4.5.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 129/3


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-3 ta’ Mejju 2012

dwar il-finanzjament tal-programm ta’ ħidma 2012 għat-taħriġ dwar is-sikurezza fl-ikel u fl-għalf, is-saħħa tal-annimali, il-benessri tal-annimali u s-saħħa tal-pjanti fil-qafas tal-Programm ta' “Taħriġ Aħjar għal Aktar Sikurezza fl-Ikel”

2012/C 129/03

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (1) (minn hawn ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju”), u b’mod partikolari l-Artikolu 75,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2) (minn hawn 'il quddiem ir-“Regoli Implimentattivi”), u b’mod partikolari l-Artikolu 90 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 tad-19 ta' Diċembru 2002 li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b'ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-pjanti u għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (4) u b’mod partikolari l-Artikolu 2(1)(i) tagħha,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (5), u b'mod partikolari l-Artikolu 66(1)(b) u (c) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 jistabbilixxi regoli ġenerali għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali biex tiġi vverifikata l-konformità mar-regoli maħsuba sabiex, b'mod partikolari, jipprevjenu, jeliminaw jew inaqqsu r-riskji għall-bnedmin u għall-annimali għal livelli aċċettabbli, u jiggarantixxu prassi ġusta fil-kummerċ tal-għalf u l-ikel, u jħarsu l-interessi tal-konsumatur. L-Artikolu 51 ta’ dan ir-Regolament jistipula li l-Kummissjoni tista’ torganizza korsijiet ta' taħriġ għall-persunal tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri responsabbli għall-kontrolli uffiċjali msemmija f'dak ir-Regolament, liema korsijiet jistgħu jinfetħu għal parteċipanti minn pajjiżi terzi, b’mod partikolari pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Dawn il-korsijiet jistgħu jinkludu b'mod partikolari, taħriġ fil-liġi Komunitarja tal-għalf u tal-ikel u fir-regoli dwar is-saħħa u l-benessri tal-annimali.

(2)

L-Artikolu 2(1)(i) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità, jipprovdi l-istrument legali għall-organizzazzjoni ta' korsijiet fil-qasam tas-saħħa tal-pjanti.

(3)

Il-“Programm ta' Taħriġ Aħjar għal Aktar Sikurezza fl-Ikel” ġie mwaqqaf mill-Kummissjoni biex jintlaħqu l-miri stipulati fir-Regolament (KE) Nru 882/2004. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2006) 519 finali (6) tesplora l-possibilitajiet għall-organizzazzjoni ta' taħriġ fil-ġejjieni.

(4)

Għaldaqstant il-programm ta' ħidma 2012 għall-implimentazzjoni ta' Programm ta' “Taħriġ Aħjar għal Aktar Sikurezza fl-Ikel” għandu jiġi adottat.

(5)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/544/KE (7) tal-20 ta’ Ġunju 2008 bidlet “L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Programm tas-Saħħa Pubblika” fl-“Aġenzija Eżekuttiva għas-Saħħa u l-Ħarsien tal-Konsumatur” (minn hawn 'il-quddiem imsejħa l-“Aġenzija”). Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 4943 tad-9 ta' Settembru 2008 ddelegat ċerti ħidmiet ta' ġestjoni u implimentazzjoni tal-programmi lill-Aġenzija li għandhom x'jaqsmu ma' miżuri ta' taħriġ għas-sikurezza fl-ikel imwettqa skont ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 u d-Direttiva 2000/29/KE. Għaldaqstant għandu jingħata sussidju lill-Aġenzija għas-sena 2012 biex din tiffinanzja l-ispejjeż operattivi tal-attivitajiet marbuta mal-Programm ta' “Taħriġ Aħjar għal Aktar Sikurezza fl-Ikel”.

(6)

B’konformità mal-Artikolu 75 tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 90(1) tar-Regoli ta' Implimentazzjoni, l-impenn ta’ nfiq mill-baġit tal-Unjoni Ewropea għandu jkollu qablu deċiżjoni finanzjarja li tistabbilixxi l-elementi essenzjali tal-azzjoni li tinvolvi l-infiqu li hija adottata mill-istituzzjoni jew mill-awtoritajiet li l-poteri tagħhom ġew delegati mill-istituzzjoni.

(7)

Billi l-programm ta’ ħidma 2012 huwa qafas dettaljat biżżejjed, id-deċiżjoni attwali tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjament fit-tifsira tal-Artikolu 90(2) u (3) tar-Regoli ta' Implimentazzjoni,

(8)

Għall-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, huwa xieraq li jiġi mfisser it-terminu “bidla sostanzjali”, fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 90(4) tar-Regoli ta' Implimentazzjoni.

(9)

Skont l-Artikolu 83 tar-Regolament Finanzjarju, il-validazzjoni, l-awtorizzazzjoni u l-ħlas tan-nefqa għandhom isiru fil-limiti ta' żmien stabbiliti fir-regoli ta' implimentazzjoni. Dawk ir-regoli għandhom jispeċifikaw ukoll iċ-ċirkostanzi li fihom il-kredituri li jitħallsu tard jkunu intitolati li jirċievu l-imgħax fil-każ ta’ nuqqas ta’ pagament impost fuq il-linja li minnha tħallset is-somma ewlenija.

(10)

Għalhekk, din id-Deċiżjoni għandha tipprovdi r-regoli dwar il-pagament tal-imgħax minħabba pagamenti tard marbuta ma’ azzjonijiet inklużi fil-programm ta' ħidma 2012,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-programm ta' ħidma għall-implimentazzjoni tal-Programm ta' Taħriġ Aħjar għal Aktar Sikurezza fl-Ikel fl-2012 kif stipulat fl-Anness huwa adottat hawnhekk. Dan jikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjament skont it-tifsira tal-Artikolu 75 tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 2

1.   L-ammont totali tal-kontribuzzjoni finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma għandu jkun ta' EUR 16 170 000 u għandu jiġi ffinanzjat mil-linji baġitarji li ġejjin tal-Baġit Ġenerali tal-Unjoni Ewropea għall-2012:

(a)

linja baġitarja Nru 17.04.07.01: EUR 14 090 000

(b)

linja baġitarja Nru 17.04.04.01: EUR 660 000

(c)

linja baġitarja Nru 17.01.04.05: EUR 250 000

(d)

linja baġitarja Nru 17.01.04.31: EUR 1 170 000.

2.   L-ammont stipulat fil-paragrafu 1(d) jitħallas lill-Aġenzija Eżekuttiva għas-Saħħa u l-Konsumaturi u għandu jikkostitwixxi sussidju operattiv.

3.   Imgħax meta ma jsirx ħlas minħabba pagamenti b'lura wkoll jista' jitħallas mil-linji baġitarji msemmija fil-punt 1(a) u (b) skont l-Artikolu 83 tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 3

Bidliet kumulattivi tal-allokazzjonijiet għall-azzjonijiet speċifiċi koperti mill-programm ta' ħidma li ma jaqbżux l-20 % tal-kontribuzzjoni finanzjarja massima prevista fl-Artikolu 2(1) ma għandhomx jitqiesu bħala sostanzjali fit-tifsira tal-Artikolu 90(4) tar-Regolamenti ta' Implimentazzjoni, sakemm dawn ma jaffettwawx b'mod sinifikanti n-natura u l-għan tal-programm ta' ħidma.

L-uffiċjal awtorizzanti jista' jadotta tali bidliet skont il-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja soda u dawk ta' proporzjonalità.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Mejju 2012.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(2)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 11, 16.1.2003, p. 1.

(4)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.

(5)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.

(6)  SEC(2006) 1163 u SEC(2006) 1164, 20.9.2006.

(7)  ĠU L 173, 3.7.2008, p. 27.


ANNESS

Il-programm ta' ħidma 2012 għat-taħriġ fil-qasam tas-sikurezza tal-ikel u tal-għalf, is-saħħa u l-benessri tal-annimali u s-saħħa tal-pjanti fil-qafas tal-Programm ta' Taħriġ Aħjar għal Aktar Sikurezza fl-Ikel

1.1.   Introduzzjoni

Dan il-programm ta’ ħidma fih tliet miżuri ta' implimentazzjoni għall-2012. Id-distribuzzjoni tal-baġit u l-azzjonijiet ewlenin skont l-għanijiet stipulati fir-Regolament (KE) Nru 882/2004 u d-Deċiżjoni 2000/29/KE, huma kif ġej:

1.2.   

Għall-akkwist (implimentat f’ġestjoni ċentralizzata diretta):

1.2.1.

Taħriġ: kuntratti esterni għat-twettiq tal-programm ta’ taħriġ

EUR 14 750 000

1.2.2.

Taħriġ: Tagħmir tal-IT, għodod u appoġġ, materjal promozzjonali, tagħrif u appoġġ fil-komunikazzjoni u konferenzi

EUR 250 000

1.3.

Azzjonijiet oħra: Sussidju operattiv għall-Aġenzija Eżekuttiva dwar is-Saħħa u l-Konsumaturi

EUR 1 170 000

TOTAL

EUR 16 170 000

1.2.   Akkwist

L-ammont baġitarju globali riżervat għall-kuntratti tal-akkwisti fl-2012 jammonta għal EUR 15 000 000.

1.2.1.   Taħriġ: Kuntratt estern għat-twettiq tal-programm ta’ taħriġ

IL-BAŻI LEGALI

Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004, l-Artikolu 51 u l-Artikolu 66(1)(b)

Id-Direttiva 2000/29/KE, l-Artikolu 2(1)(i)

IL-LINJA BAĠITARJA

Il-linji baġitarji: 17.04.07.01 u 17.04.04.01

IN-NUMRU INDIKATTIV U T-TIP TA’ KUNTRATTI PREVISTI

Għal kull waħda mill-kwistjonijiet tekniċi msemmija hawn taħt se jiġi ffirmat kuntratt wieħed ta’ servizz, jew aktar. Huwa stmat li se jiġu ffirmati madwar 18-il kuntratt ta’ servizz. Il-kuntratturi esterni huma involuti l-aktar fl-aspetti organizzattivi u loġistiċi tal-attivitajiet ta’ taħriġ.

IS-SUĠĠETT TAL-KUNTRATTI PREVISTI (JEKK POSSIBBLI)

Għall-2012, l-azzjoni ta’ taħriġ se tkun dwar is-suġġetti li ġejjin:

L-attivitajiet

L-ammont f’EUR

Il-prodotti sekondarji mill-annimali

880 000

Il-benessri tal-annimali

1 400 000

L-ispezzjonijiet ta' kontroll f'Postijiet ta' Spezzjoni fil-Fruntiera

860 000

Il-liġidwar l-għalf

1 000 000

Il-kontrolli tal-importazzjonijiet fuq ikel li ma jorġinax mill-annimali

930 000

L-awditjar intern tas-sistemi uffiċjali tal-kontroll

900 000

L-iskemi ta’ kwalità (agrikoltura organika u indikazzjonijiet ġeografiċi)

1 000 000

Il-kriterji mikrobijoloġiċi għall-oġġetti tal-ikel

750 000

TRAĊĊI (l-aspetti sanitarji u fitosanitarji)

650 000

L-investigazzjoni dwar tifqigħat li jkunu ġejjin mill-ikel

1 500 000

L-ittikkettar tal-ikel u l-klejms

1 500 000

L-analiżi tal-OĠM

420 000

Il-kontroll tal-movimenti kummerċjali u mhux kummerċjali tal-klieb u l-qtates

630 000

Il-kontroll tal-kontaminanti

1 000 000

L-appoġġ fl-infurzar fl-oqsma sanitarji u fitosanitarji

800 000

Kwistjonijiet oħra dwar is-saħħa u l-benessri tal-annimali, is-saħħa tal-pjanti u s-sikurezza tal-ikel, il-konferenzi, l-għajnuna, l-għodod ta' tagħlim u l-valutazzjonijiet

530 000

TOTAL

14 750 000

IMPLIMENTAZZJONI

EUR 14 120 000 (finanzjament ta’ miżuri tas-sikurezza fl-ikel skont ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 u d-Direttiva 2000/29/KE) se jiġu ġestiti u implimentati mill-Aġenzija Eżekuttiva għas-Saħħa u l-Konsumaturi (id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/544/KE). Is-EUR 630 000 li jibqa’ se jintużaw mill-Kummissjoni biex ikopru l-programm dwar l-OĠM (EUR 420 000) u fuq studji, konferenzi u stimi (EUR 210 000, mill-partita “oħrajn”).

IL-PERJODU TA’ ŻMIEN INDIKATTIV GĦAT-TNEDIJA TAL-PROĊEDURA TAL-AKKWIST

Bejn wieħed u ieħor minn April sa Ġunju biex il-kuntratti jiġu ffirmati fl-2012.

L-AMMONT INDIKATTIV TAS-SEJĦA GĦALL-OFFERTI

EUR 14 750 000.

1.2.2.   Taħriġ: Tagħmir tal-IT, għodod u appoġġ, materjal promozzjonali, tagħrif u appoġġ fil-komunikazzjoni u konferenzi

IL-BAŻI LEGALI

Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004, l-Artikolu 66 (1)(c)

IL-LINJA BAĠITARJA

Il-linja baġitarja: 17.01.04.05

IN-NUMRU INDIKATTIV U T-TIP TA’ KUNTRATTI PREVISTI

Huwa stmat li madwar tliet kuntratti speċifiċi se jiġu ffirmati dwar il-kuntratti tal-qafas eżistenti.

IS-SUĠĠETT TAL-KUNTRATTI PREVISTI (JEKK POSSIBBLI)

L-azzjonijiet li se jkunu ffinanzjati minn dan il-baġit huma maħsuba għall-organizzazzjoni tal-programmi ta’ taħriġ, għall-IT u t-tagħmir tat-tagħlim elettroniku, għall-għodod u l-appoġġ, għall-materjal promozzjonali, għat-tagħrif u l-appoġġ fil-komunikazzjoni kif ukoll għall-konferenzi.

L-IMPLIMENTAZZJONI

Din l-azzjoni se tkun implimentata direttament mid-DĠ għas-Saħħa u l-Konsumaturi.

PERJODU TA’ ŻMIEN INDIKATTIV GĦAT-TNEDIJA TAL-PROĊEDURA TAL-AKKWIST

Bejn wieħed u ieħor minn April sa Ottubru.

AMMONT INDIKATTIV TAS-SEJĦA GĦALL-OFFERTI

EUR 250 000.

1.3.   Azzjonijiet oħra: Sussidju operattiv għall-Aġenzija Eżekuttiva dwar is-Saħħa u l-Konsumaturi

IL-BAŻI LEGALI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003, b'mod partikolari l-Artikolu 12(3).

IL-LINJA BAĠITARJA

Il-linja baġitarja: 17.01.04.31

AMMONT

EUR 1 170 000

ID-DESKRIZZJONI U L-GĦAN TAL-MIŻURA IMPLIMENTATTIVA

Dan il-baġit jiffinanzja s-sussidju operattiv tal-Aġenzija għas-sena 2012 marbut mal-programmi skont l-“FP Intestatura 2”. Il-linja baġitarja 17.01.04.31 tiffinanzja s-sussidju operattiv tal-Aġenzija għall-2012 għall-parti marbuta mal-programm Taħriġ Aħjar għal Aktar Sikurezza fl-Ikel. Skont l-Artikolu 12(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003, is-sussidju operattiv għandu jittieħed mill-allokazzjoni finanzjarja għall-programmi tal-Unjoni mmexxija mill-Aġenzija. Fil-baġit tal-2012 inħolqu żewġ linji baġitarji separati għas-sussidju li jrid jitħallas lill-Aġenzija, wieħed għall-programmi skont l-intestatura 2 u ieħor għal programmi skont l-intestatura 3b tal-Perspettivi Finanzjarji.