24.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 340/153


RIŻOLUZZJONI (UE) 2021/1555 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tad-29 ta’ April 2021

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019, Taqsima VII — Il-Kumitat tar-Reġjuni

IL-PARLAMENT EWROPEW,

—

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019, Taqsima VII – Il-Kumitat tar-Reġjuni,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0055/2021),

A.

billi fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tixtieq tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni billi jittejbu t-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, u billi jiġi implimentat il-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u tal-governanza tajba tar-riżorsi umani;

1.   

Jinnota b'sodisfazzjon li l-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti"), fir-rapport annwali tagħha għall-2019 (ir-"rapport tal-Qorti"), osservat li ma ġiet identifikata l-ebda dgħufija sinifikanti fir-rigward tat-temi awditjati relatati mar-riżorsi umani u mal-akkwist għall-Kumitat tar-Reġjuni (il-"Kumitat");

2.   

Jilqa' pożittivament il-fatt li, abbażi tal-ħidma ta' awditjar tiegħu, il-Qorti kkonkludiet li l-pagamenti kollha għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2019, inklużi l-infiq amministrattiv u ta' tip ieħor tal-Kumitat, ma kellux żbalji materjali u li s-sistemi ta' sorveljanza u kontroll eżaminati kienu effettivi;

3.   

Jiddispjaċih, bħala osservazzjoni ġenerali, li l-Kapitolu 9, "Amministrazzjoni", tar-rapport tal-Qorti għandu kamp ta' applikazzjoni u konklużjonijiet pjuttost limitati, minkejja l-fatt li l-Intestatura 5, "Amministrazzjoni", tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali titqies li għandha riskju baxx; jitlob li x-xogħol ta' awditjar għal tali kapitolu jkun aktar ikkonċentrat fuq il-kwistjonijiet ta' rilevanza għolja jew saħansitra ta' importanza kritika għall-Kumitat;

4.   

Ifakkar li l-baġit tal-Kumitat, fil-biċċa l-kbira tiegħu, huwa amministrattiv, b'ammont kbir minnu użat għall-ispejjeż li jikkonċernaw persuni li jaħdmu fl-istituzzjoni (Titolu 1) u l-bini, il-proprjetà mobbli, it-tagħmir u l-ispejjeż operatorji mixxellanji;

5.   

Jinnota li fl-2019 il-Kumitat kellu baġit approvat ta' EUR 98 751 000 (meta mqabbel ma' EUR 96 101 000 fl-2018 u EUR 93 295 000 fl-2017); jinnota li r-rata ta' eżekuzzjoni għall-impenji kienet 99,6 %fl-2019 (meta mqabbla ma' 99,3 % fl-2018 u 98,1 % fl-2017) u li r-rata ta' eżekuzzjoni għall-pagamenti ta' 88,8 % fl-2019 kienet anqas mir-rati ta' eżekuzzjoni għall-pagamenti ta' 91,0 % fl-2018 u ta' 89,9 % fl-2017; jinnota, madankollu, li r-rata finali ta' eżekuzzjoni għall-pagamenti għall-2019 se tkun ogħla fl-aħħar taċ-ċiklu tal-baġit (wara l-ħlas tar-riporti);

6.   

Jissottolinja li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-impenji għat-Titolu 1 kienet 99,6 % u għat-Titolu 2 kienet 99,7 %; jinnota b'sodisfazzjon li madwar EUR 400 000 (0,4 %) baqgħu mhux impenjati fl-aħħar tas-sena u għalhekk ġew irritornati fil-baġit tal-Unjoni, li rrappreżenta tnaqqis meta mqabbel mal-2018 meta madwar EUR 700 000 (0,7 %) tħallew mhux impenjati;

Riżorsi umani

7.

Jinnota li l-għadd totali ta' membri tal-persunal kien 576 fl-2019 (meta mqabbel ma' 538 fl-2018 u 533 fl-2017); jinnota li l-għadd ta' postijiet tax-xogħol fit-tabella tal-persunal jammonta għal 491, li l-Kumitat iqisu bħala insuffiċjenti; jirrikonoxxi r-riżultati ta' valutazzjoni tal-ammont ta' xogħol iffinalizzata fl-2019 għal riorganizzazzjoni potenzjali bl-għan li jsir aktar titjib fl-effiċjenza u jinħolqu sinerġiji; huwa infurmat li l-Kumitat jixtieq li l-awtoritajiet baġitarji tal-Unjoni jindirizzaw il-kwistjoni u biex jibbilanċjaw is-sitwazzjoni attwali tal-persunal b'mod progressiv; jinkoraġġixxi lill-Kumitat japprofondixxi l-kooperazzjoni amministrattiva tiegħu mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) permezz ta' ftehim għas-servizzi konġunti biex jakkomuna r-riżorsi bil-għan li jiġu żviluppati aktar sinerġiji;

8.

Jirrikonoxxi l-isforzi kontinwi tal-Kumitat biex isaħħaħ ir-rwol politiku tiegħu u biex jiffaċċja ż-żieda fil-ħtieġa ta' għarfien espert permanenti fl-oqsma politiċi u amministrattivi; jinnota r-riżerva ta' talent maħluqa biex timmotiva u żżomm persunal ta' esperjenza fil-Kumitat; jinnota li l-ewwel konkors intern ġenerali fl-istorja tal-Kumitat ġie ffinalizzat fl-ewwel semestru tal-2019 b'total ta' 40 kandidat li għaddew mill-konkors minn fost 113-il membru tal-persunal kandidat; jitlob lill-Kumitat jispjega l-prospettivi professjonali konkreti offruti lill-kandidati li għaddew mill-konkors;

9.

Jinnota li, skont stimi, it-trasferiment ta' 24 post fit-traduzzjoni mill-Kumitat għall-Parlament kellu jwassal għall-iffrankar annwali ta' bejn wieħed u ieħor EUR 2,9 miljun; jistieden lill-Kumitat jippreżenta rapport dwar l-impatt ta' tali trasferiment;

10.

Jiddispjaċih li s-sitwazzjoni f'termini ta' bilanċ bejn il-ġeneri f'pożizzjonijiet ta' maniġment medju u għoli ma marritx għall-aħjar anzi baqgħet relattivament stabbli mill-2018 u 35 % ta' dawn il-pożizzjonijiet jimtlew min-nisa; jirrikonoxxi li ġiet adottata strateġija ġdida ta' opportunitajiet indaqs li tinkludi objettivi konkreti li għandhom jintlaħqu sal-2025; jistieden lill-Kumitat jippreżenta pjan direzzjonali għall-adozzjoni tal-istrateġija l-ġdida ta' opportunitajiet indaqs u relatat mal-impatt previst tagħha, u jirrapporta, fuq bażi annwali, lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni tagħha u dwar ir-riżultati preliminari tagħha;

11.

Jilqa' pożittivament il-ħatra ta' uffiċjal responsabbli mill-opportunitajiet indaqs li jkun jaħdem ċentralment fid-Direttorat tar-Riżorsi Umani, u l-"wirjiet dwar l-opportunitajiet indaqs"; jitlob lill-Kumitat jirrapporta dwar ir-riżultati konkreti li kisbet l-istrateġija l-ġdida, inklużi r-riżultati tal-azzjonijiet meħuda fir-rigward tat-titjib tad-diversità u dawk meħuda biex il-Kumitat isir post tax-xogħol aktar inklużiv għall-persuni b'diżabbiltà;

12.

Josserva li ċ-ċittadinanzi kollha tal-Unjoni kienu rrappreżentati fl-2019, bl-eċċezzjoni ta' dik Lussemburgiża; jistieden lill-Kumitat biex ikompli jagħmel ħiltu biex jinkiseb il-bilanċ ġeografiku fost il-membri tal-persunal tiegħu bil-għan li jistabbilixxi rappreżentanza adegwata taċ-ċittadini tal-Istati Membri kollha, anki fil-livell maniġerjali; jinkoraġġixxi lill-Kumitat iżid l-isforzi ta' komunikazzjoni tiegħu f'dawk il-pajjiżi li mhumiex irrappreżentati biżżejjed;

13.

Iħeġġeġ lill-Kumitat ikompli bl-isforzi tiegħu biex jikseb bilanċ bejn il-ġeneri fil-livelli ġerarkiċi kollha u jilqa' azzjonijiet bħall-preżenza obbligatorja taż-żewġ ġeneri f'bordijiet ta' selezzjoni, l-inkoraġġiment attiv ta' applikanti nisa għall-pożizzjonijiet maniġerjali kollha, sessjonijiet speċifiċi ta' taħriġ għall-persunal femminili li jixtieq jipprepara għal karriera maniġerjali u arranġamenti tax-xogħol aktar flessibbli, inkluża l-possibbiltà ta' xogħol part-time u telexogħol; jinnota l-firxa ta' inizjattivi li ħa l-Kumitat, pereżempju r-rikonoxximent formali tar-responsabbiltajiet maniġerjali taħt il-livell tal-kap tal-unità u l-ħolqien ta' network informali għall-bilanċ bejn il-ġeneri fil-maniġment varat bis-sostenn tal-amministrazzjoni;

14.

Jieħu nota tal-fatt li l-istrateġija l-ġdida ta' opportunitajiet indaqs tagħmel ukoll enfasi fuq id-diżabbiltà u d-diversità; josserva t-taħriġ dwar il-preġudizzju inkonsapevoli offrut lill-maniġers u lill-persunal fir-riżorsi umani involuti fil-proċeduri ta' selezzjoni; jitlob lill-Kumitat jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-objettivi, l-azzjonijiet u l-indikaturi speċifiċi fl-ambitu tal-istrateġija;

15.

Japprezza l-enfasi tal-Kumitat fuq l-iżvilupp u ż-żamma ta' servizzi ta' kwalità għolja ta' saħħa u benesseri bbażati fuq il-prevenzjoni u l-intervent bikri permezz ta' kooperazzjoni mill-qrib bejn is-servizzi tar-riżorsi umani kkonċernati, u fuq programmi ta' sensibilizzazzjoni kemm għall-persunal maniġerjali kif ukoll għal dak ta' tip ieħor; jilqa' pożittivament is-sessjonijiet ta' taħriġ li saru mal-maniġers fil-livell ta' grad baxx, medju u għoli dwar is-suġġett tal-ġestjoni tal-assenza u l-integrazzjoni b'suċċess tal-kollegi wara assenza fit-tul; jinnota li fl-2019 ġew irreġistrati għaxar każijiet ta' eżawriment minħabba x-xogħol (burnout); jinnota li s-servizz soċjali tal-Kumitat joffri assistenza waqt iż-żmien ta' mard u meta l-membru tal-persunal jerġa' jidħol fis-servizz; jitlob lill-Kumitat jinkludi l-identifikazzjoni tal-eżawriment minħabba x-xogħol fis-servizzi tas-saħħa u tal-benesseri tiegħu; jilqa' b'sodisfazzjon iż-żieda fl-arranġamenti tal-flexitime u tat-telexogħol biex jitjieb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tal-membri tal-persunal, kif ukoll it-tkomplija tal-programm ta' prevenzjoni tal-istress u tal-eżawriment minħabba x-xogħol; jinkoraġġixxi lill-Kumitat ilesti l-arranġamenti tax-xogħol flessibbli bi protezzjoni tad-"dritt għall-iskonnessjoni" min-naħa tal-membri tal-persunal;

16.

Jissottolinja li l-Kumitat juża prinċipalment persunal kuntrattwali biex joffri appoġġ xieraq fil-forma ta' sostituzzjonijiet għal assenzi ta' terminu medju sa twil u għal proġetti speċifiċi f'direttorati differenti bil-għan li jagħti appoġġ addizzjonali lill-membri tal-Kumitat; ifakkar, madankollu, li l-użu tal-aġenti kuntrattwali jikkawża wkoll telfien konsiderevoli ta' għarfien u ta' kompetenzi tekniċi għall-Kumitat meta jagħalqilhom il-kuntratt u għaldaqstant jinkoraġġixxi lill-Kumitat ikompli bin-negozjati biex ikabbar it-tabella tal-persunal tiegħu; jinnota li, fl-2019, bħala konsegwenza tal-kooperazzjoni bejn il-Kumitat u l-Parlament, in-numru ta' aġenti b'kuntratt fit-tul naqas fid-direttorat għat-traduzzjoni tal-Kumitat u tal-KESE meta mqabbel mas-snin 2013 sa 2017;

17.

Jinnota li l-Kumitat jeħtieġ li jtejjeb is-sistemi ta' kontroll tas-sigurtà tiegħu u jiżgura post tax-xogħol sikur għall-membri u għall-persunal tiegħu, fatt li jirrikjedi riżorsi speċjalizzati addizzjonali u li l-proporzjon tar-riżorsi ddedikati kemm għas-sigurtà fiżika kif ukoll għall-appoġġ tal-IT għal kull membru tal-persunal huwa baxx ħafna meta mqabbel ma' dak ta' entitajiet oħra tal-Unjoni; jinkoraġġixxi lill-Kumitat ikompli jħejji proġetti ġodda biex iqawwi ċ-ċibersigurtà;

18.

Jinnota li l-Kumitat identifika proġetti addizzjonali fil-qasam tal-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni u tal-komunikazzjoni, bħall-appoġġ għat-tfassil aħjar tal-liġijiet permezz ta' monitoraġġ ex ante u ex post tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fuq il-post kif ukoll attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni biex jinvolvu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali kollha fil-proċess, u li dawn il-proġetti addizzjonali jeħtieġu riżorsi adegwati.

Komunikazzjoni

19.

Jissottolinja li twettqet evalwazzjoni esterna tal-istrateġija ta' komunikazzjoni tal-Kumitat skont l-istandards applikati mill-entitajiet l-oħra kollha tal-Unjoni bl-użu ta' kuntratt qafas kondiviż; jinnota li l-kwalità tal-komunikazzjoni tal-Kumitat mhux dejjem issodisfat il-ħtiġijiet tal-udjenza iżda hija effettiva f'sens ġenerali peress li l-partijiet ikkonċernati ewlenin għandhom perċezzjoni pożittiva tal-Kumitat; jistieden lill-Kumitat itejjeb il-komunikazzjoni diġitali mal-pubbliku u jżid il-viżibbiltà tal-istudji tiegħu għall-partijiet ikkonċernati u għaċ-ċittadini tal-Unjoni; jinkoraġġixxi lill-Kumitat jagħmel kuntatt mal-Parlament biex iżid il-kooperazzjoni, pereżempju permezz tal-organizzazzjoni ta' laqgħat u avvenimenti konġunti;

20.

Jitlob lill-Kumitat jirrapporta dwar kif se jimplimenta b'mod effiċjenti r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport ta' evalwazzjoni; jinnota li l-akbar suċċessi ta' komunikazzjoni tal-Kumitat huma d-djalogi maċ-ċittadini li jsiru mal-Kummissjoni u d-djalogi lokali tal-Kumitat stess, l-avvenimenti ewlenin "EuroPCom" (konferenza Ewropea dwar il-komunikazzjoni pubblika) u l-"Ġimgħa Ewropea tar-reġjuni u l-bliet";

Diġitalizzazzjoni u ċibersigurtà

21.

Jilqa' pożittivament il-fatt li l-bureau tal-Kumitat adotta strateġija diġitali fil-bidu tal-2019, abbażi tad-Dikjarazzjoni ta' Tallinn dwar il-gvern elettroniku u l-prinċipju fundamentali "diġitali b'mod awtomatiku" tagħha, u li l-implimentazzjoni bdiet wara l-adozzjoni; jinnota li r-riżultati tanġibbli ewlenin tal-istrateġija huma sistemi ta' informazzjoni orjentati lejn il-membri biex jappoġġaw il-ħidma politika tal-Kumitat, sistemi ta' informazzjoni biex jappoġġaw proċessi amministrattivi "mingħajr karti" u programm diġitali fuq il-post tax-xogħol; jistieden lill-Kumitat iżid id-diġitalizzazzjoni anki permezz tal-kooperazzjoni interistituzzjonali;

22.

Jilqa' favorevolment il-kooperazzjoni ċibernetika interistituzzjonali li għaliha l-Kumitat irċieva l-assistenza tal-Iskwadra ta' Rispons f'Emerġenza relatata mal-Kompjuters għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji Ewropej, bħal taħriġ fuq il-post tax-xogħol dwar is-sigurtà tal-cloud u informazzjoni ta' intelligence dwar it-theddid ċibernetiku għal attakki mmirati kontra l-korpi tal-Unjoni; jinnota li ħafna mill-proġetti tad-diġitalizzazzjoni jikkonċernaw id-diġitalizzazzjoni tar-riżorsi umani u l-proċessi finanzjarji, fejn il-Kumitat juża s-sistemi SYSPER u ABAC ipprovduti mill-Kummissjoni; jitlob lill-Kumitat jeżamina l-possibbiltà li jinnegozja kundizzjonijiet aħjar mal-Kummissjoni biex itejjeb u jagħmel il-proċess tal-kondiviżjoni tal-applikazzjoni finanzjarjament attraenti;

23.

Josserva li l-baġit tal-IT huwa kondiviż mal-KESE; jenfasizza l-fatt li dan il-baġit tal-IT żdied fl-2019, abbażi ta' trasferimenti baġitarji, minn EUR 7 963 825 fl-2018 għal EUR 9 082 838,76 fl-2019; jilqa' pożittivament il-fatt li l-unità tal-IT ħadmet biex tipprovdi sistemi tal-informazzjoni li jappoġġaw erba' oqsma operattivi, jiġifieri x-xogħol politiku, il-ġestjoni tad-dokumenti, il-komunikazzjoni u r-riżorsi umani/finanzi, u li, fir-rigward tal-post tax-xogħol diġitali, sar progress fl-aspetti kollha tal-programm;

24.

Jilqa' pożittivament il-politika attiva tal-Kumitat dwar it-teknoloġija b'sors miftuħ; jinkoraġġixxi lill-Kumitat jagħti prijorità lit-teknoloġija b'sors miftuħ bil-għan li jkun evitat l-"intrappolament tal-klijentela", jinżamm il-kontroll fuq is-sistemi tekniċi tiegħu, jiggarantixxi salvagwardji aktar b'saħħithom fir-rigward tal-privatezza u tal-protezzjoni tad-data tal-utenti, u tiżdied is-sigurtà u t-trasparenza għall-pubbliku; jinnota li, 39 applikazzjoni b'software b'sors miftuħ ġew inklużi fl-inventarju tal-pakketti tas-software fl-2019, u li attwalment qed isiru proġetti attivi għall-implimentazzjoni ta' portal ġdid tal-firma diġitali u konsol tal-ġestjoni bbażat fuq teknoloġija b'sors miftuħ;

25.

Jinkoraġġixxi lill-Kumitat isegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS) biex jerġa' jinnegozja l-ftehim interistituzzjonali dwar il-liċenzji u l-kuntratt ta' implimentazzjoni, iffirmati bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u Microsoft fl-2018, bl-objettiv li tintlaħaq is-sovranità diġitali, jiġu evitati l-intrappolament tal-klijentela u n-nuqqas ta' kontroll kif ukoll tiġi żgurata l-protezzjoni tad-data personali;

Bini u sigurtà

26.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li ġiet implimentata sensiela ta' miżuri biex jiġu żgurati standards adegwati ta' sigurtà tal-bini, bħall-installazzjoni ta' tagħmir ġdid għall-kontroll tal-aċċess u l-installazzjoni ta' sistema ġdida ta' televiżjoni b'ċirkwit magħluq (CCTV); jinnota li l-istandards tas-sigurtà relatati laħqu livell pariġġ dawk tal-Parlament u tal-Kummissjoni u li, barra minn hekk, beda l-proċess ta' akkwist għas-sistema l-ġdida ta' ġestjoni għall-viżitaturi, li l-installazzjoni tagħha kienet ippjanata għall-2020;

27.

Jinnota l-prinċipji gwida tal-istrateġija tal-bini tal-Kumitat li jinkludu l-konċentrazzjoni ġeografika tal-bini, il-preferenza għas-sjieda minflok il-kiri, il-ġestjoni sostenibbli tal-bini u l-ippjanar pluriennali; jinnota li l-grupp ta' ħidma stabbilit b'mod konġunt mal-KESE stabbilixxa linji gwida għall-użu u għat-tqassim tal-ispazju fl-uffiċċji, filwaqt li qies is-sitwazzjoni f'korpi oħra tal-Unjoni; japprezza l-fatt li dawn il-parametri ġew ippreżentati u diskussi mar-rappreżentanti tal-persunal; jirrikonoxxi l-approċċ trasparenti u kooperattiv tal-Kumitat fil-konfront tar-rappreżentanti tal-persunal; jinnota li total ta' 241 stazzjon tax-xogħol mhumiex qegħdin jintużaw u jitlob lill-Kumitat jispjega l-pjanijiet tiegħu għal tali stazzjonijiet tax-xogħol fi ħdan l-istrateġija immobiljari attwali;

28.

Jirrikonoxxi li l-Kumitat, flimkien mal-KESE, ta istruzzjonijiet biex jitneħħa l-asbestos fil-ħarifa tal-2020 fir-rispett sħiħ tal-miżuri ta' protezzjoni meħtieġa matul ix-xogħlijiet kif mitlub fir-riżoluzzjoni ta' kwittanza tal-2018; jilqa' pożittivament il-fatt li l-biċċa l-kbira tal-binjiet kemm tal-Kumitat kif ukoll tal-KESE huma ħielsa mill-asbestos; jesprimi tħassib fil-konfront tas-saħħa tal-ħaddiema u tal-preżenza ta' asbestos fil-binja VMA; jirrikonoxxi, iżda, li l-Kumitat irċieva ċertifikat ta' sikurezza rigward l-asbestos;

Ġestjoni interna, kontroll intern u finanzi

29.

Jissottolinja l-fatt li l-Kumitat jifformula indikaturi ewlenin ta' prestazzjoni ċari għall-oqsma amministrattivi differenti tiegħu billi jifformula objettivi u riżultati kif ukoll jiddefinixxi n-numru relatat ta' riżorsi umani; jitlob lill-Kumitat iforni fir-rapport annwali tal-attività li jmiss, flimkien ma' dik l-informazzjoni dettaljata ħafna, verżjoni konsolidata tal-objettivi ewlenin u tar-riżultati miksuba, u janalizza opzjonijiet ta' viżwalizzazzjoni tad-data għal tabelli tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni aktar faċli li jinqraw;

30.

Jinnota li fl-2019 tnieda eżerċizzju ta' konformità u effikaċja biex jiġi vvalutat sa liema punt il-Kumitat jikkonforma mas-16-il standard ta' kontroll intern; jinnota li l-eżerċizzju ta' konformità tal-2019 wera li l-istat ġenerali tal-implimentazzjoni u tal-effikaċja tar-rekwiżiti baqa' sodisfaċenti u stabbli meta mqabbel mal-2018; jinnota, madankollu, li ġew identifikati oqsma li fihom jista' jkun lok għal aktar titjib, inkluż l-allinjament tal-missjoni u tal-istruttura organizzattiva tal-Kumitat ma' prijoritajiet ġodda, kooperazzjoni amministrattiva bejn il-Parlament u l-Kumitat, aktar diġitalizzazzjoni tal-ħżin tad-data u s-semplifikazzjoni tal-proċessi amministrattivi, kif ukoll tiġdid fil-fond tal-pjan eżistenti għall-kontinwità tal-attivitajiet li jirriżulta mill-esperjenzi miksuba matul is-sitwazzjoni attwali tal-COVID-19; jistieden lill-Kumitat jirrapporta dwar l-implimentazzjoni ta' dan it-titjib tant meħtieġ f'azzjoni li tagħti segwitu lill-kwittanza 2019;

31.

Jinnota li l-monitoraġġ tal-kapaċità tal-awditjar intern isir minn kumitat tal-awditjar magħmul minn membru wieħed għal kull grupp politiku tal-Kummissjoni għall-Affarijiet Finanzjarji u Amministrattivi tal-Kumitat u konsulent estern ta' livell għoli; josserva li fl-2019 il-kumitat tal-awditjar kellu żewġ laqgħat li fihom ġew ippreżentati r-rapport annwali intern tal-2018 u l-programm ta' ħidma tal-2020 u l-membri ġew infurmati dwar il-progress miksub fir-rigward tal-awditi li kienu għaddejjin u r-rakkomandazzjonijiet miftuħa kif ukoll ir-riskji relatati; josserva li 57 % tar-rakkomandazzjonijiet importanti ħafna ngħalaq wara sitt xhur (l-objettiv għall-2019 sa 2020 kien 75 %) u 100 % tar-rakkomandazzjonijiet importanti ħafna ngħalaq wara 12-il xahar (l-objettiv għall-2019 sa 2020 kien 100 %); jagħti parir li l-Kumitat jinkludi sinteżi tar-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar fir-rapport annwali tal-attività tiegħu;

32.

Josserva li r-regoli finanzjarji interni għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kumitat ġew aġġornati fl-1 ta' Jannar 2019 bid-deċiżjoni tiegħu Nru 0014/2018 u ġew implimentati matul l-2019; jinnota b'sodisfazzjon l-inklużjoni ta' aġenti operattivi bħala atturi formali fil-fluss tax-xogħol tal-approvazzjoni finanzjarja u l-ħatra ta' maniġers responsabbli għall-ġestjoni operattiva bħala uffiċjali awtorizzanti b'sottodelega;

33.

Jilqa' pożittivament il-fatt li għall-eżerċizzju tal-2019 l-uffiċjali awtorizzanti kollha b'sottodelega ffirmaw id-dikjarazzjonijiet ta' assigurazzjoni individwali tagħhom, li r-rapporti kollha dwar l-eċċezzjonijiet issemmew fid-dikjarazzjonijiet ta' assigurazzjoni rilevanti, u li qed jiġu implimentati u mmonitorjati miżuri korrettivi biex jiġi evitat li dawn l-eċċezzjonijiet jerġgħu jseħħu;

34.

Jistieden lill-Kumitat isaħħaħ l-isforzi tiegħu biex janalizza s-sitwazzjoni bil-ħsieb li jikseb ambjent ta' sejħiet għall-offerti kompletament mingħajr dokumenti għall-proċeduri kollha ta' akkwist; jinnota li dan ikun jeħtieġ li tinkiseb l-għodda ta' ġestjoni tal-akkwist pubbliku żviluppata miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni, flimkien mal-iżvilupp jew l-akkwist ta' sistema mtejba ta' ġestjoni tad-dokumenti tal-back office; jinnota li l-proċedura attwali ta' "fluss tax-xogħol mingħajr karti, mill-fatturazzjoni sal-pagament" ġiet estiża għal numru ta' unitajiet u direttorati oħra matul l-2019 u li l-objettiv tal-Kumitat għas-snin li ġejjin huwa li jestendi aktar il-kamp tal-flussi tax-xogħol mingħajr karti għal tipi ta' tranżazzjonijiet oħra, b'kont meħud tar-riżorsi informatiċi disponibbli;

Multilingwiżmu

35.

Japprezza l-fatt li abbażi tar-rakkomandazzjonijiet prattiċi tal-Ombudsman Ewropew għall-amministrazzjoni tal-UE dwar l-użu tal-lingwi uffiċjali tal-UE fil-komunikazzjoni mal-pubbliku (każ SI/98/2018/DJJ), il-Kumitat qassam dawn ir-rakkomandazzjonijiet prattiċi lill-membri kollha tal-persunal; jinnota li fl-2019 il-Kumitat ħa wkoll l-inizjattiva li joħroġ gwida dwar l-ilmenti tal-persunal lill-Ombudsman Ewropew sabiex jiżgura li jingħata segwitu preċiż;

36.

Josserva li l-ispiża totali tat-traduzzjoni esternalizzata għall-Kumitat u għall-KESE kienet EUR 6 043 592 fl-2019 u l-parti tal-Kumitat tammonta għal EUR 2 492 830 u li l-ispiża totali tat-traduzzjoni interna kienet tkun EUR 8 781 075 u l-parti tal-Kumitat tammonta għal EUR 3 621 974;

37.

Jitlob lill-Kumitat jagħti informazzjoni dwar il-proċess kontinwu ta' razzjonalizzazzjoni fil-qasam tat-traduzzjoni li jikkonsisti prinċipalment fil-fużjoni bejn unitajiet differenti tat-traduzzjoni; jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta dwar kwalunkwe titjib fl-effiċjenza miksub minħabba r-razzjonalizzazzjoni u kwalunkwe riskju relatat;

Kooperazzjoni interistituzzjonali

38.

Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni interistituzzjonali u jinnota li l-Kummissjoni ħallset madwar EUR 6 miljun skont ftehimiet fil-livell tas-servizzi li saru ma' korpi oħra tal-Unjoni fl-2019; jinnota li din il-kooperazzjoni tiżgura sinerġiji u hija addizzjonali għall-ftehim dwar is-servizzi konġunti bejn il-Kumitat u l-KESE; jinnota li l-Kumitat jorganizza s-sessjonijiet plenarji tiegħu fil-bini tal-Parlament u tal-Kummissjoni, li jixtri servizzi ta' interpretazzjoni mill-Parlament u mill-Kummissjoni, u li jikkoopera ma' diversi entitajiet tal-Unjoni fir-rigward tar-riżorsi umani, tal-IT u ta' oqsma amministrattivi oħra;

39.

Japprezza l-ftehim ta' kooperazzjoni tat-5 ta' Frar 2012 li għadu stabbilit bejn il-Kumitat u l-Parlament u li jkopri l-kooperazzjoni politika bejn il-Parlament u l-Kumitat u l-kooperazzjoni amministrattiva bejn il-Parlament, il-Kumitat u l-KESE; jitlob lill-Kumitat jiġi infurmat dwar ir-riżultat tar-reviżjoni ta' dan il-ftehim;

40.

Jistieden lill-Kumitat jirrapporta dwar kwalunkwe riżultat li jinkiseb b'rabta man-negozjar ta' ftehim ta' kooperazzjoni ġdid mal-Kummissjoni peress li l-ftehim ta' kooperazzjoni attwali mal-Kummissjoni (mill-2005 b'addendum mill-2007) intemm fil-31 ta' Diċembru 2019, iżda ġie prorogat għal sena;

41.

Jitlob lill-Kumitat jirrapporta dwar kwalunkwe mekkaniżmu ta' kontroll biex jiżgura ġestjoni effiċjenti tas-servizzi konġunti mal-KESE; japprezza l-importanza tal-kooperazzjoni amministrattiva bejn il-Kumitat u l-KESE permezz tas-servizzi konġunti, li fiha l-Kumitat u l-KESE jakkomunaw madwar 470 membru tal-persunal (li minnhom madwar 170 membru tal-persunal jagħmlu parti mill-Kumitat) u aktar minn EUR 50 miljun fis-sena (li minnhom madwar EUR 22 miljun jiġu mill-Kumitat), eskluża n-nefqa relatata mas-salarji; jinnota li flimkien man-nefqa relatata mas-salarji kkonċernati, il-valur monetarju annwali tal-arranġament dwar is-servizzi konġunti jaqbeż il-EUR 100 miljun; jinnota li n-negozjati għal ftehim ġdid għall-kooperazzjoni amministrattiva mal-KESE (il-ftehim eżistenti daħal fis-seħħ għall-perjodu ta' bejn l-2016 sa l-2020) ġew posposti minħabba l-kriżi tal-COVID-19, u dan żdied mal-kumplessità tal-bidliet fil-mandat tal-Kumitat kmieni fl-2020 u l-KESE fil-ħarifa tal-2020; jinnota li l-Kumitat u l-KESE għalhekk qablu li jipprorogaw it-terminu tal-ftehim attwali sat-30 ta' Ġunju 2021;

42.

Jistieden lill-Kumitat, fid-dawl tal-ftehimiet ta' kooperazzjoni eżistenti bejn il-Parlament, il-Kumitat u l-KESE, biex jidentifika potenzjal ulterjuri f'termini ta' sinerġiji u ffrankar, inklużi oqsma oħra li fihom jistgħu jiġu kondiviżi l-funzjonijiet ta' back office;

43.

Jappoġġja lill-Kumitat u lill-KESE fil-fehma li, fil-każ ta' proroga tal-ftehim attwali jew ta' ftehim ġdid mal-Parlament, iridu jiġu solvuti l-kwistjonijiet pendenti kollha bħas-sitwazzjoni żbilanċjata tal-Kumitat u tal-KESE, li ttrasferixxa total ta' 60 traduttur lill-Parlament (fosthom 24 mill-Kumitat) u bi skambju kiseb biss l-użu tas-servizzi tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew; jinnota bi tħassib li, bħala konsegwenza, il-Kumitat u l-KESE kellhom jimpjegaw persunal kuntrattwali u esternalizzaw is-servizzi tat-traduzzjoni tagħhom li rriżulta fi tnaqqis effettiv tal-baġit; jaf bit-talbiet espressi kemm mill-Kumitat kif ukoll mill-KESE fil-qafas tal-proċedura ta' kwittanza għall-ftehim ta' kooperazzjoni li għaddej li għandu jiġi rispettat sabiex il-Kumitat u l-KESE jiġu kkumpensati għall-postijiet ittrasferiti lejn il-Parlament; jitlob lit-tliet partijiet involuti jirrapportaw flimkien lill-Kumitat tal-Parlament għall-Kontroll tal-Baġit fir-rigward tar-rieżami li għaddej minnu l-ftehim;

44.

Jissottolinja li, fir-risposti bil-miktub tiegħu lill-Parlament, il-Kumitat irrikonoxxa li l-kooperazzjoni mal-Parlament fl-2019 kompliet tibni fuq ir-riżultati miksuba fis-snin preċedenti u wriet progress sodisfaċenti fuq diversi livelli, bħar-relazzjonijiet bejn il-kummissjonijiet tal-Kumitat u l-kumitati tal-Parlament, il-modi ta' kooperazzjoni l-ġodda, fosthom il-kontributi fir-rapporti ta' implimentazzjoni u fil-missjonijiet ta' ġbir ta' informazzjoni, kif ukoll il-kooperazzjoni produttiva u effikaċi permezz tal-Intergrupp tal-Parlament dwar it-Tibdil fil-Klima, il-Bijodiversità u l-Iżvilupp Sostenibbli; jissottolinja li l-Kumitat talab li l-kooperazzjoni politika tkompli tiġi żviluppata aktar filwaqt li tirrispetta l-awtonomija u l-approċċi speċifiċi ta' kull kumitat parlamentari u kull kummissjoni tal-Kumitat; josserva li l-kooperazzjoni mal-Parlament stabbilixxiet l-pedament għal relazzjoni ta’ ħidma sostenibbli bejn il-Kumitat u l-Parlament u li l-Kumitat kiseb, intensifika l-kooperazzjoni mal-kumitati parlamentari u ggarantixxa l-involviment fix-xogħlijiet tas-Semestru Ewropew, post irriżervat waqt il-laqgħat tal-kumitati parlamentari, l-użu tas-servizzi tas-Servizz ta' Riċerka Parlamentari Ewropew, proġetti konġunti u sinerġiji fil-qasam tat-traduzzjoni, il-ftuħ ta' mogħdijiet bejn il-binjiet tal-Parlament u tal-Kumitat u tal-KESE, ftehim dwar il-livell ta' servizz li jinkludi dispożizzjonijiet ta' servizzi ta' interpretazzjoni u appoġġ tekniku mill-Parlament, użu regolari tal-binjiet tal-Parlament fi Brussell kif ukoll tal-Uffiċċji ta' Kollegament tal-Parlament fl-Istati Membri għal avvenimenti u attivitajiet, kooperazzjoni intensifikata fil-qasam informatiku, aċċess reċiproku għall-kantins, bosta mekkaniżmi ta' kooperazzjoni biex jiġi żgurat approċċ koerenti u jinħolqu sinerġiji fil-qasam tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u, jekk ikun meħtieġ, konsulenza legali f'materja teknika jew amministrattiva mis-Servizz Legali tal-Parlament;

45.

Jinnota li rnexxiet il-kooperazzjoni mal-Parlament fil-livell amministrattiv; jaqbel mal-ħtieġa li tissaħħaħ aktar il-kooperazzjoni politika fir-rigward tal-programmazzjoni annwali u pluriennali, tad-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi u tal-monitoraġġ tal-programm ta' ħidma annwali; isostni r-rakkomandazzjonijiet konkreti fformulati mill-Kumitat biex jiġi żviluppat approċċ aktar sistematiku għall-kooperazzjoni politika fid-dawl tal-importanza tal-Kumitat bħala rappreżentant tar-reġjun u tal-bliet fl-Unjoni; japprezza l-parteċipazzjoni tal-Kumitat fil-Kumitat Konġunt għall-Opportunitajiet Indaqs;

46.

Jisħaq fuq l-importanza li jiġi promoss l-involviment tal-awtoritajiet reġjonali u lokali fid-definizzjoni tal-politiki tal-Unjoni permezz ta' kooperazzjoni msaħħa mal-Kummissjoni u mal-koleġiżlaturi;

47.

Jitlob lill-Kumitat jinżamm infurmat dwar kwalunkwe titjib li sar fir-rigward tal-effiċjenza tal-proċessi amministrattivi, li jidher li huwa ħtieġa inevitabbli minħabba ammont ta' xogħol dejjem jiżdied u ta' dinja li qed tinbidel b'rata mgħaġġla; itenni l-ħtieġa ta' riformi kontinwi biex jiġi żgurat li l-Kumitat ikun mgħammar sew biex jirrispondi għall-isfidi futuri;

48.

Jirrikonoxxi u jilqa' pożittivament l-involviment tal-Kumitat fil-kampanja elettorali tal-Parlament fl-2019 billi ggarantixxa l-mobilizzazzjoni tan-networks interni u esterni kollha tiegħu għall-promozzjoni kemm tal-isforz ta' mobilizzazzjoni fuq il-post bil-kampanja "Did-darba se nivvota", tal-filmat online "Agħżel int il-futur tiegħek", kif ukoll fuq il-midja soċjali tal-Kumitat; jinkoraġġixxi aktar attivitajiet ta' kooperazzjoni biex jinħolqu sinerġiji fil-qasam tal-komunikazzjoni;

Dimensjoni ambjentali

49.

Josserva l-isforzi tal-Kumitat fil-kuntest tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali fir-rigward tat-tnaqqis tal-impronta tal-karbonju kif ukoll tal-iskart tal-plastik, tal-ikel u tal-karta; jaqbel li t-tnaqqis tal-impronta tal-karbonju huwa fost l-aktar objettivi importanti għas-snin li ġejjin; jistieden lill-Kumitat jagħti l-attenzjoni dovuta lit-taħlita enerġetika tas-sorsi tal-elettriku tiegħu u jinkoraġġixxi l-akkwist ta' elettriku ġġenerat mill-impjanti eoliċi, solari, tal-bijomassa u idroelettriċi; iħeġġeġ lill-Kumitat jipparteċipa fi proġetti f'oqsma li huma relatati mal-entitajiet l-oħra tal-Unjoni u jfassal pjan komprensiv għall-Kumitat biex jimplimenta l-prinċipji u r-rakkomandazzjonijiet ippreżentati fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, bl-objettiv ġenerali li sal-2030 isir klimatikament newtrali;

Etika u politika dwar l-integrità

50.

Jissottolinja l-fatt li fil-5 ta' Diċembru 2019, il-Kumitat adotta kodiċi ta' kondotta għall-membri tiegħu li jistabbilixxi proċedura dettaljata f'każ ta' allegat fastidju minn membru tal-persunal tal-Kumitat, li hija bbażata l-aktar fuq id-Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament tat-2 ta' Lulju 2018 dwar ilmenti dwar fastidju; jilqa' favorevolment il-fatt li l-kodiċi ta' kondotta jinkludi numru ta' sanzjonijiet sabiex jiżgura l-osservanza tiegħu u li l-Kumitat waqqaf bord konsultattiv dwar il-fastidju; jitlob lill-Kumitat jippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni tal-kodiċi ta' kondotta;

51.

Josserva li l-kodiċi ta' kondotta jissemma fil-paġna tal-membri tas-sit web tal-Kumitat b'link għal paġna ddedikata; jinnota li l-kodiċi ta' kondotta jinkludi dispożizzjonijiet li għandhom l-għan speċifiku li jevitaw każijiet ta' kunflitti ta' interess, inkluż l-obbligu li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni ta' interessi finanzjarji;

52.

Jilqa' l-ftuħ ta' djalogu ma' partijiet ikkonċernati differenti sabiex tiġi riveduta d-deċiżjoni interna attwali Nru 362/2010 tad-29 ta' Novembru 2010 dwar fastidju psikoloġiku u sesswali fuq il-post tax-xogħol abbażi ta' proposta għal qafas mibdul biex jiġi miġġieled il-fastidju bil-għan li jitwessa' l-kamp ta' applikazzjoni tal-kwistjoni bl-inklużjoni ta' miżuri ta' prevenzjoni u mezzi ta' riżoluzzjoni tal-kunflitti, kif ukoll it-tisħiħ tal-prinċipju ta' tolleranza żero għall-fastidju, inklużi korsijiet dwar il-prevenzjoni tal-fastidju; jistieden lill-Kumitat jistabbilixxi mill-aktar fis possibbli qafas ġdid dwar il-fastidju u jirrapporta dwar l-azzjonijiet ta' segwitu meħuda lill-Parlament;

53.

Jinnota li fl-2019 ma ġie ppreżentat l-ebda każ ġdid ta' żvelar ta' informazzjoni protetta; jilqa' l-fatt li, fi tmiem l-2019, il-Kumitat nieda stħarriġ dwar l-għarfien tal-etika tal-persunal, li fih b'mod partikolari numru ta' mistoqsijiet dwar l-għarfien tal-persunal dwar il-proċeduri ta' żvelar ta' informazzjoni protetta, u li l-eżitu ngħata segwitu fl-2020; jinnota li d-Deċiżjoni Nru 508/2015 tiddefinixxi l-mezzi sikuri għad-dispożizzjoni tal-membri tal-persunal biex jindirizzaw ir-rapporti ta' żvelar ta' informazzjoni protetta internament lil kwalunkwe maniġer tal-Kumitat li jagħżlu huma jew direttament lill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF); jinnota li qabel ma tinbeda proċedura bħal din, tista' tintalab gwida mill-persuni responsabbli għal kwistjonijiet etiċi u statutarji;

54.

Jitlob lill-Kumitat isegwi l-eżempju tajjeb ta' korpi oħra fil-pubblikazzjoni fuq is-sit web tiegħu ta' kapitolu dwar l-etika, li jikkonsisti f'regoli għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-evitar ta' kunflitti potenzjali ta' interess u li huma applikabbli għall-membri u għall-persunal kollu tal-Kumitat; jesprimi l-interess tiegħu li jirċievi aġġornamenti dwar il-qafas etiku u korsijiet ta' taħriġ relatati dwar l-etika pubblika, inkluż għall-persunal li jidħol;

55.

Jitlob lill-Kumitat jagħti bidu għall-proċedura biex jingħaqad fil-ftehim interistituzzjonali dwar ir-reġistru ta' trasparenza obbligatorju, konkluż dan l-aħħar bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni; ifakkar fl-importanza li jkun żgurat livell għoli ta' trasparenza fir-rigward tal-organizzazzjoni ta' laqgħat mal-lobbisti li jaf jinfluwenzaw lill-membri u lill-persunal fir-rwol konsultattiv tagħhom lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni;

56.

Itenni dak li ddikjarat il-Qorti tal-Awdituri fir-‘Rapport Speċjali 13/2019 tagħha, l-oqfsa etiċi tal-istituzzjonijiet tal-UE li ġew awditjati: hemm lok għal titjib’, li l-imġiba etika fl-affarijiet pubbliċi tikkontribwixxi għal ġestjoni finanzjarja aktar soda u żieda fil-fiduċja pubblika, u li l-imġiba mhux etika min-naħa tal-persunal u tal-membri tal-istituzzjonijiet u tal-korpi tal-Unjoni Ewropea tattira livelli għoljin ta' interess pubbliku u tnaqqas il-fiduċja fl-istituzzjonijiet tal-UE;

57.

Japprezza l-progress li sar fil-każ tas-Sur McCoy, f'risposta għall-kwittanza 2018; jieħu nota tax-xogħol li għamlu diversi rapporteurs u shadow rapporteurs għall-istituzzjonijiet l-oħra li reġa' fetaħ djalogu li ilu mblukkat; ifakkar li t-tielet kumitat tal-invalidità kkonferma bl-unanimità li għall-ex awditur intern ġiet iddikjarata invalidità għal raġunijiet professjonali u li, sussegwentement, fis-26 ta' Ġunju 2019, il-Kumitat formalment approva din il-konklużjoni; jinnota li skont l-Artikolu 78(5) tar-regolamenti tal-persunal f'Lulju 2019 is-Sur McCoy ġie rrimborżat fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet kollha tiegħu għall-iskema tal-pensjoni mid-data li fiha beda jirċievi l-allowance tal-invalidità (l-1 ta' Lulju 2007) sal-jum ta' qabel ma beda jirċievi l-pensjoni tal-irtirar (il-31 ta' Lulju 2010);

58.

Ifakkar li, abbażi tar-riżoluzzjoni ta' kwittanza tal-2017, saret il-ħatra ta' membru tal-Parlament bħala medjatur u li l-partijiet kollha de facto daħlu fi proċess ta' medjazzjoni biex jintemm it-tilwim bejn il-Kumitat u l-ex awditur intern, is-Sur McCoy, bl-għan li tintlaħaq soluzzjoni amikevoli; l-ewwel fażi tal-medjazzjoni wasslet għall-iffirmar ta' dikjarazzjoni konġunta fl-4 ta' Diċembru 2020 dwar il-prinċipji li jirregolaw ir-riżoluzzjoni tal-każ tas-Sur McCoy, informatur in bona fide. jinnota li din tikkonkludi l-parti mhux finanzjarja tal-likwidazzjoni; ifakkar li tnediet ukoll u li bħalissa qiegħda għaddejja t-tieni fażi tal-medjazzjoni, dik dwar il-likwidazzjoni finanzjarja;

59.

Japprezza l-iskambju li sar fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza tal-2019 fl-10 ta' Novembru 2020 mal-medjatur, is-Sur McCoy u rappreżentant tal-Kumitat; ifakkar li s-Sur McCoy u l-Kumitat kienu ġew mistiedna għal laqgħa mal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament fuq il-bażi ta' suġġeriment tar-rapporteur tal-2018 għall-istituzzjonijiet l-oħra u approvat mill-koordinaturi tal-gruppi politiċi; jissottolinja l-importanza li titnaqqas it-tensjoni tas-sitwazzjoni u l-pożizzjoni tas-Sur McCoy u dik tal-Kumitat ikunu rikonċiljati; jilqa' pożittivament is-suġġeriment tal-medjatur għal laqgħa bejn il-president tal-Kumitat u s-Sur McCoy bħala punt tat-tluq għar-rikonċiljazzjoni qabel ma jibdew in-negozjati;

60.

Jilqa' l-ittra ddatata l-10 ta' Novembru 2020 mibgħuta lill-president tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament mill-president tal-Kumitat għall-affarijiet finanzjarji u amministrattivi li tikkonferma li l-president tal-Kumitat jinsab lest biex jiltaqa' mas-Sur McCoy; jilqa' l-laqgħat ta' segwitu bejn il-medjatur, ir-rapporteur għall-kwittanza tal-2019, l-ex awditur intern u r-rappreżentanti tal-Kumitat; jilqa' bi pjaċir l-ittra tal-4 ta' Diċembru 2020 li tħabbar li l-ewwel fażi tal-proċedura għal ftehim ġiet konkluża b'dikjarazzjoni konġunta ffirmata mir-rappreżentanti tal-Kumitat u mis-Sur McCoy; jinkoraġġixxi lill-partijiet isibu ftehim biex isolvu l-parti finanzjarja u jfakkar fid-disponibbiltà tiegħu li jsostni n-negozjati; japprezza l-isforzi li saru mill-partijiet kollha, jirrikonoxxi li sar l-ewwel pass importanti u jemmen li għandu jintlaħaq ftehim dalwaqt;

61.

Jifraħ bil-fatt li l-president u s-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat kienu lesti jimpenjaw ruħhom b'mod sod biex jilħqu soluzzjoni amikevoli u b'hekk jikkonkludu l-każ; jinnota li fl-4 ta' Diċembru 2020, bis-saħħa tal-kontribut tal-medjatur tal-Parlament, il-Kumitat tal-Parlament għall-Kontroll tal-Baġit, is-Sur McCoy, il-president u s-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat ikkonkludew dikjarazzjoni konġunta dwar il-prinċipji li jirregolaw ir-riżoluzzjoni tal-każ, konformement mar-rikjesti tal-Parlament li ilu jirrepeti mill-2004, u li l-Kumitat, bil-kunsens tas-Sur McCoy, ippubblika d-dikjarazzjoni konġunta fis-sit web tal-Kumitat;

62.

Jikkonstata li fid-dikjarazzjoni konġunta, il-Kumitat b'mod partikolari jaċċetta mingħajr riżervi r-rapport tal-OLAF u l-konklużjonijiet tiegħu u jirrikonoxxi l-iżbalji u n-nuqqasijiet tiegħu tal-imgħoddi; jammetti, bħall-Parlament, li s-Sur McCoy kellu raġun li jgħarraf direttament il-Parlament bit-tħassib tiegħu, li aktar sforzi kellhom isiru biex ikun konformi mar-rikjesti tal-Parlament tal-2004 u li s-Sur McCoy ma għandu jsofri l-ebda konsegwenza negattiva minħabba l-fatt li rrapporta għemil ħażin; jirrikonoxxi li s-Sur McCoy aġixxa in bona fide bħala informatur ta' irregolaritajiet, fil-qafas previst mill-Parlament fl-2004, u jiddispjaċih li s-Sur McCoy ma ġiex protett minkejja li fl-2003 ġie offrut protezzjoni bħala informatur; jiddispjaċih sinċerament għall-ħsara konsiderevoli li kkawża l-Kumitat lis-Sur McCoy, għall-mod li bih ġie ttrattat u għall-osservanza insuffiċjenti tad-dmir ta' diliġenza min-naħa tal-Kumitat; jirrikonoxxi li l-każ qatt ma kellu jitħalla irriżolt għal aktar minn sbatax-il sena;

63.

Josserva b'sodisfazzjon li l-president u s-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat talbu skuża b'mod formali lis-Sur McCoy abbażi ta' dawn ir-raġunijiet u tat-trattament ħażin tal-każ tiegħu min-naħa tal-Kumitat, li l-Kumitat u s-Sur McCoy impenjaw ruħhom li jsolvu l-aspetti finanzjarji tal-likwidazzjoni bl-appoġġ tas-Servizz Legali tal-Parlament u taħt it-tmexxija politika tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament u li l-Kumitat tenna l-impenn totali tiegħu favur ir-regoli u l-prinċipji ta' protezzjoni tal-informaturi ta' irregolaritajiet u, b'mod aktar partikolari, il-prinċipji inaljenabbli ta' ekwità u ta' ġustizzja, silet konklużjonijiet mill-każ tas-Sur McCoy u ħa l-miżuri neċessarji kollha f'dak li għandu x'jaqsam mal-governanza interna tiegħu sabiex sitwazzjoni bħal din ma terġa' sseħħ qatt iktar; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jaslu għal ftehim finanzjarju malajr kemm jista' jkun;

64.

Jirrikonoxxi l-isforzi li għamlu t-timijiet tan-negozjati għar-rikonċiljazzjoni taż-żewġ partijiet u jfaħħarhom talli nnegozjaw bażi potenzjali għal riżoluzzjoni ekwa, ġusta u onorevoli ta' din it-tilwima;

65.

Iħeġġeġ lill-partijiet kollha jikkonkludu mingħajr dewmien ftehim dwar likwidazzjoni finanzjarja ekwa bħala segwitu mogħti lid-dikjarazzjoni konġunta; jieħu nota tas-sinċerità tat-talba min-naħa tal-Kumitat għall-assistenza tas-Servizz Legali tal-Parlament in vista tal-konklużjoni ta' likwidazzjoni finanzjarja;

66.

Josserva li l-Kumitat inħoloq oriġinarjament biex jittratta kwistjonijiet importanti, inkwantu madwar tliet kwarti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni hija implimentata fil-livell lokali jew reġjonali, u għal din ir-raġuni kien neċessarju li r-rappreżentanti lokali u reġjonali jgħidu tagħhom fl-iżvilupp ta' liġijiet ġodda tal-Unjoni; josserva wkoll li l-missjoni inizjali tiegħu kienet li jagħlaq id-distakk dejjem usa' bejn iċ-ċittadini u l-proċess ta' integrazzjoni Ewropea bl-involviment tar-rappreżentanza reġjonali;

67.

Jinkoraġġixxi lill-Kumitat jikkunsidra jħejji pjan ta' riorganizzazzjoni u razzjonalizzazzjoni tal-proċessi interni bil-għan li tinkiseb kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-Parlament u l-applikazzjoni tal-għarfien tiegħu b'mod aktar effikaċi;

68.

Jilqa' pożittivament il-fatt li, mill-2010, il-Kumitat jippubblika fis-sit web tiegħu r-rapporti annwali dwar il-valutazzjonijiet tal-impatt tal-opinjonijiet tiegħu, barra minn hekk, jistieden lill-Kumitat jiddefinixxi indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni ċari u li jistgħu jitkejlu għas-snin li ġejjin bil-għan li l-funzjonament tiegħu jkun ottimizzat.