|
12.7.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 181/4 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/1248
tal-11 ta' Lulju 2017
dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet relatati mat-trattament ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi legalment impjegati bħala ħaddiema fit-territorju tal-parti l-oħra
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 79(2)b, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),
Billi:
|
(1) |
Fit-22 ta' Jannar 2007 l-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mal-Ukraina għall-konklużjoni ta' ftehim ġdid bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina biex jissostitwixxi l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (2). |
|
(2) |
Dawk in-negozjati kienu finalizzati b'suċċess u l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra (minn hawn 'il quddiem “il-Ftehim”) ġie inizjalat fl-2012. |
|
(3) |
Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/295/UE (3), id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/668/UE (4) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/670/Euratom (5), il-Ftehim ġie iffirmat fi Brussell fil-21 ta' Marzu 2014 u fi Brussell fis-27 ta' Ġunju 2014, suġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard. |
|
(4) |
Din id-Deċiżjoni tirrigwarda biss l-Artikolu 17 tal-Ftehim, li jinkludi obbligi speċifiċi marbutin mat-trattament ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi legalment impjegati bħala ħaddiema fit-territorju tal-parti l-oħra u li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. L-iskop u l-kontenut ta' dawk id-dispożizzjonijiet huwa differenti u indipendenti mill-iskop u l-kontenut tad-dispożizzjonijiet l-oħrajn tal-Ftehim għall-istabbiliment ta' assoċjazzjoni bejn il-partijiet. Deċiżjoni separata marbuta mad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Ftehim ser tiġi adottata b'mod parallel ma' din id-Deċiżjoni. |
|
(5) |
F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, [dawk l-Istati Membri mhumiex jieħdu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhumiex marbuta biha jew suġġetti għall-applikazzjoni tagħha]. |
|
(6) |
F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. |
|
(7) |
Il-Ftehim ma għandux jiġi interpretat bħala li jagħti xi drittijiet jew jimponi obbligi li jistgħu jiġu invokati direttament quddiem il-qrati u t-tribunali tal-Unjoni jew tal-Istati Membri. |
|
(8) |
Il-Ftehim għandu jiġi approvat f'isem l-Unjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra, flimkien mal-Annessi u l-Protokolli tiegħu (minn hawn 'il quddiem “il-Ftehim”) huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni, fir-rigward tal-Artikolu 17 tiegħu (6).
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill għandu, f'isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 486(2) tal-Ftehim, sabiex ikun espress il-kunsens tal-Unjoni li tkun marbuta bil-Ftehim (7).
Artikolu 3
Il-Ftehim ma għandux jiġi interpretat bħala li jagħti xi drittijiet jew jimponi obbligi li jistgħu jiġu invokati direttament quddiem il-qrati u t-tribunali tal-Unjoni jew tal-Istati Membri.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Lulju 2017.
Għall-Kunsill
Il-President
T. TÕNISTE
(1) Il-kunsens tas-16 ta' Settembru 2014 (għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom u l-Ukraina (ĠU L 49, 19.2.1998, p. 3).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/295/UE tas-17 ta' Marzu 2014 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-Preambolu, Artikolu 1, u Titoli I, II u VII tiegħu (ĠU L 161, 29.5.2014, p. 1).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/668/UE tat-23 ta' Ġunju 2014 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-Titolu III (bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw it-trattament ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi legalment impjegati bħala ħaddiema fit-territorju tal-Parti l-oħra) u t-Titoli IV, V, VI u VIItiegħu, kif ukoll l-Annessi u l-Protokolli relatati (ĠU L 278, 20.9.2014, p. 1).
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/670/Euratom tat-23 ta' Ġunju 2014 dwar l-approvazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea, f'isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra (ĠU L 278, 20.9.2014, p. 8).
(6) It-test tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra ġie ppubblikat fil-ĠU L 161, 29.5.2014, p. 3.
(7) Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.