Brussell, 29.9.2026

COM(2026) 511 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

f'konformità mal-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE


1.SFOND

Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 (id-Direttiva tal-VAT), il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru jdaħħal miżuri speċjali ta’ deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, għas-simplifikazzjoni tal-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew għall-prevenzjoni ta’ ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa. Peress li din il-proċedura tipprevedi deroga mill-prinċipji ġenerali tal-VAT, f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE), il-miżuri nazzjonali ta’ deroga msemmija fl-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT li huma permessi “sabiex jissimplifika[w] [i]l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew sabiex jipprevjen[u] ċertu tipi ta’ evażjoni jew evitar tat-taxxa”, iridu jiġu interpretati b’mod strett u dawk il-miżuri jridu jkunu wkoll meħtieġa u xierqa biex jintlaħaq l-objettiv speċifiku li jridu jiksbu, filwaqt li jkollhom l-inqas effett possibbli fuq l-objettivi u l-prinċipji tad-Direttiva tal-VAT 2 .

Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-28 ta’ Mejju 2026, il-Latvja talbet awtorizzazzjoni biex tkompli testendi l-awtorizzazzjoni ħalli tapplika, b’deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-VAT, il-mekkaniżmu tar-reverse charge fir-rigward tal-provvista tal-injam jew il-forniment ta’ servizzi relatati, fejn din l-awtorizzazzjoni kienet ingħatat inizjalment mal-adeżjoni tal-Latvja mal-Unjoni fl-1 ta’ Mejju 2004, li ġiet estiża bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/42/KE fl-2006, u li ġiet estiża f’sitt okkażjonijiet oħra minn dak iż-żmien ’l hawn, l-aktar reċenti sal-31 ta’ Diċembru 2026 bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/3207.

F’konformità mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tal-Latvja permezz ta’ ittra datata l-21 ta’ Awwissu 2026. Permezz ta’ ittra datata l-25 ta’ Awwissu 2026, il-Kummissjoni nnotifikat lil-Latvja li kellha l-informazzjoni kollha li kkunsidrat meħtieġa biex tivvaluta t-talba.

2.IT-TALBA

Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, il-Latvja titlob li l-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni, jestendi l-applikazzjoni ta’ miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-VAT għall-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge fir-rigward tal-provvista tal-injam jew il-forniment ta’ servizzi relatati.

Bħala regola, il-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT, skont l-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-VAT, hija l-persuna taxxabbli li twettaq il-provvista tal-merkanzija (jew tas-servizzi). L-għan tal-mekkaniżmu tar-reverse charge huwa li jittrasferixxi dik ir-responsabbiltà fuq il-persuna taxxabbli li lilha jsiru l-provvisti sabiex jiġi evitat li l-fornitur ikollu l-possibbiltà li jisparixxi bil-VAT riċevuta (frodi b’negozjant nieqes).

Id-deroga ngħatat l-ewwel lil-Latvja fl-Anness VIII, il-Kapitolu 7, il-punt 1(b) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003 3 , sat-30 ta’ April 2005, u sussegwentement ġiet estiża għall-ewwel darba, fir-rigward tal-Artikolu 21 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/42/KE tal-24 ta’ Jannar 2006 4 sal-31 ta’ Diċembru 2009. Sussegwentement ġiet awtorizzata, b’deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-VAT, bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2009/1008/UE tas-7 ta’ Diċembru 2009 5 sal-31 ta’ Diċembru 2012, u ġiet estiża f’ħames okkażjonijiet oħra, bid-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/55/UE tat-22 ta’ Jannar 2013 6 , (UE) 2015/2396 tal-10 ta’ Diċembru 2015 7 , (UE) 2018/2006 tal-11 ta’ Diċembru 2018 8 , (UE) 2022/81 tat-18 ta’ Jannar 2022 9 u, l-aktar reċenti, (UE) 2024/3207 tat-12 ta’ Diċembru 2024 10 , li estendiet il-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2026. Għalhekk, il-miżura speċjali ilha tapplika b’mod kontinwu għal aktar minn għoxrin sena u diġà ġiet estiża seba’ darbiet.

3.IL-FEHMA TAL-KUMMISSJONI

Meta l-Kummissjoni tirċievi talbiet f’konformità mal-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, dawn jiġu eżaminati bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet bażiċi biex din id-deroga tingħata jkunu ssodisfati, jiġifieri, jekk il-miżura speċifika proposta tissimplifikax il-proċeduri għall-persuni taxxabbli u/jew għall-amministrazzjoni tat-taxxa jew jekk il-proposta għandhiex l-għan li tipprevjeni ċerti tipi ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni dejjem adottat approċċ restrittiv u kawt biex tiżgura li d-derogi ma jdgħajfux it-tħaddim tas-sistema ġenerali tal-VAT, li jkollhom kamp ta’ applikazzjoni u żmien limitati u li jkunu meħtieġa u proporzjonati. Għalhekk, kwalunkwe deroga mis-sistema ta’ ħlas frazzjonat ma tistax tkun biss l-aħħar għażla għal żmien limitat u trid toffri garanziji dwar il-ħtieġa u n-natura eċċezzjonali tagħha.

Minħabba aktar minn żewġ deċennji ta’ applikazzjoni, hija l-fehma tal-Kummissjoni li l-Latvja kellha biżżejjed żmien biex tintroduċi miżuri konvenzjonali, li għalihom ma hija meħtieġa l-ebda deroga mid-Direttiva tal-VAT, biex tikkontrolla s-settur tal-injam li jikkonsisti f’oġġetti tanġibbli ta’ volum pjuttost għoli li għandhom jippermettu awditjar u segwitu adegwati.

Barra minn hekk, il-Latvja ġiet imfakkra biex tieħu miżuri xierqa għall-ġlieda kontra l-frodi, b’mod partikolari,

il-premessa 5 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/3207, li tat l-estensjoni attwalment fis-seħħ, fakkret li “(…) Il-miżuri speċjali b’mod ġenerali jingħataw għal perjodu ta’ żmien limitat biex ikun jista’ jiġi vvalutat jekk dawk il-miżuri speċjali humiex xierqa u effettivi. Il-miżuri speċjali jagħtu żmien lill-Istati Membri biex jintroduċu miżuri konvenzjonali oħra fil-livell nazzjonali biex jiġi mmonitorjat il-moviment tal-materjali, il-ħlas tal-VAT, u l-konformità tal-persuni taxxabbli, li jenħtieġ li jindirizzaw il-problema rispettiva sal-iskadenza tal-miżuri speċjali, u b’hekk l-estensjoni tal-miżura speċjali ssir inutli. Miżura speċjali li tippermetti l-użu tal-mekkaniżmu tar-reverse charge tingħata biss eċċezzjonalment għal oqsma frodulenti speċifiċi u tikkostitwixxi mezz tal-aħħar għażla”.

il-premessa 6 ta’ dik id-Deċiżjoni indikat li “(…) il-Latvja għandha timplimenta miżuri konvenzjonali oħra biex tiġġieled u tipprevjeni l-frodi tal-VAT fis-suq tal-injam qabel l-iskadenza tal-estensjoni tal-miżura speċjali skont din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni, biex ma jkunx hemm il-ħtieġa ta’ estensjoni ulterjuri tal-miżura speċjali”.

It-talba mressqa mil-Latvja ma tidentifika l-ebda miżura konvenzjonali ġdida introdotta mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni (UE) 2024/3207. Il-Latvja tiddikjara li għaddejja ħidma biex jissaħħu l-miżuri diġà fis-seħħ u tesprimi l-intenzjoni li tirritorna għar-reġim standard tal-VAT fis-settur tal-injam “b’mod ippjanat u f’perjodu ta’ żmien raġonevoli”, mingħajr ma tispeċifika dak il-perjodu ta’ żmien jew tippreżenta riżultati li jistgħu jitkejlu. Hija tindika wkoll l-użu kontinwu ta’ sistema ta’ klassifikazzjoni korporattiva preeżistenti operata mill-amministrazzjoni tat-taxxa tagħha.

Madankollu, il-Latvja targumenta li għandha tingħata estensjoni ulterjuri, b’referenza partikolari għad-deċiżjoni tal-Parlament Latvjan (Saeima) li jipposponi d-dħul fis-seħħ tal-fatturazzjoni elettronika obbligatorja minn negozju għal negozju mill-1 ta’ Jannar 2026 għall-1 ta’ Jannar 2028, li hija tiddeskrivi bħala raġuni suffiċjenti biex jitkompla l-mekkaniżmu tar-reverse charge. Peress li l-posponiment tal-fatturazzjoni elettronika domestika jirrifletti għażla fil-kontroll tal-Latvja stess u mhuwiex restrizzjoni imposta mid-dritt tal-Unjoni, fih innifsu ma jistax jiġġustifika deroga ulterjuri fil-livell tal-Unjoni skont l-Artikolu 395.

Barra minn hekk, il-Litwanja u r-Rumanija, li kellhom derogi komparabbli għas-settur tal-injam skont id-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1920 u (UE) 2023/218 rispettivament, ma kellhomx dawk il-miżuri estiżi lil hinn mill-2021 u l-2025, b’applikazzjoni tal-istess kundizzjonijiet skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq u filwaqt li jitqies li l-Kummissjoni diġà infurmat lil-Latvja fl-2024 li għandhom jiġu implimentati miżuri konvenzjonali, u filwaqt li jitqies li l-miżura speċjali diġà ilha fis-seħħ mill-2004 u ġiet estiża seba’ darbiet, fl-2006, fl-2009, fl-2013, fl-2015, fl-2018, fl-2022 u fl-2024, rispettivament, ma jistax jibqa’ ġġustifikat li tingħata estensjoni ulterjuri.

4.KONKLUŻJONI

Abbażi tal-elementi msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni toġġezzjona għat-talba tal-Latvja.

(1)

 ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1

(2)

Ara s-sentenza tas-27 ta’ Jannar 2011 fil-kawża Vandoorne, C-489/09, EU:C:2011:33, il-punt 27.

(3)

L-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja, u r-Repubblika Slovakka u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea, l-Anness VIII, il-Kapitolu 7, il-punt 1(b), ĠU L 236, 23.9.2003, p. 33.

(4)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/42/KE tal-24 ta’ Jannar 2006 li tawtorizza lil-Latvja biex testendi l-applikazzjoni ta’ miżura li tidderoga minn Artikolu 21 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-fatturat, ĠU L 25, 28.1.2006, p. 31.

(5)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2009/1008/UE tas-7 ta’ Diċembru 2009 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja biex testendi l-applikazzjoni ta’ miżura ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, ĠU L 347, 24.12.2009, p. 30.

(6)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/55/UE tat-22 ta’ Jannar 2013 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2009/1008/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja testendi l-applikazzjoni ta’ miżura ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, ĠU L 22, 25.1.2013, p. 16.

(7)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2396 tal-10 ta’ Diċembru 2015 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2009/1008/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja biex testendi l-applikazzjoni ta’ miżura ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, ĠU L 332, 18.12.2015, p. 142.

(8)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/2006 tal-11 ta’ Diċembru 2018 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2009/1008/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja biex testendi l-applikazzjoni ta’ miżura ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, ĠU L 322, 18.12.2018, p. 20.

(9)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/81 tat-18 ta’ Jannar 2022 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2009/1008/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja biex testendi l-applikazzjoni ta’ miżura ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, ĠU L 13, 20.1.2022, p. 49.

(10)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/3207 tat-12 ta’ Diċembru 2024 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2009/1008/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja biex testendi l-applikazzjoni ta’ miżura ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, ĠU L, 23.12.2024.