11.8.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 283/132


P9_TA(2023)0044

Impriżi Konġunti fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa: l-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Frar 2023 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar li jemenda r-Regolament (UE) 2021/2085 li jistabbilixxi l-Impriżi Konġunti fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa, fir-rigward tal-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep (COM(2022)0047 – C9-0113/2022 – 2022/0033(NLE))

(Konsultazzjoni)

(2023/C 283/27)

Il-Parlament Ewropew,

—

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2022)0047),

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 187 u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 188 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli ġie kkonsultat mill-Kunsill (C9-0113/2022),

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 82 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A9-0012/2023),

1.

Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.

Jistieden lill-Kummissjoni timmodifika l-proposta tagħha konsegwentement, skont l-Artikolu 293(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

3.

Jistieden lill-Kunsill jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

4.

Jitlob lill-Kunsill jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;

5.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Emenda 1

2022/0033 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2021/2085 li jistabbilixxi l-Impriżi Konġunti fil-qafas ta' Orizzont Ewropa, fir-rigward tal-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 187 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 188 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Billi:

(-1)

It-tisħiħ tal-ekosistema tas-semikondutturi tal-Ewropa huwa wieħed mill-komponenti ewlenin għall-kisba ta' reżiljenza u sigurtà ekonomika, awtonomija strateġika, sovranità diġitali mtejba u dipendenzi mnaqqsa; u se jkollu rwol importanti fit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085 (3) jistabbilixxi l-Impriżi Konġunti fil-qafas ta' Orizzont Ewropa, inkluż l-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin (l-“Impriża Konġunta taċ-Ċipep”) .

(2)

L-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep tindirizza suġġetti definiti b'mod ċar li jippermettu lill-industriji Ewropej b'mod ġenerali jirriċerkaw, ifasslu, ikunu innovattivi , jimmanifatturaw u jużaw l-aktar teknoloġiji innovattivi fil-komponenti u s-sistemi elettroniċi.

(3)

Ir-Regolament (UE) […] (4) jistabbilixxi qafas li jżid ir-reżiljenza , l-adattabbiltà, l-effiċjenza, is-sigurtà u l-istabbiltà tal-provvista tal-Unjoni fil-qasam tat-teknoloġiji tas-semikondutturi . Għandu l-għan li jistimula l-investiment pubbliku u privat u l-prosperità ekonomika; isaħħaħ il-kapaċitajiet potenzjali tal-katina tal-provvista Ewropea tas-semikondutturi, u jżid il-kooperazzjoni fost l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-partijiet ikkonċernati tal-industrija . Biex jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa li jsaħħu l-kapaċità industrijali, ta' riċerka, ta’ żvilupp u ta' innovazzjoni tal-Unjoni (“RŻI”) , ġiet stabbilita l-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa (l-“Inizjattiva”). Biex tkun żgurata implimentazzjoni konsistenti tal-Inizjattiva, il-Bord Ewropew tas-Semikondutturi jenħtieġ li jipprovdi pariri lill-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi.

(3a)

L-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep jenħtieġ li tfittex li tiżgura benefiċċji ċari u identifikabbli fl-ekosistema tas-semikondutturi. Din jenħtieġ li tfittex li tikkontribwixxi għall-valuri ewlenin tal-Unjoni u tirriflettihom, inkluża l-privatezza mid-disinn, il-fiduċja, is-sigurtà, is-sikurezza, is-sostenibbiltà, u ż-żieda fil-ħiliet u fl-impjiegi ta' kwalità fil-livelli kollha tal-katina tal-valur [Ir-Regolament li jistabbilixxi qafas ta' miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tas-semikondutturi (“l-Att dwar iċ-Ċipep”)] u l-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep jenħtieġ li tiżviluppa sinerġiji mill-qrib mal-programmi u l-istrumenti ta' finanzjament tal-Unjoni, b'mod partikolari dawk li jappoġġaw il-varar ta' soluzzjonijiet innovattivi għall-isfidi tal-Unjoni. L-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep jenħtieġ li tintegra l-partijiet ikkonċernati, l-SMEs rilevanti kollha u s-sħab soċjali.

(3b)

L-attivitajiet tal-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep jenħtieġ li jaħdmu b'mod effettiv b'mod parallel mal-objettivi usa' tal-Fond għaċ-Ċipep, sabiex jappoġġaw l-iżvilupp ta' ekosistema tas-semikondutturi dinamika u reżiljenti. Jenħtieġ li l-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep tipprovdi opportunitajiet biex tiżdied id-disponibbiltà ta' fondi biex tappoġġa t-tkabbir tan-negozji ġodda u tal-SMEs kif ukoll l-investiment tul il-katina tal-valur kollha u fl-Unjoni kollha, filwaqt li tikkontribwixxi għall-kisba tat-tranżizzjonijiet doppji diġitali u ekoloġiċi. Jenħtieġ li jiġu pprovduti appoġġ u gwida, b'mod partikolari, lil negozji ġodda u SMEs dwar kif jaċċessaw l-investiment pubbliku u privat, inkluż il-kapital ta' riskju, bil-għan li jitħaffef mhux biss l-aċċess, iżda wkoll il-proċess tal-applikazzjoni u l-approvazzjoni.

(3c)

L-attivitajiet tal-Fond għaċ-Ċipep jenħtieġ li jappoġġaw l-iżvilupp ta' ekosistema tas-semikondutturi dinamika u reżiljenti. Il-Fond għaċ-Ċipep jenħtieġ li jipprovdi opportunitajiet għal aktar disponibbiltà ta' fondi biex jiġi appoġġat it-tkabbir tan-negozji ġodda u tal-SMEs u l-investiment tul il-katina tal-valur kollha. L-Unjoni jenħtieġ li tipprova ttejjeb l-effett ta' lieva tal-infiq tal-Unjoni u tikseb effett multiplikatur ogħla fir-rigward tal-attrazzjoni ta' finanzjament tas-settur privat. F'dak ir-rigward jenħtieġ li jiġu pprovduti gwida ċara u punti ta' aċċess sabiex jgħinu lin-negozji ġodda u lill-SMEs jaċċessaw fondi pubbliċi u privati. Barra minn hekk, jenħtieġ li tiġi prevista strateġija biex jiġu ttrattati kriżijiet ta' finanzjament eċċezzjonali, bħal żidiet sinifikanti fl-inflazzjoni.

(3d)

Fid-dawl tal-importanza tal-kollaborazzjoni ma' partijiet terzi fil-qasam tar-RŻI, il-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi u l-Kummissjoni jenħtieġ li jistabbilixxu linji gwida ċari u faċilment disponibbli dwar il-modi ta' aċċess, is-software u l-hardware għall-parteċipazzjoni tagħhom fi proġetti li jidħlu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Fi ħdan l-istrutturi tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, tal-fora internazzjonali, u ta' ftehimiet u strateġiji oħra tal-Unjoni ma' partijiet terzi, jenħtieġ li tiġi pprovduta gwida biex jingħelbu ostakli eżistenti għall-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tar-RŻI.

(3e)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi linji gwida ċari u faċilment disponibbli dwar it-termini u l-kundizzjonijiet għall-iżvilupp ta' linji pilota u l-aċċess ta' partijiet terzi għalihom, kif ukoll dwar il-kompatibbiltà u l-aċċessibbiltà tal-pjattaformi virtwali ta' diżinn, il-libreriji ta' diżinn u ċ-ċentri ta' kompetenza tal-Unjoni.

(3f)

Is-suċċess tal-Inizjattiva għandu jinbena fuq sforz kollettiv mill-Istati Membri, flimkien mal-Unjoni, biex jiġu appoġġati kemm il-kostijiet kapitali sinifikanti kif ukoll id-disponibbiltà wiesgħa tad-disinjar virtwali, l-ittestjar u l-pilotaġġ tar-riżorsi u t-tixrid tal-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi. Il-kunċetti u l-ambizzjonijiet il-ġodda tar-[Regolament li jistabbilixxi qafas ta' miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tas-semikondutturi (“l-Att dwar iċ-Ċipep”)] u tal-Inizjattiva jenħtieġ li jiġu appoġġati b'dispożizzjonijiet finanzjarji ġodda sinifikanti għar-RŻI u għad-disinn, l-esperimentazzjoni, u l-ittestjar ta' teknoloġiji u prodotti eżistenti avvanzati u li qed jevolvu fi ħdan l-ekosistema tas-semikondutturi tal-Unjoni.

(3g)

L-inizjattiva hija inizjattiva strateġika ġdida tal-Unjoni, u tirrikjedi riżorsi baġitarji ġodda. Il-finanzjament tagħha għandu jitqies matul ir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali, bil-ħsieb li jiġu żgurati l-istabbiltà, l-istabbiltà, l-ambizzjoni u l-finanzjament fit-tul tal-Inizjattiva. Il-kontinwazzjoni tal-attivitajiet diġà previsti fl-ambitu ta' Orizzont Ewropa trid tiġi żgurata. Ir-riżorsi finanzjarji totali allokati lil Orizzont Ewropa jenħtieġ li ma jitnaqqsux jew jerġgħu jintużaw biex jiġu ffinanzjati attivitajiet barra mir-RŻI. Kwalunkwe tnaqqis fir-riżorsi finanzjarji tal-programm, bl-għan li jissaħħaħ il-pakkett finanzjarju tal-programm Ewropa Diġitali biex jikkontribwixxi għall-Inizjattiva jenħtieġ li jiġi kkumpensat minn sorsi ta' finanzjament addizzjonali.

(3h)

L-impatt tal-infiq pubbliku fuq l-Inizjattiva u s-settur tar-RŻI tal-Unjoni jenħtieġ li jiġi vvalutat u rieżaminat qabel il-QFP li jmiss. L-istituzzjonijiet pubbliċi għandhom ir-responsabbiltà li jużaw il-fondi pubbliċi b'mod effiċjenti u effettiv fl-oqsma kollha u li jiżguraw ġestjoni finanzjarja tajba, valur għall-flus, redditu fuq l-investiment pubbliku, u l-evitar ta' ħela u żbalji. L-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep jenħtieġ li tiżgura li l-investiment pubbliku jkollu impatt pożittiv fuq l-ekosistema Ewropea tas-semikondutturi u ċ-ċittadini tagħha. F'dak ir-rigward, l-istabbiliment tal-programmi ta' ħidma u l-implimentazzjoni tagħhom għall-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep jenħtieġ li jirrispettaw il-prinċipju ta' “kemm jista' jkun miftuħ, magħluq kemm meħtieġ”.

(3i)

L-appoġġ finanzjarju li ġej mill-Inizjattiva jenħtieġ li jintuża biex jiġu indirizzati l-fallimenti tas-suq, is-sitwazzjonijiet ta' investiment subottimali b'konsegwenza tal-intensità qawwija kapitalistika, ir-riskju għoli, u l-ambjent kumpless tal-ekosistema tas-semikondutturi b'mod proporzjonat. Jenħtieġ li l-azzjonijiet meħuda mill-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep ma jidduplikawx jew jeskludu l-finanzjament privat jew ifixklu l-kompetizzjoni fis-suq intern, u jenħtieġ li jkollhom valur miżjud ċar għall-Unjoni.

(4)

L-attivitajiet appoġġati mill-Inizjattiva jenħtieġ li jiġu ffinanzjati mir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) li jistabbilixxi l-programm Orizzont Ewropa, u mir-Regolament (UE) 2021/694 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) li jistabbilixxi l-programm Ewropa Diġitali. Iż-żieda tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni lill-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep jenħtieġ li ma tagħtix lok għal tnaqqis fil-programmi tal-Unjoni jew fi proġetti eżistenti u jenħtieġ li titfassal f'konformità mar- [Regolament li jistabbilixxi qafas ta' miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tas-semikondutturi (“l-Att dwar iċ-Ċipep”)], prinċipalment mill-marġnijiet mhux allokati fil-limiti massimi tal-QFP jew immobilizzati permezz tal-istrumenti speċjali mhux tematiċi tal-QFP.

(5)

L-Inizjattiva għandha l-għan li ssaħħaħ il-kompetittività u r-reżiljenza tal-bażi teknoloġika u industrijali tas-semikondutturi, filwaqt li ssaħħaħ u tiddiversifika l-kapaċità tar-RŻI tal-ekosistema tas-semikondutturi tagħha, tnaqqas id-dipendenza fuq għadd limitat ta' kumpaniji u ġeografiji ta' pajjiżi terzi, u ssaħħaħ il-kapaċità tagħha li tiddisinja u tipproduċi komponenti avvanzati , sostenibbli u innovattivi . Dawn l-għanijiet jenħtieġ li jiġu appoġġati bi tnaqqis fid-distakk bejn il-kapaċitajiet avvanzati fil-qasam tar-RŻI tal-Unjoni u l-isfruttament industrijali tagħhom , u billi jsir investiment f'dawk l-isforzi . Jenħtieġ li tippromwovi l-bini tal-kapaċità biex tippermetti r-RŻI , id-disinn , il-manifattura , il-produzzjoni, l-imballaġġ u l-integrazzjoni tas-sistemi fit-teknoloġiji tas-semikondutturi tal-ġenerazzjoni li jmiss bħall-fotonika u t-teknoloġiji kwantistiċi , kif ukoll l-iżvilupp tat-teknoloġiji tas-semikondutturi eżistenti . Jenħtieġ li ttejjeb il-kollaborazzjoni fost l-atturi ewlenin madwar l-Unjoni, issaħħaħ il-ktajjen Ewropej tal-provvista u tal-valur tas-semikondutturi, u biex taqdi lil setturi industrijali ewlenin u toħloq swieq ġodda.

(5a)

Bil-għan li jiksbu l-ikbar impatt pożittiv possibbli tal-finanzjament tal-Unjoni u l-iżjed kontribut effettiv għall-objettivi ta' politika tal-Unjoni, l-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep u l-Fond għaċ-Ċipep jenħtieġ li jipprovaw jimmassimizzaw il-potenzjal tas-sħab tas-settur pubbliku u/jew privat. Tali sħab jenħtieġ jinkludu l-industrija, organizzazzjonijiet tar-RŻI u t-teknoloġija, korpi b'missjoni ta' servizz pubbliku fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali jew internazzjonali, u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, bħalma huma fondazzjonijiet li jappoġġaw u/jew iwettqu r-RŻI, dment li l-impatti mixtieqa jistgħu jinkisbu b'mod aktar effettiv fi sħubija milli mill-Unjoni waħedha.

(5b)

L-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep u l-Fond għaċ-Ċipep jenħtieġ li flimkien jistabbilixxu sħubijiet tas-settur privat u/jew pubbliku, pereżempju permezz ta' memoranda ta' qbil, bil-ħsieb li jinkisbu impatti speċifiċi b'mod aktar effettiv. Tali sħubijiet jistgħu jinkludu l-industrija, organizzazzjonijiet tar-RŻI u t-teknoloġija, korpi b'missjoni ta' servizz pubbliku fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali jew internazzjonali, u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, bħalma huma fondazzjonijiet li jappoġġaw jew iwettqu r-RŻI.

(5c)

Sabiex tinkiseb awtonomija strateġika miftuħa effettiva, il-benefiċjarji ta' appoġġ finanzjarju li jirriżulta mill-inizjattiva jenħtieġ li jieħdu miżuri biex jipprevjenu trasferimenti ta' teknoloġija u għarfien mhux mixtieqa żviluppati fil-qafas tal-inizjattiva, bl-użu tal-firxa ta' strumenti disponibbli fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali. Jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jiġu nnotifikati u jkunu jistgħu jaġixxu meta jkun hemm ir-riskju ta' trasferimenti minn entitajiet tal-Unjoni 'l barra mill-Unjoni konsegwenza ta' akkwiżizzjonijiet barranin jew miżuri oħra meħuda minn entitajiet barra l-Unjoni biex jisfurzaw trasferimenti ta' teknoloġija jew għarfien.

(5d)

L-investiment fit-talent u l-ħiliet jenħtieġ li jitqies bħala prijorità ewlenija tal-Inizjattiva. Id-disponibbiltà tat-talent hija kritika biex jiġi attirat l-investiment fis-semikondutturi. L-Unjoni jenħtieġ li tippromwovi l-potenzjal u l-ħiliet umani permezz tal-edukazzjoni STEM, b'enfasi speċifika fuq in-nisa, li huma sottorappreżentati f'dawk is-setturi. Sabiex jiġi mmassimizzat l-effett tal-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep, din jenħtieġ li tipprova ssib sinerġiji ma' programmi oħra u opportunitajiet ta' finanzjament fil-qasam tal-ħiliet u l-edukazzjoni. Jenħtieġ li l-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep, meta rilevanti u xieraq u skont ir-regoli eżistenti ta' Orizzont Ewropa, tipprova ssaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali tagħha, li hija kruċjali biex jiġi żgurat l-aċċess għall-għarfien, l-għarfien espert, u s-swieq madwar id-dinja.

(6)

L-Inizjattiva jenħtieġ li tiġi pprovduta bil-finanzjament adegwat u meħtieġ biex tkun tista' tilħaq l-objettivi ambizzjużi tagħha. Jenħtieġ li l-Inizjattiva titwettaq b'azzjonijiet li jenħtieġ li jissejsu fuq il-bażi soda tal-għarfien miksub mill-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin. Jenħtieġ li l-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin tingħata l-kompitu li tipprovdi l-appoġġ finanzjarju, b'xi strument jew proċedura prevista fil-programmi Orizzont Ewropa jew Ewropa Diġitali, għall-azzjonijiet iffinanzjati mill-Inizjattiva. Barra minn hekk, l-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin jenħtieġ li tingħata l-isem ġdid ta' Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep. Tul it-terminu tal-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep, jenħtieġ li mill-inqas EUR 2,5 biljun ikunu ddedikati għal-linji pilota, għall-infrastrutturi tad-disinn, għaċ-ċentri ta' kompetenza, u għal attivitajiet oħra tal-bini tal-kapaċità.

(7)

L-attivitajiet iffinanzjati mill-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep jenħtieġ li jkunu koperti minn programm ta' ħidma uniku, li jenħtieġ li jiġi adottat mill-Bord ta' Tmexxija. Qabel ma jitħejjew il-programmi ta' ħidma, il-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi, filwaqt li jqis il-pariri tal-Bord Ewropew tas-Semikondutturi u l-kontribut ta' partijiet ikkonċernati tal-industrija, esperti rilevanti oħra, is-sħab soċjali, il-Bord tal-Membri Privati, u inkluż kif xieraq pjanijiet direzzjonali prodotti mill-Alleanza Industrijali dwar il-Proċessuri u t-Teknoloġiji tas-Semikondutturi (7), jenħtieġ li tar-RŻI , inkluż l-istimi tan-nefqa korrispondenti tagħhom. Għal dan il-għan, il-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi jenħtieġ li jinkludi biss lill-Kummissjoni u lil awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri. Sussegwentement, abbażi ta' din id-definizzjoni, id-Direttur Eżekuttiv jenħtieġ li jħejji l-programm ta' ħidma li jinkludi l-attivitajiet tal-bini tal-kapaċità u l-attivitajiet tar-RŻI , u l-istimi tan-nefqa korrispondenti tagħhom.

(8)

Jenħtieġ li l-membri kollha tal-Bord tat-Tmexxija jkunu involuti fit-tħejjija tal-programm ta' ħidma, u jenħtieġ li jipparteċipaw fid-diskussjonijiet rilevanti u jirċievi l-informazzjoni meħtieġa. Meta l-Bord ta' Tmexxija jadotta l-programm ta' ħidma, id-drittijiet tal-vot għall-parti tal-programm ta' ħidma li hija relatata mal-bini tal-kapaċità jenħtieġ li jkunu limitati għall-Kummissjoni u għall-Istati Membri biss. Id-drittijiet tal-vot għall-parti tal-programm ta' ħidma li hija relatata mal-attivitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni jenħtieġ li jkunu kondiviżi indaqs bejn il-Kummissjoni, l-Istati Parteċipanti u l-membri privati. Jekk ma tkunx tista' tintlaħaq deċiżjoni dwar xi waħda miż-żewġ partijiet tal-programm ta' ħidma, l-programm ta' ħidma jenħtieġ li jiġi adottat biss bl-inklużjoni tal-parti li dwarha tkun intlaħqet deċiżjoni pożittiva.

(9)

Il-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi jenħtieġ li jkun responsabbli għall-għażla tal-proġetti relatati mal-attivitajiet tal-bini tal-kapaċità. Għal dan il-għan, il-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi jenħtieġ li jinkludi biss lill-Kummissjoni u lil awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri. Il-membri tal-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi jenħtieġ li jkollhom il-kompetenza u l-għarfien espert neċessarji sabiex jagħmlu rakkomandazzjonijiet li jqisu l-objettivi tal-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep. Il-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi jenħtieġ li jkollu l-għan li jżid il-bilanċ bejn il-ġeneri fl-istrutturi u l-proġetti tiegħu u jenħtieġ li jipprova jiżgura bilanċ ġeografiku tal-proġetti magħżula.

(10)

Il-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi jenħtieġ li jkun responsabbli għall-għażla tal-proġetti relatati mal-attivitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni.

(11)

Bil-ħsieb li titħaffef l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet tal-Inizjattiva u tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-entitajiet legali, b'mod partikolari l-Organizzazzjonijiet tar-Riċerka u t-Teknoloġija, ċerti proposti għal azzjonijiet jenħtieġ li jkunu eliġibbli għall-finanzjament biss jekk l-azzjoni ssir minn entitajiet legali li jikkooperaw f'konsorzju ta' mill-inqas tliet entitajiet legali minn tliet Stati Membri differenti , li jirrappreżentaw bilanċ ġeografiku fl-Unjoni . Dak il-konsorzju jista' jiġi strutturat bħala l-Konsorzju Ewropew għall-Infrastruttura taċ-Ċipep, kif propost fl-“Att dwar iċ-Ċipep”, jew abbażi ta' għodod ġuridiċi disponibbli oħra skont id-dritt tal-Unjoni. Peress li l-attivitajiet appoġġati bl-Inizjattiva u implimentati mill-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep huma ffinanzjati mill-programm Orizzont Ewropa u mill-programm Ewropa Diġitali, il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep indikata fl-Artikolu 128 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085 jenħtieġ li tiżdied kif xieraq. Il-kostijiet amministrattivi tal-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep jenħtieġ li jiżdiedu wkoll f'konformità maż-żieda tal-kompiti operazzjonali. Il-membri privati jenħtieġ li ma jikkontribwux għall-kostijiet amministrattivi addizzjonali.

(12)

L-għoti tal-appoġġ finanzjarju għall-attivitajiet mill-programm Ewropa Diġitali jenħtieġ li jikkonforma mar-Regolament (UE) 2021/694.

(13)

L-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep jenħtieġ li tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-atturi internazzjonali rilevanti tal-istess fehma sabiex issaħħaħ l-awtonomija strateġika miftuħa tal-Unjoni u tipproteġi d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Jenħtieġ li tiddefinixxi strateġija ta' kooperazzjoni li tibni fuq il-komplementarjetajiet u l-interdipendenzi tul il-katina tal-provvista tas-semikondutturi , li tinkludi l-identifikazzjoni u l-promozzjoni ta' oqsma għall-kooperazzjoni fir-RŻI, l-iżvilupp tal-ħiliet, u l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet fejn ikun hemm benefiċċju reċiproku, l-aktar abbażi tar-reċiproċità , f'konformità ma' Orizzont Ewropa u l-obbligi internazzjonali.

(14)

Għalhekk, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) 2021/2085 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-punti 2, 3 u 4 huma mibdula b'dan li ġej:

“2.

‘membru fundatur’ tfisser entità legali stabbilita fi Stat Membru, pajjiż assoċjat ma' Orizzont Ewropa, jew meta applikabbli ma' Ewropa Diġitali, jew organizzazzjoni internazzjonali identifikata bħala membru ta' impriża konġunta f'dan ir-Regolament jew f'wieħed mill-Annessi tiegħu;

3.

‘membru assoċjat’ tfisser entità legali stabbilita fi Stat Membru, pajjiż assoċjat ma' Orizzont Ewropa, jew meta applikabbli ma' Ewropa Diġitali, jew organizzazzjoni internazzjonali li tissieħeb ma' impriża konġunta billi tiffirma ittra ta' impenn f'konformità mal-Artikolu 6(3) u soġġetta għal approvazzjoni f'konformità mal-Artikolu 7;

4.

‘stat parteċipanti’ tfisser Stat Membru jew pajjiż assoċjat ma' Orizzont Ewropa, jew meta applikabbli ma' Ewropa Diġitali, man-notifika tal-parteċipazzjoni tiegħu fl-attivitajiet tal-impriża konġunta rilevanti b'ittra ta' impenn;”;

(2)

l-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

Fil-paragrafu 1, il-punt (g) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(g)

l-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep;”;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Biex jitqies it-terminu tal-programm Orizzont Ewropa, u meta applikabbli tal-programm Ewropa Diġitali, is-sejħiet għal proposti mill-impriżi konġunti għandhom jitnedew sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2027. F'każijiet debitament ġustifikati, is-sejħiet għal proposti jistgħu jitnedew sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2028.”

(3)

Fl-Artikolu 4 (1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep għandha tikkontribwixxi wkoll għall-implimentazzjoni tal-objettivi tal-Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa u għall-programm Ewropa Diġitali.”;

(4)

Fl-Artikolu 10, il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“2.   L-ammont tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni speċifikat fil-Parti Tnejn jista' jiżdied b'kontribuzzjonijiet mingħand pajjiżi terzi assoċjati mal-programm Orizzont Ewropa f'konformità mal-Artikolu 16(5) tar-Regolament (UE) 2021/695, u meta applikabbli mal-Programm Ewropa Diġitali f'konformità mal-punt (d) tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2021/694, dment li ż-żieda totali tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni tkun tal-inqas daqs il-kontribuzzjoni tal-membri għajr l-Unjoni, jew tal-entitajiet kostitwenti jew affiljati tagħhom.

3.   Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għandha titħallas mill-approprjazzjonijiet fil-baġit ġenerali tal-Unjoni allokati għall-Programm Speċifiku li jimplimenta l-programm Orizzont Ewropa, u meta applikabbli l-programm Ewropa Diġitali, f'konformità mal-Artikolu 62(1), il-punt (c)(iv), u mal-Artikolu 154 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 fil-każ tal-korpi msemmija fl-Artikolu 71 ta' dak ir-Regolament.”;

(5)

L-Artikolu 12(1) huwa emendat kif ġej:

(a)

It-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Minbarra l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 22 tar-Regolament Orizzont Ewropa jew, fil-każ tal-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep, fl-Artikolu 18 tal-programm Ewropa Diġitali, il-programm ta' ħidma għandu jinkludi, bħala anness, kriterji ta' eliġibbiltà rigward l-entitajiet legali nazzjonali, inkluża kontribuzzjoni biex jinkisbu t-tranżizzjonijiet doppji diġitali u ekoloġiċi .”;

(b)

It-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Kull stat parteċipanti għandu jafda lill-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep bl-evalwazzjoni tal-proposti f'konformità mal-programm kontributur tal-Unjoni.”

(6)

Fl-Artikolu 29, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

(a)

Il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   L-impenji baġitarji tal-impriżi konġunti msemmija fl-Artikolu 3(1), il-punti (b), (d), (g) u (h), jistgħu jinqasmu f'pagamenti parzjali annwali Sal-31 ta' Diċembru 2024, l-ammont kumulattiv ta' dawk l-impenji baġitarji f'pagamenti parzjali ma għandux jaqbeż il-50 % tal-kontribuzzjoni massima tal-Unjoni stabbilita fl-Artikolu 10. Minn Jannar 2025, tal-anqas 20 % tal-baġit kumulattiv tas-snin residwi ma għandux jiġi kopert minn pagamenti parzjali annwali.”;

(7)

L-Artikolu 126 jiġi emendat kif ġej:

(a)

Fil-paragrafu 1, il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

Tistabbilixxi l-eċċellenza xjentifika tal-Unjoni u t-tmexxija fl-innovazzjoni f'komponenti u f'teknoloġiji tas-sistemi emerġenti, inkluż f'attivitajiet relatati ma' TRLs iktar baxxi; u tippromwovi l-involviment attiv tal-SMEs, li għandu jirrappreżenta mill-inqas terz tal-għadd totali ta' parteċipanti f'azzjonijiet indiretti, u jenħtieġ li mill-inqas 20 % tal-finanzjament pubbliku ddedikat għall-azzjonijiet tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni (‘RŻI’) imur għalihom.”;

(b)

Fil-paragrafu 1, jiżdied il-punt (d) li ġej:

“(d)

tiżdied ▌ il-kapaċità madwar l-Unjoni f'teknoloġiji tas-semikondutturi mill-aktar avvanzati u tal-ġenerazzjoni li jmiss biex jissaħħu l-kapaċitajiet avvanzati potenzjali tal-Unjoni għad-disinn, il-manifattura, it-tagħmir, l-iżvilupp tal-materjali, l-integrazzjoni tas-sistemi u l-produzzjoni tas-semikondutturi u  l-ippakkjar . Hija għandha tfittex filwaqt li tipprevjeni u tillimita meta possibbli kwalunkwe impatt ambjentali negattiv u tapplika l-prinċipji tat-tnaqqis, ir-riużu u r-riċiklaġġ.”;

(c)

Fil-paragrafu 2, il-punt (f) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(f)

tistabbilixxi koerenza bejn il-kontributi għall-Aġenda Strateġika tar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep minn partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, inkluż meta xieraq pjanijiet direzzjonali prodotti mill-Alleanza dwar il-Proċessuri u t-Teknoloġiji tas-Semikondutturi u l-politiki tal-Unjoni biex b'mod partikolari jiġu implimentati u milħuqa l-objettivi tal-Inizjattiva.”

(d)

Fil-paragrafu 2, jiżdiedu l-punti li ġejjin ▌:

“(g)

tibni ▌ kapaċitajiet tad-disinn fuq skala kbira għat-teknoloġiji integrati tas-semikondutturi , kwantistiċi u teknoloġiji mill-aktar avvanzati oħra bħall-fotonika;

(h)

issaħħaħ il-linji pilota eżistenti u ssaħħaħ linji pilota ġodda;

(i)

tibni kapaċitajiet avvanzati ta' teknoloġija u ta' inġinerija biex jitħaffef l-iżvilupp taċ-ċipep kwantistiċi;

(j)

tistabbilixxi network ta' ċentri ta' kompetenza madwar l-Ewropa;

(ja)

tappoġġa t-tranżizzjoni ekoloġika billi tiżgura li jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet ambjentali fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni tar-RŻI, bħal żieda fl-effiċjenza enerġetika u fl-użu tal-ilma;

(jb)

tippromwovi l-edukazzjoni STEM, b'mod partikolari l-parteċipazzjoni tan-nisa fir-RŻI;

(jc)

trawwem ix-xjenza miftuħa u l-viżibbiltà pubblika, u tiżgura li l-attivitajiet tar-RŻI għandhom l-għan li jipprovdu impatt pożittiv fuq is-soċjetà.”;

(8)

l-Artikolu 128 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 128

1.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni lill-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep , inkluż l-approprjazzjonijiet taż-ŻEE, għandha tkun ta' mill-inqas EUR 4 175 000 000, inkluż sa EUR 50 174 000 għall-kostijiet amministrattivi distribwiti kif ġej:

(a)

sa EUR 2 650 000 000 minn Orizzont Ewropa;

(b)

sa EUR 1 525 000 000 minn Ewropa Diġitali.

2.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha titħallas mill-approprjazzjonijiet fil-baġit ġenerali tal-Unjoni allokati għal kull programm rilevanti.

3.   Jistgħu jiġu allokati fondi addizzjonali tal-Unjoni li jikkumplimentaw il-kontribuzzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu lill-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep minn pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm Orizzont Ewropa jew mal-Programm Ewropa Diġitali f'konformità mal-ftehimiet ta' assoċjazzjoni rispettivi tagħhom. Dawk il-fondi addizzjonali tal-Unjoni ma għandhomx jaffettwaw il-kontribuzzjoni tal-Istati Parteċipanti msemmija fl-Artikolu 129(1).

4.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (a), ta' dan l-Artikolu għandha tintuża għall-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep biex tipprovdi appoġġ finanzjarju għal azzjonijiet indiretti kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (43), tar-Regolament (UE) 2021/695, li jikkorrispondu għall-attivitajiet tar-RŻI tal-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep .

5.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1 il-punt (b), għandha tintuża għall-bini tal-kapaċità potenzjali għal-linji pilota u l-infrastrutturi tad-disinn madwar l-Unjoni kollha.”;

(9)

Fl-Artikolu 129, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   B'deroga mill-Artikolu 28(4), il-membri privati għandhom jagħmlu mod jew jistabbilixxu arranġamenti sabiex l-entitajiet kostitwenti tagħhom u dawk affiljati magħhom jagħmlu kontribuzzjoni finanzjarja sa EUR 26 331 000 għall-kostijiet amministrattivi tal-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep. Is-sehem tal-kontribuzzjoni totali fuq bażi annwali għall-kostijiet amministrattivi tal-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep mill-membri privati għandu jkun 35 %. Jekk il-kamp ta' applikazzjoni jew is-sħubija tal-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep tinbidel b'mod sinifikanti, il-membri privati għandhom jiġu kkonsultati fir-rigward ta' kwalunkwe bidla fil-kontribuzzjoni finanzjarja. ”;

(10)

Fl-Artikolu 133, jiżdied il-paragrafu 3a li ġej:

“3a.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jinkludi biss il-Kummissjoni u l-awtoritajiet pubbliċi mill-Istati Membri meta jivvotaw ▌ . Il-Kummissjoni għandha żżomm 50 % tad-drittijiet tal-vot. Il-paragrafi 2 u 3 għandhom japplikaw mutatis mutandis għad-drittijiet tal-vot tal-Istati Membri.”;

(11)

Jiddaħħal l-Artikolu 133a li ġej

“Artikolu 133a

Ir-regoli applikabbli għall-attivitajiet iffinanzjati mill-Programm Ewropa Diġitali

1.   Ir-Regolament (UE) 2021/694 għandu japplika għall-attivitajiet iffinanzjati mill-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep permezz tal-Programm Ewropa Diġitali.

2.   Il-programm ta' ħidma u s-sejħiet għal proposti tal-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-Programm Ewropa Diġitali.

3.   Fil-każ tal-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep, l-awditi ex post tan-nefqa fuq l-attivitajiet iffinanzjati mill-baġit tal-Programm Ewropa Diġitali għandhom jitwettqu mill-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep f'konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/694.”

(12)

L-Artikolu 134 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 134

Limitazzjonijiet u kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni f'azzjonijiet speċifiċi

1.   Għall-azzjonijiet iffinanzjati mill-programm Orizzont Ewropa, b'deroga mill-Artikolu 17(2), il-punt (l), meta l-Kummissjoni titlob dan, wara l-approvazzjoni tal-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi, il-parteċipazzjoni f'azzjonijiet speċifiċi għandha tkun limitata f'konformità mal-Artikolu 22(5) tar-Regolament (UE) 2021/695.

2.   Għall-azzjonijiet iffinanzjati mill-Programm Ewropa Diġitali, meta l-Kummissjoni titlob dan, wara l-approvazzjoni tal-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi, il-parteċipazzjoni f'azzjonijiet speċifiċi għandha tkun limitata f'konformità mal-Artikoli 12(6) u 18 tar-Regolament (UE) 2021/694.

3.   Għall-azzjonijiet iffinanzjati minn aktar minn programm kontributur wieħed tal-Unjoni, il-programm ta' ħidma għandu jistabbilixxi kundizzjonijiet konġunti, inkluż għal limitazzjoni tal-parteċipazzjoni skont il-paragrafi 1 sa 2 ta' dan l-Artikolu, f'konformità mar-regoli tal-programmi kontributuri tal-Unjoni.

4.   Ċerti azzjonijiet jistgħu jitwettqu minn entitajiet legali li jikkooperaw f'konsorzju strutturat fl-għamla ta' Konsorzju Ewropew għall-Infrastruttura taċ-Ċipep. L-azzjonijiet li għalihom jista' jkun meħtieġ dan il-konsorzju, u r-rekwiżiti speċifiċi ta' eliġibbiltà għall-implimentazzjoni ta' azzjonijiet u kompiti speċifiċi u, meta xieraq, ir-rekwiżiti operazzjonali għall-istabbiliment, l-operazzjoni u l-istralċ għandhom jiġu definiti fil-programm ta' ħidma.

4a.     Sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt pożittiv tal-finanzjament u tal-proġetti tal-Unjoni, u jiġu protetti minn trasferimenti mhux mixtieqa tat-teknoloġija u tal-għarfien, għandu japplika l-Artikolu 27a(2a) ta' … [Regolament li jistabbilixxi qafas ta' miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tas-semikondutturi (l-Att dwar iċ-Ċipep)]. ”;

(13)

Jiddaħħal l-Artikolu 134a li ġej

“Artikolu 134a

Kompiti addizzjonali tad-Direttur Eżekuttiv

Minbarra l-kompiti elenkati fl-Artikolu 19, id-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep għandu jħejji u, wara li jqis id-definizzjoni tal-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi msemmija fl-Artikolu 137(f), u  l-kontribut rilevanti ta' partijiet ikkonċernati u esperti , inkluż meta kif xieraq pjanijiet direzzjonali prodotti mill-Alleanza dwar il-Proċessuri u t-Teknoloġiji tas-Semikondutturi, jippreżenta għall-adozzjoni lill-Bord ta' Tmexxija l-programm ta' ħidma għall-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep , biex tiġi implimentata l-Aġenda Strateġika tar-Riċerka u l-Innovazzjoni.”;

(14)

L-Artikolu 136 jiġi emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Għall-finijiet tal-paragrafi (1) u (2) tal-Artikolu 134 u tal-punti (f) u (g) tal-Artikolu 137, il-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi għandu jinkludi biss lill-Kummissjoni u lil awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri. Il-paragrafu 1 għandu japplika mutatis mutandis.”;

(15)

L-Artikolu 137 jiġi emendat kif ġej:

(a)

Jiżdiedu l-punti (f) u (g) li ġejjin:

“(f)

qabel ma jitħejjew il-programmi ta' ħidma, jiddefinixxi l-parti tal-programm ta' ħidma relatata mal-attivitajiet tal-bini tal-kapaċità u mal-attivitajiet tar-RŻI , inkluż l-istimi tan-nefqa korrispondenti, filwaqt li jqis il-pariri tal-Bord tal-Membri Privati u l-Bord Ewropew tas-Semikondutturi u l-kontribut rilevanti ta' partijiet ikkonċernati tal-industrija, esperti oħra u s-sħab soċjali , inkluż kif xieraq pjanijiet direzzjonali prodotti mill-Alleanza dwar il-Proċessuri u t-Teknoloġiji tas-Semikondutturi;

(g)

jagħżel proposti li jikkorrispondu għall-attivitajiet tal-bini tal-kapaċità f'konformità mal-Artikoli 12(1) u 17(2), il-punt (u);”

(b)

Il-punt (d) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(d)

jagħżel proposti li jikkorrispondu għall-attivitajiet tar-RŻI f'konformità mal-Artikoli 12(1) u 17(2), il-punt (u);”

(16)

L-Artikolu 141 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 141

Rati ta' finanzjament u regoli għall-parteċipazzjoni

1.   Għall-azzjonijiet indiretti ffinanzjati mill-programm Orizzont Ewropa, f'konformità mal-Artikolu 17(2) tar-Regolament (UE) 2021/695 u b'deroga mill-Artikolu 34 ta' dak ir-Regolament, u għall-attivitajiet iffinanzjati mill-Programm Ewropa Diġitali, l-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep tista' tapplika rati ta' finanzjament differenti għall-finanzjament tal-Unjoni f'azzjoni skont it-tip ta' parteċipant, b'mod partikolari l-SMEs u l-entitajiet legali mingħajr skop ta' qligħ, u t-tip ta' azzjoni. Ir-rati ta' finanzjament għandhom ikunu indikati fil-programm ta' ħidma.

2.   Meta jkun debitament ġustifikat fid-deskrizzjoni tas-suġġetti rilevanti fil-programm ta' ħidma, entità legali waħda stabbilita fi Stat Membru jew f'pajjiż assoċjat jew f'konsorzji li ma tissodisfax il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 22(2) tar-Regolament (UE) 2021/695 jew fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/694 għandha tkun eliġibbli li tipparteċipa f'azzjonijiet iffinanzjati mill-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep.”

(17)

Ir-referenzi għall-“Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin” għandhom jinftiehmu li jirreferu għall-“Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C , , p. .

(2)  ĠU C , , p. .

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085 tad-19 ta' Novembru 2021 li jistabbilixxi l-Impriżi Konġunti fil-qafas ta' Orizzont Ewropa u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 219/2007, (UE) Nru 557/2014, (UE) Nru 558/2014, (UE) Nru 559/2014, (UE) Nru 560/2014, (UE) Nru 561/2014 u (UE) Nru 642/2014 (ĠU L 427, 30.11.2021, p. 17).

(4)  ĠU L …, p…

(5)  Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2021/694 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Diġitali u li jħassar id-Deċiżjoni (UE) 2015/2240 (ĠU L 166, 11.5.2021, p. 1).

(7)  L-Alleanza tissemma fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Mejju 2021 dwar “Aġġornament tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida tal-2020: Nibnu Suq Uniku aktar b'saħħtu għall-irkupru tal-Ewropa”.