|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/2669 |
10.10.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/2669
tas-26 ta’ Settembru 2024
dwar il-preżentazzjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, ta’ proposta għall-emendar tal-Appendiċijiet II u III tal-Konvenzjoni dwar il-ħarsien tal-ħajja selvaġġa u l-ambjenti naturali tal-Ewropa u dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fl-44 laqgħa tal-Kumitat Permanenti għal dik il-Konvenzjoni
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Konvenzjoni dwar il-ħarsien tal-ħajja selvaġġa u l-ambjenti naturali tal-Ewropa (1) (il-“Konvenzjoni ta’ Berna”) ġiet konkluża mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 82/72/KEE (2) u daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 1982. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Berna, il-Kumitat Permanenti għall-Konvenzjoni ta’ Berna (il-“Kumitat Permanenti”) jista’ jadotta emendi għall-Appendiċijiet ta’ dik il-Konvenzjoni. |
|
(3) |
F’konformità mal-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Berna, proposti għall-emendar għandhom jiġu sottomessi mill-anqas xahrejn qabel il-laqgħa tal-Kumitat Permanenti. L-Unjoni tista’, bħala Parti Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Berna, tipproponi emendi għall-Appendiċijiet ta’ dik il-Konvenzjoni. |
|
(4) |
Fid-dawl tar-Rakkomandazzjoni Nru 56 (1997) tal-Kumitat Permanenti dwar linji gwida li għandhom jiġu kkunsidrati waqt li jsiru proposti għall-emenda tal-Appendiċijiet I u II tal-Konvenzjoni u waqt li jiġu adottati l-emendi, il-kunsiderazzjonijiet rilevanti għall-elenkar ta’ speċijiet fl-Appendiċijiet tal-Konvenzjoni ta’ Berna jinkludu fatturi ekoloġiċi u xjentifiċi, bħall-istatus ta’ konservazzjoni, ix-xejriet tal-popolazzjoni u t-theddid. |
|
(5) |
L-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Berna jistabbilixxi l-objettiv li jintlaħaq livell ta’ popolazzjoni ta’ fawna u flora selvaġġa li jikkorrispondi b’mod partikolari għall-ħtiġijiet ekoloġiċi, xjentifiċi u kulturali, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġiet ekonomiċi u rikreattivi, u jagħti l-kuntest il-wiesa’ għall-miżuri meħuda mill-Partijiet Kontraenti. Dak l-objettiv jista’ jitqies meta tiġi proposta emenda għall-Appendiċijiet tal-Konvenzjoni ta’ Berna. |
|
(6) |
L-istatus ta’ konservazzjoni tal-lupu (Canis lupus) wera xejra pożittiva matul l-aħħar deċennji. L-ispeċi rkuprat b’suċċess madwar il-kontinent Ewropew, b’espansjoni sinifikanti tal-firxa tiegħu. Il-popolazzjoni tiegħu laħqet livelli sinifikanti, bi stima tal-livelli tal-popolazzjoni għall-Unjoni li kważi rduppjat f’10 snin, minn 11 193 fl-2012 għal 20 300 fl-2023. Ir-rapporti jindikaw li l-livelli tal-popolazzjoni qed ikomplu jiżdiedu madwar il-kontinent. Minkejja t-theddid li fadal għall-ispeċi tal-lupu, l-irkupru b’suċċess tal-popolazzjoniji tiegħu u ż-żieda fil-firxa tiegħu madwar il-kontinent fl-aħħar deċennji huma xhieda tal-adattabilità u tar-reżiljenza qawwija tal-ispeċi. |
|
(7) |
Fl-istess ħin, il-firxa li għadha tespandi tal-lupu fl-Ewropa u r-rikolonizzazzjoni tiegħu ta’ territorji ġodda wasslu għal żieda fl-isfidi soċjoekonomiċi fir-rigward tal-koeżistenza mal-attivitajiet tal-bniedem. Dan huwa, b’mod partikolari, minħabba dannu lill-bhejjem li laħaq livell sinifikanti, u li qed jaffettwa aktar u aktar reġjuni u Stati Membri, u lil hinn. |
|
(8) |
L-aktar data reċenti dwar id-daqs tal-popolazzjoni mill-valutazzjoni tal-2022 tal-istatus tal-lupu żviluppata mill-Inizjattiva dwar il-Karnivori Kbar fl-Ewropa għall-Konvenzjoni ta’ Berna u mill-analiżi fil-fond tal-istatus tal-lupu fl-Unjoni mill-2023 tipprovdi evidenza adegwata b’appoġġ għall-adattament tal-istatus ta’ protezzjoni tal-lupu skont il-Konvenzjoni ta’ Berna. |
|
(9) |
Għalhekk, huwa xieraq li l-livell ta’ protezzjoni tal-ispeċi tal-lupu jiġi adattat. Jenħtieġ li l-ispeċi tal-lupu, li bħalissa hija elenkata fl-Appendiċi II tal-Konvenzjoni ta’ Berna, tkun soġġetta għall-protezzjoni tal-ispeċi li tirriżulta minn elenkar fl-Appendiċi III tal-Konvenzjoni ta’ Berna, b’rabta mal-Artikolu 7 ta’ dik il-Konvenzjoni. |
|
(10) |
L-adattament tal-livell ta’ protezzjoni tal-ispeċi tal-lupu jżid il-flessibbiltà biex tiġi indirizzata ż-żieda fl-isfidi soċjoekonomiċi relatati mal-lupu marbuta mal-firxa li għadha tespandi tal-lupu fl-Ewropa u r-rikolonizzazzjoni tiegħu ta’ territorji ġodda. |
|
(11) |
Kif previst fir-Rakkomandazzjoni Nru 163 (2012) tal-Kumitat Permanenti għall-Konvenzjoni ta’ Berna, adottata fit-30 ta’ Novembru 2012, dwar il-ġestjoni tal-popolazzjonijiet li qed jespandu ta’ karnivori kbar fl-Ewropa, il-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Berna huma mħeġġa jikkollaboraw kif xieraq ma’ Stati oħra li jikkondividu l-istess popolazzjonijiet, bl-objettiv li jżommuhom b’saħħithom u li jinżammu fi status ta’ konservazzjoni favorevoli. Tali kooperazzjoni, li tinvolvi miżuri ta’ koeżistenza u protezzjoni, tibqa’ meħtieġa u rilevanti jekk l-ispeċi tal-lupu tkun elenkata fl-Appendiċi III tal-Konvenzjoni ta’ Berna. |
|
(12) |
Għalhekk, bil-ħsieb tat-tħejjija tal-44 laqgħa tal-Kumitat Permanenti, li mistennija ssir fl-2024, jenħtieġ li l-Unjoni tippreżenta proposta li temenda l-Appendiċijiet II u III tal-Konvenzjoni ta’ Berna billi tneħħi l-ispeċi tal-lupu (Canis lupus) mill-Appendiċi II u telenkah taħt l-Appendiċi III. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkomunika dik il-proposta lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni ta’ Berna. |
|
(13) |
Huwa xieraq ukoll li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fl-44 laqgħa tal-Kumitat Permanenti, peress li kwalunkwe deċiżjoni li temenda l-Appendiċijiet għall-Konvenzjoni ta’ Berna ser tkun vinkolanti għall-Unjoni. |
|
(14) |
Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-emenda proposta biex l-ispeċi tal-lupu (Canis lupus) titneħħa mill-Appendiċi II għall-Konvenzjoni ta’ Berna u tiġi elenkata fl-Appendiċi III għal dik il-Konvenzjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Bil-ħsieb tal-44 laqgħa tal-Kumitat Permanenti għall-Konvenzjoni ta’ Berna (il-“Kumitat Permanenti”), l-Unjoni għandha tippreżenta proposta biex l-ispeċi tal-lupu (Canis lupus) titneħħa mill-Appendiċi II (“Speċijiet ta’ fawna bi protezzjoni stretta”) għall-Konvenzjoni ta’ Berna u tinżdied mal-Appendiċi III (“Speċijiet ta’ fawna protetti”) għal dik il-Konvenzjoni.
2. Il-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni, għandha tikkomunika l-proposta msemmija fil-paragrafu 1 lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni ta’ Berna.
Artikolu 2
Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fl-44 laqgħa tal-Kumitat Permanenti għandha tkun li tappoġġa t-tneħħija tal-ispeċi tal-lupu (Canis lupus) mill-Appendiċi II għall-Konvenzjoni ta’ Berna u żżidu mal-Appendiċi III għal dik il-Konvenzjoni.
Artikolu 3
Jista’ jintlaħaq qbil dwar l-irfinar tal-pożizzjoni msemmija fl-Artikoli 2, skont żviluppi fl-44 laqgħa tal-Kumitat Permanenti, mir-rappreżentanti tal-Unjoni, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri matul il-laqgħat ta’ koordinazzjoni fuq il-post, mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Settembru 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
LÓGA M.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 82/72/KEE tat-3 ta’ Diċembru 1981 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità, tal-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni ta’ annimali slavaġ u ambjenti naturali Ewropej (ĠU L 38, 10.2.1982, p. 1).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2669/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)