|
11.12.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 417/39 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2020/1848 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tal-14 ta’ Mejju 2020
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) għas-sena finanzjarja 2018
IL-PARLAMENT EWROPEW,
|
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2018, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0042/2020), |
|
A. |
billi, skont ir-rapporti tad-dħul u n-nefqa tagħha (1), il-baġit finali tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (“l-Awtorità”) għas-sena finanzjarja 2018 kien jammonta għal EUR 25 207 008, li jfisser żieda ta’ 5,03 % meta mqabbel ma’ dak għall-2017; billi l-Awtorità hija ffinanzjata minn kontribuzzjoni mill-Unjoni (EUR 9 365 000, jiġifieri 37,15 %) u minn kontribuzzjonijiet mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali tal-Istati Membri (EUR 15 742 008, jiġifieri 62,45 %) (2); |
|
B. |
billi l-Qorti tal-Awdituri (“il-Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2018 (“ir-rapport tal-Qorti”), tistqarr li kisbet aċċertamenti raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Awtorità huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari; |
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
|
1. |
Jinnota b’sodisfazzjon li l-isforzi ta’ monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2018 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit ta’ 100 %, żieda ta’ 0,21 % meta mqabbla mal-2017; jinnota, barra minn hekk, li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienet ta’ 85,48 %, li jfisser tnaqqis ta’ 2,61 % meta mqabbla mal-2017; |
|
2. |
Jinnota li l-ammont ta’ xogħol tal-Awtorità qed jiżdied b’mod kostanti u jinkludi kemm kompiti regolatorji kif ukoll l-infurzar u l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni; |
Prestazzjoni
|
3. |
Jinnota li kull wieħed mit-tliet objettivi strateġiċi tal-Awtorità b’fokus operattiv għandu indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) li jivvalutaw il-valur miżjud ipprovdut mill-attivitajiet tagħha u t-titjib tal-ġestjoni baġitarja tagħha, flimkien ma’ indikaturi oħra użati internament; |
|
4. |
Jinnota li l-Awtorità laħqet il-mira tagħha għal ħdax-il indikatur ewlieni tal-prestazzjoni; jirrikonoxxi li l-Awtorità kienet qrib li tilħaq il-mira għaż-żewġ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni li kien fadal, li ma ntlaħqux biss b’mod marġinali; |
|
5. |
Jinnota li l-biċċa l-kbira tax-xogħol ippjanat tal-Awtorità (218-il prodott u servizz) ġie kkonsenjat b’suċċess u li 25 prodott u servizz kellhom dewmien żgħir minħabba nuqqas ta’ riżorsi, iżda wkoll minħabba bidliet fir-rekwiżiti u fil-prijoritajiet; jinnota wkoll li kienu biss tliet flussi ta’ xogħol li ma ġewx ikkonsenjati kif ippjanat jew kellhom dewmien tollerabbli; |
|
6. |
Jinnota li l-Awtorità qed tissostitwixxi s-sistema elettronika attwali tagħha ta’ ġestjoni tar-riżorsi umani b’Sysper, li hija pprovduta mill-Kummissjoni; jinnota bi tħassib id-dewmien fl-implimentazzjoni tas-Sysper 2; jistieden lill-Awtorità tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-iżviluppi f’dak ir-rigward; |
|
7. |
Jinnota b’sodisfazzjon li l-Awtorità hija proattiva fl-identifikazzjoni ta’ opportunitajiet għall-effiċjenza u s-sinerġiji ma’ aġenziji oħra, b’mod partikolari mal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA), permezz tal-Kumitat Konġunt tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej u permezz ta’ akkwisti konġunti; jilqa’ l-prijorità tal-Awtorità li tiżviluppa gwida komuni f’kooperazzjoni mal-EBA u l-ESMA dwar kif ir-riskji kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu jiġu integrati fis-superviżjoni prudenzjali; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Awtorità biex b’mod attiv tipprova tikseb aktar kooperazzjoni u kooperazzjoni aktar mifruxa mal-aġenziji kollha tal-Unjoni; barra minn hekk jistieden lill-Awtorità tesplora modi possibbli li bihom jiġu amalgamati s-servizzi mhux esperti tagħha, bħall-ICT, ma’ aġenziji oħra tal-Unjoni; |
|
8. |
Jenfasizza li r-rwol tal-Awtorità fil-promozzjoni ta’ reġim superviżorju komuni fis-sistema finanzjarja Ewropea huwa essenzjali biex tiġi żgurata stabbiltà finanzjarja, suq finanzjarju integrat aħjar, aktar effiċjenti u aktar sikur, kif ukoll livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur fl-Unjoni billi tippromwovi l-korrettezza u t-trasparenza fis-suq tal-prodotti u s-servizzi finanzjarji; |
|
9. |
Jissottolinja r-rwol ċentrali li għandha l-Awtorità fil-kontribuzzjoni għal standards u prattiki regolatorji u superviżorji komuni ta’ kwalità għolja, għall-applikazzjoni konsistenti tal-atti tal-Unjoni legalment vinkolanti, għall-fatt li tistimula u tiffaċilita d-delega tal-kompiti u r-responsabbiltajiet fost l-awtoritajiet kompetenti, li timmonitorja u tivvaluta l-iżviluppi fis-suq fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetenzi tagħha u li tippromwovi l-ħarsien tad-detenturi ta’ poloz, u tal-membri u l-benefiċjarji ta’ skemi tal-pensjonijiet; |
|
10. |
Jenfasizza l-ħtieġa għal superviżjoni aktar mill-qrib f’ċerti Stati Membri bil-għan li jiġu indirizzati vulnerabbiltajiet fis-swieq tal-assigurazzjoni ta’ dawk l-Istati Membri u li jitħarsu l-konsumaturi mill-prattiki inġusti tal-kumpaniji multinazzjonali tal-assigurazzjoni; |
|
11. |
Jisħaq fuq il-fatt li, filwaqt li tiżgura li l-funzjonijiet kollha assenjati lilha jitwettqu bis-sħiħ u fil-ħin, l-Awtorità għandha taderixxi u tagħmel użu sħiħ mill-kompiti u l-mandat assenjati lilha mill-Parlament u mill-Kunsill, u li l-Awtorità jeħtiġilha li qatt ma tmur lil hinn mill-mandat tagħha; jirrimarka li l-iffukar fuq il-mandat assenjat mill-Parlament u mill-Kunsill iwassal għal użu aktar effikaċi u effiċjenti tar-riżorsi; |
|
12. |
Jikkondividi t-tħassib tal-Qorti li, permezz ta’ evalwazzjonijiet bejn il-pari, is-superviżuri nazzjonali għandhom vuċi deċiżiva fil-korp governattiv ewlieni tal-Awtorità, li jfisser li huma f’pożizzjoni li jiddeċiedu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-azzjoni tal-Awtorità li tevalwa l-effikaċja proprja; |
Politika dwar il-persunal
|
13. |
Jinnota li, fil-31 ta’ Diċembru 2018, it-tabella tal-persunal kienet ikkompletata b’95,54 %, bil-ħatra ta’ 107 aġent temporanju minn total ta’ 112-il aġent temporanju li ġew awtorizzati skont il-baġit tal-Unjoni, (imqabbla mal-101 post awtorizzat fl-2017); jinnota li, barra minn hekk, 33 aġent kuntrattwali u 18-il espert nazzjonali sekondat kienu qed jaħdmu għall-Awtorità fl-2018; |
|
14. |
Jiddispjaċih dwar il-parteċipazzjoni żbilanċjata tal-irġiel (sitt membri) u tan-nisa (membru waħda) fil-bord maniġerjali; jinnota li l-Awtorità rrappurtat bilanċ bejn is-sessi relattivament tajjeb għall-2018 fir-rigward ta’ maniġers superjuri (ħamest irġiel u tliet nisa); |
|
15. |
Jinnota li l-Qorti tqis li l-Awtorità għadha ma wettqitx it-tranżizzjoni minn kompiti regolatorji għal dawk superviżorji u li l-Awtorità għandha ssaħħaħ ir-riżorsi umani assenjati għall-kompiti superviżorji; |
Akkwisti
|
16. |
Jinnota bi tħassib li l-Awtorità applikat kriterji għall-għoti li kkonsistew minn elementi ta’ prezzijiet mhux kompetittivi għal proċedura ta’ akkwist waħda; jistieden lill-Awtorità tuża kriterji għall-għoti li jiffukaw fuq elementi ta’ prezzijiet kompetittivi; |
Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u t-trasparenza
|
17. |
Jirrikonoxxi l-miżuri li l-Awtorità diġà għandha fis-seħħ u l-isforzi kontinwi tagħha biex tiżgura t-trasparenza, tipprevjeni u tiġġestixxi l-kunflitti ta’ interess u tipproteġi lill-informaturi; jinnota l-fatt li l-Awtorità tippubblika fuq is-sit web tagħha reġistru tal-laqgħat ma’ partijiet ikkonċernati esterni; |
|
18. |
Jissottolinja l-importanza ta’ amministrazzjoni miftuħa, effiċjenti u indipendenti għall-aġenziji kollha tal-Unjoni u l-Unjoni kollha kemm hi; ifakkar fil-problema tal-kunflitt ta’ interess li tinqala’ mis-sitwazzjonijiet ta’ “bibien iduru” u jisħaq fuq il-ħtieġa għal qafas ġuridiku unifikat biex jindirizza dawn il-kwistjonijiet; |
Kontrolli interni
|
19. |
Jinnota li s-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni ħareġ rapport tal-awditjar dwar testijiet tal-istress fl-EIOPA, li wassal għal ħames rakkomandazzjonijiet għal titjib u l-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni; |
|
20. |
Jinnota li fl-2018, l-Awtorità użat 29 ħaddiem temporanju permezz ta’ kuntratti ma’ aġenziji tax-xogħol temporanju; ifakkar li skont id-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), dawk il-ħaddiema għandu jkollhom l-istess kundizzjonijiet tax-xogħol bħall-ħaddiema li jiġu impjegati direttament mill-Awtorità; jinnota bi tħassib li l-kuntratti ma kinux jirrikjedu li l-aġenziji tax-xogħol temporanju jirrispettaw dawk il-kundizzjonijiet tax-xogħol, u b’hekk dan ikkawża litigazzjoni u riskji għar-reputazzjoni; jistieden lill-Awtorità tanalizza l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema temporanji tagħha u tiżgura li jkunu jikkonformaw mal-liġijiet tax-xogħol tal-Unjoni u dawk nazzjonali; |
Kummenti oħra
|
21. |
Jinnota li huwa possibbli li, fil-ġejjieni, id-dħul tal-Awtorità jonqos bħala riżultat tad-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni Ewropea; jinnota li l-Awtorità ħarġet żewġ opinjonijiet lill-assiguraturi u lill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali dwar passi li għandhom jittieħdu biex jiġu evitati interruzzjonijiet fis-servizz u biex jitnaqqas ir-riskju; |
|
22. |
Jissottolinja r-responsabbiltà li għandha s-sistema finanzjarja biex tissodisfa l-isfidi relatati mas-sostenibbiltà u tiżgura li l-Unjoni tissodisfa l-obbligi meħuda fil-qafas tal-Ftehim ta’ Pariġi skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima; jenfasizza r-rwol kruċjali tal-Awtorità fl-integrazzjoni ta’ fatturi relatati mal-ambjent u l-governanza u dawk soċjali fil-qafas regolatorju u superviżorju u fil-mobilizzazzjoni u l-iggwidar tal-flussi kapitali privati lejn investimenti sostenibbli; għaldaqstant jisħaq fuq il-ħtieġa li jkun hemm biżżejjed riżorsi biex tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni ta’ dak il-qafas mill-istituzzjonijiet finanzjarji u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali; |
|
23. |
Jistieden lill-Awtorità titfa’ l-attenzjoni tagħha fuq it-tixrid tar-riżultati tar-riċerka tagħha mal-pubbliku, u tikkomunika mal-pubbliku permezz tal-midja soċjali u mezzi oħra tal-midja; |
|
24. |
Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta’ natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Mejju 2020 (4) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji. |
(1) ĠU C 108, 22.3.2018, p. 147.
(2) ĠU C 108, 22.3.2018, p. 149.
(3) Id-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija (ĠU L 327, 5.12.2008, p. 9).
(4) Testi adottati, P9_TA(2020)0121.