31.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 93/88


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/712

tat-30 ta’ Marzu 2023

li jagħti bidu għal rieżami ta’ “esportatur ġdid” tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2230 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ aċidu triklorojsoċjanuriku li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal produttur esportatur Ċiniż wieħed, li jħassar id-dazju fir-rigward tal-importazzjonijiet minn dak il-produttur esportatur u li jagħmel dawn l-importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikoli 11(4) u 14(5) tiegħu,

Wara li infurmat lill-Istati Membri,

Billi:

1.   TALBA

(1)

Fit-30 ta’ Settembru 2022, il-Kummissjoni rċeviet talba għal rieżami ta’ “esportatur ġdid” skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku. It-talba ġiet aġġornata fit-28 ta’ Frar 2023.

(2)

It-talba saret minn Hebei Xingfei Chemical Co., Ltd. (“l-applikant”), produttur esportatur tal-aċidu triklorojsoċjanuriku fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ”).

2.   PRODOTT TAĦT RIEŻAMI

(3)

Il-prodott ikkonċernat huwa l-aċidu triklorojsoċjanuriku u l-preparati tiegħu, magħruf ukoll bħala “simklożen” skont id-denominazzjoni internazzjonali komuni (INN, international non-proprietary name), li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM ex 2933 69 80 u ex 3808 94 20 (il-kodiċijiet TARIC 2933698070, 3808942020).

(4)

L-aċidu triklorojsoċjanuriku (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “TCCA”) huwa prodott kimiku użat bħala bleacher u diżinfettant b’azzjoni mifruxa abbażi tal-kloru organiku. Jinbiegħ f’forma ta’ trab, granuli, tablets jew ċippijiet.

3.   MIŻURI EŻISTENTI

(5)

Il-miżuri fis-seħħ bħalissa huma dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1631/2005 (2) u estiż bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2230 (3). Il-livell tad-dazji jvarja minn 3,2 % sa 42,6 % għall-produtturi esportaturi Ċiniżi.

(6)

Fil-5 ta’ Diċembru 2022, il-Kummissjoni tat bidu għal investigazzjoni tar-rieżami ta’ skadenza tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet tal-aċidu triklorojsoċjanuriku li joriġinaw mir-RPĊ, b’segwitu għal talba għal rieżami skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku (4).

4.   RAĠUNIJIET GĦAR-RIEŻAMIJIET

(7)

L-applikant ipprovda biżżejjed evidenza li ma esportax il-prodott taħt rieżami lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni li fuqu kienu bbażati l-miżuri anti-dumping (mill-1 ta’ April 2003 sal-31 ta’ Marzu 2004).

(8)

L-applikant ipprovda biżżejjed evidenza li ma huwa relatat mal-ebda produttur esportatur tal-prodott taħt rieżami li huma soġġetti għad-dazji anti-dumping fis-seħħ.

(9)

Fl-aħħar nett, l-applikant ipprovda biżżejjed evidenza li beda jesporta l-prodott taħt rieżami lejn l-Unjoni wara tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni li fuqu kienu bbażati l-miżuri anti-dumping.

5.   PROĊEDURA

5.1.   Bidu

(10)

Il-Kummissjoni eżaminat l-evidenza disponibbli u kkonkludiet li hemm biżżejjed evidenza li tiġġustifika l-bidu ta’ rieżami ta’ “esportatur ġdid” skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku, bl-għan li tiġi determinata marġni individwali ta’ dumping għall-applikant. Fl-eventwalità li jiġi kkonstatat dumping, il-Kummissjoni tiddetermina l-livell tad-dazju li jenħtieġ ikunu soġġetti għalih l-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami prodott mill-applikant.

(11)

F’konformità mal-Artikoli 11(3) u 11(4) tar-Regolament bażiku, il-valur normali għall-applikant għandu jiġi determinat skont il-metodoloġija stipulata fl-Artikolu 2(1) sa (6a) tar-Regolament bażiku, peress li l-aħħar rieżami tal-iskadenza tal-miżuri ngħata bidu wara l-20 ta’ Diċembru 2017.

(12)

Fit-28 ta’ Frar 2023, il-produtturi tal-Unjoni li kien magħruf li huma kkonċernati ġew mgħarrfa bit-talba għal rieżami u ngħataw l-opportunità biex jikkummentaw sat-8 ta’ Marzu 2023.

(13)

Il-Kummissjoni tiġbed ukoll l-attenzjoni tal-partijiet li wara t-tifqigħa tal-COVID-19 ġiet ippubblikata Notifika (5) dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq l-investigazzjonijiet anti-dumping u antisussidji li jistgħu jkunu applikabbli għal dan il-proċediment.

5.2.   It-tħassir tal-miżuri eżistenti u r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet

(14)

Skont Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku, jenħtieġ li jitħassar id-dazju anti-dumping fis-seħħ fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami prodott mill-applikant. Fl-istess waqt, jenħtieġ li tali importazzjonijiet isiru soġġetti għar-reġistrazzjoni f’konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, sabiex jiġi żgurat li d-dazji anti-dumping ikunu jistgħu jiġu imposti mid-data tar-reġistrazzjoni ta’ dawn l-importazzjonijiet fl-eventwalità li r-rieżami jikkonkludi b’konstatazzjoni ta’ dumping fir-rigward tal-applikant. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li mhuwiex possibbli, f’dan l-istadju, li tingħata stima affidabbli tal-ammont ta’ obbligazzjoni possibbli fil-ġejjieni, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku. Fl-eventwalità li t-talba tiġi rtirata u r-rieżami jiġi tterminat, l-ammont tal-obbligazzjoni għall-importazzjonijiet irreġistrati jibqa’ bbażat fuq ir-rata tad-dazju anti-dumping stabbilita mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2230 għall-“produtturi esportaturi l-oħrajn kollha”, jiġifieri 42,6 %.

5.3.   Il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami

(15)

L-investigazzjoni se tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2021 sat-30 ta’ Settembru 2022 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami”). Madankollu, il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li teżamina wkoll jekk sarux tranżazzjonijiet f’perjodu sussegwenti, u tista’ temenda l-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami kif xieraq fid-dawl tal-konstatazzjonijiet tal-investigazzjoni.

5.4.   L-investigazzjoni tal-applikant

(16)

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni poġġiet għad-dispożizzjoni tal-applikant kwestjonarju fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2662. L-applikant irid jippreżenta l-kwestjonarju mimli fil-limitu taż-żmien speċifikat fl-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-Regolament.

5.5.   Preżentazzjonijiet oħrajn bil-miktub

(17)

Soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jesprimu l-fehmiet tagħhom, jippreżentaw informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fil-limitu ta’ żmien speċifikat fl-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-Regolament.

5.6.   Possibbiltà ta’ seduta ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

(18)

Il-partijiet interessati kollha jistgħu jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni fil-limiti ta’ żmien speċifikati fl-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-Regolament. Kull talba għal seduta ta’ smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti ta’ smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Wara dan, it-talba għal seduta ta’ smigħ trid titressaq fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

5.7.   Struzzjonijiet għat-tfassil ta’ preżentazzjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji kompluti u l-korrispondenza

(19)

L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini ta’ investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Qabel ma jippreżentaw informazzjoni u/jew data lill-Kummissjoni soġġetta għad-drittijiet tal-awtur ta’ parti terza, il-partijiet interessati jridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jippermetti b’mod espliċitu li l-Kummissjoni a) tuża l-informazzjoni u d-data għall-fini ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u b) tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

(20)

Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, fosthom l-informazzjoni mitluba f’dan ir-Regolament, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom jiġu mmarkati bħala “Sensitive” (Sensittivi) (6). Il-partijiet interessati li jippreżentaw informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġunijiet għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.

(21)

Il-partijiet li jipprovdu informazzjoni “Sensitive” huma mitluba jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li jiġu mmarkati “For inspection by interested parties” (Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati). Jenħtieġ li dawn it-taqsiriet ikunu dettaljati biżżejjed biex is-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata kunfidenzjalment tkun tista’ tinftiehem b’mod raġonevoli.

(22)

Jekk parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġunijiet ġusti għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tfassalx sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u tal-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.

(23)

Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ TRON.tdi (https://webgate.ec.europa.eu/tron/TDI) inklużi dokumenti skennjati ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni.

(24)

Sabiex ikollhom aċċess għal TRON.tdi, il-partijiet interessati jrid ikollhom kont tal-EU Login. L-istruzzjonijiet kollha dwar kif wieħed għandu jirreġistra u juża TRON.tdi huma disponibbli hawn https://webgate.ec.europa.eu/tron/resources/documents/gettingStarted.pdf

(25)

Permezz ta’ TRON.tdi jew il-posta elettronika, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għall-preżentazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F’KAŻIJIET TA’ DIFIŻA TAL-KUMMERĊ” ippubblikat fuq is-sit elettroniku tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: https://europa.eu/!7tHpY3

(26)

Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefon u indirizz validu tal-posta elettronika u jenħtieġ li jiżguraw li l-indirizz tal-posta elettronika li jagħtu jkun indirizz kummerċjali uffiċjali tal-posta elettronika li jiffunzjona u li jiġi ċċekkjat kuljum. Ladarba jiġu pprovduti d-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz ta’ TRON.tdi jew tal-posta elettronika biss, sakemm ma jitolbux espliċitament li jirċievu d-dokumenti kollha mingħand il-Kummissjoni b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal regoli u għal informazzjoni ulterjuri dwar korrispondenza mal-Kummissjoni, inklużi l-prinċipji li japplikaw għall-preżentazzjonijiet permezz ta’ TRON.tdi u bil-posta elettronika, jenħtieġ li l-partijiet interessati jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate G

Office: CHAR 04/039

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

TRON.tdi: https://webgate.ec.europa.eu/tron/tdi

Posta elettronika: TRADE-R794-TCCA@ec.europa.eu

6.   NONKOOPERAZZJONI

(27)

Jekk xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fil-limiti ta’ żmien stipulati, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, il-konstatazzjonijiet, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru fuq il-bażi tal-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

(28)

Jekk jinstab li xi parti interessata tkun ipprovdiet informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni għandha tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

(29)

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u għalhekk il-konstatazzjonijiet ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

7.   UFFIĊJAL TAS-SEDUTA

(30)

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta għall-proċedimenti tal-kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrieżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim fir-rigward tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u kwalunkwe talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u tal-partijiet terzi li jaf tfeġġ matul il-proċediment.

(31)

L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduti ta’ smigħ u jagħmilha ta’ medjatur bejn il-parti(jiet) interessata/i u s-servizzi tal-Kummissjoni sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qegħdin jiġu eżerċitati bis-sħiħ. Jenħtieġ li talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta ssir bil-miktub u tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Jenħtieġ li dawn is-seduti ta’ smigħ isiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mas-servizzi tal-Kummissjoni fi żmien debitu.

(32)

Kwalunkwe talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u f’qasir żmien sabiex ma xxekkilx l-andament tajjeb tal-proċedimenti. Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-partijiet interessati jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta minn kmieni kemm jista’ jkun wara li jseħħ l-avveniment li jiġġustifika tali intervent. Meta t-talbiet għal seduti ta’ smigħ jiġu ppreżentati barra mill-perjodi ta’ żmien rilevanti, l-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina wkoll ir-raġunijiet għalfejn tali talbiet saru daqshekk tard, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta’ dawk il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li jqis kif dovut l-interessi ta’ amministrazzjoni tajba u t-tlestija tal-investigazzjoni fil-ħin.

(33)

Għal iktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://policy.trade.ec.europa.eu/contacts/hearing-officer_en

8.   SKEDA TAL-INVESTIGAZZJONI

(34)

L-investigazzjoni tiġi konkluża, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku, fi żmien disa’ xhur mid-data li fiha jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament.

9.   PROĊESSAR TA’ DATA PERSONALI

(35)

Kull data personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi ttrattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(36)

Notifika dwar il-protezzjoni tad-data li tinforma lill-individwi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni tinsab fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://europa.eu/!vr4g9W

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

B’dan qiegħed jingħata bidu għal rieżami tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2230 skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament (UE) 2016/1036 sabiex jiġi determinat jekk għandux jiġi impost dazju anti-dumping individwali fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu triklorojsoċjanuriku u l-preparati tiegħu, magħruf ukoll bħala “simklożen” skont id-denominazzjoni internazzjonali komuni (INN, international non-proprietary name), li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM ex 2933 69 80 u ex 3808 94 20 (il-kodiċijiet TARIC 2933698070, 3808942020) li joriġina mir-RPĊ, prodott għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni minn Hebei Xingfei Chemical Co., Ltd. (il-kodiċi TARIC addizzjonali C629).

Artikolu 2

Id-dazju anti-dumping impost permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2230 huwa b’dan imħassar fir-rigward tal-importazzjonijiet identifikati fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

L-awtoritajiet doganali nazzjonali għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet identifikati fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament, skont l-Artikoli 11(4) u 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036.

Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 4

1.   Il-partijiet interessati jridu jippreżentaw ruħhom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

2.   Sabiex ir-rappreżentazzjonijiet tagħhom jiġu kkunsidrati waqt l-investigazzjoni, il-partijiet interessati jridu jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u jibagħtu t-tweġibiet għall-kwestjonarju jew kwalunkwe informazzjoni oħra fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

3.   Il-partijiet interessati jistgħu wkoll japplikaw sabiex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu ta’ żmien ta’ 37 jum. Għal seduti ta’ smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Kull talba għal seduta ta’ smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Marzu 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1631/2005 tat-3 ta’ Ottubru 2005 jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor definittivament id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu trichloroisocyanuric li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mill-Istati Uniti tal-Amerika (ĠU L 261, 7.10.2005, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2230 tal-4 ta’ Diċembru 2017 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu triklorojsoċjanuriku li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 319, 5.12.2017, p. 10).

(4)  Notifika ta’ bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet tal-aċidu triklorojsoċjanuriku li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU C 462, 5.12.2022, p. 10).

(5)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A52020XC0316(02)

(6)  Dokument “ Sensitive ” huwa dokument li jitqies li jkun kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-Anti-dumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).