31993R2837



Official Journal L 260 , 19/10/1993 P. 0005 - 0006
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 53 P. 0062
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 53 P. 0062


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2837/93

tat-18 ta’Ottubru 1993

li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2019/93 rigward iż-żamma ta’ l-imsaġar taż-żebbuġ f’oqsma fejn tradizzjonalment jitkabbar iż-żebbuġ

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2019/93 tad-19 ta’ Lulju 1993 li jintroduċi miżuri speċifiċi għal gżejjer iżgħar ta’ l-Aegean dwar ċerti prodotti agrarji [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 11(2) tiegħu,

Billi r-Regolament (KEE) Nru 2019/93 jipprovdi għall-għoti ta’ għajnuna fis-sena b’rata fissa għal kull ettaru biex jinżammu l-imsaġar taż-żebbuġ f’oqsma fejn tradizzjonalment jitkabbar iż-żebbuġ, sakemm dawn l-imsaġar jinżammu u jkunu mantenuti f’kondizzjonijiet tajbin ta’ produzzjoni; billi, għalhekk, ir-regoli dettaljati biex tkun applikata l-iskema ta’ l-għajnuna in kwestjoni, inklużi l-kondizzjonijiet li jirregolaw l-għoti ta’ l-għajnuna u d-dispożizzjonijiet dwar l-ispezzjoni, għandhom jiġu stabbiliti;

Billi, minħabba l-varjanzi fil-kondizzjonijiet tat-tkabbir u l-prattiċi tradizzjonali fir-reġjuni kkonċernati, il-kondizzjonijiet għaż-żamma fi stat sew ta’ l-imsaġar taż-żebbuġ iridu jkunu bbażati fuq ix-xogħol ta’ manutenzjoni rrikonoxxut bħala meħtieġ skond il-prattiċi u t-tradizzjonijiet lokali;

Billi l-miżuri li jinsabu f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Tmexxija taż-Żjut u x-Xaħmijiet,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-rata fissa ta’ l-għajnuna għal kull ettaru biex jinżammu l-imsaġar taż-żebbuġ, mogħtija fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KEE) Nru 2019/93, għandha tingħata għall-oqsma:

(a) b’densità minima ta’ 50 siġra għal kull ettaru;

(b) li fihom ix-xogħol irrikonoxxut bħala meħtieġ, skond il-prattiċi u t-tradizzjonijiet lokali, għaż-żamma ta’ l-imsaġar taż-żebbuġ f’kondizzjoni tajba jsir b’mod xieraq;

(ċ) li, fil-każ ta’ l-imsaġar taż-żebbuġ għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġ, kienu suġġetti għal dikjarazzjoni taż-żrieragħ skond l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2261/84 [2];

(d) li kienu suġġetti għal applikazzjoni ta’ l-għajnuna, skond l-Artikolu 2.

Artikolu 2

1. Il-produtturi interessati għandhom jagħmlu applikazzjoni għall-għajnuna mal-korp kompetenti l-aktar tard sal-15 ta’ Ġunju ta’ kull sena. Iżda, għall-1993 l-applikazzjoni msemmija għandha ssir l-aktar tard sat-30 ta’ Novembru 1993.

Ħlief fil-każ ta’ force majeure, meta ssir applikazzjoni wara d-data dovuta l-ammont ta’ l-għajnuna li l-produttur kien ikun intitolat għalih li kieku l-applikazzjoni saret fiż-żmien dovut għandu jitnaqqas b’1 % għal kull ġurnata ta’ xogħol. Jekk id-dewmien jaqbeż l-20 ġurnata l-applikazzjoni ma tkunx ammissibbli.

L-għajnuna għandha titħallas matul il-perjodu mis-16 ta’ Ottubru sat-30 ta’ Novembru ta’ kull sena. Iżda, għall-1993 il-pagament għandu jsir l-aktar tard sal-31 ta’ Diċembru 1993.

2. L-applikazzjoni għall-għajnuna għandha tinkludi mill-anqas dan li ġej:

- il-kunjom, l-ismijiet u l-indirizz ta’ l-applikant,

- il-meded ta’ art li qed ikunu kkultivati, f’ettari,

- in-numru ta’ siġar taż-żebbuġ involuti,

- fil-każ ta’ l-imsaġar taż-żebbuġ għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa, ir-riferenza ta’ l-aħħar dikjarazzjoni taż-żriegħ mibgħuta,

- ir-riferenza tar-reġistru ta’ l-artijiet tal-meded ta’ l-art jew riferenza rrikonoxxuta daqsha mill-korp responsabbli biex teżamina l-meded.

Artikolu 3

Il-Greċja għandha twettaq il-kontrolli amministrattivi u fuq il-post sabiex tivverifika li l-kondizzjonijiet għall-għoti ta’ l-għajnuna jkunu tħarsu.

Il-kontrolli fuq il-post għandhom jinkludu, għal kull Nomos, mill-anqas 10 % ta’ l-applikazzjoni mitfugħa għall-għajnuna. Iżda, dan il-perċentwali għandu jkun limitat għal 5 % fl-ewwel sena ta’ l-applikazzjoni. Jekk jinstabu numru sinifikanti ta’ irregolaritajiet f’Nomos, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu aktar kontrolli fis-sena in kwestjoni u għandhom iżidu l-perċentwali ta’ l-applikazzjonijiet li għandhom ikunu kkontrollati fis-sena ta’ wara għal dak in-Nomos.

L-applikazzjonijiet magħżula għall-kontrolli fuq il-post għandhom ikunu stabbiliti mill-awtorità kompetenti, b’mod partikolari abbażi ta’ l-analiżi tar-riskju, suġġetti għall-isforzi biex jiżguraw l-għażla ta’ kampjun rappreżentattiv.

Il-kontrolli fuq il-post għandhom jinkludu:

- il-kejl tal-meded kollha koperti mill-applikazzjoni,

- il-verifika tal-manutenzjoni ta’ l-imsaġar taż-żebbuġ f’kondizzjonijiet tajba tal-produzzjoni,

- il-verifika tal-konformità mal-ħtieġa tad-densità minima.

Artikolu 4

1. Jekk jinstab li l-medda attwali taqbeż il-medda ddikjarata fl-applikazzjoni ta’ l-għajnuna, l-għajnuna għandha tkun ikkalkulata fuq il-bażi tal-medda ddikjarata.

2. Jekk il-kontrolli juru li l-medda ddikjarata taqbeż dik attwalment osservata b’massimu ta’ 20 %, l-għajnuna għandha tkun ikkalkolata fuq il-bażi tal-medda attwalment osservata, bit-tnaqqis ta’ żieda li kienet identifikata.

3. Jekk iż-żieda hija aktar mil-limitu mniżżel fil-paragrafu 2, l-applikazzjoni għas-sena in kwestjoni ma tkunx aċċettata. Aktar minn hekk, jekk l-applikazzjoni ġiet iffalsifikata intenzjonalment jew l-applikant jinstab ħati ta’ negliġenza serja biex jimliha, dan ma jkunx eliġibbli għall-għajnuna fis-sena ta’ wara.

4. L-għajnuna ma tingħatax jekk il-kondizzjonijiet dwar iż-żamma sew ta’ l-imsaġar taż-żebbuġ jew tad-densità minima ma jitħarsux.

5. Jekk il-kontroll ma jistax isir minħabba xi att ta’ l-applikant, l-għajnuna ma tingħatax għas-sena in kwistjoni, ħlief fil-każijiet ta’ force majeure. Il-parti interessata trid tipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti b’evidenza bil-miktub tal-fatturi li jikkostitwixxu l-force majeure fi żmien 10 ijiem mid-data mniżżla għall-ispezzjoni.

Artikolu 5

Sal-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena l-Greċja għandha tavża lill-Kummissjoni bi:

1. in-numru ta’ l-applikazzjonijiet ta’ l-għajnuna u l-meded li jirċievu l-għajnuna, f’ettari u bin-Nomos;

2. il-perċentwali ta’ l-applikazzjonijiet u l-meded ikkontrollati;

3. in-numru ta’ l-applikazzjonijiet u l-irregolaritajiet u l-meded involuti.

Iżda, għall-1993 l-informazzjoni trid tkun mogħtija l-aktar tard sat-28 ta’ Frar 1994.

Artikolu 6

1. Fil-każijiet fejn l-għajnuna ingħatat meta ma kinitx dovuta, id-dipartimenti kompetenti għandhom jirkupraw l-ammonti mħallsa, kif ukoll l-imgħax li jibda jgħodd mid-data tal-pagament sad-data meta jkun attwalment irkuprat. Ir-rata ta’ l-imgħax tkun dik fis-seħħ għall-operazzjonijiet simili ta’ irkuprar taħt il-liġi nazzjonali.

2. L-għajnuna irkuprata u kull imgħax għandhom jitħallsu lid-dipartiment jew l-aġenziji li jħallsu, li jagħmlu tnaqqis proporzjonalment għar-rata ta’ l-iffinanzjar tal-Komunità mill-volum ta’ l-ispiża ffinanzjata mill-Fond Ewropew tal-Gwida u l-Garanzija ta’ l-Agrikoltura.

Artikolu 7

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-18 ta’ Ottubru 1993.

Għall-Kummissjoni

René Steichen

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 184, tas-27.7.1993, p. 1.

[2] ĠU L 208, tat-3.8.1984, p. 3.

--------------------------------------------------