Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI
SPIELMANN
ippreżentati fit‑8 ta’ Settembru 2026 (1)
Kawżi C‑529/24 P, C‑536/24 P, C‑537/24 P u C‑585/24 P
Il‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea
vs
Hypo Vorarlberg Bank AG,
Il‑Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (C‑529/24 P),
u
Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni
vs
Hypo Vorarlberg Bank AG (C‑536/24 P),
u
Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni
vs
Volkskreditbank AG (C‑537/24 P)
u
Il‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea
vs
Volkskreditbank AG
Il‑Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (C‑585/24 P)
“Appell – Unjoni Ekonomika u Monetarja – Unjoni bankarja – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment – Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni – Deċiżjoni dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2022 – Artikolu 291(2) TFUE – Kompetenzi ta’ implimentazzjoni attribwiti lill-Kunsill – Ġustifikazzjoni tal-attribuzzjoni ta’ kompetenza – Artikolu 70(7) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 – Artikolu 8(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/81 – Limiti tal-kompetenzi ta’ implimentazzjoni – Artikolu 69 tar-Regolament Nru 806/2014 – Obbligu li jintlaħaq il-livell fil-mira – Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 – Limitu massimu ta’ 12.5 % tal-livell fil-mira – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE – Limitazzjoni ratione temporis tal-effetti ta’ annullament”
Werrej
I. Introduzzjoni
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Il-Ftehim Intergovernattiv
B. Il-BRRD
C. Ir-Regolament Delegat (UE) 2015/63
D. Ir-Regolament SRM
E. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/81
III. Osservazzjonijiet preliminari
IV. Il-fatti li wasslu għall-kawża
V. Id-Deċiżjoni tas-SRB 2022
VI. Il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenzi appellati
VII. Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet
VIII. Fuq l-appelli
A. Fuq l-ewwel aggravju
1. Argumenti tas-SRB u tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni
2. L-argumenti tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu
3. Evalwazzjoni
B. Fuq it-tieni aggravju
1. L-argumenti tas-SRB u tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni
2. L-argumenti tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu
3. Evalwazzjoni
a) Fuq l-eżami ta’ kundizzjonijiet kumulattivi
b) Fuq l-osservanza mill-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 tal-projbizzjoni li jikkompleta jew li jemenda l-kontenut tar-Regolament SRM
C. Fuq it-tielet aggravju
1. Argumenti tas-SRB u tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni
2. L-argumenti tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu
3. Evalwazzjoni
IX. Fuq iż-żamma ta’ effetti ratione temporis
A. L-argumenti tal-partijiet
B. Evalwazzjoni
X. Fuq l-ispejjeż
Konklużjoni
I. Introduzzjoni
1. Dawn il-konklużjonijiet jirrigwardaw appelli ppreżentati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) intiżi għall-annullament tas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad‑29 ta’ Mejju 2024, Hypo Vorarlberg Bank vs SRB (Kontribuzzjonijiet ex ante 2022) (T‑395/22, EU:T:2024:333), u tat‑3 ta’ Lulju 2024, Volkskreditbank vs SRB (Kontribuzzjonijiet ex ante 2022) (T‑406/22, EU:T:2024:439) (iktar ’il quddiem is-“sentenzi appellati”).
2. Permezz ta’ dawk is-sentenzi, il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni SRB/ES/2022/18 tas-SRB, tal‑11 ta’ April 2022, dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall‑2022 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tas-SRB 2022”), sa fejn din tikkonċerna lil Hypo Vorarlberg Bank AG u lil Volkskreditbank AG, u żammet l-effetti ta’ din id-deċiżjoni sakemm jiġu adottati l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ dawk is-sentenzi, u dan f’terminu raġonevoli li ma jistax jaqbeż tnax-il xahar mill-jum li fih dawk l-istess sentenzi saru definittivi.
3. Dawn il-kawżi jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina, fl-ewwel lok, jekk l-attribuzzjoni ta’ kompetenza ta’ implimentazzjoni lill-Kunsill kinitx debitament iġġustifikata, fit-tieni lok, jekk il-Kunsill qabiżx il-kompetenza ta’ implimentazzjoni attribwita lilu, fit-tielet lok, jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żbalji ta’ liġi fl-interpretazzjoni li hija għamlet ta’ żewġ dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 (2) li jistabbilixxu l-ammont tal-kontribuzzjonijiet dovuti mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati fi ħdan l-Unjoni bankarja, u fir-raba’ lok, jekk il-Qorti Ġenerali setgħetx tissospendi, b’mod validu, ratione temporis l-effetti tas-sentenzi appellati.
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Il-Ftehim Intergovernattiv
4. L-Artikolu 5(1)(a) tal-Ftehim Intergovernattiv (3) jipprovdi, b’mod partikolari, li meta jiġi deċiż li jintuża s-SRF, matul l-ewwel sena tal-perijodu tranżitorju, jintużaw ir-riżorsi finanzjarji kollha disponibbli fil-kompartiment li jikkorrispondi għall-partijiet kontraenti li fihom huma stabbiliti jew awtorizzati l-istituzzjoni jew il-grupp suġġetti għal proċedura ta’ riżoluzzjoni. Matul it-tieni sena ta’ dan il-perijodu, jintużaw 60 % ta’ dawn ir-riżorsi, matul it-tielet sena 40 % tal-imsemmija riżorsi, u matul is-snin sussegwenti tal-perijodu tranżitorju, ir-riżorsi finanzjarji disponibbli fil-kompartimenti li jikkorrispondu għall-partijiet kontraenti kkonċernati jitnaqqsu, fuq bażi annwali, b’62/3 punti perċentwali.
B. Il-BRRD
5. L-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59/UE (4) jipprevedi li l-Kummissjoni Ewropea hija awtorizzata tadotta atti ddelegati sabiex tippreċiża l-kunċett ta’ aġġustament ta’ kontribuzzjonijiet skont il-profil ta’ riskju ta’ istituzzjonijiet, “filwaqt li tqis dan kollu li ġej”:
“[...]
(c) il-kondizzjoni finanzjarji tal-istituzzjoni;
[...]
(g) l-importanza tal-istituzzjoni għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja jew l-ekonomija ta’ wieħed mill-Istati Membri jew aktar jew tal-Unjoni;
[...]”
C. Ir-Regolament Delegat (UE) 2015/63
6. Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/63 (5):
“1. L-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni jiddeterminaw il-kontribuzzjonijiet annwali li jitħallsu minn kull istituzzjoni fi propozjon mal-profil tar-riskju tagħha abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-istituzzjoni skont l-Artikolu 14 billi japplikaw il-metodoloġija stipulata f’din it-Taqsima.
2. L-awtorità ta’ riżoluzzjoni tiddetermina l-kontribuzzjoni annwali msemmija fil-paragrafu 1 fuq il-bażi tal-livell annwali fil-mira tal-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni billi tqis il-livell fil-mira li jrid jintlaħaq sal‑31 ta’ Diċembru 2024 skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 102 [tal-BRRD] u fuq il-bażi tal-ammont medju ta’ depożiti koperti fis-sena preċedenti, kalkolat kull tliet xhur, tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tagħha.”
D. Ir-Regolament SRM
7. L-Artikolu 70 tar-Regolament SRM, intitolat “Kontribuzzjonijiet ex ante”, jipprevedi li:
“1. Il-kontribuzzjoni individwali ta’ kull istituzzjoni għandha tinġabar mill-inqas kull sena u għandha tiġi kkalkolata prorata skont l-ammont tal-obbligazzjonijiet [passiv] tagħha (minbarra l-fondi proprji) li minnu jitnaqqsu d-depożiti koperti, fir-rigward tal-obbligazzjonijiet aggregati (minbarra l-fondi proprji) u filwaqt li jitnaqqsu d-depożiti koperti, tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti kollha.
2. [...]
Kull sena l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet għal istituzzjonijiet individwali għandu jkun ibbażat fuq:
(a) kontribuzzjoni fissa, li tkun ibbażata prorata għall-ammont tal-obbligazzjonijiet ta’ istituzzjoni minbarra l-fondi proprji u d-depożiti koperti, fir-rigward tal-obbligazzjonijiet totali, bl-esklużjoni tal-fondi proprji u d-depożiti koperti, tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti;
(b) kontribuzzjoni aġġustata skont ir-riskju, li għandha tkun ibbażata fuq il-kriterji stipulati fl-Artikolu 103(7) [tal-BRRD], filwaqt li jitqies il-prinċipju ta’ proporzjonalità, mingħajr ma jinħoloq tgħawwiġ bejn l-istrutturi tas-settur tal-banek tal-Istati Membri.
[...]
6. L-atti delegati li jispeċifikaw l-idea ta’ aġġustament tal-kontribuzzjonijiet proporzjonalment għall-profil ta’ riskju tal-istituzzjonijiet, adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 103 (7) [tal-BRRD], għandhom jiġu applikati.
7. Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu, fil-qafas tal-atti delegati msemmija fil-paragrafu 6, jadotta atti ta’ implimentazzjoni biex jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-paragrafi 1, 2 u 3, u b’mod partikolari fir-rigward ta’:
(a) l-applikazzjoni tal-metodoloġija għall-kalkolu ta’ kontribuzzjonijiet individwali;
(b) il-modalitajiet prattiċi għall-allokazzjoni lill-istituzzjonijiet tal-fatturi ta’ riskju speċifikati fl-att delegat.”
E. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/81
8. L-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/81 (6) jipprovdi:
“Għal kull perijodu ta’ kontribuzzjoni, il-Bord għandu jikkalkula l-kontribuzzjoni annwali dovuta minn kull istituzzjoni, abbażi tal-livell annwali fil-mira tal-Fond, wara li jikkonsulta l-[Bank Ċentrrali Ewropew (BĊE)] jew l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni. Il-livell fil-mira annwali għandu jiġi stabbilit b’referenza għal-livell fil-mira tal-Fond imsemmi fl-Artikoli 69(1) u 70 tar-Regolament [SRM] u f’konformità mal-metodoloġija stabbilita fir-Regolament Delegat [(UE)2015/63].”
9. B’konformità mal-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament, b’deroga mill-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, matul il-perijodu inizjali previst fl-Artikolu 69(1) tar-Regolament SRM, il-kontribuzzjonijiet annwali tal-istituzzjonijiet huma kkalkolati b’konformità mal-metodu aġġustat segwenti (iktar ’il quddiem il-“metodu ta’ kalkolu aġġustat”):
“(a) fl-ewwel sena tal-perijodu inizjali, dawn l-istituzzjonijiet għandhom jikkontribwixxu 60 % tal-kontribuzzjonijiet annwali tagħhom kalkulati f’konformità mal-Artikolu 103 [tal-BRRD] u l-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat [(UE) 2015/63], u 40 % tal-kontribuzzjonijiet annwali tagħhom kalkulati f’konformità mal-Artikoli 69 u 70 tar-Regolament [SRM] u l-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament;
[...]
(g) fis-seba’ sena tal-perijodu inizjali, dawn l-istituzzjonijiet għandhom jikkontribwixxu 6,67 % tal-kontribuzzjonijiet annwali tagħhom kalkulati f’konformità mal-Artikolu 103 [tal-BRRD] u l-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat [(UE) 2015/63], u 93,33 % tal-kontribuzzjonijiet annwali tagħhom kalkulati f’konformità mal-Artikoli 69 u 70 tar-Regolament [SRM] u l-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament;
[...]”
III. Osservazzjonijiet preliminari
10. Il-kriżi finanzjarja tal‑2008 żvelat ġewwa l-Unjoni Ewropea nuqqas ta’ strumenti li jippermettu l-prevenzjoni b’mod effikaċi tal-insolvenza tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ impriżi ta’ investiment (iktar ’il quddiem l-“istituzzjonijiet”) jew, tal-inqas, li jimminimizzaw il-konsegwenzi negattivi tagħha. Sabiex jiġi evitat li fil-futur l-Istati Membri jkunu mġiegħla jużaw il-flus tal-kontribwenti biex isalvaw l-istituzzjonijiet li ma humiex solidi wisq jew f’sitwazzjoni ta’ falliment, il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta diversi strumenti intiżi, essenzjalment, sabiex jiżguraw li l-falliment ta’ istituzzjoni ma jaffettwax l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji tad-diversi Stati Membri (7).
11. Fost dawn l-istrumenti, il-BRRD għandha l-għan li tarmonizza l-liġijiet u r-regolamenti tal-Istati Membri kollha relatati mal-irkupru u mar-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet awtorizzati fit-territorju tal-Unjoni. Hija timponi, b’mod partikolari, fuq kull Stat Membru l-obbligu li jinnomina awtorità waħda jew iktar awtorizzati sabiex japplikaw l-għodda ta’ riżoluzzjoni previsti minn din id-direttiva, fosthom l-istabbiliment ta’ arranġament finanzjarju nazzjonali taħt il-forma ta’ fondi kkontrollati mill-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni tagħhom (8). Għal dan il-għan, fi tmiem ta’ perijodu ta’ għaxar snin, mill‑1 ta’ Jannar 2015 sal‑31 ta’ Diċembru 2024, il-mezzi finanzjarji disponibbli ta’ dan l-arranġament, miksuba permezz tal-kontribuzzjonijiet miġbura kull sena mingħand l-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju ta’ kull Stat Membru, kellhom jilħqu mill-inqas 1 % tal-ammont tad-depożiti koperti minn dawn l-istituzzjonijiet kollha (9). Barra minn hekk, l-Istati Membri setgħu jistabbilixxu livelli fil-mira ogħla minn dan l-ammont (10). Skont il-BRRD, il-kontribuzzjoni annwali ta’ kull waħda mill-imsemmija istituzzjonijiet hija kkalkolata pro rata għall-ammont tal-passiv tagħha (esklużi l-fondi proprji) li minnu jitnaqqsu d-depożiti koperti (iktar ’il quddiem il-“passiv nett”) fir-rigward tal-passiv aggregat (esklużi l-fondi proprji) li minnhom jitnaqqsu d-depożiti koperti (iktar ’il quddiem il-“passiv nett aggregat”) tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istat Membru (11). Din il-kontribuzzjoni annwali kellha tkun is-suġġett ta’ aġġustament skont il-profil ta’ riskju ta’ kull istituzzjoni kkonċernata, li kien iddeterminat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċerti indikaturi ta’ riskju preċiżi, skont il-metodu stabbilit fir-Regolament Delegat (UE) 2015/63 (12).
12. Sabiex imur lil hinn fl-integrazzjoni tal-qafas ta’ riżoluzzjoni, ir-Regolament SRM, li l-proposta tat-test tiegħu (13) kienet ispirata prinċipalment mis-sistema kif stabbilita mill-BRRD, stabbilixxa regoli u proċeduri uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet fl-Istati Membri taż-żona tal-euro u fl-Istati Membri li l-munita tagħhom ma hijiex l-euro, iżda li stabbilixxew kooperazzjoni mill-qrib mal-BĊE (iktar ’il quddiem l-“Istati Membri parteċipanti”) (14). Għal dan il-għan, dan ir-regolament ħoloq mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni, li fi ħdanu s-SRB huwa responsabbli mill-applikazzjoni tar-regoli u tal-proċeduri tiegħu (15), u jipprevedi, b’mod partikolari, l-istabbiliment ta’ SRF sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tal-għodda ta’ riżoluzzjoni (16). Għal dan il-għan, fi tmiem ta’ perijodu ta’ tmien snin, mill‑1 ta’ Jannar 2016 sal‑31 ta’ Diċembru 2023 (iktar ’il quddiem il-“perijodu inizjali”), il-mezzi finanzjarji disponibbli tas-SRF kellhom jilħqu mill-inqas 1 % tal-ammont tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha awtorizzati fl-Istati Membri parteċipanti kollha (iktar ’il quddiem il-“livell fil-mira”) (17). Skont l-imsemmi regolament, dawn il-mezzi finanzjarji kienu joriġinaw minn kontribuzzjonijiet individwali miġbura fis-sena mingħand kull istituzzjoni, li huma kkalkolati pro rata għall-ammont tal-passiv nett tagħha fir-rigward tal-passiv nett aggregat tal-istituzzjonijiet awtorizzati kollha fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha (18). Barra minn hekk, il-kalkolu ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet huwa bbażat fuq kontribuzzjoni fissa u kontribuzzjoni skont il-profil ta’ riskju ta’ kull istituzzjoni kkonċernata, li għaliha jsir riferiment għall-indikaturi ta’ riskju stabbiliti fil-BRRD (19) kif ukoll għar-Regolament Delegat (UE) 2015/63 bħala strument li jippreċiża l-kunċett ta’ “aġġustament tal-kontribuzzjonijiet proprozjonalment għall-profil ta’ riskju” (20). Barra minn hekk, ir-Regolament SRM jipprevedi li, kull sena, is-SRB jikkalkola l-kontribuzzjonijiet individwali biex jiżgura li l-kontribuzzjonijiet dovuti mill-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha ma jaqbżux 12.5 % tal-livell fil-mira (iktar ’il quddiem il-“livell massimu ta’ 12.5 %”) (21).
13. Peress li l-Istati Membri parteċipanti huma marbuta kemm mill-BRRD kif ukoll mir-Regolament SRM, dan tal-aħħar jipprevedi li, meta s-SRB iwettaq kompiti u jeżerċita setgħat li, skont il-BRRD, għandhom jiġu mwettqa jew eżerċitati mill-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, is-SRB huwa meqjus li huwa l-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni kkonċernata (22). Madankollu, l-Istati Membri parteċipanti li jiġbru kontribuzzjonijiet mingħand istituzzjonijiet li jinsabu fit-territorji rispettivi tagħhom b’konformità mal-BRRD u mal-imsemmi regolament jibqgħu kompetenti sabiex jittrasferixxu dawn il-kontribuzzjonijiet lis-SRF. F’dan ir-rigward, il-Ftehim Intergovernattiv jistabbilixxi l-obbligu ta’ trasferiment lis-SRF tal-kontribuzzjonijiet miġbura fil-livell nazzjonali sad-data ta’ applikazzjoni tal-istess regolament (23). Barra minn hekk, sabiex tissaħħaħ il-kapaċità finanzjarja tas-SRF sa mill-ħolqien tiegħu, il-partijiet kontraenti ntrabtu li jittrasferixxu lis-SRF il-kontribuzzjonijiet kollha miġbura skont il-BRRD (24). Dan il-ftehim jipprevedi, barra minn hekk, l-allokazzjoni, matul perijodu tranżitorju (25), tal-kontribuzzjonijiet miġbura fil-livell nazzjonali għal kompartimenti differenti li jikkorrispondu għal kull wieħed mill-Istati parteċipanti kif ukoll il-mutwalizzazzjoni progressiva tal-użu ta’ dawn il-kompartimenti b’mod li dawn jisparixxu fit-tmiem tal-perijodu tranżitorju (26).
14. Fl-aħħar nett, abbażi tal-Artikolu 70(7) tar-Regolament SRM, il-Kunsill adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81. Fih huwa stabbilixxa metodu ta’ kalkolu aġġustat tal-kontribuzzjonijiet individwali sabiex jallinja l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet individwali mar-ritmu ta’ mutwalizzazzjoni tal-mezzi finanzjarji fil-każ ta’ użu tas-SRF matul il-perijodu inizjali. Għal dan il-għan, il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet li għandhom jiġu allokati lill-parti mutwalizzata tal-kompartimenti nazzjonali fi ħdan is-SRF huwa bbażat fuq il-kriterji stabbiliti fir-Regolament SRM, filwaqt li l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet allokati lill-parti mhux mutwalizzata tal-kompartimenti huwa bbażat fuq il-kriterji stabbiliti fil-BRRD (27).
IV. Il-fatti li wasslu għall-kawża
15. Il-fatti li wasslu għall-kawża jinsabu fil-punti 2 sa 4 tas-sentenzi appellati. Jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.
16. Hypo Vorarlberg Bank u Volkskreditbank huma istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fl-Awstrija. Permezz tad-Deċiżjoni tas-SRB 2022, is-SRB stabbilixxa, billi ħa inkunsiderazzjoni l-Artikolu 70(2) tar-Regolament SRM, il-kontribuzzjonijiet ex ante għas-SRF (iktar ’il quddiem il-“kontribuzzjonijiet ex ante”) għas-sena 2022 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ kontribuzzjoni 2022”), tal-istituzzjonijiet li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 67(4) ta’ dan ir-regolament, fosthom Hypo Vorarlberg Bank u Volkskreditbank.
17. Permezz ta’ avviż għall-ħlas tat‑22 ta’ April 2022, il-Finanzmarktaufsichtsbehörde (l-Awtorità ta’ Sorveljanza tas-Swieq Finanzjarji, l-Awstrija), fil-kwalità tagħha ta’ awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmi Regolament SRM, ordnat lil Hypo Vorarlberg Bank u lil Volkskreditbank iħallsu l-kontribuzzjoni ex ante tagħhom għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2022, kif kienet ġiet stabbilita mis-SRB.
V. Id-Deċiżjoni tas-SRB 2022
18. Fid-deċiżjoni tiegħu, is-SRB iddeskriva l-proċess ta’ determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2022. Wara li rrileva t-tendenza ta’ tkabbir kostanti tad-depożiti koperti matul il-perijodu inizjali, li kienet amplifikata minn sensiela ta’ avvenimenti speċifiċi sinjifikattivi sa mill‑2019, b’mod partikolari l-pandemija dovuta għall-COVID‑19 u l-gwerra bejn l-Ukraina u r-Russja, is-SRB iddetermina li l-livell fil-mira tas-SRF fi tmiem il-perijodu inizjali kellu jilħaq EUR 79.98 biljun (28). Meħuda inkunsiderazzjoni r-riżorsi finanzjarji disponibbli ta’ ammont ta’ madwar EUR 52 biljun, u sabiex jintlaħaq mill-inqas 1 % tal-ammont tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet awtorizzati kollha fl-Istati Membri parteċipanti kollha matul is-snin li kien fadal qabel it-tmiem tal-perijodu inizjali, huwa kkonkluda li kellu jiġbor EUR 28 biljun matul is-snin 2022 u 2023 (29).
19. Peress li is-sena 2022 kienet is-sena ta’ qabel tal-aħħar tal-perijodu inizjali, is-SRB ikkunsidra li huwa kellu marġni ta’ manuvra limitat sabiex jimla fil-ħin din id-differenza pproġettata ta’ EUR 28 biljun bejn ir-riżorsi finanzjarji attwalment disponibbli fis-SRF u l-livell fil-mira ta’ madwar EUR 80 biljun previst għat-tmiem tal-perijodu inizjali. Għaldaqstant, huwa stabbilixxa l-ammont totali tal-kontribuzzjonijiet għas-SRF għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2022 għal madwar EUR 14‑il biljun (30).
20. Imbagħad, is-SRB espona l-metodu segwit għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2022. Fost l-oħrajn, huwa ppreċiża li, għal din is-seba’ sena tal-perijodu inizjali, 6.67 % tal-kontribuzzjonijiet ex ante kienu kkalkolati fuq il-“bażi nazzjonali”, jiġifieri abbażi tad-data kkomunikata minn istituzzjonijiet awtorizzati fit-territorju tal-Istat Membru parteċipanti kkonċernat (iktar ’il quddiem il-“bażi nazzjonali”), b’konformità mal-Artikolu 103 tal-BRRD u mal-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/63. Huwa żied li l-kumplament tal-kontribuzzjonijiet ex ante, jiġifieri 93.33 %, ġie kkalkolat fuq il-“bażi tal-Unjoni bankarja”, jiġifieri abbażi tad-data kkomunikata mill-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha (iktar ’il quddiem il-“bażi tal-Unjoni”), b’konformità mal-Artikoli 69 u 70 tar-Regolament SRM u mal-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 (31).
VI. Il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenzi appellati
21. Permezz tar-rikorsi tagħhom ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑27 ta’ Ġunju 2022 u fl‑1 ta’ Lulju 2022 rispettivament, Hypo Vorarlberg Bank u Volkskreditbank ippreżentaw rikors intiż sabiex il-Qorti Ġenerali, abbażi tal-Artikolu 263(4) TFUE, tannulla d-Deċiżjoni tas-SRB 2022 sa fejn tikkonċernahom. Insostenn tar-rikorsi tagħhom, Hypo Vorarlberg Bank u Volkskreditbank invokaw tmien motivi.
22. Permezz tas-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikorsi ta’ Hypo Vorarlberg Bank u ta’ Volkskreditbank (32).
23. Għal dan il-għan, hija, fl-ewwel lok, laqgħet l-eċċezzjoni ta’ illegalità invokata skont l-Artikolu 277 TFUE u ddikjarat l-Artikolu 70(7) tar-Regolament SRM inapplikabbli, għar-raġuni li din id-dispożizzjoni tattribwixxi, bi ksur tal-Artikolu 291(2) TFUE, kompetenzi ta’ implimentazzjoni lill-Kunsill mingħajr ma din l-attribuzzjoni hija debitament iġġustifikata (33).
24. Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 billi kkunsidrat li, billi adotta din id-dispożizzjoni, il-Kunsill eċċeda l-kompetenzi ta’ implimentazzjoni li mogħtija lilu permezz tal-Artikolu 70(7) tar-Regolament SRM, billi biddel il-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante stabbiliti minn dan ir-regolament (34).
25. Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li d-Deċiżjoni tas-SRB 2022 kienet tikser l-Artikolu 70(2) tar-Regolament SRM, għar-raġuni li l-ammont tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2022 kien jaqbeż it‑12.5 % tal-livell fil-mira finali li għal dik is-sena kien stmat għal madwar EUR 80 biljun (35).
26. Fir-raba’ lok, fid-dawl tal-fatt li wieħed mill-motivi ta’ annullament tad-Deċiżjoni tas-SRB 2022 kien jirrigwarda l-illegalità tal-Artikolu 70(7) tal-imsemmi regolament u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-talba tas-SRB li l-effetti ta’ din id-deċiżjoni jinżammu, sa fejn jirrigwardaw lil Hypo Vorarlberg Bank u Volkskreditbank, sakemm jiġu adottati l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenzi appellati, u dan f’terminu raġonevoli li ma jistax jaqbeż tnax-il xahar mill-jum li fih dawn is-sentenzi jsiru definittivi (36).
VII. Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet
27. Permezz tal-appelli tagħhom ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kunsill u s-SRB, sostnuti fit-talbiet tagħhom mill-Parlament Ewropew, intervenjenti fl-ewwel istanza, u mill-Kummissjoni, intervenjenti fl-appell, jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tannulla s-sentenzi appellati;
– tiċħad ir-rikors jew, sussidjarjament, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali;
– tikkundanna lil Hypo Vorarlberg Bank u lil Volkskreditbank għall-ispejjeż;
– iktar sussidjarjament, iżżomm l-effetti tad-Deċiżjoni tas-SRB 2022 għal perijodu ta’ 30 xahar mid-data li fiha s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja jsiru definittivi.
28. Hypo Vorarlberg Bank, sostnuta fit-talbiet tagħha mill-Österreichischer Sparkassenverband, intervenjenti fl-appell, u Volkskreditbank jitolbu li l-appelli jiġu miċħuda u li l-appellanti jiġu kkundannati għall-ispejjeż.
29. Permezz ta’ digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑30 ta’ Ġunju 2025, il-Bundesverband deutscher Banken eV u l-Fédération bancaire française ġew aċċettati sabiex jintervjenu waqt is-seduta insostenn tat-talbiet ta’ Hypo Vorarlberg Bank u ta’ Volkskreditbank.
30. Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet instemgħu waqt is-seduta tas‑17 ta’ Marzu 2026, komuni għall-Kawżi C‑454/24 P, C‑529/24 P, C‑536/24 P, C‑537/24 P, C‑585/24 P, C‑671/24 P u C‑705/24 P.
VIII. Fuq l-appelli
31. Insostenn tal-appelli tagħhom, l-appellanti jinvokaw essenzjalment tliet aggravji, ibbażati fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi billi kkunsidrat, fl-ewwel lok, li r-Regolament SRM ma jinkludi ebda ġustifikazzjoni għall-attribuzzjoni ta’ kompetenzi ta’ implimentazzjoni lill-Kunsill permezz tal-Artikolu 70(7) ta’ dan ir-regolament, u fit-tieni lok, li billi adotta l-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, il-Kunsill kien mar lil hinn minn dawn il-kompetenzi hekk attribwiti. Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali għamlet interpretazzjoni żbaljata u kisret l-Artikolu 69(1) u l-Artikolu 70(2) tar-Regolament SRM billi ddeċidiet li l-limitu massimu ta’ 12.5 % kellu jiġi osservat fiċ-ċirkustanzi kollha, għad-detriment tal-livell fil-mira li kellu jintlaħaq fi tmiem il-perijodu inizjali.
A. Fuq l-ewwel aggravju
1. Argumenti tas-SRB u tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni
32. L-appellanti jsostnu li, fil-punti 32 sa 43 tas-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi billi kkunsidrat li l-attribuzzjoni ta’ kompetenzi ta’ implimentazzjoni lill-Kunsill permezz tal-Artikolu 70(7) tar-Regolament SRM (iktar ’il quddiem il-“kompetenza ta’ implimentazzjoni kkonċernata”) ma kinitx debitament iġġustifikata, b’konformità mal-Artikolu 291(2) TFUE.
33. F’dan ir-rigward, huma jargumentaw li l-leġiżlatur tal-Unjoni osserva l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tipprovdi li r-rekwiżit li jiġu esposti, b’mod iddettaljat, ir-raġunijiet li għalihom il-Kunsill huwa fdat bl-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni ta’ att ġuridikament vinkolanti tal-Unjoni għandu jiġi evalwat skont in-natura u l-kontenut tal-att bażiku li għandu jiġi implimentat jew emendat, kif ukoll skont il-kuntest li fih dan l-att ġie adottat, u li motivazzjoni ġenerali u fil-qosor tista’ tkun suffiċjenti (37).
34. Huwa minnu li, il-premessa 114 tar-Regolament SRM ma ssemmix b’mod espliċitu r-raġunijiet li għalihom il-kompetenza ta’ implimentazzjoni kkonċernata kienet attribwita lill-Kunsill, u mhux lill-Kummissjoni. Madankollu, hija tesponi r-raġunijiet sostantivi tal-attribuzzjoni ta’ kompetenzi ta’ implimentazzjoni lill-Kunsill, li jipprovdu li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies “neċessarju” li jadotta miżuri ta’ implimentazzjoni sabiex jippreċiża l-applikazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet individwali għas-SRF, kif ukoll il-modalitajiet tekniċi li jippermettu li jiġu kkalkolati l-kontribuzzjoni fissa u l-kontribuzzjoni aġġustata skont il-profil ta’ riskju. Hija indikat wkoll li “kellhom” jiġu attribwiti kompetenzi ta’ implimentazzjoni lill-Kunsill, sabiex b’mod partikolari, “[jitqies] il-prinċipju tal-proporzjonalità, mingħajr ma toħloq distorsjonijiet bejn l-istrutturi tas-settur bankarju tal-Istati Membri”, li huwa kkonfermat fl-Artikolu 70(2)(b) ta’ dan ir-regolament SRM.
35. Din il-ġustifikazzjoni li tinsab fil-premessa 114 tal-imsemmi regolament hija barra minn hekk iċċarata mill-kuntest storiku li fih ġie adottat dan l-istess regolament. Għalhekk, ir-Regolament SRM huwa intiż sabiex japprofondixxi l-integrazzjoni tal-qafas ta’ riżoluzzjoni fl-Unjoni bankarja, fatt li jimplika riskju ta’ distorsjonijiet bejn l-Istati Membri parteċipanti u mhux parteċipanti. Il-kompetenza ta’ implimentazzjoni kkonċernata taqa’ għalhekk f’qasam sensittiv għall-Istati Membri kollha, minħabba l-effett dirett u immedjat li l-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet individwali għandu fuq l-ammont tal-kontribuzzjonijiet miġbura f’kull Stat Membru parteċipanti, id-distorsjonijiet possibbli bejn l-istrutturi tas-settur bankarju li jistgħu jikkawżaw il-miżuri ta’ implimentazzjoni, u l-impatt potenzjalment sinjifikattiv ta’ dawn il-miżuri fuq is-sovranità baġitarja tal-Istati Membri kif ukoll fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-Istati Membri u tal-Unjoni kollha. L-attribuzzjoni tal-kompetenza ta’ implimentazzjoni inkwistjoni lill-Kunsill hija għalhekk iġġustifikata wkoll fid-dawl tar-rwol tal-Kunsill fi ħdan l-Unjoni b’mod ġenerali u tal-mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni b’mod partikolari, kompost minn rappreżentanti tal-Istati Membri kollha, li għandhom għarfien espert speċifiku fir-rigward tas-settur bankarju nazzjonali tagħhom.
36. Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest sistematiku iktar wiesa’ li fih jaqgħu l-Artikolu 70(7), u l-premessa 114 tar-Regolament SRM. Għalhekk, il-premessi 12, 19 u 20 ta’ dan ir-regolament jesponu wkoll il-kunsiderazzjonijiet wara l-finanzjament tas-SRF u l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet, kif ukoll is-sensittività partikolari ta’ dawn l-aspetti għall-Istati Membri kollha u l-ħtieġa li ma jkunx hemm indħil fuq is-sovranità baġitarja tal-Istati Membri. Il-premessa 24 ta’ dan l-istess regolament turi l-kompetenzi ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill fir-rigward tat-teħid ta’ deċiżjonijiet li jista’ jkollhom konsegwenzi importanti fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-Istati Membri u tal-Unjoni. L-Artikolu 70(6) tar-Regolament SRM, permezz tar-riferiment tiegħu għall-Artikolu 103(7)(g) tal-BRRD, jesprimi l-importanza tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja jew tal-ekonomija tal-Istati Membri u tal-Unjoni, u l-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) ta’ dan ir-regolament jenfasizza espressament l-importanza li jiġu evitati distorsjonijiet bejn l-istrutturi tas-settur bankarju tal-Istati Membri u l-ħtieġa li jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ proporzjonalità waqt l-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni li jirregolaw l-applikazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu.
37. Fl-aħħar nett, ir-riferimenti għall-Ftehim Intergovernattiv, li jinsabu b’mod partikolari fil-premessi 19 u 20 tal-imsemmi regolament SRM kif ukoll fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 1, u fl-Artikoli 67 u 77 tal-istess regolament, jistabbilixxu r-rabta stretta bejn dawn iż-żewġ strumenti u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-koerenza bejn il-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet individwali, li jinġabru f’kull Stat Membru parteċipanti, u l-mutwalizzazzjoni progressiva tal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri għas-SRF li dan il-ftehim jipprevedi, rabta li barra minn hekk tirriżulta espressament mill-premessi 14 u 15 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81. Għalhekk, imsemmi ftehim jagħmel parti integrali mill-kuntest ġuridiku li jirregola l-finanzjament u l-użu tas-SRF. Huwa jikkonferma l-effett potenzjalment sinjifikattiv li l-miżuri ta’ implimentazzjoni jista’ jkollhom fuq l-Istati Membri u fuq il-baġit tagħhom, li fir-rigward tagħhom il-Kunsill ġie attribwit il-kompetenza ta’ implimentazzjoni kkonċernata.
38. L-appellanti jikkonkludu, minn dan, li l-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta, fil-punt 38 tas-sentenzi appellati, ikkunsidrat li ma kien jeżisti “ebda element ta’ motivazzjoni” li juri li l-attribuzzjoni tal-kompetenza ta’ implimentazzjoni kkonċernata lill-Kunsill kienet iġġustifikata minn rwol speċifiku, u li fil-punti 39 u 40 ta’ dawn is-sentenzi, indikat li l-istess ftehim ma kienx jikkostitwixxi element ta’ kuntest rilevanti f’dan ir-rigward.
39. Il-Parlament iressaq essenzjalment uħud mill-istess argumenti bħal dawk tal-appellanti sabiex jikkunsidra li l-ġustifikazzjoni tal-għoti tal-kompetenza ta’ implimentazzjoni inkwistjoni lill-Kunsill tirriżulta b’mod li jinftiehem suffiċjentement mid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament SRM u mill-kuntest leġiżlattiv tiegħu, u l-Kummissjoni tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx debitament inkunsiderazzjoni il-korp kollha tar-regoli applikabbli għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-motivazzjoni kuntestwali ta’ dan l-għoti ta’ kompetenza.
2. L-argumenti tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu
40. Hypo Vorarlberg Bank u Volkskreditbank, sostnuti waqt is-seduta mill-Bundesverband deutscher Banken, jikkunsidraw li l-attribuzzjoni tal-kompetenza ta’ implimentazzjoni kkonċernata lill-Kunsill tikser ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 291(2) TFUE, moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE. Ma huwiex importanti wisq jekk kienx “neċessarju” jew “xieraq” li s-setgħat ta’ implimentazzjoni jiġu ddelegati lill-Kunsill.
41. F’dan ir-rigward, huma jargumentaw essenzjalment li, minkejja li l-premessi tar-Regolament SRM li għalihom jirreferu l-appellanti jsemmu l-ħtieġa li jiġu evitati distorsjonijiet bejn l-istrutturi tas-settur bankarju fid-diversi Stati Membri u li tiġi ppreżervata l-istabbiltà finanzjarja, huma sempliċement jispjegaw ir-raġunijiet li għalihom regolament ta’ implimentazzjoni li jirrigwarda l-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet kellu jiġi adottat u ma jelaborawx ir-rwol tal-Kunsill fir-rigward ta’ dan il-kalkolu. Fir-rigward tal-Ftehim Intergovernattiv, dan ma jistax jiġi invokat sabiex jiġġustifika l-attribuzzjoni ta’ kompetenzi ta’ implimentazzjoni lill-Kunsill, peress li dan il-ftehim ma kienx jirrigwarda l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet mis-SRB sa mis-sena 2016, iżda t-trasferiment tal-kontribuzzjonijiet miġbura preċedentement fil-livell nazzjonali. Barra minn hekk, l-obbligu ta’ ġustifikazzjoni tal-attribuzzjoni ta’ tali kompetenzi huwa impost fuq l-awtur tal-att bażiku li għandu jiġi implimentat.
42. Waqt is-seduta, Hypo Vorarlberg Bank u Volkskreditbank, sostnuti mill-Bundesverband deutscher Banken, komplew jesponu li l-oriġini tar-Regolament SRM lanqas ma tippermetti li tiġi kkorroborata l-perspettiva li l-attribuzzjoni tal-kompetenza ta’ implimentazzjoni kkonċernata lill-Kunsill kienet debitament iġġustifikata, peress li ebda ġustifikazzjoni ċara u uniformi ma tirriżulta mid-deċiżjoni li l-kompetenza ddelegata oriġinarjament attribwita lill-Kummissjoni tiġi ssostitwita b’kompetenza ta’ implimentazzjoni favur il-Kunsill.
3. Evalwazzjoni
43. Għal dak li jirrigwarda l-għoti ta’ setgħa ta’ implimentazzjoni, infakkar li l-Artikolu 291(1) TFUE jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha tad-dritt nazzjonali neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ atti ġuridikament vinkolanti tal-Unjoni. Madankollu, kif jipprevedi l-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, meta jkunu jkun hemm bżonn ta’ kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-atti tal-Unjoni legalment vinkolanti, dawn l-atti għandhom jagħtu setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni, jew f’każijiet speċifiċi iġġustifikati b’mod xieraq, bħal fil-kuntest tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK), lill-Kunsill.
44. Qabel l-adozzjoni tal-Artikolu 291(2) TFUE, l-Artikolu 145 KEE, li sar l-Artikolu 202 KE, kif emendat bl-Att Uniku Ewropew, kien jipprevedi li l-Kunsill jista’ “jirriserva d-dritt, f’każi speċifiċi, li jeżerċita huwa nnifsu direttament il-poteri ta’ implimentazzjoni” (38). Minkejja li l-formulazzjoni ta’ dawn l-aħħar żewġ dispożizzjonijiet ma kinitx tippreċiża espliċitament l-obbligu tal-Kunsill li jimmotiva tali riżerva ta’ kompetenza, sa mill‑1989, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-riżerva ta’ kompetenzi ta’ implimentazzjoni mill-Kunsill tista’ sseħħ biss b’mod eċċezzjonali, jekk dan tal-aħħar jipprovdi motivazzjoni ddettaljata (39).
45. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li t-tielet inċiż tal-Artikolu 145 KEE, li jikkorrispondi għall-Artikolu 291(2) TFUE, kellu jiġi interpretat fis-sens li l-Kunsill, meta jaġixxi bħala leġiżlatur, għandu jimmotiva d-deċiżjoni li permezz tagħha jirriżerva għalih innifsu l-eżerċizzju ta’ kompetenzi ta’ implimentazzjoni b’mod iddettaljat (40).
46. It-tielet inċiż tal-Artikolu 202 KE, li ġie wara t-tielet inċiż tal-Artikolu 145 KEE, ukoll kien interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (41) u tas‑6 ta’ Mejju 2008, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (42), li permezz tagħhom hija ppreċiżat li l-Kunsill, bħala awtur tal-att bażiku, kien marbut li jiġġustifika debitament, skont in-natura u l-kontenut tal-att bażiku li għandu jiġi implimentat jew emendat (43), eċċezzjoni għar-regola li tipprovdi li, fis-sistema tal-imsemmi trattat, meta jkun neċessarju li jiġu adottati miżuri ta’ implimentazzjoni ta’ att bażiku fuq livell Komunitarju, hija l-Kummissjoni li normalment għandha teżerċita din il-kompetenza. Is-sors ta’ dan ir-rekwiżit huwa l-Artikolu 253 KE, li sar t-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, li jipprevedi obbligu ġenerali ta’ motivazzjoni għall-atti kollha adottati mill-istituzzjonijiet (44).
47. Bid-differenza għat-tielet inċiż tal-Artikolu 145 KE u tat-tielet inċiż tal-Artikolu 202 KE, l-Artikolu 291(2) TFUE jimponi espressament fuq l-awturi ta’ att bażiku li jagħżlu li jagħtu setgħa ta’ implimentazzjoni lill-Kunsill, minbarra f’każijiet relatati mal-PESK, li jiġġustifikaw debitament din l-għażla (45). Fid-dawl tal-preżenza espliċita ta’ dan ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni fit-test attwali tat-Trattat, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il-ġurisprudenza tagħha f’dan ir-rigward (46).
48. F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żbalji ta’ liġi meta, essenzjalment, ikkunsidrat li l-Artikolu 70(7) tar-Regolament SRM, moqri flimkien mad-diversi elementi ta’ kuntest invokati mill-appellanti, ma jurix li l-attribuzzjoni tal-kompetenza ta’ implimentazzjoni kkonċernata lill-Kunsill kienet debitament iġġustifikata, fis-sens tal-Artikolu 291(2) TFUE.
49. Kif inhu espost fil-punti 32 sa 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-appellanti, sostnuti mill-Parlament u mill-Kummissjoni, jirreferu b’mod espliċitu għall-premessa 114 tar-Regolament SRM, li tesponi r-raġunijiet sostantivi tal-attribuzzjoni ta’ kompetenza ta’ implimentazzjoni lill-Kunsill; għall-kuntest storiku li fih ġie adottat l-imsemmi regolament, relatat mal-integrazzjoni tal-qafas ta’ riżoluzzjoni fl-Unjoni bankarja u mar-riskju ta’ distorsjonijiet bejn l-istrutturi tas-settur bankarju, u għar-rwol tal-Kunsill, kompost minn rappreżentanti tal-Istati Membri kollha, li għandhom għarfien espert speċifiku fir-rigward tas-settur bankarju nazzjonali tagħhom, f’dan il-qasam sensittiv li jirrigwarda l-istabbiltà finanzjarja tal-Istati Membri u tal-Unjoni. Tali elementi ta’ kuntest jirriżultaw essenzjalment mill-premessi 12, 19, 20 u 24 tal-istess regolament, mill-Artikolu 70(6) ta’ dan ir-regolament, permezz tar-riferiment tiegħu għall-Artikolu 103(7)(g) tal-BRRD, u mill-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tal-istess regolament. Barra minn hekk, l-appellanti jinvokaw il-premessi 19 u 20 tal-imsemmi regolament, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 1, l-Artikoli 67 u 77 tal-istess regolament, kif ukoll il-premessi 14 u 15 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 sabiex jistabbilixxu r-rabta bejn ir-Regolament SRM u l-Ftehim Intergovernattiv.
50. Irrid nammetti li ma nistax ninjora l-ispjegazzjonijiet hekk ippreżentati mill-appellanti fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll waqt is-seduta, intiżi sabiex jiġġustifikaw l-intervent tal-Kunsill minħabba r-rabta li teżisti bejn il-kompożizzjoni tal-Kunsill u l-għarfien espert tal-membri tiegħu, u r-rwol ta’ din l-istituzzjoni fid-dawl, fost oħrajn, tal-impatt li l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet jista’ jkollu fuq l-istabbiltà finanzjarja u s-sitwazzjoni ekonomika tal-istituzzjonijiet fi ħdan l-Istati Membri parteċipanti.
51. Madankollu, ma nistax immur kontra l-konvinzjoni li tali spjegazzjonijiet ma jirriżultawx b’mod ċar, la mill-premessi tar-Regolament SRM, la mill-artikoli ta’ dan ir-regolament, u lanqas mid-dispożizzjonijiet l-oħra li għalihom jirreferu l-appellanti.
52. Fil-fatt, qabelxejn, bilfors għandu jiġi kkonstatat li r-raġunijiet li għalihom il-kompetenza ta’ implimentazzjoni kkonċernata ġiet attribwita lill-Kunsill, ma jirriżultawx espliċitament mit-test tal-Artikolu 70(7) tar-Regolament SRM jew minn xi dispożizzjoni oħra ta’ l-istess regolament (47).
53. Imbagħad, kif ġustament indikat il-Qorti Ġenerali fil-punt 32 tas-sentenzi appellati, fil-premessa 114 tar-Regolament SRM jissemmew l-għan u l-kontenut tal-atti ta’ implimentazzjoni li għandhom jiġu adottati kif ukoll id-deċiżjoni li l-Kunsill jingħata l-kompetenza li jadottahom, mingħajr ma tesponi r-raġunijiet li għalihom il-Kunsill kellu jirriżerva għalih innifsu din il-kompetenza ta’ implimentazzjoni. Huwa minnu li, din il-premessa 114 tindika li l-leġiżlatur qies neċessarju li jadotta miżuri ta’ implimentazzjoni “biex tiġi speċifikata l-applikazzjoni tal-metodoloġija għall-kalkolu ta’ kontribuzzjonijiet individwali [għas-SRF], kif ukoll il-modalitajiet tekniċi tal-komputazzjoni tal-kontribuzzjoni fissa u l-kontribuzzjoni aġġustata skont ir-riskji”. Hija żżid li dan il-metodu “[għandu jiżgura]” li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċerti elementi fil-formula għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet individwali u “l-prinċipju tal-proporzjonalità, mingħajr ma [joħloq] distorsjonijiet bejn l-istrutturi tas-settur bankarju tal-Istati Membri”. Min-naħa l-oħra, hija mkien ma tesponi r-raġunijiet li għalihom il-Kunsill ġie attribwit din il-kompetenza ta’ implimentazzjoni.
54. L-istess japplika għad-dispożizzjonijiet l-oħra tar-Regolament SRM invokati mill-appellanti.
55. Il-premessa 12 tal-imsemmi regolament issemmi l-importanza essenzjali tal-istabbiliment ta’ mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni minħabba l-interkonnessjoni stretta bejn is-sistemi bankarji fi ħdan is-suq intern, kif ukoll il-protezzjoni li dan il-mekkaniżmu jagħti lill-istabbiltà tal-banek fl-Istati Membri.
56. Il-premessa 19 ta’ dan l-istess regolament tinvoka l-ħtieġa li tiġi llaxkata r-rabta eżistenti bejn l-Istati u s-settur bankarju u li jiġi evitat li prattiki nazzjonali joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern. Sabiex jagħmel dan, is-SRF, bħala element essenzjali għall-funzjonament tajjeb tal-mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni, għandu jkun iffinanzjat mill-kontribuzzjonijiet tal-banek miġbura fil-livell nazzjonali u jkun mutwalizzat fi ħdan l-Unjoni, b’konformità mal-Ftehim Intergovernattiv. Hija żżid li, sabiex tkompli tinqata’ r-rabta li teżisti bejn is-sitwazzjoni baġitarja ta’ kull Stat Membru, kif ipperċepita, id-deċiżjonijiet meħuda fi ħdan il-mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni ma għandhomx ikunu ta’ ndħil fuq is-sovranità baġitarja jew fuq il-kompetenzi baġitarji tal-Istati Membri.
57. Il-premessa 20 tar-Regolament SRM tippreċiża li dan ir-regolament, flimkien mal-BRRD, jistabbilixxi l-modalitajiet għall-użu tas-SRF kif ukoll il-kriterji ġenerali li jippermettu d-determinazzjoni tal-iffissar u l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante u ex post. Barra minn hekk, hija ssemmi r-regola stabbilita mill-Ftehim Intergovernattiv li tipprovdi li, matul perijodu tranżitorju, il-kontribuzzjonijiet miġbura fil-livell nazzjonali b’konformità mal-BRRD u mal-imsemmi regolament ser ikunu allokati lil diversi kompartimenti nazzjonali, b’dawn tal-aħħar suġġetti għal fużjoni progressiva.
58. Fir-rigward tal-premessa 24 tal-istess regolament, hija ssemmi l-konsegwenzi importanti tad-deċiżjonijiet ta’ riżoluzzjoni fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-Istati Membri u tal-Unjoni, kif ukoll is-sovranità baġitarja tal-Istati Membri. Barra minn hekk, hija tipprevedi li l-Kunsill, bħala istituzzjoni li jista’ jeżerċita setgħat ta’ implimentazzjoni, għandu jiżgura l-kontroll effettiv tal-evalwazzjoni, mis-SRB, waqt l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ riżoluzzjoni, tal-eżistenza ta’ interess pubbliku u jevalwa kwalunkwe bidla kunsiderevoli tal-ammont tas-SRF li għandu jintuża għal miżura ta’ riżoluzzjoni speċifika (48).
59. Min-naħa l-oħra, dawn il-premessi mkien ma jsemmu xi ġustifikazzjoni tal-kompetenza ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill fir-rigward tad-determinazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet individwali.
60. Barra minn hekk, ċertament, il-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament SRM jenfasizza espressament l-importanza li jiġu evitati d-distorsjonijiet bejn l-istrutturi tas-settur bankarju tal-Istati Membri u l-ħtieġa li jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ proporzjonalità, u l-Artikolu 70(6) ta’ dan ir-regolament, li jirreferi għall-Artikolu 103(7) tal-BRRD, jista’ jinftiehem bħala li juri, fost oħrajn, l-importanza tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja jew għall-ekonomija ta’ Stat Membru wieħed jew iktar jew tal-Unjoni. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet ma jinkludux motivazzjoni dwar ir-raġunijiet li għalihom huwa l-Kunsill li għandu jippreċiża l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet fil-kuntest ta’ kompetenza ta’ implimentazzjoni.
61. Barra minn hekk, ir-riferimenti għall-Ftehim Intergovernattiv, li jinsabu fil-premessi 19 u 20 tar-Regolament SRM, kif ukoll fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 1, u fl-Artikoli 67 u 77 tal-istess regolament, jirrigwardaw esklużivament it-trasferiment ta’ fondi miġbura fil-livell nazzjonali, id-diviżjoni tas-SRF f’kompartimenti nazzjonali u l-fużjoni progressiva tal-fondi miġbura fil-livell nazzjonali allokati lil dawn il-kompartimenti. Anki jekk jiġi kkunsidrat li dan il-ftehim jagħmel parti integrali mill-kuntest ġuridiku li jirregola l-finanzjament u l-użu tas-SRF, u li huwa jikkonferma l-effett potenzjalment sinjifikattiv li l-miżuri ta’ implimentazzjoni jista’ jkollhom fuq l-Istati Membri u fuq il-baġit tagħhom, huwa mkien ma jsemmi raġunijiet li għalihom il-Kunsill għandu jiġi attribwit il-kompetenza ta’ implimentazzjoni kkonċernata.
62. Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li d-dispożizzjonijiet li għalihom jirreferu l-appellanti juru, ċertament, l-importanza tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, l-effett potenzjalment sinjifikattiv li l-miżuri ta’ implimentazzjoni jista’ jkollhom fuq l-Istati Membri u fuq il-baġit tagħhom kif ukoll fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni, is-sovranità baġitarja tal-Istati Membri, l-importanza li jiġu evitati d-distorsjonijiet bejn l-istrutturi tas-settur bankarju tal-Istati Membri, jew anki l-ħtieġa li jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ proporzjonalità waqt l-adozzjoni ta’ atti ta’ eżekuzzjoni li jirregolaw l-applikazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu. Madankollu, fil-fehma tiegħi huma ma jistgħux jissostitwixxu jew jagħmlu tajjeb għall-assenza ta’ raġunijiet li jesponu l-ħtieġa li l-Kunsill jiġi attribwit kompetenza ta’ implimentazzjoni li tirrigwarda speċifikament l-applikazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet individwali u l-modalitajiet prattiċi tal-attribuzzjoni lill-istituzzjonijiet ta’ fatturi ta’ riskji previsti fl-atti ddelegati, kif stabbilit mill-Artikolu 70(7) tar-Regolament SRM.
63. In-natura sensittiva ta’ dawn il-kwistjonijiet lanqas ma tikkostitwixxi raġuni suffiċjenti sabiex il-Kunsill jingħata setgħat ta’ implimentazzjoni f’ dan il-qasam, peress li anki l-Kummissjoni tista’ tkun awtorizzata tadotta miżuri ta’ implimentazzjoni f’“setturi partikolarment sensittivi” (49).
64. Fl-aħħar nett, minkejja li l-premessi 14 u 15 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 jesponu l-kuntest finanzjarju partikolari li fih il-kontribuzzjonijiet huma kkalkolati u l-ħtieġa li, għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, jiġi stabbilit metodu ta’ kalkolu aġġustat li jieħu inkunsiderazzjoni dan il-kuntest, nikkunsidra, bi qbil mal-Qorti Ġenerali fil-punt 39 tas-sentenzi appellati, li l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-attribuzzjoni ta’ kompetenza ta’ implimentazzjoni lill-Kunsill huwa impost fuq l-awtur tal-att leġiżlattiv bażiku. Għalhekk, il-Kunsill ma jistax jiġġustifika a posteriori l-attribuzzjoni ta’ tali kompetenza fl-att ta’ implimentazzjoni.
65. Fil-fehma tiegħu, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li għaliha jirreferu l-appellanti ma hijiex ta’ natura li twassal għal konklużjoni differenti.
66. Fil-fatt, minkejja li fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, National Iranian Oil Company vs IlKunsill uFenix International, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih l-att bażiku, li jagħti kompetenza ta’ implimentazzjoni lill-Kunsill, kien ġie adottat, hija bbażat ruħha sistematikament fuq motivazzjoni eżistenti espressament fit-test, jew fl-att bażiku nnifsu, anki jekk b’mod ġenerali u fil-qosor, jew inkella f’regolamenti oħra, li hija kkunsidrat li jagħmlu parti minn korp koerenti. Fil-fatt, il-qari tal-premessi u d-dispożizzjonijiet ikkonċernati fis-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill u Fenix International ippermetta li tiġi kkonstatata l-preżenza ta’ motivazzjoni espliċita, għalkemm kultant qasira, ta’ natura li turi b’mod ċar il-ġustifikazzjoni tar-riżerva ta’ implimentazzjoni mwettqa favur il-Kunsill (50). Fir-rigward tas-sentenza National Iranian Oil Company vs IlKunsill, peress li r-regolament inkwistjoni kien jattribwixxi lill-Kunsill l-istess kompetenza ta’ implimentazzjoni bħal dik li diġà kienet attribwita lilu minn regolamenti preċedenti, li kienu jifformaw parti minn kontinwità sostantiva, il-motivazzjoni li permezz tagħha r-regolamenti preċedenti kienu ġew espressament iġġustifikati setgħet tiġġustifika b’mod impliċitu iżda suffiċjenti r-regolament inkwistjoni (51).
67. Fil-fehma tiegħi, l-istess ma jgħoddx għal dan il-każ. Kif ġie indikat fil-punt 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-dispożizzjonijiet li għalihom jirreferu l-appellanti għandhom tendenza li jiddeskrivu l-kuntest ġenerali li fih ġie adottat ir-Regolament SRM kif ukoll il-qasam sensittiv li fih jaqa’ l-ħolqien tas-SRF, iżda mhux li jiġġustifikaw l-attribuzzjoni ta’ kompetenza ta’ implimentazzjoni, bħal dik li tinsab fl-Artikolu 70(7) ta’ dan ir-regolament, li hija ta’ natura speċifika għall-Kunsill. Il-premessa 114 tal-imsemmi regolament tipprovdi biss li l-Kunsill “għandu” jkollu s-setgħa li jippreċiża l-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, mingħajr madankollu ma tiġġustifika għaliex għandu jkun hekk. Il-kuntest li minnu jifforma parti dan l-istess regolament ma huwiex suffiċjenti sabiex jirrimedja n-nuqqas totali ta’ motivazzjoni. L-ispjegazzjonijiet li l-appellanti pprovdew fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom u li huma ppreżentaw waqt is-seduta, irrispettivament minn kemm huma ddettaljati u kuntestwalizzati, ma jinstabux fit-test tar-Regolament SRM u din l-assenza totali ta’ ġustifikazzjoni ma hijiex, f’dan il-każ, ikkumpensata mill-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni f’regolamenti, atti jew ftehimiet oħra.
68. Issa, minkejja li wħud setgħu jargumentaw li sa issa l-Qorti tal-Ġustizzja wriet ċerta klemenza fl-applikazzjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni xierqa ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenza ta’ implimentazzjoni, billi ma rrikjedietx espożizzjoni ddettaljata tar-raġunijiet (52), mhux konvint li hija riedet tippermetti forma awtomatizzata, li permezz tagħha s-sempliċi indikazzjoni tal-ħtieġa li tiġi attribwita kompetenza ta’ implimentazzjoni lill-Kunsill jew l-indikazzjoni li “għandu” jsir dan jkunu suffiċjenti f’dan ir-rigward. Id-dritt tal-Unjoni jipprevedi obbligu ta’ motivazzjoni ddettaljata li skontu l-awtur tal-att bażiku għandu jipprevedi motivazzjoni fl-att li jirriżerva kompetenzi ta’ implimentazzjoni lill-Kunsill (53).
69. Għandu jiġi kkunsidrat li tali pożizzjoni hija eċċessivament formalistika, u dan iktar u iktar f’dan il-każ, peress li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jaqblu dwar ir-rwol tal-Kunsill fil-qasam ikkonċernat (54)? Ma iniex ċert.
70. Fil-fatt, minn naħa, tali pożizzjoni jidhirli li hija neċessarja sabiex tiġi żgurata l-osservanza tar-regoli li jirrigwardaw l-attribuzzjonijiet ta’ kompetenzi fil-livell istituzzjonali. F’dan ir-rigward, naqbel mal-proposti tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, li kull riżerva ta’ kompetenzi mill-Kunsill li ma tissodisfax l-imperattiv ta’ motivazzjoni ddettaljata tqiegħed inkwistjoni l-bilanċ istituzzjonali fil-kuntest tal-attribuzzjoni u tal-eżerċizzju ta’ kompetenzi ta’ implimentazzjoni, kif jirriżulta mit-Trattat. Permezz tal-istħarriġ tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiżgura li l-prinċipju tal-attribuzzjoni ta’ kompetenzi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni ma jiġix imċaħħad mill-kontenut u mill-għan tiegħu (55).
71. Min-naħa l-oħra, anki jekk jiġi kkunsidrat li l-kuntest leġiżlattiv li minnu r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 jagħmel parti, jifforma unità waħda u li l-integrità ta’ din l-unità għandha tiġi ppreżervata, ma jistax jiġi eskluż li l-pożizzjoni kuntrarja, li hija bbażata fuq interpretazzjoni partikolarment flessibbli tar-rekwiżit ta’ motivazzjoni ddettaljata ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenza ta’ implimentazzjoni lill-Kunsill, tipproduċi effetti li jmorru lil hinn mill-fatti ta’ dan il-każ, u li din tiġi applikata wkoll f’każ fejn istituzzjoni tal-Unjoni tinvoka nuqqas ta’ ġustifikazzjoni fir-rigward tal-attribuzzjoni ta’ kompetenza ta’ implimentazzjoni lill-Kunsill u ksur tal-prerogattivi istituzzjonali tal-Kummissjoni u tal-Parlament.
72. Inżid li ma huwiex suffiċjenti li l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni li pparteċipaw fil-proċess leġiżlattiv tar-Regolament SRM kienu jafu, b’mod jew ieħor, bir-raġunijiet tal-attribuzzjoni tal-kompetenzi ta’ implimentazzjoni inkwistjoni, sabiex wieħed ikun jista’ jikkonkludi li hija kienet motivata. Fi kwalunkwe każ, għall-kuntrarju ta’ dak li jagħti x’jifhem il-Kunsill waqt is-seduta, mill-proċess leġiżlattiv ma jirriżultax li sa mill-bidu kien previst li l-Kunsill jingħata l-kompetenza li jippreċiża l-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet individwali. Fil-fatt, l-Artikolu 66(3)(a) tal-Proposta għal Regolament SRM, magħmula mill-Kummissjoni, kien jipprevedi li l-kontribuzzjonijiet ex ante dovuti għall-finanzjament tas-SRF ikunu kkalkolati skont metodoloġija żviluppata mill-Kummissjoni f’atti ddelegati.
73. Għalhekk, nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żbalji ta’ liġi meta ddeċidiet essenzjalment, fil-punti 38, 42 u 43 tas-sentenzi appellati, li l-attribuzzjoni tal-kompetenza ta’ implimentazzjoni kkonċernata lill-Kunsill ma kinitx debitament iġġustifikata, fis-sens tal-Artikolu 291(2) TFUE.
74. Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li l-ewwel aggravju għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi miċħud bħala infondat.
75. Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ssegwix din il-proposta, u fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, għandhom issa jiġu eżaminati l-argumenti tal-appellanti bbażati fuq żbalji ta’ liġi allegatament imwettqa mill-Qorti Ġenerali billi ddeċidiet li l-Kunsill mar lil hinn mil-limiti tal-kompetenza ta’ implimentazzjoni kkonċernata.
B. Fuq it-tieni aggravju
1. L-argumenti tas-SRB u tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni
76. L-appellanti jqisu essenzjalment li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi billi ddeċidiet li, billi adotta l-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta’ Implimentezzjoni 2015/81, il-Kunsill eċċeda l-limiti tal-kompetenzi ta’ implimentazzjoni li jagħtih l-Artikolu 70(7) tar-Regolament SRM.
77. Fl-ewwel lok, il-Kunsill jargumenta li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenzi tal‑15 ta’ Ottubru 2014, Il‑Parlament vs Il‑Kummissjoni (56) u Fenix International, tistabbilixxi tliet kundizzjonijiet li jirregolaw l-eżami tal-limiti tal-kompetenzi ta’ implimentazzjoni li jirriżultaw mill-Artikolu 291(2) TFUE, jiġifieri li l-miżuri ta’ implimentazzjoni adottati josservaw l-għanijiet ġenerali essenzjali tal-att leġiżlattiv bażiku, li jkunu neċessarji jew utli sabiex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni uniformi ta’ dan l-att, u li la jemendaw u lanqas ma jikkompletaw bi kwalunkwe mod l-imsemmi att. Għalhekk, il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 jippreċiżax biss il-kontenut normattiv tar-Regolament SRM jeħtieġ eżami strutturat ta’ dawn it-tliet kundizzjonijiet kumulattivi u huwa żbaljat li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 52 sa 54 tas-sentenzi appellati, illimitat l-eżami tagħha għat-tielet waħda mill-imsemmija kundizzjonijiet.
78. Fit-tieni lok, l-appellanti jsostnu li huwa żbaljat li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 63 sa 67, 71, 72 u 85 ta’ dawn is-sentenzi, tikkunsidra li l-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 “jissupplimenta” l-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 70 tar-Regolament SRM, li għalih jirreferi l-paragrafu 7 ta’ din id-dispożizzjoni, kif juri l-eżami tat-tliet kundizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq ikkunsidrati flimkien. Interpretata fil-kuntest tagħha, l-attribuzzjoni ta’ kompetenzi ta’ implimentazzjoni lill-Kunsill mhux biss tippermetti l-adozzjoni tal-metodu ta’ kalkolu aġġustat previst fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, iżda teħtieġha għall-implimentazzjoni b’mod uniformi tar-Regolament SRM, mingħajr madankollu ma tikkompletah jew temendah, għall-kuntrarju ta’ dak indikat mill-Qorti Ġenerali fil-punti 78 u 79 tas-sentenzi appellati.
79. F’dan ir-rigward, l-appellanti jinvokaw, minn naħa, il-ħtieġa, prevista espressament fl-Artikolu 70(2)(b) tar-Regolament SRM, li l-kontribuzzjoni skont il-profil ta’ riskju tkun ibbażata fuq il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 103(7) tal-BRRD, inkluż, b’mod iktar partikolari, dawk esposti fil-punti (c) u (g) ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri l-“kondizzjoni finanzjarji tal-istituzzjoni” u l-importanza ta’ kull istituzzjoni “għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja jew l-ekonomija ta’ wieħed mill-Istati Membri jew aktar jew tal-Unjoni”, kif ukoll li jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ proporzjonalità, mingħajr ma jinħolqu distorsjonijiet bejn l-istrutturi tas-settur bankarju fl-Istati Membri. Skont l-appellanti, fid-dawl tal-konsegwenzi li l-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet jista’ jkollu fuq is-setturi bankarji nazzjonali, tali rekwiżiti jimplikaw li, matul perijodu tranżitorju, il-profil ta’ riskju tal-istituzzjonijiet jiġi ddeterminat kemm fir-rigward tal-Istat Membru li fih tinsab l-istituzzjoni u kif ukoll fir-rigward tal-Unjoni bankarja kollha.
80. L-interdipendenza bejn l-Artikolu 70 tal-imsemmi regolament u l-Artikolu 103 tal-BRRD tippermetti, barra minn hekk, li tiġi ġġustifikata l-introduzzjoni tal-metodu ta’ kalkolu aġġustat, għall-kuntrarju ta’ dak deċiż mill-Qorti Ġenerali fil-punti 75 u 76 tas-sentenzi appellati. Fil-fatt, ir-regoli ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante li huma stabbiliti f’termini simili f’dawn id-dispożizzjonijiet, u r-riferiment li l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet tagħmel għat-tieni waħda, jimplikaw li l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante b’konformità mal-istess regolament huwa strettament marbut mal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante kif previst mill-BRRD. Dan japplika wkoll, iktar u iktar, peress li l-Artikolu 70(7) tar-Regolament SRM jindika essenzjalment li s-setgħa ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill għandha tkun eżerċitata fil-kuntest tar-Regolament Delegat (UE) 2015/63. Issa, dan tal-aħħar jirreferi għall-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 103 tal-BRRD, u għalhekk għal metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet individwali li jeżiġi li tittieħed inkunsiderazzjoni id-data tal-istituzzjonijiet awtorizzati fuq bażi nazzjonali.
81. Min-naħa l-oħra, it-tranżizzjoni progressiva mill-metodu ta’ kalkolu stabbilit mill-BRRD għall-metodu ta’ kalkolu stabbilit mir-Regolament SRM, kif preskritta mill-metodu ta’ kalkolu aġġustat, hija neċessarja jew utli sabiex tiffaċilita l-implimentazzjoni uniformi tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet għas-SRF matul il-perijodu inizjali, li hija kkaratterizzata mit-tranżizzjoni minn sistema ta’ finanzjament li tirriżulta mill-BRRD għall-applikazzjoni progressiva ta’ dan ir-regolament. Din il-ħtieġa ta’ tranżizzjoni tirriżulta mhux biss mill-premessi 14 u 15 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, mill-Proposta għal Regolament li saret mill-Kummissjoni (57), kif ukoll mill-parir tas-servizz legali tal-Kunsill (58), iżda wkoll mill-Ftehim Intergovernattiv. Fil-fatt, ir-Regolament SRM għandu bħala għan, kif jirriżulta mill-Artikoli 67 u 77 ta’ dan ir-regolament, li jiżgura l-koerenza bejn id-dħul tas-SRF, taħt il-forma ta’ kontribuzzjonijiet annwali, u l-kompartimenti nazzjonali stabbiliti f’dan il-ftehim, għall-kuntrarju ta’ dak li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punti 80 sa 82 tas-sentenzi appellati. Madankollu, il-metodu ta’ kalkolu aġġustat jiggarantixxi li l-kalkolu ta’ kontribuzzjonijiet ikun konformi mar-ritmu ta’ mutwalizzazzjoni tal-kompartimenti nazzjonali tas-SRF matul il-perijodu inizjali.
82. Waqt is-seduta, l-appellanti ppreċiżaw li l-metodu ta’ kalkolu aġġustat ippermetta l-korrelazzjoni tal-fatturi ta’ riskju għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet mal-użu ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet fil-każ ta’ riżoluzzjoni. Fil-fatt, peress li l-kompartimenti nazzjonali fi ħdan is-SRF jitqiegħdu għad-dispożizzjoni bi prijorità fil-bidu tal-perijodu inizjali, il-konsegwenza ta’ dan il-metodu hija li l-kapaċità effettiva ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni tkun marbuta mal-kompartiment nazzjonali kkonċernat, li d-daqs u l-kapaċità finanzjarja tiegħu jistgħu jvarjaw kunsiderevolment bejn l-Istati Membri parteċipanti. Mingħajr dan l-aġġustament, l-istituzzjonijiet kienu jikkontribwixxu għas-SRF bħallikieku kienu diġà ġew mutwalizzati bis-sħiħ, minkejja li l-aċċess għar-riżorsi fil-każ ta’ riżoluzzjoni baqa’ jiddependi ħafna mid-daqs tal-kompartimenti nazzjonali rispettivi tagħhom.
83. Għalhekk, l-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 la jikkompleta u lanqas ma jemenda r-Regolament SRM, iżda jintroduċi biss preċiżazzjonijiet addizzjonali dwar l-implimentazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante previst fl-Artikolu 70(1) u (2) tar-Regolament SRM.
84. Fl-aħħar nett, is-SRB iżid li l-Qorti Ġenerali naqset b’mod żbaljat milli tieħu inkunsiderazzjoni n-natura tranżitorja tal-metodu ta’ kalkolu aġġustat, li kien applikat biss bejn l‑2016 u l‑2022. Madankollu, fis-sentenza tagħha tal‑20 ta’ Diċembru 2023, Landesbank Baden-Württemberg vs SRB (59), il-Qorti Ġenerali ikkonfermat, fir-rigward ta’ att iddelegat tal-Kummissjoni, li d-dispożizzjonijiet tranżitorji ma jinvolvux emenda tal-att bażiku, iżda jiddeterminaw il-mod li bih dan l-att għandu jiġi applikat. Dawn il-prinċipji għandhom japplikaw f’dan il-każ.
85. Il-Parlament isostni li l-eżami tal-ewwel żewġ kundizzjonijiet li jirrigwardaw l-osservanza tal-limiti ta’ kompetenzi ta’ implimentazzjoni stabbiliti fis-sentenza Fenix International juri li anki t-tielet waħda minn dawn il-kundizzjonijiet hija ssodisfatta. F’dan ir-rigward, huwa jressaq argumenti li jixbhu lil dawk esposti mill-Kunsill.
86. Il-Kummissjoni tikkunsidra li mir-Regolament SRM jirriżulta li dan tal-aħħar jipprevedi l-applikazzjoni, minbarra tad-dispożizzjonijiet tiegħu stess, ta’ dawk tal-BRRD, u tinsisti fuq l-importanza fundamentali tal-Ftehim Intergovernattiv. L-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 huwa intiż sabiex jiċċara r-rabta u l-interazzjoni bejn il-komponent nazzjonali tal-kontribuzzjonijiet ex ante, li l-kalkolu tiegħu huwa previst mill-BRRD, u l-komponent mutwalizzat ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet, li l-kalkolu tiegħu huwa previst mir-Regolament SRM. Dan l-artikolu jieħu inkunsiderazzjoni t-tnaqqis progressiv tal-komponent tal-kontribuzzjonijiet ikkalkolat fil-livell nazzjonali, b’konformità ma dan il-ftehim, u ż-żieda progressiva sussegwenti tal-komponent tal-kontribuzzjonijiet ikkalkolat fi ħdan l-Unjoni bankarja, filwaqt li jiġi applikat l-istess metodu ta’ aġġustament skont il-profil ta’ riskju, jiġifieri dak tar-Regolament Delegat (UE) 2015/63.
2. L-argumenti tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu
87. Hypo Vorarlberg Bank u Volkskreditbank isostnu li l-ilmenti tal-Kunsill intiżi sabiex jallegaw li l-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina l-ewwel żewġ kundizzjonijiet li jirrigwardaw l-osservanza tal-limiti tal-kompetenzi ta’ implimentazzjoni stabbiliti fis-sentenza Fenix International huma ineffettivi. Peress li t-tliet kundizzjonijiet huma kumulattivi, huwa suffiċjenti li jiġi invokat in-nuqqas ta’ osservanza biss ta’ waħda minnhom, li kien il-każ f’dan il-każ, peress li l-kundizzjoni dwar jekk il-miżuri ta’ implimentazzjoni adottati kinux jemendaw jew jikkompletaw ir-Regolament SRM biss kienet invokata fir-rikors għal annullament ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali.
88. Minn dan jirriżulta li l-argumenti tal-appellanti li jesponu r-raġunijiet li għalihom il-metodu ta’ kalkolu aġġustat kien neċessarju u kien josserva l-għanijiet ġenerali essenzjali ta’ dan ir-regolament ma humiex determinanti. F’dan ir-rigward, filwaqt li jammettu li l-missjoni tal-Kunsill tista’ tikkonsisti fl-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet intiżi sabiex jiġu evitati distorsjonijiet bejn l-istrutturi tas-settur bankarju, Hypo Vorarlberg Bank u Volkskreditbank iqisu li mill-argumenti tal-appellanti ma jirriżultax b’mod ċar liema distorsjonijiet ġew evitati permezz tal-metodu ta’ kalkolu aġġustat u li, fi kwalunkwe każ, il-Kunsill ma setax jeċċedi l-kompetenzi ta’ implimentazzjoni tiegħu sabiex jagħmel dan.
89. Fir-rigward tal-interdipendenza allegata bejn l-Artikolu 70 tar-Regolament SRM u l-Artikolu 103 tal-BRRD, Hypo Vorarlberg Bank u Volkskreditbank jargumentaw li huwa biss il-paragrafu 7 ta’ din l-aħħar dispożizzjoni li jissemma fl-Artikolu 70 ta’ dan ir-regolament. Għalhekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni inkluda espressament ċerti elementi tal-BRRD fir-Regolament SRM, jiġifieri l-ħtieġa li l-indikaturi ta’ riskji stabbiliti mill-BRRD jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet. Madankollu, huwa ma pprevediex l-applikazzjoni tal-metodoloġija ta’ kalkolu kollha tal-BRRD, u lanqas it-tranżizzjoni progressiva mill-kalkolu abbażi tal-BRRD għall-kalkolu abbażi ta’ dan ir-regolament.
90. Barra minn hekk, teżisti differenza bejn il-mutwalizzazzjoni tal-kompartimenti nazzjonali tas-SRF u l-modalitajiet ta’ użu ta’ dan tal-aħħar, kif previsti kemm mill-Ftehim Intergovernattiv kif ukoll mill-Artikoli 67 u 77 tar-Regolament SRM, minn naħa, u l-aġġustament tal-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet sabiex ikun konformi mar-ritmu ta’ mutwalizzazzjoni tal-kompartimenti nazzjonali tas-SRF matul il-perijodu inizjali, min-naħa l-oħra, punt li qatt ma kien invokat mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Madankollu, la d-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu implimentati mill-Kunsill, jiġifieri l-Artikolu 70(1) sa (3) ta’ dan ir-regolament, u lanqas id-dispożizzjoni li tagħtih il-kompetenzi ta’ implimentazzjoni, jiġifieri l-Artikolu 70(7) ta’ dan l-istess regolament, ma jirreferu għal dan il-ftehim. Mill-imsemmi ftehim lanqas ma jirriżulta li l-kontribuzzjonijiet ittrasferiti kellhom jiġu kkalkolati skont metodu ta’ kalkolu konġunt abbażi tal-BRRD u tar-Regolament SRM.
91. Fl-aħħar nett, Hypo Vorarlberg Bank u Volkskreditbank jikkontestaw ir-rilevanza tas-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2023, Landesbank BadenWürttemberg vs SRB (60) peress li f’din il-kawża inkwistjoni ma hemmx regolament ta’ implimentazzjoni iżda regolament delegat, li fil-kuntest tiegħu, b’konformità mal-Artikolu 290(1) TFUE, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tikkompleta jew li temenda ċerti elementi mhux essenzjali tal-att leġiżlattiv bażiku.
92. Waqt is-seduta, il-Bundesverband deutscher Banken argumenta prinċipalment li l-metodu ta’ kalkolu aġġustat la kien kompatibbli mal-għanijiet ġenerali tar-Regolament SRM u lanqas ma kien neċessarju sabiex jiġu kkalkolati l-kontribuzzjonijiet tal-istituzzjonijiet skont il-profil ta’ riskju tagħhom, b’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Huwa żied essenzjalment, li mill-għan politiku mfittex bl-introduzzjoni ta’ tali metodu ta’ kalkolu jirriżulta b’mod ċar li l-Kunsill eċċeda l-limiti previsti fl-Artikolu 70(7) ta’ dan ir-regolament.
3. Evalwazzjoni
93. Preliminarjament, nirrileva li, kif indikat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 53 tas-sentenzi appellati, minkejja li l-Artikolu 70(7) tar-Regolament SRM, li jagħti lill-Kunsill setgħa ta’ implimentazzjoni, isemmi l-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-paragrafi 1 sa 3 ta’ din id-dispożizzjoni, l-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 ma huwiex intiż sabiex jiddefinixxi l-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 70(3) tar-Regolament SRM dwar l-impenji ta’ pagament irrevokabbli. Għalhekk, dan il-paragrafu 3 ma huwiex rilevanti f’dan il-każ, b’tali mod li dan l-eżami ser jikkonċernta fuq il-kompetenza ta’ implimentazzjoni ikkonċernata attribwita lill-Kunsill mill-Artikolu 70(7) ta’ dan ir-regolament, fir-riferimenti tiegħu għall-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu.
94. Fil-kuntest ta’ din l-analiżi, ser nindirizza, l-ewwel nett, l-ilmenti tal-appellanti bbażati fuq żbalji ta’ liġi tal-Qorti Ġenerali peress li din tal-aħħar astjeniet milli teżamina b’mod strutturat jekk l-ewwel żewġ kundizzjonijiet tal-limiti tal-kompetenzi ta’ implimentazzjoni stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ġustizzja kinux issodisfatti f’dan il-każ. It-tieni nett, ser nindirizza l-ilmenti bbażati fuq żbalji ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet meta kkunsidrat li l-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 ibiddel il-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet kif jirriżulta mill-Artikolu 70(1) u (2) tar-Regolament SRM.
a) Fuq l-eżami ta’ kundizzjonijiet kumulattivi
95. Għandu jiġi rrilevat li, b’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, imfakkra essenzjalment mill-Qorti Ġenerali fil-punti 49 tas-sentenzi appellati, meta kompetenzi ta’ implimentazzjoni jingħataw lill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 291(2) TFUE, dan għandu jippreċiża l-kontenut tal-att leġiżlattiv inkwistjoni, sabiex jiżgura l-implimentazzjoni tiegħu f’kundizzjonijiet uniformi fl-Istati Membri kollha. Għalhekk, id- dispożizzjonijiet ta’ att ta’ implimentazzjoni adottat mill-Kunsill għandhom, minn naħa, josservaw l-għanijiet ġenerali essenzjali mfittxija mill-att leġiżlattiv li dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi li jippreċiżaw, u min-naħa l-oħra, ikunu neċessarji jew utli għall-implimentazzjoni uniformi tiegħu mingħajr la jikkompletawh u lanqas ma jemendawh, anki fir-rigward tal-elementi mhux essenzjali tiegħu (61). L-osservanza tal-limiti tal-kompetenzi ta’ implimentazzjoni hija għalhekk suġġetta għas-sodisfazzjon ta’ globalità ta’ tliet kundizzjonijiet kumulattivi.
96. F’dan il-każ, wara li fakkret ir-rekwiżiti bbażati fuq is-sentenza Fenix International, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 52 tas-sentenzi appellati, illimitat l-eżami tagħha għall-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 kienx jissodisfa l-kundizzjoni li la jikkompleta u lanqas ma jemenda r-Regolament SRM.
97. Fil-fehma tiegħi, tali analiżi ma hijiex ivvizzjata bi żbalji ta’ liġi.
98. Fil-fatt, minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet eżaminat, fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi tal‑15 ta’ Ottubru 2014, Il‑Parlament vs Il‑Kummissjoni (62) u Fenix International, jekk id-dispożizzjonijiet inkwistjoni kinux josservaw it-tliet kundizzjonijiet relatati mal-limiti tal-kompetenzi ta’ implimentazzjoni, bilfors għandu jiġi kkonstatat li l-analiżi strutturata li hija segwiet kienet intiża sabiex tiċħad l-argumenti li kienu jinvokaw li dan ma kienx il-każ, b’tali mod li l-Kunsill ma kienx eċċeda l-kompetenzi ta’ implimentazzjoni li kienu ingħatawlu. Min-naħa l-oħra, din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tippermettix li jiġi konkluż li l-qrati tal-Unjoni għandhom l-obbligu jeżaminaw dawn it-tliet kundizzjonijiet f’ordni partikolari, u lanqas li huwa neċessarju li tiġi eżaminata l-globalità tal-kundizzjonijiet ladarba waħda minnhom tkun nieqsa. Fil-fatt, peress li l-imsemmija tliet kundizzjonijiet għandhom ikunu ssodisfatti b’mod kumulattiv, punt li ma huwiex ikkontestat mill-partijiet, il-fatt li waħda minnhom tkun nieqsa huwa suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li l-Kunsill eċċeda s-setgħa ta’ implimentazzjoni mogħtija lilu abbażi tal-Artikolu 291(2) TFUE (63).
99. Barra minn hekk ma jistax jiġi sostnut li l-osservanza tal-ewwel żewġ kundizzjonijiet twassal awtomatikament għall-osservanza tat-tielet waħda, punt li l-Kunsill irrikonoxxa waqt is-seduta. Għalhekk, anki jekk jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 huwa neċessarju u utli għall-implimentazzjoni tar-Regolament SRM, jew saħansitra li josserva l-għanijiet ġenerali essenzjali ta’ dan ir-regolament, xorta jibqa’ l-fatt li, sa fejn il-kundizzjoni relatata mal-projbizzjoni li jikkompleta jew jemenda l-kontenut tar-Regolament SRM ma tiġix issodisfatta, il-limiti tal-kompetenzi ta’ implimentazzjoni ma humiex osservati.
100. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali setgħet, mingħajr ma twettaq żball, tillimita l-eżami tagħha għall-kundizzjoni li l-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 la seta’ jikkompleta u lanqas ma seta’ jemenda r-Regolament SRM, mingħajr ma qabel teżamina l-argumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni intiżi sabiex jistabbilixxu li din id-dispożizzjoni kienet tosserva l-għanijiet ġenerali essenzjali ta’ dan ir-regolament u kienet neċessarja jew utli sabiex tiffaċilita l-implimentazzjoni uniformi tiegħu.
101. Peress li minn dan l-eżami l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li din il-kundizzjoni ma kinitx issodisfatta, hija ma kinitx marbuta teżamina ż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra tal-limiti tal-kompetenzi ta’ implimentazzjoni, b’tali mod li l-argumenti tal-Kunsill f’dan ir-rigward għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.
b) Fuq l-osservanza mill-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 tal-projbizzjoni li jikkompleta jew li jemenda l-kontenut tar-Regolament SRM
102. Bid-differenza għas-setgħa ddelegata li l-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jagħti lill-Kummissjoni f’att leġiżlattiv, skont l-Artikolu 290(1) TFUE, sabiex jippermettilha tadotta regoli li jikkompletaw jew jemendaw elementi mhux essenzjali tal-att (64), il-kompetenzi ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni jew lill-Kunsill skont l-Artikolu 291(2) TFUE jinkludu, essenzjalment, is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ miżuri li huma neċessarji jew utli għall-implimentazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tal-att leġiżlattiv li abbażi tiegħu dawn ikunu adottati u li sempliċement jippreċiżaw il-kontenut tagħhom, b’osservanza tal-għanijiet ġenerali essenzjali mfittxija minn ta’ dan l-att, mingħajr ma jemendawh jew jikkompletawh, fl-elementi essenzjali jew mhux essenzjali tiegħu (65), u sakemm il-miżuri ta’ implimentazzjoni hekk adottati ma jmorrux kontra l-imsemmi att leġiżlattiv (66).
103. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li miżura ta’ implimentazzjoni sempliċement tippreċiża d-dispożizzjonijiet tal-att leġiżlattiv ikkonċernat meta din tkun intiża biss, b’mod ġenerali jew f’ċerti każijiet partikolari, sabiex tiċċara l-portata ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jew sabiex tiddetermina l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tagħhom, bil-kundizzjoni madankollu li, b’dan il-mod, din il-miżura tevita kull kontradizzjoni f’dak li jirrigwarda l-għanijiet tal-imsemmija dispożizzjonijiet u bl-ebda mod ma tbiddel il-kontenut normattiv ta’ dan l-att jew il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu (67).
104. F’dan il-każ, infakkar li l-Parlament u l-Kunsill taw lil dan tal-aħħar, skont il-kliem stess tal-Artikolu 70(7) tar-Regolament SRM, is-setgħa li jadotta, fil-kuntest tal-atti ddelegati msemmija fil-paragrafu 6 ta’ din id-dispożizzjoni, atti ta’ implimentazzjoni sabiex jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-paragrafi 1 u 2 tal-imsemmija dispożizzjoni, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet individwali, u l-modalitajiet prattiċi tal-allokazzjoni lill-istituzzjonijiet ta’ fatturi ta’ riskju previsti fl-atti ddelegati. Huwa fir-rigward ta’ din il-kompetenza li l-Kunsill adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, li l-Artikolu 8(1) tiegħu huwa s-suġġett ta’ dawn id-dibattiti.
105. Bilfors għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 70(1) tar-Regolament SRM jipprevedi li l-kontribuzzjoni individwali ta’ kull istituzzjoni tinġabar mill-inqas kull sena u tiġi kkalkolata pro rata għall-ammont tal-passiv nett tagħha fir-rigward tal-passiv nett aggregat tal-istituzzjonijiet awtorizzati kollha fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha. Il-punti (a) u (b) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni jistabbilixxu, min-naħa tagħhom, li kull sena, il-kalkolu tal-kontribuzzjoni ta’ kull istituzzjoni huwa bbażat, minn naħa, fuq kontribuzzjoni fissa pro rata għall-ammont tal-passiv nett tal-istituzzjoni fir-rigward tal-passiv totali nett tal-istituzzjonijiet awtorizzati kollha fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti, u min-naħa l-oħra, fuq kontribuzzjoni skont il-profil ta’ riskju, ibbażata fuq il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 103(7) tal-BRRD, li tieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ proporzjonalità, mingħajr ma jinħolqu distorsjonijiet bejn l-istrutturi tas-settur bankarju tal-Istati Membri.
106. Għandu jiġi ppreċiżat li, minkejja li l-kontribuzzjoni fissa u l-kontribuzzjoni skont il-profil ta’ riskju jistgħu jidhru bħala żewġ komponenti distinti tal-kalkolu ta’ kontribuzzjonijiet annwali, dawn huma strettament marbuta. Fil-fatt, għall-istituzzjonijiet bħal dawk ikkonċernati minn dawn il-kawżi, il-kontribuzzjoni skont il-profil ta’ riskju hija kkalkolata billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-ammont tal-kontribuzzjoni fissa ta’ kull istituzzjoni u billi jiġi aġġustat skont il-profil ta’ riskju ta’ din l-istituzzjoni (68). Dan l-aġġustament tal-kontribuzzjoni għall-profil ta’ riskju ta’ istituzzjoni huwa bbażat fuq paragun bejn l-espożizzjoni ta’ din l-istituzzjoni għall-fatturi ta’ riskju rilevanti u l-espożizzjoni ta’ istituzzjonijiet oħra kkonċernati (69).
107. Għalhekk, mill-formulazzjoni tal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament SRM jirriżulta li kull sena, il-kontribuzzjoni fissa, li sservi sabiex tiddetermina l-ammont tal-kontribuzzjoni skont il-profil ta’ riskju, hija kkalkolata pro rata għall-ammont tal-passiv nett tal-istituzzjoni kkonċernata fir-rigward tal-passiv nett aggregat tal-istituzzjonijiet awtorizzati kollha “fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti”. Bl-istess mod, il-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni jirreferi, għall-kalkolu ta’ kontribuzzjonijiet individwali, għall-passiv nett aggregat tal-istituzzjonijiet awtorizzati kollha “fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti kollha”.
108. Għalhekk, kif irrilevat essenzjalment il-Qorti Ġenerali fil-punti 61 u 62 tas-sentenzi appellati, b’konformità mat-test tal-Artikolu 70(1) u (2) ta’ dan ir-regolament, il-passiv nett aggregat tal-istituzzjonijiet awtorizzati kollha fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha jikkostitwixxu l-bażi ta’ data xierqa li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-kontribuzzjoni fissa, li jservi bħala bażi għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni skont il-profil ta’ riskju. Barra minn hekk, dawn id-dispożizzjonijiet ma jagħmlu ebda distinzjoni bejn metodu ta’ kalkolu li huwa applikabbli matul il-perijodu inizjali jew wara dan il-perijodu.
109. Għalhekk l-Artikolu 70(1) u (2) tal-imsemmi regolament ma jinkludi ebda indikazzjoni espressa relatata mal-fatt li, matul il-perijodu inizjali, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, għall-kalkolu ta’ perċentwali dekrexxenti tal-kontribuzzjonijiet, data tal-istituzzjonijiet bankarji miġbura fuq bażi nazzjonali, b’konformità mal-Artikolu 103(2) tal-BRRD. Minn dan niddeduċi, li fit-test ta’ din id-dispożizzjoni xejn ma jippermetti espliċitament li jiġi kkunsidrat li l-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante previst fiha seta’ jiġi interpretat bħala li jinkludi parzjalment u b’mod temporanju bażi ta’ data oħra minbarra il-bażi tal-Unjoni.
110. Minkejja dan, bilfors għandu jiġi kkonstatat li l-metodu ta’ kalkolu aġġustat ippreveda li parti mill-kontribuzzjonijiet ex ante tkun ikkalkolata fuq il-bażi nazzjonali, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punti 58 sa 60 kif ukoll fil-punti 63 sa 65 tas-sentenzi appellati. Għalhekk, l-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 jipprevedi li, kull sena tal-perijodu inizjali, parti dekrexxenti mill-kontribuzzjonijiet annwali tiġi kkalkolata b’konformità mal-Artikolu 103 tal-BRRD u mal-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/63, jiġifieri billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-passiv nett aggregat tal-istituzzjonijiet awtorizzati kollha fit-territorju tal-Istat Membru parteċipanti kkonċernat (għalhekk bażi nazzjonali), filwaqt li parti krexxenti tal-kontribuzzjonijiet tiġi kkalkolata b’konformità mal-Artikoli 69 u 70 tar-Regolament SRM u mal-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, jiġifieri billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-passiv nett aggregat tal-istituzzjonijiet awtorizzati kollha fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha (għalhekk bażi tal-Unjoni). Għalhekk, il-metodu ta’ kalkolu aġġustat jipprevedi li d-data li tittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu ta’ parti mill-kontribuzzjonijiet, tinġabar fuq bażi nazzjonali, filwaqt li, għall-parti l-oħra, din tinġabar fuq bażi tal-Unjoni. Billi għamel dan, il-Kunsill eskluda sostanzjalment it-termini speċifiċi tal-Artikolu 70(1) u (2) tar-Regolament SRM.
111. Madankollu, l-appellanti jikkunsidraw essenzjalment li t-teħid inkunsiderazzjoni dekrexxenti ta’ data miġbura fuq bażi nazzjonali, hekk kif previst fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, huwa bbażat b’mod validu fuq ir-Regolament SRM peress li teżisti interdipendenza bejn l-Artikolu 70 ta’ dan ir-regolament u l-Artikolu 103 tal-BRRD, kif ukoll ir-Regolament Delegat (UE) 2015/63. B’mod iktar speċifiku, il-profil ta’ riskju tal-istituzzjonijiet, b’mod partikolari l-indikaturi ta’ riskju li huma l-“kondizzjoni finanzjarji tal-istituzzjoni” u “l-importanza tal-istituzzjoni għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja jew l-ekonomija ta’ wieħed mill-Istati Membri jew aktar jew tal-Unjoni”, previsti fl-Artikolu 103(7)(c) u (g) tal-BRRD, seta’ jiġi affettwat mill-mutwalizzazzjoni progressiva tal-kompartimenti nazzjonali fil-każ ta’ użu tas-SRF, kif previst mill-Ftehim Intergovernattiv. Kien neċessarju li dan il-kuntest jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod xieraq, sabiex jiġi osservat il-prinċipju ta’ proporzjonalità u sabiex ma jinħolqux distorsjonijiet bejn l-istrutturi tas-settur bankarju tal-Istati Membri, kif previst fl-Artikolu 70(2)(b) tar-Regolament SRM. Il-metodu ta’ kalkolu aġġustat irid jilħaq dawn l-għanijiet kollha, kif jirriżulta espressament mill-premessi 14 u 15 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81.
112. Sa fejn dawn l-argumenti jinftiehmu bħala li jfissru li l-metodu ta’ kalkolu aġġustat kien neċessarju għall-implimentazzjoni tar-Regolament SRM u kien josserva l-għanijiet ġenerali essenzjali ta’ dan ir-regolament, infakkar li, kif jirriżulta mill-punt 99 ta’ dawn il-konklużjonijiet, tali konstatazzjoni ma tistax tawtorizza lill-Kunsill imur kontra l-projbizzjoni li jikkompleta jew jemenda l-kontenut tal-imsemmi regolament.
113. Min-naħa l-oħra, jekk dawn l-argumenti huma intiżi sabiex isostnu li kemm ir-riferiment magħmul mill-Artikolu 70 tal-istess regolament għall-indikaturi ta’ riskji stabbiliti fl-Artikolu 103(7) tal-BRRD u għar-Regolament Delegat (UE) 2015/63, kif ukoll għall-prinċipju ta’ proporzjonalità u għad-distorsjonijiet bejn l-istrutturi tas-settur bankarju li għandhom jiġu evitati, jintegra l-possibbiltà li tittieħed inkunsiderazzjoni data miġbura fuq bażi nazzjonali għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, nikkunsidra li dan għandu, minn tal-inqas, jirriżulta b’mod ċar mill-elementi tat-test tar-Regolament SRM, li jikkostitwixxi l-att leġiżlattiv bażiku (70).
114. L-ewwel nett, f’dan ir-rigward, bilfors għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 70(2)(b) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li l-kontribuzzjoni skont il-profil ta’ riskju tkun ibbażata fuq il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 103(7) tal-BRRD. Bl-istess mod, l-Artikolu 70(7) tar-Regolament SRM, permezz tar-riferiment tiegħu għall-paragrafu 6 ta’ din id-dispożizzjoni, li jipprevedi l-applikazzjoni ta’ “atti delegati li jispeċifikaw l-idea ta’ aġġustament tal-kontribuzzjonijiet proporzjonalment għall-profil ta’ riskju tal-istituzzjonijiet, adottati mill-Kummissjoni”, jistabbilixxi rabta espliċita mal-Artikolu 103(7) tal-BRRD kif ukoll mar-Regolament Delegat (UE) 2015/63. Għalhekk, ċertament jeżistu ċerti similaritajiet bejn il-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet individwali stabbilit mir-Regolament SRM u dak stabbilit mill-BRRD.
115. Fil-fatt, kull wieħed minn dawn il-metodi ta’ kalkolu jieħu bħala punt ta’ tluq il-passiv nett tal-istituzzjoni kkonċernata u jeħtieġ li kontribuzzjoni fissa, fis-sens tar-Regolament SRM (71), jew kontribuzzjoni annwali bażika, fis-sens tal-BRRD (72), tiġi aġġustata għall-profil ta’ riskju ta’ din l-istituzzjoni. Sabiex isir dan, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-indikaturi ta’ riskju stabbiliti fl-Artikolu 103(7) tal-BRRD u jiġi applikat il-metodu ta’ aġġustament xieraq kif speċifikat fir-Regolament Delegat (UE) 2015/63.
116. Għalhekk, l-Artikolu 103(7) tal-BRRD jistabbilixxi t-tmien elementi li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni meta tadotta l-att iddelegat sabiex jiġi ppreċiżat il-kunċett ta’ “aġġustament tal-kontribuzzjonijiet fi proporzjon tal-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet”, u r-Regolament Delegat (UE) 2015/63 jistabbilixxi u jimplimenta b’mod konkret il-prinċipji li għandhom jiġu applikati fil-kuntest ta’ dan l-aġġustament. Dan tal-aħħar jistabbilixxi l-metodu preċiż ta’ kalkolu użat b’mod konkret sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-kontribuzzjonijiet ex ante tal-istituzzjonijiet skont l-aġġustament tal-profil ta’ riskju tagħhom, jagħti dettalji tal-istadji differenti ta’ dan il-metodu ta’ kalkolu u jistabbilixxi l-formoli matematiċi li għandhom jiġu applikati mis-SRB jew mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni (73). Għalhekk l-imsemmi regolament huwa intiż sabiex jiżgura interpretazzjoni uniformi tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 103(7) tal-BRRD, b’tali mod li d-determinazzjoni ta’ indikaturi ta’ riskju tal-istituzzjonijiet għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet individwali tagħhom titwettaq b’mod simili fl-Unjoni kollha, kemm fil-kuntest tas-sistema stabbilita mill-BRRD kif ukoll f’dak stabbilita mir-Regolament SRM (74).
117. Min-naħa l-oħra, iż-żewġ metodi ta’ kalkolu huma differenti fir-rigward tal-bażi ta’ data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet annwali. Għall-kuntrarju tal-bażi ta’ data li sservi bħala bażi għall-metodu ta’ kalkolu espost mill-BRRD, li hija komposta esklużivament minn data tal-istituzzjonijiet bankarji miġbura fuq bażi nazzjonali, hija biss il-bażi tal-Unjoni li tissemma espressament fl-Artikolu 70(1) u (2) tar-Regolament SRM.
118. L-Artikolu 103(7) tal-BRRD, li huwa l-uniku dispożizzjoni ta’ din id-direttiva li tissemma espressament fl-Artikolu 70 tal-imsemmi regolament, imkien ma jsemmi l-bażi ta’ data nazzjonali li sservi bħala bażi għall-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet stabbilit fl-Artikolu 103(2) tal-imsemmija direttiva, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 75 tas-sentenzi appellati. Bl-istess mod, mir-Regolament Delegat (UE) 2015/63 ma jirriżultax li s-SRB, meta jaġixxi bħala awtorità ta’ riżoluzzjoni fil-kuntest tar-Regolament SRM, għandu jibbaża ruħu, għall-kalkolu ta’ perċentwali varjabbli tal-kontribuzzjonijiet ex ante, fuq tali bażi ta’ data nazzjonali. Barra minn hekk, minkejja li l-premessa 109 ta’ dan ir-regolament tippreċiża li “[s]abiex jiġi żgurat kalkolu ġust tal-kontribuzzjonijiet [għas-SRF] u jingħataw inċentivi biex joperaw b’mudell li jippreżenta inqas riskji, il-kontribuzzjonijiet tal-Fond għandhom iqisu l-grad ta’ riskju mġarrab mill-istituzzjoni ta’ kreditu skont [il-BRRD] u l-atti delegati adottati skontha” (75), hija lanqas biss ma tistabbilixxi l-ħtieġa li parti dekrexxenti tal-kontribuzzjonijiet tiġi kkalkolata billi tittieħed inkunsiderazzjoni data miġbura fuq bażi nazzjonali.
119. Nibqa’ iktar imħawwad bl-argument li r-riferiment li l-Artikolu 70 tar-Regolament SRM jagħmel għall-Artikolu 103(7) tal-BRRD u għar-Regolament Delegat (UE) 2015/63 allegatament awtorizza lill-Kunsill jadotta l-metodu ta’ kalkolu aġġustat, peress li tali argument jagħti lill-Artikolu 70 tar-Regolament SRM sens doppju li jidhirli li huwa kontradittorju.
120. Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 70 ta’ dan ir-regolament għandu jinftiehem, skont l-appellanti, bħala li jirrigwarda b’mod impliċitu t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ perċentwali krexxenti ta’ data miġbura fuq bażi tal-Unjoni u perċentwali dekrexxenti ta’ data miġbura fuq bażi nazzjonali. Madankollu, min-naħa l-oħra, dan l-artikolu għandu jinftiehem, skont it-test innifsu tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, bħala li jirreferi għal metodu ta’ kalkolu li jieħu inkunsiderazzjoni biss data miġbura fuq bażi tal-Unjoni. Huwa għalhekk li l-Artikolu 8(1)(a) sa (h) ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni jistabbilixxi li perċentwali krexxenti tal-kontribuzzjonijiet annwali għandu jkun ikkalkolat “f’konformità mal-Artikoli 69 u 70 tar-Regolament [SRM] u l-Artikolu 4 [tal-imsemmi regolament ta’ implimentazzjoni]”, u li “fit-tmien sena tal-perijodu inizjali, [...] l-istituzzjonijiet għandhom jikkontribwixxu 100 % tal-kontribuzzjonijiet annwali tagħhom kalkulati f’konformità mal-Artikoli 69 u 70 tar-Regolament [SRM] u l-Artikolu 4 [tal-istess regolament ta’ implimentazzjoni]”. Issa, b’konformità mal-formulazzjoni ta’ dan l-Artikolu 4, il-metodu ta’ kalkolu għandu jkun konformi mal-Artikolu 70 tar-Regolament SRM u “mal-metodoloġija stabbilita fir-Regolament Delegat [(UE) 2015/63]” (76). Dawn id-dispożizzjonijiet kienu interpretati mill-partijiet kollha bħala li jfissru li, fi proporzjon krexxenti matul il-perijodu inizjali, sakemm jintlaħaq il‑100 % fl-aħħar sena tiegħu, hija biss d-data miġbura fuq bażi tal-Unjoni li għandha sservi bħala bażi għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet annwali. Għalhekk, minn dan jirriżulta, fl-ewwel lok, li s-sempliċi riferiment għar-Regolament Delegat (UE) 2015/63 ma jistax jinftiehem bħala li jimplika b’mod impliċitu riferiment għall-metodu ta’ kalkolu tal-BRRD u għall-użu ta’ data miġbura fuq bażi nazzjonali, u fit-tieni lok, li l-metodu ta’ kalkolu stabbilit fl-Artikolu 70 tar-Regolament SRM jipprevedi biss l-użu tad-data tal-istituzzjonijiet awtorizzati miġbura fuq bażi tal-Unjoni.
121. Fil-fehma tiegħi, l-istess japplika għall-argument tal-appellanti li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-indikaturi ta’ riskju previsti fl-Artikolu 103(7)(c) u (g) tal-BRRD jimplika li l-kontribuzzjonijiet tal-istituzzjonijiet jiġu kkalkolati skont metodu li jieħu inkunsiderazzjoni, b’mod dekrexxenti, data tal-istituzzjonijiet awtorizzati miġbura fuq bażi nazzjonali. Peress li dawn indikaturi ta’ riskju jipparteċipaw ukoll fid-determinazzjoni tal-profil ta’ riskju tal-istituzzjonijiet u tal-kontribuzzjoni tagħhom skont il-profil ta’ riskju fil-kuntest ta’ kalkolu li huwa bbażat b’mod sħiħ fuq il-bażi tal-Unjoni, mir-Regolament SRM ma jirriżultax li r-riferiment għal din id-dispożizzjoni tal-BRRD kien ifisser it-tranżizzjoni progressiva minn metodu ta’ kalkolu fuq bażi nazzjonali għal metodu ta’ kalkolu fuq bażi tal-Unjoni.
122. It-tieni nett, fir-rigward tal-argument tal-appellanti li r-Regolament SRM għandu l-għan li jiżgura l-koerenza bejn id-dħul tas-SRF taħt il-forma ta’ kontribuzzjonijiet annwalli u l-mutwalizzazzjoni progressiva tal-kompartimenti nazzjonali fil-każ ta’ użu tas-SRF, kif previst mill-Ftehim Intergovernattiv, nikkunsidra, kif indikat essenzjalment il-Qorti Ġenerali fil-punti 79 tas-sentenzi appellati, li dan il-ftehim bl-ebda mod ma jeżamina l-kwistjoni tal-metodu ta’ kalkolu li għandu jiġi segwit għall-ġbir tal-kontribuzzjonijiet individwali (77). L-istess japplika għar-Regolament SRM, li ma jinkludi ebda indikazzjoni espressa dwar il-fatt li l-ġbir tal-kontribuzzjonijiet individwali għandu jsegwi r-ritmu ta’ mutwalizzazzjoni tal-kompartimenti nazzjonali tas-SRF fil-każ ta’ użu ta’ dan tal-aħħar. L-Artikolu 67(1) u (4) u l-Artikolu 77 tar-Regolament SRM jirreferu biss, rispettivament, għar-regoli tal-imsemmi ftehim relatati mat-trasferiment tal-fondi u mal-użu tas-SRF fil-kuntest ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni (78). Għalhekk, ir-rabta li allegatament teżisti bejn il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet matul il-perijodu inizjali u l-mutwalizzazzjoni progressiva tal-kompartimenti fi ħdan is-SRF ma tirriżultax b’mod suffiċjenti minn dan ir-regolament.
123. Barra minn hekk, nirrileva li r-ritmu taż-żieda progressiva tal-kontribuzzjonijiet ikkalkolati billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-bażi tal-Unjoni, flimkien mat-tneħħija progressiv tal-kontribuzzjonijiet ikkalkolati billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-bażi nazzjonali, kif stabbilit mill-metodu ta’ kalkolu aġġustat, ma jsegwix eżattament ir-ritmu ta’ mutwalizzazzjoni tal-kompartimenti nazzjonali tas-SRF stabbilit mill-Ftehim Intergovernattiv. Fil-fatt, kif ikkonferma l-Kunsill waqt is-seduta, il-perċentwali tal-kontribuzzjonijiet ikkalkolat abbażi tal-bażi nazzjonali ma jikkorrispondix eżattament għall-perċentwali ta’ fondi mhux mutwalizzati, fi ħdan il-kompartimenti nazzjonali, li jistgħu jintużaw fil-kuntest ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni (79). Din id-diskrepanza għandha effetti fuq is-snin kollha tal-perijodu inizjali, u fil-fehma tiegħi, twaqqa’ l-argument li l-metodu ta’ kalkolu aġġustat jippermetti li jiġi żgurat li l-kapaċità effettiva ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni mill-kompartimenti nazzjonali hija marbuta mal-kontribuzzjonijiet miġbura billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-bażi nazzjonali.
124. Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li lanqas ma jista’ jiġi sostnut li l-ħtieġa li jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ proporzjonalità, mingħajr ma jinħolqu distorsjonijiet bejn l-istrutturi tas-settur bankarju tal-Istati Membri, imsemmija fl-Artikolu 70(2)(b) tar-Regolament SRM, tkopri b’mod impliċitu metodu ta’ kalkolu li huwa bbażat fuq implimentazzjoni progressiva tal-kontribuzzjonijiet ikkalkolati billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-bażi tal-Unjoni, flimkien ma’ tnaqqis progressiv tal-kontribuzzjonijiet ikkalkolati billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-bażi nazzjonali. Fil-fatt, fil-fehma tiegħi, wieħed ma jistax jagħti lill-kunċett ta’ “proporzjonalità” jew lill-ħtieġa li ma jinħolqux distorsjonijiet bejn l-istrutturi tas-settur bankarji portata li tevita l-kunsiderazzjonijiet li jirriżultaw mit-test innifsu ta’ dan ir-regolament.
125. Inżid li, għall-kuntrarju ta’ dak li sostna l-Kunsill fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-parir tas-servizz legali tiegħu ma jirriżultax li dan tal-aħħar qies li l-Artikolu 7(1) tal-Proposta għal Regolament ta’ Implimentazzjoni, li sar l-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, kien kompatibbli b’mod sħiħ mal-attribuzzjoni ta’ kompetenzi prevista fir-Regolament SRM. Wara li eżamina l-ġustifikazzjonijiet previsti fil-premessi 13 u 14 tal-Proposta għal Regolament ta’ Implimentazzjoni, relatati mal-ħtieġa li jiġu evitati d-distorsjonijiet bejn l-istrutturi tas-settur bankarju, is-servizz legali kkonkluda li, kif ifformulata, ebda element tal-Proposta għal Regolament ta’ Implimentazzjoni ma kien jippermetti li jiġi konkluż li l-metodu ta’ kalkolu aġġustat kien kompatibbli mar-regoli u mal-prinċipji ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 70(1) u (2) tar-Regolament SRM, u li kellha tiġi pprovduta spjegazzjoni suffiċjentement solida sabiex tiġi stabbilita rabta reali bejn dan il-metodu u l-fatturi ta’ riskju. Barra minn hekk, il-parir tas-servizz legali tal-Kunsill ma kellux l-għan li jiddeċiedi dwar il-plawżibbiltà ta’ tali ġustifikazzjoni (80).
126. Ċertament, il-Proposta għal Regolament ta’ Implimentazzjoni kienet is-suġġett ta’ emendi ulterjuri, inkluż tal-premessi 13 u 14 ikkonċernati mill-parir tas-servizz legali tal-Kunsill. Xorta jibqa’ l-fatt li, fi kwalunkwe każ, l-ispjegazzjonijiet iktar iddettaljati previsti fil-premessi 13 sa 15 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, li jirrigwardaw l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-ħtieġa li jiġu evitati distorsjonijiet bejn l-istrutturi tas-settur bankarju u l-utilità li tiġi żgurata l-adegwatezza tal-kontribuzzjonijiet skont il-profil ta’ riskju bl-użu mistenni tal-mezzi mhux mutwalizzati tal-kompartimenti nazzjonali, ma għandhomx bażi ċara fir-Regolament SRM, li huwa l-att leġiżlattiv bażiku, kif jirriżulta mill-punti 114 sa 123 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
127. Jekk l-intenzjoni wara l-metodu ta’ kalkolu aġġustat kienet li jiġi żgurat li l-kontribuzzjonijiet dovuti minn ċerti istituzzjonijiet fil-kuntest tal-mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni ma jeċċedux b’mod sproporzjonat l-ammont tal-kontribuzzjonijiet li huma kellhom iħallsu fil-kuntest tal-mekkaniżmu kif stabbilit mill-BRRD (81), din ma tirriżultax b’mod distint minn dan ir-regolament. Barra minn hekk huwa wkoll konċepibbli, kif argumentaw Hypo Vorarlberg Bank u Volkskreditbank, li l-metodu ta’ kalkolu aġġustat kien wassal, għal istituzzjonijiet oħra, għal ammonti ta’ kontribuzzjonijiet ogħla minn dawk li huma kienu jħallsu abbażi ta’ metodu ta’ kalkolu li jieħu inkunsiderazzjoni biss il-bażi ta’ data tal-Unjoni.
128. Għalhekk, kif irrilevat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punti 71 u 72 kif ukoll 78 u 79 tas-sentenzi appellati, il-Kunsill ma setax, permezz tas-setgħat ta’ implimentazzjoni li kienu attribwiti lilu mir-Regolament SRM, jeskludi l-metodu ta’ kalkolu espressament preskritt mill-Artikolu 70(1) u (2) ta’ dan ir-regolament, li jinvoka biss ir-rabta tad-data ta’ kull istituzzjoni meħuda individwalment mad-data miġbura abbażi ta’ bażi tal-Unjoni, u jemenda l-bażi nnifisha ta’ dan il-metodu ta’ kalkolu.
129. Ċertament, kif indika l-Avukat Ġenerali Rantos fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Fenix International, id-distinzjoni bejn “tikkumplimenta jew temenda” u “tispeċifika” att leġiżlattiv mhux dejjem hija evidenti (82). Barra minn hekk, huwa possibbli li jiġi argumentat li miżuri ta’ implimentazzjoni, ikunu xi jkunu, dejjem “iżidu” xi ħaġa mal-att leġiżlattiv bażiku, b’mod partikolari sa fejn l-ispeċifikazzjoni nnifisha ta’ kundizzjonijiet uniformi ta’ implimentazzjoni żżid element wieħed jew ieħor mad-dispożizzjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-imsemmi att leġiżlattiv (83).
130. Madankollu, kif indika l-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Ir‑Renju Unit vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, billi ċċita l-filosofija ta’ Stefan Körner, “l-eżistenza ta’ każijiet ambigwi ma timplikax l-assenza ta’ każijiet ċari pożittivi jew negattivi” (84). Madankollu, inqis li leġiżlazzjoni adottata fil-kuntest ta’ setgħa ta’ implimentazzjoni għandha, tal-inqas, tkun konformi mat-termini inekwivoċi tar-regola ġenerali stabbilita mill-att leġiżlattiv bażiku.
131. In-natura tranżitorja tal-metodu ta’ kalkolu aġġustat ma tistax tikkontesta din il-konklużjoni (85).
132. Għalhekk, nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball meta kkonkludiet, fil-punt 85 tas-sentenzi appellati, li l-metodu ta’ kalkolu aġġustat introdott mill-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 ibiddel il-kontenut normattiv tar-Regolament SRM, b’tali mod li l-Kunsill eċċeda l-kompetenzi ta’ implimentazzjoni mogħtija lilu fl-Artikolu 70(7) ta’ ta’ dan ir-regolament (86).
133. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-tieni aggravju fit-totalità tiegħu bħala infondat.
C. Fuq it-tielet aggravju
1. Argumenti tas-SRB u tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni
134. L-appellanti jargumentaw essenzjalment li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 114 sa 122 tas-sentenzi appellati, wettqet diversi żbalji ta’ liġi billi kkunsidrat li l-limitu massimu ta’ 12.5 % kellu jiġi applikat fiċ-ċirkustanzi kollha matul il-perijodu inizjali kollu, b’detriment għall-għan intiż għall-ilħuq tal-livell fil-mira, u billi rrikjediet li s-SRB intenzjonalment iwettaq stima eċċessiva u sinjifikattiva ta’ dan il-livell fil-mira. L-interpretazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali tar-rabta bejn l-Artikolu 69(1) u l-ewwel u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament SRM tmur kontra l-formulazzjoni, il-kuntest u l-għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, kif ukoll il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità, u l-limiti tad-delega ta’ setgħat stabbiliti mill-ġurisprudenza Meroni vs L‑Awtorità Għolja (87). Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward huwa barra minn hekk ivvizzjat minn diversi kontradizzjonijiet.
135. Qabel xejn, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 69(1) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-livell fil-mira li jikkorrispondi għal “mill-inqas 1 % tal-ammont ta’ depożiti koperti tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha awtorizzati fl-Istati Membri parteċipanti kollha” jikkostitwixxi rekwiżit minimu strett. Din id-dispożizzjoni tiddetermina l-għan prinċipali li għandu jintlaħaq fi tmiem il-perijodu inizjali, punt li diġà ġie rrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja (88).
136. Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li targumenta l-Qorti Ġenerali fil-punti 118 u 119 tas-sentenzi appellati, is-sens tal-ewwel u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tal-imsemmi regolament ma jirriżultax mingħajr ambigwità mill-formulazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkontradixxiet ruħha billi segwiet l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni b’mod li jmur kontra l-formulazzjoni tagħha stess. B’konformità mat-test tal-imsemmija dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-punt 35 tal-Artikolu 3(1) ta’ dan l-istess regolament, il-“livell fil-mira” li għalih issir referenza huwa l-“livell fil-mira finali”, li jista’ jkun magħruf b’ċertezza fi tmiem il-perijodu inizjali biss. Għalhekk, ir-regola tal-limitu massimu ta’ 12.5 % kienet intiża sabiex tapplika għal dan il-livell fil-mira finali u mhux għal-livell fil-mira “mbassar” kull sena tal-perijodu inizjali, għall-kuntrarju ta’ dak li sostniet il-Qorti Ġenerali fil-punt 115 ta’ dawn is-sentenzi. Barra minn hekk, l-osservanza ta’ din ir-regola tista’ tiġi vverifikata biss bħala medja, abbażi tal-kontribuzzjonijiet kollha miġbura fl-aħħar ta’ dan il-perijodu, li kien il-każ f’dan il-każ (89).
137. Għalhekk, l-Artikolu 69(1) u l-ewwel u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament SRM għandhom jiġu interpretati b’mod kuntestwali u teleoloġiku, sabiex dawn id-dispożizzjonijiet jiġu rrikonċiljati u jingħatalhom effett utli.
138. Issa, l-għan prinċipali mfittex mill-Artikolu 69(1) ta’ dan ir-regolament, li jirriżulta b’mod partikolari mill-espożizzjoni tal-motivi tal-Proposta għal Regolament SRM, huwa li jiġi żgurat li s-settur finanzjarju jipprovdi mezzi finanzjarji suffiċjenti sabiex il-mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni jkun jista’ jwettaq il-funzjonijiet tiegħu, sabiex tiġi ppreżervata l-istabbiltà finanzjarja tas-sistema, u li l-kontribuzzjonijiet tal-istituzzjonijiet finanzjarji jkunu proporzjonati u prevedibbli.
139. Barra minn hekk, in-natura indikattiva tal-limitu massimu ta’ 12.5 % tirriżulta mill-kuntest u mill-iskop tal-ewwel u tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament SRM. Għalhekk, il-formulazzjoni tal-espożizzjoni tal-motivi flimkien mal-Proposta għal Regolament SRM kienu jindikaw li l-kontribuzzjoni annwali tas-settur bankarju matul il-perijodu inizjali, dak iż-żmien stabbilit għal għaxar snin, kienet tirrappreżenta “madwar” wieħed minn għaxra tal-livell fil-mira (90). Għalhekk, il-limitu massimu ta’ 12.5 % kien introdott matul il-proċess leġiżlattiv sempliċement sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni perijodu inizjali ta’ tmien snin, u għandu jkun irrikonċiljat mal-prinċipju li l-kontribuzzjonijiet għandhom jitqassmu bl-iktar mod uniformi possibbli, kif jirriżulta mill-Artikolu 69(2) u (5) ta’ dan ir-regolament, kif ukoll mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/747 (91).
140. L-Artikolu 69(3) u (4) tar-Regolament SRM, li jirrigwarda, barra minn hekk, ċirkustanzi partikolari li fihom is-SRB jista’ jasal sabiex, rispettivament, jestendi l-perijodu inizjali jew jiġbor kontribuzzjonijiet ġodda wara dan il-perijodu, lanqas ma jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-limitu massimu ta’ 12.5 % għandu jiġi applikat b’mod strett kull sena tal-imsemmi perijodu u lanqas li s-sistema kienet tittollera li l-livell fil-mira ma jkunx intlaħaq fi tmiem il-perijodu inizjali.
141. Minn perspettiva kuntestwali, is-SRB iżid li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jippermettilu jiġbor kontribuzzjonijiet iktar minn dak neċessarju, għall-kuntrarju tas-sistema stabbilita fil-kuntest tal-BRRD, li fiha l-Istati Membri ngħataw espressament is-setgħa li jistabbilixxu livelli fil-mira ogħla mill-ammont ta’ “mill-inqas 1 % tad-depożiti koperti” (92). Huwa ma huwiex awtorizzat, sempliċement sabiex josserva l-limitu massimu ta’ 12.5 %, li jistabbilixxi deliberatament il-livell fil-mira għal livell artifiċjalment ogħla minn dak li jirriżulta minn rappreżentazzjoni eżatta tal-fatti u tal-evalwazzjonijiet ekonomiċi disponibbli fil-mument tat-tbassir, għall-kuntrarju ta’ dak li l-Qorti Ġenerali rrikjediet fil-punti 125 sa 127 tas-sentenzi appellati.
142. Barra minn hekk, tali rekwiżit ta’ stima eċċessiva tal-livell fil-mira jmur kemm kontra l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba stabbilit mill-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll kontra l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità. Huwa jmur ukoll kontra il-limiti tad-delega ta’ setgħat lil aġenzija tal-Unjoni kif stabbiliti mis-sentenza Meroni vs L‑Awtorità Għolja (93). Fil-fatt, jekk is-SRB ikun jista’ jistabbilixxi l-livell fil-mira għal perċentwali magħżul liberament li jaqbeż il‑1 % tal-ammont tad-depożiti koperti, dan ikun jippreġudika s-setgħa tal-leġiżlatur li jiddetermina l-ammont neċessarju u proporzjonat sabiex jiżgura l-finanzjament effettiv u suffiċjenti tas-SRF, u essenzjalment jittrasferixxi lis-SRB ir-responsabbiltà li jiddetermina l-livell fil-mira finali xieraq, u għalhekk dan tal-aħħar jingħata setgħa diskrezzjonali politika reali.
143. Fl-aħħar nett, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa vvizzjat b’kontradizzjonijiet peress li, minn naħa, hija tindika, fil-punt 114 tas-sentenzi appellati, li s-SRB għandu jwettaq “stima kemm jista’ jkun preċiża tal-livell fil-mira finali fid-dawl tad-data disponibbli fil-mument ta’ din l-istima”, u min-naħa l-oħra, fil-punti 125 u 126 ta’ dawn is-sentenzi, li s-SRB kellu “jevalwa, abbażi ta’ previżjonijiet prudenti, l-evoluzzjoni tal-ammont tad-depożiti koperti b’tali mod li l-imsemmi livell fil-mira jintlaħaq, filwaqt li jiġi osservat il-limitu massimu ta’ 12.5 %”, li jimplika li jagħmel stima eċċessiva tal-livell fil-mira mingħajr ma dan ikun iġġustifikat mid-data disponibbli.
144. Is-SRB jikkonkludi billi jargumenta li l-bilanċ ġust bejn, l-Artikolu 69(1) u (2) kif ukoll l-Artikolu 70(2) tar-Regolament SRM jista’ jiġi ppreżervat biss jekk jitqies li l-limitu massimu ta’ 12.5 % ma huwiex limitu assolut iżda għandu jiġi applikat b’mod kompatibbli mar-regola li l-kontribuzzjonijiet jitqassmu bl-iktar mod uniformi possibbli matul il-perijodu inizjali u mal-għan prinċipali li fi tmiem dan il-perijodu jintlaħaq il-livell fil-mira finali. Madankollu, kien ikun materjalment impossibbli li s-SRB jilħaq dan il-għan li kieku kellu japplika dan il-limitu massimu b’mod strett. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali żbaljat ukoll meta, fil-punti 123 sa 126 tal-imsemmija sentenzi, ikkunsidrat li kien possibbli li jimxi b’dan il-mod. Tali analiżi tkun ibbażata fuq kriterji ta’ kontroll żbaljati u ma tiħux inkunsiderazzjoni elementi ta’ fatt u ta’ liġi li kienu jeżistu fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tas-SRB, jiġifieri matul il-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2022.
145. Il-Parlament jikkunsidra li minkejja li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet ġustament, fil-punt 123 ta’ dawn l-istess sentenzi, li ma kienx impossibbli li l-għan li jintlaħaq il-livell fil-mira jiġi rrikonċiljat mar-regola tal-limitu massimu ta’ 12.5 % u mar-rekwiżit li l-kontribuzzjonijiet annwali jitqassmu bl-iktar mod uniformi possibbli, kif jirriżulta minn interpretazzjoni testwali tal-Artikoli 69 u 70 tar-Regolament SRM, madankollu, il-Qorti Ġenerali injorat tali interpretazzjoni, fil-punti 114 sa 116 tas-sentenzi appellati, billi kkunsidrat li l-limitu massimu kien jirrigwarda l-livell fil-mira finali mbassar u mhux il-livell fil-mira finali magħruf fi tmiem il-perijodu inizjali. Tali żball wassalha sabiex teħtieġ li s-SRB jistma b’mod eċċessiv l-ammont tal-livell fil-mira, li ma jirriżultax la mit-test u lanqas mill-għan ta’ dan ir-regolament u ma jippermettix l-osservanza tar-rekwiżit ta’ tqassim uniformi tal-kontribuzzjonijiet annwali. Mill-bqija, l-argumenti tal-Parlament jaqblu essenzjalment ma’ dawk tas-SRB u tal-Kunsill. L-istess japplika għall-Kummissjoni, li tqis li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali jagħmel il-livell fil-mira annwali l-element determinanti, għad-detriment tal-livell fil-mira finali magħruf fi tmiem tal-perijodu inizjali, u jinverti għalhekk il-grad tal-miri finanzjarji li għandhom jintlaħqu.
2. L-argumenti tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu
146. Hypo Vorarlberg Bank, sostnuta mill-Österreichischer Sparkassenverband, u Volkskreditbank, jargumentaw, minn naħa, li kemm mill-formulazzjoni tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament SRM kif ukoll mill-proċedura leġiżlattiva jirriżulta b’mod ċar li l-limitu massimu ta’ 12.5 %, ifformolat darbtejn b’mod vinkolanti, kellu jiġi osservat fiċ-ċirkustanzi kollha matul il-perijodu inizjali, peress li dan il-limitu massimu kien stabbilit sabiex jipproteġi l-istituzzjonijiet finanzjarji kontra kontribuzzjonijiet eċċessivi u sabiex ma jostakolax indebitament il-funzjonament ekonomiku tas-settur bankarju. Min-naħa l-oħra, ma tistax tiġi dedotta supremazija imperattiva tal-livell fil-mira stabbilit fl-Artikolu 69(1) ta’ dan ir-regolament, peress li din id-dispożizzjoni hija ta’ grad identiku għall-Artikolu 70 tal-imsemmi regolament. Huma jżidu li l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali teħtieġ li s-SRB iwettaq intenzjonalment stima eċċessiva tal-livell fil-mira jirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tas-sentenzi appellati, peress li l-Qorti Ġenerali indikat biss li s-SRB kien marbut bi previżjonijiet prudenti tal-iżvilupp tad-depożiti koperti. Tali rekwiżiti ma humiex kontradittorji u jeskludu kwalunkwe stima eċċessiva.
3. Evalwazzjoni
147. Sabiex jiġu evitati repetizzjonijiet, nirreferi għall-punti 45 sa 106 tal-konklużjonijiet li qiegħed nippreżenta llum fil-Kawżi C‑454/24 P, SRB vs Dexia u C‑705/24 P, SRB vs BAWAG P.S.K., peress li l-punti 95 sa 133 tas-sentenzi appellati huma identiċi għall-punti 27 sa 65 tas-sentenza tal‑10 ta’ April 2024, Dexia vs SRB (Kontribuzzjonijiet ex ante 2022) (T‑411/22, EU:T:2024:216) u l-argumenti tal-appellanti kienu essenzjalment l-istess f’kull waħda minn dawn il-kawżi, li fihom nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad dawn l-argumenti bħala infondati.
148. Peress li ebda wieħed mill-aggravji invokati mill-appellanti insostenn tal-appelli tagħhom ma kien milqugħ, hemm lok li dawn jiġu miċħuda kollha kemm huma.
IX. Fuq iż-żamma ta’ effetti ratione temporis
A. L-argumenti tal-partijiet
149. Sussidjarjament, peress li l-eċċezzjoni ta’ illegalità tirrigwarda l-Artikolu 70(7) tar-Regolament SRM u taffettwa kemm ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 kif ukoll id-Deċiżjoni tas-SRB 2022, l-appellanti jargumentaw li jkunu neċessarji tliet proċeduri konsekuttivi sabiex jirrimedjaw il-vizzji allegati, u f’dan ir-rigward, jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tipposponi l-effett tal-annullament ta’ din id-deċiżjoni għal terminu ta’ mill-inqas 30 xahar mid-data li fiha s-sentenzi mogħtija f’dawn il-kawżi jsiru definittivi.
150. Hypo Vorarlberg Bank targumenta li ż-żamma tal-effetti tad-Deċiżjoni tas-SRB 2022, fil-każ ta’ annullament tagħha, għal perijodu ta’ 30 xahar ma ntalbet mill-ebda parti fil-proċedura tal-ewwel istanza. Barra minn hekk, peress li s-SRB kien talab lill-Qorti Ġenerali żżomm l-effetti ta’ din id-deċiżjoni għal perijodu ta’ sitt xhur sa mid-data li fiha s-sentenza tal-Qorti Ġenerali ssir definittiva, din tal-aħħar kienet żbaljata meta laqgħet tali żamma għal perijodu ta’ tnax-il xahar. Hija żżid li minkejja li b’konformità mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, l-effett ex tunc normali ta’ annullament jista’ jiġi ristrett, din hija eċċezzjoni li għandha tiġi interpretata b’mod strett.
151. Issa, minn naħa, id-Deċiżjoni tas-SRB 2022 ma kinitx ġiet annullata għal raġunijiet ta’ ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, iżda għal ksur materjali ta’ dispożizzjoni tar-Regolament SRM. Min-naħa l-oħra, l-appellanti ma jesponux ir-riskju għall-istabbiltà finanzjarja jew il-konsegwenzi negattivi serji marbuta ma’ annullament immedjat tal-istess deċiżjoni jew maż-żamma tal-effetti tagħha matul perijodu li jaqbeż it-tnax-il xahar. Min-naħa l-oħra, tali żamma twassal għal konsegwenzi negattivi serji għall-istituzzjonijiet bankarji, li ma jirċevux la r-rimbors tal-ammonti illegalment miġbura u lanqas l-interessi bħala kumpens b’rata fissa.
152. Sussidjarjament, Hypo Vorarlberg Bank issostni li, barra minn hekk, tista’ tiġi prevista biss żamma parzjali, b’tali mod li l-parti tal-kontribuzzjonijiet miġbura li taqbeż l-ammont tal-livell fil-mira finali magħruf fi tmiem il-perijodu inizjali tista’ tkun is-suġġett ta’ rimbors.
B. Evalwazzjoni
153. Għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar dan l-aggravju biss jekk hija tiċħad l-appelli u tikkonferma l-annullament tad-Deċiżjoni tas-SRB 2022, kif qiegħed nipproponi.
154. Sabiex jiġu evitati repetizzjonijiet, nirreferi għall-punti 23 sa 30 tal-konklużjonijiet li qiegħed nippreżenta llum fil-Kawża C‑671/24 P, BAWAG P.S.K. vs SRB, peress li d-Deċiżjoni tas-SRB 2022 inkwistjoni f’dan il-każ kienet ivvizzjata bl-istess illegalitajiet bħad-Deċiżjoni tas-SRB inkwistjoni f’dik il-kawża.
155. Għalhekk, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha żżomm l-effetti tad-Deċiżjoni tas-SRB 2022, għal dak li jirrigwarda Hypo Vorarlberg Bank u Volkskreditbank, f’terminu raġonevoli li ma jistax jaqbeż 30 xahar mid-data li fiha jingħataw is-sentenzi fil-Kawżi C‑454/24 P, C‑529/24 P, C‑536/24 P, C‑537/24 P, C‑585/24 P, C‑671/24 P u C‑705/24 P, sad-dħul fis-seħħ ta’ deċiżjoni tas-SRB ġdida li tistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet ex ante għas-SRF ta’ dawn l-istituzzjonijiet.
X. Fuq l-ispejjeż
156. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-appelli għandhom jiġu miċħuda kollha kemm huma. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż konformement mal-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.
157. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tal-imsemmija Regoli, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn jintalbu. Peress li l-appellanti tilfu fil-kuntest tal-appelli rispettivi tagħhom, hemm lok li huma jiġu kkundannati kemm għall-ispejjeż tagħhom stess kif ukoll għal dawk sostnuti minn Hypo Vorarlberg Bank u minn Volkskreditbank, kif mitluba minn dawn tal-aħħar.
158. Konformement mal-Artikolu 140(1) u (3) tal-imsemmija Regoli, applikabbli għal proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawżi għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess u l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li intervenjenti, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu 140, tbati l-ispejjeż tagħha stess. Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 184(4) tar-Regoli tal-Proċedura, parti intervenjenti fl-ewwel istanza li ma appellatx hija stess, tista’ tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha stess jekk hija pparteċipat fil-fażi bil-miktub jew orali tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, il-Parlament u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.
159. Abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jiġi deċiż ukoll li s-SRB u l-Kunsill għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess, rispettivament, fil-Kawżi C‑529/24 P u C‑585/24 P kif ukoll C‑536/24 P u C‑537/24 P u li l-Bundesverband deutscher Banken u l-Federazzjoni Bankarja Franċiża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess f’kull waħda minn dawn il-kawżi.
Konklużjoni
160. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:
1) L-appelli huma miċħuda.
2) L-effetti tad-Deċiżjoni SRB/ES/2022/18 tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni huma miżmuma, sa fejn din id-deċiżjoni tirrigwarda lil Hypo Vorarlberg Bank AG u Volkskreditbank AG, sad-dħul fis-seħħ ta’ att ġdid intiż sabiex jissostitwixxiha u sa mhux iktar tard minn 30 xahar mid-data li fiha jingħataw sentenzi fil-Kawżi C‑454/24 P, C‑529/24 P, C‑536/24 P, C‑537/24 P, C‑585/24 P, C‑671/24 P u C‑705/24 P.
3) Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat, minbarra għall-ispejjeż tiegħu stess, għal dawk sostnuti minn Hypo Vorarlberg Bank u Volkskreditbank fil-Kawżi C‑529/24 P u C‑585/24 P.
4) Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni huwa kkundannat, minbarra għall-ispejjeż tiegħu stess, għal dawk sostnuti minn Hypo Vorarlberg Bank u Volkskreditbank fil-Kawżi C‑536/24 P u C‑537/24 P.
5) Il-Kunsill għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess fil-Kawżi C‑536/24 P u C‑537/24 P.
6) Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess fil-Kawżi C‑529/24 P u C‑585/24 P.
7) Il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll il-Bundesverband deutscher Banken eV u l-Federazzjoni Bankarja Franċiża, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.
1 Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament SRM”). “SRM” hija l-abbrevjazzjoni għall-“mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni”.
3 Ftehim Intergovernattiv dwar it-Trasferiment u l-Mutwalizzazzjoni tal-Kontribuzzjonijiet għas-SRF, iffirmat fi Brussell fil‑21 ta’ Mejju 2014 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Intergovernattiv”).
4 Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190, iktar ’il quddiem il-“BRRD”). “BRRD” hija abbrevjazzjoni għal “Bank Recovery and Resolution Directive”.
5 Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal‑21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 11, p. 44, rettifika fil‑ĠU 2017, L 156, p. 38).
6 Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/81 tad‑19 ta’ Diċembru 2014 li jispeċifika kundizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 15, p. 1).
7 Ara l-premessi 1 sa 6 tal-BRRD. Ara, wkoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez‑Bordona fil-kawża State Street Bank International (C‑255/18, EU:C:2019:539, punti 33 sa 51).
8 Ara l-premessi 15, 104 u 131 kif ukoll l-Artikolu 3 tal-BRRD.
9 Ara l-premessi 105 sa 107, kif ukoll l-Artikoli 102, 103 u 130 tal-BRRD.
10 Ara t-tieni sentenza tal-Artikolu 102(1) tal-BRRD.
11 Ara l-Artikolu 103(2) tal-BRRD.
12 Ara t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 103(2) u l-Artikolu 103(7) tal-BRRD, kif ukoll l-Artikolu 4 et seq. tar-Regolament Delegat (UE) 2015/63.
13 Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑10 ta’ Lulju 2013 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑10 ta’ Lulju 2013 (COM(2013) 520 final) (iktar ’il quddiem il-“Proposta għal Regolament SRM”).
14 Ara l-Artikolu 4(1) tar-Regolament SRM.
15 Ara l-premessi 10 u 11 kif ukoll l-Artikolu 1 tar-Regolament SRM.
16 Ara l-Artikolu 76(1) tar-Regolament SRM.
17 Ara l-Artikolu 69(1) tar-Regolament SRM. Il-punt 35 tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l-livell fil-mira bħala “l-ammont ta’ mezzi finanzjarji disponibbli li għandu jintlaħaq skont l-Artikolu 69(1)”.
18 Ara l-Artikolu 70(1) tar-Regolament SRM.
19 Ara l-Artikolu 70(2) tar-Regolament SRM.
20 Ara l-Artikolu 70(6) tar-Regolament SRM.
21 Ara l-Artikolu 70(2) tar-Regolament SRM. Għandu jiġi nnotat li dan il-mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni huwa ispirat prinċipalment mill-mekkaniżmu li l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni għandhom jistabbilixxu konformement mal-BRRD, minkejja li l-mekkaniżmu stabbilit minn din tal-aħħar ma stabbilixxiex limitu massimu ta’ 12.5 %.
22 Ara l-Artikolu 5 tar-Regolament SRM.
23 Ara l-premessa 20 tar-Regolament SRM, iżda wkoll il-premessi 7 u 12, l-Artikolu 1(1)(a) u l-Artikolu 3 tal-Ftehim Intergovernattiv.
24 Ara l-premessa 12, l-Artikolu 1 u l-Artikolu 3(3) tal-Ftehim Intergovernattiv.
25 Perijodu speċifiku li jestendi mill‑1 ta’ Jannar 2016 sad-data li fiha s-SRF jikseb il-livell fil-mira iżda li ma jeċċedix tmien snin mid-data ta’ applikazzjoni tal-Ftehim Intergovernattiv (ara l-Artikolu 1(1)(b) tal-imsemmi ftehim).
26 Ara l-premessa 20 u l-Artikolu 1 tar-Regolament SRM, kif ukoll il-premessa 9, l-Artikolu 1(1)(b) u l-Artikoli 4 u 5 tal-Ftehim Intergovernattiv.
27 Ara l-premessi 13 sa 15 kif ukoll l-Artikolu 4 u l-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81.
28 EUR 79 987 450 580 (ara s-sentenzi appellati (punti 129)).
29 Ara l-premessi 60 u 61 tad-Deċiżjoni tas-SRB 2022.
30 EUR 14 253 573 821.46 (ara l-premessa 62 tad-Deċiżjoni tas-SRB 2022).
31 Ara t-Taqsima 6 tad-Deċiżjoni tas-SRB 2022.
32 Sentenzi appellati (punti 134 sa 136).
33 Sentenzi appellati (punti 23 sa 42).
34 Sentenzi appellati (punti 45 sa 86).
35 Sentenzi appellati (punti 95 sa 133).
36 Sentenzi appellati (punti 141 sa 146).
37 L-appellanti jirreferu għas-sentenzi tat‑18 ta’ Jannar 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑257/01, iktar ’il quddiem is-“sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill”, EU:C:2005:25, punt 53); tal‑1 ta’ Marzu 2016, National Iranian Oil Company vs IlKunsill (C‑440/14 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza National Iranian Oil Company vs Il‑Kunsill”, EU:C:2016:128, punti 49 u 50, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u l-punt 64); kif ukoll tat‑28 ta’ Frar 2023, Fenix International (C‑695/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza Fenix International”, EU:C:2023:127, punt 37).
38 Għalhekk, l-Artikolu 10 tal-Att Uniku Ewropew kien jipprevedi li l-Artikolu 145 KEE kellu jiġi kkompletat bid-dispożizzjonijiet li ġejjin:
“ – jagħti lill-Kummissjoni, fl-atti li hija tadotta, il-kompetenzi ta’ implimentazzjoni tar-regoli li hija tistabbilixxi. Il-Kunsill jista’ jissuġġetta l-eżerċizzju ta’ dawn il-kompetenzi għal ċerti modalitajiet. Huwa jista’ wkoll jirriżerva, f’każijiet speċifiċi, li jeżerċita direttament il-kompetenzi ta’ implimentazzjoni. Il-modalitajiet imsemmija iktar ’il fuq għandhom jissodisfaw il-prinċipji u r-regoli li l-Kunsill, li jiddeċiedi b’unanimità dwar il-proposta tal-Kummissjoni u wara opinjoni tal-Parlament Ewropew, ikun stabbilixxa minn qabel” (korsiv miżjud minni).
39 Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑257/01, EU:C:2004:226, punt 52).
40 Ara s-sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 1989, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (16/88, EU:C:1989:397, punt 10); National Iranian Oil Company vs IlKunsill (punt 49); u tat‑22 ta’ Settembru 2016, NIOC et vs Il‑Kunsill (C‑595/15 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza NIOC et vs Il‑Kunsill”, EU:C:2016:721, punt 55).
41 Punt 51. F’dan ir-rigward, l-Avukat Ġenerali Léger, fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑257/01, EU:C:2004:226, punt 54), ikkunsidra li n-natura ddettaljata tal-obbligu ta’ motivazzjoni timplika li ma għandhomx jiġu indikati biss ir-raġunijiet ta’ fatt u ta’ liġi li wasslu sabiex tittieħed id-deċiżjoni ta’ riżerva ta’ kompetenzi ta’ implimentazzjoni lill-Kunsill, iżda wkoll għaliex huwa importanti li jkun il-Kunsill u mhux il-Kummissjoni li jeżerċita dawn il-kompetenzi b’mod eċċezzjonali.
42 C‑133/06, EU:C:2008:257, punt 47.
43 Qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona, l-espressjoni “poteri ta’ implimentazzjoni” li tinsab fit-tielet inċiż tal-Artikolu 202 KE kienet tkopri żewġ tipi ta’ kompetenzi, jiġifieri l-kompetenza li jiġi implimentat, fuq il-livell tal-Unjoni, att leġiżlattiv ta’ din tal-aħħar jew uħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu, minn naħa, kif ukoll, f’ċerti ċirkustanzi, il-kompetenza li jiġu adottati atti regolatorji li jikkompletaw jew jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ att leġiżlattiv, min-naħa l-oħra. Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, ipproponiet distinzjoni bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ kompetenzi, li kienet finalment inkluża fit-Trattat ta’ Liżbona li jintroduċi distinzjoni bejn is-setgħa ta’ delega u s-setgħa ta’ implimentazzjoni fl-Artikoli 290 u 291 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑427/12, EU:C:2014:170, punt 36)).
44 Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (punt 59); National Iranian Oil Company vs IlKunsill (punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata), u NIOC et vs IlKunsill (punt 66 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
45 Ara Blumann, C., “Un nouveau départ pour la comitologie. Le règlement n o 182/2011 du 16 février 2011”, Cahiers de droit européen, Nru 1, 2011, p. 26 sa 52, li interpreta din l-emenda tat-test tat-Trattat bħala li timplika li l-attribuzzjoni ta’ kompetenza ta’ implimentazzjoni lill-Kunsill ser tkun iktar diffiċli taħt it-Trattat KEE u t-Trattat KE, tal-inqas intellettwalment, fid-dawl tar-rieda li din l-istituzzjoni titneżża’ minn din il-funzjoni eżekuttiva sabiex tikkonċentra fuq missjonijiet oħra.
46 Ara s-sentenzi National Iranian Oil Company vs IlKunsill (punti 50 u 60 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata); NIOC et vs IlKunsill (punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata), u Fenix International (punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
47 Jidher li waqt is-seduta ntlaħaq kunsens f’dan ir-rigward.
48 F’dan ir-rigward, ninnota li kemm il-Qorti Ġenerali, fil-punti 35 tas-sentenzi appellati, kif ukoll is-SRB, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilixxew rabta bejn il-premessa 24 u l-Artikolu 18(7) tar-Regolament SRM.
49 Ara Chamon, M., “The Sui Generis Framework for Implementing the Law of EMU: A Constitutional Assessment”, European Papers, vol. 6, Nru 3, 2021, p. 1463 sa 1484, speċjalment p. 1480 sa 1482, li jiċċita b’mod partikolari, bħala eżempju, il-premessa 14 tar-Regoalment (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU 2011, L 55, p. 13).
50 Ara s-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (punti 33 u 34, 38, 53 sa 56 u 59), kif ukoll Fenix International (punti 39 u 40). Ara wkoll, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑156/21, EU:C:2022:97, punti 188 u 189), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li sa fejn il-indikazzjonijiet, li jinsabu fir-regolament inkwistjoni, kienu jippreċiżaw li l-kompetenzi ta’ implimentazzjoni kienu mogħtija lill-Kunsill sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi ta’ eżekuzzjoni ta’ dan ir-regolament, fid-dawl tal-importanza tal-effetti finanzjarji ta’ tali miżuri, dawn l-indikazzjonijiet kienu suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li l-attribuzzjoni lill-Kunsill ta’ dawn il-kompetenzi kienet debitament iġġustifikata.
51 Ara s-sentenza National Iranian Oil Company vs IlKunsill (punti 60 sa 65). Ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża National Iranian Oil Company vs Il‑Kunsill (C‑440/14 P, EU:C:2015:545, punti 93 sa 97).
52 Ara Chamon, M., “Only Fans of the Council’s implementing powers in Luxembourg: Fenix International”, Common Market Law Review, nru 6, vol. 60, 2023, p. 1683 sa 1704, speċjalment p. 1693.
53 Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑257/01, EU:C:2004:226, punt 54).
54 Waqt is-seduta, il-Kunsill sostna, essenzjalment, li l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiġi analizzata fid-dawl tal-fatt li, f’dan il-każ, il-proċedura leġiżlattiva ordinarja kienet immarkata mid-deċiżjoni intenzjonali tal-Kunsill u tal-Parlament, bi ftehim mal-Kummissjoni, li l-Kunsill jiġi attribwit kompetenza ta’ implimentazzjoni.
55 Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑257/01, EU:C:2004:226, punti 55 u 59). Ara, wkoll, dwar ir-riskju ta’ “ċaqliq ta’ kompetenza” (“competence creep”), Dougan, M., “EU Competences in an Age of Complexity and Crisis: Challenges and Tensions in the System of Attributed Powers”, Common Market Law Review, Nru 1, Vol. 61, 2024, p. 93 sa 138, speċjalment p. 120 sa 124.
56 Sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2014 (C‑65/13, EU:C:2014:2289).
57 Ara l-Proposta għal Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tal‑24 ta’ Novembru 2014 li jispeċifika kundizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (COM (2014) 710 final) (iktar ’il quddiem il-“Proposta għal Regolament ta’ Implimentazzjoni”).
58 Ara l-parir tas-servizz legali tal-Kunsill tat‑13 ta’ Novembru 2014 dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 7 tal-Proposta dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji mar-Regolament SRM (dokument 15506/14) (iktar ’il quddiem il-“parir tas-servizz legali tal-Kunsill”). L-Artikolu 7(1) ta’ din il-proposta sar l-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81.
59 T‑389/21, EU:T:2023:827, punt 231 sa 236.
60 T‑389/21, EU:T:2023:827.
61 Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Ottubru 2014, Il‑Parlament vs IlKummissjoni (C‑65/13, EU:C:2014:2289, punti 43 sa 46), u Fenix International (punti 44 sa 49).
62 C‑65/13, EU:C:2014:2289.
63 Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2007, Il‑Parlament vs Il‑Kummissjoni (C‑403/05, EU:C:2007:624, punti 49 sa 70), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja annullat deċiżjoni tal-Kummissjoni wara li kkonkludiet li din kellha għan li kien jeċċedi l-kuntest politiku mfittex mir-regolament li permezz tiegħu l-Kunsill kien taha kompetenza ta’ implimentazzjoni, mingħajr ma kompliet bl-eżami.
64 Ara, fost oħrajn, is-sentenzi tat‑18 ta’ Marzu 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑427/12, EU:C:2014:170, punt 38), u tas‑17 ta’ Marzu 2016, Il‑Parlament vs Il‑Kummissjoni (C‑286/14, EU:C:2016:183, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).
65 Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Ottubru 2014, Il‑Parlament vs Il‑Kummissjoni (C‑65/13, EU:C:2014:2289, punt 45), u Fenix International (punti 48 u 49). Ara, għal iktar dettalji dwar id-delimitazzjoni bejn att iddelegat u att ta’ implimentazzjoni, ara, fost l-oħrajn, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑427/12, EU:C:2013:871, punti 21 sa 79); Blumann, C., “Un nouveau départ pour la comitologie. Le règlement n o 182/2011 du 16 février 2011”, op. cit., p. 23 sa 52; Salomia, O.-M., “Delegated Aacts and Implementing acts – New Legal Acts of the European Union”, Challenges of the Knowledge Society, Public Law, Vol, 7, Mejju 2017, p. 551 sa 556; Chamon, M., “The Sui Generis Framework for Implementing the Law of EMU: A Constitutional Assessment”, op. cit.; Craig, P., “Comitology, Rulemaking, and the Lisbon Settlement: Tensions and Strains”, fi Rulemaking by the European Commission: The New System for Delegation of Powers, Bergström, C. F., u Ritleng, D., (edituri), Oxford University Press, 2016, p. 173 sa 202.
66 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2014, Il‑Parlament vs Il‑Kummissjoni (C‑65/13, EU:C:2014:2289, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).
67 Ara s-sentenza Fenix International (punt 50).
68 Kif spjegaha s-SRB waqt is-seduta, “hija l-kontribuzzjoni kollha kemm hija li hija skont il-profil ta’ riskju”. Ara, ukoll, l-espożizzjoni tal-motivi, p. 2, u l-premessa 6 tal-Proposta għal Regolament ta’ Implimentazzjoni.
69 Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank BadenWürttemberg u SRB (C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 131).
70 Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2007, Il‑Parlament vs Il‑Kummissjoni (C‑403/05, EU:C:2007:624, punti 52 sa 59), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li r-regolament li kien jattribwixxi kompetenza ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni, li kien jirrigwarda l-amministrazzjoni tal-għajnuna finanzjarja u teknika kif ukoll il-kooperazzjoni ekonomika mal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw tal-Amerika Latina u tal-Ażja, ma kien jinkludi ebda riferiment espress għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità internazzjonali, qasam kopert mid-Deċiżjoni tas-SRB 2022, adottata mill-Kummissjoni b’implimentazzjoni ta’ dan ir-regolament.
71 Ara l-Artikolu 70(2)(a) tal-BRRD.
72 Ara it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 103(2) tal-BRRD u l-premessa 5 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/63.
73 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank BadenWürttemberg u SRB (C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punti 128 u 130).
74 Ara l-premessa 21 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/63.
75 Korsiv miżjud minni.
76 Waqt is-seduta s-SRB ikkonferma li dan ir-riferiment jirrigwarda t-test kollu u l-metodoloġija ta’ kalkolu ppreċiżata fir-Regolament Delegat (UE) 2015/63.
77 Ara, fost oħrajn, il-premessi 7 u 9 tal-Ftehim Intergovernattiv, li minnhom jirriżulta li, minkejja li l-BRRD u r-Regolament SRM jistabbilixxu l-kriterji ġenerali li jippermettu d-determinazzjoni tal-iffissar u tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet, dan il-ftehim jistabbilixxi l-obbligu tal-Istati Membri parteċipanti li jittrasferixxu lis-SRF il-kontribuzzjonijiet miġbura fil-livell nazzjonali, skont kriterji, modalitajiet u kundizzjonijiet uniformi, b’mod partikolari l-allokazzjoni, matul perijodu tranżitorju, tal-kontribuzzjonijiet li huma jiġbru fil-livell nazzjonali għal kompartimenti differenti li jikkorrispondu għal kull waħda mill-partijiet kontraenti, kif ukoll il-mutwalizzazzjoni progressiva tal-użu ta’ dawn il-kompartimenti b’mod li jkunu sparixxew fi tmiem il-perijodu tranżitorju.
78 Ninnota li, waqt is-seduta, is-SRB irrikonoxxa li l-mutwalizzazzjoni progressiva tal-kontribuzzjonijiet fi ħdan is-SRF kienet teknikament possibbli mingħajr aġġustament tal-metodu ta’ kalkolu matul il-perijodu tranżitorju.
79 Għalhekk, l-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 jipprevedi li, fl-ewwel sena tal-perijodu inizjali, l-istituzzjonijiet iħallsu 60 % tal-kontribuzzjonijiet annwali tagħhom ikkalkolati skont il-metodu tal-BRRD. Madankollu, b’konformità mal-Artikolu 5(1)(a) tal-Ftehim Intergovernattiv, matul l-ewwel sena tal-perijodu tranżitorju, jintużaw, inizjalment, ir-riżorsi finanzjarji kollha disponibbli fil-kompartimenti li jikkorrispondu għall-partijiet kontraenti li fihom l-istituzzjoni jew il-grupp ikkonċernati suġġetti għal proċedura ta’ riżoluzzjoni huma stabbiliti jew awtorizzati.
80 Ara l-punt 1 tan-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, kif ukoll il-punti 14, 18 sa 24 u 39 tal-parir tas-servizz legali tal-Kunsill.
81 Il-metodu ta’ kalkolu aġġustat previst fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 jidher li kien ir-riżultat ta’ negozjati mwettqa b’mod partikolari mir-Repubblika Franċiża, li xtaqet tinnewtralizza parzjalment id-distorsjonijiet marbuta mal-partikolaritajiet tas-settur bankarju tagħha, sa fejn, billi tgħaddi għall-mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni, il-kontribuzzjoni tal-istituzzjonijiet Franċiżi saru ikbar minn dawk dovuti f’sistema ta’ riżoluzzjoni purament nazzjonali. Ara s-Senat Franċiż, sessjoni ordinarja tal‑2014‑2015, Rapport Nru 307 magħmul għan-nom tal-Kummissjoni tal-Finanzi dwar l-abbozz ta’ liġi li tawtorizza r-ratifika tal-Ftehim dwar it-Trasferiment u l-Mutwalizzazzjoni tal-Kontribuzzjonijiet għas-SRF (proċedura mħaffa), minn M. Albéric de Montgolfier, ippreżentat fl‑4 ta’ Marzu 2015, speċjalment p. 19 sa 20, disponibbli fl-indirizz li ġej: https://www.senat.fr/rap/l14-307/l14-3071.pdf.
82 C‑695/20, EU:C:2022:685, punt 42. Ara wkoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Ir‑Renju Unit vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑270/12, EU:C:2013:562, punt 78), li fihom huwa indikat li “d-delineazzjoni bejn is-supplimentazzjoni ta’ att leġiżlattiv b’elementi mhux essenzjali u l-provvediment ta’ regoli implementattivi iżjed iddettaljati ma hijiex dejjem faċli”.
83 Ara Craig, P., “Comitology, Rulemaking, and the Lisbon Settlement: Tensions and Strains”, op. cit., , speċjalment p. 177 sa 178; Chamon, M., “Only Fans of the Council’s implementing powers in Luxembourg: Fenix International”, op. cit., , speċjalment p. 1698 sa 1699.
84 Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Ir‑Renju Unit vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑270/12, EU:C:2013:562, punt 78 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 103).
85 Nirrileva li, kif isostnu ġustament Hypo Vorarlberg Bank u Volkskreditbank, fis-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2023, Landesbank BadenWürttemberg vs SRB (T‑389/21, EU:T:2023:827, punti 228 sa 237), il-Qorti Ġenerali indirizzat is-setgħat li minnhom kienet tibbenefika l-Kummissjoni fil-kuntest ta’ kompetenza ddelegata fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 103(7) tal-BRRD. Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat essenzjalment li s-setgħat ta’ evalwazzjoni wiesgħa mogħtija lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni mill-BRRD tista’ timplika, jekk ikun il-każ, il-ħtieġa li tipprevedi perijodi tranżitorji li matulhom ċerti indikaturi ta’ riskju elenkati f’din id-dispożizzjoni ma jkunux applikati, minħabba, b’mod partikolari, in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ data neċessarja għall-kalkolu tagħhom.
86 Hawnhekk ma iniex qiegħed niddeċiedi dwar il-kwistjoni iktar speċifika dwar jekk il-metodu ta’ kalkolu aġġustat, jew b’mod iktar partikolari, l-għażla li jitwettaq aġġustament fil-bażi ta’ data li sservi bħala bażi għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet, jistax jiġi kklassifikat bħala “element essenzjali” tal-att leġiżlattiv bażiku, li l-adozzjoni tiegħu teħtieġ li jsiru għażliet politiċi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet proprji tal-leġiżlatur tal-Unjoni, b’tali mod li ma jistax ikun is-suġġett ta’ delega u lanqas jiġi previst f’atti ta’ implimentazzjoni (f’dan ir-rigward, ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Fenix International (punti 41 u 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata)), jew jekk tali aspett jistax, jekk ikun il-każ, jiġi ddelegat lill-Kummissjoni, kif kien previst matul il-proċess leġiżlattiv (ara l-Artikolu 66 tal-Proposta għal Regolament SRM, li toriġina mill-Kummissjoni).
Peress li fil-fehma tiegħi, tali kwistjoni tmur lil hinn mill-kuntest ta’ dan l-appell, ser infakkar biss li, minkejja li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu setgħa ta’ evalwazzjoni meta jiddeċiedi li jattribwixxi setgħa ddelegata skont l-Artikolu 290(1) TFUE, jew setgħa ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 291(2) TFUE (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑427/12, EU:C:2014:170, punt 40)), huwa għandu jeżerċitaha f’osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 290 u 291 TFUE (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑88/14, EU:C:2015:499, punt 28)).
87 Sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 1958 (9/56, EU:C:1958:7, p. 43 u 44), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet essenzjalment li d-delega ta’ setgħa diskrezzjonali, li timplika libertà ta’ evalwazzjoni wiesgħa u li bl-użu li jsir minnha tista’ ssarraf f’politika ekonomika reali, tissostitwixxi l-għażliet tal-awtorità delegatorja għal dawk tal-awtorità deleganti u twettaq għalhekk ċaqliq reali ta’ responsabbiltà. Tali delega ta’ setgħa kienet tippreġudika l-garanzija fundamentali tal-bilanċ tas-setgħat, karatteristika tal-istruttura istituzzjonali tal-Unjoni.
88 L-appellanti jirreferu b’mod partikolari għas-sentenzi tal‑14 ta’ Novembru 2019, State Street Bank International (C‑255/18, EU:C:2019:967, punti 41 sa 44), u tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank BadenWürttemberg u SRB (C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 113).
89 F’dan ir-rigward, is-SRB jippreċiża li, kieku l-osservanza tal-limitu massimu ta’ 12.5 % kellu jiġi vverifikat fir-rigward tal-livell fil-mira finali magħruf fi tmiem il-perijodu inizjali stabbilit għall‑31 ta’ Diċembru 2023, huwa kellu jiġbor, bħala medja, kull sena, 12.15 % ta’ dan il-livell fil-mira.
90 Ara l-punt 4.3.2. tal-espożizzjoni tal-motivi fil-Proposta għal Regolament SRM.
91 Regolament Delegat tal-Kummissjoni tas‑17 ta’ Diċembru 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kriterji dwar il-kalkolu relatat ta' kontribuzzjonijiet ex-ante, u dwar iċ-ċirkostanzi u l-kondizzjonijiet li taħthom il-pagament ta' kontribuzzjonijiet straordinarji ex-post jista' jkun parzjalment jew kompletament differit (ĠU 2017, L 113, p. 2).
92 Ara, b’mod iktar partikolari, ara l-Artikolu 102(1) tal-BRRD.
93 Sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 1958 (9/56, EU:C:1958:7).