Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

MEDINA

ippreżentati fis‑17 ta’ Settembru 2026 (1)

Kawża C‑449/25

FV

vs

Serviciul pentru Imigrări al Judeţului Bihor

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Oradea (il-Qorti tal-Appell ta’ Oradea, ir-Rumanija))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2004/38/KE – Artikolu 21(1) TFUE – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – Benefiċjarji – Dritt ta’ residenza dderivat – Ċittadin ta’ pajjiż terz – Projbizzjoni ta’ rikonoxximent ta’ sħubiji ċivili konklużi barra mill-pajjiż – Dispożizzjoni li tippreżerva l-applikabbiltà tad-drittijiet ta’ moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni u taż-ŻEE – Unjoni ċivili konkluża fi Stat Membru ieħor li l-ebda wieħed mis-sħab ma kien jirrisjedi fih – Assenza ta’ residenza effettiva fl-Istat Membru ospitanti – Ħolqien jew tisħiħ tal-ħajja tal-familja – Identità kostituzzjonali nazzjonali – Artikolu 4(2) TUE”






1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Oradea (il-Qorti tal-Appell ta’ Oradea, ir-Rumanija) tirrigwarda r-rifjut li jingħata dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru lil ċittadina ta’ pajjiż terz, li huwa sieħeb ta’ ċittadin ta’ dan l-Istat Membru, meta ż-żewġ persuni kkonkludew unjoni ċivili fi Stat Membru ieħor li fih ma kien residenti ebda wieħed minnhom.

2.        Il-kawża tirrigwarda, essenzjalment, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21(1) TFUE u, b’mod iktar partikolari, il-kwistjoni dwar jekk ċittadin tal-Unjoni Ewropea li jivvjaġġa lejn Stat Membru ieħor bl-uniku għan li jidħol f’unjoni ċivili, mingħajr ma jistabbilixxi residenza hemmhekk, ikunx eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu b’mod li jagħti lis-sieħeb ta’ dan iċ-ċittadin dritt ta’ residenza dderivat fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità.

I.      Il‑kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

3.        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38 (2), intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

[...]

2. ‘membru tal-familja’ tfisser:

(a)      ir-raġel jew martu;

(b)      is-sieħeb/sieħba li daħal/daħlet f’kuntratt ta’ unjoni reġistrata maċ-ċittadin/a ta’ l-Unjon, skond il-bażi tal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, jekk il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru ospitanti tikkonsidra bħala ugwali għal żwieġ l-unjonijiet reġistrati u skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-leġislazzjoni rilevanti ta’ l-Istat Memrbu ospitanti;

[…]”.

4.        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Benefiċjarji”, huwa fformulat kif ġej:

“1. Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom.

2. Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dritt ta’ moviment liberu u residenza li l-persuni kkonċernati jista’ jkollhom, l-Istat Membru ospitanti, skond il-leġislazzjoni nazzjonali, għandu jiffaċilita d-dħul u r-residenza tal-persuni li ġejjin:

[...]

(b)      is-sieħeb li miegħu ċ-ċittadin ta’ l-Unjoni għandu relazzjoni stabbli, debitament ċertifikata.

L-Istat Membru ospitanti għandu jaffettwa eżami estensiv taċ-ċirkostanzi personali u għandu jiġġustifika kwalunkwe tiċħid ta’ dħul jew ta’ residenza lil dawn in-nies.”

5.        L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt ta’ residenza sa tliet xhur”, jipprevedi:

“1. Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ mhux aktar minn tliet xhur […]

2. Id-disposizzjonijiet tal-paragrafu 1 għandhom japplikaw ukoll għall-membri tal-familja li għandhom passaport validu li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li qed jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni.”

6.        L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Dritt ta’ residenza ta’ aktar minn tliet xhur”, jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1. Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

(a) ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti; jew

(b) għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti; jew

(ċ) - miktuba f’istitut privat jew pubbliku, akkreditat jew finanzjat mill-Istat Membru ospitanti skond il-bażi tal-leġislazzjoni jew tal-prattika amministrattiva tiegħu, għall-iskop prinċipali li jiġi segwit kors ta’ studju, inkluż taħriġ professjonali; u

- għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti u jassiguraw lill-awtorità nazzjonali rilevanti, permezz ta’ dikjarazzjoni jew b’mezzi oħrajn ekwivalenti li jagħżlu huma, li għandhom riżorsi suffiċjenti għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza; jew

(d) membri tal-familja li qed jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu ma’ ċittadin ta’ l-Unjoni li jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) jew (ċ).

2. Id-dritt ta’ residenza previst fil-paragrafu 1 għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li jakkumpanjaw jew li jingħaqdu maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, sakemm dan iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 (a), (b) jew (ċ).”

7.        L-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva, intitolat “Regola ġenerali għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom” jipprovdi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1. Iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li għex legalment għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin fl-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt ta’ residenza permanenti hemmhekk. [...]

2. Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll għall-membri tal-familja li m’għandhomx ċittadinanza ta’ Stat Membru u li għexu legalment maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin.”

B.      Id-dritt Rumen

1.      Il-Kodiċi Ċivili

8.        Skont l-Artikolu 259 tal-Legea nr. 287/2009 privind Codul civil (il-Liġi Nru 287/2009 li Tistabbilixxi l-Kodiċi Ċivili; iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”):

“1.      Iż-żwieġ huwa l-unjoni bejn raġel u mara, li liberament jagħtu l-kunsens tagħhom għaliha, konkluża skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi.

2. Raġel u mara għandu jkollhom id-dritt li jiżżewġu sabiex jifformaw familja.”

9.        L-Artikolu 277 tal-Kodiċi Ċivili jistabbilixxi:

“1. Iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess huwa pprojbit.

2. Iż-żwiġijiet bejn persuni tal-istess sess konklużi jew ikkuntrattati barra mill-pajjiż minn ċittadini Rumeni jew ċittadini barranin ma humiex irrikonoxxuti fir-Rumanija.

3. Is-sħubiji ċivili bejn persuni tas-sess oppost jew tal-istess sess konklużi jew ikkuntrattati barra mill-pajjiż minn ċittadini Rumeni jew minn ċittadini barranin ma humiex irrikonoxxuti fir-Rumanija (3).

4. Id-dispożizzjonijiet legali dwar il-moviment liberu fit-territorju Rumen taċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u taż-Żona Ekonomika Ewropea għandhom jibqgħu applikabbli.”

2.      Id-Digriet ta’ Emerġenza tal-Gvern Nru 194/2002

10.      L-Artikolu 50(1) u (2) tal-Ordonanța de urgență a Guvernului nr. 194/2002 privind regimul străinilor în România (id-Digriet ta’ Emerġenza tal-Gvern Nru 194/2002 li Jistabbilixxi r-Regoli li Jirregolaw liċ-Ċittadini Barranin fir-Rumanija; iktar ’il quddiem id-“Digriet ta’ Emerġenza tal-Gvern Nru 194/2002”) jistabbilixxi:

1.      Iċ-ċittadini barranin li daħlu fir-Rumanija fuq viża għal residenza għal żmien twil u dawk li huma eżentati mir-rekwiżit li jiksbu viża għal residenza għal żmien twil jista’ jkollhom id-dritt tagħhom għal residenza temporanja estiż mill-Inspectoratul General pentru Imigrări [(l-Ispettorat Ġenerali għall-Immigrazzjoni)] jew mill-uffiċċji territorjali tiegħu, skont il-kundizzjonijiet previsti minn din it-taqsima.

2.      Id-dritt ta’ residenza temporanja fir-Rumanija jista’ jiġi estiż suċċessivament għal perijodi massimi ta’ sena, biss jekk:

[...]

i)      il-kundizzjonijiet ġenerali stabbiliti f’din it-taqsima jkunu ssodisfatti, kif ukoll jekk ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet speċjali għall-estensjoni tad-dritt ta’ residenza skont l-għan li għalih din l-estensjoni tintalab.

[…]”.

11.      L-Artikolu 62(3) u (32) tad-Digriet ta’ Emerġenza tal-Gvern Nru 194/2002 jistabbilixxi:

“3. Iċ-ċittadini barranin li huma membri tal-familja ta’ ċittadin Rumen jista’ jkollhom id-dritt tagħhom ta’ residenza estiż jekk iċ-ċittadin Rumen, skont il-liġi, ikun iddomiċiljat jew residenti fir-Rumanija, kif ġej:

[...]

b)      għas-sħab, jekk:

(i)      jippreżentaw iċ-ċertifikat tat-twelid tal-wild;

[...]

32.      Iċ-ċittadini barranin li huma membri tal-familja ta’ ċittadini Rumeni, li ġew irreġistrati bid-dritt ta’ residenza fi Stat Membru ieħor f’din il-kapaċità, jista’ jkollhom id-dritt tagħhom ta’ residenza estiż, jekk:

a) jipproduċu prova li huma ġew irreġistrati bi dritt ta’ residenza fi Stat Membru ieħor bħala membru tal-familja ta’ ċittadin Rumen iddomiċiljat jew residenti fir-Rumanija;

b)      meta jippreżentaw l-applikazzjoni, huma għandhom jippreżentaw id-dokumenti li ġejjin:

[...]

(iii)      dokumenti li jiċċertifikaw li huma ġew irreġistrati bid-dritt ta’ residenza fi Stat Membru ieħor, bħala membru tal-familja taċ-ċittadin Rumen;

[…]”.

12.      L-Artikolu 81(2) tad-Digriet ta’ Emerġenza tal-Gvern Nru 194/2002 jipprevedi:

“L-Ispettorat Ġenerali għall-Immigrazzjoni għandu jikkonstata l-illegalità tar-residenza ta’ ċittadini barranin fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

[...]

c)      iċ-ċittadin barrani ma jissodisfax jew ma għadux jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ dħul previsti fl-Artikolu 6 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jew il-kundizzjonijiet ta’ dħul u/jew ta’ residenza previsti minn dan id-Digriet ta’ Emerġenza;

[…]”.

II.    Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

13.      Ir-rikorrenti, FV, hija ċittadina Brittanika.

14.      Fit‑12 ta’ Ġunju 2024, FV ikkonkludiet unjoni ċivili bejn persuni tal-istess sess fl-Italja ma’ GH, ċittadina Rumena li tgħix fir-Rumanija, skont il-liġi Taljana (4). Meta kkonkludew l-unjoni ċivili, FV kienet tirrisjedi l-Awstralja u GH kienet tirrisjedi r-Rumanija. L-ebda waħda minnhom ma kienet residenti fit-territorju Taljan.

15.      Fl‑1 ta’ Jannar 2025, FV daħlet fir-Rumanija sabiex tgħix hemm mas-sieħba tagħha, li qiegħda tieħu ħsieb ommha li għandha diżabbiltà severa.

16.      Fil‑21 ta’ Frar 2025, FV ippreżentat applikazzjoni quddiem is-Serviciul pentru Imigrări al Județului Bihor (is-Servizz tal-Immigrazzjoni tat-territorju amministrattiv ta’ Bihor (ir-Rumanija) (iktar ’il quddiem is-“Servizz tal-Immigrazzjoni”) għall-estensjoni tad-dritt ta’ residenza temporanja għall-iskopijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja, peress li skont id-dritt Rumen il-perijodu massimu ta’ residenza mingħajr permess kien ser jiskadi fil‑31 ta’ Marzu 2025.

17.      Fis‑16 ta’ April 2025, is-Servizz tal-Immigrazzjoni ħareġ deċiżjoni ta’ ritorn għat-tneħħija mit-territorju Rumen (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ritorn”). Id-deċiżjoni ta’ ritorn indikat li, skont l-Artikolu 81(2)(c) tad-Digriet ta’ Emerġenza tal-Gvern Nru 194/2002, ir-residenza ta’ FV fit-territorju Rumen saret illegali mis‑16 ta’ April 2025, b’tali mod li, skont id-dispożizzjonijiet tal-Ordni ta’ Emerġenza tal-Gvern Nru 194/2002 (5), FV kienet obbligata titlaq mit-territorju Rumen u tirritorna lejn ir-Renju Unit fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni.

18.      Ir-raġunijiet tad-deċiżjoni ta’ ritorn kienu jindikaw li FV ma kinitx ipproduċiet prova li hija kellha d-dritt li tirrisjedi fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni bħala membru tal-familja ta’ ċittadin Rumen. Hija lanqas ma kellha tfal mas-sieħba tagħha GH.

19.      FV ikkontestat id-deċiżjoni ta’ ritorn quddiem il-Curtea de Apel Oradea – Secția de contencios administrativ și fiscal (il-Qorti tal-Appell ta’ Oradea, ir-Rumanija – Sezzjoni tal-Kwistjonijiet Amministrattivi u tat-Taxxa), bħala l-qorti tal-ewwel u tal-aħħar istanza. Hija ssostni li, fuq il-bażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari tas-sentenza Coman (6), peress li s-sħubiji ċivili bejn persuni tal-istess sess huma rrikonoxxuti minn Stat Membru tal-Unjoni, jiġifieri l-Italja, ir-Rumanija hija obbligata tirrikonoxxi, sabiex tippermetti l-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza, rabtiet familjari legalment maħluqa fi Stat Membru ieħor, inklużi dawk bejn persuni tal-istess sess. Hija ssostni li d-deċiżjoni ta’ ritorn meħuda kontriha kisret id-dritt tagħha għall-ħajja tal-familja, kif stabbilit fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), u fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), kif ukoll id-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza.

20.      Barra minn hekk, FV issostni li r-rifjut li jiġi estiż id-dritt ta’ residenza minħabba li sħubija ċivili bejn persuni tal-istess sess ma humiex irrikonoxxuti mid-dritt nazzjonali jikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta kontra koppji tal-istess sess u ssostni li l-konvenut huwa obbligat joħorġilha permess ta’ residenza temporanja għar-riunifikazzjoni tal-familja fuq il-bażi tal-Artikolu 21(1) TFUE, tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38 u tas-sentenza Coman.

21.      Is-Servizz tal-Immigrazzjoni jqis li d-deċiżjoni ta’ ritorn li ħareġ hija legali. Huwa jsostni li ċ-ċirkustanzi ta’ FV setgħu jaqgħu taħt waħda miż-żewġ kategoriji previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward tas-sħab. Madankollu, l-applikazzjoni tagħha għall-estensjoni tad-dritt ta’ residenza ma kinitx tissodisfa l-kriterji ta’ ebda waħda mill-kategoriji. Skont is-Servizz tal-Immigrazzjoni, l-ewwel kategorija li għaliha d-dritt ta’ residenza jista’ jiġi estiż hija prevista fl-Artikolu 62(3) tad-Digriet ta’ Emerġenza tal-Gvern Nru 194/2002, li jipprevedi l-kundizzjoni li s-sħab f’unjoni ċivili għandu jkollhom ulied flimkien, li ma huwiex il-każ tar-rikorrenti u tas-sieħba tagħha. It-tieni kategorija li setgħet tapplika għar-rikorrenti hija, skont il-konvenut, prevista fl-Artikolu 62(32) tad-Digriet ta’ Emerġenza tal-Gvern Nru 194/2002, li jeżiġi li s-sħab ċivili jkunu rreġistrati bi dritt ta’ residenza fi Stat Membru ieħor. Madankollu r-rikorrenti ma pproduċiet ebda prova ta’ dan.

22.      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li ċ-ċirkustanzi legali u fattwali tal-kawża ineżami huma differenti f’żewġ aspetti mill-kawża li tat lok għas-sentenza , fejn, l-ewwel, il-persuni tal-istess sess kienu miżżewġin u, it-tieni, iż-żewġ konjuġi kienu preċedentement residenti permanenti ta’ Stat Membru differenti mill-pajjiż ta’ destinazzjoni. Għall-kuntrarju, fil-kawża ineżami, FV u s-sieħba tagħha kkonkludew unjoni ċivili u ma kinux qegħdin jirrisjedu b’mod permanenti la fl-Istat Membru li fih huma kkonkludew din l-isħubija, u lanqas f’xi Stat Membru ieħor. F’dan ir-rigward, dik il-qorti tirrileva li mill-atti tal-proċess jirriżulta li r-Rumanija hija l-ewwel Stat Membru li fih FV għexet mas-sieħba tagħha għal perijodu ta’ 90 jum wara li kkonkludew l-unjoni ċivili.

23.      Il-qorti tar-rinviju tiddikjara wkoll li r-rappreżentanti nnominati ta’ FV ikkonfermaw quddiemha li FV u GH marru l-Italja sabiex jidħlu f’unjoni ċivili minħabba l-fatt li l-liġijiet ta’ dan l-Istat Membru jippermettu unjoni ċivili bejn persuni tal-istess sess, filwaqt li d-dritt Rumen ma jipprevedix tali arranġament ġuridiku jew ebda arranġament ieħor simili għal persuni tal-istess sess.

24.      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li FV u s-sieħba tagħha invokaw id-dritt ta’ moviment liberu taċ-ċittadin Rumen, bħala ċittadin tal-Unjoni, sabiex imur fi Stat Membru ieħor – jiġifieri l-Italja, li jippermetti unjoni ċivili bejn persuni tal-istess sess, att ġuridiku li huma ma setgħux iwettqu fir-Rumanija. Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, kieku FV u s-sieħba tagħha ma kinux persuni tal-istess sess, huma setgħu jiżżewġu fir-Rumanija, f’liema każ ma kien ikun hemm ebda raġuni sabiex tiġi rrifjutata l-estensjoni tad-dritt ta’ residenza ta’ FV fir-Rumanija.

25.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel Oradea (il-Qorti tal-Appell ta’ Oradea) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda segwenti għal deċiżjoni preliminari:

“F’sitwazzjoni fejn ċittadin tal-Unjoni Ewropea jkun eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu billi mar fi Stat Membru differenti minn dak li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza u daħal f’unjoni ċivili, konformement mal-liġi Taljana, ma’ ċittadin ta’ Stat terz tal-istess sess, l-Artikolu 21(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lill-awtoritajiet tal-Istat Membru li tiegħu ċ-ċittadin tal-Unjoni għandu ċ-ċittadinanza milli jirrifjutaw li jagħtu liċ-ċittadin ta’ Stat terz dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru għar-raġuni li d-dritt ta’ dan l-Istat Membru ma jirrikonoxxix l-unjoni ċivili bejn persuni tal-istess sess?”

26.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvern tal-Ġermanja, tan-Norveġja u tar-Rumanija, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-partijiet kollha, u l-Gvern Daniż, attendew għas-seduta li nżammet fis‑16 ta’ Ġunju 2026. Bl-awtorizzazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tweġibiet bil-miktub ta’ FV għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja nqraw fil-preżenza tal-Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-partijiet li attendew għas-seduta.

III. Evalwazzjoni

27.      Qabel xejn, għandu jiġi nnotat li FV ikkontestat id-deċiżjoni ta’ ritorn quddiem il-qorti tar-rinviju. Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, id-deċiżjoni ta’ ritorn kienet il-konsegwenza diretta tar-rifjut li jiġi estiż id-dritt ta’ residenza temporanja ta’ FV. Is-Servizz tal-Immigrazzjoni kkonstata li ż-żjara ta’ FV kienet saret illegali sa mis 16 ta’ April 2025, wara li l-applikazzjoni tagħha għal estensjoni kienet ġiet miċħuda. Id-domanda magħmula minn dik il-qorti tirrigwarda l-kompatibbiltà tal-kundizzjonijiet li fuqhom huwa bbażat l-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat mad-dritt tal-Unjoni, iktar milli l-kompatibbiltà tad-deċiżjoni ta’ ritorn innifisha mad-dritt tal-Unjoni.

28.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 21(1) TFUE għandux jiġi interpretat bħala li jipprekludi lill-awtoritajiet tal-Istat Membru li tiegħu ċittadin tal-Unjoni għandu nazzjonalità milli jirrifjutaw li jagħtu d-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru lil ċittadin ta’ pajjiż terz li miegħu dan iċ-ċittadin tal-Unjoni kkonkluda unjoni ċivili skont id-dritt ta’ Stat Membru ieħor li fih ħadd minnhom ma rrisjeda, fuq il-bażi li d-dritt tal-Istat Membru ta’ nazzjonalità ma jirrikonoxxix l-unjonijiet ċivili bejn persuni tal-istess sess (7).

29.      Qabel ma tiġi indirizzata l-kwistjoni dwar jekk jeżistix ostakolu għall-moviment liberu, għandu jiġi ddeterminat jekk GH eżerċitatx id-drittijiet tagħha ta’ moviment liberu b’mod li jagħti lil FV dritt ta’ residenza dderivat fir-Rumanija. Din il-kwistjoni preċedenti hija deċiżiva, peress li dawn il-kwistjonijiet jistgħu jinqalgħu biss jekk l-Artikolu 21(1) TFUE jew, skont il-każ, l-Artikolu 20 TFUE attwalment japplika għall-kawża ineżami.

A.      Fuq il-kwistjoni dwar jekk id-drittijiet ta’ moviment liberu ġewx eżerċitati b’mod li jagħti lis-sieħeb ta’ ċittadin tal-Unjoni dritt ta’ residenza dderivat

30.      Fil-kawża ineżami, GH, ċittadina Rumena, ivvjaġġat lejn l-Italja bil-għan uniku li tikkonkludi unjoni ċivili ma’ FV, ċittadina Brittanika residenti fl-Awstralja, mingħajr ma stabbilixxiet residenza fl-Italja. Mar-ritorn ta’ GH lejn ir-Rumanija, FV talbet dritt ta’ residenza dderivat fir-Rumanija bħala s-sieħba ta’ GH. Il-kawża ineżami tirrigwarda għalhekk sitwazzjoni li fiha, wara li allegatament eżerċita d-drittijiet tiegħu ta’ moviment liberu, ċittadin tal-Unjoni jirritorna lejn l-Istat Membru ta’ nazzjonalità tiegħu u jfittex li jinvoka dawn id-drittijiet sabiex jikseb, pereżempju, dritt ta’ residenza għas-sieħeb tiegħu li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz. Din hija komunement magħrufa bħala sitwazzjoni “U-turn” (8).

1.      Drittijiet ta’ residenza dderivati skont l-Artikolu 21(1) TFUE, bid-Direttiva 2004/38 applikata b’analoġija

a)      Il-kuntest ġenerali

31.      L-Artikolu 21(1) TFUE jagħti lil kull ċittadin tal-Unjoni d-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, bla ħsara, inter alia, għal-limitazzjonijiet u għall-kundizzjonijiet previsti mit-Trattati (9). L-għan tad-Direttiva 2004/38 huwa li tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt primarju u individwali ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri li huwa mogħti direttament liċ-ċittadini tal-Unjoni minn din id-dispożizzjoni (10). Il-premessa 5 ta’ din id-direttiva tistabbilixxi li dan id-dritt għandu, sabiex ikun jista’ jiġi eżerċitat taħt kundizzjonijiet oġġettivi ta’ dinjità, jingħata wkoll lill-membri tal-familja ta’ dawn iċ-ċittadini, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom (11).

32.      La l-Artikolu 21(1) TFUE u lanqas id-Direttiva 2004/38 ma jagħtu ebda dritt awtonomu lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi marbuta ma’ ċittadin tal-Unjoni permezz ta’ rabtiet familjali jew personali. Kwalunkwe drittijiet ta’ residenza mogħtija liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi skont dawn id-dispożizzjonijiet huma drittijiet idderivati mill-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment miċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat. L-għan u l-ġustifikazzjoni ta’ dawn id-drittijiet idderivati huma bbażati fuq il-fatt li r-rifjut tagħhom jista’ jinterferixxi mal-libertà ta’ moviment taċ-ċittadin tal-Unjoni (12).

33.      Fir-rigward tal-kuntest ġuridiku li jirregola dawn id-drittijiet idderivati, jeżistu żewġ kategoriji distinti ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi msemmija fid-Direttiva 2004/38 li jistgħu jibbenefikaw minn drittijiet marbuta mal-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment minn ċittadin tal-Unjoni li huma rilevanti fil-kawża ineżami.

34.      L-ewwel kategorija, skont l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2004/38, tkopri s-sieħeb li miegħu ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun kkuntratta sħubija rreġistrata fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, sakemm il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti tkun tqis l-isħubiji rreġistrati bħala ekwivalenti għaż-żwieġ. Meta din il-kundizzjoni tkun issodisfatta, is-sieħeb ikun jikkwalifika bħala “membru tal-familja” taċ-ċittadin tal-Unjoni u jkun jibbenefika mid-drittijiet kollha mogħtija lill-membri tal-familja minn din id-direttiva. Din id-dispożizzjoni għalhekk tkopri sitwazzjoni li fiha s-sħubija tkun ġiet ifformalizzata legalment u tkun irrikonoxxuta bħala ekwivalenti għaż-żwieġ fl-Istat Membru ospitanti.

35.      It-tieni kategorija, skont l-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva 2004/38, tkopri s-sieħeb li miegħu ċ-ċittadin tal-Unjoni jkollu relazzjoni stabbli, debitament iċċertifikata, meta din ir-relazzjoni ma tkunx tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 2(2)(b) ta’ din id-direttiva, pereżempju minħabba li l-Istat Membru ospitanti ma jkunx iqis is-sħubiji rreġistrati bħala ekwivalenti għaż-żwieġ, jew minħabba li l-isħubija ma tkunx ġiet irreġistrata formalment. F’dan il-każ, is-sieħeb ma jkunx jikkwalifika bħala “membru tal-familja”, fis-sens tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2004/38, iżda l-Istat Membru ospitanti huwa madankollu obbligat jiffaċilita d-dħul u r-residenza tiegħu. Għalhekk, l-Artikolu 3(2)(b) ta’ din id-direttiva jkopri sitwazzjoni fejn ir-relazzjoni tkun teżisti fil-prattika iżda ma tkunx tilħaq il-limitu legali formali meħtieġ sabiex wieħed jikkwalifika bħala membru tal-familja skont l-Artikolu 2(2)(b) tagħha.

36.      Konsegwentement, sabiex membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni jkun jista’ jitqies bħala benefiċjarju fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/38 f’waħda minn dawn iż-żewġ kwalitajiet, iċ-ċittadin tal-Unjoni li miegħu għandu rabta familjari jew personali għandu qabelxejn jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva (13).

37.      Għalkemm id-Direttiva 2004/38 hija intiża li tiffaċilita u ssaħħaħ l-eżerċizzju tad-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqilqu u jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, l-għan ta’ din id-direttiva jikkonċerna, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(a) tagħha, il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt (14).

38.      Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li, peress li, skont prinċipju tad-dritt internazzjonali, Stat Membru ma jistax jirrifjuta liċ-ċittadini tiegħu stess id-dritt li jidħlu fit-territorju tiegħu u li jirrisjedu hemmhekk u peress li dawn iċ-ċittadini għalhekk igawdu minn dritt inkundizzjonat ta’ residenza hemmhekk, id-Direttiva 2004/38 ma hijiex intiża li tirregola r-residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità. Konsegwentement, din id-direttiva lanqas ma hija intiża li tagħti, fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, dritt ta’ residenza dderivat liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi marbuta ma’ dan iċ-ċittadin, bħala membri tal-familja, fis-sens tal-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva jew li tiffaċilita r-residenza lis-sieħeb li miegħu dan iċ-ċittadin għandu relazzjoni stabbli, debitament iċċertifikata, fis-sens tal-Artikolu 3(2)(b) tagħha (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, il-“membri tal-familja jew is-sieħeb”) (15).

39.      Minn dan isegwi li, sa fejn ċittadin tal-Unjoni ma jkunx kopert taħt il-kunċett ta’ “benefiċjarju”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, jiġifieri meta ma jkunx mar jew ma jkunx irrisjeda fi Stat Membru għajr dak li tiegħu għandu n-nazzjonalità (16), membru tal-familja jew is-sieħeb ta’ tali ċittadin tal-Unjoni lanqas ma jkun kopert taħt dan il-kunċett għall-finijiet tal-kisba ta’ dritt ta’ residenza dderivat f’dan l-Istat Membru, peress li d-drittijiet mogħtija minn din id-direttiva lill-membri tal-familja jew lis-sieħeb tiegħu ma humiex drittijiet awtonomi, iżda drittijiet idderivati, miksuba permezz tar-rabta tagħhom maċ-ċittadin tal-Unjoni li huwa l-benefiċjarju (17).

40.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li, għalkemm ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma membri tal-familja jew is-sieħeb ta’ ċittadin tal-Unjoni ma jistgħux jinvokaw id-Direttiva 2004/38 sabiex jiksbu dritt ta’ residenza dderivat fl-Istat Membru li tiegħu ċ-ċittadin tal-Unjoni għandu n-nazzjonalità, peress li din id-direttiva ma tapplikax f’dan l-Istat Membru, huma xorta jistgħu jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza dderivat fuq il-bażi tal-Artikolu 21(1) TFUE f’ċerti ċirkustanzi, jiġifieri fejn ir-rifjut ta’ tali dritt jinterferixxi mad-drittijiet ta’ moviment taċ-ċittadin tal-Unjoni billi jiddiswadih milli jeżerċita dawn id-drittijiet fi Stat Membru ieħor (18).

41.      Fil-fatt, kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja, meta ċittadin tal-Unjoni jirritorna lejn l-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità, jiġifieri f’sitwazzjoni “U-turn”, l-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat lil ċittadin ta’ pajjiż terz, li huwa membru tal-familja jew sieħeb ta’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni u li miegħu dan iċ-ċittadin ikun irrisjeda fl-Istat Membru ospitanti, huwa intiż li jelimina l-ostakolu segwenti, li jikkonsisti fid-dissważjoni taċ-ċittadin tal-Unjoni milli jitlaq mill-Istat Membru ta’ nazzjonalità tiegħu, billi jiżgura li huwa jkun jista’, meta jirritorna lejn dan l-Istat Membru, ikompli l-ħajja tal-familja li huwa jkun ħoloq jew saħħaħ fl-Istat Membru ospitanti (19). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, anki jekk id-Direttiva 2004/38 ma tkoprix tali ritorn, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat fl-Istat Membru ospitanti lil ċittadin ta’ pajjiż terz, li huwa membru tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni, għandhom japplikaw b’analoġija, peress li, fiż-żewġ każijiet, huwa ċ-ċittadin tal-Unjoni li huwa l-isponsor għal tali dritt idderivat (20). L-istess konstatazzjonijiet japplikaw għall-obbligu li tiġi ffaċilitata r-residenza tas-sieħeb li miegħu ċ-ċittadin tal-Unjoni għandu relazzjoni stabbli, debitament iċċertifikata, kif previst fl-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva 2004/38.

42.      Ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn żewġ sitwazzjonijiet oġġettivament paragunabbli. Kemm fis-sitwazzjoni tal-Istat Membru ospitanti kif ukoll fis-sitwazzjoni “U-turn”, huwa ċ-ċittadin tal-Unjoni li għandu r-rwol ta’ sponsor li permezz tiegħu ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jikseb drittijiet ta’ residenza. Bl-istess mod, fiż-żewġ sitwazzjonijiet, hija l-ħajja tal-familja, li nħolqot jew ġiet imsaħħa waqt residenza effettiva fl-Istat Membru ospitanti, li għandha tiġi ppreżervata. Peress li d-dritt tal-Unjoni jeżiġi li sitwazzjonijiet oġġettivament paragunabbli jiġu ttrattati b’mod identiku, fl-assenza ta’ raġuni oġġettiva li tiġġustifika differenza fit-trattament, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat ma għandhomx, bħala prinċipju, ikunu iktar stretti fis-sitwazzjoni “U-turn” milli jkunu fis-sitwazzjoni tal-Istat Membru ospitanti (21).

b)      L-iżvilupp tal-ġurisprudenza fir-rigward tas-sitwazzjoni “U-turn”

43.      Is-sitwazzjoni “U-turn” qamet għall-ewwel darba fil-kawża li tat lok għas-sentenza Singh, kawża li tikkonċerna l-moviment liberu tal-persuni li jeżerċitaw attività ekonomika (22). F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ċittadin ta’ Stat Membru li kien ħadem u rrisjeda fi Stat Membru ieħor ma’ konjuġi ċittadin ta’ pajjiż terz kellu d-dritt, meta jirritorna lejn l-Istat Membru ta’ nazzjonalità, ikollu lil dak il-konjugi jakkumpanjah f’kundizzjonijiet tal-inqas favorevoli daqs dawk previsti mid-dritt tal-Unjoni, għar-raġuni li nkella ċ-ċittadin tal-Unjoni jista’ jiġi dissważ milli jeżerċita d-drittijiet tiegħu ta’ moviment liberu fl-ewwel lok (23).

44.      Dan ir-raġunament ġie sussegwentement estiż fis-sentenza Eind (24)għal sitwazzjonijiet li fihom ċittadin tal-Unjoni, li jkun eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu sabiex jeżerċita attività ekonomika fi Stat Membru ieħor, jirritorna lejn l-Istat Membru ta’ nazzjonalità mingħajr ma jeżerċita attività ekonomika hemmhekk. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan iċ-ċittadin tal-Unjoni jista’ jiġi dissważ milli jitlaq mill-Istat Membru ta’ nazzjonalità tiegħu sabiex jaħdem fi Stat Membru ieħor jekk ma jkollux iċ-ċertezza li jkun jista’ jirritorna ma’ membru tal-familja tiegħu, irrispettivament minn jekk kellux l-intenzjoni jeżerċita xi attività ekonomika meta jirritorna (25). Ir-rabta ekonomika stabbilita fis-sentenza Singh għalhekk ma kinitx iktar neċessarja, u r-raġuni għall-eżistenza tad-drittijiet ta’ residenza dderivati kienet ibbażata esklużivament fuq l-“effett utli” tad-dritt ta’ moviment liberu (26).

45.      Wara dawn is-sentenzi, qamet il-kwistjoni dwar it-tul ta’ żmien li ċ-ċittadin tal-Unjoni u l-membru tal-familja tiegħu jkollhom jirrisjedu fl-Istat Membru ospitanti qabel ma jirritornaw lejn l-Istat Membru ta’ nazzjonalità, sabiex il-membru tal-familja jidderiva dritt ta’ residenza f’dan l-Istat Membru tal-aħħar. Sabiex tirrispondi għal dik id-domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet, fis-sentenza O. u B., il-qafas analitiku li jippermetti li tingħata tweġiba għal din il-problema kumplessa.

2.      Il-qafas analitiku stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza O. u B.

46.      Il-qafas analitiku stabbilit fis-sentenza O. u B. huwa bbażat fuq żewġ kundizzjonijiet kumulattivi differenti, għalkemm interkonnessi, jiġifieri r-residenza effettiva fl-Istat Membru ospitanti u l-ħajja tal-familja maħluqa jew imsaħħa matul residenza effettiva. L-osservanza ta’ dawn iż-żewġ kundizzjonijiet tagħti lill-membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz, dritt ta’ residenza dderivat fl-Istat Membru ta’ nazzjonalità. Bl-istess mod, din l-osservanza tobbliga wkoll lill-Istat Membru ta’ nazzjonalità sabiex jiffaċilita r-residenza tas-sieħeb li miegħu ċ-ċittadin tal-Unjoni għandu relazzjoni stabbli, debitament iċċertifikata, kif previst fl-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva 2004/38, applikat b’analoġija (27).

a)      Residenza effettiva fl-Istat Membru ospitanti skont l-Artikolu 7 jew l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38

47.      Fil-punt 51 tas-sentenza O. u B., il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ostakolu għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu “jinħoloq biss meta r-residenza taċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti tkun ikkaratterizzata minn biżżejjed effettività sabiex tippermettilu jiżviluppa jew jikkonsolida ħajja tal-familja f’dan l-Istat Membru”. Din il-formulazzjoni (“jinħoloq biss meta”) tistabbilixxi li r-residenza effettiva hija kundizzjoni neċessarja għall-eżistenza ta’ ostakolu għall-moviment liberu u, konsegwentement, għall-eżistenza ta’ dritt ta’ residenza dderivat ta’ membru tal-familja mar-ritorn taċ-ċittadin tal-Unjoni lejn l-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità.

48.      Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tiżviluppa din il-kundizzjoni billi tirraġuna permezz ta’ żewġ ipoteżijiet differenti. Fl-ewwel ipoteżi (28), meta ċ-ċittadin tal-Unjoni jeżerċita biss id-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/38, jiġifieri, residenza ta’ perijodu sa tliet xhur, bħal tmiem il-ġimgħa jew vaganzi, tali residenza ma turi, bħala prinċipju, ebda intenzjoni ta’ stabbiliment fl-Istat Membru ospitanti b’mod li jkun ta’ natura li joħloq jew isaħħaħ il-ħajja tal-familja hemmhekk. Għaldaqstant, ir-rifjut li jingħata dritt ta’ residenza dderivat mar-ritorn ma jiddiswadix liċ-ċittadin tal-Unjoni milli jeżerċita d-drittijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, u ma jqum ebda ostakolu. Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma wkoll (29) li perijodi qosra ta’ residenza, anki jekk ikkunsidrati flimkien, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu u ma jagħtux lok għal dritt ta’ residenza dderivat mar-ritorn.

49.      Fit-tieni ipoteżi (30), meta ċ-ċittadin tal-Unjoni jeżerċita d-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38, jiġifieri residenza għal perijodu ta’ iktar minn tliet xhur li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni, din ir-residenza tikkostitwixxi, bħala prinċipju, il-prova ta’ stabbiliment fl-Istat Membru ospitanti u għalhekk ta’ residenza effettiva, u tmur id f’id mal-ħolqien jew mat-tisħiħ ta’ ħajja tal-familja hemmhekk. Hija għalhekk residenza ta’ iktar minn tliet xhur skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38, u, a fortiori, residenza permanenti skont l-Artikolu 16 tagħha (31), li sservi bħala punt ta’ passaġġ għal dritt ta’ residenza dderivat mar-ritorn.

50.      Minn dawn iż-żewġ ipoteżijiet differenti jirriżulta li d-dritt ta’ residenza dderivat disponibbli għal membru tal-familja mar-ritorn taċ-ċittadin tal-Unjoni jista’ jkun estensiv biss daqs id-drittijiet effettivament eżerċitati miċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti. Meta ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun eżerċita biss id-dritt ta’ moviment, bħal skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/38, ma jitnissel ebda dritt ta’ residenza dderivat mar-ritorn. Meta ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun eżerċita d-dritt ta’ residenza, bħal skont l-Artikolu 7 jew l-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva, dritt ta’ residenza dderivat jista’ jinħoloq mar-ritorn. Għaldaqstant, id-dritt idderivat jirrifletti dak eżerċitat miċ-ċittadin tal-Unjoni. A fortiori, l-istess raġunament japplika fir-rigward tal-obbligu li tiġi ffaċilitata r-residenza stabbilit fl-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva 2004/38. L-Istat Membru tan-nazzjonalità għandu jiffaċilita r-residenza għas-sieħeb li miegħu ċittadin tal-Unjoni għandu relazzjoni stabbli, debitament iċċertifikata, sa fejn tali ċittadin tal-Unjoni jkun effettivament irrisjeda fl-Istat Membru ospitanti.

b)      Il-ħajja tal-familja maħluqa jew imsaħħa matul residenza effettiva

51.      Meta l-premessa fattwali ta’ residenza effettiva tkun issodisfatta, il-ħolqien jew it-tisħiħ tal-ħajja tal-familja matul din ir-residenza effettiva huma kundizzjoni kumulattiva addizzjonali li għandha tiġi ssodisfatta sabiex l-obbligu li jingħata dritt ta’ residenza dderivat lil membru tal-familja ta’ pajjiż terz (jew l-obbligu li tiġi ffaċilitata r-residenza għas-sieħeb li miegħu ċittadin tal-Unjoni għandu relazzjoni stabbli, debitament iċċertifikata) jitnissel mar-ritorn (32). Peress li din l-evalwazzjoni teżiġi li jiġu stabbiliti l-elementi fattwali rilevanti, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk din il-kundizzjoni hijiex issodisfatta fil-kawża li għandha quddiemha (33).

52.      Residenza effettiva fl-Istat Membru ospitanti li matulha ċittadin tal-Unjoni u l-membru tal-familja tiegħu joħolqu jew isaħħu ħajja tal-familja tirriżulta fl-obbligu li jingħata dritt ta’ residenza dderivat mar-ritorn lejn l-Istat Membru ta’ nazzjonalità. Bl-istess mod, fir-rigward tas-sieħeb li miegħu ċ-ċittadin tal-Unjoni ħoloq jew saħħaħ ħajja tal-familja matul residenza effettiva fl-Istat Membru ospitanti, l-osservanza ta’ dawn iż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi toħloq l-obbligu ta’ faċilitazzjoni tar-residenza fl-Istat Membru ta’ nazzjonalità. Il-ħolqien u t-tisħiħ tal-ħajja tal-familja waqt residenza effettiva huma parti inerenti mid-dritt ta’ moviment liberu u għandhom jiġu protetti permezz tat-tneħħija tal-ostakolu li ġej: ir-rifjut li jingħata dritt ta’ residenza lil membru tal-familja li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz jew li tiġi ffaċilitata r-residenza għas-sieħeb fl-Istat Membru ta’ nazzjonalità, li jkun ta’ natura li jippreġudika l-libertà ta’ moviment taċ-ċittadin tal-Unjoni billi jiddisswadih milli jeżerċita d-drittijiet tiegħu ta’ dħul u ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, peress li tali rifjut ikun iċaħħad lil dan iċ-ċittadin miċ-ċertezza li jkun jista’ jkompli, mar-ritorn tiegħu, il-ħajja tal-familja li tkun inħolqot jew ġiet imsaħħa hemmhekk. Meta l-ħajja tal-familja la tkun inħolqot u lanqas ma tkun ġiet imsaħħa matul residenza effettiva, is-suġġett tal-protezzjoni tal-libertà ta’ moviment jisparixxi u, miegħu, il-bażi għall-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat lil dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz (jew għall-impożizzjoni tal-obbligu li tiġi ffaċilitata r-residenza għal dak is-sieħeb) mar-ritorn (34).

53.      Din l-interpretazzjoni ġiet ikkonfermata fis-sentenza Altiner u Ravn (35), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kriterju deċiżiv għall-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat mar-ritorn taċ-ċittadin tal-Unjoni huwa l-eżistenza ta’ ħajja tal-familja li ġiet maħluqa jew imsaħħa waqt residenza effettiva fl-Istat Membru ospitanti u li ma ġietx interrotta qabel ir-ritorn. Din is-sentenza tikkonferma li l-qafas stabbilit fis-sentenza O. u B. jirrigwarda r-realtà tal-ħajja tal-familja li effettivament intgħexet fl-Istat Membru ospitanti matul residenza effettiva, u mhux is-sempliċi eżekuzzjoni formali ta’ att ġuridiku hemmhekk. Iċ-ċirkustanzi l-oħra kollha huma fatturi rilevanti f’evalwazzjoni globali, iżda ma jistgħux iservu bħala kriterji fissi għal deċiżjoni awtomatika (36).

c)      Applikazzjoni ta’ dan il-qafas fil-kawża ineżami

54.      Il-qafas analitiku stabbilit fis-sentenza O. u B. iwassal, meta applikat għaċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami, għal konklużjoni ċara: huwa evidenti li l-ebda waħda miż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi ta’ dan il-qafas ma hija ssodisfatta.

55.      Fir-rigward tar-residenza effettiva, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li GH ma kellhiex residenza effettiva fl-Italja skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38 jew l-Artikolu 16 tagħha. Hija vvjaġġat lejn l-Italja bl-uniku għan li tidħol f’unjoni ċivili ma’ FV u rritornat lura lejn ir-Rumanija immedjatament wara, mingħajr ma stabbilixxiet residenza fl-Italja. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza O. u B. (37), huwa biss perijodu ta’ residenza li jkun jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1) u (2) jew fl-Artikolu 16(1) u (2) tad-Direttiva 2004/38 li jagħti dritt ta’ residenza dderivat mar-ritorn, u perijodi qosra ta’ residenza bħal tmiem il-ġimgħa jew vaganzi, anki jekk ikkunsidrati flimkien, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva u ma jissodisfawx dawn il-kundizzjonijiet.

56.      Fir-rigward tal-ħolqien u att-tisħiħ tal-ħajja tal-familja, il-vjaġġ qasir ta’ GH fl-Italja ma jissodisfax din il-kundizzjoni fit-tifsira mogħtija lil din l-espressjoni fis-sentenza O. u B. (38). Għalkemm il-konklużjoni ta’ unjoni ċivili hija att ġuridiku ta’ sinjifikat personali indubitabbli, hija ma hijiex ekwivalenti għall-fatt li wieħed ikun għex bħala familja fl-Istat Membru ospitanti. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-mument tal-konklużjoni tal-unjoni ċivili, GH kienet iddomiċiljata fir-Rumanija u li FV kienet iddomiċiljata fl-Awstralja u li FV waslet ir-Rumanija biss madwar sitt xhur wara. Barra minn hekk, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tgħid xejn dwar jekk GH u FV kellhomx ħajja komuni fl-Italja jew żviluppawx il-ħajja tal-familja tagħhom hemmhekk b’xi mod konkret u materjali. Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi dawn il-fatti u li għandha tevalwa, fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, jekk il-ħajja tal-familja effettivament inħolqitx jew ġietx imsaħħa matul il-preżenza ta’ GH fl-Italja fis-sens tas-sentenza O. u B.

57.      Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li għadda perijodu sinjifikattiv bejn il-vjaġġ qasir ta’ GH fl-Italja u l-wasla ta’ FV fir-Rumanija madwar sitt xhur wara. Din iċ-ċirkustanza hija legalment rilevanti fid-dawl tas-sentenza Altiner u Ravn, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Istati Membri jistgħu jivverifikaw, qabel ma jagħtu dritt ta’ residenza dderivat fuq il-bażi tal-Artikolu 21(1) TFUE, jekk il-ħajja tal-familja bejn iċ-ċittadin tal-Unjoni u l-membru tal-familja li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz ġietx interrotta qabel id-dħul ta’ dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz fl-Istat Membru li ċ-ċittadin tal-Unjoni għandu n-nazzjonalità tiegħu (39).

58.      Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat preċedentement li d-dissważjoni mill-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment tirriżulta mill-prospett li ċ-ċittadin tal-Unjoni ma jkunx jista’, meta jirritorna lejn l-Istat Membru ta’ nazzjonalità tiegħu, ikompli bil-“ħajja tal-familja” mal-membri tal-familja tiegħu jew mas-sieħeb tiegħu li tkun inħolqot jew ġiet imsaħħa fl-Istat Membru ospitanti. Il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi li din il-“ħajja tal-familja” setgħet twieldet fl-Istat Membru ospitanti bħala riżultat ta’ żwieġ jew ta’ riunifikazzjoni tal-familja, iżda madankollu tenfasizza r-rekwiżit li tiġi żviluppata ħajja tal-familja waqt iż-żjara fl-Istat Membru ospitanti li għandha tiġi protetta mar-ritorn, iktar milli l-eżekuzzjoni tal-att ġuridiku nnifsu (40).

59.      L-argument li l-ħolqien ta’ ħajja tal-familja għandu jinftiehem b’mod prospettiv u, għaldaqstant, l-att ta’ konklużjoni ta’ unjoni ċivili jikkostitwixxi att immirat lejn ħajja tal-familja futura u għalhekk għandu jkun biżżejjed, ma jsib ebda sostenn fit-test tas-sentenza O. u B. u huwa fil-fatt direttament kontradett minnu. F’din is-sentenza, il-formulazzjoni tal-Qorti hija retrospettiva (41): hija kkonċernata mill-protezzjoni tal-ħajja tal-familja li diġà teżisti u li ġiet żviluppata fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment, u mhux li jiġi ffavorit l-iżvilupp futur ta’ ħajja tal-familja li għadha ma ġietx ikkonkretizzata fl-Istat Membru ospitanti.

60.      Ir-raġunament ta’ dissważjoni jopera fuq żewġ dimensjonijiet temporali b’mod simultanju, bil-mument tal-applikazzjoni għal residenza bħala l-punt ta’ riferiment. Qabel dan il-mument, l-ewwel mistoqsija hija jekk il-ħajja tal-familja effettivament inħolqitx jew ġietx imsaħħa waqt residenza effettiva fl-Istat Membru ospitanti, mistoqsija dwar fatti li huma stabbiliti jew le fil-mument tal-applikazzjoni. Wara dan l-istess mument, it-tieni mistoqsija hija jekk ir-rifjut ta’ dritt ta’ residenza dderivat ikunx jipprekludi l-kontinwazzjoni ta’ din il-ħajja tal-familja mar-ritorn. Dawn iż-żewġ mistoqsijiet huma marbuta permezz ta’ tielet, dimensjoni ipotetika: jekk, kieku ċ-ċittadin tal-Unjoni kien jaf fil-mument tat-tluq li l-ħajja tal-familja li kellha tinħoloq matul l-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment ma kinitx tkun protetta mar-ritorn, huwa possibbilment qatt ma kien jitlaq mill-Istat Membru ta’ nazzjonalità tiegħu. L-Artikolu 21(1) TFUE huwa intiż li jinnewtralizza din id-dissważjoni, jiġifieri, ir-riskju li ċittadin tal-Unjoni, ikkonfrontat b’inċertezza dwar jekk il-ħajja tal-familja maħluqa waqt l-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment tkunx protetta mar-ritorn, ikun inqas inklinat li jeżerċita d-dritt ta’ moviment liberu fl-ewwel lok (42).

61.      Ir-raġunament ta’ dissważjoni jippreżupponi li nbniet xi ħaġa konkreta matul ir-residenza fl-Istat Membru ospitanti, li issa għandha tiġi protetta. Interpretazzjoni prospettiva tkun tfisser li ċittadin tal-Unjoni jista’ jiskatta l-protezzjoni tal-Artikolu 21(1) TFUE mhux billi fil-fatt ikun ħoloq ħajja tal-familja fi Stat Membru ieħor, iżda sempliċement billi jkun ħa pass legali li jista’ jwassal għal ħajja tal-familja fil-futur. Dan ma huwiex dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza O. u B., li teżiġi li l-ħajja tal-familja tkun effettivament inħolqot jew ġiet imsaħħa matul residenza effettiva, li huwa rekwiżit retrospettiv ibbażat fuq fatti li jkunu diġà seħħew.

62.      Mill-assenza ta’ residenza effettiva kif ukoll mill-assenza tal-ħolqien u tat-tisħiħ tal-ħajja tal-familja fl-Istat Membru ospitanti jirriżulta li ċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami ma jidhrux li jistgħu jiskattaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 21(1) TFUE kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza O. u B., u li r-rifjut li FV tingħata dritt ta’ residenza dderivat fir-Rumanija għalhekk ma jikkostitwixxix ostakolu għall-eżerċizzju minn GH tad-drittijiet ta’ moviment liberu tagħha, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

d)      Fuq ir-rekwiżit ta’ residenza effettiva bħala salvagwardja tal-prerogattivi tal-leġiżlatur tal-Unjoni u tal-identità kostituzzjonali nazzjonali

63.      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi li żjara qasira tat-tip inkwistjoni fil-kawża ineżami tista’ twassal għall-applikazzjoni tal-Artikolu 21(1) TFUE, tali devjazzjoni mill-ġurisprudenza tkun twessa’ b’mod fundamentali l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt dwar il-libertà ta’ moviment, u b’hekk tnaqqas il-kompetenzi miżmuma mill-Istati Membri f’materji ta’ dritt tal-familja (43) u tal-immigrazzjoni (44), li t-tnejn jaqgħu taħt l-oqsma tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja u għalhekk huma kompetenzi kondiviżi bejn l-Istati Membri u l-Unjoni, skont l-Artikolu 4(2)(j) TFUE. Meta ċ-ċittadin tal-Unjoni ma jkunx effettivament eżerċita d-drittijiet tiegħu ta’ moviment liberu b’mod li joħloq rabta reali u sostanzjali ma’ Stat Membru ieħor, huwa l-leġiżlatur tal-Unjoni, u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja, li għandu jiddeċiedi jekk għandhomx jingħataw drittijiet ta’ residenza lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’tali sitwazzjonijiet. Dan isir billi jaġixxi fuq il-bażi legali prevista fl-Artikolu 79(2)(a) TFUE jew fl-Artikolu 81(3) TFUE u billi jadotta leġiżlazzjoni sekondarja meħtieġa għal dan l-għan.

64.      Fis-sentenza Metock, il-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat it-tqassim tal-kompetenzi fir-rigward tal-miżuri intiżi li jinkiseb il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li l-Unjoni tislet il-kompetenza tagħha mill-Artikoli 18(2) KE, 40 KE, 44 KE u 52 KE, li jikkostitwixxu l-bażijiet legali li fuqhom ġiet adottata d-Direttiva 2004/38 (45). Dawn id-dispożizzjonijiet issa ġew issostitwiti bl-Artikoli 21(2) TFUE, 46 TFUE, 50 TFUE u 59 TFUE. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-leġiżlatur tal-Unjoni “għandu l-kompetenza li jirregola [...] id-dħul u r-residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, fl-Istat Membru li fih dan tal-aħħar eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu”, “meta l-impossibbiltà għaċ-ċittadin tal-Unjoni li jkun akkumpanjat mill-familja tiegħu jew li hija tingħaqad miegħu fl-Istat Membru ospitanti tista’ tippreġudika l-libertà tiegħu ta’ moviment billi tiskoraġġih milli jeżerċita d-drittijiet ta’ dħul u ta’ residenza f’dan l-istess Stat Membru”’ (46).

65.      L-Artikoli 21(2), 46, 50 u 59 TFUE joperaw bħala l-bażijiet legali fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni li eżerċitaw il-libertà ta’ moviment tagħhom billi stabbilixxew ruħhom fi Stat Membru differenti minn dak tan-nazzjonalità tagħhom. Fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet purament interni, il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet billi ppreċiżat li la d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu u lanqas il-miżuri adottati sabiex jiġu implimentati dawn id-dispożizzjonijiet ma kienu japplikaw. Kull differenza fit-trattament bejn iċ-ċittadini tal-Unjoni li ma jeżerċitawx id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u dawk li jagħmlu dan, f’dak li jirrigwarda d-dħul u r-residenza tal-membri tal-familja tagħhom, għalhekk ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt dwar il-moviment liberu u dak taċ-ċittadinanza tal-Unjoni (47).

66.      Barra mill-qasam tad-dritt dwar il-libertà ta’ moviment u ċ-ċittadinanza tal-Unjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jaġixxi skont l-Artikolu 79(2)(a) TFUE, li jirregola l-kundizzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja fir-rigward tal-membri tal-familja li huma ċittadini ta’ pajjiż terz ta’ ċittadini tal-Unjoni li jirritornaw lejn l-Istat Membru tan-nazzjonalità tagħhom, jew fuq il-bażi tal-Artikolu 81(3) TFUE, li jirregola kwistjonijiet tad-dritt tal-familja b’implikazzjonijiet transkonfinali, iżda għadu ma għamilx dan fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma membri tal-familja jew is-sħab ta’ ċittadini tal-Unjoni li jirritornaw lejn l-Istat Membru ta’ nazzjonalità tagħhom. Madankollu, dritt ta’ residenza dderivat favur ċittadin ta’ pajjiż terz f’dan il-kuntest ma jistax jitqies li għandu pedament leġiżlattiv espliċitu fid-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, ma hemm l-ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tagħti direttament dritt ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz f’dan il-kuntest.

67.      Jirriżulta li l-Artikolu 21(1) TFUE ma għandux jingħata interpretazzjoni li tmur lil hinn minn dak li huwa strettament meħtieġ sabiex tiġi żgurata l-effettività tad-drittijiet ta’ moviment liberu li jkunu eżerċitati b’mod ġenwin. Interpretazzjoni li tmur lil hinn minn hekk tkun qiegħda tidħol fuq il-kompetenzi miżmuma mill-Istati Membri u fuq l-għażliet politiċi li l-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jadotta fil-futur skont l-Artikolu 79(2)(a) TFUE u/jew l-Artikolu 81(3) TFUE. Huwa għalhekk li, f’sitwazzjonijiet “U-turn”, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Istat Membru ta’ nazzjonalità għandu obbligu li jagħti drittijiet ta’ residenza lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma membri tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni – jew li jiffaċilita r-residenza għal ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa s-sieħeb li miegħu ċ-ċittadin tal-Unjoni għandu relazzjoni stabbli, debitament iċċertifikata – iżda biss meta ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu billi jkun effettivament irrisjeda fl-Istat Membru ospitanti f’liema żmien ikun ħoloq jew saħħaħ ħajja tal-familja mal-membri tal-familja jew mas-sieħeb ikkonċernat (48).

68.      Pereżempju, fis-sentenza Coman, il-Qorti tal-Ġustizzja llimitat il-kompetenzi tal-Istat Membru ta’ nazzjonalità fil-qasam tad-dħul u tar-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni biss meta dan kien strettament neċessarju sabiex tiġi żgurata l-effettività tad-drittijiet mogħtija liċ-ċittadini tal-Unjoni mill-Artikolu 21(1) TFUE (49). Din il-limitazzjoni dejjem kienet konsistentement marbuta mal-eżistenza ta’ rabta effettiva u sostanzjali bejn l-eżerċizzju miċ-ċittadin tal-Unjoni tad-drittijiet ta’ moviment liberu u s-sitwazzjoni tal-membru tal-familja li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz, rabta li r-rekwiżit ta’ residenza effettiva skont l-Artikolu 7 jew l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38 huwa maħsub li jiżgura. It-tneħħija ta’ dan ir-rekwiżit tissogra li testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għall-qasam tad-dritt nazzjonali tal-immigrazzjoni lil hinn minn dak li huwa strettament neċessarju sabiex tiġi żgurata l-effettività tad-drittijiet ta’ moviment liberu.

69.      Il-limitu ta’ residenza effettiva, kif dedott mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza O. u B. mill-istruttura u mill-għanijiet tal-Artikolu 21(1) TFUE, jiżgura għalhekk li l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma tinterferixxix mal-kompetenzi li t-Trattati jirriżervaw għall-Istati Membri jew jagħtu lil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex jeżerċita permezz tal-proċeduri leġiżlattivi xierqa.

70.      Fil-fehma tiegħi, mifhum bħala limitu, ir-rekwiżit ta’ residenza effettiva jippreżerva sfera ta’ kompetenza sinjifikattiva lill-Istati Membri f’oqsma bħad-dritt tal-familja li jaffettwaw direttament l-identità kostituzzjonali tagħhom. Jekk dan il-limitu kellu jitneħħa u żjara qasira waħda kellha titqies biżżejjed sabiex sitwazzjoni tkun taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 21(1) TFUE, bid-Direttiva 2004/38 applikata b’analoġija, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni dwar il-libertà ta’ moviment jiġi estiż lil hinn minn dak previst fit-Trattati. Effettivament, l-Istati Membri jiġu llimitati sinjifikattivament fl-abbiltà tagħhom li jirregolaw aspetti essenzjali tad-dritt tal-familja fir-rigward taċ-ċittadini tagħhom stess fi kwalunkwe sitwazzjoni li tkun tinvolvi anki l-iktar element transkonfinali modest. Barra minn hekk, is-salvagwardji proċedurali tal-Artikolu 81(3) TFUE u l-kompetenzi kondiviżi skont l-Artikolu 4(2)(j) TFUE jiġu evitati. L-importanza ta’ dan il-bilanċ ġiet irrikonoxxuta wkoll mill-gvernijiet li pparteċipaw fil-proċedura orali, inklużi l-Gvern Daniż, Ġermaniż u Norveġiż.

71.      Jirriżulta li l-qafas analitiku stabbilit fis-sentenza O. u B. iwassal għall-konklużjoni li l-Artikolu 21(1) TFUE ma japplikax għall-kawża ineżami. Konsegwentement, huwa ma jappoġġjax l-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat għal FV fir-Rumanija fuq il-bażi tiegħu. Lanqas ma jobbliga lill-awtoritajiet Rumeni jiffaċilitaw ir-residenza. Sabiex jinżamm it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-leġiżlatur tal-Unjoni kif ukoll dak bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri, ir-rekwiżit ta’ residenza effettiva għandu jibqa’ validu fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, il-mistoqsija jekk FV tistax xorta waħda tingħata dritt ta’ residenza dderivat fir-Rumanija għandha tiġi eżaminata wkoll fuq bażi legali differenti, jiġifieri l-Artikolu 20 TFUE.

3.      Drittijiet ta’ residenza dderivati skont l-Artikolu 20 TFUE

72.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat diversi drabi li ċ-ċittadinanza tal-Unjoni hija intiża li tkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri (50). Hija ddeċidiet ukoll li l-Artikolu 20 TFUE jipprekludi miżuri nazzjonali li għandhom l-effett li jċaħħdu liċ-ċittadini tal-Unjoni mit-tgawdija effettiva tal-essenza tad-drittijiet mogħtija minn dan l-istatus (51).

73.      Bħala ċittadina ta’ Stat Membru, GH tgawdi l-istatus ta’ ċittadina tal-Unjoni skont l-Artikolu 20(1) TFUE u għalhekk tista’ tinvoka d-drittijiet relatati ma’ dan l-istatus, inkluż kontra l-Istat Membru ta’ nazzjonalità tagħha, b’mod partikolari d-dritt mogħti mill-Artikolu 21 TFUE, li tiċċaqlaq u li tirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri (52).

74.      Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE f’sitwazzjonijiet li jinvolvu membri tal-familja li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi ġie żviluppat għall-ewwel darba fis-sentenza Ruiz Zambrano. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-fatt li missier li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz jiġi rrifjutat dritt ta’ residenza jkun iċaħħad lill-ulied minuri tiegħu li huma ċittadini tal-Unjoni mit-tgawdija effettiva tal-essenza tad-drittijiet mogħtija mill-istatus tagħhom ta’ ċittadini tal-Unjoni, peress li dan ikun iwassalhom sabiex jitilqu mit-territorju tal-Unjoni kollu kemm hu (53).

75.      Fis-sentenza Dereci, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li ċ-ċaħda tat-tgawdija effettiva tal-essenza tad-drittijiet mogħtija miċ-ċittadinanza tal-Unjoni tikkorrispondi għal sitwazzjoni li fiha ċ-ċittadin tal-Unjoni jkollu, fil-fatt, jitlaq mit-territorju tal-Unjoni kollu kemm hu u ddeskriviet din is-sitwazzjoni bħala eċċezzjonali (54). Hija ddeċidiet ukoll li s-sempliċi rieda li tiġi ppreżervata l-unità tal-familja fit-territorju tal-Unjoni ma hijiex biżżejjed, waħedha, sabiex jiġi konkluż li ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun imġiegħel jitlaq mit-territorju fil-każ ta’ rifjut ta’ dritt ta’ residenza dderivat lill-membru tal-familja kkonċernat (55).

76.      Għandu jiġi nnotat f’dan ir-rigward li l-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 20 TFUE msemmija hawn fuq ġiet żviluppata fil-kuntest ta’ każijiet li jikkonċernaw tfal minuri li huma ċittadini tal-Unjoni u li huma dipendenti fuq ġenitur li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz. Fis-sentenza K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju), il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li, b’differenza mill-minuri u, a fortiori, mill-minuri li huma wlied ta’ età żgħira, l-adulti huma, bħala regola ġenerali, f’pożizzjoni li jgħixu eżistenza awtonoma barra mill-membri tal-familja tagħhom. Minn dan isegwi li l-identifikazzjoni ta’ relazzjoni ta’ dipendenza bejn żewġ adulti tal-istess familja, li tista’ tirriżulta fi dritt ta’ residenza dderivat skont l-Artikolu 20 TFUE, hija possibbli biss f’każijiet eċċezzjonali, fejn, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, ma jista’ jkun hemm ebda forma ta’ separazzjoni bejn l-individwu kkonċernat u l-membru tal-familja li huwa dipendenti fuqu (56).

77.      Minn dawn is-sentenzi, moqrija flimkien, jirriżulta li l-Artikolu 20 TFUE jista’ jiġi invokat f’sitwazzjonijiet fejn ċittadini tal-Unjoni jirrisjedu fl-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini u qatt ma eżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu, sakemm teżisti rabta effettiva mad-dritt tal-Unjoni minħabba r-riskju li ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun imġiegħel jitlaq mit-territorju tal-Unjoni kollu kemm hu. Wara s-sentenza Safi, dan il-limitu ma huwiex limitat għat-tluq sforzat mill-Unjoni kollha kemm hi, iżda jestendi għal sitwazzjonijiet li fihom iċ-ċittadin tal-Unjoni jkun imġiegħel jitlaq mill-Istat Membru li tiegħu huwa ċittadin sabiex jakkumpanja liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz fi Stat Membru ieħor, sakemm din ir-rilokazzjoni tkun tipprekludi t-tkomplija tal-ħajja tal-familja maż-żewġ ġenituri, jew tkun tmur kontra l-aħjar interessi tal-wild (57).

78.      Madankollu, il-limitu sabiex jiġi stabbilit ksur tad-drittijiet mogħtija miċ-ċittadinanza tal-Unjoni skont l-Artikolu 20 TFUE minħabba li dritt ta’ residenza dderivat ġie rrifjutat huwa għoli. Dan jiġi ssodisfatt biss meta relazzjoni ta’ dipendenza bejn iċ-ċittadin tal-Unjoni u ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz tiġi stabbilita fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni konkreta u individwali taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-kawża inkwistjoni. Kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Chavez‑Vilchez et, din l-evalwazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha, inkluża, b’mod partikolari, il-kwistjoni tal-kustodja, ir-rabtiet ġuridiċi, finanzjarji u emozzjonali bejn il-partijiet, kif ukoll ir-riskji li tista’ ġġib magħha s-separazzjoni (58).

79.      Il-ġurisprudenza tistabbilixxi li r-relazzjoni ta’ dipendenza meħtieġa teżisti meta ċ-ċittadin tal-Unjoni ma jkollux għażla oħra ħlief li jsegwi liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jekk dan tal-aħħar ikun obbligat jitlaq, ġeneralment minħabba li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikollu l-kustodja effettiva ta’ ċittadin minuri tal-Unjoni, bħal fis-sentenza Ruiz Zambrano u fis-sentenza Safi.

80.      Fil-kawża ineżami, tali relazzjoni ta’ dipendenza ma teżistix, għalkemm hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk dan huwiex il-każ fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha. GH hija adulta li għażlet li tidħol f’unjoni ċivili ma’ FV, iżda xejn fil-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jindika li hija dipendenti fuq FV kif meħtieġ mill-ġurisprudenza, u rifjut ta’ residenza lil FV għalhekk ma jkunx jobbliga, bħala kwistjoni ta’ ħtieġa prattika, lil GH titlaq mir-Rumanija jew mill-Unjoni. Ir-rieda ta’ għejxien flimkien bħala koppja, minkejja li komprensibbli, ma tilħaqx il-limitu stabbilit fis-sentenza Dereci (59).

81.      Fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-kawża ineżami ma turi l-ebda relazzjoni ta’ dipendenza li tista’ ġġib is-sitwazzjoni fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE kif interpretat fis-sentenza Ruiz Zambrano, fis-sentenza Dereci, u fis-sentenza Safi. Għalhekk, il-kawża ineżami ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE.

4.      Fuq il-kwistjoni dwar jekk il-Karta tapplikax b’mod awtonomu għall-kawża ineżami

82.      Fir-rigward tal-argument li d-deċiżjoni ta’ ritorn meħuda kontra FV kisret id-dritt tagħha għall-ħajja tal-familja kif stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta (60), għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet tal-Karta huma indirizzati lill-Istati Membri biss meta dawn ikunu qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, kif iddefinit fl-Artikolu 51(1) tagħha (61).

83.      Issa hija ġurisprudenza stabbilita li r-regoli tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-persuni u l-miżuri adottati sabiex jimplimentaw dawn ir-regoli ma jistgħux jiġu applikati għal attivitajiet li ma għandhom l-ebda fattur li jorbothom ma’ xi waħda mis-sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni u li huma limitati minn kull aspett rilevanti fi ħdan Stat Membru wieħed (62). Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni, stabbilita mill-Artikolu 20 TFUE, ma għandhiex l-għan li testendi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-Trattat ukoll għal sitwazzjonijiet interni li ma għandhom ebda rabta mad-dritt tal-Unjoni. Kull diskriminazzjoni li ċ-ċittadini ta’ Stat Membru jistgħu jsofru bis-saħħa tal-liġi ta’ dan l-Istat taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi u għandha għalhekk tiġi ttrattata fi ħdan il-qafas tal-ordinament ġuridiku intern ta’ dan l-Istat (63).

84.      Fis-sentenza Coman, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet stabbilixxiet ostakolu għall-moviment liberu tal-persuni qabel ma evalwat il-konformità mad-drittijiet fundamentali stabbiliti mill-Karta, peress li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni kellhom jitqiesu bħala li jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tagħha. Madankollu, il-Karta ma tapplikax għal sitwazzjoni interna fejn tali ostakolu ma huwiex stabbilit. Għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, il-kawża ineżami ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar iċ-ċittadinanza, peress li GH ma stabbilixxietx residenza effettiva fl-Italja u s-sempliċi ċaqliq tagħha ma huwiex biżżejjed sabiex joħloq drittijiet ta’ residenza dderivati għal FV, li hija ċittadina ta’ pajjiż terz, fl-Istat Membru ta’ nazzjonalità ta’ GH. Peress li s-sitwazzjoni ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Karta ma hijiex applikabbli.

85.      Dan premess, dan ma jfissirx li d-drittijiet fundamentali ta’ GH u ta’ FV, b’mod partikolari d-dritt tagħhom għal ħajja tal-familja, ma humiex protetti. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja f’Dereci, “jekk [il-qorti tar-rinviju] tikkunsidra li [s-sitwazzjoni tagħhom] ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-drit tal-Unjoni, hija gaħdnha twettaq tali eżami fid-dawl tal-Artikolu 8(1) tal-KEDB” (64).

5.      Konklużjoni provviżorja

86.      Fir-rigward tad-Direttiva 2004/38, din ma hijiex intiża li tirregola r-residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru li tiegħu huwa ċittadin u għalhekk ma hijiex applikabbli għas-sitwazzjoni inkwistjoni.

87.      Fir-rigward tal-Artikolu 21 TFUE, GH ma eżerċitatx id-drittijiet ta’ moviment liberu b’mod li jagħti lil FV, li hija ċittadin ta’ pajjiż terz, dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ta’ nazzjonalità ta’ GH. GH ivvjaġġat fil-qosor lejn l-Italja bl-uniku għan li tidħol f’unjoni ċivili, mingħajr ma stabbilixxiet residenza effettiva hemmhekk fis-sens tal-Artikolu 7 jew tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38, u mingħajr ma ħolqot jew saħħet il-ħajja tal-familja f’dan l-Istat Membru fis-sens konkret meħtieġ mill-ġurisprudenza.

88.      Fir-rigward tal-Artikolu 20 TFUE, il-limitu stabbilit fis-sentenza Ruiz Zambrano, kif iċċarat fis-sentenza Dereci u estiż fis-sentenza Safi, ma ntlaħaqx. Ma jidher li teżisti ebda relazzjoni ta’ dipendenza tat-tip irrikonoxxut fil-ġurisprudenza bejn GH u FV. GH hija adulta li għażlet li tidħol f’unjoni ċivili ma’ FV, iżda hija ma hijiex dipendenti fuq FV fis-sens meħtieġ mill-ġurisprudenza.

89.      Il-kundizzjonijiet minimi meħtieġa għall-applikabbiltà tal-Artikolu 21(1) TFUE, bid-Direttiva 2004/38 applikata b’analoġija, u tal-Artikolu 20 TFEU, ma ntlaħqux. Għaldaqstant l-applikazzjoni ta’ FV għal dritt ta’ residenza dderivat ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

B.      Analiżi alternattiva: fuq il-kwistjoni dwar jekk ir-rifjut li jingħata dritt ta’ residenza dderivat jikkostitwixxix ostakolu

90.      L-analiżi li ġejja qiegħda ssir biss għall-iskop ta’ kompletezza, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata, kuntrarjament għall-konklużjoni miksuba hawn fuq, li GH eżerċitat id-drittijiet tagħha ta’ moviment liberu b’mod li jwassal għall-applikazzjoni tad-dritt ta’ residenza dderivat ta’ FV fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 21(1) TFUE. Huwa biss f’dak il-każ li jkun meħtieġ li jiġi eżaminat jekk ir-rifjut tal-awtoritajiet Rumeni li jagħtu lil FV dritt ta’ residenza dderivat fir-Rumanija jikkostitwixxix ostakolu għall-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ moviment liberu ta’ GH skont it-tifsira tal-Artikolu 21(1) TFUE.

1.      Drittijiet ta’ residenza dderivati skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, applikata b’analoġija

91.      Kif spjegajt iktar ’il fuq, fil-każijiet ta’ ritorn li jaqgħu taħt l-Artikolu 21(1) TFUE, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 japplikaw b’analoġija (65). L-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat fl-Istat Membru ta’ oriġini ġie rrikonoxxut biss, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma “membri tal-familja” taċ-ċittadin tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva. Ċittadin ta’ pajjiż terz li ma huwiex membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni għalhekk ma jibbenefikax minn dritt ta’ residenza dderivat skont l-Artikolu 21(1) TFUE (66).

92.      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sitwazzjoni tal-konjuġi tal-istess sess tista’ tkun koperta mill-kunċett ta’ membru tal-familja fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2004/38 (67). Madankollu, din il-ġurisprudenza ma tistax tiġi estiża għal sħubija rreġistrati (68). Għall-kuntrarju tal-kunċett ta’ “konjuġi” fl-Artikolu 2(2)(a) ta’ din id-direttiva, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Coman li huwa newtrali fir-rigward tal-ġeneru u ddefinit b’rriferiment għal-liġijiet tal-Istat Membru li fih ġie legalment konkluż (jew irrikonoxxut) iż-żwieġ, il-kunċett ta’ “sieħeb irreġistrat” fl-Artikolu 2(2)(b) tagħha espressament jagħmel il-kwalifika bħala “membru tal-familja” suġġetta għall-kundizzjoni li l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti tassimila l-unjonijiet irreġistrati maż-żwieġ. Iż-żewġ dispożizzjonijiet għalhekk joperaw b’mod differenti: il-kunċett ta’ “konjuġi” huwa ddefinit b’riferiment għal-liġijiet tal-Istat Membru li fih iż-żwieġ ġie legalment konkluż (jew irrikonoxxut), filwaqt li l-kundizzjoni li l-isħubija rreġistrata tkun ekwivalenti għaż-żwieġ taqa’ esklużivament taħt il-liġijiet tal-Istat Membru ospitanti. Minn dan isegwi li r-raġunament tas-sentenza Coman ma jistax jiġi applikat b’analoġija għall-kawża ineżami.

93.      Meta d-Direttiva 2004/38 tiġi applikata b’analoġija f’sitwazzjoni “U-turn”, tkun tapplika l-finzjoni legali li ġejja: ir-Rumanija, l-Istat Membru ta’ nazzjonalità, tassumi r-rwol tal-Istat Membru ospitanti għall-finijiet tal-moviment liberu. Għalhekk huwa d-dritt Rumen li jiddetermina, skont l-Artikolu 2(2)(b) ta’ din id-direttiva applikata b’analoġija, jekk l-unjoni ċivili konkluża minn GH u FV fl-Italja tikkwalifikax bħala sħubija rreġistrata meqjusa bħala ekwivalenti għaż-żwieġ, u jekk FV għalhekk tikkwalifikax bħala membru tal-familja ta’ GH. Peress li skont l-Artikolu 259(1) tal-Kodiċi Ċivili ż-żwieġ huwa ddefinit bħala l-unjoni ta’ raġel u ta’ mara, li liberament jagħtu l-kunsens tagħhom għaliha, u peress li, skont l-Artikolu 277(1) ta’ dan il-kodiċi, iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess huwa pprojbit, FV u GH ma jistgħux jikkonkludu żwieġ fir-Rumanija. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 277(3) tal-Kodiċi Ċivili, l-unjonijiet ċivili konklużi jew konklużi barra mill-pajjiż bejn persuni tas-sess oppost jew tal-istess sess ma humiex irrikonoxxuti fir-Rumanija. Peress li d-dritt Rumen ma jirrikonoxxix is-sħubiji ċivili bejn persuni tal-istess sess bħala ekwivalenti għaż-żwieġ, FV ma taqax taħt il-kunċett ta’ membru tal-familja fis-sens tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2004/38, kif applikat b’analoġija fil-kawża ineżami. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika l-istatus legali preċiż ta’ unjoni ċivili bejn persuni tal-istess sess konkluża fl-Italja skont id-dritt Rumen, u b’mod partikolari jekk hija tistax tikkwalifika bħala unjoni rreġistrata fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2004/38.

94.      Madankollu, din il-konklużjoni ma teżawrixxix l-analiżi. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta ċittadin ta’ pajjiż terz ma jikkwalifikax bħala membru tal-familja fis-sens tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2004/38, din il-konklużjoni ma tipprekludix l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk jistax madankollu jitnissel obbligu iktar limitat sabiex jiġu ffaċilitati d-dħul u r-residenza.

2.      Drittijiet ta’ residenza dderivati skont l-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva 2004/38, applikata b’analoġija

a)      Fuq l-obbligu li jiġu ffaċilitati d-dħul u r-residenza

95.      Fis-sentenza Banger, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm sieħeb mhux irreġistrat ta’ ċittadin tal-Unjoni ma jikkwalifikax bħala membru tal-familja fis-sens tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2004/38, l-Artikolu 21(1) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 3(2)(b) ta’ din id-direttiva applikat b’analoġija, kien jobbliga lill-Istat Membru ta’ nazzjonalità jiffaċilita l-għoti ta’ permess ta’ residenza lil dan is-sieħeb (69). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ċittadin ta’ pajjiż terz li jkollu relazzjoni stabbli, debitament iċċertifikata, ma’ ċittadin tal-Unjoni li eżerċita drittijiet ta’ moviment liberu u ta’ residenza u li jirritorna fl-Istat Membru ta’ nazzjonalità tiegħu, ma għandux, ma’ dan ir-ritorn, ikun suġġett għal trattament inqas favorevoli minn dak previst mid-Direttiva 2004/38 għal ċittadin ta’ pajjiż terz li għandu tali relazzjoni ma’ ċittadin tal-Unjoni li jeżerċita drittijiet ta’ moviment liberu fi Stat Membru differenti minn dak li tiegħu huwa ċittadin (70). Deċiżjoni li tirrifjuta permess ta’ residenza lil tali sieħeb għandha tkun ibbażata wkoll fuq eżami estensiv taċ-ċirkustanzi personali tal-applikant u għandha tkun motivata (71).

96.      Fis-sentenza SM (Wild taħt tutela Kafala Alġerina) (72), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, peress li t-tqegħid ta’ wild taħt is-sistema ta’ tutela kafala Alġerina ma joħloqx rabta ta’ filjazzjoni bejn il-wild u t-tutur tiegħu, tali wild ma jistax jitqies bħala “dixxendent dirett” ta’ ċittadin tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/38 (73). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet billi eżaminat jekk il-wild kienx jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “membri oħra tal-familja” msemmi fl-Artikolu 3(2)(a) ta’ din id-direttiva, li skontu l-Istati Membri huma obbligati, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, jiffaċilitaw id-dħul u r-residenza ta’ kull membru ieħor tal-familja li, fil-pajjiż minn fejn ġej, ikun dipendenti jew ikun jagħmel parti mid-dar taċ-ċittadin tal-Unjoni li jkollu d-dritt primarju ta’ residenza (74).

97.      Konsegwentement, fil-kuntest ta’ sitwazzjoni “U-turn” skont l-Artikolu 21(1) TFUE, l-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva 2004/38 japplika b’analoġija, li jfisser li l-Istat Membru ta’ nazzjonalità għandu jiffaċilita d-dħul u r-residenza tas-sieħeb li miegħu ċ-ċittadin tal-Unjoni għandu relazzjoni stabbli, debitament iċċertifikata (75). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 21(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jeħtieġ lill-Istat Membru li tiegħu ċittadin tal-Unjoni għandu n-nazzjonalità jiffaċilita l-għoti ta’ permess ta’ residenza lis-sieħeb mhux irreġistrat, li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz, li miegħu dan iċ-ċittadin tal-Unjoni għandu relazzjoni stabbli, debitament iċċertifikata, meta dan iċ-ċittadin tal-Unjoni, li jkun eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu sabiex jaħdem fi Stat Membru ieħor, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2004/38, jirritorna mas-sieħeb tiegħu fl-Istat Membru li tiegħu huwa ċittadin sabiex jirrisjedi hemmhekk (76).

98.      Fil-kawża ineżami, il-fatt li FV ma tikkwalifikax bħala membru tal-familja fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2004/38 kif applikat b’analoġija fil-kawża ineżami ma jipprekludix l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 21(1) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 3(2)(b) ta’ din id-direttiva applikata b’analoġija jobbligax lir-Rumanija tiffaċilita d-dħul u r-residenza ta’ FV bħala s-sieħba li magħha GH għandha relazzjoni stabbli, debitament iċċertifikata.

99.      Barra minn hekk, l-obbligu ta’ faċilitazzjoni skont l-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva 2004/38 ma huwiex biss rekwiżit proċedurali, iżda jimponi wkoll fuq l-Istati Membri obbligu sostantiv li jagħti ċertu vantaġġ lill-applikazzjonijiet ippreżentati miċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi msemmija f’din id-dispożizzjoni, meta mqabbla mal-applikazzjonijiet għal dħul u għal residenza ta’ ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi (77). Sabiex jissodisfaw dan l-obbligu sostantiv, l-Istati Membri għandhom jipprevedu l-possibbiltà għall-persuni kkonċernati sabiex jiksbu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tagħhom li tkun ibbażata fuq eżami fil-fond tas-sitwazzjoni personali tagħhom, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha, u li, fil-każ ta’ rifjut, tkun debitament motivata (78). F’dan ir-rigward, l-Istati Membri ma jistgħux jinvokaw il-fatt li l-possibbiltà li tintwera relazzjoni stabbli ma hijiex prevista mid-dritt nazzjonali tagħhom għal sħab tal-istess sess. Skont ġurisprudenza kostanti, l-Istati Membri għandhom, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom fil-qasam tal-istatus ċivili, josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-libertà rrikonoxxuta lil kull ċittadin tal-Unjoni li jiċċaqlaq u li jirrisjedi fit-territorju tal-Istati Membri (79). Minn dan isegwi li status ċivili legalment stabbilit fi Stat Membru ieħor fil-kuntest tal-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ moviment liberu għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Istat Membru ta’ nazzjonalità, anki meta d-dritt ta’ dan l-Istat Membru ma jirrikonoxxix l-istituzzjoni inkwistjoni, bil-għan speċifiku u limitat li jingħata effett lid-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (80).

100. Minkejja l-marġni ta’ evalwazzjoni li għandhom l-Istati Membri, il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha għalhekk tinkludi kriterji li jkunu konformi mat-tifsira ordinarja tal-kelma “jiffaċilita” li tinsab fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 u li ma jċaħħdux lil din id-dispożizzjoni mill-effett utli tagħha (81).

101. Barra minn hekk, għall-finijiet ta’ din l-analiżi alternattiva, l-obbligu ta’ Stat Membru li “jiffaċilita” stabbilit fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 japplika b’analoġija, b’tali mod li, fl-eżerċizzju ta’ dan il-marġni ta’ evalwazzjoni, l-Istat Membru ta’ nazzjonalità jkun qiegħed jimplimenta d-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (82). Għaldaqstant, dan l-Istat Membru għandu jeżerċitah f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Karta. F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, id-drittijiet iggarantiti fl-Artikolu 7 tagħha għandhom l-istess tifsira u l-istess portata bħal dawk iggarantiti mill-Artikolu 8 tal-KEDB (83). Mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li r-relazzjoni ta’ koppja tal-istess sess tista’ tkun koperta mill-kunċett ta’ “ħajja privata” u minn dak ta’ “ħajja tal-familja” bl-istess mod bħal relazzjoni ta’ koppja tas-sess oppost li tinsab fl-istess sitwazzjoni (84).

102. Minn dan isegwi li ċ-ċaħda awtomatika ta’ applikazzjoni għal residenza għas-sempliċi raġuni li unjoni ċivili bejn persuni tal-istess sess ma hijiex irrikonoxxuta mid-dritt tal-Istat Membru ta’ nazzjonalità hija inkompatibbli mal-obbligu li jiġu ffaċilitati d-dħul u r-residenza previst fl-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva 2004/38, applikata b’analoġija fis-sitwazzjoni “U-turn”. Dan l-obbligu jirrikjedi lill-Istati Membri jevalwaw l-applikazzjonijiet fuq bażi ta’ każ b’każ, filwaqt li jqisu ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tas-sitwazzjoni personali tal-persuni kkonċernati, u jipprovdu deċiżjonijiet debitament motivati fil-każ ta’ rifjut. Rifjut ġenerali ibbażat biss fuq in-nuqqas ta’ rikonoxximent tal-unjoni ċivili skont id-dritt nazzjonali jċaħħad l-effett prattiku tal-Artikolu 3(2)(b) ta’ din id-direttiva u huwa inkompatibbli mat-tifsira ordinarja tal-kelma “jiffaċilita”, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 7 tal-Karta u tal-Artikolu 8 KEDB.

103. Barra minn hekk, ir-rekwiżiti imposti mill-Artikolu 62 tad-Digriet ta’ Emerġenza tal-Gvern Nru 194/2002 jidhru diffiċilment rikonċiljabbli mal-Artikolu 21(1) TFUE kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, indipendentement mill-orjentazzjoni sesswali tal-koppja kkonċernata.

b)      It-tliet livelli ta’ inkompatibbiltà potenzjali tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni

104. L-ewwel nett, fir-rigward tar-rekwiżit ta’ residenza preċedenti previst fl-Artikolu 62(3²)(b)(iii) tad-Digriet ta’ Emerġenza tal-Gvern Nru 194/2002, din id-dispożizzjoni tirrendi l-estensjoni tad-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, li huwa s-sieħeb ta’ ċittadin Rumen, suġġetta għall-kundizzjoni li jiġu prodotti dokumenti li jiċċertifikaw li dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz kien preċedentement irreġistrat bi dritt ta’ residenza fi Stat Membru ieħor bħala membru tal-familja ta’ dak iċ-ċittadin Rumen.

105. Minn dan isegwi li r-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 62(3²)(b)(iii) tad-Digriet ta’ Emerġenza tal-Gvern Nru 194/2002, li permezz tiegħu ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jkun ġie rreġistrat formalment bi dritt ta’ residenza fi Stat Membru ieħor bħala membru tal-familja taċ-ċittadin Rumen, jimponi kundizzjoni li tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ mill-formulazzjoni tal-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva 2004/38 u mill-ġurisprudenza. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni teżiġi biss li jintwera li ċ-ċittadin tal-Unjoni u s-sieħeb tiegħu, li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz, għandhom “relazzjoni stabbli, debitament ċertifikata”. Madankollu, hija ma teħtieġx dokumenti li jiċċertifikaw li dan is-sieħeb kien preċedentement irreġistrat bi dritt ta’ residenza fi Stat Membru ieħor bħala membru tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni. Għalhekk, l-Artikolu 62 tad-Digriet ta’ Emerġenza tal-Gvern Nru 194/2002 jimponi rekwiżiti addizzjonali li mkien ma jinsabu fl-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva 2004/38.

106. Barra minn hekk, huwa diffiċli li dan ir-rekwiżit jiġi rrikonċiljat mas-sentenza Metock, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-tgawdija ta’ dritt ta’ residenza dderivat ma jistax ikun suġġett għall-kundizzjoni li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun preċedentement irrisjeda legalment fi Stat Membru ieħor (85).

107. Fil-kawża ineżami, FV kienet tirrisjedi l-Awstralja fil-mument tal-konklużjoni tal-unjoni ċivili u vvjaġġat lejn ir-Rumanija madwar sitt xhur wara r-ritorn ta’ GH, mingħajr ma qabel kienet irrisjediet fi Stat Membru ieħor bħala s-sieħba ta’ GH. Anki jekk FV u GH kellhom juru li għandhom “relazzjoni stabbli debitament ċertifikata”, l-applikazzjoni tal-Artikolu 62(3²)(b)(iii) tad-Digriet ta’ Emerġenza tal-Gvern Nru 194/2002 għalhekk għandha l-effett li teskludi awtomatikament lil FV minn kull possibbiltà li tikseb dritt ta’ residenza fir-Rumanija sempliċement minħabba l-assenza ta’ residenza formalment irreġistrata fi Stat Membru ieħor, kundizzjoni inkompatibbli mas-sentenza Metocku li ċċaħħad l-obbligu li jiġu ffaċilitati d-dħul u r-residenza mill-effett prattiku tiegħu.

108. It-tieni nett, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-ulied stabbilita fl-Artikolu 62(3)(b)(i) ta’ dan id-digriet ta’ emerġenza, din id-dispożizzjoni tissuġġetta l-estensjoni tad-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, li huwa s-sieħeb ta’ ċittadin Rumen, għall-kundizzjoni tal-produzzjoni ta’ ċertifikat tat-twelid ta’ wild, li jeżiġi għalhekk li s-sħab ikollhom wild flimkien. Għal darba oħra, din il-kundizzjoni mkien ma tidher fil-formulazzjoni tal-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva 2004/38. Barra minn hekk, l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2004/38 jipprevedi lista eżawrjenti tad-dokumenti li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, jistgħu jkunu obbligati jippreżentaw sabiex jinħarġilhom permess ta’ residenza, u ma jipprevedix il-possibbiltà li jintalbu dokumenti li jiċċertifikaw residenza legali preċedenti fi Stat Membru ieħor, jew it-twelid ta’ wild komuni. Għalhekk, dawn ir-rekwiżiti jmorru lil hinn minn dak li huwa permess mid-Direttiva 2004/38, applikata b’analoġija fis-sitwazzjoni “U-turn”, u huma inkompatibbli mal-Artikolu 21(1) TFUE kif interpretat fis-sentenza Metock.

109. It-tielet nett, lil hinn miż-żewġ inkompatibbiltajiet potenzjali identifikati iktar ’il fuq, li jirriżultaw indipendentement mill-orjentazzjoni sesswali tal-koppja kkonċernata, l-effett flimkien tal-Artikolu 62 tad-Digriet ta’ Emerġenza tal-Gvern Nru 194/2002 u tal-Artikolu 277 tal-Kodiċi Ċivili jagħti lok għal inkompatibbiltà distinta u oħra mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba l-orjentazzjoni sesswali, stabbilit fl-Artikolu 21(1) tal-Karta. Kif indikat iktar ’il fuq (86), f’din l-analiżi alternattiva, l-Istat Membru ta’ nazzjonalità qiegħed jimplimenta d-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, b’mod partikolari fl-eżerċizzju tal-marġni ta’ evalwazzjoni tiegħu skont l-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva 2004/38, applikata b’analoġija.

110. Kif tirrileva l-qorti tar-rinviju stess fid-deċiżjoni tar-rinviju (87), kieku GH u FV kienu koppja tas-sess oppost, huma setgħu jikkonkludu żwieġ fir-Rumanija (jew fi Stat Membru ieħor) u ma kien ikun hemm ebda raġuni sabiex FV tiġi rrifjutata dritt ta’ residenza. Ir-raġuni għalfejn huma ma setgħux jagħmlu dan, u għalhekk kienu mġiegħla jmorru l-Italja sabiex jikkonkludu unjoni ċivili, hija preċiżament li d-dritt Rumen jipprojbixxi ż-żwieġ tal-istess sess skont l-Artikolu 277(1) tal-Kodiċi Ċivili u jirrifjuta r-rikonoxximent ta’ sħubiji ċivili tal-istess sess konklużi barra mill-pajjiż skont l-Artikolu 277(3) ta’ dan il-kodiċi (88). L-effett flimkien ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet u tal-Artikolu 62 tad-Digriet ta’ Emerġenza tal-Gvern Nru 194/2002 huwa li jqiegħed lil koppji ta’ persuni tal-istess sess f’pożizzjoni strutturalment differenti u sinjifikattivament agħar minn dik ta’ koppji tas-sess oppost: filwaqt li dawn tal-aħħar jistgħu jiżżewġu fir-Rumanija u b’hekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja, dawk tal-ewwel huma kompletament imċaħħda minn din l-għażla u ma għandhom ebda triq realistika sabiex jiksbu rikonoxximent tar-relazzjoni tagħhom jew drittijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja skont id-dritt Rumen.

111. L-Artikolu 277(4) tal-Kodiċi Ċivili ma jsolvix dan l-effett diskriminatorju, b’mod partikolari fil-kuntest tas-sitwazzjoni “U-turn” li tinvolvi ċittadini Rumeni. Filwaqt li jippreżerva l-applikabbiltà tad-drittijiet ta’ moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni u taż-ŻEE, huwa ma joħloq ebda mekkaniżmu għar-rikonoxximent tar-relazzjonijiet bejn persuni tal-istess sess li jkunu daħlu fihom ċittadini Rumeni li eżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mis-sentenza Coman (89), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 21(1) TFUE, ma qisitx li l-Artikolu 277(4) tal-Kodiċi Ċivili solva l-problema jew jinnewtralizza l-ostakolu identifikat. Għall-kuntrarju, fid-dawl ta’ din is-sentenza, ir-Rumanija ġiet obbligata tirrikonoxxi ż-żwieġ għall-għan speċifiku li jingħata dritt ta’ residenza dderivata, preċiżament peress li l-Artikolu 277(4) tal-Kodiċi Ċivili jippreżerva l-applikabbiltà tal-Artikolu 21(1) TFUE, li huwa dak li kien jeħtieġ rikonoxximent fl-ewwel lok. Għalhekk, l-iżvantaġġ strutturali li koppji tal-istess sess huma suġġetti għalih skont id-dritt nazzjonali Rumena jibqa’ jeżisti, u huwa f’dan ir-rigward li l-obbligu pożittiv skont l-Artikolu 7 tal-Karta, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 8 KEDB, jibqa’ rilevanti jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li d-dritt tal-Unjoni huwa applikabbli fil-kawża ineżami.

112. L-iżvantaġġ strutturali deskritt iktar ’il fuq, li bih il-koppji tal-istess sess jitqiegħdu f’pożizzjoni sinjifikattivament agħar minn dik tal-koppji tas-sess oppost u jitħallew mingħajr ebda triq realistika sabiex jiksbu rikonoxximent tar-relazzjoni tagħhom jew tad-drittijiet tagħhom għar-riunifikazzjoni tal-familja skont id-dritt nazzjonali Rumen, jidher diffiċli li jiġi rrikonċiljat mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba l-orjentazzjoni sesswali stabbilit fl-Artikolu 21(1) tal-Karta, moqri fid-dawl tal-Artikolu 7 tal-Karta u tal-Artikolu 8 KEDB. Kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Coman (90) u sostniet mill-ġdid fis-sentenza Wojewoda Mazowiecki (91), ir-relazzjoni ta’ koppja tal-istess sess hija koperta mill-kunċett tal-ħajja privata u tal-familja bl-istess mod kif tkun dik ta’ koppja tas-sess oppost li tinsab fl-istess sitwazzjoni. Barra minn hekk, kif ikkonfermat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Wojewoda Mazowiecki (92), billi bbażat ruħha fuq is-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fis-sentenzi Fedotova et vs Ir‑Russja (93) u Przybyszewska et vs Il‑Polonja (94) u Formela et vs Il‑Polonja (95), l-Artikolu 8 KEDB issa jimponi fuq l-Istati Membri obbligu pożittiv li jistabbilixxu qafas legali li jipprovdi għar-rikonoxximent legali u għall-protezzjoni ta’ koppji tal-istess sess.

113. F’dan ir-rigward għandha ssir distinzjoni bejn l-għażla ta’ Stat Membru li ma jintroduċix żwieġ bejn persuni tal-istess sess jew unjonijiet ċivili fl-ordinament ġuridiku domestiku tiegħu, li taqa’ taħt il-kompetenza tiegħu u tista’ tiġi protetta mill-Artikolu 4(2) TUE bħala espressjoni tal-identità kostituzzjonali nazzjonali tiegħu, u r-rifjut ta’ kwalunkwe forma ta’ rikonoxximent jew protezzjoni legali għal koppji tal-istess sess. L-ewwel waħda taqa’ fil-kompetenza tal-Istati Membri; it-tieni waħda ma taqax, peress li tikkostitwixxi ksur tal-obbligu pożittiv impost mill-Artikolu 7 tal-Karta, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 8 KEDB, kif ikkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Wojewoda Mazowiecki (96).

114. Minn dan isegwi li, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li d-dritt tal-Unjoni huwa applikabbli għat-talba għal dritt ta’ residenza dderivat fil-kawża ineżami, il-miżuri nazzjonali inkwistjoni jidhru diffiċilment rikonċiljabbli mal-Artikolu 21(1) TFUE u mal-Artikolu 21(1) tal-Karta, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 7 tagħha. B’mod partikolari, ir-rekwiżit ta’ residenza preċedenti u l-kundizzjoni tal-ulied stabbiliti fl-Artikolu 62 tad-Digriet ta’ Emerġenza tal-Gvern Nru 194/2002 imorru ferm lil hinn minn dak li jeħtieġu dawn id-dispożizzjonijiet. Barra minn hekk, l-effett flimkien ta’ dan l-Artikolu 62 u tal-Artikolu 277 tal-Kodiċi Ċivili joħloq żvantaġġ strutturali speċifiku għall-koppji tal-istess sess, li jitħallew mingħajr ebda triq realistika sabiex jiksbu r-rikonoxximent legali tar-relazzjoni tagħhom jew tad-drittijiet tagħhom għar-riunifikazzjoni tal-familja skont id-dritt nazzjonali Rumen, kuntrarjament għall-koppji tas-sess oppost li jżommu l-għażla li jikkonkludu żwieġ fir-Rumanija (jew fi Stat Membru ieħor). Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa dawn il-kwistjonijiet fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti.

115. Nirrileva, barra minn hekk, li ebda motiv ma tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvern Rumen sabiex jiġġustifika l-allegat ostakolu għall-eżerċizzju minn GH tad-drittijiet tagħha ta’ moviment liberu, fil-każ li tali ostakolu jiġi kkonstatat.

116. Madankollu, din l-analiżi alternattiva ma taffettwax il-konklużjoni prinċipali, jiġifieri li l-kawża ineżami ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 20 tal-Artikolu 21(1) TFUE.

117. Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari kif ġej:

L-Artikolu 20 u l-Artikolu 21(1) TFUE, bl-applikazzjoni b’analoġija tad-Direttiva 2004/38, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux lill-awtoritajiet tal-Istat Membru li tiegħu ċittadin tal-Unjoni għandu n-nazzjonalità milli jirrifjutaw li jagħtu dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru lil ċittadin ta’ pajjiż terz li miegħu dan iċ-ċittadin tal-Unjoni jkun ikkonkluda unjoni ċivili skont id-dritt ta’ Stat Membru ieħor, minħabba li d-dritt tal-Istat Membru ta’ nazzjonalità ma jirrikonoxxix l-unjonijiet ċivili bejn persuni tal-istess sess, meta dan iċ-ċittadin tal-Unjoni la jkun irrisjeda b’mod effettiv fl-Istat Membru li fih l-unjoni ċivili tkun ġiet konkluża u lanqas ma jkun wera xi intenzjoni li jistabbilixxi ruħu hemmhekk b’tali mod li joħloq jew isaħħaħ il-ħajja tal-familja f’dan l-Istat Membru, u meta ma jkun hemm ebda relazzjoni ta’ dipendenza bejn iċ-ċittadin tal-Unjoni u ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ta’ tali natura li rifjut ta’ residenza jkun, fil-prattika, iġiegħel liċ-ċittadin tal-Unjoni jħalli t-territorju tal-Unjoni kollu kemm hu jew l-Istat Membru ta’ nazzjonalità.

IV.    Konklużjoni

118. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jiena tal-fehma li r-risposta għad-domanda magħmula mill-Curtea de Apel Oradea (il-Qorti tal-Appell ta’ Oradea, ir-Rumanija) għandha tkun kif ġej:

L-Artikolu 20 u l-Artikolu 21(1) TFUE, bl-applikazzjoni b’analoġija tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux lill-awtoritajiet tal-Istat Membru li tiegħu ċittadin tal-Unjoni għandu n-nazzjonalità milli jirrifjutaw li jagħtu dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru lil ċittadin ta’ pajjiż terz li miegħu dan iċ-ċittadin tal-Unjoni kkonkluda unjoni ċivili skont id-dritt ta’ Stat Membru ieħor, minħabba li d-dritt tal-Istat Membru ta’ nazzjonalità ma jirrikonoxxix l-unjonijiet ċivili bejn persuni tal-istess sess, meta dan iċ-ċittadin tal-Unjoni la jkun irrisjeda b’mod effettiv fl-Istat Membru li fih l-unjoni ċivili tkun ġiet konkluża u lanqas ma jkun wera xi intenzjoni li jistabbilixxi ruħu hemmhekk b’tali mod li joħloq jew isaħħaħ il-ħajja tal-familja f’dan l-Istat Membru, u meta ma jkun hemm ebda relazzjoni ta’ dipendenza bejn iċ-ċittadin tal-Unjoni u ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ta’ tali natura li rifjut ta’ residenza jkun, fil-prattika, iġiegħel liċ-ċittadin tal-Unjoni jħalli t-territorju tal-Unjoni kollu kemm hu jew l-Istat Membru ta’ nazzjonalità.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5 ,Vol. 5, p. 46).


3      Test ipprovdut mill-Gvern Rumen.


4      Il-Kodiċi Ċivili juża t-terminu “sħubiji ċivili” filwaqt li GH u FV kkonkludew unjoni ċivili fl-Italja taħt id-dritt Taljan. Għaldaqstant, f’dawn il-konklużjonijiet it-terminu “unjoni ċivili” jirreferi għar-relazzjoni legali konkluża bejn GH u FV fl-Italja, filwaqt li t-terminu “sħubija ċivili” tintuża meta jkun qiegħed isir riferiment għall-kunċett hekk kif jidher taħt id-dritt Rumen jew fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.


5      Id-deċiżjoni tar-rinviju tiċċita l-Artikolu 83(1) tad-Digriet ta’ Emerġenza tal-Gvern Nru 194/2002, kif ukoll l-Artikolu 88(1) u (3)(b) tiegħu.


6      Sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Coman et, C‑673/16, iktar ’il quddiem is-“sentenza Coman”, EU:C:2018:385.


7      Kwistjoni simili tqum fil-Kawża pendenti C‑237/26, PMLP, li fiha l-qorti tar-rinviju staqsiet jekk Stat Membru jistax jirrifjuta li jirrikonoxxi żwieġ konkluż bejn tnejn miċ-ċittadini tiegħu tal-istess sess fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni, għar-raġuni li d-dritt nazzjonali tiegħu ma jawtorizzax iż-żwieġ tal-istess sess, f’ċirkustanzi fejn il-persuni kkonċernati ma kinux irrisjedew f’dan l-Istat Membru l-ieħor la qabel u lanqas wara l-konklużjoni taż-żwieġ, iżda fejn waħda minn dawn il-persuni għandha rabta mill-qrib miegħu u huma vvjaġġaw lejh bil-għan uniku li jiżżewġu. B’differenza mill-kawża ineżami, li tirrigwarda drittijiet ta’ residenza dderivati, dik il-kawża tikkonċerna r-rikonoxximent tal-istat ċivili.


8      It-terminu “U-turn” oriġina fil-kuntest tal-libertajiet fundamentali tal-Unjoni (bħal-libertà ta’ stabbiliment) u jintuża sabiex jiddeskrivi l-mudell strutturali ta’ ċittadin li jinvoka libertà fundamentali sabiex joħloq element transkonfinali, spiss preċiżament sabiex “jirritorna” u jinvoka d-dritt tal-Unjoni kontra r-regoli nazzjonali tal-Istat Membru tiegħu stess. Ara Wouters, J., teżi tal-PhD (K.U. Leuven, 1996), li tiddiskuti “U-bochtconstructies en misbruik van communautaire rechten” (kostruzzjonijiet U-turn u abbuż tad-drittijiet Komunitarji) fil-kuntest tal-istabbiliment ta’ kumpanniji; Looijestijn-Clearie, A., “Centros Ltd – A Complete U-Turn in the Right of Establishment for Companies”, Vol. 49 International & Comparitive Law Quaterly 2000, p. 621 sa 642. Kien biss iktar tard li l-istess espressjoni “U-turn” ġiet applikata għall-ġurisprudenza dwar iċ-ċittadinanza, fejn ntużat sabiex jiġi deskritt il-mudell analogu ta’ ċittadin tal-Unjoni li jeżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu barra mill-pajjiż u li sussegwentement jirritorna d-dar filwaqt li jfittex li jippreżerva drittijiet (bħar-riunifikazzjoni tal-familja) miksuba matul dan il-perijodu barra mill-pajjiż.


9      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2017, Lounes (C‑165/16, iktar ’il quddiem is-“sentenza Lounes”, EU:C:2017:862, punt 45).


10      Sentenza Coman, punt 18, u s-sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2014, O. u B. (C‑456/12, iktar ’il quddiem is-“sentenza O. u B.”, EU:C:2014:135, punt 35).


11      Ara s-sentenza Lounes, punt 31, u s-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, McCarthy et, C‑202/13, EU:C:2014:2450, punti 31 u 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).


12      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Novembru 2012, Iida (C‑40/11, EU:C:2012:691, punt 67 u 68), u tat‑8 ta’ Mejju 2013, Ymeraga et (C‑87/12, EU:C:2013:291, punt 35).


13      Sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2011, Dereci et (C‑256/11, iktar ’il quddiem is-“sentenza Dereci”, EU:C:2011:734, punt 55).


14      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lounes, punt 36; is-sentenza O. u B., punt 41, u s-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2011, McCarthy (C‑434/09, iktar ’il quddiem is-“sentenza McCarthy”, EU:C:2011:277, punt 33).


15      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lounes, punt 37; is-sentenza O. u B., punti 42 u 43 u s-sentenza McCarthy, punti 29, 34 u 42.


16      Madankollu, dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva 2004/38, bħall-Artikolu 4 tagħha, li jirregola d-dritt ta’ ħruġ, jistgħu xorta japplikaw għaċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fl-Istat Membru ta’ nazzjonalità tagħhom kif ukoll għall-membri tal-familja jew għas-sieħeb tagħhom.


17      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Ottubru 2025, NiZzA (C‑573/24, EU:C:2025:747, punt 42), u tat‑13 ta’ Settembru 2016, CS (C‑304/14, EU:C:2016:674, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Coman, punt 23; is-sentenza Lounes, punt 46; is-sentenza O. u B., punt 44; u s-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2017, Chavez-Vilchez et (C‑133/15, EU:C:2017:354, punt 54).


19      Sentenza O. u B., punt 49.


20      Ibid., punt 50.


21      Ibid.


22      Sentenza tas‑7 ta’ Lulju 1992 (C‑370/90, EU:C:1992:296).


23      Ibid., punt 19.


24      Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2007, Eind (C‑291/05, EU:C:2007:771).


25      Ibid, punt 35. Fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li “[d]an l-effett dissważiv jitnissel ukoll mis-sempliċi prospettiva, għall-istess ċittadin, li ma jkunx jista’, wara li jirritorna fl-Istat Membru ta’ oriġini, jibqa’ jgħix mal-membri intimi tal-familja tiegħu, sitwazzjoni li tista’ eventwalment tinħoloq minħabba żwieġ jew riunifikazzjoni tal-familja, fl-Istat Membru ospitanti.”


26      Sentenza tas‑7 ta’ Lulju 1992 (C‑370/90, EU:C:1992:296). Ara s-sentenzi tat‑8 ta’ Novembru 2012, Iida (C‑40/11, EU:C:2012:691, punt 70), u tal‑11 ta’ Diċembru 2007, Eind (C‑291/05, EU:C:2007:771, punti 32, 35 u 36).


27      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Coman, punt 24, u s-sentenza O. u B., punti 51 sa 54.


28      Punt 52.


29      Punt 59.


30      Punt 53.


31      Punt 55.


32      Il-punt 54 tas-sentenza O. u B. juża kliem kundizzjonali u huwa ta’ natura normattiva: “meta, fl-okkażjoni ta’ residenza effettiva taċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti [...] ħajja tal-familja tiżviluppa jew tikkonsolida ruħha f’dan l-aħħar Stat Membru, l-effettività tad-drittijiet li ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat jieħu mill-Artikolu 21(1) TFUE jeħtieġ”.


33      Punt 57 tas-sentenza O. u B.


34      Punt 54. Ċerti awturi jsostnu wkoll li l-kriterju deċiżiv għaż-żamma ta’ dritt ta’ residenza mar-ritorn lejn l-Istat Membru ta’ oriġini taċ-ċittadin tal-Unjoni ma huwiex it-tul tar-residenza, iżda jekk ir-residenza fl-Istat Membru ospitanti hijiex “tali li toħloq jew issaħħaħ il-ħajja tal-familja f’dak l-Istat Membru”, u li iktar minn tliet xhur ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38 jistgħu mbagħad iwasslu għal preżunzjoni li l-ħajja tal-familja nħolqot jew ġiet imsaħħa, iktar milli jkunu prekundizzjoni għal dan (Kroeze, H., “Chapter 10 Distinguishing between Use and Abuse of EU Free Movement Law: Evaluating Use of the ‘Europe-route’ for Family Reunification to Overcome Reverse Discrimination” f’Cambien, N., , Kochenov, D. u Muir, E. (edituri), European Citizenship under Stress Social Justice, Brexit and Other Challenges, Brill Nijhoff, Leiden, 2020, p. 222 sa 276: disponibbli fuq https://doi.org/10.1163/9789004433076_011).


35      Sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2018  (C‑230/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza Altiner u Ravn”, EU:C:2018:497).


36      Ibid., punti 30 sa 33.


37      Punt 59.


38      Għalhekk, għandu jiġi rrilevat li l-verżjoni bil-lingwa Franċiża ta’ dik is-sentenza (“développer ou consolider”) tappoġġja interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ħolqien jew tisħiħ” li jeħtieġ li jkun hemm proċess ta’ żvilupp progressiv tal-ħajja tal-familja matul residenza effettiva, iktar milli l-ħolqien istantanju ta’ rabta ġuridika, u li din l-interpretazzjoni hija konformi mal-loġika globali tal-qafas stabbilit fis-sentenza O. u B., li huwa intiż li jipproteġi l-ħajja tal-familja li effettivament intgħexet fi Stat Membru ieħor, u mhux il-ħajja tal-familja li sempliċement ġiet ifformalizzata hemmhekk.


39      Punt 31.


40      Sentenzi tat‑8 ta’ Novembru 2012, Iida (C‑40/11, EU:C:2012:691, punt 70); tal‑11 ta’ Diċembru 2007, Eind (C‑291/05, EU:C:2007:771, punti 35 u 36); u s-sentenza O. u B., punt 54.


41      Il-punt 56 ta’ din is-sentenza jsemmi l-fatt li ċ-ċittadin tal-Unjoni “għex ħajja tal-familja” maċ-ċittadin ta’ pajjiż terz fl-Istat Membru ospitanti, u t-tweġiba mogħtija fil-punt 61 tagħha għalhekk tirreferi għal ċittadin tal-Unjoni li “jkun żviluppa jew ikkonsolida ħajja tal-familja” waqt residenza effettiva hemmhekk.


42      F’dan ir-rigward, jista’ jsir riferiment għad-diskussjoni preċedenti dwar ir-raġunament tad-dissważjoni fil-punti 40 sa 44 iktar ’il fuq.


43      L-Artikolu 81(3) TFUE jipprevedi li miżuri li jirrigwardaw id-dritt tal-familja b’implikazzjonijiet transkonfinali għandhom jiġu stabbiliti mill-Kunsill li jaġixxi b’unanimità wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew, rekwiżit proċedurali li jirrifletti s-sensittività tad-dritt tal-familja u s-supremazija tal-kompetenza nazzjonali f’dan il-qasam. Din id-dispożizzjoni fiha wkoll klawżola passarella li tippermetti lill-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’mod unanimu u bla ħsara għall-veto tal-Parlament nazzjonali, jiddeċiedi li ċerti aspetti tad-dritt tal-familja b’implikazzjonijiet transkonfinali jistgħu minflok ikunu s-suġġett ta’ atti adottati skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Skont l-Artikolu 81(1) TFUE, din il-kompetenza hija intiża wkoll għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili li għandhom implikazzjonijiet transkonfinali; skont l-Artikolu 81(2) TFUE, hija tkopri b’mod partikolari r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni reċiproċi ta’ sentenzi, il-kompatibbiltà tar-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet u tal-ġuriżdizzjoni u l-eliminazzjoni tal-ostakoli għall-funzjonament xieraq tal-proċedimenti ċivili. L-istruttura tat-Trattati tirrifletti għalhekk għażla deliberata li d-definizzjoni tar-relazzjonijiet familjari titħalla prinċipalment f’idejn l-Istati Membri, bla ħsara biss għal-limiti li d-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-moviment liberu jimponi fuq l-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza meta ċittadin tal-Unjoni jkun effettivament eżerċita d-drittijiet tiegħu ta’ moviment liberu b’mod li joħloq rabta reali u sostanzjali ma’ Stat Membru ieħor.


44      L-Artikolu 79(2)(a) TFUE jagħti s-setgħa lill-Unjoni tadotta miżuri dwar il-kundizzjonijiet ta’ dħul u ta’ residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, inkluż għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja.


45      Sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C‑127/08, iktar ’il quddiem is-“sentenza Metock”, EU:C:2008:449, punt 61).


46      Ara s-sentenza Metock, punti 63 u 65 (enfasi miżjuda minni).


47      Sentenza Metock, punti 73, 77 u 78. Għandu jiġi rrilevat li r-riferiment, fil-punt 78 ta’ din is-sentenza, għall-“kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju” għandu jinftiehem fil-kuntest bħala li jirreferi għall-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38, peress li din is-sentenza tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ din id-direttiva.


48      Ara s-sentenza O. u B., punti 56 u 57.


49      R. A. Coman u R. C. Hamilton kienu ilhom jirrisjedu legalment flimkien il-Belġju għal iktar minn tliet xhur u kienu jgħixu flimkien bħala familja qabel ma rritornaw lejn ir-Rumanija.


50      Sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano (C‑34/09, iktar ’il quddiem is-“sentenza Ruiz Zambrano”, EU:C:2011:124, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).


51      Ara s-sentenza McCarthy, punt 47, u s-sentenza Ruiz Zambrano, punt 42.


52      Ara s-sentenza McCarthy, punt 48.


53      Ara s-sentenza Ruiz Zambrano, punt 42 u 44.


54      Ibid., punt 67.


55      Sentenza Dereci, punt 68.


56      Sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2018, C‑82/16, EU:C:2018:308, punt 65.


57      Sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2026, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (C‑147/24, iktar ’il quddiem is-“sentenza Safi”, EU:C:2026:442, punti 51, 53 u 57 sa 63).


58      Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2017 (C‑133/15, EU:C:2017:354, punti 68 u 69).


59      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li GH tirrisjedi r-Rumanija fejn tieħu ħsieb lil ommha b’diżabbiltà serja. Għalhekk jista’ jiġi sostnut li GH tinsab maqbuda bejn l-obbligu tagħha li tieħu ħsieb ommha fir-Rumanija u r-rieda tagħha li tgħix ma’ FV u li rifjut ta’ residenza lil FV ikun iqiegħed lil GH f’sitwazzjoni personali impossibbli. Għalkemm din iċ-ċirkustanza turi s-sitwazzjoni personali diffiċli li tinsab fiha GH, hija ma tistabbilixxix ir-relazzjoni ta’ dipendenza li l-Artikolu 20 TFUE huwa intiż li jipproteġi, kif stabbilixxiet il-ġurisprudenza.


60      Ara l-punt 11 tad-deċiżjoni tar-rinviju. Barra minn hekk, l-Artikolu 6(1) TUE u l-Artikolu 51(2) tal-Karta jispeċifikaw li d-dispożizzjonijiet tal-Karta ma jestendux il-kompetenzi tal-Unjoni kif iddefiniti fit-Trattati.


61      Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 17).


62      Sentenza Metock, punt 77, u s-sentenza tal‑1 ta’ April 2008, Gvern tal-Komunità Franċiża u Gvern tal-Wallonie (C‑212/06, EU:C:2008:178, punt 33).


63      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Metock, punt 77.


64      Sentenza Dereci, punt 72.


65      Ara l-punt 41 iktar ’il fuq.


66      Sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2018, Banger (C‑89/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza Banger”, EU:C:2018:570, punt 34).


67      Ara s-sentenza Coman, (punti 33 sa 35).


68      Sentenza Coman, punt 36.


69      Ara l-punti 30 sa 33.


70      Punt 32.


71      Punt 41.


72      Sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019 (C‑129/18, EU:C:2019:248).


73      Punt 56.


74      Ara l-punti 57 u 58.


75      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Banger, punt 33.


76      Ibid., punt 35.


77      Sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, SM (Wild taħt tutela Kafala Alġerina) (C‑129/18, EU:C:2019:248, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).


78      Ibid., punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata.


79      Sentenza Coman, punt 38, u s-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Bogendorff von Wolffersdorff (C‑438/14, EU:C:2016:401, punt 32).


80      Sentenza Coman, punt 45, u s-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2017, Freitag (C‑541/15, EU:C:2017:432, punt 46).


81      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas 26 ta’ Marzu 2019, SM (Wild taħt tutela Kafala Alġerina) (C 129/18, EU:C:2019:248, punt 63), u s-sentenza Banger, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata..


82      Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 17).


83      Ara l-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17).


84      Sentenzi ċċitati fil-punt 50 tas-sentenza Coman. Ara Qorti EDB, 7 ta’ Novembru 2013, Vallianatos et vs Il‑Greċja, CE:ECHR:2013:1107JUD002938109, punt 73, Qorti EDB, 14 ta’ Diċembru 2017, Orlandi et vs L‑Italja, CE:ECHR:2017:1214JUD002643112, punt 143.


85      Punt 58.


86      Ara l-punt 101 iktar ’il fuq.


87      Punt 29.


88      L-Artikolu 277(3) tal-Kodiċi Ċivili jirrifjuta r-rikonoxximent tas-sħubiji ċivili kollha konklużi barra mill-pajjiż, kemm jekk bejn koppji tal-istess sess kif ukoll bejn koppji tas-sess oppost, u għalhekk huwa apparentement newtrali. Madankollu, l-effett prattiku tiegħu ma huwiex newtrali. Għall-koppji tas-sess oppost, l-assenza ta’ rikonoxximent ta’ sħubija ċivili barranija ma tħallihomx f’lakuna ġuridika, peress li jżommu l-possibbiltà li jikkonkludu żwieġ fir-Rumanija, xi ħaġa li d-dritt Rumen jirrikonoxxi b’mod sħiħ. B’kuntrast ma’ dan, għall-koppji tal-istess sess, l-Artikolu 277(1) ta’ dan il-kodiċi jipprojbixxi ż-żwieġ totalment u l-Artikolu 277(3) tiegħu jirrifjuta r-rikonoxximent ta’ sħubija ċivili barranin, bir-riżultat li dawn il-koppji ma għandhom ebda triq legali fir-Rumanija sabiex jiksbu xi forma ta’ rikonoxximent tar-relazzjoni tagħhom.


89      Ara l-punti 39, 40 u 51.


90      Punt 50.


91      Sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2025, WojewodaMazowiecki (C‑713/23, iktar ’il quddiem is-“sentenza Wojewoda Mazowiecki” EU:C:2025:917, punt 65).


92      Punt 66.


93      Qorti EDB, 13 ta’ Lulju 2021, CE:ECHR:2021:0713JUD004079210, punt 152.


94      Qorti EDB, 12 ta’ Diċembru 2023, CE:ECHR:2023:1212JUD001145417, punt 104.


95      Qorti EDB, 19 ta’ Settembru 2024, CE:ECHR:2024:0919JUD005882812, punt 29.


96      Punt 66.