IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 24.8.2020
COM(2020) 448 final
2020/0213(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
għall-għoti ta’ appoġġ temporanju skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 lir-Repubblika Ċeka biex jittaffew ir-riskji tal-qgħad f’sitwazzjoni ta’ emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u għanijiet tal-proposta
Ir-Regolament tal-Kunsill 2020/672 (“ir-Regolament SURE”) jistabbilixxi l-qafas legali għall-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Istati Membri, li qed jesperjenzaw taqlib ekonomiku sever ikkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19, jew huma mhedda serjament minn tali taqlib. L-appoġġ skont SURE iservi għall-finanzjament, primarjament, ta’ skemi ta’ xogħol għal żmien qasir jew miżuri simili mmirati biex jipproteġu lill-impjegati u lil dawk li jaħdmu għal rashom u b’hekk inaqqsu l-inċidenza tal-qgħad u t-telf tad-dħul, kif ukoll għall-finanzjament, bħala anċillari, ta’ xi miżuri relatati mas-saħħa, b’mod partikolari fuq il-post tax-xogħol.
Fis-7 ta’ Awwissu 2020, ir-Repubblika Ċeka talbet l-assistenza finanzjarja mill-Unjoni skont ir-Regolament SURE. Skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament SURE, il-Kummissjoni kkonsultat lill-awtoritajiet Ċeki biex tivverifika ż-żieda f’daqqa u qawwija fin-nefqa reali u ppjanata relatata direttament mal-iskema tax-xogħol għal żmien qasir imsejħa l-Programm “Antivirus” (bis-sottoprogrammi tagħha, l-Alternattiva A u l-Alternattiva B) u miżuri simili mmirati lejn il-kostijiet tax-xogħol mhux marbuta mal-pagi (il-Programm “Antivirus”, Alternattiva C) u l-appoġġ għal dawk li jaħdmu għal rashom, li saru b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19. B’mod partikolari, dan jikkonċerna:
(a)Alternattivi A u B, tal-Programm Antivirus li huma mfassla biex jikkumpensaw parzjalment il-kostijiet tal-pagi tal-impjegaturi privati li jiġu mġiegħela jissospendu jew inaqqsu b’mod sinifikanti l-attività ekonomika tagħhom bħala konsegwenza diretta tal-miżuri meħuda mill-awtoritajiet (Alternattiva A), jew indirettament minħabba effetti ekonomiċi negattivi tal-pandemija (Alternattiva B), pereżempju impjegati li ma jistgħux jaħdmu minħabba restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, nuqqas ta’ inputs u/jew tnaqqis fid-domanda għal outputs. Skont l-Alternattiva A, il-kontribuzzjoni tal-istat tingħata għal 80 % tal-pagi mħallsa iżda mhux aktar minn 39,000 CZK għal kull impjegat kull xahar. Skont l-Alternattiva B, il-kontribuzzjoni tal-istat tammonta għal 60 % tal-pagi mħallsa iżda mhux aktar minn CZK 29,000 għal kull impjegat kull xahar. Impjegati li jibbenefikaw mill-iskema ma jistgħux jitkeċċew matul il-parteċipazzjoni ta’ min iħaddem fl-iskema. Il-miżuri kienu fis-seħħ bejn it-12 ta’ Marzu u l-31 ta’ Awwissu 2020.
(b)L-Alternattiva tal-Programm Antivirus C, li tikkumpensa parzjalment l-kostijiet tax-xogħol mhux marbuta mal-pagi (pereżempju l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mħallsa minn min iħaddem) ta’ kumpaniji żgħar (sa 50 impjegat) li jżommu l-impjieg u l-kont tal-pagi f’livell ta’ mill-inqas 90 % ta’ dak li kien fl-aħħar ta’ Marzu 2020. Il-bażi tal-kalkolu hija limitata għal 150 % tal-paga medja grossa fir-Repubblika Ċeka. L-appoġġ jista’ jingħata għall-perjodu kollu minn Ġunju sa Awwissu 2020 jew għal parti minnu.
(c)Il-programm “Pětadvacítka”, li jipprovdi lill-persuni li jaħdmu għal rashom li huma sfurzati jissospendu jew inaqqsu b’mod sinifikanti l-attività ekonomika tagħhom minħabba riskji għas-saħħa pubblika jew miżuri ta’ kriżi meħuda mill-awtoritajiet pubbliċi b’bonus tat-taxxa ta’ CZK 500 għal kull jum kalendarju għal kull persuna. Il-programm huwa maqsum f’żewġ perjodi ta’ bonus: mit-12 ta’ Marzu sat-30 ta’ April 2020, u mill-1 ta’ Mejju sat-8 ta’ Ġunju 2020.
(d)l-eżenzjoni parzjali tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u tas-saħħa dovuti minn dawk li jaħdmu għal rashom li jżommu attività matul l-għoti ta’ appoġġ. L-Istat jassumi li l-ħlas tal-kontribuzzjoni korrispondenti għandu jitħallas kull xahar minn Marzu sa Awwissu 2020. L-ammont rinunzjat ikun limitat għal livell stabbilit fil-liġi.
(e)il-“benefiċċju għall-indokrar” għal persuni li jaħdmu għal rashom li jikkumpensa t-telf ta’ dħul imġarrab minn persuni li jaħdmu għal rashom bħala konsegwenza tal-ħtieġa li jieħdu ħsieb it-tfal jew persuni li jiddependu mill-kura minħabba l-għeluq ta’ faċilitajiet ta’ kura tat-tfal u soċjali. L-ammont ta’ appoġġ ta’ kuljum huwa ta’ CZK 424 għal Marzu u CZK 500 għal April sa Ġunju. .
Ir-Repubblika Ċeka pprovdiet lill-Kummissjoni bl-informazzjoni rilevanti.
Filwaqt li tqis l-evidenza disponibbli, il-Kummissjoni tipproponi lill-Kunsill biex jadotta Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni biex tingħata assistenza finanzjarja lir-Repubblika Ċeka skont ir-Regolament SURE b’appoġġ għall-miżuri ta’ hawn fuq.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Il-proposta preżenti hija kompletament konsistenti mar-Regolament tal-Kunsill 2020/672, li bis-saħħa tiegħu qed issir il-proposta.
Din il-proposta ġejja apparti strument ieħor tal-liġi tal-Unjoni li jipprovdi appoġġ lill-Istati Membri f’każ ta’ emerġenza, jiġifieri r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) (“ir-Regolament (KE) Nru 2012/2002”). Ir-Regolament (UE) 2020/461 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jemenda dak l-istrument biex jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu biex ikopri emerġenzi kbar ta’ saħħa pubblika u jiddefinixxi operazzjonijiet speċifiċi eliġibbli għall-finanzjament, ġie adottat fit-30 ta’ Marzu.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Il-proposta hija parti minn firxa ta’ miżuri żviluppati b’reazzjoni għall-pandemija attwali tal-COVID-19 bħall-“Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus”, u tikkomplementa strumenti oħra li jappoġġjaw l-impjiegi bħall-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS)/InvestEU. Bl-użu ta’ għoti u teħid b’self f’dan il-każ partikolari tat-tifqigħa tal-COVID-19 għall-appoġġ tal-Istati Membri, din il-proposta taġixxi bħala t-tieni linja ta’ difiża biex jiġu ffinanzjati skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, biex jiġu protetti l-impjiegi u b’hekk l-impjegati u l-persuni li jaħdmu għal rashom kontra r-riskju tal-qgħad.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika għal dan l-istrument hija r-Regolament tal-Kunsill 2020/672.
•Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)
Il-proposta ssegwi talba tal-Istati Membri u turi solidarjetà Ewropea billi tipprovdi assistenza finanzjarja tal-Unjoni fil-forma ta’ self temporanju lil Stat Membru affettwat mit-tifqigħa tal-COVID-19. Bħala t-tieni linja ta’ difiża, tali assistenza finanzjarja tappoġġja ż-żieda fin-nefqa pubblika tal-gvern fuq bażi temporanja fir-rigward tal-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili biex tgħinhom jipproteġu l-impjiegi u b’hekk lill-impjegati u lill-persuni li jaħdmu għal rashom kontra r-riskju ta’ qgħad u t-telf ta’ introjtu.
Tali appoġġ se jgħin lill-popolazzjoni affettwata u jgħin biex itaffi l-impatt soċjali u ekonomiku dirett ikkawżat mill-kriżi attwali tal-COVID-19.
•Proporzjonalità
Il-proposta tosserva l-prinċipju tal-proporzjonalità. Ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet tal-istrument.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Minħabba l-urġenza biex titħejja l-proposta u biex tkun tista’ tiġi adottata fil-ħin mill-Kunsill, ma setgħetx titwettaq konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.
•Valutazzjoni tal-impatt
Minħabba n-natura urġenti tal-proposta, ma saret l-ebda valutazzjoni tal-impatt.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tikkuntratta self fis-swieq finanzjarji bil-għan li tisilfu lill-Istat Membru li jkun qed jitlob assistenza finanzjarja taħt l-istrument SURE.
Minbarra l-provvediment tal-garanziji tal-Istati Membri, jiddaħħlu salvagwardji oħra fil-qafas sabiex tiġi żgurata s-solidità finanzjarja tal-iskema:
·Approċċ rigoruż u konservattiv għall-ġestjoni finanzjarja;
·Kostruzzjoni tal-portafoll ta’ self li jillimita r-riskju ta’ konċentrazzjoni, skopertura annwali u skopertura eċċessiva għal Stati Membri individwali, filwaqt li jiġu żgurati riżorsi suffiċjenti li jistgħu jingħataw lill-Istati Membri li huma l-aktar fil-bżonn; kif ukoll
·Possibbiltajiet ta’ riportament tad-dejn.
2020/0213 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
għall-għoti ta’ appoġġ temporanju skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 lir-Repubblika Ċeka biex jittaffew ir-riskji tal-qgħad f’sitwazzjoni ta’ emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 tad-19 ta’ Mejju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ Strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) wara t-tifqigħa tal-COVID-19, u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Fis-7 ta’ Awwissu 2020, ir-Repubblika Ċeka talbet assistenza finanzjarja mill-Unjoni bil-ħsieb li tikkomplementa l-isforzi nazzjonali tagħha biex tindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjoekonomiċi tagħha għall-ħaddiema.
(2)It-tifqigħa tal-COVID-19 u l-miżuri straordinarji implimentati mir-Repubblika Ċeka biex titrażżan it-tifqigħa u l-impatt soċjoekonomiku u marbut mas-saħħa tagħha huma mistennija li jkollhom impatt drammatiku fuq il-finanzi pubbliċi. Skont il-previżjoni tar-rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni, ir-Repubblika Ċeka kienet mistennija li jkollha defiċit u dejn tal-amministrazzjoni pubblika ta’ 6,7 % u 38,7 % tal-prodott domestiku gross (PDG) rispettivament sa tmiem l-2020. Skont il-previżjoni interim tas-sajf tal-2020 tal-Kummissjoni, il-PDG tar-Repubblika Ċeka huwa previst li jonqos b 7,8 % fl-2020.
(3)It-tifqigħa tal-COVID-19 ipparalizzat parti sostanzjali tal-forza tax-xogħol fir-Repubblika Ċeka. Dan wassal għal żieda f’daqqa u severa fin-nefqa pubblika mir-Repubblika Ċeka fir-rigward ta’ skema ta’ xogħol għal żmien qasir magħrufa bħala l-Programm “Antivirus” (mas-subprogrammi tiegħu, l-Alternattiva A u l-Alternattiva B) u miżuri simili mmirati lejn il-kostijiet tax-xogħol mhux marbuta mal-pagi (l-Alternattiva C tal-Programm “Antivirus”,) jew appoġġ għal dawk li jaħdmu għal rashom, kif stabbilit fil-premessi 4 sa 8.
(4)B’mod aktar speċifiku, ir- “Riżoluzzjoni tal-Gvern Nru 353 tal-31 ta’ Marzu 2020, kif emendata”, u l-“Artikolu 120 tal-Liġi Nru 435/2004 Coll., dwar l-impjiegi, kif emendat”, kif inhuma msemmija fit-talba tar-Repubblika Ċeka tas-7 ta’ Awwissu 2020, introduċiet Alternattivi A u B tal-Programm “Antivirus”. dawk il-miżuri huma mfassla biex jikkumpensaw parzjalment il-kostijiet tal-pagi ta’ impjegaturi privati mġiegħla jissospendu jew inaqqsu b’mod sinifikanti l-attività ekonomika tagħhom bħala konsegwenza diretta tal-miżuri meħuda mill-awtoritajiet (Alternattiva A), jew indirettament minħabba effetti ekonomiċi negattivi tal-pandemija (Alternattiva B), pereżempju impjegati li ma jistgħux jaħdmu minħabba restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar. Skont l-Alternattiva A, il-kontribuzzjoni mill-istat tingħata għal 80 % tal-pagi mħallsa iżda mhux aktar minn CZK 39 000 għal kull impjegat kull xahar. Skont l-Alternattiva B, il-kontribuzzjoni tal-istat tammonta għal 60 % tal-pagi mħallsa iżda mhux aktar minn CZK 29 000 għal kull impjegat kull xahar. Impjegati li jibbenefikaw mill-iskema ma jistgħux jitkeċċew matul il-parteċipazzjoni ta’ min iħaddem fl-iskema. Il-miżuri kienu fis-seħħ bejn it-12 ta’ Marzu u l-31 ta’ Awwissu 2020.
(5)Barra minn hekk, l-awtoritajiet introduċew l-Alternattiva C tal-Programm “Antivirus”, abbażi tal- “Liġi Nru 300/2020 Coll.” u “Liġi Nru 187/2006 Coll.”, kif imsemmija fit-talba tar-Repubblika Ċeka tas-7 ta’ Awwissu 2020. Dik il-miżura tikkumpensa parzjalment il-kostijiet tax-xogħol mhux marbuta mal-pagi (pereżempju, il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mħallsa minn min iħaddem) ta’ kumpaniji żgħar (sa 50 impjegat) li jżommu l-impjieg u l-kont tal-pagi f’livell ta’ mill-inqas 90 % ta’ dak li kien fl-aħħar ta’ Marzu 2020. 90 % biss tan-nefqa totali tal-miżura ġiet mitluba biex jiġi żgurat li l-għajnuna tkun imqabbla man-nefqa li żammet l-impjiegi. Il-bażi tal-kalkolu hija limitata għal 150 % tal-paga medja grossa fir-Repubblika Ċeka. L-appoġġ jista’ jingħata għall-perjodu kollu minn Ġunju sa Awwissu 2020 jew għal parti minnu.
(6)Il-programm “Pětvatítka”, kif introdott permezz tal-“Liġi Nru 159/2020 Coll.”, kif imsemmi fit-talba tar-Repubblika Ċeka tas-7 ta’ Awwissu 2020, jipprovdi lil persuni li jaħdmu għal rashom b’bonus tat-taxxa ta’ CZK 500 għal kull jum kalendarju għal kull persuna lil dawk li huma mġiegħla jissospendu jew inaqqsu b’mod sinifikanti l-attività ekonomika tagħhom minħabba riskji għas-saħħa pubblika jew miżuri ta’ kriżi meħuda mill-awtoritajiet pubbliċi. Il-programm huwa maqsum f’żewġ perjodi ta’ bonus: mit-12 ta’ Marzu sat-30 ta’ April 2020, u mill-1 ta’ Mejju sat-8 ta’ Ġunju 2020. Il-bonus tat-taxxa jikkonsisti fi dħul mitluf għall-gvern, li għall-fini tal-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill 2020/672 jista’ jitqies ekwivalenti għan-nefqa pubblika.
(7)Fuq il-bażi tal-“Liġi Nru 136/2020 Coll. (għas-sigurtà soċjali)” u l- “Liġi Nru 134/2020 Coll. (għas-sigurtà tas-saħħa)’’, kif imsemmija fit-talba tar-Repubblika Ċeka tas-7 ta’ Awwissu 2020, l-awtoritajiet introduċew ir-rinunzja parzjali tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u tas-saħħa dovuti minn persuni li jaħdmu għal rashom li jżommu attività matul l-għoti ta’ appoġġ. L-Istat jassumi li l-ħlas tal-kontribuzzjoni korrispondenti għandu jitħallas kull xahar minn Marzu sa Awwissu 2020. L-ammont rinunzjat ikun limitat għal livell stabbilit fil-liġi.
(8)Fl-aħħar nett, fuq il-bażi ta’ “Riżoluzzjonijiet tal-Gvern Nru 262 tad-19 ta’ Marzu 2020, Nru 311 tas-26 ta’ Marzu, Nru 354 tal-31 ta’ Marzu, Nru 514 tal-4 ta’ Mejju u Nru 552 tat-18 ta’ Mejju; L-Artikolu 14 tal-Liġi Nru 218/2000 Coll., dwar ir-regoli baġitarji, kif emendati (għal S/E fil-produzzjoni primarja tal-agrikoltura u l-forestrija), l-Artikolu 3 ittra h) tal-Liġi Nru 47/2002 Coll., kif emendata, dwar l-appoġġ għall-SMEs (għall-S/E l-oħra kollha), kif imsemmi fit-talba tar-Repubblika Ċeka tas-7 ta’ Awwissu 2020, l-awtoritajiet introduċew l- “Indukrar tal-kura” għall-persuni li jaħdmu għal rashom. Dik il-miżura tikkumpensa t-telf ta’ dħul imġarrab minn persuni li jaħdmu għal rashom bħala konsegwenza tal-ħtieġa li jieħdu ħsieb it-tfal jew persuni dipendenti mill-kura minħabba l-għeluq ta’ faċilitajiet ta’ kura tat-tfal u soċjali. L-ammont ta’ appoġġ ta’ kuljum huwa ta’ CZK 424 għal Marzu u CZK 500 għal April sa Ġunju.
(9)Ir-Repubblika Ċeka tissodisfa l-kundizzjonijiet għat-talba ta’ assistenza finanzjarja stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672. Ir-Repubblika Ċeka pprovdiet lill-Kummissjoni b’evidenza xierqa li n-nefqa pubblika attwali u ppjanata żdiedet b’EUR 2 940 446 745 mill-1 ta’ Frar 2020 minħabba l-miżuri nazzjonali meħuda biex jiġu indirizzati l-effetti soċjoekonomiċi tat-tifqigħa tal-COVID-19. Dan jikkostitwixxi żieda għal għarrieda u qawwija minħabba li l-miżuri ġodda jkopru proporzjon sinifikanti tal-impriżi u tal-forza tax-xogħol fir-Repubblika Ċeka. Ir-Repubblika Ċeka biħsiebha tiffinanzja EUR 940 446 745 tal-ammont miżjud tan-nefqa permezz tal-fondi tal-Unjoni u l-finanzjament tagħha stess.
(10)Il-Kummissjoni kkonsultat lir-Repubblika Ċeka u vverifikat iż-żieda għal għarrieda u qawwija fin-nefqa pubblika attwali u ppjanata direttament relatata mal-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili msemmija fit-talba tas-7 ta’ Awwissu 2020, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2020/672.
(11)Għalhekk jenħtieġ li tingħata assistenza finanzjarja bil-għan li r-Repubblika Ċeka tiġi megħjuna tindirizza l-effetti soċjo-ekonomiċi tat-taqlib ekonomiku gravi kkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19.
(12)Jenħtieġ li din id-deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kwalunkwe proċedura relatata ma’ distorsjonijiet tal-operat tas-suq intern li jistgħu jitwettqu, b’mod partikolari skont l-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE. Ma twarrabx il-ħtieġa li l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet ta’ għajnuna potenzjali mill-Istat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 TFUE.
(13)Jenħtieġ li r-Repubblika Ċeka tinforma lill-Kummissjoni fuq bażi regolari dwar l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta l-punt sa fejn ir-Repubblika Ċeka timplimenta dik in-nefqa.
(14)Id-deċiżjoni li tingħata assistenza finanzjarja ttieħdet filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet eżistenti u dawk mistennija tar-Repubblika Ċeka, kif ukoll it-talbiet għal assistenza finanzjarja skont ir-Regolament (UE) 2020/672 diġà ppreżentati jew ippjanati li jiġu ppreżentati minn Stati Membri oħra, filwaqt li jiġu applikati l-prinċipji ta’ trattament ugwali, solidarjetà, proporzjonalità u trasparenza,
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Ir-Repubblika Ċeka tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672.
Artikolu 2
1.L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tar-Repubblika Ċeka self li jammonta għal massimu ta’ EUR 2 000 000 000. Is-self għandu jkollu maturità medja massima ta’ 15-il sena.
2.Il-perjodu ta’ disponibbiltà għall-għajnuna finanzjarja mogħtija b’din id-Deċiżjoni għandu jkun ta’ 18-il xahar li jibdew mill-ewwel jum wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.
3.L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni lir-Repubblika Ċeka f’massimu ta’ tmien ħlasijiet parzjali. Ħlas parzjali jista’ jingħata f’parti waħda jew iktar. Il-maturitajiet tal-partijiet taħt l-ewwel ħlas parzjali jistgħu jkunu itwal mill-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1. F’każijiet bħal dawn, il-maturitajiet ta’ segmenti oħrajn għandhom ikunu stabbiliti b’tali mod li l-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1 tiġi rispettata ladarba jsir l-iżborż tal-ħlasijiet parzjali kollha.
4.L-ewwel ħlas għandu jiġi rilaxxat soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-ftehim tas-self previst fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2020/672.
5.Ir-Repubblika Ċeka għandha tħallas il-kost tal-finanzjament tal-Unjoni msemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2020/672 għal kull ħlas parzjali flimkien ma’ kwalunkwe tariffa, kost u spiża tal-Unjoni li jirriżultaw minn kwalunkwe finanzjament.
6.Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar id-daqs u r-rilaxx tal-ħlasijiet parzjali, kif ukoll dwar id-daqs tal-partijiet.
Artikolu 3
1. Ir-Repubblika Ċeka tista’ tiffinanzja l-miżuri li ġejjin:
(a)il-Programm “Antivirus” kif previst mir-Riżoluzzjoni tal-Gvern Nru 353 tal-31 ta’ Marzu 2020, kif emendata, u l-Artikolu 120 tal-Liġi Nru 435/2004 Coll., dwar l-impjiegi, kif emendat;
(b)l-Alternattiva C tal-Programm “Antivirus”, kif prevista mil-Liġi Nru 300/2020 Coll.;
(c)il-Programm “Pětvokaítka”, kif previst mil-Liġi Nru 159/2020 Coll.;
(d)l-eżenzjoni parzjali tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u tas-saħħa dovuti minn dawk li jaħdmu għal rashom), kif previst mil-Liġi Nru 136/2020 Coll. (għas-sigurtà soċjali) u l-Liġi Nru 134/2020 Coll. (għas-sigurtà tas-saħħa);
(e)il-“Kura għall-indukrar” għal persuni li jaħdmu għal rashom, kif previst bir-Riżoluzzjonijiet tal-Gvern Nru 262 tad-19 ta’ Marzu 2020, Nru 311 tas-26 ta’ Marzu, Nru 354 tal-31 ta’ Marzu, Nru 514 tal-4 ta’ Mejju u Nru 552 tat-18 ta’ Mejju; L-Artikolu 14 tal-Liġi Nru 218/2000 Coll., dwar ir-regoli baġitarji, kif emendati (għal S/E fil-produzzjoni primarja tal-agrikoltura u l-forestrija), l-Artikolu 3 ittra h) tal-Liġi Nru 47/2002 Coll., kif emendata, dwar l-appoġġ għall-SMEs (għall-S/E l-oħra kollha).
Artikolu 4
Ir-Repubblika Ċeka għandha tinforma lill-Kummissjoni sa [DATA: 6 xhur wara d-data ta’ pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni], u kull 6 xhur wara l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata sa dak iż-żmien li n-nefqa pubblika ppjanata tkun ġiet implimentata b’mod sħiħ.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ċeka.
Artikolu 6
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President