|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/1554 |
10.7.2026 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1554
tad-9 ta’ Lulju 2026
li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2024/1679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ġbir u s-sottomissjoni lill-Kummissjoni ta’ data dwar il-mobbiltà urbana għal kull nodu urban fl-oqsma tas-sostenibbiltà, tas-sikurezza u tal-aċċessibbiltà
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2024/1679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport, li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1153 u (UE) Nru 913/2010 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 41(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
F’konformità mal-Artikolu 57 tar-Regolament (UE) 2024/1679, l-Istati Membri jridu jużaw is-sistema interattiva tal-informazzjoni ġeografika u teknika għan-network trans-Ewropew tat-trasport (TENtec) biex jirrapportaw dwar l-implimentazzjoni ta’ dak ir-Regolament. Għalhekk jixraq li t-TENtec tintuża wkoll għas-sottomissjoni tad-data dwar il-mobbiltà urbana għal kull nodu urban fl-oqsma tas-sostenibbiltà, tas-sikurezza u tal-aċċessibbiltà. |
|
(2) |
L-Istat Membru jenħtieġ li jieħu l-passi meħtieġa biex jiżgura li fi tmiem kull sena tar-rapportar ikun hemm disponibbli l-aktar data riċenti u aġġornata dwar il-mobbiltà urbana u tkun ta’ kwalità tajba. |
|
(3) |
Il-frekwenza tas-sottomissjoni tad-data u l-punt tat-tluq tal-obbligu tar-rapportar jenħtieġ li jkunu konformi mal-limiti previsti fir-Regolament (UE) 2024/1679. F’dawk il-limiti, jenħtieġ li titħalla xi flessibbiltà biex ikun evitat piż amministrattiv bla bżonn fuq l-Istati Membri. |
|
(4) |
Fejn jidħol il-ġbir tad-data, jenħtieġ li tiġi stabbilita l-kopertura ġeografika tad-data li trid tinġabar. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu l-kopertura ġeografika abbażi tal-Unitajiet Amministrattivi Lokali (LAU), kif imsemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), u jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-kodiċijiet tal-LAU li jridu jintużaw biex tinġabar id-data għal kull nodu urban tagħhom. Biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni, il-LAU jintgħażlu kif jeżistu fl-Istati Membri kollha, u kif huma msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1059/2003.. Biex ikun żgurat li d-data tiġi trażmessa bla xkiel mit-TENtec, l-Istat Membru jenħtieġ li jinforma lill-Kummissjoni dwar il-kodiċijiet tal-LAU li jridu jintużaw sal-31 ta’ Diċembru 2026 jew sal-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel is-snin tar-rapportar sussegwenti. |
|
(5) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), u ta l-opinjoni tiegħu fl-24 ta’ Novembru 2025 (4). |
|
(6) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-kumitat stabbilit bl-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) 2024/1679, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-indikaturi li jridu jintużaw għall-ġbir tad-data dwar il-mobbiltà urbana, jistabbilixxi metodi għall-ġbir u s-sottomissjoni ta’ dik id-data lill-Kummissjoni u jispeċifika l-iskadenza għas-sottomissjoni tagħha.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(1) |
“residenza abitwali” tfisser “residenza abitwali” kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (d), tar-Regolament (UE) Nru 1260/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5); |
|
(2) |
“data tal-ġeolokazzjoni” tfisser informazzjoni li tidentifika jew tipprovdi informazzjoni dwar il-lokazzjoni ġeografika tas-suġġett tad-data inkwistjoni; |
|
(3) |
“nodu tal-aċċess” tfisser lokazzjoni definita minn qabel fejn il-passiġġieri jistgħu jitilgħu abbord jew jitilqu bi trasport skedat; |
|
(4) |
“inċident tat-traffiku” tfisser inċident tat-traffiku kif irrapportat fil-bażi tad-data Komunitarja dwar l-aċċidenti tat-traffiku, stabbilita skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/704/KE (6) (“il-bażi tad-data CARE”); |
|
(5) |
“midrub serjament” tfisser persuna midruba serjament kif irrapportat fil-bażi tad-data CARE; |
|
(6) |
“midrub fatalment” tfisser persuna midruba fatalment kif irrapportat fil-bażi tad-data CARE; |
|
(7) |
“trasport bit-triq” tfisser l-ivvjaġġar kollu bit-triq fiż-żona ġeografika; |
|
(8) |
“vjaġġ” tfisser vjaġġ minn oriġini sa destinazzjoni irrispettivament mill-iskop tiegħu, inkluż il-moviment bejn l-oriġini u d-destinazzjoni li jkun l-istess lokazzjoni; |
|
(9) |
“stokk” tfisser l-għadd ta’ karozzi tal-passiġġieri reġistrati f’data partikolari fiż-żona ġeografika u liċenzjati biex jużaw toroq miftuħa għat-traffiku pubbliku; |
|
(10) |
“vettura reġistrata” tfisser vettura reġistrata u liċenzjata fiż-żona ġeografika; |
|
(11) |
“karozza tal-passiġġieri” tfisser vettura tat-triq bil-mutur, barra minn mopeds jew motoċikletti maħsubin għall-ġarr ta’ passiġġieri u ddisinjata biex trikkeb sa disa’ persuni (inkluż is-sewwieq); |
|
(12) |
“rotta” tfisser mogħdija jew perkors partikolari, operati bħala parti minn servizz tat-trasport pubbliku skedat u assenjati għal linja speċifika ta’ servizz tat-trasport, li vettura tat-trasport pubbliku ssegwi waqt li tivvjaġġa minn nodu tal-aċċess għall-ieħor skont skeda, sew jekk tgħaddi mill-istess nodu tal-aċċess aktar minn darba u sew jekk le, u sew jekk bejn l-istess nodi tal-aċċess ikun hemm joperaw linja waħda jew diversi linji u sew jekk le; |
|
(13) |
“l-eqqel sigħat” tfisser is-sigħat matul jum regolari tal-ġimgħa (mhux btala pubblika) bl-akbar għadd ta’ persuni qed jivvjaġġaw fin-nodu urban, inkluż imqar siegħa filgħodu u siegħa filgħaxija; |
|
(14) |
“stazzjon ferrovjarju” tfisser lokazzjoni fuq linja ferrovjarja fejn servizz ferrovjarju tal-passiġġieri jista’ jibda, jieqaf jew jintemm, fuq linji li huma fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). |
Artikolu 3
Ġbir tad-data
L-indikaturi li jridu jintużaw għall-ġbir tad-data dwar il-mobbiltà urbana msemmija fl-Artikolu 41(1), il-punt (b)(ii), tar-Regolament (UE) 2024/1679 għandhom ikunu dawk stabbiliti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Għal kull indikatur, l-Istat Membru għandu japplika l-metodu rispettiv tal-ġbir tad-data stabbilit fl-Anness.
L-Istat Membru għandu jiżgura li l-metodu magħżul għall-ġbir tad-data jipprovdi data ta’ kwalità tajba. L-Istat Membru għandu jagħmel il-metodoloġija tal-ġbir tad-data disponibbli għall-Kummissjoni meta titlobha.
Artikolu 4
Sottomissjoni tad-data lill-Kummissjoni
1. L-Istati Membri għandhom jużaw is-sistema tal-informazzjoni u tal-monitoraġġ tat-TENtec biex jissottomettu d-data billi jużaw il-mudell li trid tipprovdi l-Kummissjoni. Dawn għandhom jissottomettu data għal kull żona ġeografika identifikata f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 6.
2. Skont l-indikatur u d-disponibbiltà tad-data, is-sottomissjoni tad-data tista’ tieħu waħda miż-żewġ forom li ġejjin:
|
(a) |
L-Istati Membri jissottomettuhom direttament lill-Kummissjoni; |
|
(b) |
fil-każijiet previsti fl-Anness, il-Kummissjoni tislet data pprovduta qabel mill-Istat Membru f’kuntest ieħor tar-rapportar, jekk din id-data tiġi ġeolokalizzata. L-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex sussegwentement tirrevedi dik id-data. |
Artikolu 5
Skadenzi għas-sottomissjoni tad-data
1. Sal-31 ta’ Diċembru 2027, u sal-31 ta’ Diċembru ta’ kull erba’ snin wara, l-Istat Membru għandu jissottometti d-data għall-indikaturi stabbiliti fl-Anness f’konformità mal-metodi tal-ġbir tad-data stabbiliti fih. Id-data għandha tkun l-aktar waħda riċenti u aġġornata li jkun hemm fil-mument tas-sottomissjoni.
2. B’deroga mill-paragrafu 1, l-ewwel sett tad-data jista’ jiġi sottomess sal-31 ta’ Diċembru 2028 diment li l-Istat Membru jinnotifika lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tiegħu li jagħmel dan sal-31 ta’ Diċembru 2027. Is-sottomissjoni tad-data sa dik l-iskadenza aktar tard ma għandhiex taffettwa l-iskedar tas-snin tar-rapportar sussegwenti.
3. B’deroga mill-paragrafu 1, id-data għall-indikatur SU.1 “Għadd ta’ vjaġġi fiż-żona ġeografika meħuda kuljum, imqassma skont il-ħames modi tal-ivvjaġġar li ġejjin: il-mixi, iċ-ċikliżmu, it-trasport motorizzat individwali, it-trasport pubbliku, u oħrajn”, kif stabbilit fl-Anness, jistgħu jiġu sottomessi kull ħames snin. Stat Membru li jagħżel dik il-frekwenza tas-sottomissjoni għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tiegħu sal-31 ta’ Diċembru 2027.
4. Fir-rigward tal-indikaturi tas-sikurezza li jeħtieġu data ta’ kull sena, id-data sottomessa kull erba’ snin għandha tinkludi l-erba’ snin li jintervjenu bejn is-snin tar-rapportar. Jekk ma jkunx fattibbli li jiġi kopert il-perjodu kollu ta’ erba’ snin, id-data għandha tiġi sottomessa għal kemm jista’ jkun snin ta’ intervent, u d-data nieqsa għandha tingħata fis-sena tar-rapportar li jkun imiss.
5. Meta ma tkun ġiet iġġenerata jew miġbura l-ebda data ġdida mis-sottomissjoni preċedenti, l-Istat Membru għandu jerġa’ jissottometti d-data mis-sottomissjoni preċedenti, flimkien ma’ nota ta’ spjegazzjoni bil-miktub li tipprovdi:
|
(a) |
raġunijiet għas-sottomissjoni mill-ġdid tal-istess data; |
|
(b) |
pjan għas-sottomissjoni futura ta’ data aġġornata fis-sena tar-rapportar li jkun imiss. |
Artikolu 6
Kopertura ġeografika tad-data miġbura
1. Sal-31 ta’ Diċembru 2026, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni l-lista tal-kodiċijiet tal-unitajiet amministrattivi lokali (LAU), kif imsemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1059/2003, li jikkorrispondu għall-kopertura ġeografika tad-data li l-Istati Membri ġabru għal kull wieħed min-nodi urbani rispettivi tagħhom għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. Il-kopertura ġeografika għandha tallinja mal-konfini tal-LAU identifikata. Il-kopertura ġeografika ta’ nodu urban individwali tista’ tkun magħmula minn LAU waħda jew aktar.
2. Kull kodiċi tal-LAU għandu jiġi assenjat b’mod uniku għall-kopertura ġeografika ta’ nodu urban uniku, u għalhekk id-data li tappartjeni għal żona speċifika tal-LAU għandha tiġi sottomessa esklużivament taħt in-nodu urban korrispondenti u m’għandhiex tiġi attribwita għal diversi nodi urbani.
3. Id-data dwar il-mobbiltà urbana sottomessa għal kull nodu urban għandha tkopri ż-żona ġeografika kollha ddeżinjata mill-kodiċijiet tal-LAU rispettivi tagħha.
4. Jekk Stat Membru jkun jixtieq jibdel il-kodiċijiet tal-LAU użati għall-kopertura ġeografika ta’ nodu urban identifikat f’konformità mal-proċedura stabbilita f’dan l-Artikolu, dan għandu jissottometti notifika lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru tas-sena kalendarja ta’ qabel is-sena tar-rapportar, flimkien ma’ spjegazzjoni ċara tar-raġunijiet għall-bidla.
Artikolu 7
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Lulju 2026.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L, 2024/1679, 28.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1679/oj.
(2) Ir-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 dwar l-istabbiliment ta’ klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS) (ĠU L 154, 21.6.2003, p. 1 ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1059/oj).
(3) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).
(4) L-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data C2025-1033.
(5) Ir-Regolament (UE) Nru 1260/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013 dwar statistika demografika Ewropea (ĠU L 330, 10.12.2013, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1260/oj).
(6) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/704/KE tat-30 ta’ Novembru 1993 dwar il-ħolqien ta’ database tal-Komunità dwar inċidenti tat-triq (ĠU L 329, 30.12.1993, p. 63, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1993/704/oj).
(7) Id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2016/797/oj).
ANNESS
Lista ta’ indikaturi tal-mobbiltà urbana u metodi tal-ġbir tad-data
1. Indikaturi fil-qasam tal-aspetti orizzontali
|
(1) |
HO.1 L-għadd totali ta’ persuni, diżaggregat skont il-ġeneru u l-grupp ta’ età, bir-residenza abitwali tagħhom fiż-żona ġeografika [# persuni].
Metodu tal-ġbir tad-data: il-Kummissjoni għandha tislet id-data rilevanti għaż-żona ġeografika mid-data ppubblikata mill-Eurostat f’konformità mal-Artikolu 4(2), il-punt (b). Meta ma tkun disponibbli l-ebda data dwar il-ġeolokazzjoni, l-Istat Membru għandu jiġbor id-data meħtieġa billi jislitha mill-aħħar ċensiment tal-popolazzjoni u jissottomettiha f’konformità mal-Artikolu 4(2), il-punt (a). |
|
(2) |
HO. 2 Id-daqs taż-żona ġeografika [# km2] kif identifikata f’konformità mal-Artikolu 6.
Metodu tal-ġbir tad-data: il-Kummissjoni għandha tislet id-data rilevanti għaż-żona ġeografika mid-data ppubblikata mill-Eurostat f’konformità mal-Artikolu 4(2), il-punt (b). Meta ma tkun disponibbli l-ebda data dwar il-ġeolokazzjoni, l-Istat Membru għandu jiġbor id-data meħtieġa f’konformità mal-qafas istituzzjonali u legali tagħha u jissottomettiha f’konformità mal-Artikolu 4(2), il-punt (a). |
|
(3) |
HO. 3 L-għadd totali ta’ nodi tal-aċċess fiż-żona ġeografika [# nodi tal-aċċess].
Metodu tal-ġbir tad-data: l-Istat Membru għandu juża xi wieħed mill-metodi li jintuża biex jiġbor dik id-data skont ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1926 (1). |
2. Indikaturi fil-qasam tal-aspetti tas-sostenibbiltà
|
(4) |
SU.1 L-għadd ta’ vjaġġi fiż-żona ġeografika meħuda kuljum, diżaggregati skont il-ħames modi tal-ivvjaġġar li ġejjin: il-mixi, iċ-ċikliżmu, it-trasport motorizzat individwali, it-trasport pubbliku, u vjaġġi oħra [# vjaġġi].
Metodu tal-ġbir tad-data: l-Istat Membru għandu juża stħarriġ, data tal-mowbajl, mudell tat-trasport jew sorsi oħra ta’ Big Data biex jiġbor id-data. Jekk vjaġġ ikun jinkludi bosta stadji li matulhom jintużaw modi differenti tat-trasport, għandu jiġi rrapportat il-mod ewlieni. Waqt is-sottomissjoni tad-data, l-Istat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni jekk id-data tirreferix għall-vjaġġi li għamlu persuni bir-residenza abitwali tagħhom fiż-żona ġeografika jew jekk tirreferix għall-vjaġġi kollha li jsiru fiż-żona ġeografika. |
|
(5) |
SU.2 L-istokk tal-karozzi tal-passiġġieri rreġistrati fiż-żona ġeografika, ippreżentat b’format ta’ matriċi, diżaggregat skont it-tip ta’ enerġija tal-mutur, skont il-kategorija tal-istandard tal-emissjonijiet Euro, u skont il-kategorija tas-sjieda [# vetturi].
It-tipi ta’ enerġija tal-mutur huma dawn li ġejjin:
Meta ċertu tip ta’ enerġija tal-mutur ma tkunx disponibbli fiż-żona ġeografika, l-Istat Membru għandu jindika żero għal dik il-kategorija. Il-kategoriji tal-istandards tal-emissjonijiet Euro huma dawn li ġejjin:
Il-kategoriji tas-sjieda huma:
Metodu tal-ġbir tad-data: l-Istat Membru għandu jiġbor id-data billi jislitha mingħand is-servizz tar-reġistrazzjoni tal-vetturi. |
3. Indikaturi fil-qasam tal-aspetti tas-sikurezza
|
(6) |
SA.1 L-għadd ta’ inċidenti tat-traffiku fit-toroq fiż-żona ġeografika kull sena [# inċidenti].
Metodu tal-ġbir tad-data: il-Kummissjoni għandha tislet id-data rilevanti mill-bażi tad-data CARE f’konformità mal-Artikolu 4(2), il-punt (b). Id-data għandha tiġi sottomessa bl-istess format bħal fil-bażi tad-data CARE. Meta ma tkun disponibbli l-ebda data dwar il-ġeolokazzjoni, l-Istat Membru għandu jiġbor id-data billi jislet l-informazzjoni rilevanti mir-rekords tal-pulizija, f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw lil dawk ir-rekords, u jissottomettiha f’konformità mal-Artikolu 4(2), il-punt (a). |
|
(7) |
SA.2 L-għadd ta’ persuni midruba serjament f’inċidenti tat-traffiku fit-toroq fiż-żona ġeografika kull sena, diżaggregati skont il-ġeneru, l-età, u t-tip ta’ unità tat-traffiku użata mill-persuna midruba serjament u skont il-vettura ewlenija l-oħra involuta fl-inċident [# persuni].
Metodu tal-ġbir tad-data: il-Kummissjoni għandha tislet id-data rilevanti mill-bażi tad-data CARE f’konformità mal-Artikolu 4(2), il-punt (b). Meta ma tkun disponibbli l-ebda data dwar il-ġeolokazzjoni, l-Istat Membru għandu jiġbor id-data billi jislet l-informazzjoni rilevanti mir-rekords tal-pulizija u tal-isptarijiet, f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw lil dawk ir-rekords, u jissottomettiha f’konformità mal-Artikolu 4(2), il-punt (a). Id-data għandha tiġi sottomessa bl-istess format bħal fil-bażi tad-data CARE. Meta ma tkun disponibbli l-ebda data dwar il-korrimenti serji, l-Istat Membru għandu jiġbor u jissottometti d-data għal kull żona ġeografika dwar kull persuna midruba fl-inċident. Meta jħaddem dak l-approċċ, l-Istat Membru għandu jinnotifika b’dan lill-Kummissjoni. |
|
(8) |
SA.3 L-għadd ta’ persuni midruba serjament f’inċidenti tat-traffiku fit-toroq fiż-żona ġeografika kull sena, diżaggregati skont il-ġeneru, l-età, u t-tip ta’ unità tat-traffiku użata mill-persuna midruba fatalment u skont il-vettura ewlenija l-oħra involuta fl-inċident [# persuni].
Metodu tal-ġbir tad-data: il-Kummissjoni għandha tislet id-data rilevanti mill-bażi tad-data CARE f’konformità mal-Artikolu 4(2), il-punt (b). Meta ma tkun disponibbli l-ebda data dwar il-ġeolokazzjoni, l-Istat Membru għandu jiġbor id-data billi jislet l-informazzjoni rilevanti mir-rekords tal-pulizija u tal-isptarijiet, f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw lil dawk ir-rekords, u jissottomettiha f’konformità mal-Artikolu 4(2), il-punt (a). Id-data għandha tiġi sottomessa bl-istess format bħal fil-bażi tad-data CARE. |
4. Indikaturi fil-qasam tal-aspetti tal-aċċessibbiltà
|
(9) |
AC. 1 L-għadd ta’ nodi tal-aċċess fiż-żona ġeografika b’erba’ vjaġġi skedati jew aktar fl-eqqel sigħat għal kull rotta fis-siegħa tul imqar rotta waħda [# nodi tal-aċċess].
Metodu tal-ġbir tad-data: l-Istat Membru għandu juża xi wieħed mill-metodi li jintuża biex jiġbor dik id-data skont ir-Regolament Delegat (UE) 2017/1926. Il-ħinijiet u t-tul tal-eqqel sigħat tal-ġurnata għandu jiddeterminahom l-Istat Membru. |
|
(10) |
AC. 2 L-għadd totali ta’ stazzjonijiet ferrovjarji fiż-żona ġeografika [# stazzjonijiet].
Metodu tal-ġbir tad-data: il-Kummissjoni għandha tislet id-data rilevanti mill-Bażi tad-Data tal-Aċċessibbiltà tal-Istazzjonijiet Ferrovjarji Ewropej (ERSAD), imħaddma f’konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1300/2014 (2), f’konformità mal-Artikolu 4(2), il-punt (b), ta’ dan ir-Regolament. Meta ma tkun disponibbli l-ebda data dwar il-ġeolokazzjoni, l-Istat Membru għandu jiġbor id-data meħtieġa mingħand l-entità relatriċi tal-aċċessibbiltà f’konformità mal-Artikolu 7a tar-Regolament (UE) Nru 1300/2014, u jissottomettiha f’konformità mal-Artikolu 4(2), il-punt (a), ta’ dan ir-Regolament. |
|
(11) |
AC. 3 L-għadd ta’ stazzjonijiet ferrovjarji fiż-żona ġeografika li huma rrapportati bħala aċċessibbli mill-entità relatriċi fl-ERSAD [# stazzjonijiet] għax ikunu jissodisfaw il-kriterji li ġejjin:
Metodu tal-ġbir tad-data: il-Kummissjoni għandha tislet id-data rilevanti mill-ERSAD f’konformità mal-Artikolu 4(2), il-punt (b). Meta ma tkun disponibbli l-ebda data dwar il-ġeolokazzjoni, l-Istat Membru għandu jiġbor id-data meħtieġa mingħand l-entità relatriċi tal-aċċessibbiltà f’konformità mal-Artikolu 7a tar-Regolament (UE) Nru 1300/2014, u jissottomettiha f’konformità mal-Artikolu 4(2), il-punt (a), ta’ dan ir-Regolament. |
(1) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1926 tal-31 ta’ Mejju 2017 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar l-ivvjaġġar multimodali fl-UE kollha (ĠU L 272, 21.10.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2017/1926/oj).
(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1300/2014 tat-18 ta’ Novembru 2014 dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-interoperabbiltà relatati mal-aċċessibbiltà tas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni għall-persuni b’diżabbiltà u għall-persuni b’mobbiltà mnaqqsa (ĠU L 356 12.12.2014, p. 110, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/1300/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/1554/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)