15.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 44/8


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/263

tal-14 ta' Frar 2019

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 964/2014 fir-rigward ta' termini u kundizzjonijiet standard għal strumenti finanzjarji għall-Faċilità ta' Koinvestiment u għall-Fond għall-Iżvilupp Urban

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 38(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Annessi I, V u VI tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 964/2014 (2) jistabbilixxu l-werrej annotat ta' ftehim ta' finanzjament bejn awtorità ta' ġestjoni u intermedjarju finanzjarju, it-termini u l-kundizzjonijiet għall-Faċilità ta' Koinvestiment u l-Fond għall-Iżvilupp Urban, rispettivament.

(2)

L-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jiċċara l-verifiki ta' ġestjoni u l-arranġamenti tal-awditjar fil-każ ta' strumenti finanzjarji implimentati mill-BEI u istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħrajn li fihom Stat Membru jkun azzjonist. Jenħtieġ li dawn l-arranġamenti jkunu riflessi fl-Anness I bħala parti mill-ftehim ta' finanzjament bejn awtorità ta' ġestjoni u l-BEI jew istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħrajn li fihom Stat Membru jkun azzjonist.

(3)

L-Artikolu 43a tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, kif miżjud bir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), jiċċara r-regoli li jirregolaw l-istrumenti finanzjarji fir-rigward ta' trattament differenzjat ta' investituri li joperaw skont il-prinċipju tal-ekonomija tas-suq fil-każ ta' profitt u l-mutwalizzazzjoni tar-riskji. It-terminoloġija użata fl-Annessi I, V u VI tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 964/2014 jenħtieġ li tiġi allinjata ma' dik fl-Artikolu 43a tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

(4)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat ta' Koordinazzjoni tal-Fondi SIE.

(5)

Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u biex jiġu limitati għall-anqas livell possibbli d-diskrepanzi bejn id-dispożizzjonijiet emendati tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, li japplika mit-2 ta' Awwissu 2018 jew qabel b'konformità mal-Artikolu 282 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, u d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(6)

Jenħtieġ li r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 964/2014 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi I, V u VI tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 964/2014 huma emendati skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Frar 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 964/2014 tal-11 ta' Settembru 2014 li jistipula regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' termini u kundizzjonijiet standard għal strumenti finanzjarji (ĠU L 271, 12.9.2014, p. 16).

(3)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).


ANNESS

L-Annessi I, V u VI għar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 964/2014 huma emendati kif ġej:

1.

Fl-Anness I, il-werrej annotat ta' ftehim ta' finanzjament bejn awtorità ta' ġestjoni u intermedjarju finanzjarju huwa emendat kif ġej:

(a)

Fil-punt 11 jiddaħħal paragrafu ġdid:

“Dispożizzjonijiet dwar il-verifiki ta' ġestjoni u l-arranġamenti tal-awditjar b'konformità mal-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fil-każi fejn il-korpi li jimplimentaw l-istrumenti finanzjarji jkunu l-BEI jew istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħrajn li fihom Stat Membru jkun azzjonist”

(b)

Fil-punt 17, it-tielet paragrafu jinbidel b'dan li ġej:

“Dispożizzjonijiet dwar l-użu mill-ġdid tar-riżorsi attribwibbli għall-appoġġ mill-Fondi SIE sa tmiem il-perijodu ta' eliġibbiltà skont l-Artikolu 44 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u, fejn applikabbli, dispożizzjonijiet dwar trattament differenzjat kif imsemmi fl-Artikolu 43a”

2.

Fl-Anness V, it-termini u l-kundizzjonijiet tal-Faċilità ta' Koinvestiment huma emendati kif ġej:

(a)

fit-taqsima “Il-kontribuzzjoni tal-Fond għall-istrument finanzjarju: l-ammont u r-rata (id-dettalji tal-prodott)”, ir-raba' paragrafu jinbidel b'dan li ġej:

“It-trattament differenzjat ta' investituri privati li joperaw skont il-prinċipju tal-ekonomija tas-suq, immirat biss lejn il-kondiviżjoni asimmetrika tal-profitti għandha tkun stabbilita b'konformità mal-Artikolu 43a tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u l-Artikolu 21(13)(b) tar-Regolament (UE) Nru 651/2014.”;

(b)

fit-taqsima “L-Intermedjarji Finanzjarji u l-Koinvestituri Eleġibbli”, it-tielet paragrafu jinbidel b'dan li ġej:

“L-awtorità ta' ġestjoni u l-fond ta' fondi għandhom jikkonformaw mad-dritt tal-Unjoni meta jagħżlu l-intermedjarji finanzjarji. L-għażla ta' intermedjarji finanzjarji għandha tkun miftuħa, trasparenti, proporzjonali u mhux diskriminatorja filwaqt li tevita l-kunflitt ta' interess. L-għażla ta' intermedjarji finanzjarji għandha tistabbilixxi arranġamenti ta' mutwalizzazzjoni tar-riskji xierqa f'każ ta' trattament differenzjat u tiddetermina l-kumpens għal prestazzjoni li jkun possibbli.”;

3.

Fl-Anness VI, it-termini u l-kundizzjonijiet tal-Fond għall-Iżvilupp Urban huma emendati kif ġej:

(a)

fit-taqsima “L-implikazzjoni tal-għajnuna mill-Istat”, il-ħames paragrafu jinbidel b'dan li ġej:

“It-trattament differenzjat (kundizzjonijiet asimmetriċi dwar l-arranġamenti ta' mutwalizzazzjoni tar-riskji) għall-fond ta' fondi, il-kontribuzzjoni tal-intermedjarju finanzjarju u l-kontribuzzjonijiet tal-koinvestituri fil-livell tal-fond u fil-livell tal-proġett f'għamla ta' self, jekk ikun hemm, għandhom jiġu stabbiliti skont l-Artikolu 43a tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, il-punti (b) u (c) tal-Artikolu 16(8) tar-Regolament (UE) Nru 651/2014, kif speċifikat aktar fil-politika dwar l-ipprezzar.”;

(b)

fit-taqsima “Il-kontribuzzjoni tal-programm għall-istrument finanzjarju: l-ammont u r-rata (id-dettalji tal-prodott)”, l-ewwel paragrafu jinbidel b'dan li ġej:

“Ir-rata attwali tal-kondiviżjoni tar-riskju, il-kontribuzzjoni pubblika tal-programm, it-trattament differenzjat u r-rata tal-imgħax fuq self għandhom ikunu bbażati fuq il-konklużjonijiet tal-valutazzjoni ex ante u għandhom jiżguraw li l-benefiċċju tal-benefiċjarji aħħarin ikun konformi mal-Artikolu 16(8)(b) tar-Regolament (UE) Nru 651/2014.”;

(c)

fit-taqsima “Is-Self u l-kondiviżjoni tar-riskju fil-livell tal-intermedjarju finanzjarju (l-allinjament tal-imgħax)”, is-sitt inċiż jinbidel b'dan li ġej:

“il-kondiviżjoni tar-riskju mal-intermedjarju finanzjarju u mal-koinvestituri (fil-livell ta' fond jew fil-livell ta' proġett ta' żvilupp urban) għandha ssir pro rata bħal dik għall-kontribuzzjoni pubblika ħlief jekk il-valutazzjoni ex ante msemmija fl-Artikolu 37(2)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 turi li t-trattament differenzjat huwa meħtieġ fl-għamla ta' kondiviżjoni asimmetrika tar-riskju stabbilita bejn il-koinvestituri. Tali arranġamenti għandhom ikunu konformi mal-Artikolu 16(8)(b) u (c) tar-Regolament (UE) Nru 651/2014 u inklużi fil-ftehim dwar il-koinvestiment bejn il-partijiet. Tali arranġamenti ma japplikawx għall-1 % investit mill-intermedjarju finanzjarju mir-riżorsi proprji kif inhu mitlub hawn fuq għall-finijiet tal-allinjament tal-imgħax.”;

(d)

fit-taqsima “L-Intermedjarji Finanzjarji Eleġibbli”, is-sitt paragrafu jinbidel b'dan li ġej:

“L-awtorità ta' ġestjoni u l-fond ta' fondi għandhom jikkonformaw mad-dritt tal-Unjoni meta jagħżlu l-intermedjarji finanzjarji. L-għażla tal-intermedjarji finanzjarji għandha tkun miftuħa, trasparenti, proporzjonali u mhux diskriminatorja filwaqt li tevita l-kunflitt ta' interess. L-għażla tal-intermedjarji finanzjarji għandha l-għan li tistabbilixxi arranġamenti tal-kondiviżjoni xierqa tar-riskju f'każ ta' trattament differenzjat.”.