23.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 42/92


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/258

tal-21 ta’ Frar 2022

li tagħti deroga lir-Repubblika Ellenika minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tad-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ Kreta

(notifikata bid-dokument C(2022) 1140)

(It-test bil-Grieg biss huwa awtentiku)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 64 tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 66 tagħha,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Fit-3 ta’ Ġunju 2021, ir-Repubblika Ellenika (“il-Greċja”) ippreżentat lill-Kummissjoni talba għal deroga (l-“Applikazzjoni”) għall-gżira ta’ Kreta f’konformità mal-Artikolu 64 tar-Regolament (UE) 2019/943 u mal-Artikolu 66 tad-Direttiva (UE) 2019/944. L-Applikazzjoni titlob deroga mill-Artikoli 6, 7(1), 8(1), 8(4), 9, 10, 11 u 13 tar-Regolament (UE) 2019/943, u mill-Artikolu 40(4) sa (7) tad-Direttiva (UE) 2019/944, għal perjodu ta’ żmien limitat, jiġifieri sal-31 ta’ Diċembru 2023.

(2)

Fl-1 ta’ Lulju 2021, il-Kummissjoni ppubblikat l-Applikazzjoni fuq is-sit web (3) tagħha u stiednet lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati biex jipprovdu kummenti sat-12 ta’ Awwissu 2021.

2.   IL-GŻIRA TA’ KRETA

(3)

Il-gżira Griega ta’ Kreta tinsab fil-Baħar Mediterran, fin-Nofsinhar tal-Greċja kontinentali. Sat-3 ta’ Lulju 2021 kienet sistema awtonoma tal-enerġija li ma kinitx konnessa mas-sistema nazzjonali tal-elettriku kontinentali.

(4)

Wara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/536/UE (4), li tat lill-Greċja deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), Kreta tqieset bħala sistema iżolata żgħira skont it-tifsira tal-Artikolu 2(42) tad-Direttiva (UE) 2019/944. L-assi b’vultaġġ għoli fi Kreta huma proprjetà ta’ Public Power Cooperation S.A. (“PPC S.A.”) u jiġu operati mill-Operatur tas-Sistema tad-Distribuzzjoni (“HEDNO S.A.”). Peress li l-gżira ma kinitx interkonnessa mal-Greċja kontinentali, Kreta ma setgħetx tkun parti mis-swieq ta’ Ġurnata bil-Quddiem, tal-Istess Ġurnata u tal-Ibbilanċjar Griegi li tnedew f’Novembru 2020.

(5)

Skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/536/UE, id-derogi previsti ma għandhomx jibqgħu japplikaw għal sistemi iżolati żgħar u mikrosistemi iżolati ladarba jkunu interkonnessi mas-sistema interkonnessa. Irrispettivament minn dan, l-awtoritajiet Griegi temmew id-deroga mogħtija minn dik id-Deċiżjoni fir-rigward ta’ Kreta mill-1 ta’ Jannar 2017 (6).

Is-Sistema tal-elettriku

(6)

Il-Greċja pprijoritizzat il-konnessjoni tal-grilja ta’ Kreta mas-sistema tal-elettriku kontinentali bħala proġett ta’ importanza kbira, sabiex tiġi żgurata bi provvista tal-elettriku sikura u affidabbli. B’mod aktar speċifiku, il-konnessjoni tal-grilja ta’ Kreta, kif approvata mill-Awtorità Regolatorja Griega (“RAE”) permezz tal-Pjanijiet ta’ Għaxar Snin għall-Iżvilupp tan-Network, li jindirizzaw il-perjodi mill-2017 sal-2026, mill-2018 sal-2027 u mill-2019 sal-2028 rispettivament, trid tiġi implimentata f’żewġ fażijiet.

(7)

L-ewwel fażi (“Fażi I”) tikkonċerna l-konnessjoni tal-grilja tal-parti tal-Punent ta’ Kreta (il-Prefettura ta’ Chania) mal-peniżola tal-Peloponnese permezz ta’ linji HVAC, li jirrappreżentaw Kapaċità Nominali ta’ Trasferiment ta’ madwar 150 MW. Għaldaqstant, it-tlestija tal-Fażi I hija mistennija tkopri biss parti mill-ħtiġijiet tal-elettriku ta’ Kreta (madwar terz tal-konsum tal-elettriku ta’ Kreta, li huwa massimu ta’ 710 MW u konsum annwali ta’ 3TWh), u mhijiex se tintegra lil Kreta bħala parti interkonnessa bis-sħiħ mis-sistema tal-elettriku Griega. L-interkonnettur bejn is-sistema tal-elettriku kontinentali u Kreta huwa mistenni jopera bil-kapaċità massima tiegħu jew qrib tagħha, minħabba li l-kapaċità tiegħu ma tkoprix għalkollox id-domanda ta’ Kreta, u l-elettriku se jiġi importat lejn Kreta mis-sistema interkonnessa kontinentali minħabba kostijiet aktar baxxi tal-ġenerazzjoni. Il-proġett beda jopera fil-perjodu ta’ prova mit-3 ta’ Lulju 2021 (7), u f’perjodu kummerċjali mill-1 ta’ Novembru 2021 (8).

(8)

It-tieni fażi (“Fażi II”) tirreferi għall-interkonnessjoni tal-parti ċentrali ta’ Kreta (il-Prefettura ta’ Heraklion) mal-Greċja kontinentali (ir-reġjun ta’ Attika) permezz ta’ żewġ kejbils HVDC, li jirrappreżentaw Kapaċità ta’ Trasferiment Nominali ta’ madwar 1000 MW. Fi tmiem tal-Fażi II, il-gżira ta’ Kreta hija mistennija li tkun interkonnessa bis-sħiħ mas-sistema kontinentali tat-trażmissjoni tal-elettriku u d-domanda għall-elettriku fuq il-gżira għandha tkun koperta bis-sħiħ. Il-kejbils tal-Fażi II huma mistennija li jkunu operazzjonali mill-2023.

(9)

Il-Greċja tispjega li, sal-bidu tal-operat kummerċjali tal-interkonnettur żviluppat fil-Fażi I, in-network tal-elettriku b’vultaġġ għoli ta’ Kreta kellu jiġi trasferit lill-Operatur tas-Sistema ta’ Trażmissjoni Grieg (“IPTO S.A.”), li se jippossjedi u jopera dawk l-assi minn din id-data. HEDNO S.A. ma tibqax topera n-network ta’ vultaġġ għoli ta’ Kreta, iżda xorta topera n-networks ta’ vultaġġ baxx u medju. Dan it-trasferiment seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2021, qabel il-bidu tal-operazzjoni kummerċjali tal-Fażi I tal-interkonnettur bejn Kreta u s-sistema kontinentali Griega.

Is-suq tal-elettriku ta’ Kreta

(10)

Bħalissa, il-produtturi u l-fornituri fil-gżira ta’ Kreta ma jissottomettu l-ebda offerta fis-suq Grieg u l-unitajiet jintbagħtu skont il-kostijiet varjabbli minimi tagħhom. Il-prezz uniformi bl-ingrossa għall-elettriku fi Kreta huwa kkalkolat kull xahar, abbażi tal-kostijiet varjabbli u totali tal-unitajiet tal-enerġija konvenzjonali, jiġifieri l-unitajiet tal-PPC, peress li l-operatur stabbilit huwa l-uniku ġeneratur tal-enerġija konvenzjonali fuq il-gżira. Barra minn hekk, hemm diversi produtturi ta’ enerġiji rinnovabbli b’tariffa fissa skont ftehim ta’ xiri tal-enerġija jew tariffa fissa skont id-data tal-bidu tal-operat ta’ kull unità.

(11)

Mit-tlestija tal-Fażi I sat-tlestija tal-Fażi II u l-interkonnessjoni sħiħa ta’ Kreta mas-sistema tal-elettriku kontinentali Griega (“perjodu tranżizzjonali”), il-konnessjoni tal-grilja bejn Kreta u s-sistema tal-elettriku kontinentali se tkun strutturalment konġestjonata. Mingħajr deroga, iż-żewġ għażliet li ġejjin huma possibbli:

(a)

l-integrazzjoni ta’ Kreta fiż-żona tal-offerti Griega fis-suq tal-elettriku bl-ingrossa li tkun tinvolvi kostijiet għoljin ta’ dispaċċ mill-ġdid, stmati madwar EUR 240 miljun fis-sena mill-IPTO S.A abbażi tad-data tal-2019;

(b)

l-integrazzjoni ta’ Kreta fis-suq tal-elettriku bl-ingrossa bħala żona tal-offerti separata. Din tidher bħala soluzzjoni mhux sostenibbli għal perjodu qasir, peress li t-tlestija tal-Fażi II, li hija mistennija li ddum sentejn, jenħtieġ li ttaffi kwalunkwe konġestjoni strutturali bejn in-network kontinentali tal-elettriku ta’ Kreta u dak Grieg.

(12)

Barra minn hekk, Kreta ma għandhiex infrastruttura tal-kejl adegwata li tippermetti integrazzjoni xierqa fis-suq Grieg tal-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku qabel l-2023.

(13)

Bħalissa, is-suq tal-bejgħ bl-imnut fi Kreta huwa miftuħ għall-fornituri kollha attivi fis-suq Grieg, li għoxrin minnhom huma attivi fi Kreta. Minħabba l-fatt li l-kostijiet ta’ ġenerazzjoni fil-gżira ta’ Kreta huma ogħla mill-kostijiet tas-sistema tal-elettriku interkonnessa Griega, il-Greċja, għal raġunijiet ta’ koeżjoni soċjali, għażlet l-applikazzjoni mill-fornituri ta’ tariffa waħda għal kull kategorija ta’ klijenti, fit-territorju kollu tagħha.

3.   ID-DEROGI MITLUBA

(14)

Id-derogi mitluba mill-Artikoli 6, 7(1), 8(1), 8(4), 9, 10, 11 u 13 tar-Regolament (UE) 2019/943 u mill-Artikolu 40(4) sa (7) tad-Direttiva (UE) 2019/944 għandhom l-għan li jsibu soluzzjoni għall-operat tas-swieq tal-elettriku ta’ ġurnata bil-quddiem, tal-istess ġurnata u tal-ibbilanċjar fi Kreta. Soluzzjoni bħal din tkun tapplika matul il-perjodu tranżizzjonali tal-interkonnessjoni ta’ Kreta mas-sistema tal-elettriku kontinentali Griega. Għalhekk, id-derogi se jintemmu mat-tlestija tal-Fażi II (9).

(15)

L-applikant jipproponi “mudell ibridu” għall-perjodu tranżizzjonali, li taħtu l-interkonnettur bejn Kreta u s-sistema tal-elettriku kontinentali Griega jiġi ttrattat bħala parti inkarigata mill-ibbilanċjar skont it-tifsira tal-Artikolu 2(14) tar-Regolament (UE) 2019/943. Tali parti se taġixxi l-biċċa l-kbira taż-żmien bħala unità ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku virtwali mill-perspettiva ta’ Kreta u tagħbija virtwali mill-perspettiva kontinentali, li timporta l-elettriku mill-Greċja kontinentali lejn Kreta. Dak il-fluss jista’ jitreġġa’ lura f’każ ta’ ġenerazzjoni għolja minn sorsi rinnovabbli fi Kreta, li taqbeż it-tagħbija tiegħu, sabiex jiġi evitat kwalunkwe tnaqqis fl-enerġija rinnovabbli. Il-parti inkarigata mill-ibbilanċjar għall-interkonnessjoni ta’ Kreta se tikkonnettja fiżikament mas-sistema kontinentali Griega fuq in-naħa ta’ vultaġġ għoli tas-substazzjon ta’ Chania. L-elettriku rtirat jew injettat tagħha fis-sistema kontinentali Griega se jiġi rreġistrat mill-infrastruttura tal-kejl tas-substazzjon HV Chania.

(16)

Il-modalitajiet possibbli għall-parteċipazzjoni tal-Entità Inkarigata mill-Ibbilanċjar virtwali fis-suq imħaddma fuq is-sistema tal-elettriku kontinentali Griega ġew evalwati mill-RAE wara konsultazzjoni pubblika li saret mill-25 ta’ Mejju 2021 sad-9 ta’ Ġunju 2021.

(17)

Fil-“mudell ibridu” propost, l-iskambju tal-enerġija elettrika Grieg HEnEX jissottometti offerti tal-elettriku b’teħid ta’ prezzijiet f’isem il-partijiet tas-suq ta’ Kreta fis-suq tal-elettriku bl-ingrossa ta’ ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata Grieg, skont il-previżjonijiet ex ante kkalkolati mill-IPTO S.A. u mill-HEDNO S.A. Il-Greċja tipproponi żewġ għażliet li ġew sottomessi għal konsultazzjoni pubblika mill-RAE mill-25 ta’ Mejju 2021 sad-9 ta’ Ġunju 2021. Dawk iż-żewġ għażliet jistabbilixxu fid-dettall kif l-offerti jistgħu jitwettqu fil-prattika, b’separazzjoni jew mingħajr separazzjoni bejn it-tagħbija u l-ġenerazzjoni. Iż-żewġ għażliet huma dawn li ġejjin:

(a)

Għażla 1: ordnijiet ta’ xiri jew bejgħ b’teħid ta’ prezzijiet prijoritarji li jikkorrispondu espliċitament għall-kwantitajiet tal-elettriku għall-parti inkarigata mill-ibbilanċjar għall-interkonnessjoni ta’ Kreta se jiġu sottomessi minn HEnEx f’isem rappreżentanti tat-tagħbija li jfornu l-elettriku lill-konsumaturi finali fi Kreta, f’konformità mal-proporzjon perċentwali tal-provvista tagħhom ikkalkulat ex ante fuq bażi ta’ kull xahar minn HEDNO SA, fir-rigward ta’ importazzjonijiet previsti fi Kreta mill-Greċja kontinentali, jew mill-Operatur ta’ Sorsi ta’ Enerġija Rinnovabbli u Garanziji ta’ Oriġini (“DAPEEP”) għal elettriku rinnovabbli, fil-każ rari ta’ esportazzjonijiet previsti minn Kreta lejn il-Greċja kontinentali;

(b)

Għażla 2: ordnijiet ta’ xiri jew bejgħ b’teħid ta’ prezzijiet prijoritarji għat-tagħbija lokali kollha u l-ġenerazzjoni ta’ Kreta se jiġu sottomessi minn HEnEx f’isem ir-rappreżentanti tat-tagħbija f’konformità mal-proporzjon tal-perċentwali tal-provvista tagħhom ikkalkulat ex ante fuq bażi ta’ kull xahar minn HEDNO S.A. u f’isem il-produtturi termali li jirriflettu l-iskedi tal-enerġija ddeterminati minn IPTO S.A. fuq il-bażi tar-riżultati ta’ skeda ta’ dispaċċ simplifikata, u minn DAPEEP għall-elettriku rinnovabbli previst.

Is-saldu finanzjarju tal-iżbilanċi jiġi impost ex post lill-partijiet fis-suq ta’ Kreta, abbażi tat-tqabbil bejn l-iskeda tal-interkonnettur u l-fluss imkejjel, u ċavetta tal-kondiviżjoni kkalkulata minn HEDNO S.A.

(18)

Matul il-konsultazzjoni pubblika mwettqa mill-RAE, ġew sottomessi 11-il kontribut (10). Abbażi tar-riżultati u tat-talba tal-maġġoranza ta’ dawk li wieġbu biex jiġi mminimizzat l-impatt finanzjarju tal-għażla li trid tiġi implimentata, fir-rigward tal-garanziji u l-kollaterali finanzjarji meħtieġa, f’Ġunju 2021 l-RAE għażlet l-implimentazzjoni tal-Għażla 2.

(19)

Sabiex timplimenta l-mudell ibridu tal-Għażla 2 għall-operat tas-suq bl-ingrossa tal-elettriku u l-ibbilanċjar tal-elettriku ta’ Kreta, applikabbli għall-perjodu tranżizzjonali, il-Greċja titlob deroga minn ċerti rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2019/943 u d-Direttiva (UE) 2019/944, fir-rigward tas-sistema ta’ Kreta.

3.1.   Deroga skont l-Artikolu 64 tar-Regolament (UE) 2019/943

(20)

Il-Greċja tqis li l-mudell ibridu propost jikkonforma mal-prinċipji li jirregolaw l-operat tas-swieq tal-elettriku, kif previst fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2019/943. Għal dik ir-raġuni, id-derogi mitluba ma jinkludux l-Artikolu 3 ta’ dak ir-Regolament.

3.1.1.   L-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2019/943

(21)

L-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2019/943 jistabbilixxi r-regoli għas-suq tal-ibbilanċjar. Il-Greċja titlob deroga minn dak l-Artikolu fir-rigward ta’ Kreta bil-ħsieb li ma jiġi operat l-ebda suq ta’ bbilanċjar fil-mudell ibridu.

3.1.2.   L-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) 2019/943

(22)

L-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) 2019/943 jirreferi għall-organizzazzjoni tal-ġestjoni tas-swieq integrati ta’ ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata mill-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni (TSOs) u mill-operatur nominat tas-suq tal-elettriku (NEMOs), f’konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 (11). Il-Greċja titlob deroga minn dak l-Artikolu fir-rigward ta’ Kreta, peress li fil-mudell ibridu ma huwa se jitħaddem l-ebda suq tal-istess ġurnata u tal-ġurnata bil-quddiem.

3.1.3.   L-Artikolu 8(1) u (4) tar-Regolament (UE) 2019/943

(23)

L-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) 2019/943 jistabbilixxi l-obbligu għan-NEMOs li jħallu lill-parteċipanti fis-suq jikkummerċjalizzjaw l-enerġija sal-ħin tal-għeluq tan-negozju tal-kapaċità transżonali tal-istess ġurnata. L-Artikolu 8(4) ta’ dak ir-Regolament jistabbilixxi l-obbligu li jiġi stabbilit il-perjodu tal-issetiljar tal-iżbilanċ għal 15-il minuta fiż-żoni kollha ta’ skedar. Il-Greċja titlob deroga minn dawk l-Artikoli fir-rigward ta’ Kreta minħabba li l-mudell ibridu ma jinkludix kummerċ ta’ ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata, u lanqas ma jinkludi perjodu tal-issetiljar tal-iżbilanċ ta’ 15-il minuta għal Kreta.

3.1.4.   L-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2019/943

(24)

L-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2019/943 jirreferi għal swieq forward. Il-Greċja titlob deroga minn dak l-Artikolu fir-rigward ta’ Kreta minħabba li l-ebda suq forward mhu se jitħaddem fil-mudell ibridu.

3.1.5.   L-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2019/943

(25)

L-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2019/943 jirreferi għal-limiti tekniċi tal-offerti. Il-Greċja titlob deroga minn dak l-Artikolu minħabba li Kreta mhux se tkun integrata bis-sħiħ fis-suq Grieg tal-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fil-mudell ibridu, u l-ordnijiet b’teħid tal-prezzijiet jistgħu jiġu sottomessi għal Kreta.

3.1.6.   L-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2019/943

(26)

L-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2019/943 jirreferi għad-determinazzjoni tal-valur tat-tagħbija mitlufa. Minħabba li Kreta ma titqiesx bħala żona tal-offerti separata, u lanqas integrata kompletament fiż-żona tal-offerti Griega, il-Greċja titlob deroga minn dak l-Artikolu fir-rigward ta’ Kreta.

3.1.7.   L-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2019/943

(27)

L-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2019/943 jirreferi għad-dispaċċ mill-ġdid. Minħabba li n-nuqqas ta’ tħaddim ta’ suq tal-ibbilanċjar fi Kreta jinvolvi n-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-regoli ta’ dispaċċ mill-ġdid, il-Greċja titlob deroga minn dak l-Artikolu fir-rigward ta’ Kreta.

3.2.   Deroga skont l-Artikolu 66 tad-Direttiva (UE) 2019/944

3.2.1.   L-Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) 2019/944

(28)

Fl-Applikazzjoni tagħha, il-Greċja talbet deroga mill-prinċipju fundamentali tal-prezzijiet tal-provvista tal-elettriku bbażati fuq is-suq f’konformità mal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva (UE) 2019/944. Dik it-talba ġiet irtirata fil-15 ta’ Lulju 2021. Għalhekk, f’din id-deċiżjoni ma hija meħtieġa l-ebda analiżi ulterjuri.

3.2.2.   L-Artikolu 40(4), (5), (6) u (7) tad-Direttiva (UE) 2019/944

(29)

L-Artikolu 40 tad-Direttiva (UE) 2019/944 jistabbilixxi l-kompiti tat-TSOs. Il-paragrafi 4 sa 7 jistabbilixxu l-prinċipji għall-akkwist ta’ servizzi anċillari, inklużi servizzi anċillari mhux tal-frekwenza. Minħabba n-nuqqas ta’ tħaddim ta’ suq tal-ibbilanċjar u akkwist ibbażat fuq is-suq ta’ servizzi anċillari mhux tal-frekwenza fi Kreta, il-Greċja titlob deroga mill-Artikolu 40, il-paragrafi (4) sa (7) għall-kompiti tat-TSO applikabbli għal Kreta.

3.3.   Id-durata tad-deroga mitluba

(30)

Il-Greċja titlob id-deroga għad-durata tal-perjodu tranżizzjonali, li jibda bl-ikkummissjonar tal-Fażi I mistenni fit-tieni trimestru tal-2021, sal-ikkummissjonar tal-Fażi II mistenni sa tmiem l-2023.

4.   KUMMENTI LI WASLU TUL IL-PERJODU TA’ KONSULTAZZJONI

(31)

Matul il-konsultazzjoni, il-Kummissjoni rċeviet kontribut mill-awtoritajiet Bulgari, li kkomunikaw li ma jqajmu l-ebda oġġezzjoni kontra l-applikazzjoni għal deroga magħmula mill-Greċja.

5.   IL-VALUTAZZJONI

(32)

F’konformità mal-Artikolu 64 tar-Regolament (UE) 2019/943, deroga mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikoli 3 u 6, l-Artikolu 7(1), l-Artikolu 8(1) u (4), l-Artikoli 9, 10 u 11, l-Artikoli 14 sa 17, l-Artikoli 19 sa 27, l-Artikoli 35 sa 47 u l-Artikolu 51 ta’ dak ir-Regolament tista’ tingħata jekk l-Istat Membru jista’ juri li hemm problemi sostanzjali għat-tħaddim ta’ sistemi konnessi żgħar.

(33)

F’konformità mal-Artikolu 66 tad-Direttiva (UE) 2019/944, deroga mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikoli 7 u 8 u tal-Kapitoli IV, V u VI ta’ dik id-Direttiva jistgħu jingħataw jekk l-Istat Membru jkun jista’ juri li hemm problemi sostanzjali għat-tħaddim ta’ sistemi iżolati żgħar jew ta’ sistemi konnessi żgħar. Sistemi iżolati żgħar jistgħu japplikaw ukoll għal deroga mill-Artikoli 4, 5 u 6 ta’ dik id-Direttiva.

(34)

Minbarra fil-każ tar-reġjuni ultraperiferiċi, id-deroga trid tkun limitata fiż-żmien u trid tkun soġġetta għal kundizzjonijiet li għandhom l-għan li jżidu l-kompetizzjoni u l-integrazzjoni mas-suq intern tal-elettriku.

(35)

Fl-aħħar nett, id-deroga għandha timmira li tiżgura li ma xxekkilx it-tranżizzjoni lejn l-enerġija rinnovabbli, iż-żieda fil-flessibbiltà, il-ħżin tal-enerġija, l-elettromobbiltà u r-rispons tad-domanda.

5.1.   Sistema żgħira konnessa

(36)

Ir-Regolament (UE) 2019/943 ma jipprevedix derogi awtomatiċi ġeneralizzati għal sistemi żgħar konnessi jew għal sistemi żgħar iżolati. Għalhekk, minkejja l-varjetà kbira fid-daqs u l-karatteristiċi tekniċi tas-sistemi tal-elettriku fl-Unjoni, dawn is-sistemi kollha jistgħu u jenħtieġ li jitħaddmu f’konformità mal-qafas regolatorju sħiħ.

(37)

Madankollu, l-Artikolu 64(1) tar-Regolament (UE) 2019/943 jipprevedi deroga mill-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament fejn l-Istati Membri juru, fost l-oħrajn, li l-applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet għal sistemi konnessi żgħar tista’ twassal għal problemi sostanzjali għat-tħaddim tagħhom, b’mod partikolari minħabba l-kundizzjonijiet ġeografiċi jew il-profili tad-domanda rilevanti għas-sistemi inkwistjoni.

(38)

L-Artikolu 2(43) tad-Direttiva (UE) 2019/944 jiddefinixxi “sistema konnessa żgħira” bħala “kwalunkwe sistema li kellha konsum ta’ anqas minn 3 000 GWh fis-sena 1996, fejn aktar minn 5 % tal-konsum annwali jinkiseb permezz ta’ interkonnessjoni ma’ sistemi oħra”.

(39)

Il-gżira ta’ Kreta tikkostitwixxi sistema konnessa żgħira, minħabba li l-konsum tagħha kien taħt il-limitu ta’ 3 000 GWh fl-1996. Bit-tlestija tal-Fażi I, madwar terz tal-konsum annwali ta’ Kreta se jkun kopert mill-interkonnessjoni mas-sistema tal-elettriku kontinentali Griega.

(40)

Għalhekk, bit-tlestija tal-Fażi I, Kreta tikkwalifika bħala sistema konnessa żgħira skont it-tifsira tal-Artikolu 64(1)(a) tar-Regolament (UE) 2019/943.

5.2.   Problema sostanzjali għat-tħaddim tas-sistema

(41)

It-terminu “problemi sostanzjali” msemmi fl-Artikolu 64(1)(a) tar-Regolament (UE) 2019/943 la ġie definit mil-leġiżlatur u lanqas mill-Kummissjoni fil-prattika tagħha tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Il-formulazzjoni miftuħa tippermetti lill-Kummissjoni tqis il-problemi potenzjali kollha relatati mas-sitwazzjoni partikolari ta’ sistemi żgħar, sakemm dawn ikunu sostanzjali u mhux marġinali biss. Dawn il-problemi jistgħu jvarjaw b’mod sinifikanti skont il-partikolaritajiet ġeografiċi, il-produzzjoni u l-konsum tas-sistema inkwistjoni, iżda wkoll abbażi tal-iżviluppi tekniċi, bħall-ħżin tal-elettriku u l-ġenerazzjoni żgħira. Barra minn hekk, dawk il-problemi sostanzjali jeħtieġ li jkunu relatati mat-tħaddim tas-sistemi iżolati żgħar u tas-sistemi konnessi żgħar.

(42)

Il-Greċja tenfasizza l-problemi li ġejjin għat-tħaddim tas-suq tal-elettriku fi Kreta, f’każ ta’ integrazzjoni sħiħa tal-parteċipanti fis-suq ta’ Kreta fis-swieq tal-elettriku Griegi li joperaw fis-sistema interkonnessa kontinentali, permezz tal-estensjoni taż-żona tal-offerti Griega għal Kreta jew permezz tal-ħolqien ta’ żona tal-offerti ġdida ta’ Kreta:

(a)

in-nuqqasijiet fl-infrastruttura tal-kejl mhux se jippermettu l-parteċipazzjoni sħiħa tal-parteċipanti fis-suq ta’ Kreta fis-swieq tal-elettriku ta’ ġurnata bil-quddiem, tal-istess ġurnata u tal-ibbilanċjar tal-Greċja. B’mod partikolari, is-sistemi tal-kejl meħtieġa ma humiex fis-seħħ u mhux se jkunu lesti qabel l-2023;

(b)

l-interkonnettur il-ġdid (Fażi I) jeħtieġ li jkun lest biex jintuża mill-jum tal-ikkummissjonar tiegħu sabiex jiġi evitat kwalunkwe kost żejjed għall-konsumaturi Griegi. Tabilħaqq, l-iskambji tal-elettriku fuq dak l-interkonnettur se jnaqqsu l-ġenerazzjoni mill-aktar unitajiet termali għaljin fi Kreta, u b’hekk inaqqsu l-kost totali tal-elettriku fornut fi Kreta u l-imposta tal-OSP korrispondenti appoġġata mill-konsumaturi Griegi. Dan inaqqas ukoll l-emissjonijiet tas-CO2;

(c)

l-interkonnettur li jirriżulta mit-tlestija tal-Fażi I se jintuża sal-kapaċità massima disponibbli tiegħu, u huwa mistenni li jkun konġestjonat fil-biċċa l-kbira taż-żmien, sat-tlestija tal-Fażi II. L-applikazzjoni sħiħa tar-Regolament (UE) 2019/943 u tad-Direttiva (UE) 2019/944 twassal għall-integrazzjoni ta’ Kreta fis-swieq tal-elettriku, permezz ta’ żona tal-offerti waħda jew tnejn, li twassal għaż-żewġ xenarji li ġejjin:

—

żona ta’ offerti waħda: l-integrazzjoni ta’ Kreta fis-suq tal-elettriku bl-ingrossa permezz taż-żona tal-offerti kontinentali Griega tkun tinvolvi kostijiet għoljin ta’ dispaċċ mill-ġdid, stmati minn IPTO S.A. li jkunu madwar EUR 240 miljun fis-sena fuq stima bbażata fuq data tal-2019 u li għandhom jiġu appoġġati mill-konsumaturi Griegi.

—

żewġ żoni ta’ offerti: l-integrazzjoni ta’ Kreta fis-suq tal-elettriku bl-ingrossa bħala żona tal-offerti separata ma tkunx soluzzjoni sostenibbli. It-tlestija tal-Fażi II wara perjodu qasir ta’ tranżizzjoni hija mistennija ttaffi kwalunkwe konġestjoni strutturali bejn in-network tal-elettriku ta’ Kreta u n-network tal-elettriku kontinentali Grieg.

(43)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal fil-Premessi (41) u (42), il-Greċja tinnota li trid tinstab soluzzjoni applikabbli għall-perjodu tranżizzjonali. Peress li l-Fażi 1 bdiet fil-perjodu ta’ prova mit-3 ta’ Lulju 2021 u fil-perjodu kummerċjali mill-1 ta’ Novembru 2021, dik is-soluzzjoni jeħtieġ li tiġi implimentata mingħajr xkiel u f’perjodu ta’ żmien qasir, mingħajr bidliet importanti fil-qafas ġuridiku u regolatorju attwali, minħabba l-ħtieġa li l-parteċipanti fis-suq jadattaw u n-natura temporanja tas-soluzzjoni. F’dak ir-rigward, l-approċċ taż-“żewġ żoni tal-offerti” jidher inkompatibbli mar-restrizzjonijiet ta’ żmien, speċjalment meta jitqies il-proċess li jeħtieġ li jiġi segwit biex tiġi stabbilita żona tal-offerti ġdida, f’konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2019/943 u mal-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2015/1222.

(44)

Abbażi ta’ valutazzjoni mwettqa minn IPTO S.A. u l-evalwazzjoni tal-kostijiet għall-operat tas-suq fi Kreta taħt it-tliet xenarji, jiġifieri l-mudell ibridu ssuġġerit mill-Applikazzjoni, l-approċċ ta’ żona tal-offerti waħda u l-approċċ ta’ żewġ żoni tal-offerti, il-benefiċċji annwali li jirriżultaw tal-mudell ibridu huma stmati li jammontaw għal EUR 156 miljun. Fir-rigward taż-żewġ xenarji l-oħra, jiġifieri l-approċċ taż-żona tal-offerti waħda u l-approċċ taż-żewġ żoni tal-offerti, il-benefiċċju annwali huwa stmat li jammonta għal EUR 121 miljun, u EUR 113-il miljun rispettivament. Għalhekk, il-Greċja tqis li l-mudell ibridu propost ikun l-aħjar approċċ matul il-perjodu tranżizzjonali.

(45)

L-awtoritajiet Griegi indikaw li l-parteċipazzjoni attwali tal-parteċipanti fis-suq ta’ Kreta fis-suq Grieg tal-elettriku hija mxekkla min-nuqqas ta’ infrastruttura xierqa tal-kejl fuq il-gżira (ara l-Premessa 42 hawn fuq).

(46)

Barra minn hekk, filwaqt li l-użu tal-interkonnettur il-ġdid (Fażi I) iġib miegħu vantaġġi konsiderevoli, billi jnaqqas il-kost tal-elettriku fornut fil-gżira u l-emissjonijiet tas-CO2, l-interkonnettur huwa mistenni li jkun konġestjonat fil-biċċa l-kbira miż-żmien, sat-tlestija tal-Fażi II (ara premessa 7 u 42 hawn fuq).

(47)

Għal dawk ir-raġunijiet, l-integrazzjoni tal-parteċipanti fis-suq ta’ Kreta fis-suq tal-elettriku Grieg tikkawża kostijiet għoljin ta’ dispaċċ mill-ġdid jekk titwettaq permezz tal-estensjoni taż-żona tal-offerti Griega għal Kreta (ara premessa 7 u 42 hawn fuq). Min-naħa l-oħra, il-ħolqien ta’ żona tal-offerti separata għal Kreta mhux proporzjonat għal perjodu qasir ta’ żmien u minħabba li t-tlestija tal-fażi II jenħtieġ li ttaffi kwalunkwe konġestjoni strutturali bejn in-network tal-elettriku ta’ Kreta u n-network kontinentali tal-elettriku Grieg (ara premessa 8 u 43 hawn fuq).

(48)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal fil-premessi (42) sa (47) kif ukoll fil-premessi (7) u (8), il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Greċja wriet li hemm problemi sostanzjali għat-tħaddim tas-sistema tal-elettriku fi Kreta bħala sistema konnessa żgħira, sakemm titlesta l-interkonnessjoni sħiħa mal-grilja kontinentali. Il-mudell ibridu temporanju propost mill-awtoritajiet Griegi għandu l-għan li jindirizza dawk il-problemi u jrendi benefiċċji sinifikanti meta mqabbel mal-integrazzjoni sħiħa tas-sistema ta’ Kreta fis-suq tal-elettriku Grieg matul il-perjodu tranżizzjonali.

5.3.   Ambitu tad-deroga

(49)

Sabiex jiġi implimentat il-mudell ibridu għall-gżira ta’ Kreta matul il-perjodu tranżizzjonali, huma meħtieġa derogi mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 6, 7(1), 8(1) u 8(4), 9, 10 u 11 tar-Regolament (UE) 2019/943 u mill-Artikolu 40(4) sa (7) tad-Direttiva (UE) 2019/944.

(50)

L-Artikolu 64 tar-Regolament (UE) 2019/943 ma jindirizzax il-possibbiltà ta’ deroga mill-Artikolu 13 tiegħu. Madankollu, minħabba d-deroga, fejn tingħata deroga, mill-Artikoli 6, 7(1) u 8(1), l-Artikolu 13, de facto, mhux se jkun applikabbli. Fil-fatt, l-Artikolu 2(26) tar-Regolament (UE) 2019/943 jiddefinixxi “dispaċċ mill-ġdid” bħala miżura, inkluż tnaqqis, li hija attivata minn operatur wieħed jew aktar tas-sistema ta’ trażmissjoni jew minn operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni permezz tal-modifika tal-mudell ta’ ġenerazzjoni, tat-tagħbija, jew it-tnejn sabiex jinbidlu l-flussi fiżiċi fis-sistema tal-elettriku u tittaffa konġestjoni fiżika jew li tiġi żgurata s-sigurtà tas-sistema. Ir-raġunament sottostanti huwa li l-operatur tas-sistema jikkoreġi l-eżitu tas-suq biex jiżgura li jkun koerenti mal-kapaċitajiet fiżiċi tan-network. Fejn il-qafas fundamentali tas-suq ikun għadu mhux applikabbli, dik il-korrezzjoni ma jkollha l-ebda mertu miżjud.

(51)

Barra minn hekk, id-dispaċċ mill-ġdid isir fil-Greċja kontinentali bl-użu tal-offerti ta’ bbilanċjar, f’konformità mal-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) 2019/943. In-nuqqas ta’ swieq tal-ibbilanċjar fi Kreta għad-durata tad-deroga għalhekk ma jippermettix l-integrazzjoni fil-metodoloġija Griega ta’ dispaċċ mill-ġdid.

(52)

Konsegwentement għall-premessi (49), (50) u (51), l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2019/943, de facto, mhux se jkun applikabbli. Madankollu, il-Kummissjoni m’għandhiex is-setgħa tadotta deċiżjoni fir-rigward ta’ dik id-dispożizzjoni u għalhekk mhix se tagħti deroga formali f’dak ir-rigward.

(53)

Skont il-mudell ibridu, fi Kreta, l-operatur tas-Sistema ta’ Trażmissjoni Griega IPTO S.A. mhux se jakkwista servizzi ta’ bbilanċjar u servizzi anċillari mhux tal-frekwenza f’konformità mal-Artikolu 40(4) sa (7) tad-Direttiva (UE) 2019/944, bħala riżultat tad-deroga mill-Artikoli 6 u 7(1) tar-Regolament (UE) 2019/943.

(54)

Għalhekk id-deroga hija applikabbli biss għal Kreta.

5.4.   L-ebda xkiel għat-tranżizzjoni lejn enerġija rinnovabbli, aktar flessibbiltà, ħżin tal-enerġija, elettromobbiltà u rispons għad-domanda

(55)

Skont il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 64(1) tar-Regolament (UE) 2019/943, deċiżjoni ta’ deroga għandha tiżgura li ma tostakolax it-tranżizzjoni lejn l-enerġija rinnovabbli, aktar flessibbiltà, ħżin tal-enerġija, elettromobbiltà u rispons tad-domanda.

(56)

Sakemm kien hemm mill-inqas interkonnessjoni parzjali mal-Greċja kontinentali, ġew applikati limitazzjonijiet tekniċi għal Kreta, li jimponu penetrazzjoni massima ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għal 25 % tat-tagħbija, minħabba restrizzjonijiet tas-sigurtà operazzjonali. It-tlestija tal-Fażi I se ttaffi dik il-limitazzjoni imposta fuq l-enerġija rinnovabbli. Il-mudell ibridu jippermetti lil Kreta tesporta l-elettriku tagħha f’każ ta’ ġenerazzjoni b’tagħbija baxxa u ġenerazzjoni għolja ta’ enerġiji rinnovabbli, sabiex jiġi evitat it-tnaqqis tal-enerġija rinnovabbli.

(57)

Rigward iż-żieda fil-flessibbiltà, il-ħżin tal-enerġija u r-rispons għad-domanda, il-possibbiltà li jiġu offruti servizzi ta’ flessibbiltà, inkluż il-ħżin, biex isostnu s-sistema elettrika tiddependi mill-kwalità tas-sinjali tal-prezz u mill-kapaċità tagħhom li jipprovdu investiment effiċjenti u inċentivi ta’ dispaċċ lil dawk il-fornituri tas-servizz. Bħala regola, il-konġestjoni strutturali f’żona tal-offerti, li se tkun il-każ matul il-perjodu tranżizzjonali mill-Fażi I għall-Fażi II, tista’ tirriżulta f’sinjali ta’ investiment distorti għal servizzi ta’ flessibbiltà speċifiċi għall-post. Madankollu, f’approċċ ta’ żewġ żoni tal-offerti għal Kreta u għall-Greċja kontinentali, is-sinjal ta’ investiment ikun instabbli ħafna, minħabba l-perjodu ta’ żmien għat-tlestija ta’ Fażi II u l-interkonnessjoni sħiħa ta’ Kreta mal-Greċja kontinentali, li se ttaffi l-konġestjoni strutturali. Għalhekk, peress li l-konnessjoni mal-kontinent se tippermetti provvista ta’ servizzi ta’ flessibbiltà bbażata fuq is-suq, deroga għal żmien qasir li tippermetti integrazzjoni rapida ta’ Kreta fis-sistema kontinentali hija ta’ benefiċċju għall-integrazzjoni tar-rispons għad-domanda, tal-ħżin tal-enerġija u ta’ sorsi oħra ta’ flessibbiltà.

(58)

L-Artikolu 64 tar-Regolament (UE) 2019/943 ma jirrikjedix deċiżjonijiet ta’ deroga biex jiġi mmassimizzat il-potenzjal għall-flessibbiltà jew għall-ħżin tal-enerġija, iżda biss biex ikun hemm l-għan li jiġi żgurat li d-deroga ma xxekklux. Fi kliem ieħor, id-deroga ma għandhiex tipprevjeni żviluppi li, mingħajr id-deroga, iseħħu b’mod naturali. F’dak ir-rigward, l-istatus temporanju tad-deroga, u t-tħejjija għal operazzjoni sħiħa tas-suq malli titlesta l-Fażi II, huma ta’ importanza kbira.

(59)

Għalhekk, filwaqt li d-deroga ma xxekkilx it-tranżizzjoni lejn flessibbiltà akbar inkluż il-ħżin tal-enerġija, huwa importanti li titqies il-ħtieġa li jkun hemm sinjali ta’ investiment xierqa u l-impatt tad-deroga fuq il-ħżin possibbli jew investimenti oħra ta’ flessibbiltà.

(60)

Minħabba l-aspett tranżizzjonali tiegħu, il-mudell ibridu ma għandu l-ebda impatt notevoli fuq l-iżvilupp ulterjuri tal-enerġija rinnovabbli, il-flessibbiltà, il-ħżin tal-enerġija, l-elettromobbiltà u r-rispons għad-domanda.

(61)

Skont l-Artikolu 64(1) tar-Regolament (UE) 2019/943, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi sa liema punt id-deroga għandha tqis l-applikazzjoni tal-kodiċijiet u l-linji gwida tan-network. Ħlief għad-dispożizzjonijiet affettwati mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga spjegati fit-taqsima 5.3 hawn fuq, il-kodiċijiet u l-linji gwida tan-network huma applikabbli għal Kreta.

5.5.   Limitazzjoni tad-deroga fiż-żmien u l-kundizzjonijiet li għandhom l-għan li jżidu l-kompetizzjoni u l-integrazzjoni mas-suq intern tal-elettriku

(62)

L-Artikolu 64 tar-Regolament (UE) 2019/943 jistipula b’mod espliċitu li d-deroga għandha tkun limitata fiż-żmien u li għandha tkun soġġetta għal kundizzjonijiet li għandhom l-għan li jżidu l-kompetizzjoni u l-integrazzjoni mas-suq intern tal-elettriku.

(63)

It-talba għal deroga hija limitata għall-perjodu tranżizzjonali li jestendi sa mhux aktar tard minn tmiem l-2023.

(64)

Huwa mifhum, li sa tmiem l-2023, l-interkonnettur bejn Kreta u s-sistema kontinentali Griega huwa mistenni li jkun operazzjonali, flimkien mal-infrastruttura xierqa tal-kejl li tippermetti lil Kreta ssir parti mis-swieq tal-elettriku bl-ingrossa Griegi. Kwalunkwe dewmien ieħor ikun jeħtieġ talba għal deroga ġdida.

5.6.   Il-ħin tal-effett

L-Applikazzjoni waslet qabel it-tlestija tal-Fażi I. Sabiex jiġu evitati bidliet rapidi u imprevedibbli tal-qafas regolatorju, li jistgħu jagħmlu ħsara serja lill-funzjonament tas-suq fil-gżira ta’ Kreta u possibbilment fil-Greċja kontinentali, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tapplika mid-data tal-bidu tat-tħaddim tal-Fażi I.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Tingħata deroga lir-Repubblika Ellenika mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 6, 7(1), 8(1) u (4), 9, 10 u 11 tar-Regolament (UE) 2019/943 u mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 40(4) sa (7) tad-Direttiva (UE) 2019/944, fir-rigward ta’ Kreta.

Artikolu 2

Id-deroga mogħtija skont l-Artikolu 1 għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2023 jew sat-tlestija tal-Fażi II tal-interkonnessjoni bejn Kreta u l-Greċja kontinentali, skont liema tiġi l-ewwel.

Artikolu 3

Ir-Repubblika Ellenika għandha tinforma lill-Kummissjoni Ewropea sa tmiem l-2022 dwar il-progress u l-ippjanar li jifdal lejn it-tlestija u l-operat kummerċjali tal-Fażi II tal-interkonnessjoni bejn Kreta u l-Greċja kontinentali, inkluż fir-rigward tal-iskjerament u t-tħaddim tal-infrastruttura tal-kejl adegwata li tippermetti l-parteċipazzjoni ta’ Kreta fis-suq Grieg tal-operaturi u tal-ibbilanċjar.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Frar 2022.

Għall-Kummissjoni

Kadri SIMSON

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 158, 14.6.2019, p. 54.

(2)   ĠU L 158, 14.6.2019, p. 125.

(3)  https://ec.europa.eu/energy/sites/ener/files/documents/derogation_decisions2020v1.pdf

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/536/UE tal-14 ta’ Awwissu 2014 li tagħti deroga lir-Repubblika Ellenika minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 248, 22.8.2014, p. 12).

(5)  Id-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 55).

(6)  L-Artikolu 137 A tal-Liġi 4001/2011 (Gazzetta tal-Gvern Α 179/22.8.2011).

(7)  Ara l-Artikolu 108B tal-Liġi 4001/2011 (Il-Gazzetta tal-Gvern Α 179/22.8.2011) kif miżjud mill-Artikolu 106 tal-Liġi 4821/2021 (Il-Gazzetta tal-Gvern A 134/31.7.2021).

(8)  Skont l-Artikolu 108C tal-Liġi 4001/2011 kif miżjud mill-Artikolu 107 tal-Liġi 4821/2021, l-Operatur tas-Sistema ta’ Trażmissjoni Grieg IPTO S.A. kien obbligat jopera bis-sħiħ l-interkonnessjoni ta’ Kreta (Fażi I) sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2021. Madankollu, din id-data ġiet posposta għall-1 ta’ Novembru 2021 bid-Deċiżjoni RAE Nru 734/28.9.2021 (Gazzetta tal-Gvern B 4633/6.10.2021).

(9)  Il-Greċja ma talbitx deroga mill-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) 2019/943 (ċertifikazzjoni tal-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni) jew mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VI tad-Direttiva (UE) 2019/944 (separazzjoni tal-Operaturi tas-Sistemi tat-Trażmissjoni). Fil-fatt, il-Greċja tiddikjara li l-assi b’vultaġġ għoli fuq il-gżira ta’ Kreta, li llum huma proprjetà ta’ PPC u operati minn HEDNO S.A., se jiġu trasferiti lill-operatur tas-sistema tat-Trażmissjoni IPTO S.A., li mbagħad jeżerċita s-sjieda u l-operat fuq dawk l-assi. Dan it-trasferiment seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2021, qabel il-bidu tal-operazzjoni kummerċjali tal-Fażi I tal-interkonnettur bejn Kreta u s-sistema kontinentali Griega.

(10)  Tweġibiet mhux kunfidenzjali huma disponibbli fuq is-sit web tal-RAE

(11)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 tal-24 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi linji gwida dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità u l-ġestjoni tal-konġestjoni (ĠU L 197, 25.7.2015, p. 24).