Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Konġunt stabbilit mill-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda tat-22 ta' Lulju 1972, fir-rigward tas-sostituzzjoni tal-Protokoll 3 ta' dak il-Ftehim, dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta' "prodotti oriġinarji" u metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva bi Protokoll ġdid li, fir-rigward tar-regoli tal-oriġini, jirreferi għall-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji /* COM/2014/0275 final - 2014/0146 (NLE) */
MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI 1. KUNTEST TAL-PROPOSTA Il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli
preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji[1] (minn hawn 'il quddiem
"il-Konvenzjoni") tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar
l-oriġini ta' prodotti kkummerċjati skont il-Ftehimiet rilevanti
konklużi bejn il-Partijiet Kontraenti. L-UE u l-Islanda ffirmaw
il-Konvenzjoni fil-15 ta' Ġunju 2011 u fit-30 ta' Ġunju 2011
rispettivament. L-UE u l-Islanda ddepożitaw l-istrumenti
tagħhom ta' aċċettazzjoni għand id-depożitarju ta' din
il-Konvenzjoni fis-26 ta' Marzu 2012 u t-12 ta' Marzu 2012, rispettivament.
Bħala konsegwenza, f'applikazzjoni tal-Artikolu 10(3) tagħha,
il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fir-rigward ta' kemm l-UE kif
ukoll l-Islanda fl-1 ta' Mejju 2012. L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni jipprovdi li
kull Parti Kontraenti tieħu miżuri xierqa biex tiżgura li
l-Konvenzjoni tiġi applikata b'mod effettiv. Għal dak il-għan,
il-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika
Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda[2],
għandu jadotta Deċiżjoni li tissostitwixxi l-Protokoll 3 dwar
id-definizzjoni tal-kunċett ta' "prodotti oriġinarji" u
metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva bi Protokoll ġdid li, fir-rigward
tar-regoli tal-oriġini, jirreferi għall-Konvenzjoni. Il-pożizzjoni
li għandha tittieħed mill-UE fi ħdan il-Kumitat Konġunt
għandha tiġi stabbilita mill-Kunsill. 2. IR-RIŻULTATI
TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET
TAL-IMPATT L-Istati Membri tal-UE ġew ikkonsultati
dwar l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill fit-Taqsima tal-Oriġini
tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali tat-13 ta' Mejju 2013. Il-Partijiet
Kontraenti għall-Konvenzjoni ġew ikkonsultati waqt il-laqgħa
tal-grupp ta' ħidma Pan-Ewro-Mediterranju tal-14 u l-15 ta' Mejju 2013. Ma kienx meħtieġ li wieħed
jirrikorri għal għarfien espert estern. Minbarra dan, ma kienx
meħtieġ li wieħed jirrikorri għal valutazzjoni tal-impatt
billi l-adattamenti proposti huma ta' natura teknika u ma jolqtux is-sustanza
tal-protokoll fuq ir-regoli dwar l-oriġini li jinsab fis-seħħ
bħalissa. 3. L-ELEMENTI LEGALI
TAL-PROPOSTA Il-bażi ġuridika għal din
id-Deċiżjoni tal-Kunsill hija l-ewwel subparagrafu
tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Il-proposta taqa' fil-kompetenza esklussiva
tal-Unjoni. Għalhekk il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax. L-istrument li qed jiġi propost:
Deċiżjoni tal-Kunsill. 2014/0146 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha
tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Konġunt stabbilit
mill-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda
tat-22 ta' Lulju 1972, fir-rigward tas-sostituzzjoni tal-Protokoll 3 ta' dak
il-Ftehim, dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta' "prodotti oriġinarji"
u metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva bi Protokoll ġdid li,
fir-rigward tar-regoli tal-oriġini, jirreferi għall-Konvenzjoni
Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini
pan-Ewro-Mediterranji IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu
tal-Artikolu 207(4) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni
Ewropea, Billi: (1) Il-Protokoll Nru 3 tal-Ftehim
bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda[3], minn hawn 'il quddiem
"il-Ftehim", jirrigwarda d-definizzjoni tal-kunċett ta'
“prodotti oriġinarji” u metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva, minn
hawn 'il quddiem il-"Protokoll 3". (2) Il-Konvenzjoni Reġjonali
dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji[4] minn hawn 'il quddiem
"il-Konvenzjoni" tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar
l-oriġini ta' prodotti kkummerċjati skont il-Ftehimiet rilevanti
konklużi bejn il-Partijiet Kontraenti. (3) L-UE u l-Islanda ffirmaw
il-Konvenzjoni fil-15 ta' Ġunju 2011 u fit-30 ta' Ġunju 2011
rispettivament. (4) L-UE u l-Islanda
ddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta' aċċettazzjoni
għand id-depożitarju ta' din il-Konvenzjoni fit-26 ta' Marzu 2012 u
t-12 ta' Marzu 2012, rispettivament. Bħala konsegwenza, f'applikazzjoni
tal-Artikolu 10(3) tagħha, il-Konvenzjoni daħlet
fis-seħħ fir-rigward ta' kemm l-UE kif ukoll l-Islanda fl-1 ta' Mejju
2012. (5) L-Artikolu 6
tal-Konvenzjoni jipprovdi li kull Parti Kontraenti tieħu miżuri
xierqa biex tiżgura li l-Konvenzjoni tiġi applikata b'mod effettiv.
Għal dak il-għan, il-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim
għandu jadotta Deċiżjoni li tissostitwixxi l-Protokoll 3 bi Protokoll
ġdid li, fir-rigward tar-regoli tal-oriġini, jirreferi
għall-Konvenzjoni. (6) Konsegwentement, fil-Kumitat
Konġunt l-Unjoni Ewropea għandha tadotta l-pożizzjoni definita
fl-abbozz ta' Deċiżjoni hawn mehmuż, ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Il-pożizzjoni li għandha tiġi
adottata mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim ta'
Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u
r-Repubblika tal-Islanda fir-rigward tas-sostituzzjoni tal-Protokoll 3 ta' dak
il-Ftehim, dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta' "prodotti oriġinarji"
u metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva bi Protokoll ġdid li,
fir-rigward tar-regoli tal-oriġini, jirreferi għall-Konvenzjoni
Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini
pan-Ewro-Mediterranji, hija ppreżentata fl-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kumitat
Konġunt, mehmuża hawn. Tibdiliet minuri fl-abbozz
tad-Deċiżjoni jistgħu jiġu miftiehma
mir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt mingħajr
deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill. Artikolu 2 Id-Deċiżjoni tal-Kumitat
Konġunt tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea. Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni tidħol
fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4. [2] ĠU L 301, 31.12.1972, p.
2. [3] ĠU L 301, 31.12.1972, p.
2. [4] ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4. ANNESS Abbozz ta'
DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAL-UE-ISLANDA Nru […] ta' […] li temenda l-Protokoll Nru 3 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika
Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta'
"prodotti oriġinarji" u metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva Il-Kumitat
Konġunt, Wara li kkunsidra l-Ftehim bejn il-Komunità
Ekonomika Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda ffirmat fi Brussell fit-22 ta'
Lulju 1972[1],
minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ il-"Ftehim", u b'mod partikolari
l-Artikolu 11 tiegħu, Wara li kkunsidra l-Protokoll 3 tal-Ftehim
dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta' "prodotti oriġinarji"
u l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva, minn hawn' il quddiem
imsejjaħ il-Protokoll 3", Billi: (1)
L-Artikolu 11 tal-Ftehim jirreferi għall-Protokoll
3 li jistabbilixxi r-regoli tal-oriġini u jipprovdi għal
akkumulazzjoni ta' oriġini bejn l-UE, l-Islanda, l-Isvizzera (inkluż
il-Liechtenstein), in-Norveġja, it-Turkija, il-Gżejjer Faeroe u
l-parteċipanti fil-Proċess ta' Barċellona[2]. (2)
L-Artikolu 39 tal-Protokoll 3 jipprovdi li
l-Kumitat Konġunt previst fl-Artikolu 30 tal-Ftehim jista'
jiddeċiedi li jemenda d-dispożizzjonijiet ta' dan il-Protokoll. (3)
Il-Konvenzjoni reġjonali dwar ir-regoli
preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji[3], minn hawn 'il quddiem
"il-Konvenzjoni", għandha l-għan li tissostitwixxi
l-protokolli dwar ir-regoli tal-oriġini li jinsabu fis-seħħ
bħalissa fost il-pajjiżi taż-żona pan-Ewro-Mediterranja
b'att legali wieħed. (4)
L-UE u l-Islanda ffirmaw il-Konvenzjoni fil-15 ta'
Ġunju 2011 u t-30 ta' Ġunju 2011, rispettivament. (5)
L-UE u l-Islanda ddepożitaw l-istrumenti
tagħhom ta' aċċettazzjoni għand id-depożitarju
tal-Konvenzjoni fis-26 ta' Marzu 2012 u t-12 ta' Marzu 2012, rispettivament.
Bħala konsegwenza, f'applikazzjoni tal-Artikolu 10(3) tagħha,
il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fir-rigward kemm tal-UE kif ukoll
tal-Islanda fl-1 ta' Mejju 2012. (6)
Il-parteċipanti fil-Proċess ta'
Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni ddaħħlu fiż-żona
Pan-Ewro-Mediterranja tal-akkumulazzjoni tal-oriġini permezz
tal-Konvenzjoni. (7)
Għalkemm it-tranżizzjoni lejn
il-Konvenzjoni mhix simultanja għall-Partijiet Kontraenti kollha fi
ħdan iż-żona ta' akkumulazzjoni, ma għandhiex twassal
għal sitwazzjoni anqas favorevoli minn qabel skont il-Protokoll. (8)
Il-Protokoll 3 tal-Ftehim għandu għalhekk
jiġi emendat sabiex jagħmel referenza għall-Konvenzjoni. IDDEĊIEDA
KIF ĠEJ: Artikolu 1 Il-Protokoll 3 tal-Ftehim, rigward
id-definizzjoni tal-kunċett ta' "prodotti oriġinarji" u
metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva, jiġi sostitwit bit-test
stabbilit fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni tidħol
fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha. Hija tapplika mill-[1 ta' Settembru 2014]. Magħmul fi Għall-Kumitat
Konġunt Il-President Anness Protokoll 3 dwar
id-definizzjoni tal-kunċett ta' "prodotti oriġinarji" u
metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva Artikolu 1 Ir-regoli
tal-oriġini applikabbli Għall-fini tal-implimentazzjoni ta' dan
il-Ftehim, japplikaw l-Appendiċi I u d-dispożizzjonijiet rilevanti
tal-Appendiċi II tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli
preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji[4], minn hawn' il quddiem
"il-Konvenzjoni". Ir-referenzi kollha għall-"ftehim
rilevanti" f'Appendiċi I u fid-dispożizzjonijiet rilevanti ta' Appendiċi
II tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali ta' oriġini
Pan-Ewro-Mediterranji jinftiehmu bħala li jirreferu għal dan
il-Ftehim. Artikolu 2 Riżoluzzjoni
ta' tilwim Fejn iqumu tilwimiet b'rabta
mal-proċeduri ta' verifikazzjoni tal-Artikolu 32 tal-Appendiċi I
tal-Konvenzjoni li ma jkunux jistgħu jissolvew bejn l-awtoritajiet
doganali li jkunu qed jitolbu l-verifikazzjoni u l-awtoritajiet doganali li
jkunu responsabbli milli jwettqu din il-verifikazzjoni, dawn jitressqu quddiem
il-Kumitat Konġunt. Fil-każijiet kollha, is-soluzzjoni
tat-tilwim bejn l-importatur u l-awtoritajiet doganali tal-pajjiż
tal-importazzjoni ssir skont il-leġiżlazzjoni tal-pajjiż
imsemmi. Artikolu 3 Emendi
għall-Protokoll Il-Kumitat Konġunt jista' jiddeċiedi
li jemenda d-dispożizzjonijiet ta' dan il-Protokoll. Artikolu 4 Irtirar
mill-Konvenzjoni 1. Jekk l-UE jew l-Islanda jagħtu
avviż bil-miktub lid-depożitarju tal-Konvenzjoni dwar l-intenzjoni
tagħhom li jirtiraw mill-Konvenzjoni skont l-Artikolu 9 tagħha,
l-UE u l-Islanda immedjatament jidħlu f'negozjati dwar ir-regoli
tal-oriġini għall-iskop tal-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim. 2. Sad-dħul fis-seħħ ta' dawn
ir-regoli ta' oriġini ġodda nnegozjati, ir-regoli tal-oriġini li
jinsabu f'Appendiċi I u, fejn xieraq, id-dispożizzjonijiet rilevanti
ta' Appendiċi II tal-Konvenzjoni, applikabbli fil-mument tal-irtirar,
jibqgħu japplikaw għal dan il-Ftehim. Madankollu, mill-mument
tal-irtirar, ir-regoli tal-oriġini li jinsabu fl-Appendiċi I u, fejn
xieraq, id-dispożizzjonijiet rilevanti ta' Appendiċi II
tal-Konvenzjoni jiġu interpretati fis-sens li jippermettu akkumulazzjoni
bilaterali bejn l-UE u l-Islanda biss. Artikolu 5 Dispożizzjonijiet
ta' tranżizzjoni – akkumulazzjoni 1. Minkejja l-Artikolu 3
tal-Appendiċi I ta' din il-Konvenzjoni, ir-regoli dwar l-akkumulazzjoni
previsti fl-Artikoli 3 u 4 tal-Protokoll 3 ta' dan il-Ftehim, kif emendati
bid-Deċiżjoni Nru 2/2005 tal-Kumitat Konġunt UE-Islanda tat-22
ta' Diċembru 2005[5],
ikomplu japplikaw bejn l-UE u l-Islanda sakemm il-Konvenzjoni tkun daħlet
fis-seħħ fir-rigward tal-Partijiet Kontraenti kollha elenkati f'dawn
l-Artikoli 3 u 4. 2. Minkejja l-Artikoli 16(5) u 21(3)
tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni, fejn l-akkumulazzjoni tinvolvi biss
l-Istati tal-EFTA, il-Gżejjer Faeroe, l-UE, it-Turkija u
l-parteċipanti fil-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta'
Assoċjazzjoni, il-prova tal-oriġini tista' tkun ċertifikat ta'
moviment EUR.1 jew dikjarazzjoni tal-oriġini. [1] ĠU L 301, 31.12.1972, p. 2. [2] l-Alġerija, l-Eġittu, l-Iżrael,
il-Ġordan, il-Libanu, il-Marokk, il-Palestina, is-Sirja u t-Tuneżija. [3] ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4. [4] ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4. [5] ĠU L 131, 18.5.2006, p. 2.