Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
MEDINA
ippreżentati fl‑4 ta’ Ġunju 2026 (1)
Kawża C‑229/25
GQ,
IF
vs
MVCI Management, S.L.,
MVCI Holidays, S.L.,
MVCI Playa Andaluza Holidays, S.L.
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de Primera Instancia No 2 de Marbella (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 2, ta’ Marbella, Spanja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Akkwist ta’ dritt ta’ użu ta’ proprjetà immobbli fuq bażi ta’ timeshare – Direttiva 94/47/KE – Kuntratti għall-użu fuq bażi ta’ timeshare ta’ proprjetà immobbli – Direttiva 2008/122/KE – Rikors għall-annullament ta’ kuntratti ta’ timeshare jew kuntratti simili – Rikors għall-ħlas lura ta’ somom imħallsa fuq il-bażi tal-kuntratt li ġie ddikjarat null – Rikors għall-irkupru tal-parti tal-prezz tal-kuntratt imħallas bħala s-sanzjoni għall-ksur tal-projbizzjoni ta’ ħlasijiet bil-quddiem – Prinċipju ta’ effettività – Terminu ta’ preskrizzjoni – Bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni)
I. Introduzzjoni
1. Kuntratt fuq il-bażi ta’ timeshare huwa ddefinit skont id-Direttiva 2008/122/KE (2) bħala kuntratt ta’ tul ta’ iktar minn sena li bih il-konsumatur jakkwista permezz ta’ korrispettiv id-dritt li juża waħda jew iktar akkomodazzjonijiet għal lejl wieħed għal iktar minn perijodu wieħed ta’ okkupazzjoni. Il-kuntratti ta’ timeshare jikkonċernaw, prinċipalment, l-akkomodazzjoni tal-vaganzi (3). Dawn kienu inizjalment irregolati mid-Direttiva 94/47/KE (4), li tħassret mid-Direttiva 2008/122 (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“Direttivi dwar it-Timeshare”). Din l-aħħar direttiva estendiet il-protezzjoni tal-konsumaturi għall-prodotti ta’ vaganzi simili għall-kuntratti ta’ timeshare.
2. L-għan tad-Direttivi dwar it-Timeshare huwa li jsaħħu l-protezzjoni tal-konsumatur fil-qasam tal-kuntratti tat-timeshare (jew kuntratti simili) li, skont ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-evalwazzjoni tad-Direttiva 2008/122, huma kkaratterizzati minn impenji fit-tul jew riskji finanzjarji sinjifikattivi għall-konsumaturi (5). Dan huwa żgurat mir-regoli dwar l-informazzjoni prekuntrattwali u kuntrattwali, mid-dritt ta’ rtirar u mill-projbizzjoni ta’ ħlasijiet bil-quddiem.
3. Il-kawża ineżami tikkonċerna l-eventwali limiti imposti mill-prinċipju ta’ effettività għar-regoli nazzjonali dwar it-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għar-rimedji stabbiliti mid-dritt nazzjonali fil-każ ta’ ksur tar-regoli dwar l-informazzjoni u dwar il-projbizzjoni ta’ ħlasijiet bil-quddiem previsti mid-Direttivi dwar it-Timeshare. Hija tagħti l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina, għall-ewwel darba, ir-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi fil-qasam tat-timeshare mill-perspettiva tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, kif limitat mill-prinċipju ta’ effettività.
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
1. Id-Direttiva 94/47.
4. L-Artikolu 3 tad-Direttiva 94/47 jipprovdi:
“1. L-Istati Membri għandhom jagħmlu dispożizzjonijiet fil-leġislazzjoni tagħhom għal miżuri sabiex jiżguraw illi l-bejjiegħ ikun meħtieġ jipprovdi lil kull persuna li titlob tagħrif dwar il-propjetà jew propjetajiet immobbli b’dokument li, barra minn deskrizzjoni ġenerali tal-propjetà jew propjetajiet, jipprovvdi għall-inqas tagħrif qasir u preċiż dwar il-partikolaritajiet riferiti fil-punti minn (a) sa (ġ), (i) u (l) ta’ l-Anness u dwar kif tista’ tinkiseb aktar informazzjoni.
2. L-Istati Membri għandhom jagħmlu dispożizzjonijiet fil-leġislazzjoni tagħhom sabiex jiżguraw illi t-tagħrif kollu riferit fil-paragrafu 1 illi għandu jkun ipprovvdut fid-dokument riferit fil-paragrafu 1 jifforma parti integrali mill-kuntratt.
[…]”
5. Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 94/47:
“L-Istati Membri għandhom jagħmlu disposizzjoniiet fil-leġislazzjoni tagħhom sabiex jiżguraw illi:
– il-kuntratt, li għandu jkun bil-miktub, ikun jinkludi mill-inqas il-punti riferiti fl-Anness,
[…]”
6. L-Artikolu 6 tad-Direttiva 94/47 kien jistabbilixxi:
“L-Istati Membri għandhom jagħmlu dispożizzjonijiet fil-leġislazzjoni tagħhom sabiex jipprojbixxu kull ħlas bil-quddiem mix-xerrej qabel it-tmiem tal-perjodu li fih jista’ jeżerċita d-dritt ta’ l-irtirar.”
2. Id-Direttiva 2008/122.
7. L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/122, intitolat “Informazzjoni prekuntrattwali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1(a):
“1. Fi żmien opportun qabel mal-konsumatur jintrabat b’xi kuntratt jew offerta, il-kummerċjant għandu jagħti lill-konsumatur, b’mod ċar u li jinftiehem, informazzjoni preċiża u suffiċjenti, kif ġej:
(a) fil-każ ta’ kuntratt ta’ timeshare: permezz tal-formola ta’ informazzjoni standard li tinsab fl-Anness I u informazzjoni kif elenkata fil-Parti 3 ta’ dik il-formola”.
8. L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/122, intitolat “Il-kuntratt ta’ timeshare, il-kuntratt dwar prodott ta’ vaganza għal perijodu fit-tul, il-kuntratt ta’ bejgħ mill-ġdid jew il-kuntratt ta’ skambju”, jipprevedi, fil-paragrafu 2:
“L-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1) għandha tifforma Parti integrali mill-kuntratt u m’għandhiex tinbidel sakemm il-Partijiet ma jaqblux espliċitament b’mod ieħor […]”.
9. L-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, intitolat “Ħlas bil-quddiem”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1:
“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fir-rigward ta’ kuntratti ta’ timeshare, kuntratti dwar prodotti ta’ vaganza għal perijodu fit-tul u kuntratti ta’ skambju, kwalunkwe ħlas bil-quddiem, għoti ta’ garanziji, riżerva ta’ flus f’kontijiet, rikonoxximent espliċitu ta’ dejn jew kwalunkwe korrispettiv ieħor lill-kummerċjant jew lil kwalunkwe parti terza mill-konsumatur qabel tmiem il-perijodu, li matulu huwa jista’ jeżerċita d-dritt għall-irtirar taħt l-Artikolu 6 jkunu pprojbiti.”
B. Id-dritt Spanjol
1. Il-Liġi 42/1998
10. L-Artikolu 1(7) tal-Ley 42/1998 sobre derechos de aprovechamiento por turno de bienes inmuebles de uso turístico y normas tributarias (il-Liġi 42/1998 dwar it-timeshare u r-regolamenti fiskali f’dan il-qasam), tal‑15 ta’ Diċembru 1998 (BOE Nru 300 tas‑16 ta’ Diċembru 1998, p. 42076), kien jipprovdi:
“Il-kuntratt li permezz tiegħu kull dritt ieħor, kemm jekk reali (in rem) jew personali (in personam), jinħoloq jew jiġi ttrasferit għal perijodu ta’ iktar minn tliet snin, relatat mal-użu ta’ proprjetà immobbli waħda jew iktar għal perijodu li huwa jew li jista’ jiġi ddeterminat fis-sena, bi ksur ta’ din il-liġi, huwa null ipso iure, u kwalunkwe kera jew korrispettiv imħallsa għandhom jiġu rrimborsati lix-xerrej jew liċ-ċessjonarju, u kwalunkwe danni mġarrba għandhom jiġu kkumpensati.”
11. L-Artikolu 11 ta’ din il-liġi kien jistabbilixxi:
“1. Kwalunkwe ħlas bil-quddiem magħmul mix-xerrej liċ-ċedent qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar jew waqt li dan ix-xerrej ikollu dritt ta’ terminazzjoni msemmi fl-Artikolu preċedenti huwa pprojbit. […]
2. Jekk ix-xerrej ikun ħallas kwalunkwe somma liċ-ċedent, dan ix-xerrej għandu d-dritt, f’kull ħin, li jitlob ir-rimbors tad-doppju ta’ dan l-ammont u jista’ jiddeċiedi jew li jxolji l-kuntratt fi żmien tliet xhur mill-konklużjoni tiegħu, jew li jeżiġi l-eżekuzzjoni sħiħa tiegħu.”
2. Il-Liġi 4/2012
12. Il-Liġi 42/1998 ġiet issostitwita bil-Ley 4/2012 de contratos de aprovechamiento por turno de bienes de uso turístico, de adquisición de productos vacacionales de larga duración, de reventa y de intercambio y normas tributarias (il-Liġi 4/2012 dwar il-kuntratti ta’ timeshare, ta’ prodotti ta’ vaganza għal żmien twil, ta’ bejgħ mill-ġdid u ta’ skambju u r-regolamenti fiskali f’dan il-qasam), tas‑6 ta’ Lulju 2012 (BOE Nru 162 tas‑7 ta’ Lulju 2012, p. 49192).
13. L-Artikolu 13 tal-Liġi 4/2012 jipprovdi:
“1. F’kuntratti ta’ timeshare, ta’ prodotti ta’ vaganza għal żmien twil u ta’ skambju, huma pprojbiti l-ħlas bil-quddiem, l-għoti ta’ garanziji, il-prenotazzjoni ta’ flus akkont, ir-rikonoxximent espliċitu ta’ dejn jew ta’ kwalunkwe korrispettiv ieħor ipprovdut lill-kummerċjant jew lil parti terza mill-konsumatur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ rtirar.
[…]
3. L-atti mwettqa bi ksur ta’ din il-projbizzjoni huma nulli u l-konsumatur jista’ jitlob id-doppju tas-somom imħallsa jew żgurati għal dawn l-oġġetti.”
14. Skont l-Artikolu 23(7) tal-Liġi 4/2012:
“Il-kuntratt li permezz tiegħu kull dritt ieħor, reali jew personali, jinħoloq jew jiġi ttrasferit għal perijodu ta’ iktar minn sena, relatat mal-użu ta’ proprjetà waħda jew iktar għal perijodu li huwa jew jista’ jiġi ddeterminat fis-sena, bi ksur ta’ dan it-Titolu, ħlief fil-każijiet previsti fil-paragrafu segwenti, huwa null ipso iure, u kwalunkwe kera jew kull korrispettiv imħallsa għandhom jiġu rrimborsati lix-xerrej jew liċ-ċessjonarju, u kwalunkwe danni subiti għandhom jiġu kkumpensati.”
3. Il-Kodiċi Ċivili
15. L-Artikolu 1964(2) tal-Código Civil (il-Kodiċi Ċivili) kien jipprevedi terminu ta’ preskrizzjoni ta’ 15‑il sena għall-azzjonijiet personali li ma humiex suġġetti għal terminu ta’ preskrizzjoni partikolari. Wara l-emenda ta’ dan l-artikolu (6), dan huwa fformulat kif ġej:
“L-azzjonijiet personali li ma humiex suġġetti għal terminu ta’ preskrizzjoni partikolari għandhom jiġu preskritti wara ħames snin mid-data li fiha l-eżekuzzjoni tal-obbligu ssir eżekuttiva.”
16. Barra minn hekk, l-Artikolu 1969 tal-Kodiċi Ċivili jipprevedi li, fl-assenza ta’ kwalunkwe dispożizzjoni kuntrarja speċifika, it-terminu ta’ preskrizzjoni għat-tipi kollha ta’ rikorsi ġudizzjarji jibda jiddekorri mid-data li fiha l-azzjoni tista’ titressaq b’mod validu.
III. Il-fatti, il-proċeduri nazzjonali u d-domandi magħmula
17. GQ u IF, żewġ konsumaturi, ikkonkludew żewġ kuntratti ta’ timeshare jew kuntratti simili ma’ MVCI Management S.L., MVCI Holidays S.L. u MVCI Playa Andaluza Holidays S.L. (iktar ’il quddiem “MVCI Holidays”), bl-ewwel kuntratt li ġie konkluż fit‑23 ta’ Mejju 2007 u t-tieni wieħed fil‑21 ta’ Marzu 2016.
18. GQ u IF adixxew lill-qorti tar-rinviju b’rikors intiż għall-annullament ta’ dawn il-kuntratti minħabba t-tul tagħhom u minħabba n-nuqqas ta’ identifikazzjoni ċara tas-suġġett tagħhom. Huma talbu wkoll il-ħlas ta’ somma bħala ħlas lura tal-ammont tal-prezz ta’ kull kuntratt, bit-tnaqqis tal-użu li sar (iktar ’il quddiem ir-“rikors għall-ħlas lura”), u l-irkupru tal-parti tal-prezz tal-kuntratt imħallsa bħala sanzjoni għall-ksur tal-projbizzjoni ta’ ħlasijiet bil-quddiem (iktar ’il quddiem ir-“rikors għall-irkupru ta’ ħlasijiet bil-quddiem”).
19. MVCI Holidays sostniet li ma kien hemm l-ebda raġuni għal annullament u li ma kien sar l-ebda ħlas bil-quddiem. Sussidjarjament, hija sostniet li l-azzjoni għal ħlas lura u r-rikors għall-irkupru ta’ ħlasijiet bil-quddiem huma preskritti skont l-Artikolu 1964(2) tal-Kodiċi Ċivili.
20. Fir-rigward tar-rikors għal ħlas lura, il-qorti tar-rinviju ssostni li huma applikabbli r-regoli ġenerali tad-dritt ċivili. Skont il-leġiżlazzjoni u l-ġurisprudenza nazzjonali, filwaqt li r-rikors għall-annullament ta’ kuntratt ma tistax tiġi preskritta, ir-rikors għall-ħlas lura ta’ ħlasijiet magħmula taħt kuntratt invalidu huwa suġġett għar-regoli dwar it-terminu ta’ preskrizzjoni għall-azzjonijiet personali.
21. Fir-rigward tar-rikors għal irkupru ta’ ħlasijiet bil-quddiem, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) ikkonstatat li l-ħlasijiet bil-quddiem ta’ timeshare jew ħlasijiet simili huma nulli, li l-ħlas mill-kummerċjant tad-doppju tal-ammont ta’ parti mill-prezz tal-kuntratt jikkostitwixxi sanzjoni ċivili u li l-irkupru tiegħu huwa indipendenti mill-irtirar mill-kuntratt jew mit-terminazzjoni tiegħu.
22. Il-qorti tar-rinviju tindika li la l-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) ma ddeċidew dwar il-kwistjoni speċifika tal-punt tad-dekorrenza (dies a quo) tat-terminu ta’ preskrizzjoni għal rikors għall-ħlas lura jew għal rikors għall-irkupru ta’ ħlasijiet bil-quddiem.
23. Madankollu, il-qrati nazzjonali inferjuri ttrasponew il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-preskrizzjoni tar-rikorsi għal ħlas lura li jirriżultaw mid-dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ klawżoli inġusti skont id-Direttiva 93/13 . Skont din il-ġurisprudenza, l-iffissar tal-punt tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni għall-preżentata ta’ rikors għall-ħlas lura ta’ ħlasijiet imwettqa skont klawżola kuntrattwali meqjusa inġusta, fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt, jista’ jmur kontra l-prinċipju ta’ effettività (7). Għall-kuntrarju, terminu ta’ preskrizzjoni li jibda jiddekorri mid-data li fiha d-deċiżjoni li tikkonstata n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali ssir definittiva huwa kompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività.
24. Skont din il-ġurisprudenza, dawn il-qrati nazzjonali kkunsidraw li d-data tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni għal rikors għal ħlas lura u ta’ rikors għal irkupru ta’ ħlasijiet bil-quddiem kellha tiġi ffissata għall-mument meta l-kuntratt ta’ xiri ta’ kuntratt ta’ timeshare jew kuntratt simili jiġi ddikjarat null.
25. Skont il-qorti tar-rinviju, tali interpretazzjoni tar-regoli dwar il-preskrizzjoni ma hijiex korretta fid-dawl tad-differenzi sostanzjali bejn, minn naħa, rikors għal ħlas lura, fil-kuntest tal-annullament tal-kuntratt ta’ timeshare (jew kuntratt simili), u rikors għall-irkupru ta’ ħlasijiet bil-quddiem u, min-naħa l-oħra, rikors għall-ħlas lura ta’ somom imħallsa fuq il-bażi ta’ klawżola inġusta. Fil-fatt, meta klawżola kuntrattwali tiġi ddikjarata inġusta, dik id-dikjarazzjoni hija suġġetta għall-konstatazzjoni mill-qorti ta’ ksur tar-regoli fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi skont il-kriterju tan-natura inġusta u tat-trasparenza. Madankollu, meta kuntratt jiġi ddikjarat null minħabba li jkun ġie konkluż “barra mil-liġi” jew fejn ikunu saru ħlasijiet bil-quddiem, il-ksur tar-rekwiżiti legali huwa direttament verifikabbli sa mill-konklużjoni tal-kuntratt jew sa mill-ħlasijiet bil-quddiem.
26. Il-qorti tar-rinviju tispjega li dan l-approċċ japplika f’sitwazzjoni fejn, bħal fil-kawża ineżami, il-kuntratt ta’ timeshare jew kuntratt simili jaqbeż it-tul massimu permess mil-liġi jew meta jkun ġie allegat li tali kuntratt ma jinkludix l-identifikazzjoni fir-reġistru tal-proprjetà immobbli u l-perijodu ta’ timeshare li miegħu jirrelata d-dritt mixtri. Dawn is-sitwazzjonijiet jikkorrispondu għal ċirkustanzi li jistgħu jiġu ddeterminati direttament mill-partijiet kontraenti mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu ddikjarati minn qabel minn qorti. L-istess japplika meta jkunu saru ħlasijiet bil-quddiem ipprojbiti.
27. F’tali sitwazzjonijiet, il-qorti tar-rinviju tqis li d-dies a quo ta’ rikors għal ħlas lura tista’ tiġi ffissata fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, kif ukoll li d-dies a quo ta’ rikors għal irkupru tista’ tiġi ffissata fil-mument meta jkunu saru l-ħlasijiet bil-quddiem ipprojbiti.
28. Skont il-qorti tar-rinviju, tali interpretazzjoni hija kompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività għar-raġunijiet li ġejjin. L-ewwel, l-ordinament ġuridiku Spanjol jipprevedi terminu ta’ preskrizzjoni twil ħafna għar-rikorsi għal ħlas lura, jiġifieri 15‑il sena skont il-formolazzjoni tal-Kodiċi Ċivili applikabbli sal‑2015, u 5 snin wara din id-data. It-tieni, sempliċi talba ekstraġudizzjarja hija biżżejjed biex jiġi interrott it-terminu ta’ preskrizzjoni. It-tielet, ma hemm l-ebda riskju li t-terminu ta’ preskrizzjoni jiskadi qabel ma l-konsumatur ikun jaf bin-nullità tal-kuntratt konkluż jew tal-ħlas magħmul, sa fejn il-bażi tal-eventwali annullament tista’ tiġi identifikata sa mill-konklużjoni tal-kuntratt jew tal-ħlas.
29. Skont il-qorti tar-rinviju, tali interpretazzjoni tikkontribwixxi wkoll għaċ-ċertezza legali. Kieku d-dies a quo tat-terminu ta’ preskrizzjoni kellha tiġi stabbilita bħala li tiddekorri mid-data tad-dikjarazzjoni ġudizzjarja tan-nullità tal-kuntratt jew tad-dikjarazzjoni ġudizzjarja li saru ħlasijiet bil-quddiem ipprojbiti, it-talba għall-ħlas lura jew għall-irkupru tal-ħlasijiet bil-quddiem korrispondenti fil-fatt ma tkunx suġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni.
30. Finalment, interpretazzjoni differenti tmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali. Ir-relazzjonijiet ġuridiċi rilevanti jistgħu jmorru lura għal għexieren ta’ snin. Hemm riskju li titħeġġeġ imġiba strateġika minn eventwali rikorrenti li jfittxu li jdewmu l-preżentata tal-pretensjonijiet tagħhom, bil-vantaġġ ekonomiku li jirriżulta minn dan, peress li l-interessi fuq il-ħlas tard jiġu kkalkolati mid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt jew mid-data li fiha jkunu saru l-pagamenti bil-quddiem.
31. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de Primera Instancia No 2 de Marbella (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 2, Marbella, Spanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Id-[Direttiva 94/47/KE u d-Direttiva 2008/122/KE], kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux regola/ġurisprudenza nazzjonali li tistabbilixxi l-punt tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni għal kumpens fid-data tal-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ użu ta’ proprjetà immobbli fuq bażi ta’ timeshare jew ta’ kuntratt simili, meta n-nullità assoluta tal-kuntratt toħroġ minn ċirkustanzi li jistgħu jiġu stabbiliti direttament sa mill-konklużjoni tiegħu, bħat-tul eċċessiv jew l-impreċiżjoni tas-suġġett tiegħu?
2) Id-Direttivi 94/47/KE u 2008/122/KE kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux regola/ġurisprudenza nazzjonali li tistabbilixxi l-punt tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni għal kumpens tal-parti tal-prezz kuntrattwali mħallas permezz tal-ħlas ta’ antiċipi fid-data li fiha saru l-pagamenti pprojbiti f’kuntratt ta’ użu ta’ proprjetà immobbli fuq bażi ta’ timeshare jew ta’ kuntratt simili?”
32. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn GQ u IF, MVCI Holidays, il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni.
IV. Evalwazzjoni
A. Fuq l-ewwel domanda
33. Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita permezz tal-Artikolu 267 TFUE, hija l-kompetenza ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli għaliha li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew magħmula lilha. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet mill-informazzjoni kollha pprovduta mill-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti tad-dritt tal-Unjoni li jkunu jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (8).
34. Il-kawża prinċipali tirrigwarda żewġ kuntratti ta’ timeshare jew kuntratti simili. Il-kuntratt konkluż fit‑23 ta’ Mejju 2007 jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-Direttiva 94/47, filwaqt li l-kuntratt konkluż fil‑21 ta’ Marzu 2016 jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-Direttiva 2008/122.
35. Mill-informazzjoni pprovduta fid-digriet għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, fil-kuntest tar-rikors għall-annullament tal-kuntratti ta’ timeshare (jew kuntratti simili) inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-konsumaturi jinvokaw ksur tar-rekwiżiti legali sa fejn il-kuntratti rilevanti kienu jaqbżu t-tul massimu awtorizzat mid-dritt Spanjol. Huma jsostnu wkoll li l-kuntratti ma jinkludux l-identifikazzjoni fir-reġistru tal-appartament ikkonċernat u tal-perijodu ta’ timeshare li miegħu jirrelata d-dritt mixtri, b’tali mod li jonqsu milli jispeċifikaw b’mod ċar is-suġġett tal-kuntratt.
36. Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 94/47 u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/122, il-kummerċjant huwa obbligat jipprovdi lill-konsumatur ċerta informazzjoni qabel il-konklużjoni tal-kuntratt (9). Mill-Artikolu 3(2) u 4 tad-Direttiva 94/47 u l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2008/122, isegwi li dik l-informazzjoni għandha tiġi inkluża fil-kuntratt, u tifforma parti integrali minnu (10).
37. Għalhekk, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 94/47 kif ukoll l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2008/122, moqrija flimkien mal-prinċipju ta’ effettività, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali jew ġurisprudenza li tistabbilixxi li t-terminu ta’ preskrizzjoni għal rikors għall-ħlas lura ta’ somom imħallsa mill-konsumatur skont kuntratt ta’ timeshare (jew kuntratt simili) invalidu jibda jiddekorri mid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt, f’sitwazzjoni li fiha l-invalidità ta’ dan il-kuntratt tista’ tiġi dedotta minn ċirkustanzi li jistgħu jiġu stabbiliti direttament fil-mument tal-konklużjoni tiegħu, bħat-tul eċċessiv jew in-nuqqas ta’ preċiżjoni tas-suġġett tiegħu.
1. Fuq l-ammissibbiltà
38. Il-Kummissjoni u l-Gvern Spanjol jesprimu dubji dwar l-ammissibbiltà tal-ewwel domanda. B’mod iktar partikolari, iż-żewġ partijiet ikkonċernati jsostnu li d-Direttivi dwar it-Timeshare ma fihomx regoli dwar it-tul massimu ta’ kuntratt ta’ timeshare (jew kuntratt simili) u dwar l-invalidità possibbli tal-kuntratt f’każ li jinqabeż dan it-terminu. Ir-regola dwar it-tul massimu għalhekk taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-direttivi. L-istess japplika, skont il-Kummissjoni, f’dak li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-proprjetà fir-reġistru tal-artijiet (Spanjol). Il-Gvern Spanjol isostni li, għalkemm id-deskrizzjoni preċiża tas-suġġett tal-kuntratt hija parzjalment irregolata minn dawn id-direttivi, ebda konsegwenza speċifika ma hija marbuta man-nuqqas ta’ tali deskrizzjoni min-naħa tal-kummerċjant.
39. Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, kif previst fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha tkun ġiet ippreżentata t-tilwima, u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex hija tkun tista’ tagħti sentenza, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, fejn id-domandi magħmula mill-qorti nazzjonali jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi. Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza (11).
40. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda magħmula minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher manifestament li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba bl-ebda mod ma tikkonċerna l-fatti attwali jew is-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-materjal ta’ fatt u ta’ liġi neċessarju biex tagħti risposta utli għad-domandi li jsirulha. (12).
41. Fil-kawża ineżami, l-ewwel domanda teħtieġ li tiġi ppreċiżata l-portata tal-informazzjoni prekuntrattwali u kuntrattwali li l-kummerċjant huwa obbligat jipprovdi lill-konsumatur. Hija tirrigwarda wkoll il-konsegwenzi li l-Istati Membri jipprevedu fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza mill-kummerċjant tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont id-Direttivi dwar it-Timeshare, kif ukoll l-evalwazzjoni, fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, tar-regoli nazzjonali applikabbli għat-terminu ta’ preskrizzjoni.
42. F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li l-ewwel domanda preliminari hija ammissibbli.
2. Fuq il-mertu
43. Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda, għandu, preliminarjament, jiġi vverifikat jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li GQ u IF jallegaw li nkisru fil-kawża ineżami jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi dwar it-Timeshare. Huwa biss jekk tkun issodisfatta dik il-kundizzjoni li r-regoli nazzjonali li jirregolaw it-terminu ta’ preskrizzjoni għal azzjoni għall-ħlas lura bbażata fuq l-invalidità ta’ kuntratt ta’ timeshare (jew kuntratt simili) ikunu jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dawn id-direttivi (13).
a) Rekwiżiti ta’ informazzjoni u kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi dwar it-Timeshare
44. Fl-ewwel lok, fir-rigward tar-rekwiżit nazzjonali tat-tul massimu ta’ kuntratt ta’ timeshare (jew kuntratti simili) (14), għandu jiġi rrilevat, kif sostnew il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni, li tali rekwiżit ma jeżistix fid-Direttivi dwar it-Timeshare. Id-Direttivi dwar it-Timeshare jipprevedu tul minimu ta’ kuntratt ta’ timeshare (jew kuntratti simili) (15), iżda mhux tul massimu.
45. Id-Direttiva 94/47 hija direttiva ta’ armonizzazzjoni minima (16). Għalhekk, l-Istati Membri baqgħu kompetenti biex jintroduċu rekwiżit ta’ tul massimu tal-kuntratt li jkun iktar favorevoli għall-konsumaturi.
46. Id-Direttiva 2008/122 tadotta approċċ ta’ armonizzazzjoni massima. Kif jirriżulta mill-premessa 3 tagħha, l-Istati Membri ma humiex awtorizzati jżommu jew jintroduċu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom dispożizzjonijiet li jiddevjaw minn dawk stabbiliti minn din id-direttiva. Madankollu, kif jirriżulta b’mod ċar minn din il-premessa, fl-assenza ta’ tali dispożizzjonijiet armonizzati, l-Istati Membri “għandhom jibqgħu liberi li jżommu jew jintroduċu leġiżlazzjoni nazzjonali f’konformità mal-liġi [tal-Unjoni]”.
47. Kif intqal iktar ’il fuq, l-aspett ta’ tul massimu ta’ kuntratt ta’ timeshare ma huwiex armonizzat mid-Direttiva 2008/122. Konsegwentement, Stat Membru jibqa’ kompetenti sabiex iżomm jew jintroduċi tali rekwiżit. Għalhekk, ir-regoli nazzjonali li jirregolaw il-konsegwenzi tal-ksur ta’ dan ir-rekwiżit u t-terminu ta’ preskrizzjoni li fih jista’ jiġi ppreżentat ir-rikors għal ħlas lura jaqgħu ġewwa l-kompetenza miżmuma tal-Istati Membri. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li dawn ir-regoli nazzjonali jiġu evalwati fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività (17).
48. Fit-tieni lok, fir-rigward tar-rekwiżit li jiġi ppreċiżat is-suġġett tal-kuntratt, il-qorti tar-rinviju rreferiet b’mod iktar partikolari għall-obbligu li l-konsumatur jiġi informat bl-identifikazzjoni tal-proprjetà fir-reġistru tal-artijiet u bil-perijodu ta’ timeshare kopert mid-dritt mixtri (18).
49. Għandu jiġi enfasizzat li d-Direttivi dwar it-Timeshare jirrikjedu li l-kuntratt jinkludi deskrizzjoni preċiża u ddettaljata tal-proprjetà u tal-post fejn tinsab (19). Ma hemmx indikazzjonijiet oħra f’dawn id-direttivi dwar l-elementi partikolari li jissodisfaw dan ir-rekwiżit. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li mill-Artikolu 288 TFUE jirriżulta li l-Istati Membri huma obbligati, waqt it-traspożizzjoni ta’ direttiva, li jiżguraw l-effett sħiħ tagħha, filwaqt li jżommu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-għażla tal-mezzi u tal-modalitajiet sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni tagħha (20).
50. L-implimentazzjoni tar-rekwiżit ta’ deskrizzjoni preċiża u ddettaljata tad-Direttivi dwar it-Timeshare titħalla f’idejn l-Istati Membri. Stat Membru jista’, għalhekk, jistabbilixxi l-identifikazzjoni tal-proprjetà fir-reġistru tal-artijiet bħala mezz konkret biex jiġi żgurat li tali rekwiżit jiġi ssodisfatt. L-informazzjoni dwar l-identifikazzjoni tal-proprjetà għandha b’hekk titqies li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi dwar it-Timeshare.
51. Fir-rigward tal-perijodu ta’ timeshare kopert mid-dritt, dan l-element jifforma parti mill-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-konsumatur (21).
52. Konsegwentement, ir-rekwiżit nazzjonali li jiġi ppreċiżat b’mod ċar is-suġġett tal-kuntratt, tal-inqas f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tat-tul tad-dritt ta’ timeshare (22), għandu jitqies li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 94/47 u tad-Direttiva 2008/122.
b) Fuq it-terminu ta’ preskrizzjoni tar-rikors għal ħlas lura
53. Preliminarjament, għandu jitfakkar li, meta l-informazzjoni rilevanti ma tkunx ġiet ipprovduta lill-konsumatur qabel il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ timeshare (jew kuntratti simili), il-konsumatur jibbenefika minn terminu ta’ rtirar estiż (23). Id-Direttivi dwar it-Timeshare ma jipprevedux sanzjoni speċifika, b’mod partikolari meta, mal-iskadenza tal-perijodu tal-irtirar, il-kummerċjant ikun naqas milli jikkonforma mal-obbligi ta’ informazzjoni stabbiliti f’dawn id-direttivi. F’sitwazzjoni bħal din, u minbarra d-dritt ta’ rtirar, huwa f’idejn l-Istati Membri li jipprevedu sanzjonijiet xierqa (24). Dawn is-sanzjonijiet għandhom, skont l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2008/122, ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.
54. Kif jirriżulta b’mod ċar mid-digriet tar-rinviju, fid-dritt Spanjol, il-ksur tar-rekwiżiti ta’ informazzjoni prekuntrattwali u kuntrattwali għandu bħala konsegwenza l-invalidità tal-kuntratt, li jagħti dritt għall-ħlas lura ta’ kwalunkwe korrispettiv imħallas (25). Dan id-dritt għal ħlas lura ġie interpretat mill-ġurisprudenza nazzjonali bħala li jirrigwarda s-somom ta’ flus imħallsa proporzjonalment għat-terminu li jifdal tal-kuntratt sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-użu tal-proprjetà (26).
55. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li t-termini ta’ preskrizzjoni tar-rikors għall-annullament tal-kuntratt ta’ timeshare (jew kuntratt simili) u tar-rikors għal ħlas lura huma rregolati mir-regoli ġenerali dwar il-preskrizzjoni fid-dritt ċivili. Skont dawn ir-regoli ġenerali, ir-rikors għall-annullament tal-kuntratt ma huwa suġġett għal ebda terminu ta’ preskrizzjoni. B’kuntrast ma’ dan, ir-rikors għall-ħlas lura tal-ħlasijiet magħmula skont il-kuntratt invalidu huwa suġġett għat-terminu ta’ preskrizzjoni ġenerali tal-azzjonijiet personali. Fl-assenza ta’ dispożizzjoni kuntrarja speċifika, il-punt tad-dekorrenza (dies a quo) għall-preżentata tar-rikors għall-ħlas lura huwa l-mument meta l-azzjoni tista’ tiġi ppreżentata b’mod validu (27). Fil-każ ta’ kuntratti ta’ timeshare (jew kuntratti simili), dan il-mument għandu, skont il-qorti tar-rinviju, jitqies bħala l-konklużjoni tal-kuntratt.
56. Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk, fir-rigward tal-kuntratti ta’ timeshare (jew kuntratti simili) iddikjarati nulli, ir-regoli ġenerali ta’ preskrizzjoni japplikawx jew jekk għandhiex tittrasponi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-klawżoli inġusti għall-kuntratti ta’ timeshare (jew kuntratti simili) (28). Jekk din il-ġurisprudenza hija applikabbli, il-punt tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni għandu pjuttost jibda jiddekorri mill-mument tal-għoti tas-sentenza definittiva li tannulla l-kuntratt.
57. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-Direttivi dwar it-Timeshare ma jipprevedux regoli speċifiċi dwar it-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għar-rimedji nazzjonali disponibbli fil-każ tan-nuqqas ta’ osservanza mill-kummerċjant tar-rekwiżiti ta’ informazzjoni.
58. Skont ġurisprudenza stabbilita, fl-assenza ta’ regoli tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ kull Stat Membru, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, li għandu jistabbilixxi l-modalitajiet proċedurali tal-azzjonijiet intiżi biex jiżguraw id-drittijiet li l-individwi għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn ir-regoli ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt domestiku (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li ma jirrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (29).
59. Il-prinċipju ta’ effettività huwa rifless ukoll fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/122 li jipprevedi regola ġenerali dwar ir-rimedji ġudizzjarji u amministrattivi li skontu l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interess tal-konsumaturi, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex tiġi żgurata l-osservanza ta’ din id-direttiva mill-kummerċjanti.
60. Fir-rigward ta’ dan il-prinċipju, li huwa l-uniku wieħed inkwistjoni f’din il-proċedura, għandu jitfakkar li kull każ li fih tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħed inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha, meħuda fl-intier tagħha, quddiem id-diversi istanzi nazzjonali. F’dan il-kuntest, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema ġuridika nazzjonali, bħall-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura (30).
61. Fir-rigward tal-analiżi tal-karatteristiċi tat-terminu ta’ preskrizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din l-analiżi għandha tkopri t-tul tat-terminu ta’ preskrizzjoni u l-modalitajiet iddettaljati ta’ applikazzjoni tiegħu, inkluż il-mekkaniżmu adottat sabiex jibda jiddekorri t-terminu (31).
62. L-ewwel, fir-rigward tat-tul tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ rikors għall-ħlas lura fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ timeshare (jew kuntratt simili) iddikjarat null, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li termini raġonevoli għall-preżentata ta’ rikors, stabbiliti fl-interess taċ-ċertezza legali, ma humiex ta’ natura li jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, jekk tali termini jkunu materjalment suffiċjenti sabiex jippermettu lill-konsumatur jipprepara u jippreżenta azzjoni effettiva (32).
63. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-protezzjoni tal-konsumaturi ma hijiex assoluta u li, fl-interess taċ-ċertezza legali, l-iffissar ta’ termini raġonevoli għall-preżentata ta’ rikors huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (33).
64. Fil-kawża ineżami, it-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni għall-ħlas lura kien ta’ 15‑il sena, u sussegwentement tnaqqas għal 5 snin. Sakemm dawn ikunu stabbiliti u magħrufa minn qabel, dawn it-termini huma bħala prinċipju suffiċjenti biex jippermettu lill-konsumatur ikkonċernat jipprepara u jippreżenta azzjoni effettiva (34). Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li, kif spjegat il-qorti tar-rinviju, ir-regoli nazzjonali jippermettu l-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni permezz ta’ sempliċi talba ekstraġudizzjarja (35).
65. It-tieni, fir-rigward tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-kuntest tad-Direttiva 93/13, li d-data tal-konklużjoni tal-ftehim li jinkludi l-klawżola inġusta ma tistax, bħala tali, tikkostitwixxi l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni (36).
66. Din il-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija bbażata fuq ċerti kunsiderazzjonijiet importanti li jirrigwardaw, essenzjalment, il-pożizzjoni ta’ inferjorità tal-konsumatur fil-konfront tal-bejjiegħ jew tal-fornitur, l-assenza ta’ għarfien mill-konsumaturi dwar il-klawżoli inġusti jew l-assenza ta’ apprezzament tal-portata tad-drittijiet tagħhom u, jekk ikun il-każ, l-eżistenza fit-tul tal-ftehim, inkluża l-klawżola inġusta (37).
67. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja iddeċidiet li l-applikazzjoni ta’ perijodu ta’ limitazzjoni li jibda jiddekorri mill-konklużjoni tal-kuntratt, sa fejn tfisser li l-konsumatur jista’ jfittex ir-rimbors tal-ħlasijiet magħmula skont terminu kuntrattwali meqjus bħala inġust biss matul perijodu speċifiku wara l-firma ta’ dan il-kuntratt, indipendentement minn jekk kienx raġonevolment seta’ jkun konxju tal-inġustizzja ta’ din il-klawżola, tista’ tagħmilha eċċessivament diffiċli għal dan il-konsumatur biex jeżerċita d-drittijiet tiegħu skont id-Direttiva 93/13, u, konsegwentement, tista’ tkun opposta għall-prinċipju ta’ effettività moqri flimkien mal-prinċipju ta’ ċertezza legali (38).
68. Għall-kuntrarju, fid-data li fiha d-deċiżjoni li tikkonstata n-natura inġusta tal-klawżola kuntrattwali u li tiddikjaraha nulla għal din ir-raġuni ssir definittiva, il-konsumatur għandu jitqies, bħala prinċipju, li jkun kompletament konxju tal-illegalità ta’ din il-klawżola. Huwa għalhekk, bħala prinċipju, minn din id-data li dan il-konsumatur ikun f’pożizzjoni li jinvoka b’mod utli d-drittijiet mogħtija lilu mid-Direttiva 93/13 (39).
69. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li d-Direttiva 93/13 ma tipprekludix li l-bejjiegħ jew il-fornitur ikollu d-dritt li jipprova li l-konsumatur kien jaf jew seta’ raġonevolment ikun jaf bin-natura inġusta tal-klawżola qabel l-għoti ta’ sentenza li tikkonstata n-nullità ta’ din il-klawżola (40).
70. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, bħad-Direttiva 93/13 u direttivi oħra tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi, is-sistema ta’ protezzjoni introdotta mid-Direttivi dwar it-Timeshare hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni iktar dgħajfa fil-konfront tal-kummerċjant, fir-rigward kemm tas-setgħa ta’ negozjar kif ukoll tal-livell ta’ għarfien tiegħu, sitwazzjoni li twassal lill-konsumatur biex jaqbel mal-klawżoli redatti minn qabel mill-kummerċjant, mingħajr ma jkun jista’ jeżerċita influwenza fuq il-kontenut tagħhom (41).
71. Il-kuntratti ta’ timeshare (jew kuntratti simili) spiss ikunu ta’ natura transkonfinali, fejn jiġu konklużi f’pajjiż li ma jkunx il-pajjiż ta’ oriġini tal-konsumatur u l-proprjetà kkonċernata tkun tinsab f’pajjiż barrani (42). Barra minn hekk, kif diġà ġie rrilevat iktar ’il fuq, dawn il-kuntratti huma konklużi fuq perijodu twil u huma kkaratterizzati minn impenji fit-tul u riskji finanzjarji sinjifikattivi għall-konsumaturi (43).
72. L-informazzjoni, qabel u fil-mument tal-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ timeshare (jew kuntratt simili), dwar il-klawżoli tal-kuntratt u l-konsegwenzi tal-konklużjoni tiegħu hija ta’ importanza fundamentali għall-konsumatur. Huwa b’mod partikolari fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni li l-konsumatur jiddeċiedi jekk jixtieqx jintrabat bil-kundizzjonijiet redatti minn qabel mill-kummerċjant (44).
73. Għaldaqstant, l-obbligu li tingħata informazzjoni huwa neċessarju biex jiġi żgurat li l-konsumatur ikun jaf bl-obbligi tiegħu. B’mod iktar preċiż, l-għarfien u l-komprensjoni tajba, mill-konsumatur, tal-informazzjoni li għandha tkun inkluża fil-kuntratt ta’ timeshare (jew kuntratt simili) huma neċessarji għall-eżekuzzjoni tajba tal-kuntratt u, b’mod partikolari, għall-eżerċizzju tad-drittijiet tal-konsumatur (45).
74. Fid-dawl tal-importanza fundamentali tal-obbligi ta’ informazzjoni u tal-għarfien mill-konsumatur tad-drittijiet tiegħu, huwa importanti li jitqies jekk hemmx riskju li d-dritt li jintalab il-ħlas lura fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ timeshare (jew kuntratt simili) invalidu jiskadi anki qabel ma l-konsumaturi jkunu jistgħu jivverifikaw li l-informazzjoni tkun nieqsa.
75. Fir-rigward ta’ ċerti elementi ta’ informazzjoni iktar deskrittivi, bħall-identità tal-kummerċjant, id-deskrizzjoni tal-proprjetà jew l-informazzjoni dwar il-faċilitajiet u s-servizzi, jidher, prima facie, li konsumatur medju, raġonevolment informat u raġonevolment attent u prudenti, jista’ jiġi informat bl-assenza ta’ din l-informazzjoni hekk kif isir jaf il-proprjetà.
76. Madankollu, l-evalwazzjoni finali tal-possibbiltà effettiva għall-konsumatur li jkun jaf dwar l-informazzjoni nieqsa rilevanti tiddependi mill-formulazzjoni eżatta u miċ-ċirkustanzi tal-kuntratt. Filwaqt li jidher iktar faċli li tiġi ddeterminata l-assenza ta’ informazzjoni dwar il-proprjetà meta d-drittijiet ta’ timeshare jikkonċernaw unità ta’ proprjetà speċifika, dan jista’ ma jkunx il-każ meta dawn id-drittijiet ikunu jikkonċernaw unitajiet ta’ akkomodazzjoni possibbli differenti (46).
77. Ir-riskju ta’ nuqqas ta’ għarfien huwa ikbar fir-rigward tal-elementi ta’ informazzjoni dwar l-eżerċitar tad-drittijiet skont il-kuntratt ta’ timeshare (jew kuntratt simili). Dawn huma, b’mod partikolari, elementi ta’ informazzjoni li għandhom effett fuq l-impenn finanzjarju tal-konsumatur fit-tul, li l-assenza tagħhom tista’ tinġieb għall-attenzjoni tal-konsumatur biss matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, li testendi fuq perijodu twil.
78. L-informazzjoni dwar il-kostijiet, dwar id-dritt li jiġi tterminat il-kuntratt u dwar id-dritt li jerġgħu jinbiegħu d-drittijiet kuntrattwali hija partikolarment illustrattiva f’dan ir-rigward (47). Huwa probabbli ħafna li l-konsumatur jiġi informat bl-informazzjoni nieqsa dwar il-metodu ta’ kalkolu taż-żidiet eventwali fl-ispejjeż u fil-miżati ta’ manutenzjoni fil-mument meta l-kummerċjant ifittex li jeżegwixxi dawn l-ispejjeż kontra l-konsumatur. L-istess japplika, pereżempju, fir-rigward tal-informazzjoni dwar it-terminazzjoni tal-kuntratt jew tal-possibbiltà li wieħed jaderixxi ma’ sistema ta’ bejgħ mill-ġdid ta’ drittijiet kuntrattwali. Il-konsumatur jista’ ma jkunx konxju minn eventwali limitazzjonijiet u spejjeż relatati mad-dritt ta’ terminazzjoni jew ta’ bejgħ mill-ġdid tad-drittijiet kuntrattwali sakemm ma jkunx effettivament fittex li jeżerċita dawn id-drittijiet. (48).
79. Għandu jitfakkar ukoll li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/122 jistabbilixxi b’mod ċar li l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta “b’mod ċar u li jinftiehem, informazzjoni preċiża u suffiċjenti”. In-natura mhux ċara jew inkompleta tal-informazzjoni tista’ taffettwa l-kapaċità tal-konsumatur li jevalwa l-portata tad-drittijiet u tal-obbligi tiegħu u ċċaħħdu mill-possibbiltà li jeżerċita d-drittijiet tiegħu (49).
80. F’dawn is-sitwazzjonijiet kollha, li kieku l-konsumatur kellu jitħalla jitlob il-ħlas lura tal-ħlasijiet magħmula fuq il-bażi tal-kuntratt invalidu matul l-ewwel ħames snin biss (skont it-terminu ta’ preskrizzjoni attwalment applikabbli fid-dritt ċivili) wara l-iffirmar tal-kuntratt ta’ timeshare (jew kuntratt simili), ikun hemm riskju li t-terminu ta’ preskrizzjoni jiskadi qabel it-tmiem tal-kuntratt ta’ timeshare, anki jekk ir-rilevanza tal-informazzjoni nieqsa ssir evidenti biss fi stadju ulterjuri tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt.
81. Fil-fatt, tali sistema ta’ preskrizzjoni tista’ ċċaħħad sistematikament lill-konsumaturi mill-possibbiltà li jitolbu l-ħlas lura tal-ħlasijiet magħmula minħabba l-invalidità tal-kuntratt, prevista mid-dritt nazzjonali bħala konsegwenza ta’ ksur tar-rekwiżiti ta’ informazzjoni.
82. Tista’ wkoll tikkomprometti l-effettività u d-dissważività tal-invalidità kuntrattwali li tirriżulta minn ksur tar-rekwiżiti ta’ informazzjoni. Li kieku l-konsumaturi kellhom id-dritt li jitolbu l-annullament tal-kuntratt, iżda mhux id-dritt għall-ħlas lura tal-ħlasijiet magħmula, dan ikun jinvolvi r-riskju li parti waħda tikseb vantaġġ indebitu għad-detriment tal-parti l-oħra. Kif sostnew GQ u IF, essenzjalment, il-kummerċjant, wara li jkun uża b’mod sħiħ il-proprjetà, jista’ jerġa’ jqegħedha fis-suq tat-timeshare (jew tal-kiri/proprjetà), filwaqt li l-konsumatur jitlef l-użu futur tal-proprjetà u s-somom diġà mħallsa għal tali użu.
83. Għaldaqstant, fir-rigward tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jeżisti riskju mhux negliġibbli li, fid-dawl tal-mod kif jiġi ddeterminat dan it-terminu, fil-prattika jkun impossibbli jew eċċessivament diffiċli għall-konsumatur li jeżerċita d-drittijiet tiegħu f’sitwazzjoni ta’ ksur tal-obbligi ta’ informazzjoni.
84. Għall-kuntrarju, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali li tiddikjara l-annullament tal-kuntratt, il-konsumatur ikun, bħala prinċipju, kompletament konxju mid-drittijiet tiegħu u jkun f’pożizzjoni li jibda proċedura għall-ħlas lura.
85. Finalment, sa fejn il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-iffissar tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni għal data sussegwenti għall-konklużjoni tal-kuntratt jistax imur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali u jinkoraġġixxi l-kontenzjuż strateġiku tal-konsumaturi, għandu jiġi rrilevat li, billi ma jipprovdix l-informazzjoni obbligatorja fl-istadju prekuntrattwali/kuntrattwali, u billi jonqos milli jipprovdi tali informazzjoni fi kwalunkwe stadju ulterjuri tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt, il-kummerċjant joħloq huwa stess sitwazzjoni pprojbita mid-Direttivi dwar it-Timeshare (50). Barra minn hekk, kif spjegat il-qorti tar-rinviju, ir-rikors għall-ħlas lura ma jirrigwardax is-somom kollha mħallsa, peress li l-perijodu li matulu ntużat il-proprjetà (jew, tal-inqas, kienet disponibbli għall-użu) huwa eskluż.
86. Madankollu, il-prinċipju ta’ effettività ma jipprekludix lill-kummerċjant milli jkollu d-dritt li jipprova li l-konsumatur kien konxju jew seta’ raġonevolment ikun konxju mill-ksur tar-rekwiżiti ta’ informazzjoni qabel l-għoti tas-sentenza li tiddikjara n-nullità tal-kuntratt (minħabba dak il-ksur). F’tali sitwazzjoni, it-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri minn dak il-mument li l-konsumatur ikun konxju (51).
87. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 97/47 kif ukoll l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2008/122, moqrija flimkien mal-prinċipju ta’ effettività, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali jew ġurisprudenza li tipprovdi li t-terminu ta’ preskrizzjoni tar-rikors għall-ħlas lura ta’ somom imħallsa mill-konsumatur skont kuntratt ta’ timeshare (jew kuntratt simili) invalidu jibda jiddekorri mid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-konsumatur kienx jaf jew kienx f’pożizzjoni li jsir jaf bl-informazzjoni li l-kummerċjant ma pprovdiex jew li huwa pprovda b’mod mhux ċar. Il-konsumatur ikun, bħala prinċipju, kompletament konxju mid-drittijiet tiegħu fil-mument tad-deċiżjoni definittiva li tiddikjara l-kuntratt null. Madankollu, il-prinċipju ta’ effettività ma jipprekludix lill-kummerċjant milli jkollu d-dritt li jipprova li l-konsumatur kien jaf jew seta’ raġonevolment ikun jaf bl-elementi li jikkostitwixxu l-invalidità tal-kuntratt qabel din id-data.
B. Fuq it-tieni domanda
88. L-Artikolu 6 tad-Direttiva 94/47 u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/122 jipprojbixxu l-ħlas bil-quddiem mill-konsumatur qabel it-tmiem tal-perijodu li matulu huwa jista’ jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu.
89. Permezz tat-tieni domanda tagħha, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6 tad-Direttiva 94/47 u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/122, moqrija flimkien mal-prinċipju ta’ effettività, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali jew ġurisprudenza li tipprovdi li t-terminu ta’ preskrizzjoni tar-rikors għall-irkupru ta’ (parti mill-prezz tal-kuntratt imħallsa permezz ta’) ħlasijiet bil-quddiem, jibda jiddekorri mid-data li fiha dawk il-pagamenti jkunu saru bis-saħħa ta’ kuntratt ta’ timeshare jew ta’ kuntratt simili.
90. Mill-premessi 11 u 12 tad-Direttiva 94/47 kif ukoll mill-premessa 11 tad-Direttiva 2008/122 jirriżulta li l-projbizzjoni ta’ ħlasijiet bil-quddiem hija intiża biex issaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumaturi mogħtija mid-dritt ta’ rtirar. Id-dritt ta’ rtirar huwa stabbilit sabiex il-konsumaturi jingħataw l-opportunità li jifhmu bis-sħiħ id-drittijiet u l-obbligi tagħhom skont il-kuntratt. Jekk il-kummerċjant ikun jista’ jitlob il-ħlas bil-quddiem matul il-perijodu li matulu jista’ jiġi eżerċitat id-dritt ta’ rtirar, dan jista’ jiskoraġġixxi lill-konsumatur milli jeżerċita dan id-dritt.
91. Mill-Artikolu 10 tad-Direttiva 94/47 u mill-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/122 jirriżulta wkoll li l-impożizzjoni ta’ sistema ta’ sanzjonijiet fil-każ ta’ ksur tal-projbizzjoni ta’ ħlasijiet bil-quddiem taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri.
92. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont id-dritt Spanjol, il-ħlasijiet bil-quddiem huma pprojbiti u li l-ksur ta’ din il-projbizzjoni jirriżulta f’obbligu tal-kummerċjant li jirrimborsa d-doppju tas-somom irċevuti bħala ħlasijiet bil-quddiem.
93. Il-kwistjoni li tqum hija dik dwar jekk il-prinċipju ta’ effettività (52) jipprekludix li l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-rikors għall-irkupru ta’ ħlasijiet bil-quddiem jiġi ffissat fid-data li fiha jkunu saru dawn il-ħlasijiet bil-quddiem (skont ir-regoli ġenerali tad-dritt ċivili). Bħalma huwa l-każ għall-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju għandha dubji, b’mod partikolari, dwar jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja żviluppata fil-kuntest tal-klawżoli inġusti għandhiex tiġi trasposta għad-Direttivi dwar it-Timeshare.
94. F’dan ir-rigward, kif diġà ġie rrilevat iktar ’il fuq (53), għandu jitfakkar li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-regoli nazzjonali dwar it-terminu ta’ preskrizzjoni fil-qasam tal-irkupru ta’ somom imħallsa fuq il-bażi ta’ klawżoli inġusti, hija bbażata fuq numru ta’ kunsiderazzjonijiet, fosthom il-pożizzjoni iktar dgħajfa tal-konsumatur u l-fatt li l-konsumaturi jistgħu ma jkunux jafu bin-natura inġusta ta’ klawżola inkluża fil-kuntratt jew ma japprezzawx il-portata tad-drittijiet tagħhom.
95. Kif ġie indikat ukoll iktar ’il fuq (54), fil-kuntest tal-kuntratti ta’ timeshare, il-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni iktar dgħajfa meta mqabbel mal-kummerċjant. Huwa preċiżament għal din ir-raġuni li l-leġiżlatur tal-Unjoni jipprojbixxi l-ħlasijiet bil-quddiem sabiex jiżgura li l-konsumatur ma jkunx skoraġġut milli jeżerċita d-dritt ta’ rkupru tiegħu.
96. Madankollu, kuntrarjament għall-klawżoli inġusti previsti mid-Direttiva 93/13 u għar-rekwiżiti fil-qasam tal-informazzjoni previsti mid-Direttivi dwar it-Timeshare, il-livell ta’ espożizzjoni tal-konsumaturi għar-riskju li t-terminu ta’ preskrizzjoni jiskadi qabel ma jilħqu jsiru konxji mid-drittijiet tagħhom ma huwiex l-istess f’dak li jirrigwarda l-projbizzjoni tal-ħlasijiet bil-quddiem.
97. Fil-każ ta’ kuntratti konklużi fuq perijodu twil ta’ żmien, il-konsumatur jista’ jsir konxju tan-natura inġusta ta’ klawżola fi stadju ulterjuri meta din il-klawżola jkollha impatt fuq l-impenn kuntrattwali tiegħu jew tiġi eżegwita kontrih. Bl-istess mod, għar-raġunijiet li diġà spjegajt (55), dan il-konsumatur jista’ jsir konxju mill-informazzjoni nieqsa jew mhux ċara (li tista’ taffettwa l-kapaċità tiegħu li jevalwa l-portata tad-drittijiet tiegħu) biss fi stadju ulterjuri tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ timeshare (jew kuntratt simili). L-effetti tal-ksur mill-kummerċjant tal-obbligi tiegħu jistgħu jimmanifestaw ruħhom biss matul ir-relazzjoni kuntrattwali. Sakemm il-kummerċjant ma jipprovdix l-informazzjoni, il-ksur tar-rekwiżiti legali applikabbli huwa kontinwu.
98. Għall-kuntrarju, il-projbizzjoni ta’ ħlasijiet bil-quddiem tirrigwarda ksur wieħed li l-effetti tiegħu jistgħu jimmanifestaw ruħhom fi stadju preċedenti tar-relazzjoni kuntrattwali. Ma jeżisti l-ebda riskju reali li l-konsumatur isir konxju mill-projbizzjoni biss snin wara l-ħlas, pereżempju fl-okkażjoni tal-impożizzjoni ta’ tariffa fuqu jew fil-mument li fih huwa jkun jixtieq jeżerċita ċerti drittijiet.
99. Ta’ min jinnota wkoll li l-għan tal-protezzjoni tal-projbizzjoni fuq il-ħlasijiet bil-quddiem huwa qawwi fil-bidu tar-relazzjoni kuntrattwali. Il-projbizzjoni hija stabbilita biex il-konsumatur ma jkunx disważ milli jirtira mill-kuntratt. Madankollu, dan l-għan jiddgħajjef matul is-snin, waqt l-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Dan jidher li huwa iktar u iktar il-każ f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-konsumatur mhux biss ma rtirax mill-kuntratt, iżda kkonkluda kuntratt ta’ timeshare ġdid (jew kuntratt simili) disa’ snin wara li kkonkluda l-ewwel wieħed.
100. Barra minn hekk, kif sostniet essenzjalment il-Kummissjoni, il-kapaċità effettiva li l-konsumatur jaċċerta d-drittijiet tiegħu ma hijiex l-istess fil-każ ta’ klawżola inġusta bħal fil-każ ta’ projbizzjoni legali tal-ħlasijiet bil-quddiem. Għalkemm klawżola inġusta titqies li qatt ma eżistiet, il-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ dik il-klawżola teħtieġ, bħala prinċipju, evalwazzjoni ġudizzjarja tal-klawżola kuntrattwali li wieħed ma jistax jistenna li ssir mill-konsumatur. Il-kwistjoni tal-konformità mar-rekwiżiti ta’ informazzjoni tad-Direttivi dwar it-Timeshare tista’ teħtieġ ukoll interpretazzjoni ġudizzjarja.
101. Madankollu, il-projbizzjoni ta’ ħlasijiet bil-quddiem ma teħtieġ ebda interpretazzjoni. Tali ħlas huwa pprojbit u dan huwa ddikjarat b’mod ċar fid-Direttivi dwar it-Timeshare u fir-regoli tal-implimentazzjoni nazzjonali. Il-projbizzjoni tista’ tiġi aċċertata minn konsumatur medju raġonevolment informat u raġonevolment attent u prudenti. Huwa biżżejjed li l-konsumatur jikkalkola jekk il-ħlasijiet bil-quddiem tħallsux fil-perijodu ta’ rtirar (estiż).
102. Ma naħsibx li tista’ tinsilet konklużjoni differenti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tgħid li l-konsumatur ma jistax ikun mistenni jwettaq atti li jaqgħu fil-portata tar-riċerka legali (56). Din il-ġurisprudenza kienet tirrigwarda sitwazzjoni li fiha ma setax jiġi preżunt li konsumatur seta’ raġonevolment ikun konxju mill-fatt li klawżola inkluża fil-kuntratt tiegħu kellha portata ekwivalenti għal klawżola standardizzata meqjusa inġusta minn qorti suprema nazzjonali ta’ Stat Membru. Dan huwa b’mod ċar differenti mis-sitwazzjoni li fiha l-leġiżlatur jistabbilixxi projbizzjoni.
103. L-istabbiliment ta’ terminu ta’ preskrizzjoni raġonevoli wara li jkunu saru l-pagamenti jiżgura wkoll iċ-ċertezza legali f’sitwazzjoni li tinvolvi projbizzjoni ċara. L-impożizzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja għal ħlas bil-quddiem li jkun ilu li sar tista’ toħloq problemi ta’ provi u tippreġudika d-drittijiet tad-difiża tal-parti opposta (57). Barra minn hekk, kif spjegat il-qorti tar-rinviju, dan joħloq ir-riskju li l-parti li titlob is-sanzjoni titlob l-impożizzjoni ta’ din is-sanzjoni kemm jista’ jkun tard sabiex titlob interessi fuq l-ammont irkuprat, minkejja li ċ-ċirkustanzi tal-projbizzjoni jkunu ċari fil-bidu tar-relazzjoni kuntrattwali.
104. Fil-kawża prinċipali, skont ir-regoli ġenerali tad-dritt ċivili, it-terminu ta’ preskrizzjoni sabiex il-konsumatur jippreżenta rikors għall-irkupru tal-ħlasijiet bil-quddiem huwa ta’ 5 snin (u ta’ 15‑il sena skont il-verżjoni tal-Kodiċi Ċivili preċedentement applikabbli) mill-mument li fih ikunu saru dawn il-ħlasijiet. Dan it-terminu jidher li huwa twil biżżejjed biex jippermetti lill-konsumatur jitlob is-sanzjoni. Dan huwa iktar u iktar il-każ, kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, peress li talba ekstraġudizzjarja hija biżżejjed biex tinterrompi dan it-terminu.
105. Għal din ir-raġuni, inqis li l-prinċipju ta’ effettività ma jipprekludix regola nazzjonali ta’ preskrizzjoni għal rikors għall-irkupru tal-prezz tal-kuntratt stabbilita fil-każ ta’ ksur tal-projbizzjoni tal-ħlasijiet bil-quddiem fuq il-bażi tad-dritt ċivili ġenerali.
106. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 94/47 u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/122, moqrija flimkien mal-prinċipju ta’ effettività, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni jew ġurisprudenza nazzjonali li tistabbilixxi li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ rikors għall-irkupru ta’ (parti mill-prezz tal-kuntratt imħallsa permezz ta’) ħlasijiet bil-quddiem, jibda jiddekorri mid-data li fiha l-ħlasijiet ipprojbiti jkunu saru fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ timeshare (jew kuntratt simili).
V. Konklużjoni
107. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Juzgado de Primera Instancia No 2 de Marbella (il-Qorti tal-Ewwel Istanza, Nru 2, Marbella, Spanja) kif ġej:
(1) L-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 94/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ottubru 1994 dwar il-protezzjoni tax-xerrejja f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ċerti aspetti tal-kuntratti li għandhom x’jaqsmu max-xiri tad-dritt għall-użu tal-propjetà immobbli fuq bażi ta’ timeshare kif ukoll l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2008/122/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Jannar 2009 dwar il-protezzjoni tal-konsumatur rigward ċerti aspetti ta’ kuntratti ta’ timeshare, kuntratti dwar prodotti ta’ vaganza għal perijodu fit-tul, kuntratti ta’ bejgħ mill-ġdid u kuntratti ta’ skambju, moqrija flimkien mal-prinċipju ta’ effettività,
għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni jew ġurisprudenza nazzjonali li tistabbilixxi li t-terminu ta’ preskrizzjoni tar-rikors għall-ħlas lura ta’ somom imħallsa mill-konsumatur skont kuntratt ta’ timeshare (jew kuntratt simili) invalidu jibda jiddekorri mid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-konsumatur kienx jaf jew kienx f’pożizzjoni li jsir jaf bl-informazzjoni li l-kummerċjant ma pprovdiex jew li huwa pprovda b’mod mhux ċar. Il-konsumatur ikun, bħala prinċipju, kompletament konxju mid-drittijiet tiegħu fil-mument tad-deċiżjoni definittiva li tiddikjara l-kuntratt null. Madankollu, il-prinċipju ta’ effettività ma jipprekludix lill-kummerċjant milli jkollu d-dritt li jipprova li l-konsumatur kien jaf jew seta’ raġonevolment ikun jaf bl-elementi li jikkostitwixxu l-invalidità tal-kuntratt qabel din id-data.
(2) L-Artikolu 6 tad-Direttiva 94/47 u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/122, moqrija flimkien mal-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni,
għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni jew ġurisprudenza nazzjonali li tistabbilixxi li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ rikors għall-irkupru ta’ (parti mill-prezz tal-kuntratt imħallsa permezz ta’) ħlasijiet bil-quddiem, jibda jiddekorri mid-data li fiha l-ħlasijiet ipprojbiti jkunu saru fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ timeshare (jew kuntratt simili).
1 Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Jannar 2009 dwar il-protezzjoni tal-konsumatur rigward ċerti aspetti ta’ kuntratti ta’ timeshare, kuntratti dwar prodotti ta’ vaganza għal perijodu fit-tul, kuntratti ta’ bejgħ mill-ġdid u kuntratti ta’ skambju (ĠU 2009, L 33, p. 10).
3 Staudinger, A., ‘Timeshare Contracts’ f’Max-Planck Encyclopaedia of European Private Law, Max-EuP, 2012. Fuq l-oriġini tal-industrija tat-timeshare ara Edmonds, J., International Timesharing, 3 Ed., Longman, London, 1991, p. 1.
4 Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ottubru 1994 dwar il-protezzjoni tax-xerrejja f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ċerti aspetti tal-kuntratti li għandhom x’jaqsmu max-xiri tad-dritt għall-użu tal-propjetà immobbli fuq bażi ta’ timeshare (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 13, p. 315).
5 Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, Rapport dwar l-evalwazzjoni tad-[Direttiva 2008/122], COM(2015)0644 final tas‑16 ta’ Diċembru 2015 (iktar ’il quddiem ir-“Rapport tal-Kummissjoni dwar l-Evalwazzjoni tad-Direttiva 2008/122”).
6 L-emenda saret permezz tal-Ley 42/2015 de reforma de la Ley 1/2000, de 7 de enero, de Enjuiciamiento Civil (il-Liġi 42/2015 li rriformat il-Liġi Nru 1/2000, tas‑7 ta’ Jannar, dwar il-Proċedura Ċivili) tal‑5 ta’ Ottubru 2015 (BOE Nru 239 tas‑6 ta’ Ottubru 2015, p. 90240).
7 Sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Banco Santander (Dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni) (C‑561/21, EU:C:2024:362, punt 34).
8 Sentenza tas‑16 ta’ April 2026, Nitrogénművek (C‑519/24, EU:C:2026:297, punti 19 u 20 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
9 L-informazzjoni tingħata permezz ta’ dokument, li ngħata l-isem ta’ “formola ta’ informazzjoni standard” fid-Direttiva 2008/122. Ara l-punti 4 u 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
10 Ara l-punti 5 u 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
11 Sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2025, Stichting Right to Consumer Justice and Stichting App Stores Claims (C‑34/24, EU:C:2025:936, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).
12 Ibid.
13 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, Sogefinancement (C‑50/22, EU:C:2023:177, punt 26).
14 Id-deċiżjoni tar-rinviju ma tiċċitax id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu r-rekwiżit ta’ tul massimu. Madankollu, mis-sottomissjonijiet tal-Gvern Spanjol u tal-Kummissjoni jirriżulta li tali rekwiżit huwa stabbilit fl-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 42/1998 u fl-Artikolu 24 tal-Liġi Nru 4/2012.
15 Skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 94/47, kuntratt ta’ timeshare għandu jiġi konkluż “għal mill-inqas tliet snin”. Dan il-perijodu tnaqqas għal tul ta’ iktar minn sena, skont id-definizzjoni ta’ “kuntratt ta’ timeshare” fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2008/122.
16 Skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 94/47, l-Istati Membri setgħu jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet iktar li kienu iktar favorevoli fir-rigward tal-protezzjoni tax-xerrejja.
17 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, Sogefinancement (C‑50/22, EU:C:2023:177, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).
18 Id-deċiżjoni tar-rinviju ma tiċċitax id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu dawn ir-rekwiżiti. Madankollu, mis-sottomissjonijiet tal-Gvern Spanjol u tal-Kummissjoni jirriżulta li dawn ir-rekwiżiti huma stabbiliti fil-punt 1 tal-Artikolu 9(1) tal-Liġi Nru 42/1998 u fil-punt 3 tal-Artikolu 30(1) tal-Liġi Nru 4/2012.
19 Ara l-punt (c) tal-Anness tad-Direttiva 94/47 u l-ewwel inċiż tal-punt 2 tal-Parti 3 tal-Anness I tad-Direttiva 2008/122.
20 Sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Prezident Slovenskej republiky (C‑378/19, EU:C:2020:462, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).
21 L-Anness tad-Direttiva 94/47 jirreferi, b’mod usa’ fil-punt (b), għall-“kondizzjonijiet li jirregolaw l-eżerċizzju” tad-dritt li huwa s-suġġett tal-kuntratt. Il-perijodu li fih id-dritt jista’ jiġi eżerċitat jista’ jitqies bħala parti minn dawn il-kundizzjonijiet. Il-Parti 1 tal-Anness I tad-Direttiva 2008/122 tinkludi, fost l-elementi ta’ informazzjoni fil-kuntratti ta’ timeshare, “[i]l-perijodu eżatt li fih jista’ jiġi eżerċitat id-dritt li huwa s-suġġett tal-kuntratt u, jekk meħtieġ, it-tul tal-eżerċizzju tiegħu”.
22 Nesprimi din ir-riżerva fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-obbligu li tiġi pprovduta l-identifikazzjoni tar-reġistru ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi dwar it-Timeshare.
23 F’dan il-każ, it-terminu għall-irtirar jiskadi wara t-terminu previst fit-tielet inċiż tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 94/47 u fl-Artikolu 6(3)(b) tad-Direttiva 2008/122.
24 Ir-responsabbiltà nazzjonali li jiġu previsti sanzjonijiet tirriżulta mill-Artikolu 10 tad-Direttiva 94/47 u mill-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/122. Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2008/122, minbarra d-dritt ta’ rtirar, l-Istati Membri għandhom jipprevedu sanzjonijiet xierqa konformement mal-Artikolu 15, b’mod partikolari fil-każ fejn, mal-iskadenza tat-terminu għall-irtirar, il-kummerċjant ma jkunx osserva l-obbligi ta’ informazzjoni previsti minn din id-direttiva.
25 Ara l-punti 10 u 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet. L-invalidità tal-kuntratt hija l-konsegwenza ta’ ksur ta’ kwalunkwe wieħed mir-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, inkluż l-obbligu li jiġi speċifikat is-suġġett tal-kuntratt.
26 GQ u IF jiċċitaw, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) Nru 192/2016 tad‑29 ta’ Marzu 2016 (ES:TS:2016:1298).
27 Ara l-punti 15 u 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
28 Ara l-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
29 Sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2026, UniCredit Bank u Momentum Credit (C‑679/24, EU:C:2026:223, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).
30 Ibid., punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata.
31 Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance (C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 30).
32 Sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Raiffeisen Bank u BRD Groupe Societé Générale (C‑698/18 u C‑699/18, EU:C:2020:537, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).
33 Sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance (C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 32).
34 Sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance (C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 41).
35 Ara l-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
36 Sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2026, UniCredit Bank u Momentum Credit (C‑679/24, EU:C:2026:223, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).
37 Ara r-raġunament iddettaljat tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2026, UniCredit Bank u Momentum Credit (C‑679/24, EU:C:2026:223, punti 70 u 71 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
38 Sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Banco Santander (Dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni) (C‑561/21, EU:C:2024:362, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).
39 Sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Banco Santander (Dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni) (C‑561/21, EU:C:2024:362, punt 35).
40 Sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Banco Santander (Dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni) (C‑561/21, EU:C:2024:362, punt 38).
41 Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, BMW Bank et (C‑38/21, C‑47/21 u C‑232/21, EU:C:2023:1014, punt 259 u l-ġurisprudenza ċċitata).
42 Ara l-premessa 11 tad-Direttiva 94/47 u r-Rapport tal-Kummissjoni dwar l-Evalwazzjoni tad-Direttiva 2008/122, nota ta’ qiegħ il-paġna 5, op.cit, p. 2.
43 Ara l-punt 2 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
44 Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ Ottubru 2025, Mercedes-Benz Bank and Volkswagen Bank (C‑143/23, EU:C:2025:837, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).
45 Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ Ottubru 2025, Mercedes-Benz Bank and Volkswagen Bank (C‑143/23, EU:C:2025:837, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).
46 Meta dawn l-unitajiet ta’ akkomodazzjoni jkunu disponibbli, pereżempju, f’lukandi differenti li jappartjenu lill-istess grupp.
47 Ara l-informazzjoni rilevanti fil-punti (j), (k) u (l) tal-Anness tad-Direttiva 94/47 u fil-punti 4 sa 6 tal-Parti 3 tal-Anness I tad-Direttiva 2008/122.
48 Ir-Rapport tal-Kummissjoni dwar l-Evalwazzjoni tad-Direttiva 2008/122, nota ta’ qiegħ il-paġna 5, op. cit., p. 7 et seq., juri li jinqalgħu problemi ta’ protezzjoni tal-konsumatur b’mod partikolari fir-rigward tal-miżati ta’ manutenzjoni jew ta’ servizz meta dawn jiżdiedu mingħajr raġuni oġġettiva, kif ukoll fir-rigward tal-proċeduri u tal-kundizzjonijiet għat-terminazzjoni tal-kuntratt u l-iskambju ta’ drittijiet ta’ timeshare. Ara wkoll Conway, L., Timeshares: common problems faced by UK owners – Research briefing’, House of Commons Library,, 25 ta’ Lulju 2025, li jindika, fost il-problemi komuni bis-sjieda tat-timeshare, iż-żidiet eċċessivi fil-miżati annwali, problemi ta’ bejgħ mill-ġdid, kwistjonijiet dwar il-ħruġ u klawżoli dwar perpetwità (li jagħmluha estremament diffiċli għall-konsumatur li jtemm il-kuntratt).
49 Fil-każ ta’ natura inġusta u ta’ assenza ta’ trasparenza tal-klawżola li tinkludi l-informazzjoni, il-konsumatur ikollu disponibbli rimedji komplimentari għall-protezzjoni tal-konsumatur skont id-Direttiva 93/13. Jekk jintużaw tekniki ta’ pressjoni biex jiġi ffirmat il-kuntratt, il-konsumatur jista’ jinvoka wkoll id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar prattiċi kummerċjali żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 86). Ara r-Rapport tal-Kummissjoni dwar l-Evalwazzjoni tad-Direttiva 2008/122, nota ta’ qiegħ il-paġna 5, op. cit., p. 10, Downes, N., “More about timeshare: A revised directive or a regulation? Incidence of other instruments of consumer protection”, , Vol. 16, No 4, 2008, European Review of Private Law, p. 607 sa 625.
50 Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Banco Santander (Dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni) (C‑561/21, EU:C:2024:362, punt 40).
51 Dan ikun il-każ, pereżempju, jekk ikun hemm provi ta’ komunikazzjoni minn qabel bejn il-kummerċjant u l-konsumatur li fiha l-kummerċjant jipprovdi lill-konsumatur l-informazzjoni nieqsa. F’tali sitwazzjoni, it-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mill-mument li fih il-konsumatur jiġi pprovdut b’din l-informazzjoni.
52 Ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
53 Ara l-punt 66 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
54 Ara l-punt 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
55 Punti 75 u 76 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
56 Sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Banco Santander (Dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni) (C‑561/21, EU:C:2024:362, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).
57 Mid-digriet għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-partijiet ma jaqblux dwar jekk sarux ħlasijiet bil-quddiem ipprojbiti. Dan juri d-diffikultajiet marbuta mal-obbligu tal-qrati li jiddeċiedu dwar l-impożizzjoni ta’ sanzjoni iktar minn 15‑il sena wara li jkunu saru dawn il-pagamenti (bħalma huwa l-każ bl-ewwel kuntratt ta’ timeshare fil-kawża prinċipali li ġie konkluż fl‑2007).