32000D0658



Official Journal L 276 , 28/10/2000 P. 0044 - 0044


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tat-28 ta' Settembru 2000

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar is-Sħubija Ekonomika, il-Kordinazzjoni u l-Koperazzjoni Politika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Istati Uniti Messikani, min-naħa l-oħra

(2000/658/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 44(2), 47, 55, 57(2), 71, 80(2), 133 u 181 tiegħu, flimkien mat-tieni sentenza ta'l-Artikolu 300(2) u t-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 300(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew [2],

Billi l-Ftehim dwar is-Sħubija Ekonomika, Kordinazzjoni u Koperazzjoni Politika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Istati Uniti Messikani, min-naħa l-oħra, iffirmat fi Brussel fit-8 Diċembru 1997, għandu jiġi approvat,

IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Ftehim dwar is-Sħubija Ekonomika, l-Kordinazzjoni u l-Koperazzjoni Politika bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Istati Uniti Messikani, min-naħa l-oħra, flimkien mad-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Komunità unilateralment jew flimkien mal-Parti l-oħra, qiegħed b'hekk jiġi approvat għan-nom tal-Komunità Ewropea.

It-testi ta' l-atti msemmija fl-ewwel subparagrafu qegħdin jiġu annessi ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 60 tal-Ftehim għan-nom tal-Komunità.

Artikolu 3

1. Il-posżizzjoni li għandha tittieħed mill-Komunità fi ħdan il-Kunsill Konġunt u l-Kumitat Konġunt imwaqqaf bil-Ftehim, għandha tiġi adottata mill-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, skond id-disposizzjonijiet li jikkorrispondu mat-Trattat.

2. Il-President tal-Kunsill għandu, skond l-Artikolu 46 tal-Ftehim, jippresjedi fuq il-Kunsill Konġunt u jippreżenta l-posizzjoni tal-Komunità. Skond l-Artikolu 48 tal-Ftehim, rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jippresjedi fuq il-Kunsill Konġunt u jippreżenta l-posizzjoni tal-Komunità.

Magħmula fi Brussel, fit-28 ta' Settembru 2000.

Għall-Kunsill

Il-President

D. Vaillant

[1] ĠU C 350, tad-19.11.1997, pġ. 6.

[2] ĠU C 279, tas-6.5.1999, pġ. 404.

--------------------------------------------------