Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

16 ta’ Lulju 2026 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal rimedju effettiv – Applikabbiltà – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi mekkaniżmu ta’ responsabbiltà in solidum tad-direttur ta’ kumpannija għall-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) dovuta minn din il-kumpannija – Effett vinkolanti tal-konstatazzjonijiet ta’ fatt u tal-klassifikazzjonijiet ġuridiċi fl-avviż ta’ stima fiskali definittiv – Possibbiltà għad-direttur li jikkontesta, b’mod inċidentali, dan l-avviż ta’ stima fiskali maħruġ fir-rigward tal-imsemmija kumpannija – Rispett tad-drittijiet tad-difiża”

Fil-Kawża C‑158/25,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation du Grand-Duché de Luxembourg (il-Qorti tal-Kassazzjoni tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu), permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Frar 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Frar 2025, fil-proċedura

QJ

vs

Administration de l’enregistrement, des domaines et de la TVA (AEDT),

État du Grand-Duché de Luxembourg,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, T. von Danwitz, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tal-Ewwel Awla, A. Kumin, S. Gervasoni u M. Bošnjak (Relatur), Imħallfin,

Avukata Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: C. Di Bella, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑4 ta’ Diċembru 2025,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal QJ, minn N. Le Gouellec u Y. Prussen, avukati,

–        għall-Gvern Lussemburgiż, minn A. Germeaux u T. Schell, bħala aġenti, assistiti minn F. Gabaudan u A. Moro, avukati,

–        għall-Gvern Spanjol, minn M. Morales Puerta u A. Pérez‑Zurita Gutiérrez, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, D. Lutostańska, B. Rogowska‑Rajda u J. Sawicka, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Carlin, M. Herold u F. Moro, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑5 ta’ Marzu 2026,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 u tal-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, QJ, persuna fiżika, u, min-naħa l-oħra, l-Administration de l’enregistrement, des domaines et de la TVA (l-Amministrazzjoni tar-Reġistrazzjoni, tal-Artijiet u tal-VAT, il-Lussemburgu) (iktar ’il quddiem l-“AEDT”) u l-État du Grand-Duché de Luxembourg (l-Istat tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu) dwar deċiżjoni ta’ kjamata in garanzija adottata kontra QJ sabiex tiġi rkuprata t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) dovuta minn kumpannija li dan tal-aħħar kien id-direttur tagħha.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 It-Trattat FUE

3        L-Artikolu 325(1) TFUE jipprovdi:

“L-Unjoni [Ewropea] u l-Istati Membri għandhom jikkumbattu l-frodi u l-attivitajiet illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji ta’ l-Unjoni permezz ta’ miżuri, li jittieħdu skond dan l-Artikolu u li jservu ta’ deterrent kif ukoll li jkunu tali li joffru protezzjoni effettiva fl-Istati Membri, kif ukoll fl-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni.”

 Il-Karta

4        L-Artikolu 47 tal-Karta, intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali”, jipprevedi:

“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata.

Għandha tingħata għajnuna legali lil dawk li ma jkollhomx mezzi biżżejjed, fil-każijiet fejn din l-għajnuna hija meħtieġa sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja.”

5        L-Artikolu 51 tal-Karta, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji ta’ l-Unjoni fir-rispett tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni. Huma għandhom għaldaqstant jirrispettaw id-drittijiet, josservaw il-prinċipji u jippromwovu l-applikazzjoni tagħhom, skond il-kompetenzi rispettivi tagħhom u fir-rispett tal-limiti tal-kompetenzi ta’ l-Unjoni kif mogħtija lilha fit-Trattati.

2.      Il-Karta ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi ta’ l-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi ta’ l-Unjoni jew ma tistabbilixxi ebda setgħa jew kompitu ġdid għall-Unjoni, u ma timmodifikax il-kompetenzi u l-kompiti definiti fit-Trattati.”

 Id-Direttiva 2006/112/KE

6        L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60), jiddetermina t-tranżazzjonijiet suġġetti għall-VAT.

7        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 273 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi oħrajn li jidhrulhom meħtieġa biex jiżguraw il-ġbir korrett ta’ VAT u biex ma ssirx frodi, soġġett għall-ħtieġa ta’ trattament indaqs bejn transazzjonijiet domestiċi u transazzjonijiet li jsiru bejn Stati Membri minn persuni taxxabbli u sakemm dawn l-obbligi, fin-negozju bejn Stati Membri, ma jagħtux lok għal formalitajiet konnessi mal-qsim ta’ fruntieri.”

 Id-dritt Lussemburgiż

8        Il-Liġi tat‑12 ta’ Frar 1979 dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (Mémorial A 1979, p. 186), kif emendata bil-Liġi tat‑23 ta’ Diċembru 2016 li timplimenta r-Riforma Fiskali 2017 (Mémorial A 2016, p. 5139) (iktar ’il quddiem il-“LTVA”), tipprevedi, fl-Artikolu 67‑1 tagħha:

“Il-managing directors, il-managers, kif ukoll kull direttur de iure jew de facto li jieħu ħsieb l-amministrazzjoni ta’ kuljum tal-persuni responsabbli għall-ħlas [tal-VAT] huma obbligati jiżguraw l-osservanza tal-obbligi legali previsti f’din il-liġi u, b’mod partikolari, l-obbligu li titħallas [il-VAT] mir-riżorsi finanzjarji li huma responsabbli li jamministraw.”

9        Skont l-Artikolu 67‑2 ta’ din il-liġi:

“Il-managing directors, il-managers, kif ukoll kull direttur de iure jew de facto li jieħu ħsieb l-amministrazzjoni ta’ kuljum, huma personalment u in solidum responsabbli għall-ħlas [tal-VAT] dovuta meta, minħabba li jkunu naqsu kolpożament li jeżegwixxu l-obbligi legali tagħhom, l-obbligi legali li din il-liġi timponi fuq il-persuni responsabbli għall-ħlas [tal-VAT] li huma jamministraw ma jkunux ġew osservati jew meta l-VAT dovuta ma tkunx tħallset mir-riżorsi finanzjarji li huma responsabbli li jamministraw.”

10      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 67‑3(1) tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“Fil-każ li l-managing directors, il-managers jew kull direttur de iure jew de facto li jieħu ħsieb l-amministrazzjoni ta’ kuljum jonqsu kolpożament milli jeżegwixxu l-obbligi legali imposti fuqhom, id-Direttur tal-Amministrazzjoni tar-Reġistrazzjoni u tal-Artijiet jew id-delegat tiegħu jista’ joħroġ, kontra dawn il-persuni, deċiżjoni ta’ kjamata in garanzija (guarantee call). Din id-deċiżjoni tagħti lill-amministrazzjoni d-dritt li tirkupra, mingħand l-imsemmija persuni, [il-VAT] dovuta mill-persuni responsabbli għall-ħlas [tal-VAT].”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      Fis‑17 ta’ Marzu 2018, l-AEDT ħarġet żewġ avviżi ta’ stima tal-VAT, wieħed għas-sena 2014, l-ieħor għas-snin 2015 u 2016, fir-rigward tal-kumpannija VN. Ir-rikors ippreżentat minn din tal-aħħar kontra dawn l-avviżi ġie ddikjarat inammissibbli minħabba li ġie ppreżentat tardivament. Sussegwentement, il-kumpannija VN baqgħet ma ħallsitx l-ammonti ta’ VAT dovuti għas-snin 2014 sa 2016.

12      Mit‑22 ta’ April 2013 sal‑15 ta’ Frar 2019, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali qeda l-funzjonijiet tiegħu bħala direttur tal-kumpannija VN, responsabbli għall-amministrazzjoni ta’ kuljum tagħha. Fis‑16 ta’ Mejju 2019, l-AEDT indirizzat lilu deċiżjoni ta’ kjamata in garanzija, ibbażata fuq l-Artikoli 67‑1 sa 67‑3 tal-LTVA (iktar ’il quddiem il-“mekkaniżmu ta’ kjamata in garanzija inkwistjoni”), li żammitu responsabbli, fil-kwalità tiegħu ta’ direttur responsabbli għall-amministrazzjoni ta’ kuljum tal-kumpannija VN bejn is-sena 2013 u s-sena 2019, għall-ammonti tal-VAT li kienu baqgħu ma tħallsux.

13      Wara li d-Direttur tal-AEDT ċaħad l-ilment li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kien ressaq kontra d-deċiżjoni ta’ kjamata in garanzija, dan tal-aħħar adixxa lit-tribunal d’arrondissement de Luxembourg (il-Qorti Distrettwali tal-Lussemburgu) b’rikors li jfittex li tiġi rriformata, jew inkella annullata, din id-deċiżjoni. Dik il-qorti ċaħdet ir-rikors tar-rikorrent fil-kawża prinċipali permezz ta’ sentenza li ġiet ikkonfermata mill-Cour d’appel (il-Qorti tal-Appell, il-Lussemburgu).

14      Adita b’appell ta’ kassazzjoni ppreżentat mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, il-Cour de cassation du Grand-Duché de Luxembourg (il-Qorti tal-Kassazzjoni tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu), li hija l-qorti tar-rinviju, tirrileva li, quddiem il-qorti tal-appell, dan tal-aħħar kien ikkontesta l-eżistenza ta’ dejn fiskali tal-kumpannija VN. B’mod partikolari, huwa kien sostna li, fil-kwalità tiegħu ta’ kjamat in garanzija għall-ħlas tal-avviżi ta’ stima fiskali maħruġa kontra l-kumpannija li huwa kien direttur tagħha, huwa kellu rimedju ġudizzjarju taħt il-forma ta’ proċedura ta’ oppożizzjoni minn terzi, li tibqa’ waħda ammissibbli billi dawn l-avviżi ma kinux ġew indirizzati lilu personalment. Fil-fehma tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, il-fatt li ġie rrifjutat il-possibbiltà li jippreżenta rikors f’ismu kien inkompatibbli mal-Artikolu 47 tal-Karta.

15      Il-qorti tal-appell allegatament ċaħdet l-argumenti tar-rikorrent fil-kawża prinċipali minħabba li, fin-nuqqas ta’ rikors ippreżentat validament mill-kumpannija VN fit-termini legali, l-avviżi ta’ stima fiskali kienu saru definittivi u ma setgħux jiġu kkontestati iktar.

16      Fil-fehma ta’ din il-qorti tal-appell, ebda dispożizzjoni ma tipprevedi li persuna li tkun is-suġġett ta’ kjamata in garanzija tista’ tippreżenta rikors kontra l-avviż ta’ stima fiskali maħruġ fir-rigward tal-persuna taxxabbli prinċipali. Peress li, fil-fehma tagħha, dan l-avviż sar definittiv, ma jistax jiġi kkontestat b’mod inċidentali mid-direttur kjamat in garanzija fil-kuntest tal-proċedura ta’ ħlas li nbdiet kontrih. Fil-fatt, minn naħa, il-kjamat in garanzija huwa l-istess persuna li rrappreżentat lill-persuna ġuridika fil-kuntest tal-proċedura għad-determinazzjoni tad-dħul mill-bejgħ taxxabbli u, min-naħa l-oħra, huwa kellu, f’din il-kwalità, il-possibbiltà li jipparteċipa f’din il-proċedura u li jibbenefika minn rimedju kontra l-istima fiskali ex officio. Billi r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma kellux huwa stess il-kwalità ta’ persuna suġġetta għall-VAT, l-AEDT ma kinitx obbligata, fil-fehma tagħha, tindirizza lilu personalment l-avviżi ta’ stima fiskali u lanqas li tinvolvih, f’din il-kwalità, fil-proċedura ta’ stima fiskali ex officio peress li huwa kellu l-possibbiltà li jipparteċipa fiha fil-kwalità tiegħu ta’ direttur u peress li r-rikors tal-kumpannija kien ġie ppreżentat tardivament.

17      Barra minn hekk, billi, fil-fehma tagħha, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kien terz fil-proċedura ta’ stima fiskali ex officio, huwa ma seta’ jinvoka ebda ksur tad-drittijiet fundamentali li seta’ sar fil-kuntest ta’ din il-proċedura li kienet inbdiet kontra l-kumpannija VN. Id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jirregolaw it-tilwima fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari l-Artikoli 67‑1 et seq. tal-LTVA, ma jikkostitwixxux, fil-fehma tagħha, implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hekk li, skont l-Artikolu 51 tal-Karta, l-Artikolu 47 tagħha ma japplikax.

18      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva, minn naħa, li l-proċeduri fiskali li nbdew kontra r-rikorrent fil-kawża prinċipali joriġinaw minn nuqqasijiet mill-obbligi legali tal-VAT li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni ta’ kjamata in garanzija, dan tal-aħħar inżamm responsabbli għalihom fil-kwalità tiegħu ta’ direttur li jieħu ħsieb l-amministrazzjoni ta’ kuljum tal-kumpannija VN. F’dan il-kuntest, dik il-qorti għandha dubju jekk il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105), li tgħid li mid-Direttiva 2006/112 jirriżulta li kull Stat Membru għandu l-obbligu li jieħu kull miżura leġiżlattiva u amministrattiva xierqa sabiex jiggarantixxi l-ġbir tal-VAT kollha dovuta fit-territorju tiegħu u sabiex jiġġieled il-frodi, tistax tapplika għal mekkaniżmu li jistabbilixxi r-responsabbiltà in solidum tad-diretturi ta’ kumpannija minħabba n-nuqqas kolpuż tagħhom li jeżegwixxu l-obbligi imposti fuqhom, u għall-ħlas tal-VAT dovuta mill-kumpannija li huma jmexxu, hekk li jkun hemm lok li tiġi rrikonoxxuta l-applikabbiltà tal-Artikolu 47 tal-Karta.

19      Min-naħa l-oħra, jekk kemm‑il darba japplika l-Artikolu 47 tal-Karta, il-qorti tar-rinviju tirrileva li fis-sentenza tagħha tad‑9 ta’ Settembru 2021, Adler Real Estate et (C‑546/18, EU:C:2021:711), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet minn dan l-Artikolu 47 li ma jistax jiġi invokat kontra persuna fiżika, li kienet is-suġġett ta’ proċedura sussegwenti, l-effett vinkolanti ta’ deċiżjoni li tkun saret waħda definittiva u li tkun ġiet adottata fil-kuntest ta’ proċedura preċedenti mibdija kontra persuna ġuridika, li fiha din il-persuna fiżika tkun ipparteċipat mhux bħala parti, iżda biss bħala rappreżentant ta’ din il-persuna ġuridika. Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dik is-sentenza, hija għandha dubju jekk id-diretturi ta’ kumpannija għandhomx ikollhom il-possibbiltà li, l-ewwel nett, jikkontestaw, b’mod inċidentali, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat kontra l-att amministrattiv li jikkonstata r-responsabbiltà in solidum tagħhom, l-avviż ta’ stima fiskali preċedentement indirizzat lill-kumpannija taxxabbli, it-tieni, jinvokaw kwalunkwe ksur tad-drittijiet fundamentali li seta’ sar fil-kuntest tal-proċedura ta’ stima fiskali ex officio mibdija kontra din il-kumpannija u, it-tielet, jitolbu li l-avviż ta’ stima fiskali jiġi kkomunikat lilhom personalment jew li jipparteċipaw personalment fil-proċedura ta’ stima fiskali.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation du Grand-Duché de Luxembourg (il-Qorti tal-Kassazzjoni tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      Il-[Karta], u b’mod partikolari l-Artikolu 47 tagħha, huma applikabbli, fid-dawl tal-kriterji tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 [tagħha], [għal-leġiżlazzjoni nazzjonali] [li tistabbilixxi] obbligu [responsabbiltà] in solidum tad-diretturi tal-kumpannija, għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni kolpuża tal-obbligi li jaqgħu fuqhom, għall-ħlas tal-VAT dovuta mill-kumpannija li jmexxu?

(2)      F’każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda, l-Artikolu 47 tal-Karta għandu jiġi interpretat bħala li jagħti lid-diretturi li jkunu s-suġġett ta’ talba għall-eżekuzzjoni ta’ garanzija l-possibbiltà li jikkontestaw b’mod inċidentali, fil-kuntest ta’ appell li huwa miftuħ għalihom skont id-dritt nazzjonali kontra l-att amministrattiv li jikkonstata l-obbligu in solidum tagħhom, ir-rendikont tat-tassazzjoni ex officio tal-VAT ikkomunikat preċedentement lill-kumpannija u li kontrih il-kumpannija ma ppreżentatx appell fi żmien xieraq?

(3)      F’każ ta’ risposta pożittiva għat-tieni domanda, l-Artikolu 47 tal-Karta għandu jiġi interpretat bħala li jillimita l-motivi li d-diretturi jistgħu jinvokaw fil-kuntest tal-kontestazzjoni inċidentali tar-rendikont tat-tassazzjoni ex officio kkomunikat lill-kumpannija taxxabbli jew bħala li jinkludi l-motivi kollha, inkluż il-motivi relatati mal-iffissar tad-dejn tal-VAT, bħall-konstatazzjonijiet ta’ fatt li wasslu għad-deċiżjoni amministrattiva tat-tassazzjoni ex officio li ħarġet kontra l-kumpannija taxxabbli, u l-motivi purament personali, bħal eventwali ksur tad-drittijiet fundamentali mwettaq fil-kuntest tal-proċedura ta’ tassazzjoni ex officio fir-rigward ta’ dawn id-diretturi?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

21      Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli hekk li din tal-aħħar tkun tista’ taqta’ t-tilwima li jkollha quddiemha. Fid-dawl ta’ dan, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha, jekk ikun il-każ, tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Novembru 2000, Roquette Frères, C‑88/99, EU:C:2000:652, punt 18, kif ukoll tat‑18 ta’ Diċembru 2025, SACD et, C‑182/24, EU:C:2025:979, punt 44, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

22      F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li r-rikorrent qiegħed jikkontesta, quddiem il-qorti tar-rinviju, id-deċiżjoni ta’ kjamata in garanzija, billi jinvoka motivi bbażati fuq l-irregolarità tal-avviż ta’ stima fiskali indirizzat lill-kumpannija taxxabbli li huwa qiegħed jinżamm responsabbli għad-dejn tal-VAT tagħha.

23      Għalhekk, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 47 u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 51(1) tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li r-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt għal rimedju effettiv, stabbilit f’dan l-Artikolu 47, japplikaw fil-kuntest ta’ rikors ġudizzjarju ppreżentat mid-direttur ta’ kumpannija, kjamat in garanzija, kontra deċiżjoni ta’ kjamata in garanzija adottata taħt leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, fil-każ li dan tal-aħħar jonqos kolpożament milli jeżegwixxi l-obbligi legali tal-VAT tiegħu, huwa għandu jinżamm responsabbli in solidum għall-ħlas tal-VAT dovuta minn din il-kumpannija.

24      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta huwa ddefinit fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 51(1) tagħha, li jipprovdi li, fejn tidħol l-azzjoni tal-Istati Membri, id-dispożizzjonijiet tal-Karta japplikaw għalihom biss meta dawn ikunu qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. Id-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni japplikaw għalhekk fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn tali sitwazzjonijiet (sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 19, kif ukoll tad‑29 ta’ Lulju 2024, protectus, C‑185/23, EU:C:2014:657, punti 40 u 41).

25      Il-kunċett ta’ “implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jippreżupponi l-eżistenza ta’ rabta bejn att tad-dritt tal-Unjoni u l-miżura nazzjonali inkwistjoni li tmur lil hinn mill-fatt li s-suġġetti kkonċernati jkunu qrib xulxin jew li wieħed minn dawn is-suġġetti jkollu effett indirett fuq l-ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 2014, Siragusa, C‑206/13, EU:C:2014:126, punt 24, u tat‑12 ta’ Settembru 2024, Syndyk Masy Upadłości A, C‑709/22, EU:C:2024:741, punt 62).

26      Sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura nazzjonali taqax fl-iskop ta’ tali “implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”, għandu jiġi vverifikat, inter alia, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhiex l-għan li timplimenta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandha tiġi vverifikata n-natura ta’ din il-leġiżlazzjoni, għandu jiġi vverifikat jekk din tal-aħħar tfittixx li tilħaq għanijiet oħra minbarra dawk koperti mid-dritt tal-Unjoni, imqar jekk din tkun tista’ taffettwa indirettament lil dan tal-aħħar, u għandu jiġi vverifikat ukoll jekk teżistix leġiżlazzjoni tad-dritt tal-Unjoni speċifika fil-qasam jew li tista’ taffettwah (sentenzi tat‑8 ta’ Novembru 2012, Iida, C‑40/11, EU:C:2012:691, punt 79, kif ukoll tal‑10 ta’ Lulju 2025, DADA Music u UPFR, C‑37/24, EU:C:2025:551, punt 50).

27      F’dan ir-rigward, jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikoli 2 u 273 tad-Direttiva 2006/112, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE u mal-Artikolu 325(1) TFUE, li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jieħdu kull miżura leġiżlattiva u amministrattiva xierqa sabiex jiġi ggarantit il-ġbir tal-VAT kollha dovuta fit-territorju tagħhom u sabiex tiġi evitata l-frodi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Ottubru 2022, Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika”, C‑1/21, EU:C:2022:788, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑3 ta’ April 2025, Cityland, C‑164/24, EU:C:2025:241, punt 34).

28      Fil-fatt, skont l-Artikolu 2(1)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tas‑26 ta’ Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 168, p. 105), ir-riżorsi tal-Unjoni jinkludu, b’mod partikolari, id-dħul mill-applikazzjoni ta’ rata uniformi għall-bażi armonizzata tal-VAT iddeterminata skont ir-regoli tal-Unjoni. Għaldaqstant, teżisti rabta diretta bejn il-ġbir tad-dħul mill-VAT b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni applikabbli u d-disponibbiltà lill-baġit tal-Unjoni tar-riżorsi mill-VAT korrispondenti, billi kull nuqqas fil-ġbir ta’ dawn tal-ewwel potenzjalment jikkawża tnaqqis f’tat-tieni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 26, u tat‑13 ta’ Ottubru 2022, Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika”, C‑1/21, EU:C:2022:788, punt 58).

29      F’dan il-każ, jidher li l-mekkaniżmu ta’ kjamata in garanzija inkwistjoni huwa marbut man-nuqqas minn obbligi legali tal-VAT. Fil-fatt, dan il-mekkaniżmu jagħmilha possibbli għall-amministrazzjoni fiskali nazzjonali li tirkupra l-VAT dovuta minn persuna ġuridika taxxabbli mingħand managing directors, managers u kull direttur de iure jew de facto li jieħu ħsieb jew li jkun ħa ħsieb l-amministrazzjoni ta’ kuljum ta’ din il-persuna ġuridika. F’dan ir-rigward, it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 67‑3(1) tal-LTVA tipprevedi li d-deċiżjoni ta’ kjamata in garanzija “tagħti lill-amministrazzjoni d-dritt li tirkupra, mingħand l-imsemmija persuni, [il-VAT] dovuta mill-persuni responsabbli għall-ħlas [tal-VAT]”.

30      Għandu jiġi kkonstatat li tali mekkaniżmu jfittex li jiżgura l-irkupru tal-VAT li ma tkunx tħallset minn persuna ġuridika taxxabbli u jgħin sabiex jiġi osservat l-obbligu, imfakkar fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, impost fuq kull Stat Membru li jieħu kull miżura leġiżlattiva u amministrattiva xierqa sabiex jiggarantixxi l-ġbir tal-VAT kollha dovuta fit-territorju tiegħu u sabiex jiġġieled il-frodi, u dan kif jitolbu, b’mod partikolari, l-Artikolu 325(1) TFUE u l-Artikolu 273 tad-Direttiva 2006/112.

31      Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 27 u 28 ta’ din is-sentenza, għandu jitqies li dan il-mekkaniżmu jaqa’ fl-iskop tal-implimentazzjoni, b’mod partikolari, tal-Artikolu 273 tad-Direttiva 2006/112 u, konsegwentement, li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, billi waqqaf u billi japplika dan il-mekkaniżmu, qiegħed jimplimenta d-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta.

32      L-argument tal-Gvern Lussemburgiż li, sabiex jikkontesta l-applikabbiltà tal-Karta fil-kawża prinċipali, isostni li l-għan tal-mekkaniżmu ta’ kjamata in garanzija inkwistjoni ma huwiex li tinġabar il-VAT kollha dovuta mill-kumpannija taxxabbli, iżda li jiġi kkumpensat id-dannu mġarrab mill-amministrazzjoni fiskali nazzjonali minħabba l-aġir kolpuż imputabbli lid-direttur ta’ din il-kumpannija, ma jwaqqax dubju fuq din il-konstatazzjoni.

33      Fil-fatt, kif irrilevat, essenzjalment, l-Avukata Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tagħha, kull miżura nazzjonali għall-irkupru, totali jew parzjali, tal-VAT li ma tkunx tħallset minn persuna taxxabbli, sew jekk mingħand din il-persuna jew mingħand terz, għandha titqies li tgħin fil-ġbir korrett tal-VAT u, jekk ikun il-każ, fil-ġlieda kontra l-frodi. Il-fatt, allegat mill-Gvern Lussemburgiż, li tali miżura tintroduċi każ speċifiku ta’ responsabbiltà ċivili u ma tagħmilx parti, fid-dritt nazzjonali, minn sistema ta’ sanzjonijiet fiskali huwa irrilevanti f’dan ir-rigward.

34      B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat, f’kuntest fattwali u ġuridiku li jixbah dak tal-kawża prinċipali, li mekkaniżmu ta’ responsabbiltà in solidum li jipprevedi, minn naħa, li d-direttur ta’ kumpannija jsir responsabbli in solidum għad-djun tal-VAT kollha tagħha jew parti minnhom, indipendentement mit-tranżazzjonijiet taxxabbli kkonċernati, u, min-naħa l-oħra, li din ir-responsabbiltà hija limitata għall-ammont li bih ikun tnaqqas l-attiv ta’ din il-kumpannija minħabba atti li l-persuna indikata bħala responsabbli in solidum tikkommetti mala fide, jgħin fl-irkupru ta’ ammonti ta’ VAT li ma jkunux tħallsu minn persuna ġuridika taxxabbli fit-termini mandatorji previsti fid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112, hekk li jgħin sabiex il-VAT tinġabar korrettament u, jekk ikun il-każ, sabiex tiġi evitata l-frodi, fis-sens tal-Artikolu 273 ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2022, Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno‑osiguritelna praktika”, C‑1/21, EU:C:2022:788, punti 52, 53, 61, 66 u 70).

35      Barra minn hekk, kif ammetta l-Gvern Lussemburgiż waqt is-seduta, id-dannu li jista’ jikkumpensa l-mekkaniżmu ta’ kjamata in garanzija inkwistjoni huwa ekwivalenti għall-ammont tal-VAT li ma tkunx ħallset il-persuna ġuridika taxxabbli.

36      Fit-tieni lok, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rikonoxximent, f’każ partikolari, tad-dritt għal rimedju effettiv previst fl-Artikolu 47 tal-Karta jippreżupponi li l-persuna li tinvokah tkun qiegħda tinvoka drittijiet jew libertajiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jew li din il-persuna tkun is-suġġett ta’ proċeduri li jikkostitwixxu implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt għal rimedju kontra talba għal informazzjoni fi kwistjonijiet fiskali), C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punt 55, kif ukoll tal‑25 ta’ Frar 2025, Sąd Rejonowy w Białymstoku u Adoreikė, C‑146/23 u C‑374/23, EU:C:2025:109, punt 41).

37      Dan ikun il-każ, f’dan ix-xenarju tal-aħħar, li jikkorrispondi għal dak ta’ din il-kawża, meta persuna tikkontesta, fil-kuntest ta’ rikors ġudizzjarju, deċiżjoni amministrattiva li tikkawżalha preġudizzju, adottata abbażi ta’ dispożizzjoni nazzjonali li timplimenta d-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund, C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 50 u tas‑16 ta’ Ottubru 2019, Glencore Agriculture Hungary, C‑189/18, EU:C:2019:861, punt 59).

38      F’dan il-każ, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta rikors ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni ta’ kjamata in garanzija adottata abbażi tal-mekkaniżmu ta’ kjamata in garanzija inkwistjoni li, kif ġie kkonstatat fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, jikkostitwixxi implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta. Dan ifisser li, f’tali ċirkustanzi, japplikaw ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 47 tagħha.

39      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju ma tikkonċernax il-kwistjoni jekk il-proċedura ta’ kjamata in garanzija kontra r-rikorrent fil-kawża prinċipali hijiex suġġetta għar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt għal rimedju effettiv, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, iżda tikkonċerna l-kwistjoni jekk dawn ir-rekwiżiti japplikawx fil-kuntest ta’ rikors ġudizzjarju ppreżentat mir-rikorrent fil-kawża prinċipali kontra deċiżjoni ta’ kjamata in garanzija.

40      Fid-dawl tar-raġunijiet premessi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 47 u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 51(1) tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt għal rimedju effettiv, stabbilit f’dan l-Artikolu 47, japplikaw fil-kuntest ta’ rikors ġudizzjarju ppreżentat mid-direttur ta’ kumpannija, kjamat in garanzija, kontra deċiżjoni ta’ kjamata in garanzija adottata skont leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, jekk dan tal-aħħar jonqos kolpożament milli jeżegwixxi l-obbligi legali tiegħu tal-VAT, huwa għandu jinżamm responsabbli in solidum għall-ħlas tal-VAT dovuta minn din il-kumpannija u dan kif jitolbu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112.

 Fuq it-tieni u t-tielet domanda

41      Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 47 tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tħallix lid-direttur ta’ kumpannija, kjamat in garanzija għall-ħlas ta’ dejn tal-VAT mhux imħallsa minn din il-kumpannija, suġġetta għal din it-taxxa, jikkontesta, b’mod inċidentali, fil-kuntest tar-rikors tiegħu kontra d-deċiżjoni ta’ kjamata in garanzija, l-avviż ta’ stima fiskali li jkun ġie preċedentement indirizzat lill-imsemmija kumpannija u li jkun sar wieħed definittiv. Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din id-domanda, dik il-qorti qiegħda tistaqsi wkoll dwar il-motivi li tali kjamat in garanzija jista’ jinvoka, insostenn tar-rikors tiegħu, fil-kuntest tal-kontestazzjoni inċidentali ta’ dan l-avviż ta’ stima fiskali, b’mod partikolari fejn jidħlu l-bażi u l-ammont tal-VAT mhux imħallsa li l-kjamat in garanzija jkun qiegħed jinżamm responsabbli għalih, kif ukoll kwalunkwe ksur tad-drittijiet fundamentali tal-imsemmija kjamat in garanzija li seta’ sar matul il-proċedura ta’ stima fiskali.

42      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, taħt id-dritt għal rimedju effettiv, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, id-detentur ta’ dan id-dritt għandu jkun jista’ jkollu aċċess għal qorti b’ġurisdizzjoni li tiżgura r-rispett tad-drittijiet iggarantiti lilu mid-dritt tal-Unjoni u li, għal dan il-għan, teżamina l-kwistjonijiet kollha ta’ liġi u ta’ fatt rilevanti sabiex issolvi t-tilwima li jkollha quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt ta’ rimedju kontra talba għal informazzjoni fi kwistjonijiet fiskali) C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑18 ta’ Diċembru 2025, SACD et, C‑182/24, EU:C:2025:979, punt 73).

43      Għandu jitfakkar ukoll li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża ggarantiti fl-Artikolu 47 tal-Karta jimplika li r-rikorrent mhux biss għandu jkun jista’ jkun jaf ir-raġunijiet tad-deċiżjoni li tkun ittieħdet fil-konfront tiegħu, iżda għandu jkollu wkoll aċċess għall-informazzjoni kollha fil-proċess li fuqha tkun qagħdet l-amministrazzjoni, sabiex ikun jista’ effettivament jieħu pożizzjoni fuq din l-informazzjoni (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata), C‑420/22 u C‑528/22, EU:C:2024:344, punt 92, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

44      F’dan il-każ, sa fejn għandu x’jaqsam il-mekkaniżmu ta’ kjamata in garanzija inkwistjoni, mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-responsabbiltà fiskali tal-kjamat in garanzija tippreżupponi l-eżistenza ta’ nuqqas li jkun ikkommetta dan tal-aħħar, ta’ dannu, kif ukoll ta’ rabta kawżali bejn dan in-nuqqas u dan id-dannu. Din ir-responsabbiltà tkopri d-dannu rrappreżentat mill-ammont tad-dejn tal-VAT mhux imħallsa, kif ikkonstatat fl-avviż ta’ stima fiskali li ġie indirizzat lill-kumpannija taxxabbli u li, fil-frattemp, sar wieħed definittiv. Issa, il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli ma tagħtix lill-kjamat in garanzija l-possibbiltà li jippreżenta rikors personali kontra dan l-avviż ta’ stima fiskali u n-natura definittiva tal-imsemmi avviż ta’ stima fiskali ma tħallihx jikkontesta, b’mod inċidentali, fil-kuntest tar-rikors tiegħu kontra d-deċiżjoni ta’ kjamata in garanzija, b’mod partikolari, il-bażi tal-VAT u l-ammont tad-dejn fiskali tal-kumpannija taxxabbli li għalih huwa jkun qiegħed jinżamm responsabbli in solidum.

45      F’dan ir-rigward u fid-dawl tan-natura amministrattiva tad-deċiżjoni ta’ kjamata in garanzija, għandu jitfakkar, barra minn hekk, li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża għandu jiġi ggarantit mhux biss fil-kuntest ta’ kwalunkwe proċedura ġudizzjarja taħt l-Artikolu 47 tal-Karta, iżda wkoll matul il-proċedura amministrattiva li tkun wasslet għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Dan il-prinċipju japplika meta l-awtorità tipproponi li tadotta, fir-rigward ta’ persuna, att li jikkawża preġudizzju lil din tal-aħħar. Bis-saħħa tad-dritt għal smigħ, li jagħmel parti importanti mid-drittijiet tad-difiża, id-destinatarju ta’ deċiżjoni li tkun taffettwa b’mod sinjifikattiv l-interessi tiegħu għandu jkun jista’ jesprimi, b’mod utli u effettiv, il-perspettiva tiegħu fir-rigward tal-informazzjoni li fuqha l-amministrazzjoni tkun biħsiebha toqgħod. Dan l-obbligu jaqa’ fuq l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri meta dawn jieħdu miżuri li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, imqar jekk il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli ma tkunx tipprevedi tali rekwiżit b’mod espliċitu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Ottubru 2019, Glencore Agriculture Hungary, C‑189/18, EU:C:2019:861, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata; tas‑27 ta’ Frar 2025, Adjak, C‑277/24, EU:C:2025:130, punt 51, kif ukoll tas‑6 ta’ Marzu 2025, Obshtina Veliko Tarnovo u Obshtina Belovo, C‑471/23 u C‑477/23, EU:C:2025:155, punt 74, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

46      L-għan tar-regola li d-destinatarju ta’ deċiżjoni li tkun tikkawżalu preġudizzju għandu jkun jista’ jressaq l-osservazzjonijiet tiegħu qabel ma tittieħed din tal-aħħar huwa li l-awtorità kompetenti tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni b’mod effettiv l-informazzjoni rilevanti kollha. Sabiex tiġi żgurata protezzjoni effettiva tal-persuna kkonċernata, hija għandha l-għan li, b’mod partikolari, din tal-aħħar tkun tista’ tikkoreġi żball jew iġġib informazzjoni dwar is-sitwazzjoni personali tagħha li turi li d-deċiżjoni għandha tiġi adottata inkella le, jew li d-deċiżjoni għandu jkollha kontenut speċifiku inkella le (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Ottubru 2019, Glencore Agriculture Hungary, C‑189/18, EU:C:2019:861, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitat; tal‑4 ta’ Ġunju 2020, C.F.(Kontroll fiskali), C‑430/19, EU:C:2020:429, punt 30, kif ukoll tat‑13 ta’ Ġunju 2024, C (Amministraturi u stralċjarji ġudizzjarji), C‑696/22, EU:C:2024:499, punt 108, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

47      Madankollu, il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża ma huwiex prerogattiva assoluta iżda jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet, kemm‑il darba dawn tal-aħħar ikunu jissodisfaw għan wieħed jew iktar ta’ interess ġenerali li tfittex li tilħaq il-miżura inkwistjoni u ma jkunux jikkostitwixxu, fid-dawl tal-għan imfittex, intervent sproporzjonat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Ottubru 2019, Glencore Agriculture Hungary, C‑189/18, EU:C:2019:861, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑27 ta’ Frar 2025, Adjak, C‑277/24, EU:C:2025:130, punt 53).

48      B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, bħala regola ġenerali, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża ma jipprekludix li, fil-kuntest ta’ proċedura fiskali kontra persuna taxxabbli, awtorità fiskali tkun marbuta bil-konstatazzjonijiet ta’ fatt u bil-klassifikazzjonijiet ġuridiċi li hija tkun għamlet fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva konnessa li tkun inbdiet kontra terzi u li din il-persuna taxxabbli ma kinitx parti fiha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2019, Glencore Agriculture Hungary, C‑189/18, EU:C:2019:861, punt 46).

49      Fil-fatt, għall-finijiet tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża fil-kuntest ta’ proċeduri amministrattivi konnessi, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll iċ-ċertezza legali, li hija prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Billi n-natura definittiva ta’ deċiżjoni amministrattiva tgħin iċ-ċertezza legali, id-dritt tal-Unjoni ma jeħtieġx, bħala prinċipju, li korp ikun obbligat jiftaħ mill-ġdid deċiżjoni amministrattiva li tkun saret waħda definittiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2025, Adjak, C‑277/24, EU:C:2025:130, punt 55).

50      Madankollu, dan ma japplikax meta l-persuna kkonċernata tkun, fil-fatt, iċċaħħdet għalkollox mid-dritt li tikkontesta, b’mod utli u effettiv, dawn il-konstatazzjonijiet ta’ fatt u dawn il-klassifikazzjonijiet ġuridiċi matul il-proċedura li hija tkun is-suġġett tagħha. Fil-fatt, tali tiċħid jimmina s-sustanza nnifisha tad-drittijiet tad-difiża ta’ din il-persuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Ottubru 2019, Glencore Agriculture Hungary, C‑189/18, EU:C:2019:861, punti 47 u 49, kif ukoll tas‑27 ta’ Frar 2025, Adjak, C‑277/24, EU:C:2025:130, punt 56).

51      Dan ifisser li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik li twaqqaf il-mekkaniżmu ta’ kjamata in garanzija inkwistjoni tista’ timmina s-sustanza nnifisha tad-drittijiet tad-difiża tal-kjamat in garanzija meta dan tal-aħħar ikun iċċaħħad għalkollox mid-dritt li jikkontesta, b’mod utli u effettiv, il-konstatazzjonijiet ta’ fatt u l-klassifikazzjonijiet ġuridiċi fl-avviż ta’ stima fiskali li jkun sar wieħed definittiv. Fil-fatt, l-avviż ta’ stima fiskali adottat fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva konnessa jikkostitwixxi, għall-finijiet tal-proċedura ta’ kjamata in garanzija, prova maħsuba sabiex tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għar-responsabbiltà in solidum u li l-kjamat in garanzija għandu jkun jista’ jikkontesta.

52      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża fil-kuntest ta’ proċedura ta’ kjamata in garanzija ma jeħtieġx li l-kjamat in garanzija jkun involut, personalment, fil-proċedura ta’ stima fiskali li tkun inbdiet kontra l-persuna ġuridika li huwa jkun qiegħed jinżamm responsabbli in solidum għad-dejn fiskali tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2025, Adjak, C‑277/24, EU:C:2025:130, punti 61, 62 u 64).

53      Bl-istess mod, id-dritt għal rimedju effettiv, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, ma jimplikax neċessarjament li d-detentur ta’ dan id-dritt għandu jkollu rimedju ġudizzjarju dirett li l-għan prinċipali tiegħu jkun li tiġi kkontestata miżura partikolari, iżda biss li l-persuna kkonċernata tingħatalha d-dritt li tikkontesta, quddiem qorti, att li jikkawżalha preġudizzju u li jista’ jimmina d-drittijiet u l-libertajiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni, u dan kemm‑il darba, madankollu, ikunu jeżistu rimedju ġudizzjarju wieħed jew iktar li jippermettulha tikseb, b’mod inċidentali, stħarriġ ġudizzjarju ta’ din il-miżura, hekk li jiġi żgurat ir-rispett tal-imsemmija drittijiet u libertajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ April 2025, L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (Stħarriġ ġudizzjarju tal-atti proċedurali), C‑292/23, EU:C:2025:255, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-qorti adita b’tilwima għandha tiżgura li tali rimedji ġudizzjarji previsti fid-dritt nazzjonali jippermettu li tiġi ggarantita l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni lill-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, The Trustees of the BT Pension Scheme, C‑628/15, EU:C:2017:687, punt 60).

54      L-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta teħtieġ li l-qorti li tistħarreġ il-legalità ta’ deċiżjoni amministrattiva adottata fil-kuntest ta’ proċedura li tikkostitwixxi implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni tkun tista’, inter alia, tivverifika l-legalità, b’mod partikolari fid-dawl tal-Karta u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, tal-mod kif ikunu nkisbu u ntużaw il-provi miġbura matul proċeduri amministrattivi konnessi li jkunu nbdew kontra terzi, u dan sakemm dawn il-provi jkunu utli għad-difiża tal-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2019, Glencore Agriculture Hungary, C‑189/18, EU:C:2019:861, punti 57 u 63).

55      Fil-fatt, kif essenzjalment irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 73 tal-konklużjonijiet tagħha, ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 47 tal-Karta jeħtieġu li l-qorti adita b’tilwima dwar il-legalità ta’ deċiżjoni ta’ kjamata in garanzija adottata abbażi ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma huwa l-mekkaniżmu ta’ kjamata in garanzija inkwistjoni, tkun tista’ tivverifika, fil-kuntest ta’ stħarriġ inċidentali, il-konstatazzjonijiet ta’ fatt kollha u l-klassifikazzjonijiet ġuridiċi kollha li fuqhom tkun ibbażata din id-deċiżjoni, u dan sakemm dawn ikunu deċiżivi għall-eżitu tar-rikors. Dan japplika b’mod partikolari, f’dan il-każ, għall-konstatazzjonijiet ta’ fatt u għall-klassifikazzjonijiet ġuridiċi fl-avviż ta’ stima fiskali li fuqhom l-awtorità kompetenti tkun biħsiebha tibbaża r-responsabbiltà in solidum tad-direttur, inkluż dawk relatati mal-bażi u mal-ammont tal-VAT mhux imħallsa li dan ikun qiegħed jinżamm responsabbli għalih.

56      Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-Gvern Lussemburgiż, il-possibbiltà għall-kjamat in garanzija li jikkontesta, b’mod inċidentali, l-avviż ta’ stima fiskali abbażi tal-Artikolu 47 tal-Karta ma tistax tiddependi mill-kwistjoni jekk, fid-dawl tal-portata tal-mandat tiegħu, id-direttur ta’ kumpannija setax, matul il-proċedura ta’ stima fiskali li tkun inbdiet kontra l-kumpannija taxxabbli jew wara l-adozzjoni tal-avviż ta’ stima fiskali, jikkontesta b’mod utli, fit-terminu stipulat, il-legalità ta’ dan l-avviż ta’ stima fiskali f’isem din il-kumpannija.

57      Fil-fatt, id-drittijiet tad-difiża għandhom natura suġġettiva, hekk li huma l-partijiet ikkonċernati nnifishom li għandhom ikunu jistgħu jeżerċitawhom effettivament, tkun xi tkun in-natura tal-proċedura li huma jkunu s-suġġett tagħha. Kif essenzjalment irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punti 76, 77 u 79 tal-konklużjonijiet tagħha, kjamat in garanzija għandu jkun jista’ jikkontesta, personalment, fil-kwalità tiegħu ta’ kjamat in garanzija, fil-kuntest ta’ rikors ġudizzjarju ppreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ kjamata in garanzija, il-konstatazzjonijiet ta’ fatt u l-klassifikazzjonijiet ġuridiċi fl-avviż ta’ stima fiskali li fuqhom l-awtorità kompetenti tkun ibbażat ruħha sabiex tistabbilixxi r-responsabbiltà in solidum tiegħu. F’dan il-każ, diverġenza ta’ interessi bejn il-persuna ġuridika u l-persuna fiżika, li għandha s-setgħa li torbotha jew li tirrappreżentaha, b’ebda mod ma tista’ tiġi eskluża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Adler Real Estate et, C‑546/18, EU:C:2021:711, punti 58 sa 60, kif ukoll, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2022, DELTA STROY 2003, C‑203/21, EU:C:2022:865, punt 63).

58      Dan huwa iktar u iktar rilevanti billi, kif sostniet il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u waqt is-seduta, il-possibbiltà, fil-prattika, għad-direttur, sussegwentement kjamat in garanzija għad-dejn tal-VAT mhux imħallsa mill-kumpannija taxxabbli, li jikkontesta l-avviż ta’ stima fiskali indirizzat lil din tal-aħħar tista’ tiddependi minn diversi fatturi fattwali u legali relatati, b’mod partikolari, mad-diversità fil-forom ta’ kumpanniji u tal-proċessi deċiżjonali speċifiċi għalihom fid-diversi Stati Membri. F’numru ta’ sitwazzjonijiet, jista’ għalhekk ikun impossibbli li jiġi vverifikat jekk, fil-każ ta’ avviż ta’ stima fiskali partikolari, id-direttur tal-kumpannija taxxabbli destinatarja li lilha jkun ġie indirizzat dan l-avviż setax, waħdu, effettivament jikkontesta b’mod utli l-legalità tiegħu f’isem din il-kumpannija.

59      Barra minn hekk, sa fejn għandu x’jaqsam l-argument tal-Gvern Lussemburgiż li r-rikonoxximent, affavur tal-kjamat in garanzija, tal-possibbiltà li jikkontesta, b’mod inċidentali, l-avviż ta’ stima fiskali jwassal sabiex tiġi injorata n-natura definittiva ta’ dan l-avviż ta’ stima fiskali u sabiex il-kjamat in garanzija jingħata t-tieni ċans li jikkontestah, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li r-rikonoxximent ta’ tali possibbiltà ma jaffettwax l-effett vinkolanti tal-avviż ta’ stima fiskali fir-rigward tal-kumpannija li lilha dan tal-aħħar ikun ġie indirizzat. It-tieni, is-sempliċi fatt li sistema ta’ responsabbiltà in solidum, bħalma huwa l-mekkaniżmu ta’ kjamata in garanzija inkwistjoni, tista’ tgħin, b’mod partikolarment effettiv fejn meħtieġ, sabiex jiġu rkuprati djun tal-VAT mhux imħallsa ma jistax ikollu l-konsegwenza li jċaħħad għalkollox lill-kjamat in garanzija mill-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża tiegħu.

60      Fl-aħħar nett, kif jirriżulta mill-punt 55 ta’ din is-sentenza, id-dritt tad-direttur tal-kumpannija, kjamat in garanzija, li jikkontesta, b’mod inċidentali, il-konstatazzjonijiet ta’ fatt u l-klassifikazzjonijiet ġuridiċi fl-avviż ta’ stima fiskali, huwa limitat għall-mezzi neċessarji sabiex id-direttur ikkonċernat ikun jista’ jikkontesta b’mod utli l-eżistenza tar-responsabbiltà in solidum tiegħu.

61      Fi kwalunkwe każ, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża ggarantiti fl-Artikolu 47 tal-Karta jeħtieġ li kjamat in garanzija jkun jista’ jinvoka, b’mod inċidentali, fil-kuntest ta’ rikors ġudizzjarju ppreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ kjamata in garanzija, kwalunkwe ksur tad-drittijiet fundamentali tagħha li jkun seta’ sar matul il-proċedura ta’ stima fiskali li tkun inbdiet kontra l-kumpannija taxxabbli.

62      Sa fejn għandu x’jaqsam, barra minn hekk, l-argument tal-Gvern Lussemburgiż li d-drittijiet tad-difiża tal-kjamat in garanzija għandhom jiġu limitati sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità u tas-sigriet professjonali li huma marbuta bihom l-awtoritajiet fiskali kif ukoll tas-sigriet kummerċjali, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża ggarantiti fl-Artikolu 47 tal-Karta jimplika li r-rikorrent għandu jkun jista’ jkun jaf mhux biss ir-raġunijiet tad-deċiżjoni li tkun ittieħdet fil-konfront tiegħu, iżda għandu jkollu wkoll aċċess għall-informazzjoni kollha fil-proċess li fuqha tkun qagħdet l-amministrazzjoni, sabiex ikun jista’ effettivament jieħu pożizzjoni fuq din l-informazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2026, Deldwyn, C‑477/24, EU:C:2026:182, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Madankollu, id-drittijiet fundamentali ma humiex prerogattivi assoluti, iżda jista’ jkunu suġġetti għal restrizzjonijiet, u dan kemm‑il darba dawn tal-aħħar ikunu effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali li tfittex li tilħaq il-miżura inkwistjoni u ma jkunux jimplikaw, fid-dawl tal-għan imfittex, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jimmina s-sustanza nnifisha tad-drittijiet iggarantiti. Dawn ir-restrizzjonijiet jistgħu, b’mod partikolari, ifittxu li jipproteġu r-rekwiżiti tal-kunfidenzjalità jew tas-sigriet professjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2026, Deldwyn, C‑477/24, EU:C:2026:182, punti 65 u 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      Fil-każ ta’ kunflitt bejn, minn naħa, l-interess tal-persuna li tkun is-suġġetta ta’ att li jikkawżalha preġudizzju li jkollha aċċess għall-informazzjoni neċessarja sabiex hija tkun tista’ teżerċita b’mod sħiħ id-drittijiet tad-difiża tagħha u, min-naħa l-oħra, l-interess li tinżamm il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni koperta mill-obbligu tas-sigriet professjonali, huma l-awtoritajiet jew il-qrati b’ġuriżdizzjoni li għandhom ifittxu li jsibu bilanċ, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, bejn dawn l-interessi opposti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2018, UBS Europe et, C‑358/16, EU:C:2018:715, punt 69, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑12 ta’ Marzu 2026, Deldwyn, C‑477/24, EU:C:2026:182, punt 67).

65      F’dan il-każ, fl-ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-fatt li l-informazzjoni fl-avviż ta’ stima fiskali indirizzat lill-kumpannija taxxabbli u li l-kjamat in garanzija biħsiebu jikkontesta l-fondatezza tiegħu tikkonċerna ċirkustanzi fattwali u legali li din tal-aħħar setgħet tkun taf minħabba l-funzjonijiet li hija kienet taqdi fi ħdan din il-kumpannija matul il-perijodu ta’ stima fiskali kkonċernat.

66      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 47 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tħallix lil kjamat in garanzija għall-ħlas ta’ dejn tal-VAT mhux imħallsa minn kumpannija suġġetta għal din it-taxxa, jikkontesta, b’mod inċidentali, fil-kuntest tar-rikors tiegħu ppreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ kjamata in garanzija, l-avviż ta’ stima fiskali li jkun preċedentement ġie indirizzat lil din il-kumpannija u li jkun sar wieħed definittiv. Skont din id-dispożizzjoni, tali kjamat in garanzija għandu jkun jista’, insostenn tar-rikors tiegħu, jikkontesta l-konstatazzjonijiet ta’ fatt u l-klassifikazzjonijiet ġuridiċi li fuqhom tkun qagħdet l-awtorità kompetenti sabiex tistabbilixxi r-responsabbiltà in solidum tiegħu, inkluż dawk relatati mal-bażi u mal-ammont tal-VAT mhux imħallsa li l-kjamat in garanzija jkun qiegħed jinżamm responsabbli għalih, u dan sakemm dawn il-konstatazzjonijiet u l-klassifikazzjonijiet jkunu utli għad-difiża tiegħu, kif ukoll kwalunkwe ksur tad-drittijiet fundamentali tal-imsemmi kjamat in garanzija li jkun seta’ sar matul il-proċedura ta’ stima fiskali.

 Fuq l-ispejjeż

67      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      l-Artikolu 47 u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ir-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt għal rimedju effettiv, stabbilit fl-Artikolu 47, japplikaw fil-kuntest ta’ rikors ġudizzjarju ppreżentat mid-direttur ta’ kumpannija, kjamat in garanzija, kontra deċiżjoni ta’ kjamata in garanzija adottata skont leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, jekk dan tal-aħħar jonqos kolpożament milli jeżegwixxi l-obbligi legali tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tiegħu, dan tal-aħħar għandu jinżamm responsabbli in solidum għall-ħlas tal-VAT dovuta minn din il-kumpannija u dan kif jitolbu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud.

2)      L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tħallix lil kjamat in garanzija għall-ħlas ta’ dejn tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) mhux imħallsa minn kumpanija suġġetta għal din it-taxxa, jikkontesta, b’mod inċidentali, fil-kuntest tar-rikors tiegħu ppreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ kjamata in garanzija, l-avviż ta’ stima fiskali li jkun ġie preċedentement indirizzat lil din il-kumpannija u li jkun sar wieħed definittiv. Skont din id-dispożizzjoni, tali kjamat in garanzija għandu jkun jista’, insostenn tar-rikors tiegħu, jikkontesta l-konstatazzjonijiet ta’ fatt u l-klassifikazzjonijiet ġuridiċi li fuqhom tkun qagħdet l-awtorità kompetenti sabiex tistabbilixxi r-responsabbiltà in solidum tiegħu, inkluż dawk relatati mal-bażi u mal-ammont ta’ VAT mhux imħallsa li l-kjamat in garanzija jkun qiegħed jinżamm responsabbli għalih, u dan sakemm dawn il-konstatazzjonijiet u l-klassifikazzjonijiet jkunu utli għad-difiża tiegħu, kif ukoll kwalunkwe ksur tad-drittijiet fundamentali tal-imsemmi kjamat in garanzija li jkun seta’ sar matul il-proċedura ta’ stima fiskali.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.