|
11.1.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 6/11 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/28
tal-10 ta’ Jannar 2022
dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza interim b’rabta mad-deni Afrikan tal-ħnieżer fl-Italja
(notifikata bid-dokument C(2022)157)
(Il-verżjoni bil-lingwa Taljana biss hija awtentika)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 259(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Id-deni Afrikan tal-ħnieżer huwa marda virali infettiva li taffettwa l-annimali porċini miżmuma u selvaġġi u jista’ jkollu impatt qawwi fuq il-popolazzjoni tal-annimali kkonċernata u l-profittabbiltà tat-trobbija tal-annimali, u b’hekk jikkawża tfixkil għall-movimenti ta’ kunsinni ta’ dawk l-annimali u għall-prodotti tagħhom fl-Unjoni u għall-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi. |
|
(2) |
Fil-każ ta’ tifqigħa tad-deni Afrikan tal-ħnieżer f’annimali porċini selvaġġi jkun hemm riskju serju li din il-marda tinxtered fuq annimali porċini selvaġġi oħra u f’azjendi li jżommu l-annimali porċini. |
|
(3) |
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 (2) jissupplimenta r-regoli għall-kontroll tal-mard elenkat imsemmi fl-Artikolu 9(1)(a), (b) u (c) tar-Regolament (UE) 2016/429, u ddefinit bħala mard tal-kategoriji A, B u C fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 (3). B’mod partikolari l-Artikoli 63 sa 66 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 jipprevedu ċerti miżuri li jridu jittieħdu fil-każ ta’ konferma uffiċjali tat-tifqigħa ta’ marda tal-kategorija A f’annimali selvaġġi, inkluż id-deni Afrikan tal-ħnieżer f’annimali porċini selvaġġi. B’mod notevoli, dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu l-istabbiliment ta’ żona infettata u projbizzjonijiet fuq il-moviment tal-annimali selvaġġi tal-ispeċi elenkata u l-prodotti li joriġinaw minn dawn l-annimali. |
|
(4) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/605 (4) jistipula miżuri speċjali għall-kontroll tal-mard fir-rigward tad-deni Afrikan tal-ħnieżer. B’mod partikolari, fil-każ tat-tifqigħa ta’ din il-marda f’annimali porċini selvaġġi f’żona ta’ Stat Membru, l-Artikolu 3(b) ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jipprevedi l-istabbiliment ta’ żona infettata f’konformità mal-Artikolu 63 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687. Minbarra dan, l-Artikolu 6 ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jipprevedi li dik iż-żona trid tiġi elenkata bħala żona ristretta II fil-Parti II tal-Anness I tiegħu u li ż-żona infettata, stabbilita f’konformità mal-Artikolu 63 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687, tiġi aġġustata mingħajr dewmien biex tinkludi mill-inqas iż-żona ristretta II. Il-miżuri ta’ kontroll speċjali għad-deni Afrikan tal-ħnieżer stipulati fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/605 jinkludu, fost l-oħrajn, projbizzjonijiet fuq il-moviment tal-kunsinni ta’ annimali porċini miżmuma fiż-żoni ristretti II u l-prodotti minnhom barra dawn iż-żoni ristretti. |
|
(5) |
L-Italja informat lill-Kummissjoni bis-sitwazzjoni attwali tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fit-territorju tagħha, wara li din il-marda faqqgħet f’annimali porċini selvaġġi fir-reġjun ta’ Piemonte, b’konferma fis-6 ta’ Jannar 2022. Għaldaqstant, l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru hija meħtieġa tistabbilixxi żona infettata f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 u mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/605. |
|
(6) |
Sabiex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil bla bżonn fil-kummerċ fl-Unjoni u sabiex tiġi evitata l-impożizzjoni ta’ ostakoli mhux ġustifikati għall-kummerċ minn pajjiżi terzi, jeħtieġ li fil-livell tal-Unjoni tiġi identifikata ż-żona infettata għad-deni Afrikan tal-ħnieżer fl-Italja f’kollaborazzjoni ma’ dak l-Istat Membru. |
|
(7) |
Biex jiġi evitat aktar tixrid tad-deni Afrikan tal-ħnieżer, waqt li ż-żona tal-Italja milquta mit-tifqigħa reċenti tkun elenkata bħala żona ristretta II fil-Parti II tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/605, il-miżuri ta’ kontroll speċjali għad-deni Afrikan tal-ħnieżer stipulati fih, li japplikaw għall-moviment tal-kunsinni ta’ annimali porċini miżmuma f’żoni ristretti II u l-prodotti minnhom barra dawn iż-żoni, għandhom japplikaw ukoll għall-movimenti ta’ dawn il-kunsinni miż-żona infettata stabbilita fl-Italja wara t-tifqigħa reċenti, minbarra l-miżuri stipulati fl-Artikoli 63 sa 66 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687. |
|
(8) |
Għalhekk, iż-żona infettata għandha tkun elenkata fl-Anness ta’ dan id-Deċiżjoni u għandha tkun soġġetta għall-miżuri ta’ kontroll speċjali għad-deni Afrikan tal-ħnieżer li japplikaw għaż-żoni ristretti II stipulati fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/605. Madankollu, minħabba din is-sitwazzjoni epidemjoloġika ġdida tad-deni Afrikan tal-ħnieżer u b’kont meħud taż-żieda fir-riskju immedjat li din il-marda tkompli tinxtered, il-movimenti tal-kunsinni ta’ annimali porċini miżmuma u l-prodotti minnhom lejn Stati Membri oħra u lejn pajjiżi terzi miż-żona infettata ma għandhomx ikunu awtorizzati f’konformità ma’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni. Din id-Deċiżjoni għandha tistabbilixxi wkoll id-durata ta’ kemm din iż-żona għandha tibqa’ elenkata. |
|
(9) |
Għaldaqstant, għall-mitigazzjoni tar-riskji li jirriżultaw mit-tifqigħa reċenti tad-deni Afrikan tal-ħnieżer f’annimali porċini selvaġġi fl-Italja, il-movimenti tal-kunsinni ta’ annimali porċini miżmuma fiż-żona infettata u l-prodotti minnhom lejn Stati Membri oħra u pajjiżi terzi ma għandhomx ikunu awtorizzati mill-Italja sad-data tal-iskadenza ta’ din id-Deċiżjoni. |
|
(10) |
Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-Unjoni fir-rigward tat-tixrid tad-deni Afrikan tal-ħnieżer, huwa importanti li l-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni japplikaw malajr kemm jista’ jkun. |
|
(11) |
Konsegwentement, sakemm il-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf jagħti l-opinjoni tiegħu, iż-żona infettata fl-Italja għandha tiġi stabbilita minnufih u tiġi elenkata fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni u tiġi ffissata d-durata tal-elenkar. |
|
(12) |
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi rieżaminata fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Italja għandha tiżgura li l-awtorità kompetenti tagħha tistabbilixxi immedjatament żona infettata għad-deni Afrikan tal-ħnieżer f’konformità mal-Artikolu 63 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 u mal-Artikolu 3(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/605, u li tkun tinkludi mill-inqas iż-żoni elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
L-Italja għandha tiżgura li l-miżuri ta’ kontroll speċjali għad-deni Afrikan tal-ħnieżer applikabbli għaż-żoni ristretti II stipulati fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/605 japplikaw fiż-żoni elenkati bħala żona infettata fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, flimkien mal-miżuri stipulati fl-Artikoli 63 sa 66 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687.
Artikolu 3
L-Italja għandha tiżgura li l-kunsinni ta’ annimali porċini miżmuma fiż-żoni elenkati bħala żona infettata fl-Anness u l-prodotti minnhom ma jiġux awtorizzati għall-movimenti lejn Stati Membri oħra u lejn pajjiżi terzi.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sas-7 ta’ April 2022.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Italja.
Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Jannar 2022.
Għall-Kummissjoni
Stella KYRIAKIDES
Membru tal-Kummissjoni
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard elenkat (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 64).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 tat-3 ta’ Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għal kategoriji ta’ mard elenkat u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet u gruppi ta’ speċijiet li jippreżentaw riskju konsiderevoli għat-tixrid ta’ dak il-mard elenkat (ĠU L 308, 4.12.2018, p. 21).
(4) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/605 tas-7 ta’ April 2021 li jistabbilixxi miżuri ta’ kontroll speċjali għad-deni Afrikan tal-ħnieżer (ĠU L 129, 15.4.2021, p. 1).
ANNESS
|
Iż-żoni stabbiliti bħala żona infettata fl-Italja kif imsemmija fl-Artikolu 1 |
Data sa meta huma applikabbli |
|
Iż-żona li taffettwa r-reġjun ta’ Piemonte tinkludi l-muniċipalitajiet li ġejjin fil-provinċja ta’ Alessandria: Montaldeo, Molare, Parodi Ligure, Cremolino, Gavi, Cassinelle, Cartosio, Acqui Terme, Arquata Scrivia, Bosio, Castelletto D’Orba, Morbello, Silvano D’Orba, Rocca Grimalda, San Cristoforo, Carpeneto, Visone, Voltaggio, Tagliolo Monferrato, Trisobbio, Strevi, Grognardo, Cavatore, Prasco, Ponzone, Lerma, Fraconalto, Morsasco, Montaldo, Bormida, Melazzo, Mornese, Orsara Bormida, Ovada, Casaleggio Boiro, Belforte, Monferrato, Carrosio, Mongiardino Ligure (8,72743143861598 - 44,66586866952670 8,59096726302438 - 44,57435395353490 8,75896336772026 - 44,67223782936240 8,57568502491472 - 44,63214498530620 8,81478031361033 - 44,68806247709180 8,55652874515147 - 44,57812296857710 8,42328778652507 - 44,59475249111450 8,46360750191520 - 44,68011546896980 8,88874777891277 - 44,67031750803820 8,78397023610347 - 44,57487653499660 8,70849659300505 - 44,68822313714590 8,52095609681052 - 44,59574712770110 8,67847355085801 - 44,67598286220460 8,64417289489248 - 44,68543047716730 8,74631123216426 - 44,69512008136360 8,61562007223858 - 44,69190602382560 8,50824775878796 - 44,65464001092950 8,84535265104008 - 44,60267033001400 8,69624966113450 - 44,61254452732950 8,58674249319950 - 44,65976966415050 8,52072973753048 - 44,69823396728840 8,49447544395196 - 44,62722764850570 8,45727278876742 - 44,63089265969160 8,53922967163181 - 44,64350156328750 8,49367163633172 - 44,55338822789150 8,71846974527489 - 44,62638068750350 8,89386001136932 - 44,58440010916580 8,54911684802305 - 44,66663867866640 8,59226750751732 - 44,69638794728860 8,42129291950308 - 44,63969537998470 8,75930326899722 - 44,62691881543910 8,56473539819401 - 44,68789339467210 8,63740139277921 - 44,62434812841120 8,74075623908678 - 44,61246848769640 8,67002201159106 - 44,60550700085100 8,83736482027039 - 44,65619000581520 9,07255271598525 - 44,64185166864540) Iż-żona li taffettwa r-reġjun tal-Liguria tinkludi l-muniċipalitajiet li ġejjin fil-provinċji ta’ Genova u Savona: Genova, Masone, Campo Ligure, Mignanego, Rossiglione, Tiglieto, Ceranesi, Ronco Scrivia, Isola Del Cantone, Mele, Arenzano, Cogoleto, Campomorone, Busalla, Serra Riccò, Casella, Vobbia, Sant'Olcese, Savignone, Crocefieschi (8,89334755666611 - 44,44190547215230 8,72187072459182 - 44,50202491949630 8,71098122547952 - 44,53265041525070 8,92005141205065 - 44,54376466069300 8,66319545541929 - 44,55618355383190 8,62116724861755 - 44,51375313303110 8,84168896064697 - 44,50558661644810 8,94455916421254 - 44,60591625352020 8,96292020330127 - 44,64550266645310 8,74668355712525 - 44,47140693595360 8,66736813999132 - 44,42141788217480 8,62185559483775 - 44,40833401227560 8,86276300281878 - 44,53751326563280 8,97012668135178 - 44,58419241630730 8,94661631372455 - 44,51422708949270 8,99713109929649 - 44,53346779043700 9,06161049957354 - 44,60168741199910 8,96002195224501 - 44,48295317055980 8,98918970809976 - 44,55703078598340 9,02466149981014 - 44,58527677522000) Provinċja ta’ Savona: Celle Ligure, Sassello, Urbe, Varazze Stella (8,53655461135511 - 44,35287070993200 8,53174317384035 - 44,46875575698000 8,62192644453145 - 44,48230207013960 8,56797081202658 - 44,39381081934480 8,49665184874500 - 44,40170929565530) |
is-7 ta’ April 2022 |