|
29.9.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 314/24 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1347
tal-25 ta’ Settembru 2020
li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lir-Renju ta’ Spanja biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 tad-19 ta’ Mejju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ Strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) wara t-tifqigħa tal-COVID-19 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Fit-3 ta’ Awwissu 2020, Spanja talbet assistenza finanzjarja mill-Unjoni bil-ħsieb li tikkumplimenta l-isforzi nazzjonali tagħha biex tindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u tirreaġixxi għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi tat-tifqigħa għall-ħaddiema u għal dawk li jaħdmu għal rashom. |
|
(2) |
It-tifqigħa tal-COVID-19 u l-miżuri straordinarji implimentati minn Spanja biex titrażżan it-tifqigħa u l-impatt soċjoekonomiku kif ukoll dak sanitarju tagħha huma mistennija li jkollhom impatt drammatiku fuq il-finanzi pubbliċi. Skont it-tbassir tar-Rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni, Spanja kienet mistennija li jkollha defiċit u dejn tal-amministrazzjoni pubblika ta’ 10,1 % u 115,6 % tal-prodott domestiku gross (PDG) rispettivament sa tmiem l-2020. Skont il-previżjoni interim tas-Sajf tal-2020 tal-Kummissjoni, il-PDG ta’ Spanja huwa previst li jonqos b’10,9 % fl-2020. |
|
(3) |
It-tifqigħa tal-COVID-19 ipparalizzat parti sostanzjali tal-forza tax-xogħol fi Spanja. Dan wassal għal żieda għal għarrieda u qawwija fin-nefqa pubblika minn Spanja fir-rigward tal-iskema tax-xogħol għal żmien qasir, skemi simili mmirati speċifikament għal dawk li jaħdmu għal rashom u għall-ħaddiema fis-settur tat-turiżmu, u b’appoġġ għal miżuri tas-saħħa pubblika, kif stabbilit fil-premessi (4) sa (9). |
|
(4) |
B’mod aktar speċifiku, id-“Digriet Amministrattiv Irjali 8/2020”, id-“Digriet Amministrattiv Irjali 11/2020” u d-“Digriet Amministrattiv Irjali 24/2020”, imsemmija fit-talba ta’ Spanja tat-3 ta’ Awwissu 2020, introduċew kumpens ta’ pagi li jlaħħaq sa 70 % tas-salarju bażiku tal-impjegati għal impjegati assenti bil-permess taħt l-iskema ta’ xogħol għal żmien qasir ‘ERTE’ (“Expediente de Regulación Temporal de Empleo”). Il-kumpens huwa limitat għal massimu ta’ EUR 1 098,09 fix-xahar, li jista’ jiżdied għal EUR 1 254,96 fix-xahar jew EUR 1 411,83 fix-xahar, skont l-għadd ta’ tfal dipendenti tal-benefiċjarju. |
|
(5) |
L-awtoritajiet introduċew ukoll eżenzjoni sħiħa jew parzjali mill-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, skont id-daqs tal-impjegatur, u x-xahar tas-sena, fir-rigward tal-impjegati li jkunu qed jipparteċipaw fl-“ERTE”. L-eżenzjoni tikkonsisti fi dħul mitluf għall-Gvern, li għall-fini tal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2020/672 jista’ jitqies ekwivalenti għan-nefqa pubblika. |
|
(6) |
Għal min jaħdem għal rasu, l-awtoritajiet introduċew benefiċċju għall-“waqfien tal-attività” (jiġifieri, is-sospensjonisħiħa jew parzjali tal-attività ta’ persuni li jaħdmu għal rashom) u li jakkumpanjaw l-eżenzjonijiet tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Il-miżura tipprovdi pagamenti ta’ kull xahar filwaqt li n-negozji huma meħtieġa li jingħalqu jew, jekk jinfetħu, fejn il-fatturat naqas b’aktar minn 75 %. |
|
(7) |
Ġew introdotti wkoll miżuri speċifiċi ta’ appoġġ, li jikkonsistu minn benefiċċji u kontribuzzjoni tas-sigurtà speċjali għall-impjegati li jipparteċipaw fl-“ERTE”, għal “ħaddiema staġonali permanenti” li ma setgħux jerġgħu lura għall-attività tagħhom fid-dati skedati minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19, abbażi tad-“Digriet Amministrattiv Irjali 15/2020” u b’applikazzjoni tad-“Digriet Amministrattiv Irjali 8/2020”, msemmija fit-talba ta’ Spanja tat-3 ta’ Awwissu 2020. |
|
(8) |
Id-“Digriet Amministrattiv Irjali 8/2019”, id-“Digriet Amministrattiv Irjali 12/2019”, id-“Digriet Amministrattiv Irjali 7/2020” u d-“Digriet Amministrattiv Irjali 25/2020”, imsemmija fit-talba ta’ Spanja tat-3 ta’ Awwissu 2020, introduċew eżenzjoni għall-impjegatur mill-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali (b’50 %) bħala appoġġ għall-“konservazzjoni tal-impjiegi fis-settur tat-turiżmu” matul l-istat ta’ emerġenza u lil hinn, filwaqt li jinżamm livell minimu ta’ protezzjoni soċjali għal diversi kategoriji ta’ ħaddiema. Il-medja tan-nefqa totali fix-xahar u l-għadd ta’ persuni li għalihom il-kumpaniji rċevew sussidji tagħti nefqa medja għal kull persuna kull xahar ta’ madwar EUR 192. |
|
(9) |
Fl-aħħar nett, Spanja estendiet il-benefiċċji tas-saħħa għal ħaddiema assenti minħabba l-COVID-19 (jew f’iżolament preventiv jew ħaddiema infettati) abbażi tad-“Digriet Amministrattiv Irjali 6/2020” u d-“Digriet Amministrattiv Irjali 13/2020”, imsemmija fit-talba ta’ Spanja tat-3 ta’ Awwissu 2020. Il-miżura hija simili għall-iskema ta’ aċċidenti fuq il-post tax-xogħol (jiġifieri, il-benefiċċji huma aktar ġenerużi u jitħallsu mill-Fond Soċjali tas-Sigurtà sa mill-ewwel jum tal-liv), bil-benefiċċji limitati għal 75 % tas-salarju bażiku. |
|
(10) |
Spanja tissodisfa l-kundizzjonijiet għat-talba ta’ assistenza finanzjarja stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672. Spanja pprovdiet lill-Kummissjoni b’evidenza xierqa li n-nefqa pubblika attwali u ppjanata żdiedet bi EUR 23 803 573 600 mill-1 ta’ Frar 2020 minħabba l-miżuri nazzjonali meħuda biex jiġu indirizzati l-effetti soċjoekonomiċi tat-tifqigħa tal-COVID-19. L-ammont miżjud relatat direttament mal-iskema tax-xogħol għal żmien qasir ‘ERTE’ u miżuri simili mmirati speċifikament għal dawk li jaħdmu għal rashom u għall-ħaddiema fis-settur tat-turiżmu jikkostitwixxi żieda għal għarrieda u qawwija minħabba ż-żieda kważi immedjata u bla preċedent fl-għadd ta’ benefiċjarji koperti minn dawk l-iskemi u d-daqs tal-benefiċċji relatati fi Spanja. Spanja biħsiebha tiffinanzja EUR 1 660 000 000 tal-ammont miżjud tan-nefqa permezz tal-fondi tal-Unjoni. |
|
(11) |
Il-Kummissjoni kkonsultat lil Spanja u vverifikat iż-żieda f’daqqa u qawwija fin-nefqa pubblika attwali u ppjanata direttament relatata mal-iskemi tax-xogħol għal żmien qasir u miżuri simili, kif ukoll ir-rikors għal miżuri rilevanti relatati mas-saħħa marbuta mat-tifqigħa tal-COVID-19, imsemmija fit-talba tat-3 ta’ Awwissu 2020, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2020/672. |
|
(12) |
Għalhekk jenħtieġ li tingħata assistenza finanzjarja bil-għan li Spanja tiġi megħjuna tindirizza l-effetti soċjoekonomiċi tat-taqlib ekonomiku gravi kkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjonijiet rigward il-maturitajiet, il-qies u r-rilaxx tal-ħlasijiet parzjali u tal-partijiet f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali. |
|
(13) |
Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kwalunkwe proċedura relatata ma’ distorsjonijiet tal-operat tas-suq intern li jistgħu jitwettqu, b’mod partikolari skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat. Hija ma twarrabx il-ħtieġa li l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet ta’ għajnuna potenzjali mill-Istat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 tat-Trattat. |
|
(14) |
Jenħtieġ li Spanja tinforma lill-Kummissjoni regolarment dwar l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta l-punt sa fejn Spanja implimentat dik in-nefqa. |
|
(15) |
Id-deċiżjoni li tingħata assistenza finanzjarja ttieħdet b’kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet eżistenti u dawk mistennija ta’ Spanja, kif ukoll it-talbiet għal assistenza finanzjarja skont ir-Regolament (UE) 2020/672 diġà ppreżentati jew ippjanati li jiġu ppreżentati minn Stati Membri oħra, filwaqt li jiġu applikati l-prinċipji ta’ trattament ugwali, solidarjetà, proporzjonalità u trasparenza. B’mod partikolari, l-ammont tas-self ġie stabbilit biex jiżgura l-konformità mar-regoli prudenzjali applikabbli għall-portafoll ta’ self kif speċifikat fir-Regolament (UE) 2020/672. |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Spanja tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672.
Artikolu 2
1. L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ Spanja self li jammonta għal massimu ta’ EUR 21 324 820 449. Is-self għandu jkollu maturità medja massima ta’ 15-il sena.
2. Il-perijodu ta’ disponibbiltà għall-għajnuna finanzjarja mogħtija b’din id-Deċiżjoni għandu jkun ta’ 18 xahar li jibdew mill-ewwel jum wara li din id-Deċiżjoni ssir effettiva.
3. L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni lil Spanja f’massimu ta’ għaxar ħlasijiet parzjali. Ħlas parzjali jista’ jingħata f’parti waħda jew iktar. Il-maturitajiet tal-partijiet taħt l-ewwel ħlas parzjali jistgħu jkunu itwal mill-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1. F’każijiet bħal dawn, il-maturitajiet ta’ partijiet oħrajn għandhom ikunu stabbiliti b’tali mod li l-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1 tiġi rispettata ladarba jsir l-iżborż tal-ħlasijiet parzjali kollha.
4. L-ewwel ħlas parzjali għandu jiġi rilaxxat soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-ftehim tas-self previst fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2020/672.
5. Spanja għandha tħallas l-ispiża tal-finanzjament tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2020/672 għal kull ħlas parzjali flimkien ma’ kwalunkwe tariffa, kost u spiża tal-Unjoni li jirriżultaw minn kwalunkwe finanzjament relatat mas-self mogħti skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
6. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar id-daqs u r-rilaxx tal-ħlasijiet parzjali, kif ukoll dwar id-daqs tal-partijiet.
Artikolu 3
Spanja tista’ tiffinanzja l-miżuri li ġejjin:
|
(a) |
l-iskema ta’ xogħol għal żmien qasir “ERTE” (“Expediente de Regulación Temporal de Empleo”) għall-impjegati, kif previst fid-Digriet Amministrattiv Irjali 8/2020 tas-17 ta’ Marzu (il-Kapitolu II, l-Artikoli 22 sa 28), id-Digriet Amministrattiv Irjali 18/2020 tat-12 ta’ Mejju u d-Digriet Amministrattiv Irjali 24/2020 tas-26 ta’ Ġunju (l-Artikoli 1 sa 7); |
|
(b) |
il-miżuri straordinarji ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għall-impjegati soġġetti għal “ERTE”, kif previst fid-Digriet Amministrattiv Irjali 8/2020 tas-17 ta’ Marzu (il-Kapitolu II, Artikoli 22 sa 28), id-Digriet Amministrattiv Irjali 18/2020 tat-12 ta’ Mejju (l-Artikoli 1 sa 4), id-Digriet Amministrattiv Irjali 24/2020 tas-26 ta’ Ġunju (il-Kapitolu I, l-Artikolu 4 u dispożizzjoni addizzjonali 1); |
|
(c) |
il-benefiċċju minħabba “waqfien tal-attività” u l-eżenzjonijiet li jakkumpanjaw il-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali, kif previst fid-“Digriet Amministrattiv Irjali 8/2020 tas-17 ta’ Marzu” (l-Artikolu 17), kif emendat mid-“Digriet Amministrattiv Irjali 11/2020 tal-31 ta’ Marzu” (id-dispożizzjoni finali 1.8) u mid-“Digriet Amministrattiv Irjali 24/2020 tas-26 ta’ Ġunju” (Artikoli 8, 9 u 10); |
|
(d) |
l-iskema ta’ appoġġ għal “ħaddiema staġonali permanenti”, kif previst mid-“Digriet Amministrattiv Irjali 15/2020 tal-21 ta’ April” (id-dispożizzjoni finali 8) u b’applikazzjoni tad-“Digriet Amministrattiv Irjali 8/2020 tas-17 ta’ Marzu” (l-Artikolu 24) għal dawn il-ħaddiema; |
|
(e) |
l-eżenzjoni parzjali tal-impjegatur mill-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali b’appoġġ għall-“konservazzjoni tal-impjieg fis-settur tat-turiżmu”, kif previst fid-“Digriet Amministrattiv Irjali 8/2019 tat-8 ta’ Marzu”, id-“Digriet Amministrattiv Irjali 12/2019 tal-11 ta’ Ottubru”, id-“Digriet Amministrattiv Irjali 7/2020 tat-12 ta’ Marzu” (l-Artikolu 13) u d-“Digriet Amministrattiv Irjali 25/2020” (id-dispożizzjoni finali 4); |
|
(f) |
benefiċċji tas-saħħa għal ħaddiema assenti minħabba l-COVID-19, kif previst fid-“Digriet Amministrattiv Irjali 6/2020 tal-10 ta’ Marzu” (l-Artikolu 5) u d-“Digriet Amministrattiv Irjali 13/2020 tas-7 ta’ April” (id-dispożizzjoni finali 1) u d-“Digriet Amministrattiv Irjali 27/2020 tal-4 ta’ Awwissu” (id-dispożizzjoni finali 10). |
Artikolu 4
Spanja għandha tinforma lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Marzu 2021, u kull sitt xhur wara l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata sakemm dik in-nefqa pubblika ppjanata tkun ġiet implimentata għalkollox.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta’ Spanja.
Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha lid-destinatarju.
Artikolu 6
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Settembru 2020.
Għall-Kunsill
Il-President
M. ROTH