2007D0641 — MT — 29.03.2010 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

ta’ l-1 ta’ Ottubru 2007

dwar il-konklużjoni ta’ konsultazzjonijiet mar-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Partenarjat AKP-KE u l-Artikolu 37 ta’ l-Istrument ta’ Kooperazzjoni fl-Iżvilupp

(2007/641/KE)

(ĠU L 260, 5.10.2007, p.15)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL tal-24 ta’ Settembru 2009

  L 262

43

6.10.2009

►M2

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL tad-29 ta’ Marzu 2010

  L 89

7

9.4.2010




▼B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

ta’ l-1 ta’ Ottubru 2007

dwar il-konklużjoni ta’ konsultazzjonijiet mar-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Partenarjat AKP-KE u l-Artikolu 37 ta’ l-Istrument ta’ Kooperazzjoni fl-Iżvilupp

(2007/641/KE)



IL-KUNSILL ta’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min naħa u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri min naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 ( 1 ) u kif rivedut fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2005 ( 2 ) (“Ftehim ta’ Partenarjat AKP-KE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 96 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-rappreżentanti tal-gvernijiet ta’ l-Istati Membri, li jiltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, dwar miżuri li għandhom jittieħdu u proċeduri li għandhom ikunu segwiti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Partenarjat AKP-KE ( 3 ), u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp ( 4 ) (“l-Istrument għall-Kooperazzjoni fl-Iżvilupp ”), u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

L-elementi essenzjali msemmija fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE ġew miksura.

(2)

Il-valuri msemmija fl-Artikolu 3 ta’ l-Istrument għall-Kooperazzjoni fl-Iżvilupp ġew miksura.

(3)

Fit-18 ta’ April 2007, skond l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE u l-Artikolu 37 ta’ l-Istrument għall-Kooperazzjoni fl-Iżvilupp, bdew konsultazzjonijiet formali mal-pajjiżi ta’ l-AKP u r-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi li fihom l-awtoritajiet tal-Fiġi għamlu impenji speċifiċi sabiex jirrimedjaw il-problemi identifikati mill-Unjoni Ewropea u jimplimentawhom.

(4)

Ittieħdu xi miżuri sostantivi fir-rigward ta’ wħud mill-impenji msemmija hawn fuq; madanakollu ħafna impenji importanti li jirrigwardaw l-elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE u l-Istrument għall-Kooperazzjoni fl-Iżvilupp għadhom iridu jkunu implimentati,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:



Artikolu 1

Il-Konsultazzjonijiet mar-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE u l-Artikolu 37 ta’ l-Istrument għall-Kooperazzjoni fl-Iżvilupp huma konklużi.

Artikolu 2

Il-miżuri xierqa stabbiliti fl-ittra annessa huma hawnhekk adottati bħala miżuri xierqa taħt l-Artikolu 96(2)(ċ) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE u l-Artikolu 37 ta’ l-Istrument għall-Kooperazzjoni fl-Iżvilupp.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ l-adozzjoni tagħha.

▼M1

Hija għandha tiskadi fil- ►M2  1 ta’ Ottubru 2010 ◄ . Għandha tiġi riveduta b’mod regolari mill-anqas darba kull sitt xhur, u mingħajr dewmien jekk żviluppi ġodda fir-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi jew konsultazzjonijiet formali ġodda mal-pajjiżi AKP u r-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi jwasslu għal impenji speċifiċi li jipprovdu raġunijiet biex isir dan.

▼B

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

▼M2




ANNESS

Abbozz

L-E.T. Ratu Epeli NAILATIKAU

Il-President tar-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi

Suva

Ir-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi

Eċċellenza,

L-Unjoni Ewropea tagħti importanza kbira lid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Cotonou u l-Artikolu 3 tal-Istrument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp. Is-sħubija AKP-KE hija bbażata fuq ir-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt, li huma l-elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Cotonou u s-sies tar-relazzjonijiet ta’ bejnietna.

Fil-11 ta’ Diċembru 2006 il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kkundanna l-kolp ta’ stat militari fil-Fiġi.

Taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Cotonou, u meta jitqies li l-kolp ta’ stat militari li seħħ fil-5 ta’ Diċembru 2006 kkostitwixxa ksur tal-elementi essenzjali msemmija fl-Artikolu 9 ta’ dak il-Ftehim, l-UE stiednet lill-Fiġi għal konsultazzjonijiet, kif previst fil-Ftehim, sabiex tkun eżaminata bis-sħiħ is-sitwazzjoni u jittieħdu passi biex, fejn meħtieġ, tkun rimedjata.

Il-parti formali ta’ dawk il-konsultazzjonijiet bdiet fi Brussell fit-18 ta’ April 2007. L-UE kienet kuntenta li l-Gvern Proviżorju kkonferma għadd ta’ impenji ewlenin fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għall-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt, kif innutat hawn taħt, u pproponiet passi pożittivi dwar l-implimentazzjoni tagħhom.

Sfortunatament, minn dak iż-żmien ‘l hawn kien hemm sensiela ta’ żviluppi rigressivi, b’mod partikolari f’April 2009, u dan ifisser li issa il-Fiġi tinsab fi stat ta’ ksur ta’ diversi mill-impenji tagħha. Dan il-ksur jinkludi notevolement l-abrogazzjoni tal-Kostituzzjoni, id-dewmien sostanzjali ħafna biex isiru elezzjonijiet parlamentari, u l-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem. Minkejja li l-implimentazzjoni tal-impenji ġiet imdewma b’mod sostanzjali, il-maġġornanza ta’ dawk l-impenji għadhom rilevanti ħafna għas-sitwazzjoni preżenti tal-Fiġi, u huma għalhekk annessi ma’ din l-ittra. Peress li l-Fiġi ddeċidiet unilateralment li tikser numru ta’ impenji ta’ importanza ewlenija, dan wassal għal telf għall-Fiġi f’termini ta’ fondi għall-iżvilupp.

Madanakollu, fl-ispirtu ta’ sħubija li jifforma l-bażi tal-Ftehim ta’ Cotonou, l-UE tesprimi d-disponibilità tagħha li tieħu sehem f’konsultazzjonijiet formali ġodda malli jkun hemm prospetti raġjonevoli għal konklużjoni pożittiva għal dawn il-konsultazzjonijiet. Fl-1 ta’ Lulju 2009 il-Prim Ministru Proviżorju ppreżenta pjan direzzjonali biex issir riforma u biex terġa’ tiġi stabbilita l-ordni demokratika. L-UE hija lesta li tipparteċipa fi djalogu dwar dan il-pjan direzzjonali, u li tikkunsidra jekk dan jistax iservi bħala bażi għal konsultazzjonijiet ġodda. Għaldaqstant, l-UE ddeċidiet li testendi l-miżuri xierqa eżistenti fir-għall-Fiġi sabiex toħloq spazju ta’ opportunità għal konsultazzjonijiet ġodda. Filwaqt li, xi wħud mill-miżuri xierqa issa skada żmienhom, ġie konkluż li minflok taġġornahom unilateralment, l-UE tippreferi tesplora aktar il-possibilitajiet għal konsultazzjonijiet ġodda mal-Fiġi. Għaldaqstant, huwa ta’ importanza partikolari li l-Gvern Proviżorju jimpenja ruħu favur djalogu politiku domestiku inklussiv u favur flessibbiltà fir-rigward taż-żmien li fih jitwettaq il-pjan direzzjonali. Filwaqt li l-pożizzjoni tal-UE hija, u dejjem se tkun, iggwidata mill-elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Cotonou rrevedut kif ukoll mill-prinċipji fundamentali tiegħu, partikolarment fir-rigward tar-rwol ċentrali ta’ djalogu u t-twettiq ta’ obbligi reċiproki, huwa enfasizzat li m’hemmx konklużjonijiet predeterminanti min-naħa tal-UE fir-rigward tal-eżitu ta’ konsultazzjonijiet futuri.

Jekk konsultazzjonijiet ġodda jirriżultaw f’impenji sostanzjali mill-Fiġi, l-UE hija impenjata li twettaq rivalutazzjoni bikrija pożittiva ta’ dawn il-miżuri xierqa. Min-naħa l-oħra, jekk is-sitwazzjoni fil-Fiġi ma titjiebx, se jkompli jkun hemm telf ta’ fondi għall-iżvilupp għall-Fiġi. B’mod partikolari, l-evalwazzjoni tal-progress li sar għar-ritorn għal tmexxija kostituzzjonali se tiggwida lill-UE fid-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu dwar Miżuri ta’ Akkompanjament fir-rigward tal-Pajjiżi tal-Protokoll taz-Zokkor u l-Għaxar Programm Indikattiv Nazzjonali EDF fir-rigward tal-Fiġi.

Sakemm ikunu saru konsultazzjonijiet ġodda, l-UE tistieden lill-Fiġi sabiex tkompli tintensifikata d-djalogu politiku mkattar.

Il-miżuri xierqa huma dawn li ġejjin:

— l-għajnuna umanitarja kif ukoll l-appoġġ dirett għas-soċjetà ċivili jistgħu jkomplu,

— attivitajiet ta’ kooperazzjoni li qed isiru b’mod partikolari taħt it-tmien u d-disa’ EDF, jistgħu jkomplu,

— attivitajiet ta’ kooperazzjoni li għandhom jgħinu sabiex tirritorna d-demokrazija u titjieb it-tmexxija, jistgħu jsiru, ħlief f’ċirkustastanzi tassew eċċezzjonali,

— l-implimentazzjoni tal-miżuri li jakkumpanjaw ir-riforma fiz-zokkor għall-2006 tista’ ssir. Il-ftehim ta’ finanzjament ġie ffirmat f’livell tekniku mill-Fiġi fid-19 ta’ Ġunju 2007. Wieħed għandu jinnota li l-ftehim ta’ finanzjament jinkludi wkoll klawżola ta’ sospensjoni,

— L-aċċettazzjoni mill-Gvern Proviżorju fid-19 ta’ Ġunju 2007 tar-rapport tas-7 ta’ Ġunju mill-esperti elettorali indipendenti tal-Forum tal-Gżejjer tal-Paċifiku jaqbel mal-Impenn Nru 1 miftiehem fit-18 ta’ April 2007 bejn il-Gvern Proviżorju u l-UE. Għadaqstant, it-tħejjija u l-iffirmar eventwali tal-programm indikattiv multi-annwali għal miżuri li jakkumpanjaw fir-rigward tar-riforma taz-zokkor għall-perijodu 2008-2010 jistgħu jipproċedu,

— il-finalizzazzjoni, l-iffirmar fl-livell tekniku u l-implimentazzjoni tad-Dokument ta’ Strateġija għall-Pajjiż u l-Programm Nazzjonali Indikattiv għall-għaxar EDF b’pakkett finanzjarju indikattiv, kif ukoll l-allokazzjoni possibbli ta’ pakkett ta’ inċentivi li jasal sa 25 % ta’ din is-somma, se tkun soġġetta għall-ħarsien tal-impenji magħmula fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, partikolarment: li l-Gvern Proviżorju josserva l-Kostituzzjoni, li l-indipendenza tal-ġudikatura tiġi rispettata bis-sħiħ, li r-Regolamenti ta’ Emerġenza Pubblika, imdaħħla mill-ġdid fis-6 ta’ Settembru 2007, jitneħħew mill-aktar fis, li l-allegazzjonijiet kollha ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem ikunu investigati jew indirizzati skont il-proċeduri u l-fora varji taħt il-liġijiet tal-Gżejjer Fiġi, u li l-Gvern Proviżorju se jagħmel li jista’ biex iwaqqaf milli jsiru dikjarazzjonijiet minn aġenziji tas-sigurtà maħsuba biex jintimidaw,

— l-allokazzjoni taz-zokkor għall-2007 kienet żero,

— id-disponibbiltà tal-allokazzjoni taz-zokkor għall-2008 kienet soġġetta għal prova ta’ tħejjija, kredibbli u f’waqtha, ta’ elezzjonijiet skont l-impenji miftiehma, partikolarment dwar iċ-ċensiment, it-tfassil mill-ġdid tal-konfini elettorali u r-riforma elettorali skont il-Kostituzzjoni, u miżuri li ttieħdu biex jiżguraw il-funzjonament tal-Uffiċċju Elettorali, li jinkludi l-ħatra ta’ Sorveljant tal-Elezzjonijiet sat-30 ta’ Settembru 2007 skont il-Kostituzzjoni. Din l-allokazzjoni taz-zokkor għall-2008 ntilfet fil-31 ta’ Diċembru 2009,

— l-allokazzjoni taz-zokkor għall-2009 ġiet kanċellata f’Mejju 2009 minħabba li l-Gvern Proviżorju ddeċieda li jdewwem l-elezzjonijiet ġenerali sa Settembru 2014,

— l-allokazzjoni għall-2010 se tiddependi fuq il-progress imwettaq fit-tkomplija tal-proċess demokratiku,

— appoġġ addizzjonali għat-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ impenji ewlenin, b’mod partikolari b’appoġġ għat-tħejjija u/jew it-twettiq ta’ elezzjonijiet, jistgħu jitqiesu supplementari għal dak li ġie deskritt f’din l-ittra,

— il-kooperazzjoni reġjonali, u l-parteċipazzjoni tal-Fiġi fiha, mhumiex affettwati,

— il-kooperazzjoni mal-Bank Ewropew tal-Investiment u ċ-Ċentru għall-Iżvilupp ta’ Intrapriżi tista’ tkompli għaddejja iżda din hija soġġetta għat-twettiq f’waqtu tal-impenji li saru.

Is-sorveljanza tal-impenji ser issir b’konformità mal-impenji elenkati fl-Anness għal din l-ittra li tikkonċerna d-djalogu regolari, il-kooperazzjoni ma’ missjonijiet u r-rappurtaġġ.

Barra minn hekk, l-UE tistenna li l-Fiġi tikkoopera bis-sħiħ mal-Forum tal-Ġżejjer tal-Paċifiku fir-rigward tal-Implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjonijiet mill-Grupp ta’ Persuni Eminenti, kif approvat mill-Forum tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin fil-laqgħa tagħhom f’Vanuatu fis-16 ta’ Marzu 2007.

L-Unjoni Ewropea se tkompli ssegwi mill-qrib is-sitwazzjoni fil-Fiġi. Taħt l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta’ Cotonou, djalogu politiku msaħħaħ se jitwettaq mal-Fiġi biex jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, ir-ritorn tad-demokrazija u r-rispett għall-istat tad-dritt sakemm iż-żewġ partiti jikkonkludu li n-natura msaħħa tad-djalogu serviet l-iskop taghħa.

Jekk ikun hemm dewmien, waqfien jew rigress fl-implimentazzjoni tal-impenji meħuda mill-Gvern Proviżorju, l-UE tirriżerva d-dritt li taġġusta l-miżuri xierqa.

L-UE tisħaq li l-privileġġi tal-Fiġi fil-kooperazzjoni tagħha mal-UE jiddependu fuq ir-rispett għall-elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Cotonou u għall-valuri msemmija fl-Istrument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp. Sabiex l-UE tiġi konvinta li l-Gvern Proviżorju huwa lest b’mod sħiħ sabiex isegwi l-impenji meħuda, huwa essenzjali li jsir progress bikri u sostanzjali fit-twettiq tal-impenji miftiehma.

Dejjem tiegħek,

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kummissjoni

Għall-Kunsill



( 1 ) ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

( 2 ) ĠU L 287, 28.10.2005, p. 4.

( 3 ) ĠU L 317, 15.12.2000, p. 376.

( 4 ) ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41.