02017R0571 — MT — 06.02.2018 — 001.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
|
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/571 tat-2 ta' Ġunju 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji dwar l-awtorizzazzjoni, ir-rekwiżiti organizzazzjonali u l-pubblikazzjoni ta' tranżazzjonijiet għal fornituri tas-servizzi ta' rapportar tad-dejta (ĠU L 087 31.3.2017, p. 126) |
Emendat bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
Nru |
Paġna |
Data |
||
|
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/63 tas-26 ta' Settembru 2017 |
L 12 |
2 |
17.1.2018 |
|
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/571
tat-2 ta' Ġunju 2016
li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji dwar l-awtorizzazzjoni, ir-rekwiżiti organizzazzjonali u l-pubblikazzjoni ta' tranżazzjonijiet għal fornituri tas-servizzi ta' rapportar tad-dejta
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
KAPITOLU I
AWTORIZZAZZJONI
(Artikolu 61(2) tad-Direttiva 2014/65/UE)
Artikolu 1
Informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti
1. Applikant li jipprova jikseb awtorizzazzjoni biex jipprovdi servizzi ta' rapportar tad-dejta għandu jippreżenta lill-awtorità kompetenti l-informazzjoni stabbilita fl-Artikoli 2, 3u 4 u l-informazzjoni rigward ir-rekwiżiti organizzazzjonali kollha stabbiliti fil-Kapitoli II and III.
2. Fornitur tas-servizzi ta' rapportar tad-dejta għandu jinforma minnufih lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tiegħu dwar kull bidla materjali fl-informazzjoni pprovduta fiż-żmien tal-awtorizzazzjoni u warajha.
Artikolu 2
Informazzjoni dwar l-organizzazzjoni
1. Applikant li jfittex awtorizzazzjoni biex jipprovdi servizzi ta' rapportar tad-dejta għandu jinkludi programm ta' operazzjonijiet msemmi fl-Artikolu 61(2) tad-Direttiva 2014/65/UE fl-applikazzjoni tiegħu għall-awtorizzazzjoni. Il-programm ta' operazzjonijiet għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja:
(a) informazzjoni dwar l-istruttura organizzazzjonali tal-applikant, inklużi ċart organizzazzjonali u deskrizzjoni tar-riżorsi umani, tekniċi u ġuridiċi allokati għall-attivitajiet kummerċjali tiegħu;
(b) informazzjoni dwar il-politiki u l-proċeduri ta' konformità tal-fornitur tas-servizzi tar-rapportar tad-dejta, inkluż:
(i) l-isem tal-persuna jew persuni responsabbli għall-approvazzjoni u l-manutenzjoni ta' dawk il-politiki;
(ii) l-arranġamenti biex jiġu mmonitorjati u infurzati l-politiki u l-proċeduri ta' konformità;
(iii) il-miżuri li għandhom jiġu meħuda f'każ ta' ksur li jista' jirriżulta f'nuqqas li jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni inizjali;
(iv) deskrizzjoni tal-proċedura għar-rapportar lill-awtorità kompetenti ta' kull ksur li jista' jirriżulta f'nuqqas li jiġu ssodisfati l-kondizzzjonijiet għall-awtorizzazzjoni inizjali;
(c) lista tal-funzjonijiet esternalizzati kollha u tar-riżorsi kollha allokati għall-kontroll tal-funzjonijiet esternalizzati;
2. Fornitur ta' servizzi tar-rapportar tad-dejta li joffri servizzi barra minn servizzi ta' rapportar tad-dejta għandu jiddeskrivi dawk is-servizzi fiċ-ċart organizzazzjonali.
Artikolu 3
Governanza korporattiva
1. Applikant li jipprova jikseb awtorizzazzjoni biex jipprovdi servizzi ta' rapportar tad-dejta għandu jinkludi fl-applikazzjoni tiegħu għal awtorizzazzjoni informazzjoni dwar il-politiki ta' governanza korporattiva interna u l-proċeduri li jirregolaw il-korp maniġerjali tiegħu, il-maniġment superjuri u, fejn ikun stabbilit, il-kumitati.
2. L-informazzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 għandha tkun tinkludi:
(a) deskrizzjoni tal-proċessi għall-għażla, il-ħatra, l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni u t-tneħħija ta' maniġment superjuri u membri tal-korp maniġerjali;
(b) deskrizzjoni tal-linji ta' rapportar u tal-frekwenza tar-rapportar lill-maniġment superjuri u lill-korp maniġerjali;
(c) deskrizzjoni tal-politiki u l-proċeduri dwar l-aċċess għad-dokumenti minn membri tal-korp maniġjerali.
Artikolu 4
Informazzjoni dwar il-membri tal-korp maniġerjali
1. Applikant li jipprova jikseb awtorizzazzjoni biex jipprovdi servizzi ta' rapportar ta' dejta għandu jinkludi fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tiegħu l-informazzjoni li ġejja fir-rigward ta' kull membru tal-korp maniġerjali:
(a) l-isem, id-data u l-post tat-twelid, in-numru tal-identifikazzjoni nazzjonali personali jew ekwivalent tiegħu, l-indirizz u d-dettalji ta' kuntatt;
(b) il-pożizzjoni li l-persuna nħatret/ħa tinħatar għaliha;
(c) curriculum vitae li jagħti prova ta' esperjenza u għarfien suffiċjenti biex jitwettqu r-responsabbiltajiet b'mod adegwat;
(d) rekords kriminali, speċjalment permezz ta' ċertifikat uffiċjali, jew, meta tali dokument ma jkunx disponibbli fl-Istat Membru rilevanti, awtodikjarazzjoni ta' reputazzjoni tajba u l-awtorizzazzjoni lill-awtorità kompetenti biex tinvestiga jekk il-membru ġiex akkużat b'reat kriminali inkonnessjoni mal-provvista ta' servizzi finanzjarji jew ta' dejta jew fir-rigward ta' atti ta' frodi jew ta' approprjazzjoni indebita;
(e) awtodikjarazzjoni ta' reputazzjoni tajba u l-awtorizzazzjoni lill-awtorità kompetenti biex tinvestiga jekk il-membru:
(i) kienx soġġett għal deċiżjoni negattiva fi kwalunkwe proċediment ta' natura dixxiplinarja mibdi minn awtorità regolatorja jew korp tal-gvern jew huwiex is-soġġett ta' kwalunkwe tali proċediment li mhuwiex konkluż;
(ii) kienx soġġett għal sejba ġudizzjarja negattiva fi proċedimenti ċivili quddiem qorti f'konnessjoni mal-forniment ta' servizzi finanzjarji jew ta' dejta, jew imġiba ħażina jew frodi fl-immaniġġjar ta' negozju;
(iii) kienx parti minn korp maniġjerali ta' impriża li kienet soġġetta għal deċiżjoni negattiva jew piena minn awtorità regolatorja jew li r-reġistrazzjoni jew l-awtorizzazzjoni tagħha ġiet irtirata mill-awtorità regolatorja;
(iv) kienx miċħud id-dritt li jwettaq attivitajiet li jirrikjedu reġistrazzjoni jew awtorizzazzjoni mill-awtorità regolatorja;
(v) kienx parti minn korp maniġerjali ta' impriża li saret insolventi jew ġiet likwidata filwaqt li l-persuna kellha tali pożizzjoni jew fi żmien sena wara li l-persuna waqfet milli jkollha tali pożizzjoni;
(vi) kienx b'xi mod immultat, sospiż, skwalifikat, jew soġġett għal kwalunkwe sanzjoni oħra b'relazzjoni ma' frodi, miżapproprjazzjoni jew f'konnessjoni mal-forniment ta' servizzi finanzjarji jew ta' dejta, minn korp professjonali;
(vii) kienx skwalifikat milli jaġixxi bħala direttur, skwalifikat milli jaġixxi fi kwalunkwe kapaċità maniġerjali, tkeċċiex mill-impjieg jew kariga oħra f'impriża b'konsegwenza ta' mġiba ħażina jew prattika ħażina;
(f) Indikazzjoni taż-żmien minimu li għandu jiġi ddedikat għall-prestazzjoni tal-funzjonijiet ta' persuna fil-fornitur tas-servizzi ta' rapportar tad-dejta;
(g) dikjarazzjoni ta' kull kunflitt ta' interess potenzjali li jista' jeżisti jew jirriżulta fit-twettiq tad-dmirijiet u kif jiġu mmaniġjati dawk il-kunflitti.
KAPITOLU II
REKWIŻITI ORGANIZZAZZJONALI
(Artikoli 64(3), 64(4), 64(5), 65(4), 65(5), 65(6), 66(2), 66(3) u 66(4) tad-Direttiva 2014/65/UE)
Artikolu 5
Kunflitti ta' interess
1. Fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta għandu jopera u jmantni arranġamenti amministrattivi effettivi, imfassla biex jipprevjenu kunflitti ta' interess mal-klijenti li juzaw is-servizzi tiegħu biex jissodisfaw l-obbligi regolatorji tagħhom u entitajiet oħra li jixtru dejta minn fornituri ta' servizzi ta' rapportar ta' dejta. Tali arranġamenti għandhom jinkludu politiki u proċeduri biex jiġu identifikati, immaniġġjati u żvelati kunflitti ta' interess attwali u potenzjali u għandhom jinkludu:
(a) inventarju tal-kunflitti ta' interess attwali u potenzjali, li jistabbilixxi d-deskrizzjoni, l-identifikazzjoni, il-prevenzjoni, l-immaniġġjar u l-iżvelar tagħhom;
(b) is-separazzjoni tal-obbligi u l-funzjonijiet kummerċjali fl-ambitu tal-fornitur tas-servizzi ta' rapportar tad-dejta, inklużi;
(i) miżuri biex jipprevjenu jew jikkontrollaw l-iskambju ta' informazzjoni fejn jistgħu jirriżultaw kunflitti ta' interess;
(ii) is-superviżjoni separata ta' persuni rilevanti li l-funzjonijiet ewlenin tagħhom jinvolvu interessi li jkunu potenzjalment f'kunflitt ma' dawk ta' klijent;
(c) deskrizzjoni tal-politika tat-tariffi biex jiġu ddeterminati tariffi mitluba mill-fornitur tas-servizzi ta' rapportar tad-dejta u minn impriżi li l-fornitur tas-servizzi ta' rapportar tad-dejta jkollu rabtiet mill-qrib magħhom;
(d) deskrizzjoni tal-politika ta' remunerazzjoni għall-membri tal-korp maniġerjali u l-maniġment superjuri;
(e) ir-regoli rigward l-aċċettazzjoni ta' flus, rigali jew favuri minn persunal tal-fornitur tas-servizzi ta' rapportar tad-dejta u l-korp maniġerjali tiegħu.
2. L-inventarju tal-kunflitti ta' interess kif imsemmi fil-paragrafu 1(a) għandu jinkludi l-kunflitti ta' interess li jirriżultaw minn sitwazzjonijiet fejn il-fornitur tas-servizzi ta' rapportar tad-dejta:
(a) jista' jikseb qligħ finanzjarju jew jevita telf finanzarju, għad-dannu ta' klijent;
(b) jista' jkollu interess fl-eżitu ta' servizz ipprovdut lil klijent, li jkun distint mill-interess tal-klijent f'dak l-eżitu;
(c) jista' jkollu inċentiv biex jagħti prijorità lill-interessi tiegħu jew lill-interess ta' klijent jew grupp ta' klijenti oħra minflok l-interess ta' klijent li ngħata s-servizz;
(d) jirċievi jew jista' jirċievi minn persuna minbarra l-klijent, rigward is-servizz ipprovdut lil klijent, inċentiv fil-forma ta' flus, oġġetti jew servizzi, barra minn ħlasijiet jew tariffi rċevuti għas-servizz.
Artikolu 6
Rekwiżiti organizzazzjonali rigward l-esternalizzazzjoni
1. Meta fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta jorganizza sabiex attivitajiet jitwettqu f'ismu minn partijiet terzi, inkluż impriżi li jkollu rabtiet mill-qrib magħhom, huwa għandu jiżgura li l-fornitur ta' servizz terz ikollu l-abbiltà u l-kapaċità li jwettaq l-attivitajiet b'mod affidabbli u professjonali.
2. Fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta għandu jispeċifika liema attivitajiet għandhom jiġu esternalizzati, inkluż speċifikazzjoni tal-livell ta' riżorsi umani u tekniċi meħtieġa biex titwettaq kull attività minn dawn.
3. Fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta li jesternalizza attivitajiet għandu jiżgura li l-esternalizzazzjoni ma tnaqqasx l-abbiltà jew is-setgħa tiegħu li jwettaq funzjonijiet ta' maniġment superjuri jew funzjonijiet ta' korp maniġerjali.
4. Fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta għandu jibqa' responsabbli għal kull attività esternalizzata u jadotta miżuri organizzazzjonali biex jiżgura:
(a) li jivvaluta jekk fornitur ta' servizz terz ikunx qed iwettaq attivitajiet esternalizzati b'mod effettiv u f'konformità mad-dritt applikabbli u mar-rekwiżiti regolatorji u jekk ikunx qiegħed jindirizza n-nuqqasijiet identifikati b'mod adegwat;
(b) l-identifikazzjoni tar-riskji fir-rigward ta' attivitajiet esternalizzati u monitoraġġ perjodiku adegwat;
(c) proċeduri ta' kontroll adegwati fir-rigward ta' attivitajiet esternalizzati, inkluż is-superviżjoni b'mod effettiv tal-attivitajiet u r-riskji fl-ambitu tal-fornitur tas-servizzi ta' rapportar tad-dejta;
(d) kontinwità tal-operat adegwata tal-attivitajiet esternalizzati;
Għall-finijiet tal-punt (d), il-fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta għandu jakkwista informazzjoni dwar l-arranġamenti ta' kontinwità tal-operat tal-fornitur ta' servizz terz, jivvaluta l-kwalità tagħhom u, fejn meħtieġ, jitlob li jsir titjib.
5. Fornitur ta' servizzi tar-rapportar tad-dejta għandu jiżgura li fornitur ta' servizz terz jikkoopera mal-awtorità kompetenti tal-fornitur tas-servizzi tar-rapportar tad-dejta f'konnessjoni mal-attivitajiet esternalizzati.
6. Meta fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta jesternalizza xi funzjoni kritika, huwa għandu jipprovdi lill-Istat Membru ospitanti tiegħu bi:
(a) l-identifikazzjoni tal-fornitur ta' servizz terz;
(b) il-miżuri u l-politiki organizzazzjonali fir-rigward tal-esternalizzazzjoni u tar-riskji imposti minnha, kif speċifikat fil-paragrafu 4;
(c) rapporti interni jew esterni dwar l-attivitajiet esternalizzati.
Għall-fini tal-ewwel subparagrafu 6, funzjoni għandha titqies bħala kritika jekk difett jew nuqqas fil-prestazzjoni tagħha jista' jkun ta' dannu materjali għat-tkomplija tal-konformità tal-fornitur tas-servizzi ta' rapportar tad-dejta mal-kondizzjonijiet u mal-obbligi tal-awtorizzazzjoni tiegħu jew mal-obbligi tiegħu skont id-Direttiva 2014/65/UE.
Artikolu 7
Kontinwità tal-operat u faċilitajiet ta' back-up
1. Fornitur ta' servizzi tar-rapportar tad-dejta għandu juża sistemi u faċilitajiet li huma adegwati u robusti biżżejjed biex jiżgura l-kontinwità u r-regolarità fil-prestazzjoni tas-servizzi pprovduti msemmija fid-Direttiva 2014/65/UE.
2. Fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta għandu jwettaq rieżamijiet perjodiċi, tal-anqas darba f'sena, li jevalwaw l-infrastrutturi tekniċi tiegħu u l-politiki u l-proċeduri assoċjati, inkluż l-arranġamenti ta' kontinwità tal-operat. Fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta għandu jirrimedja kull nuqqas identifikat waqt ir-rieżami.
3. Fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta għandu jkollu fis-seħħ arranġamenti ta' kontinwità tal-operat effettivi biex jindirizza inċidenti li jfixklu, inkluż:
(a) il-proċessi li huma kritiċi biex jiżguraw is-servizzi tal-fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta, inklużi proċeduri eskalanti, attivitajiet esternalizzati rilevanti jew dipendenzi fuq fornituri esterni;
(b) arranġamenti ta' kontinwità speċifiċi, li jkopru firxa adegwata ta' xenarji possibbli, f'terminu qasir u medju, inkluż fallimenti tas-sistemi, diżastri naturali, tfixkil fil-komunikazzjoni, telf ta' persunal prinċipali u nuqqas ta' abbiltà li jintuża l-bini użat normalment;
(c) dupplikazzjoni ta' komponenti ta' ħardwer, li tpatti għal nuqqas ta' infrastruttura ta' back-up, inkluż konnettività ta' netwerk u ta' kanali ta' komunikazzjoni;
(d) back-up ta' dejta kritika għall-operat u informazzjoni aġġornata tal-kuntatti meħtieġa, li jiżguraw komunikazzjoni fl-ambitu tal-fornitur tas-servizzi ta' rapportar tad-dejta u mal-klijenti;
(e) il-proċeduri ta' ċaqliq ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta lejn sit ta' back-up u t-tħaddim tagħhom;
(f) iż-żmien ta' rkupru massimu mmirat lejn funzjonijiet kritiċi, li għandu jkun kemm jista' jkun qasir u f'kull każ mhux itwal minn sitt sigħat fil-każ ta' arranġamenti ta' pubblikazzjoni approvati (APAs) u fornituri ta' tejps ikkonsolidati (CTPs) u sakemm jintemm l-operat tal-jum tax-xogħol segwenti fil-każ ta' mekkaniżmi ta' rapportar approvati (approved reporting mechanisms, ARMs);
(g) taħriġ tal-persunal dwar l-operazzjoni tal-arranġamenti ta' kontinwità tal-operat, ir-rwoli tal-individwi inklużi persunal ta' operazzjonijiet ta' sigurtà speċifiċi lesti biex jirreaġixxu immedjatament għal tfixkil ta' servizzi;
4. Fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta għandu jistabbilixxi programm għal ittestjar perjodiku, rieżami u, fejn meħtieġ, modifikazzjoni tal-arranġamenti tal-kontinwità tal-operat.
5. Fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta għandu jippubblika fuq is-sit web tiegħu u immedjatament jinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tiegħu u lill-klijenti tiegħu dwar kull interruzzjoni fis-servizz jew tfixkil ta' konnessjoni, kif ukoll iż-żmien stmat sabiex jerġa' jinbeda servizz regolari.
6. Fil-każ ta' ARMs, in-notifiki msemmija fil-paragrafu 5 għandhom jingħataw lil kull awtorità kompetenti li l-ARM jippreżenta rapporti ta' tranżazzjoni lilha.
Artikolu 8
Ittestjar u kapaċità
1. Fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta għandu jimplimenta metodoloġiji ta' żvilupp u ta' ittestjar immarkati b'mod ċar, filwaqt li jiżgura li:
(a) l-operazzjoni tas-sistemi tal-IT tissodisfa l-obbligi regolatorji tal-fornitur tas-servizzi ta' rapportar tad-dejta;
(b) il-kontrolli tal-konformità tal-maniġjar tar-riskji inkorporati fis-sistemi tal-IT jaħdmu kif maħsub;
(c) is-sistemi tal-IT ikunu jistgħu jkomplu jaħdmu b'mod effettiv fil-ħinijiet kollha.
2. Fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta għandu juża wkoll il-metodoloġiji msemmija fil-paragrafu 1 qabel u wara l-użu ta' kull aġġornament tas-sistemi tal-IT.
3. Fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta għandu jinnotifika immedjatament lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tiegħu dwar kull bidla sinifikanti ppjanata fis-sistema tal-IT qabel l-implimentazzjoni tagħha.
4. Fil-każ ta' ARMs, in-notifiki msemmija fil-paragrafu 3 għandhom jingħataw lil kull awtorità kompetenti li l-ARM jippreżenta rapporti ta' tranżazzjoni lilha.
5. Fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta għandu jistabbilixxi programm attwali għal rieżami perjodiku u, fejn ikun meħtieġ, modifikazzjoni tal-metodoloġiji tal-iżvilupp u tal-ittestjar.
6. Fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta għandu jwettaq testijiet tal-istress perjodikament, tal-anqas fuq bażi annwali. Fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta għandu jinkludi fix-xenarji negattivi tat-test tal-istress imġiba mhux mistennija ta' elementi kostitwenti kritiċi tas-sistemi u tal-linji ta' komunikazzjoni tiegħu. It-test tal-istress għandu jidentifika kif ħardwer, softwer u komunikazzjonijiet iwieġbu għal theddid potenzjal, filwaqt li jispeċifika sistemi li ma jistgħux ilaħħqu max-xenarji negattivi. Fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta għandu jieħu miżuri biex jindirizza n-nuqqasijiet identifikati f'dawk is-sistemi.
7. Fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta għandu:
(a) ikollu kapaċità biżżejjed biex iwettaq il-funzjonijiet tiegħu mingħajr qtugħ ta' servizz jew nuqqasijiet, inkluż dejta nieqsa jew inkorretta;
(b) ikollu skalabbiltà suffiċjenti biex jakkomoda mingħajr dewmien mhux dovut kull żieda fl-ammont ta' informazzjoni li tiġi pproċessata u fl-għadd ta' talbiet ta' aċċess mill-klijenti tiegħu.
Artikolu 9
Sigurtà
1. Fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta għandu jistabbilixxi u jżomm proċeduri u arranġamenti għas-sigurtà fiżika u elettronika mfassla biex:
(a) jipproteġu s-sistemi tal-IT tiegħu minn użu ħażin jew minn aċċess mhux awtorizzat;
(b) jimminimizzaw ir-riskji ta' attakki kontra s-sistemi ta' informazzjoni kif iddefiniti fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2013/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 );
(c) jipprevjenu l-iżvelar mhux awtorizzat ta' informazzjoni kunfidenzjali;
(d) jiżguraw is-sigurtà u l-integrità tad-dejta.
2. Meta ditta ta' investiment (“ditta li tirrapporta”) tuża parti terza (“ditta li tippreżenta”) biex tippreżenta informazzjoni lil ARM f'isimha, l-ARM għandu jkollu l-proċeduri u l-arranġamenti fis-seħħ biex jiżgura li d-ditta li tippreżenta ma jkollhiex aċċess għal informazzjoni oħra dwar id-ditta li tirrapporta jew ippreżentata minnha lill-ARM, li setgħet intbagħtet mid-ditta ta' rapportar direttament lill-ARM jew permezz ta' ditta li tippreżenta oħra.
3. Fornitur ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta għandu jistabbilixxi u jmantni miżuri u arranġamenti biex jidentifika mill-ewwel u jimmaniġġja r-riskji identifikati fil-paragrafu 1.
4. Fir-rigward tal-ksur fil-miżuri ta' sigurtà fiżika u elettronika msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3, fornitur ta' servizz ta' rapportar tad-dejta għandu immedjatament jinnotifika lill-:
(a) l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti u jipprovdi rapport dwar l-inċident, li jindika n-natura tal-inċident, il-miżuri adottati biex jiġi indirizzat l-inċident u l-inizjattivi meħuda biex jipprevjenu inċidenti simili;
(b) il-klijenti tagħha li setgħu ġew affettwati mill-ksur fis-sigurtà.
5. Fil-każ tal-ARMs, in-notifika msemmija fil-paragrafu 4(a) għandha ssir ukoll lil kull awtorità kompetenti oħra li l-ARM jippreżenta rapporti ta' tranżazzjoni lilha.
Artikolu 10
Maniġment ta' informazzjoni mhux kompluta jew potenzjalment żbaljata mill-APAs u mis-CTPs
1. L-APAs u s-CTPs għandhom jistabbilixxu u jmantnu arranġamenti adegwati biex jiżguraw li jippubblikaw b'mod eżatt ir-rapporti ta' negozjar riċevuti minn ditti tal-investiment u, fil-każ tas-CTPs, minn ċentri tan-negozjar u APAs, mingħajr ma huma stess jintroduċu xi żball jew iħallu informazzjoni barra u għandhom jikkoreġu informazzjoni meta huma stess ikunu kkawżaw l-iżball jew l-ommissjoni.
2. L-APAs u s-CTPs għandhom kontinwament jimmoniterjaw f'ħin reali l-prestazzjoni tas-sistemi tal-IT tagħhom, filwaqt li jiżguraw li r-rapporti ta' negozjar li rċevew ġew ippubblikati b'suċċess.
3. L-APAs u s-CTPs għandhom iwettqu rikonċiljazzjonijiet perjodiċi bejn ir-rapporti ta' negozjar li jirċievu u r-rapporti ta' negozjar li jippubblikaw, filwaqt li jivverifikaw il-pubblikazzjoni korretta tal-informazzjoni.
4. APA għandu jikkonferma l-irċevuta tar-rapport ta' negozjar lid-ditta tal-investiment li tirrapporta, inkluż il-kodiċi ta' identifikazzjoni tat-tranżazzjoni assenjat mill-APA. APA għandu jirreferi għall-kodiċi ta' identifikazzjoni tat-tranżazzjoni f'kull komunikazzjoni sussegwenti mad-ditta ta' rapportar fir-rigward ta' rapport ta' tranżazzjoni speċifiku.
5. APA għandu jistabbilixxi u tmantni arranġamenti adegwati biex tidentifika rapporti ta' negozjar li ma jkunux kompluti jew li jkun fihom informazzjoni li x'aktarx tkun żbaljata malli jiġu riċevuti. Dawn l-arranġamenti għandhom jinkludu avviżi awtomatizzati tal-prezz u tal-volum, filwaqt li jikkunsidraw:
(a) is-settur u s-segment li fih jiġi nnegozjat l-istrument finanzjarju;
(b) il-livelli ta' likwidità, inkluż livelli ta' negozjar storiċi;
(c) valuri referenzjarji adegwati tal-prezz u tal-volum;
(d) jekk ikun hemm bżonn, parametri oħra skont il-karatteristiċi tal-istrument finanzjarju.
6. Meta APA jiddetermina li rapport ta' negozjar li jirċievi jkun mhux komplut jew ikun fih informazzjoni li x'aktarx tkun żbaljata, huwa ma għandux jippubblika dak ir-rapport ta' negozjar u għandu javża immedjatament lid-ditta ta' investiment li tippreżenta r-rapport ta' negozjar.
7. F'ċirkostanzi ta' eċċezzjoni, l-APAs u s-CTPs għandhom iħassru u jemendaw informazzjoni f'rapport ta' negozjar meta jintalbu jagħmlu dan mill-entità li tipprovdi l-informazzjoni, meta dik l-entità ma tkunx tista' tħassar jew temenda l-informazzjoni tagħha stess għal raġunijiet tekniċi.
8. L-APAs għandhom jippubblikaw politiki diskrezzjonarji dwar il-kanċellazzjoni tal-informazzjoni u emendi fir-rapporti ta' negozjar li jistabbilixxu l-pieni li jistgħu jiġu imposti minn APAs fuq ditti tal-investiment li jipprovdu rapporti ta' negozjar fejn l-informazzjoni mhux kompluta jew żbaljata tkun wasslet għat-tħassir jew l-emenda ta' rapporti ta' negozjar.
Artikolu 11
Maniġjar ta' informazzjoni mhux kompluta jew potenzjalment żbaljata mill-ARMs
1. ARM għandu jistabbilixxi u jmantni arranġamenti adegwati biex tidentifika rapporti ta' tranżazzjoni li mhumiex kompluti jew li fihom żbalji ovvji kkawżati mill-klijenti. L-ARM għandha twettaq validazzjoni tar-rapporti ta' tranżazzjoni tar-rekwiżiti stabbiliti skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 għal parti, format u kontenut ta' oqsma skont it-Tabella 1 tal-Anness I tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/590 ( 2 ).
2. ARM għandu jistabbilixxi u jmantni arranġamenti adegwati biex jidentifika rapporti ta' tranżazzjoni li fihom żbalji jew omissijonijiet ikkawżati mill-ARM innifisu u biex jikkoreġu, inkluż iħassru jew jemendaw, tali żbalji jew omissjonijiet. ARM għandu jwettaq validazzjoni għal parti, format u kontenut ta' oqsma skont it-Tabella 1 tal-Anness I tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/590.
3. ARM għandu jimmoniterja kontinwament f'ħin reali l-prestazzjoni tas-sistemi tiegħu filwaqt li jiżgura li rapport ta' tranżazzjoni li jkun irċeva jkun ġie rapportat b'suċċess lill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014.
4. ARM għandu jwettaq rikonċiljazzjonijiet perjodiċi, fuq talba tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jew l-awtorità kompetenti li l-ARM jippreżenta rapporti ta' tranżazzjoni lilha, bejn l-informazzjoni li l-ARM jirċievi mill-klijent tiegħu jew jiġġenera f'isem il-klijent għal finijiet ta' rapportar ta' tranżazzjoni u kampjuni tad-dejta tal-informazzjoni pprovduta mill-awtorità kompetenti.
5. Kull korrezzjoni, inkluż kanċellazzjoni jew emenda ta' rapporti ta' tranżazzjoni, li ma tikkoreġix żbalji jew ommissjonijiet ikkawżati minn ARM, għandha ssir biss fuq talba ta' klijent u għal kull rapport ta' tranżazzjoni. Meta ARM jikkanċella jew jemenda rapport ta' tranżazzjoni fuq talba ta' klijent, huwa għandu jipprovdi rapport ta' tranżazzjoni aġġornat lill-klijent.
6. Meta ARM, qabel jippreżenta rapport ta' tranżazzjoni, jidentifika żball jew ommissjoni kkawżati minn klijent, huwa ma għandux jippreżenta dak ir-rapport ta' tranżazzjoni u għandu jinnotifika d-ditta tal-investiment dwar id-dettalji tal-iżball jew tal-omissjoni biex jiffaċilita lill-klijent li jippreżenta sett ikkoreġut ta' informazzjoni.
7. Meta ARM isir konxju ta' żbalji jew ommissjonijiet ikkawżati mill-ARM innifsu, huwa għandu jippreżenta immedjatament rapport korrett u komplut.
8. ARM għandu jinnotifka lill-klijent dwar id-dettalji tal-iżball jew tal-ommissjoni u jipprovdi rapport ta' tranżazzjoni aġġornat lill-klijent. ARM għandu wkoll jinnotifka immedjatament lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tiegħu u lill-awtorità kompetenti li l-ARM irrapporta r-rapport ta' tranżazzjoni lilha dwar l-iżball jew l-omissjoni.
9. Ir-rekwiżit li jiġu kkoreġuti jew ikkanċellati rapporti ta' tranżazzjoni żbaljati jew jiġu rrapportati tranżazzjonijiet maqbuża ma għandux jestendi għal żbalji jew omissjonijiet li jokkorru aktar minn ħames snin qabel id-data meta l-ARM sar konxju dwar tali żbalji jew omissjonijiet.
Artikolu 12
Konnettività tal-ARMs
1. ARM għandu jkollu fis-seħħ politiki, arranġamenti u kapaċitajiet tekniċi biex jikkonforma mal-ispeċifikazzjoni teknika għall-preżentazzjoni ta' rapporti ta' tranżazzjoni rikjesti mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti u mill-awtoritajiet kompetenti l-oħra li l-ARM jibgħat rapporti ta' tranżazzjoni lihom.
2. ARM għandu jkollu fis-seħħ politiki, arranġamenti u kapaċitajiet tekniċi biex jirċievi rapporti ta' tranżazzjoni minn klijenti u biex jittrażmetti informazzjoni lura lill-klijenti tiegħu. L-ARM għandu jipprovdi lill-klijenti b'kopja tar-rapport ta' tranżazzjoni li l-ARM ippreżenta lill-awtorità kompetenti f'isem il-klijent.
Artikolu 13
Servizzi oħra pprovduti minn CTPs
1. CTP jista' jipprovdi s-servizzi addizzjonali li ġejjin:
(a) provvediment ta' dejta ta' trasparenza ta' qabel in-negozju;
(b) provvediment ta' dejta storika;
(c) provvediment ta' dejta ta' referenza;
(d) provvediment ta' riċerka;
(e) proċessar, distribuzzjoni u marketing ta' dejta u statistiki dwar strumenti finanzjarji, ċentri tan-negozjar, u dejta oħra relatata mas-suq;
(f) diżinn, maniġment, manutenzjoni u marketing ta' softwer, ħardwer u netwerks fir-rigward tat-trażmissjoni tad-dejta u tal-informazzjoni.
2. CTP jista' jwettaq servizzi barra minn dawk speċifikati skont il-paragrafu 1 li jżidu l-effiċjenza tas-suq, sakemm tali servizzi ma joħolqu ebda riskju li jaffettwa l-kwalità tat-tejp ikkonsolidat jew l-indipendenza tas-CTP li ma jistax jiġi prevenut jew mitigat b'mod adegwat.
KAPITOLU III
ARRANĠAMENTI TA' PUBBLIKAZZJONI
(Artikoli 64(1), 64(2) u 65(1) tad-Direttiva 2014/65/UE)
Artikolu 14
Kapaċità tal-qari tal-magni
1. L-APAs u s-CTPs għandhom jippubblikaw l-informazzjoni li għandha tiġi ppubblikata skont l-Artikoli 64(1) u 65(1) tad-Direttiva 2014/65/UE b'mod li jinqara mill-magni.
2. Is-CTPs għandhom jippubblikaw l-informazzjoni li għandha ssir skont l-Artikolu 65(2) tad-Direttiva 2014/65/UE b'mod li jinqara mill-magni.
3. L-informazzjoni għandha tiġi kkunsidrata ppubblikata b'mod li jinqara mill-magni biss meta jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a) tkun f'format elettroniku mfassal li jinqara direttament u awtomatikament minn kompjuter;
(b) tkun maħżuna f'arkitettura tal-IT adegwata skont l-Artikolu 8(7) li jippermetti aċċess awtomatiku;
(c) tkun robusta biżżejjed biex tiżgura kontinwità u regolarità fil-prestazzjoni tas-servizzi pprovduti u tiżgura aċċess adegwat f'termini ta' veloċità;
(d) tista' tiġi aċċessata, moqrija, użata u kkopjata minn softwer tal-kompjuter li jkun bla ħlas u disponibbli għall-pubbliku.
Għall-finijiet tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, il-format elettroniku għandu jiġi speċifikat skont standards bla ħlas, nonproprjetarji u miftuħa.
4. Għall-finijiet tal-paragrafu 3(a), il-format elettroniku għandu jinkludi t-tip ta' fajls jew messaġġi, ir-regoli biex dawn jiġu identifikati, u l-isem u t-tip ta' dejta tal-attributi li jkun fihom.
5. L-APAs u s-CTPs għandhom:
(a) jagħtu struzzjonijiet disponibbli lill-pubbliku, filwaqt li jispjegaw kif u fejn wieħed jista' jaċċessa u juża d-dejta faċilment, inkluż l-identifikazzjoni tal-format elettroniku;
(b) jippubblikaw kull bidla fl-istruzzjonijiet imsemmija fil-punt (a) tal-anqas tliet xhur qabel ma tidħol fis-seħħ, sakemm ma jkunx hemm ħtieġa urġenti u ġustifikata b'mod xieraq biex bidliet fl-istruzzjonijiet jieħdu effett aktar malajr;
(c) tinkludi rabta mal-istruzzjonijiet imsemmija fil-punt (a) fil-homepage tas-sit web tagħhom.
Artikolu 15
Kamp ta' applikazzjoni tat-tejp ikkonsolidat għal ishma, riċevuti depożitorji, ETFs, ċertifikati u strumenti finanzjarji simili oħra
1. CTP għandu jinkludi fid-data stream elettronika tiegħu dejta li ssir pubblika skont l-Artikoli 6 u 20 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 relatata mal-istrumenti finanzjarji kollha msemmija f'dawk l-Artikoli.
2. Meta APA ġdid jew ċentru tan-negozjar ġdid jibda jopera, CTP għandu jinkludi mill-aktar fis id-dejta ppubblikata minn dak l-APA jew ċentru tan-negozjar fid-data stream elettronika tat-tejp ikkonsolidat tagħha, u f'kull każ mhux aktar tard minn sitt xhur wara l-bidu tal-operazzjonijiet tal-APA jew taċ-ċentru tan-negozjar.
Artikolu 15a
Il-kamp ta' applikazzjoni tat-tejp ikkonsolidat għall-bonds, għall-prodotti finanzjarji strutturati, għall-kwoti tal-emissjonijiet u għad-derivattivi
1. CTP għandu jinkludi fl-istream tad-dejta elettronika tiegħu d-dejta ta' klassi waħda jew aktar minn dawn il-klassijiet ta' assi li ġejjin:
(a) bonds, ħlief komoditajiet innegozjati fil-borża (ETCs) u noti nnegozjati fil-borża (ETNs);
(b) Tipi ta' bonds ETC u ETN;
(c) prodotti finanzjarji strutturati;
(d) derivattivi titolizzati;
(e) derivattivi tar-rati tal-imgħax;
(f) derivattivi tal-kambju;
(g) derivattivi tal-ekwità;
(h) derivattivi tal-komoditajiet;
(i) derivattivi tal-kreditu;
(j) kuntratti għad-differenza;
(k) Derivattivi C10;
(l) Derivattivi tal-kwoti tal-emissjonijiet;
(m) kwoti tal-emissjonijiet.
2. CTP għandu jinkludi fl-istream tad-dejta elettronika tiegħu d-dejta li saret pubblika skont l-Artikoli 10 u 21 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 li jissodisfaw dawn iż-żewġ proporzjonijiet ta' kopertura:
(a) l-għadd ta' tranżazzjonijiet ippubblikati minn CTP fi klassi ta' assi elenkata fil-paragrafu 1 jirrappreżenta mill-inqas 80 % tal-għadd totali ta' tranżazzjonijiet fil-klassi relevanti ta' assi ppubblikata fl-Unjoni mill-APAs kollha u miċ-ċentri ta' negozjar kollha matul il-perjodu ta' valutazzjoni msemmi fil-paragrafu 3;
(b) il-volum ta' tranżazzjonijiet ippubblikati minn CTP fi klassi ta' assi elenkata fil-paragrafu 1 jirrappreżenta mill-inqas 80 % tal-volum totali ta' tranżazzjonijiet fil-klassi relevanti ta' assi ppubblikata fl-Unjoni mill-APAs kollha u miċ-ċentri ta' negozjar kollha matul il-perjodu ta' valutazzjoni msemmi fil-paragrafu 3.
Għall-finijiet tal-punt (b), il-volum tat-tranżazzjonijiet għandhom jiġu ddeterminati skont il-kejl tal-volum speċifikat fit-Tabella 4 tal-Anness II mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/583 ( 3 ).
3. CTP għandu jivvaluta l-proporzjonijiet ta' kopertura stabbiliti fil-paragrafu 2 kull sitt xhur, abbażi ta' dejta li tkopri fis-6 xhur ta' qabel. Il-perjodi tal-valutazzjoni għandhom jibdew fl-1 ta' Jannar u fl-1 ta' Lulju ta' kull sena. L-ewwel perjodu għandu jkopri l-ewwel sitt xhur tas-sena 2019.
4. CTP għandu jiżgura li jilħaq il-proporzjonijiet minimi ta' kopertura stabbiliti fil-paragrafu 2 mill-aktar fis possibbli, u f'kwalunkwe każ mhux aktar tard minn:
(a) il-31 ta' Jannar tas-sena kalendarja wara l-perjodu li jkopri mill-1 ta' Jannar sat-30 ta' Ġunju;
(b) il-31 ta' Lulju tas-sena kalendarja wara l-perjodu li jkopri mill-1 ta' Lulju sal-31 ta' Diċembru.
Artikolu 16
Identifikazzjoni ta' rapporti tan-negozju oriġinali u duplikattivi f'ishma, riċevuti depożitarji, ETFs, ċertifikati u strumenti finanzjarji simili oħra
1. Meta APA jippubblika rapport ta' negozju li jkun duplikat, huwa għandu jinserixxi l-kodiċi “DUPL” fil-parti ta' reprint biex jippermetti lir-riċevituri tad-dejta jagħmlu differenza bejn ir-rapport ta' negozju oriġinali u xi duplikat ta' dak ir-rapport.
2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, APA għandu jirrikjedi li kull ditta tal-investiment tikkonforma ma' waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin:
(a) li tiċċertifika li tirrapporta biss tranżazzjonijiet fi strument finanzjarju partikolari permezz ta' dak l-APA;
(b) li tuża mekkaniżmu ta' identifikazzjoni li jimmarka rapport wieħed bħala l-oriġinali (“ORGN”), u lir-rapporti l-oħra kollha tal-istess tranżazzjoni bħala duplikati (“DUPL”).
Artikolu 17
Pubblikazzjoni ta' rapporti oriġinali f'ishma, riċevuti depożitarji, ETFs, ċertifikati u strumenti finanzarji simli
CTP ma għandux jikkonsolida rapporti ta' negozju bil-kodiċi “DUPL” fil-parti tar-reprint.
Artikolu 18
Dettalji li għandhom jiġu ppubblikati mill-APA
1. APA għandu jippubblika:
(a) għal tranżazzjonijiet eżegwiti fir-rigward ta' ishma, riċevuti depożitarji, fondi negozjati fil-borża (ETFs), ċertifikati u strumenti finanzjarji simili, id-dettalji ta' tranżazzjoni speċifikati fit-Tabella 2 tal-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2017/587 u, juża l-marki adegwati elenkati fit-Tabella 3 tal-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2017/587;
(b) għal tranżazzjonijiet eżegwiti fir-rigward ta' bonds, prodotti finanzjarji strutturati, kwoti tal-emissjonijiet u derivattivi, id-dettalji ta' tranżazzjoni speċifikati fit-Tabella 1 tal-Anness II tar-Regolament Delegat (UE) 2017/583 u jużaw il-marki adegwati elenkati fit-Tabella 2 tal-Anness II tar-Regolament Delegat (UE) 2017/583.
2. Meta jippubblika l-informazzjoni dwar meta ġiet rapportata t-tranżazzjoni, APA għandu jinkludi d-data u l-ħin, sa kull sekonda, ta' meta jippubblika t-tranżazzjoni.
3. Permezz ta' deroga mill-paragrafu 2, APA li jippubblika informazzjoni rigward tranżazzjoni eżegwita f'sistema elettronika għandu jinkludi d-data u l-ħin, sa kull millisekonda, tal-pubblikazzjoni ta' dik it-tranżazzjoni fir-rapport ta' negozju tiegħu.
4. Għall-finijiet tal-paragrafu 3, “sistema elettronika” tfisser sistema fejn l-ordnijiet huma negozjabbli elettronikament jew fejn l-ordnijiet huma negozjabbli barra mis-sistema sakemm jiġu reklamati permezz tas-sistema msemmija.
5. Il-kronogrammi msemmija fil-paragrafi 2 u 3 ma għandhomx, rispettivament, jitbiegħdu b'aktar minn sekonda jew millisekonda mill-Ħin Universali Koordinat (UTC) maħruġ u mantnut minn wieħed miċ-ċentri tal-kronometraġġ elenkati fl-aħħar Rapport Annwali dwar Attivitajiet tal-Ħin tal-Bureau International des Poids et Mesures (BIPM).
Artikolu 19
Nondiskriminazzjoni
APAs u CTPs għandhom jiżguraw li l-informazzjoni li għandha titqiegħed għall-pubbliku tintbagħat permezz tal-kanali ta' distribuzzjoni kollha fl-istess ħin, inkluż meta l-informazzjoni titqiegħed għall-pubbliku teknikament kemm jista' jkun qrib tal-ħin reali jew 15-il minuta wara l-ewwel pubblikazzjoni.
Artikolu 20
Dettalji li għandhom jiġu ppubblikati mis-CTP
CTP għandu jippubblika:
(a) għal tranżazzjonijiet eżegwiti fir-rigward ta' ishma, riċevuti depożitorji, ETFs, ċertifikati u strumenti finanzjarji simili oħra, id-dettalji ta' tranżazzjoni speċifikati fit-Tabella 2 tal-Anness I tar-Regolament Delegat ((UE) 2017/587 u juża l-marki adegwati elenkati fit-Tabella 3 tal-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2017/587;
(b) għal tranżazzjonijiet eżegwiti fir-rigward ta' bonds, prodotti finanzjarji strutturati, kwoti tal-emissjonijiet u derivattivi, id-dettalji ta' tranżazzjoni speċifikata fit-Tabella 1 tal-Anness II tar-Regolament Delegat (UE) 2017/583 u juża l-marki adegwati elenkati fit-Tabella 2 tal-Anness II tar-Regolament Delegat (UE) 2017/583.
Artikolu 21
Id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa għandu japplika mit-3 ta' Jannar 2018.
Madankollu, l-Artikolu 15a(4) għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2019 u l-Artikoli 14(2), 15(1), (2) u (3), u 20(b) għandhom japplikaw mit-3 ta' Settembru 2019.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
( 1 ) Id-Direttiva 2013/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Awwissu 2013 dwar attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/222/ĠAI (ĠU L 218, 14.8.2013, p. 8),
( 2 ) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/590 tat-28 ta' Lulju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għar-rapportar ta' tranżazzjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti (ara l-paġna 449 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).
( 3 ) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/583 tal-14 ta' Lulju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar rekwiżiti ta' trasparenza għal ċentri tan-negozjar u ditti ta' investiment fir-rigward tal-bonds, il-prodotti finanzjarji strutturati, il-kwoti ta' emissjonijiet u d-derivattivi (ĠU L 87, 31.3.2017, p. 229).