Fir-rigward tar-relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi ġirien, dan il-qafas huwa kkomplementat minn objettiv ta’ sigurtà. |
|
1.2. |
Il-KESE japprova dan il-qafas ta’ valuri u objettivi, stabbilit f’firxa ta’ ftehimiet internazzjonali mal-Istati AKP mill-1960 ‘l hawn, u li permezz tiegħu l-UE mexxiet ir-relazzjonijiet kummerċjali u ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp tagħha. |
|
1.3. |
Il-KESE jappoġġja b’mod ġenerali dan il-ftehim il-ġdid u jittama li dan jista’ jiġi ffirmat malajr mill-partijiet, il-KESE jfaħħar lil dawn il-partijiet għall-isforzi konsiderevoli li għamlu u l-impenji importanti li ħadu, bl-użu tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti (SDGs) bħala qafas ta’ referenza. |
|
1.4. |
B’mod partikolari, il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa lill-Kummissjoni li l-arkitettura tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp li tirfed il-Ftehim il-ġdid u l-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (FSE) għandha tkun is-suġġett ta’ riflessjoni fil-fond u deċiżjonijiet ġodda, billi titqies l-esperjenza tal-COVID-19 (li tqajjem il-kwistjoni tal-infrastruttura tas-saħħa kritika) u l-konsegwenzi ġeopolitiċi tal-gwerra fl-Ukrajna (inklużi s-sigurtà tal-ikel, il-prezzijiet tal-enerġija u t-theddid għad-demokrazija). Il-KESE jenfasizza li dawn iż-żewġ avvenimenti globali ewlenin, li bidlu b’mod profond ix-xenarju globali, ħolqu l-ħtieġa għal reazzjonijiet aktar kumplessi u urġenti fl-Istati AKP, li jeħtieġu forma ta’ kooperazzjoni internazzjonali li hija pjuttost differenti minn dik attwali. |
|
1.5. |
Il-KESE jinnota b’sodisfazzjon li l-ftehim il-ġdid jirrikonoxxi r-rwol importanti li jaqdu l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali, u jfaħħar lill-partijiet firmatarji għall-approvazzjoni tagħhom ta’ dan ir-rikonoxximent. |
|
1.6. |
Il-KESE jenfasizza u japprezza ferm li l-ftehim il-ġdid, fil-bażi komuni tiegħu bħal f’kull wieħed mill-protokolli reġjonali tiegħu, jafferma ripetutament, anke f’formulazzjonijiet differenti, l-importanza li jiġu pprovduti mekkaniżmi formali għall-parteċipazzjoni, l-għoti ta’ informazzjoni, is-smigħ u l-konsultazzjoni strutturata tas-soċjetà ċivili, jew “mekkaniżmi istituzzjonali”. |
|
1.7. |
Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali għandhom mekkaniżmi distinti ta’ istituzzjonalizzazzjoni, li permezz tagħhom jistgħu jesprimu b’mod formali l-pożizzjonijiet, il-proposti u l-kritika tagħhom. Huwa essenzjali li, ikunu xi jkun l-isem, kumitati ekonomiċi, soċjali u kulturali, kunsilli konsultattivi, fora, il-pjattaformi, networks tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, konferenzi permanenti jew kwalunkwe titolu ieħor, ikun hemm mekkaniżmi istituzzjonali regolati mil-liġi u li joperaw b’mod formalizzat, li permezz tagħhom l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li jipprattikaw id-djalogu ċivili, u l-imsieħba soċjali, li jipparteċipaw fid-djalogu soċjali, ikunu jistgħu, permezz tal-impenn tagħhom, jikkontribwixxu għad-dibattitu fl-ispazju pubbliku u demokratiku. Għaldaqstant, il-formalizzazzjoni ta’ dawn il-mekkaniżmi istituzzjonali tagħmel lis-soċjetà aktar reżiljenti, billi tagħti spinta liċ-ċittadinanza u tintensifika l-ħajja demokratika. |
|
1.8. |
Il-KESE josserva li fl-UE u fl-Istati AKP, ir-realità tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-imsieħba soċjali, u l-mekkaniżmi istituzzjonali hija ferm differenti, minħabba d-differenzi ekonomiċi, soċjali, kulturali u politiċi bejn ir-reġjuni, is-sottoreġjuni u l-pajjiżi. Fl-Istati AKP, l-ekonomija informali hija realtà inkontestabbli u din trid titqies fil-ħidma tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-imsieħba soċjali, u fl-implimentazzjoni u l-funzjonament tal-mekkaniżmi istituzzjonali. Jekk dan ma jsirx, il-pubbliku ġenerali ma jibbenefikax mir-riżultati tal-Ftehim il-ġdid. Il-KESE jafferma li huwa assolutament meħtieġ li jinstabu soluzzjonijiet li jegħlbu d-diffikultajiet eżistenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-kapaċità teknika u l-appoġġ finanzjarju għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali. Il-KESE jemmen li fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (OSAKP) hemm sett ta’ prattiki tajbin li għandhom jiġu identifikati sabiex ikunu jistgħu jiġu replikati f’pajjiżi oħra. Il-Kumitat ta’ Segwitu UE-AKP huwa eżempju ta’ dan, u huwa f’pożizzjoni li jwettaq dan il-kompitu. |
|
1.9. |
Fir-rigward tal-involviment tiegħu f’dan il-proċess, il-KESE għandu l-għan li jimplimenta l-mekkaniżmi istituzzjonali previsti u li jippromovi u jappoġġja lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lill-imsieħba soċjali fil-pajjiżi AKP, filwaqt li jirrikonoxxi li dawn l-atturi għandhom rwol ewlieni fil-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli, b’mod partikolari fil-kuntest tal-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti Nru 17. |
|
1.10. |
Il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni tistabbilixxi l-objettiv li, f’konformità mal-istruttura tal-ftehim il-ġdid, jiġu stabbiliti erba’ mekkaniżmi istituzzjonali, jiġifieri l-ewwel wieħed bejn l-Unjoni Ewropea u l-OSAKP, abbażi tal-bażi komuni, it-tieni wieħed mal-Afrika, it-tielet wieħed mal-Karibew u r-raba’ wieħed mal-Paċifiku, taħt il-protokolli reġjonali li kkonkluda ma’ dawn ir-reġjuni, rispettivament. |
|
1.11. |
Il-KESE jipproponi wkoll li l-Kummissjoni twaqqaf kumitati konsultattivi taħt il-ftehimiet ta’ sħubija ekonomika. Il-KESE jafferma li r-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili/tal-imsieħba soċjali fil-FSE huwa insostitwibbli u għandu jissaħħaħ. Għalhekk, il-KESE japprova r-rakkomandazzjonijiet li saru fl-Opinjoni REX/536, li għandhom jiġu implimentati fl-FSE attwali u futuri, u jqis li l-Kumitat Konsultattiv tal-Cariforum huwa eżempju eċċellenti ta’ prattika tajba, li għandha tinxtered u tiġi replikata. |
|
1.12. |
Il-KESE jipproponi b’mod qawwi lill-Kummissjoni sabiex fil-futur tiżgura li d-diversi mekkaniżmi istituzzjonali li għandhom jiġu implimentati skont il-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-OSAKP (bażi komuni, protokolli reġjonali u ftehimiet ta’ sħubija ekonomika) ikunu organizzati sew sabiex jinħolqu sinerġiji u jiġu ottimizzati r-riżorsi, b’mod partikolari dawk finanzjarji. Il-mekkaniżmi istituzzjonali, jekk jiffukaw fuq il-missjoni tagħhom mill-qrib u b’mod rigoruż, li joperaw bħala network u jaħdmu flimkien bħala sistema unika u strutturata, se juru l-importanza tagħhom għar-reżiljenza tas-soċjetajiet, it-tkabbir ekonomiku u l-benesseri tan-nies. |
|
1.13. |
Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li l-Kummissjoni tipprovdi strumenti finanzjarji sabiex tappoġġja programmi għal studji u proġetti ta’ prospettiva li jiffokaw fuq is-sitwazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali fl-Istati AKP, sabiex jitqiesu l-ħtiġijiet tagħhom f’termini tal-awtonomizzazzjoi tal-mexxejja tagħhom, ir-robustezza teknika tagħhom u l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmi istituzzjonali previsti. Il-KESE jenfasizza li l-għan huwa li b’dan il-mod jingħata kontribut biex tissaħħaħ l-eżistenza ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili/imsieħba soċjali demokratiċi fl-ambitu tal-Ftehim il-ġdid, b’azzjoni kompetenti u involviment attiv tal-membri tagħhom. |
|
1.14. |
Il-KESE jħeġġeġ bil-qawwa li l-Kummissjoni tappoġġja l-ħidma tal-Kumitat ta’ Segwitu UE-AKP tal-KESE, li huwa l-uniku mekkaniżmu istituzzjonali li jeżisti bħalissa fl-ambitu tal-Ftehim il-ġdid UE-OSAKP u li ser ikollu rwol imsaħħaħ f’dan il-proċess, b’mod partikolari permezz ta’ djalogu strutturat, sabiex (i) jipprovdi rapporti, proġetti u Opinjonijiet rilevanti lill-istituzzjonijiet, (ii) iħeġġeġ l-involviment tal-partijiet konċernati mill-pajjiżi AKP, u (iii) jikkontribwixxi għall-istabbiliment tal-mekkaniżmi istituzzjonali previsti. |
2. Kummenti ġenerali dwar il-kuntest storiku u l-għanijiet strateġiċi
|
2.1. |
Fl-2016, l-Unjoni Ewropea adottat sett ta’ prijoritajiet ta’ interess komuni fil-qafas tas-sħubija mġedda mal-pajjiżi tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (OSAKP), li ġew ikkonfermati mill-ġdid f’dokumenti sussegwenti dwar id-demokrazija, il-governanza tajba u d-drittijiet tal-bniedem, it-tkabbir sostenibbli u inklużiv u x-xogħol deċenti, it-trasformazzjoni tal-mobilità u l-migrazzjoni f’opportunitajiet, l-iżvilupp tal bniedem, l-ambjent, u r-rieda li jkun hemm “ħidma konġunta fl-arena globali fuq oqsma ta’ interessi komuni” (1). Ma’ din il-lista jistgħu jiżdiedu kwistjonijiet ta’ sigurtà, biex jitqiesu r-relazzjonijiet tal-pajjiżi mal-eqreb ġirien tagħhom. Din il-klassifikazzjoni tikkonsolida l-għanijiet li l-Unjoni Ewropea kienet stabbiliet f’dan il-qasam. |
|
2.2. |
L-UE fformalizzat dawn l-objettivi permezz ta’ ftehimiet internazzjonali, l-ewwel permezz tal-Konvenzjoni ta’ Yaoundé, imbagħad bil-Ftehimiet ta’ Lomé, sussegwentement bil-Ftehim ta’ Cotonou u issa permezz tan-negozjar tal-Ftehim ta’ wara Cotonou. Fl-istess ħin, l-UE kkonkludiet Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika ma’ għadd ta’ Stati AKP jew gruppi ta’ Stati. |
|
2.3. |
Il-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (FSEs) li l-Unjoni Ewropea kkonkludiet ma’ Stati jew gruppi sottoreġjonali tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) huma l-aktar strument ekonomiku ġenerali biex din l-istrateġija titqiegħed fil-prattika. Huma jistabbilixxu l-objettiv tagħhom li jintegraw mingħajr xkiel u gradwalment l-Istati AKP fl-ekonomija dinjija u li jeqirdu l-faqar, filwaqt li jenfasizzaw li d-differenzi bejn il-livelli ta’ żvilupp tal-Partijiet u l-karatteristiċi ekonomiċi, soċjali u ambjentali speċifiċi ta’ kull ekonomija u, b’mod partikolari, il-grad ta’ informalità f’kull stat jew sottoreġjun jeħtieġ li jitqiesu fin-negozjati. |
|
2.4. |
Il-KESE jqis li, fid-dawl tat-tagħlimiet meħuda mill-pandemija, inklużi, fost oħrajn, id-diffikultajiet li din ikkawżat fis-sistemi tas-saħħa, il-konsegwenzi negattivi fuq l-ekonomija, iż-żieda fl-inugwaljanza soċjali u l-faqar, il-problemi strutturali għall-aċċess għall-mediċini u l-vaċċini jew għall-produzzjoni tagħhom, il-validità tal-għodod diġitali, it-theddid għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, kif ukoll id-dipendenza ekonomika enormi, ħareġ fid-dieher li jeħtieġ li tiġi kkunsidrata mill-ġdid l-arkitettura tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Dan għandu jitqies fl-implimentazzjoni u r-riformulazzjoni tal-istrateġiji UE-OSAKP. |
3. Kummenti speċifiċi dwar il-ftehim ta’ wara Cotonou
|
3.1. |
Fl-2015 twettqet evalwazzjoni tal-15-il sena tal-Ftehim ta’ Cotonou, li identifikat is-suċċessi u d-dgħufijiet tiegħu. |
|
3.2. |
Il-Ftehim ta’ Cotonou kellu jiskadi fi Frar 2020. Madankollu, minħabba n-natura sensittiva ta’ xi wħud mis-suġġetti diskussi, kif ukoll il-pandemija, ma kienx possibbli li dan jiġi mġedded fid-data prevista, u kien biss f’April tal-2021 li l-Unjoni Ewropea u l-OSAKP inizjalaw it-test tal-ftehim mġedded ta’ sħubija, komunement imsejjaħ il-“ftehim ta’ wara Cotonou” (il-ftehim il-ġdid). |
|
3.3. |
Sabiex titqies id-diversità tal-pajjiżi firmatarji u sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni speċfika f’kull reġjun, il-Ftehim il-ġdid jinkludi pedament komuni akkumpanjat minn tliet protokolli reġjonali vinkolanti (għall-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku). Minħabba l-kumplessità ta’ din l-istruttura, il-Kumitat ta’ Segwitu UE-AKP se jkollu jadotta approċċ aktar proattiv fil-futur. |
|
3.4. |
Il-prijoritajiet tal-Ftehim il-ġdid jirriflettu l-impenn tal-Partijiet sabiex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti u huma miġbura f’sitt oqsma: (i) id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-governanza; (ii) il-paċi u s-sigurtà; (iii) l-iżvilupp tal-bniedem, li jinkludi s-saħħa, l-edukazzjoni, il-miżuri sanitarji, is-sigurtà tal-ikel, il-koeżjoni soċjali, il-kultura u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, kif ukoll l-impenji dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp; (iv) it-tkabbir u l-iżvilupp ekonomiku inklużiv u sostenibbli, inklużi mill-perspettiva tal-ftehimiet ta’ sħubija ekonomika; (v) is-sostenibbiltà ambjentali u t-tibdil fil-klima; u (vi) il-migrazzjoni u l-mobilità. Dawn il-prijoritajiet huma ta’ importanza kbira għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali. |
|
3.5. |
Minbarra dawn il-prijoritajiet, l-indirizzar tal-effetti tal-pandemija tal-COVID-19 fl-UE u fil-pajjiżi AKP għandu jiżdied ma’ dawn il-prijoritajiet, kemm fir-rigward tar-riskji tad-dgħajfien tad-demokrazija u n-nuqqas ta’ rkupru ekonomiku u soċjali, minħabba l-prospetti fqar ta’ rkupru fl-Istati AKP, u b’riżultat ta’ dan, se jkomplu jiżdiedu l-faqar u l-inugwaljanzi. |
|
3.6. |
B’mod partikolari, il-KESE jinnota li, kif uriet il-pandemija, il-kwistjoni tal-infrastruttura kritika fil-pajjiżi AKP għadha akuta. L-iżvilupp sostenibbli huwa intrinsikament marbut ma’ infrastruttura reżiljenti, li tistimola u tappoġġja l-attività ekonomika u l-progress soċjali, u għandha rwol deċiżiv fil-kisba tal-SDGs – kemm tal-Aġenda 2030 kif ukoll tal-Aġenda 2063 tal-Unjoni Afrikana. Il-KESE jenfasizza li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp għadha kundizzjoni meħtieġa għas-suċċess tiegħu, minkejja li mhux biżżejjed, u jenfasizza l-importanza li tissaħħaħ fil-pajjiżi AKP. |
|
3.7. |
F’dan il-kuntest, il-KESE jenfasizza, b’mod partikolari, l-importanza tal-infrastruttura tas-saħħa kritika. L-eżistenza ta’ servizzi tas-saħħa universali, aċċessibbli faċilment u ġeneralment mingħajr ħlas fl-Istati AKP hija essenzjali għall-benesseri tal-popolazzjoni u għall-iżvilupp sostenibbli. B’mod partikolari, aċċess rapidu għall-vaċċini (privattivi u kapaċità teknika għall-produzzjoni lokali) se jagħti lis-soċjetajiet tal-AKP ir-reżiljenza li jeħtieġu f’każ ta’ pandemiji li jistgħu jseħħu fil-futur. Il-KESE jinnota li din il-kwistjoni importanti mhijiex inkluża fil-Ftehim il-ġdid u jistieden lill-UE u l-OSAKP biex jikkunsidrawha meta jiġi implimentat il-ftehim. |
|
3.8. |
Il-KESE jqis li l-Ftehim il-ġdid irid iqis l-impatt tas-sitwazzjoni ġeopolitika attwali fil-livell Ewropew u dinji, u b’mod partikolari fid-dawl tal-konsegwenzi tal-gwerra fl-Ukrajna (fosthom is-sigurtà tal-ikel, il-prezzijiet tal-enerġija u t-theddid għad-demokrazija), fuq il-kooperazzjoni għall-iżvilupp b’mod ġenerali u fuq il-ftehimiet ta’ sħubija ekonomika b’mod partikolari. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-sitwazzjoni attwali se twassal għal żieda fil-kompetizzjoni għall-influwenza fl-Istati AKP, u jistieden lill-UE sabiex iżżid il-kapaċità tagħha għall-kooperazzjoni ma’ dawn il-pajjiżi, b’mod partikolari fl-oqsma ekonomiċi, soċjali u kulturali. |
|
3.9. |
Fir-rigward tal-mekkaniżmi uffiċjali għall-parteċipazzjoni, l-informazzjoni, is-smigħ u l-konsultazzjoni strutturata tas-soċjetà ċivili (il-“mekkaniżmi istituzzjonali”), il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon kbir il-pożizzjonijiet tal-Ftehim il-ġdid, b’mod partikolari meta jispeċifika li l-Partijiet għandhom: joħolqu “mekkaniżmi miftuħa u trasparenti għal konsultazzjoni strutturata mal-partijiet ikkonċernati” (2), “jistabbilixxu mekkaniżmi għal konsultazzjoni” (3); “jistabbilixxu u jiżviluppaw mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni u djalogu” (4); u “jipprevedu mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni u djalogu” (5). |
4. Kummenti speċifiċi dwar il-ftehimiet ta’ sħubija ekonomika (FSE) bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku
|
4.1. |
In-negozjati dwar disa’ FSE wasslu għad-dħul fis-seħħ ta’ seba’ ftehimiet reġjonali, konklużi ma’ 32 mid-79 pajjiż tal-AKP, li minnhom 14 jinsabu fil-Karibew, 14 fl-Afrika u 4 fil-Paċifiku. Ħamsa minn dawn is-seba’ ftehimiet qed jiġu applikati b’mod proviżorju, peress li għadhom ma ġewx ratifikati mill-membri kollha tal-UE. Iż-żewġ ftehimiet l-oħra, mal-Afrika tal-Punent u tal-Lvant, mhumiex qed jiġu applikati b’mod proviżorju minħabba dewmien fl-iffirmar u r-ratifika mill-pajjiżi Afrikani. 21 stat ieħor ikkonkludew in-negozjati tal-FSE li għad iridu jiġu implimentati. |
|
4.2. |
Il-KESE jirrimarka li l-FSE jinvolvu kemm opportunitajiet kif ukoll riskji. Huwa kruċjali li tiġi żgurata sħubija bejn partijiet ugwali li mhux biss twassal għal tkabbir ekonomiku iżda tiggarantixxi wkoll il-benesseri u l-ġustizzja soċjali. L-azzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili/tal-imsieħba soċjali hija essenzjali biex jintlaħqu dawn l-objettivi. |
|
4.3. |
Madankollu, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali fl-UE u l-istati msieħba kkritikaw il-FSE. |
|
4.4. |
Din il-kritika hija dwar it-tfassil tal-FSE u l-effett ta’ limitazzjoni possibbli fuq it-tkabbir produttiv fil-pajjiżi AKP, minkejja li l-protezzjoni tal-industriji nazzjonali, bħall-industriji agroalimentari, fost l-oħrajn, saret possibbli. Il-kummerċ ħieles bejn l-UE u l-OSAKP huwa wieħed mill-vantaġġi tal-FSE, iżda f’għadd ta’ każijiet dan kellu effett negattiv li jnaqqas id-dħul doganali, b’mod partikolari, bit-tnaqqis tat-taxxi fuq il-kummerċ estern. Barra minn hekk, minħabba d-differenza fl-iżvilupp ekonomiku bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi AKP, il-kummerċ ħieles jista’ jikkomprometti l-mikrointrapriżi u l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju jew il-kooperattivi, li jiffurmaw il-bażi tal-ekonomija bbażata fuq il-familja, skont kif enfasizzaw bil-qawwa għadd ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u msieħba soċjali. |
|
4.5. |
Ir-rwol tas-soċjetà ċivili huwa inkluż fil-FSE b’diversi modi. Dan jieħu forom differenti u jagħti lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili livelli differenti ta’ influwenza meta jiddiskutu u jimmonitorjaw dawn il-ftehimiet. Pereżempju, il-FSE mal-Kosta tal-Avorju wassal għall-istabbiliment tal-Konvenzjoni tas-Soċjetà Ċivili Ivorjana (CSCI), li waqqfet proġett (6) għall-monitoraġġ tal-effetti tal-FSE fuq l-ekonomija bbażata fuq il-familja. Barra minn hekk, peress li l-laqgħat interni jiffukaw fuq “l-iżvilupp sostenibbli”, l-influwenza tas-soċjetà ċivili hija limitata fuq suġġetti oħra. |
|
4.6. |
Ċerti FSE jipprevedu korpi addizzjonali bħal Kumitat Parlamentari Konġunt, bħal fil-każ tal-Cariforum u l-FSE mal-Afrika tal-Punent. |
|
4.7. |
Billi l-FSE jsemmu b’mod espliċitu li huma integrati fil-prijoritajiet tal-Ftehim ta’ Cotonou, il-Ftehim il-ġdid joffri lill-Partijiet firmatarji l-opportunità sabiex jippromovu l-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-imsieħba soċjali b’mod usa’, u aktar armonizzat u istituzzjonalizzat. Din l-opportunità għandha tiġi sfruttata bis-sħiħ, anke għaliex skont il-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tiegħu li l-UE għamlet f’Settembru 2021, il-progress kien bil-mod f’dan il-qasam. L-aktar mod effettiv biex jiġu implimentati l-mekkaniżmi istituzzjonali previsti fil-FSE huwa li l-istituzzjonijiet pubbliċi jinfurmaw lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili/lill-imsieħba soċjali dwar il-proċess fil-ħin u b’mod dettaljat, u jistednuhom jipparteċipaw b’mod strutturat u jwettqu studji u proposti motivati. |
5. Kummenti speċifiċi dwar id-definizzjoni, ir-rappreżentanza, l-azzjoni u l-istituzzjonalizzazzjoni tas-soċjetà ċivili u tal-imsieħba soċjali
|
5.1. |
Il-KESE għandu l-għan li jkun id-“Dar tas-Soċjetà Ċivili Ewropea”. Il-KESE huwa korp konsultattiv tal-Unjoni Ewropea, stabbilit skont l-Artikolu 13 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Huwa magħmul minn 329 membru li jirrappreżentaw lil minn iħaddem (Grupp I), lill-ħaddiema (Grupp II) u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (Grupp III). Huwa l-mekkaniżmu istituzzjonali Ewropew li permezz tiegħu dawn l-interessi jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar kwistjonijiet topiċi tal-UE bħala parti minn djalogu strutturat. |
|
5.2. |
Il-KESE jirrimarka li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jinkludu assoċjazzjonijiet b’firxa wiesgħa ta’ għanijiet. Huma jirrappreżentaw membri li huma rreġistrati u li jaqdu funzjoni fis-soċjetà, li tikkonsisti .fost affarijiet oħra, fit-teħid ta’ azzjonijiet favur il-benesseri tal-popolazzjonijiet, u favur il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-esklużjoni, il-protezzjoni tad-drittijiet u l-interessi soċjali, ekonomiċi, kulturali u professjonali tal-popolazzjoni u/jew ta’ gruppi ta’ ċittadini, il-ħarsien tal-ambjent u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, id-difiża tad-drittijiet tal-bniedem, l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta (viġilanza), twissijiet lill-awtoritajiet u pressjoni fuqhom, sabiex jiġu protetti l-interessi tal-membri tagħhom u jiġu affermati l-valuri soċjali tagħhom. |
|
5.3. |
Ir-realtajiet ekonomiċi, soċjali u politiċi tas-soċjetà, huma fundamentali għal firxa wiesgħa u varjata ta’ organizzazzjonijiet, li jiddeterminaw is-sura tagħhom. Dan għandu jwassalna biex nevitaw li nqisuhom bħala l-attur ewlieni għall-iżvilupp sostenibbli, minkejja r-rwol importanti u ta’ min ifaħħru tagħhom. |
|
5.4. |
Il-KESE jenfasizza li huwa f’dan il-kuntest ta’ realtà multidimensjonali li għandu jitqies sew il-livell għoli ta’ informalità ekonomika u soċjali li jeżisti b’mod ġenerali fl-Istati AKP u li jikkaratterizzaw u jiddeterminaw b’mod qawwi r-relazzjonijiet soċjali, organizzattivi u istituzzjonali kollha. F’dan il-kuntest, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali tipikament jiffaċċjaw sfidi sinifikanti fl-istabbiliment, l-organizzazzjoni u l-funzjonament istituzzjonali tagħhom, l-appoġġ ekonomiku, u l-attivitajiet formali. Dawn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili/l-imsieħba soċjali għandhom jirċievu appoġġ finanzjarju eċċezzjonali. Inkella ftit li xejn ikunu jistgħu jikkontribwixxu, permezz tal-parteċipazzjoni u l-interventi tagħhom, għall-iżvilupp sostenibbli, l-eżerċitar taċ-ċittadinanza u r-reżiljenza demokratika ta’ pajjiżhom. |
|
5.5. |
L-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiddependi mir-rwol soċjali li huma jixtiequ jaqdu (orjentament pjuttost ċiviku jew politiku), mid-daqs rispettiv tagħhom, mill-importanza soċjali li l-membri u s-soċjetà tagħhom jagħtuhom, mill-funzjoni ta’ tmexxija li jassumu, kif ukoll mir-riżorsi li għandhom bżonn sabiex jilħqu l-għanijiet tagħhom u, f’dan ir-rigward, mill-kundizzjonijiet li d-donaturi jimponu fuqhom. |
|
5.6. |
B’mod ġenerali, id-dgħufijiet li jaffettwaw lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jwassluhom biex jikkompetu ma’ xulxin, iżda wkoll ma’ korpi pubbliċi, sabiex jiksbu l-finanzjament. Dawn id-dgħufijiet jagħmlu l-attività u l-parteċipazzjoni tagħhom f’mekkaniżmi istituzzjonali nazzjonali u/jew internazzjonali problematiċi. Barra minn hekk, jistgħu jinħolqu dipendenzi mis-sostenituri finanzjarji tagħhom u/jew l-awtoritajiet tal-istat. |
|
5.7. |
It-trade unions u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, imsemmija bħala msieħba soċjali, huma meqjusa bħala organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili iżda, minħabba n-natura unika tagħhom, għandhom l-identità proprja u distinta minn dik tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. L-imsieħba soċjali jiżguraw ir-rappreżentanza tal-membri tagħhom u jiddefendu l-interessi tagħhom, b’mod partikolari ta’ natura ekonomika, kemm quddiem l-awtoritajiet sovrani, permezz ta’ mekkaniżmi speċifiċi ta’ konsultazzjoni u negozjar, kif ukoll permezz tar-relazzjonijiet bejniethom, b’mod partikolari permezz tan-negozjar kollettiv u l-konklużjoni ta’ ftehimiet kollettivi. L-imsieħba soċjali għandhom struttura konsistenti, jirrappreżentaw interessi ċari, għandhom lonġevità inkontestabbli, u acquis storiku rikonoxxut, li żviluppaw f’qasam ta’ azzjoni u ta’ relazzjonijiet li huma stabbiliti u definiti sew u, b’mod ġenerali, jistgħu jiffinanzjaw lilhom infushom. |
6. Kummenti speċifiċi dwar il-Ftehim ta’ wara Cotonou u s-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali
6.1. Is-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali fil-Ftehim ta’ wara Cotonou
|
6.1.1. |
Il-Ftehim il-ġdid, kemm fil-pedament komuni kif ukoll f’kull wieħed mit-tliet protokolli reġjonali, jipprevedi rwol attiv għas-soċjetà ċivili. Madankollu, dan ir-rwol mhuwiex formalizzat, peress li l-Ftehim iħalli f’idejn il-Partijiet firmatarji (OSAKP-UE) biex jiddefinixxu l-qafas istituzzjonali għall-parteċipazzjoni tagħhom, inkluż l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi istituzzjonali. Dan iqajjem il-kwistjoni kritika ta’ kif jiġi żgurat li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili/l-imsieħba soċjali jipparteċipaw kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak transnazzjonali. |
|
6.1.2. |
L-inklużjoni ta’ arranġamenti organizzattivi ewlenin, bħall-kostituzzjoni legali tagħhom, ir-rappreżentanza, l-għażla tar-rappreżentanti tagħhom, u r-rekwiżiti minimi għall-frekwenza tal-laqgħat, se toħloq dinamika li se ssaħħaħ ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili/tal-imsieħba soċjali, li huma l-partijiet ikkonċernati f’dan il-proċess. |
|
6.1.3. |
Dawn il-partijiet ikkonċernati għandhom rwol speċifiku minħabba l-interess tagħhom stess, li m’għandux jiġi konfuż mar-rwol li l-partiti politiċi għandhom fis-soċjetà. L-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili/tal-imsieħba soċjali għandu jiġi promoss permezz ta’ attivitajiet speċifiċi u jmur lil hinn mid-diskussjonijiet ġenerali. Permezz tal-istudji, l-Opinjonijiet u l-proposti li jittrażmettu lill-istituzzjonijiet, dawn se jikkontribwixxu għad-dibattiti u d-deċiżjonijiet. L-eżistenza ta’ mekkaniżmi istituzzjonali li jinvolvu b’mod attiv lill-partijiet ikkonċernati fil-proċess, li jkunu ġestiti minnhom infushom u bbażati fuq regoli ta’ proċedura stabbiliti sew, li jiffaċilitaw it-tixrid ta’ informazzjoni u l-interazzjonijiet ma’ xulxin permezz ta’ konsultazzjonijiet u djalogu strutturat, huwa l-aħjar mod kif l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali jikkontribwixxu għall-eżistenza ta’ gvern miftuħ (7). |
|
6.1.4. |
L-aspett ta’ finanzjament huwa kwistjoni ta’ importanza ewlenija. L-aspett tal-finanzjament huwa kwistjoni ta’ importanza ewlenija. Mingħajr finanzjament adegwat, li jissodisfa kundizzjonijiet stretti u li jitwettaq bi trasparenza sħiħa, mhux se jkun possibbli li jiġi żgurat li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali jkunu preżenti, kemm fil-laqgħat kif ukoll, fuq kollox, matul il-ħidma ta’ riċerka preliminari applikata, li tikkonsisti fil-ġbir tad-data u t-tfassil ta’ studji u Opinjonijiet. |
6.2. Ir-realtajiet attwali tas-soċjetà ċivili u tal-imsieħba soċjali fl-UE u fl-Istati AKP
6.2.1.
Fil-każ tal-Ewropa, hemm bosta eluf ta’ assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet, federazzjonijiet, konfederazzjonijiet, pjattaformi u forums, fil-livell nazzjonali jew Ewropew. Dawn jagħmlu parti minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jew mis-settur tan-negozju, kemm jekk intrapriżi privati jew mikrointrapriżi u intrapriżi żgħar, sew mis-settur pubbliku sew mis-settur soċjali, jew mis-settur tat-trade unions, b’ċerta armonizzazzjoni fil-livell organizzattiv.
6.2.2.
|
6.2.2.1. |
Fl-Istati AKP, is-sitwazzjoni ekonomika, soċjali, politika u storika ta’ kull reġjun, sottoreġjun u stat tirriżulta f’firxa wiesgħa ta’ diversità organizzattiva bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili/l-imsieħba soċjali u, f’xi każijiet, nuqqas ta’ interazzjoni bejniethom. Hemm ħafna eżempji ta’ prattika tajba, kif ukoll ta’ għadd kbir ta’ problemi u lakuni. |
|
6.2.2.2. |
Hemm ukoll id-diffikultajiet jew saħansitra n-nuqqas totali ta’ informazzjoni ġenerali jew speċifika għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili/imsieħba soċjali dwar il-Ftehim il-ġdid jew il-FSE (fejn jeżistu), kif ukoll nuqqas ġenerali ta’ forums għall-parteċipazzjoni u diskussjoni strutturata mal-istituzzjonijiet pubbliċi. |
|
6.2.2.3. |
Fid-dawl ta’ din ir-realtà mħallta, dawn iż-żewġ aspetti għandhom jiġu studjati fil-prattika, sabiex jinxterdu eżempji ta’ prattika tajba u jiġu rimedjati problemi u lakuni sabiex tingħata spinta lill-istatus tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-imsieħba soċjali u jissaħħaħ ir-rwol tagħhom. Permezz ta’ dan l approċċ, se jkun possibbli li jiġu appoġġjati l-mekkaniżmi istituzzjonali eżistenti u li jitħeġġeġ il ħolqien ta’ oħrajn ġodda. |
6.2.3.
Fil-preżent, fil-kuntest tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi AKP, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali jistgħu jiddependu mill-Kumitat ta’ Segwitu UE-AKP, li huwa parti mill-KESE u huwa magħmul minn 12-il membru mill-UE/KESE, u 12-il membru maħtura mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali tal-pajjiżi AKP (bħalissa hemm 8 membri mill-Afrika, 2 membri mill-Karibew u 2 membri mill-Paċifiku), li jinħatru mis-soċjetà ċivili organizzata f’kull wieħed mir-reġjuni u billi jiġi rispettat il-bilanċ bejn l-interessi differenti.
7. Kummenti speċifiċi dwar kif għandhom jiġu promossi u appoġġjati l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali bħala xprunaturi tal-iżvilupp sostenibbli
|
7.1. |
Il-KESE jqis li huwa ta’ importanza kbira li jiġu fformalizzati l-mekkaniżmi istituzzjonali ppjanati u jindika li dan huwa l-għan ewlieni tiegħu f’dan il-qasam. |
|
7.2. |
Il-KESE jħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni biex, wara l-iffirmar finali tal-Ftehim il-ġdid, tieħu l-inizjattiva li tipproponi lill-OSAKP u lill-pajjiżi konċernati biex jistabbilixxu l-kundizzjonijiet politiċi, organizzattivi u finanzjarji meħtieġa għall-istabbiliment ta’ dawn il-mekkaniżmi istituzzjonali. |
|
7.3. |
Il-KESE jħeġġeġ bil-qawwa lill-pajjiżi AKP biex jimpenjaw ruħhom ukoll fil-konfront ta’ dan il-proċess. |
|
7.4. |
Il-KESE jinnota li l-istruttura tal-Ftehim il-ġdid tipprevedi l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu istituzzjonali marbut mal-fondazzjoni komuni u li jinkludi rappreżentanti tal-UE u tal-OSAKP. Fl-istess ħin, il-protokolli reġjonali jippermettu l-istabbiliment f’kull reġjun (l-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku) ta’ mekkaniżmu istituzzjonali li jinvolvi rappreżentanti ta’ dak ir-reġjun u tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk se jkun hemm sistema ta’ 1 + 3 mekkaniżmi istituzzjonali, li se tkopri l-Ftehim il-ġdid kollu. |
|
7.5. |
Il-KESE jinnota li l-mekkaniżmi istituzzjonali, il-kumitati konsultattivi, huma previsti wkoll fil-qafas tal-FSE, bħal fil-każ tal-ftehimiet konklużi mal-Cariforum, l-Afrika tal-Punent u l-Afrika tal-Lvant. |
|
7.6. |
Il-KESE jirrimarka b’mod partikolari li s-sett kollu ta’ mekkaniżmi istituzzjonali se jirrikjedi sforz organizzattiv u ta’ networking kbir, bħala sistema unika u strutturata, sabiex jinħolqu sinerġiji, tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi u jiġu introdotti r-riżorsi u jiġi ottimizzat l-użu tagħhom, b’mod partikolari r-riżorsi finanzjarji. |
|
7.7. |
Il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni tħeġġeġ lid-delegazzjonijiet tal-UE fl-OSAKP biex jappoġġjaw proġetti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-imsieħba soċjali, b’mod partikolari dawk iffokati fuq is-sensibilizzazzjoni fost il-membri u l-mexxejja tagħhom, it-taħriġ u l-awtonomizzazzjoni tagħhom, it-tisħiħ tal-kapaċità teknika tagħhom u t-tisħiħ tal-istabbiliment ta’ mekkaniżmi istituzzjonali. Il-KESE jirrakkomanda li, filwaqt li jitqiesu l-merti rispettivi tagħhom, il-Kummissjoni għandha tiffavorixxi, fost l-applikazzjonijiet imressqa, lil dawk tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-imsieħba soċjali tal-pajjiżi AKP. |
|
7.8. |
Il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni tistabbilixxi programmi li jagħmluha possibbli, meta timplimenta l-mekkaniżmi istituzzjonali, li tistudja r-realtà fil-prattika. Dan jinkludi l-opportunitajiet u d-diffikultajiet għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili/l-imsieħba soċjali u d-diversi strutturi eżistenti (pjattaformi, forums, eċċ.). L-għan huwa li jinġabru eżempji ta’ prattiki tajba (li diġà jeżistu fil-kuntest tar-relazzjonijiet UE-OSAKP) li għandhom jiġu kondiviżi. Il-KESE jirrakkomanda li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili/l-imsieħba soċjali mill-pajjiżi AKP ikunu atturi ewlenin f’dan l-istudju, f’termini tal-kontribut kwantitattiv u kwalitattiv tagħhom. |
|
7.9. |
Il-KESE jenfasizza li l-Kumitat ta’ Segwitu AKP-UE ser isaħħaħ l-organizzazzjoni tiegħu b’aktar riżorsi, membri u delegati sabiex ikun jista’ jikkontribwixxi aħjar għal dan il-proċess u jwettaq il-missjoni tiegħu. |
|
7.10. |
Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li l-Kummissjoni tinkludi l-finanzjament ta’ dan il-proċess fl-istrumenti finanzjarji attwali. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni b’mod partikolari għall-fatt li l-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili/tal-imsieħba soċjali jeħtieġu finanzjament, peress li l-awtofinanzjament mhuwiex biżżejjed. Il-KESE jfakkar li, fid-dawl tal-kopertura ġeografika tal-Ftehim il-ġdid, il-funzjonament tajjeb tal-mekkaniżmi istituzzjonali u l-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-imsieħba soċjali jeħtieġu mezzi finanzjarji li ma għandhomx. Anke bl-użu ta’ tekniki rigorużi ta’ kontroll tal-ġestjoni u teknoloġiji diġitali moderni, l-appoġġ finanzjarju għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili/l-imsieħba soċjali huwa kruċjali. Il-KESE jappella bil-qawwa lill-UE, lill-OSAKP u lill Istati Membri biex jadottaw programmi ta’ appoġġ speċifiċi għall-ħidma tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili/l-imsieħba soċjali, kif ukoll għat-tħaddim ta’ mekkaniżmi istituzzjonali. |
Brussell, it-13 ta’ Lulju 2022.
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – Sħubija mġedda mal-pajjiżi tal-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku, 2016, p. 7 u 8.
(2) Il-bażi komuni tal-Ftehim, l-Artikolu 95.
(3) Il-protokoll reġjonali għall-Afrika, l-Artikolu 5.
(4) Il-protokoll reġjonali għall-Karibew, l-Artikolu 7.
(5) Il-protokoll reġjonali għall-Paċifiku, l-Artikolu 7.
(6) Appoġġ għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet operazzjonali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Avorjana għall-monitoraġġ taċ-ċittadini tal-ftehim interim ta’ sħubija ekonomika fil-Kosta tal-Avorju.
(7) Il-prinċipju kif definit mill-OECD.