02016R0438 — MT — 01.04.2020 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/438

tas-17 ta' Diċembru 2015

li jissupplimenta d-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-obbligi tad-depożitarji

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 078 24.3.2016, p. 11)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1619 tat-12 ta' Lulju 2018

  L 271

6

30.10.2018




▼B

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/438

tas-17 ta' Diċembru 2015

li jissupplimenta d-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-obbligi tad-depożitarji

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)



KAPITOLU 1

DEFINIZZJONIJIET U DETTALJI TAL-KUNTRATT MIKTUB

L-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2009/65/KE

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-għan ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

“rabta” tfisser sitwazzjoni li fiha żewġ persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew aktar huma marbuta permezz ta' parteċipazzjoni diretta jew indiretta f'impriża li tirrapreżenta 10 % jew aktar tal-kapital jew tad-drittijiet tal-vot jew li tagħmilha possibbli li tkun eżerċitata influwenza sinifikanti fuq l-ġestjoni tal-intrapriża li fiha hemm il-parteċipazzjoni;

(b) 

“rabta ta' grupp”, tfisser sitwazzjoni li fiha żewġ impriżi jew entitajiet jew aktar jappartjenu għall-istess grupp fit-tifsira tal-Artikolu 2(11) tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewroew u tal-Kunsill ( 1 ), jew l-istandards tal-kontabilità internazzjonali adottati skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewroew u tal-Kunsill ( 2 ).

Artikolu 2

Il-kuntratt ta' ħatra ta' depożitarju

1.  Il-kuntratt li jixhed il-ħatra tad-depożitarju f'konformità mal-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2009/65/KE għandu jsir bejn, minn naħa, id-depożitarju u, min-naħa l-oħra, il-kumpanija ta' investiment jew il-kumpanija maniġerjali għal kull wieħed mill-fondi komuni li timmaniġġja l-kumpanija maniġerjali.

2.  Il-kuntratt għandu jinkludi mill-inqas l-affarijiet li ġejjin:

(a) 

deskrizzjoni tas-servizzi li għandhom ikunu pprovvduti mid-depożitarju u l-proċeduri li għandhom ikunu adottati mid-depożitarju għal kull tip ta' assi li fihom jista' jinvesti l-UCITS u li huma fdati f'idejn id-depożitarju;

(b) 

Deskrizzjoni tal-mod li bih il-funzjonijiet ta' salvagwardja u sorveljanza għandhom jitwettqu skont it-tipi ta' assi u r-reġjuni ġeografiċi li fihom l-UCITS qed jippjana li jinvesti, inkluż fir-rigward tad-dmirijiet ta' salvagwardja, listi tal-pajjiżi kif ukoll il-proċeduri biex jiżdiedu jew jiġu rtirati pajjiżi mil-listi. Din għandha tkun konsistenti mal-informazzjoni pprovduta fir-regoli tal-UCITS, fl-istrumenti ta' inkorporazzjoni u fid-dokumenti tal-offerta rigward l-assi li l-UCITS jista' jinvesti fihom;

(c) 

il-perjodu ta' validità u l-kondizzjonijiet għall-emendar u t-terminazzjoni tal-kuntratt inklużi sitwazzjonijiet li jistgħu jwasslu għat-terminazzjoni tal-kuntratt u d-dettalji dwar il-proċedura tat-terminazzjoni u l-proċeduri li bihom id-depożitarju jibgħat l-informazzjoni rilevanti kollha li s-suċċessur tiegħu;

(d) 

l-obbligi tal-kunfidenzjalità applikabbli għall-partijiet skont il-liġijiet u regolamenti relevanti. Dawn l-obbligi ma għandhomx ixekklu l-abbiltà tal-awtoritajiet kompetenti li jkollhom aċċess għad-dokumenti u l-informazzjoni relevanti;

(e) 

il-mezzi u l-proċeduri li bihom id-depożitarju jittrażmetti lill-kumpanija maniġerjali jew lill-kumpanija ta' investiment l-informazzjoni rilevanti kollha meħtieġa biex twettaq dmirijietha, inkluż l-eżerċitar ta' kwalunkwe drittijiet marbuta mal-assi, u biex il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment tkun f'pożizzjoni li jkollha rendikont ġenerali f'waqtu u akkurat tal-kontijiet tal-UCITS;

(f) 

il-mezzi u l-proċeduri li permezz tagħhom il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment jittrażmettu l-informazzjoni rilevanti kollha jew jiżguraw li d-depożitarju jkollu aċċess għall-informazzjoni kollha meħtieġa biex iwettaq dmirijietu, inklużi l-proċeduri li jiżguraw li d-depożitarju jirċievi informazzjoni minn partijiet oħra maħtura mill-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment;

(g) 

il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti meta tkun qed tiġi kkunsidrata emenda fir-regoli tal-UCITS, fl-istrumenti ta' inkorporazzjoni jew fid-dokumenti tal-offerta, fejn jiġu spjegati s-sitwazzjonijiet li fihom id-depożitarju għandu jiġi mgħarraf, jew fejn ikun meħtieġ il-qbil minn qabel tad-depożitarju sabiex isseħħ l-emenda;

(h) 

l-informazzjoni kollha meħtieġa li trid tiġi skambjata bejn il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment, jew parti terza li taġixxi f'isem l-UCITS, fuq naħa waħda, u d-depożitarju fuq in-naħa l-oħra, relatata mal-bejgħ, is-sottoskrizzjoni, it-tifdija, il-ħruġ, il-kanċellazzjoni u riakkwist ta' unitajiet tal-UCITS;

(i) 

l-informazzjoni kollha meħtieġa li trid tiġi skambjata bejn il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment, jew parti terza li taġixxi f'isem l-UCITS u d-depożitarju relatata mat-twettiq tas-sorveljanza u mat-twettiq tad-doveri tad-depożitarju;

(j) 

fejn il-partijiet fil-kuntratt jipprevedu li se jaħtru partijiet terzi biex iwettqu partijiet mid-dmirijiet rispettivi tagħhom, impenn li jipprovdu, fuq bażi regolari, dettalji ta' kwalunkwe parti terza maħtura u, fuq talba, informazzjoni dwar il-kriterji użati biex tintgħażel il-parti terza u l-passi previsti għall-monitoraġġ tal-attivitajiet imwettqa mill-parti terza magħżula;

(k) 

informazzjoni dwar il-kompiti u r-responsabbiltajiet tal-partijiet fil-kuntratt fir-rigward tal-obbligi marbuta mal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;

(l) 

informazzjoni dwar il-kontijiet kollha tal-flus miftuħa f'isem il-kumpanija ta' investiment jew il-kumpanija maniġerjali li taġixxi f'isem l-UCITS u l-proċeduri li jiżguraw li d-depożitarju se jiġi infurmat kull meta jinfetaħ kont ġdid;

(m) 

dettalji dwar il-proċeduri ta' esklazzjoni tad-depożitarju, inkluża l-identifikazzjoni tal-persuni li għandhom jiġu kkuntattjati fil-kumpanija maniġerjali jew fil-kumpanija ta' investiment mid-depożitarju meta jvara tali proċedura;

(n) 

impenn mid-depożitarju li jinnotifika li s-segregazzjoni tal-assi mhix, jew ma għadhiex suffiċjenti biex tiżgura l-protezzjoni minn insolvenza ta' parti terza, li lilha tkun ġiet delegata s-salvagwardja skont l-Artikolu 22a tad-Direttiva 2009/65/KE f'ġurisdizzjoni speċifika;

(o) 

il-proċeduri li jiżguraw li d-depożitarju, fir-rispett tad-dmirijiet tiegħu, għandu l-kapaċità jistħarreġ dwar il-kondotta tal-kumpanija maniġerjali jew tal-kumpanija ta' investiment u biex jivvaluta l-kwalità tal-informazzjoni riċevuta, inkluż billi jkollu aċċess għall-kotba tal-kumpanija maniġerjali jew tal-kumpanija ta' investiment u permezz ta' żjarat fuq il-post;

(p) 

il-proċeduri li jiżguraw li l-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment tista' teżamina l-prestazzjoni tad-depożitarju fir-rigward tad-doveri tad-depożitarju.

Id-dettalji tal-mezzi u l-proċeduri stabbiliti fil-punti (a) sa (p) għandhom jiġu deskritti fil-kuntratt tal-ħatra tad-depożitarju u fi kwalunkwe emenda sussegwenti għall-kuntratt.

3.  Il-partijiet jistgħu jaqblu li jittrażmettu elettronikament l-informazzjoni kollha li tgħaddi bejniethom, jew parti minnha, sakemm tiġi żgurta reġistrazzjoni xierqa ta' tali informazzjoni.

4.  Sakemm ma jkunx previst mod ieħor mil-liġi nazzjonali, ma għandu jkun hemm l-ebda obbligu li jsir kuntratt miktub speċifiku għal kull fond komuni.

Il-kumpanija maniġerjali u d-depożitarju jistgħu jidħlu fi ftehim ta' kuntratt wieħed li jelenka l-fondi komuni ġestiti minn dik il-kumpanija maniġerjali li għaliha japplika l-kuntratt.

5.  Il-kuntratt li jixhed il-ħatra tad-depożitarju u kwalunkwe ftehim sussegwenti għandu jindika l-liġi applikabbli għall-kuntratt.



KAPITOLU 2

FUNZJONIJIET TAD-DEPOŻITARJU, DMIRIJIET TA' DILIĠENZA DOVUTA, OBBLIGU TA' SEGREGAZZJONI U PROTEZZJONI MILL-INSOLVENZA

(l-Artikolu 22(3), (4) u (5) u l-Artikolu 22a(2)(c) u (d) tad-Direttiva 2009/65/KE)

Artikolu 3

Dmirijiet ta' sorveljanza — rekwiżiti ġenerali

1.  Mal-ħatra tiegħu, id-depożitarju għandu jivvaluta r-riskji assoċjati man-natura, id-daqs u l-kumplessità tal-istrateġija u l-politika ta' investiment tal-UCITS u mal-organizzazzjoni tal-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment. Fuq il-bażi ta' dik il-valutazzjoni, id-depożitarju għandu jfassal proċeduri ta' sorveljanza li jkunu xierqa għall-UCITS u għall-assi li jinvesti fihom u li mbagħad jiġu implimentati u applikati. Dawn il-proċeduri għandhom jiġu aġġornati regolarment.

2.  Fit-twettiq tad-dmirijiet ta' sorveljanza tiegħu skont l-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2009/65/KE, depożitarju għandu jwettaq kontrolli u verifiki ex-post tal-proċessi u l-proċeduri li jkunu taħt ir-responsabbiltà tal-kumpanija maniġerjali jew tal-kumpanija ta' investiment jew ta' parti terza maħtura. Id-depożitarju għandu fiċ-ċirkostanzi kollha jiżgura li teżisti proċedura xierqa ta' verifika u rikonċiljazzjoni u li tiġi implimentata u applikata u eżaminata frekwentement. Il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment għandha tiżguraw li l-istruzzjonijiet kollha relatati mal-assi u l-operazzjonijiet tal-UCITS jintbagħtu lid-depożitarju, ħalli d-depożitarju jkun jista' jwettaq il-verifika jew il-proċedura ta' rikonċiljazzjoni tiegħu stess.

3.  Depożitarju għandu jistabbilixxi proċedura ta' eskalazzjoni ċara u komprensiva biex jittratta ma' sitwazzjonijiet fejn jiġu skoperti diskrepanzi potenzjali matul id-dmirijiet tiegħu ta' sorveljanza, li d-dettalji tagħha għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet tal-kumpanija maniġerjali jew tal-kumpanija ta' investiment meta jkun hemm talba.

4.  Il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment għandha tipprovdu lid-depożitarju, malli jibda dmirijietu u fuq bażi kontinwa u wara, bl-informazzjoni relevanti kollha li jeħtieġ biex jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2009/65/KE inkluża l-informazzjoni li għandha tkun ipprovduta lid-depożitarju minn partijiet terzi.

Il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment għandha tiżgura partikolarment li d-depożitarju jkun jista' jkollu aċċess għall-kotba u biex iwettaq żjarat fuq il-post fil-bini tal-kumpanija maniġerjali jew tal-kumpanija ta' investiment u ta' kwalunkwe fornitur ta' servizzi maħtur mill-kumpanija maniġerjali jew mill-kumpanija ta' investiment, jew li jirrieżamina rapporti u dikjarazzjonijiet ta' ċertifikazzjonijiet esterni rikonoxxuti minn awdituri indipendenti u kwalifikati jew esperti oħra sabiex jiżgura l-adegwatezza u r-rilevanza tal-proċeduri fis-seħħ.

Artikolu 4

Dmirijiet marbuta mas-sottoskrizzjonijiet u t-tifdijiet

1.  Depożitarju għandu jitqies li jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt (a) tal-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2009/65/KE fejn huwa jiżgura li l-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment stabbilixxew proċedura xierqa u konsistenti u qed jimplimentawha u japplikawha:

(a) 

jirrikonċilja l-ordnijiet ta' sottoskrizzjoni mar-rikavat mis-sottoskrizzjonijiet, kif ukoll l-għadd ta' unitajiet maħruġa mir-rikavat mis-sottoskrizzjonijiet li jirċievi l-UCITS;

(b) 

jirrikonċilja l-ordnijiet ta' tifdija mat-tifdijiet imħallsa, kif ukoll l-għadd ta' unitajiet ikkanċellati mill-amortizzazzjonijiet imħallsa mill-UCITS;

(c) 

jivverifika fuq bażi regolari li l-proċedura ta' rikonċiljazzjoni hija xierqa.

Għall-finijiet tal-punti (a), (b) u (c), id-depożitarju għandu partikolarment jiċċekkja regolarment il-konsistenza bejn l-għadd totali tal-unitajiet fil-kontijiet tal-UCITS u l-għadd totali ta' unitajiet pendenti li jidhru fir-reġistru tal-UCITS.

2.  Depożitarju għandu jiżgura u jiċċekkja b'mod regolari li l-proċeduri rigward il-bejgħ, il-ħruġ, ir-riakkwist, it-tifdija u l-kanċellazzjoni ta' unitajiet tal-UCITS jikkonformaw mal-liġi nazzjonali applikabbli u mar-regoli tal-UCITS jew l-istrumenti ta' inkorporazzjoni u jivverifika li dawn il-proċeduri huma effettivament implimentati.

3.  Il-frekwenza tal-kontrolli tad-depożitarju għandha tkun konsistenti mal-fluss tas-sottoskrizzjonijiet u t-tifdijiet.

Artikolu 5

Dmirijiet marbuta mal-valwazzjoni tal-unitajiet

1.  Depożitarju għandu jitqies li jikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fil-punt (b) tal-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2009/65/KE meta jistabbilixxi proċeduri biex:

(a) 

jivverifika fuq bażi regolari li proċeduri xierqa u konsistenti jkunu stabbiliti u applikati għall-valwazzjoni tal-assi tal-UCITS f'konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli u mal-Artikolu 85 tad-Direttiva 2009/65/KE u mar-regoli u l-istrumenti ta' inkorporazzjoni tal-UCITS;

(b) 

jiżgura li l-politiki u l-proċeduri tal-valwazzjoni jkunu effettivament implimentati u riveduti perjodikament.

2.  Id-depożitarju, għandu jwettaq il-verifiki msemmija fil-paragrafu 1 bi frekwenza konsistenti mal-frekwenza tal-politika ta' valwazzjoni tal-UCITS kif definit fil-liġi nazzjonali adottata f'konformità mal-Artikolu 85 tad-Direttiva 2009/65/KE, u skont ir-regoli jew l-istrumenti ta' inkorporazzjoni tal-UCITS.

3.  Meta depożitarju jqis li l-kalkolu tal-valur tal-unitajiet tal-UCITS ma twettaqx skont il-liġi applikabbli jew ir-regoli tal-UCITS jew mal-istrumenti ta' inkorporazzjoni, huwa għandu jinnotifika lill-kumpanija maniġerjali jew lill-kumpanij ata' investiment u jiżgura li tittieħed azzjoni rimedjali f'waqtha fl-aħjar interessi tal-investituri fl-UCITS.

Artikolu 6

Dmirijiet marbuta mat-twettiq tal-istruzzjonijiet tal-UCITS.

Depożitarju għandu jitqies li jikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fil-punt (c) tal-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2009/65/KE meta jistabbilixxi u jimplimenta mill-inqas:

(a) 

proċeduri xierqa biex jivverifika li l-istruzzjonijiet tal-kumpanija maniġerjali jew il-kumpannija ta' investiment jikkonformaw mal-liġijiet u r-regolamenti applikabbli u mar-regoli tal-UCITS u l-istrumenti ta' inkorporazzjoni;

(b) 

proċedura ta' eskalazzjoni meta l-UCITS ikun kiser waħda mil-limiti jew ir-restrizzjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu.

Għall-finijiet tal-punt (a), id-depożitarju għandu jimmonitorja partikolarment il-konformità UCITS mar-restrizzjonijiet tal-investiment u l-limiti tal-ingranaġġ li l-UCITS hija suġġetta għalihom. Il-proċeduri msemmija fil-punt (a) għandhom ikunu proporzjonati għan-natura, id-daqs u l-kumplessità tal-UCITS.

Artikolu 7

Dmirijiet marbuta mas-saldu f'waqtu tat-tranżazzjonijiet

1.  Depożitarju għandu jitqies li jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt (d) tal-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2009/65/KE meta jistabbilixxi proċedura biex jiskopri kwalunkwe sitwazzjoni fejn korrispettiv fi tranżazzjonijiet li jinvolvu l-assi tal-UCITS ma jkunx rimess għall-UCITS fil-limiti taż-żmien tas-soltu, jinnotifika lill-kumpanija maniġerjali jew lill-kumpanija ta' investiment kif xieraq u, fejn is-sitwazzjoni ma ġietx rimedjata, jitlob ir-restituzzjoni tal-assi mill-kontroparti fejn possibbli.

2.  Fejn it-tranżazzjonijiet ma jsirux f'suq regolat, id-depożitarju għandu jwettaq id-dmirijiet tiegħu skont il-paragrafu 1 filwaqt li jqis il-kondizzjonijiet marbuta ma' dawn it-tranżazzjonijiet.

Artikolu 8

Dmirijiet relatati mal-kalkolu u d-distribuzzjoni tal-introjtu tal-UCITS

1.  Sabiex jikkonforma mal-obbligi msemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2009/65/KE fejn huwa:

(a) 

jiżgura li l-kalkolu tal-introjtu nett huwa applikat f'konformità mar-regoli tal-UCITS, fl-istrumenti ta' inkorporazzjoni u fil-liġi nazzjonali applikabbli kull darba li l-introjtu għandu jkun distribwit;

(b) 

jiżgura li jittieħdu miżuri xierqa fejn l-awdituri tal-UCITS ikunu esprimew riżervi dwar ir-rapporti finanzjarji annwali. Il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment għandhom jipprovdu lid-depożitarju bl-informazzjoni kollha dwar ir-riżervi espressi dwar ir-rapporti finanzjarji;

(c) 

jivverifikaw il-kompletezza u l-akkuratezza tal-pagamenti tad-dividendi, kull darba li l-introjtu għandu jkun distribwit.

2.  Meta depożitarju jqis li l-kalkolu tal-introjtu ma kienx applikat skont il-liġi applikabbli jew ir-regoli tal-UCITS jew l-istrumenti ta' inkorporazzjoni, huwa għandu jinnotifika lill-kumpanija maniġerjali jew lill-kumpanija ta' investiment u jiżgura li tkun ittieħdet azzjoni ta' rimedju fil-ħin u fl-aħjar interess tal-investituri tal-UCITS.

Artikolu 9

Monitoraġġ tal-flus — rekwiżiti ġenerali

1.  Fejn kont tal-flus jinżamm jew jinfetaħ f'entità msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 22(4) tad-Direttiva 2009/65/KE f'isem il-kumpanija ta' investiment jew il-kumpanija maniġerjali li taġixxi f'isem l-UCITS, il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija tal-investiment għandha tiżgura li d-depożitarju jingħata, malli jibda d-dmirijiet tiegħu u fuq bażi kontinwa, l-informazzjoni rilevanti kollha meħtieġa biex ilkollu rendikont ġenerali ċar tal-flussi tal-flus tal-UCITS kollha ħalli d-depożitarju jkun jista' jikkonforma mal-obbligi tiegħu.

2.  Mal-ħatra tad-depożitarju, il-kumpanija ta' investiment jew il-kumpanija maniġerjali għandha tgħarraf lid-depożitarju dwar il-kontijiet tal-flus eżistenti kollha miftuħa f'isem l-UCITS, jew il-kumpanija tal-immaniġġjar li taġixxi f'isem l-UCITS.

3.  Il-kumpanija ta' investiment jew il-kumpanija ta' ġestjoni għandha tiżgura li d-depożitarju jingħata l-informazzjoni kollha relatata mal-ftuħ ta' kwalunkwe kont tal-flus ġdid mill-kumpanija ta' investiment, jew mill-kumpanija maniġerjali li taġixxi f'isem l-UCITS.

Artikolu 10

Monitoraġġ tal-flussi tal-flus tal-UCITS

1.  Depożitarju għandu jitqies li jikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 22(4) tad-Direttiva 2009/65/KE, fejn dan jiżgura monitoraġġ effettiv u xieraq tal-flussi tal-flus tal-UCITS, u, b'mod partikolari, li tal-anqas:

(a) 

jiżgura li l-flus kollha tal-UCITS jiġu rreġistrati f'kontijiet miftuħa ma' bank ċentrali jew istituzzjoni awtorizzata ta' kreditu skont id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ) jew istituzzjoni ta' kreditu awtorizzata f'pajjiż terz, fejn il-kontijiet tal-flus huma meħtieġa għall-finijiet ta' operazzjonijiet tal-UCITS, sakemm rekwiżiti superviżorji u regolatorji prudenzjali applikati għall-istituzzjonijiet ta' kreditu f'dak il-pajjiż terz ikunu kkunsidrati mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-UCITS bħala mill-inqas ekwivalenti għal dawk applikati fl-Unjoni.

(b) 

jimplimenta proċeduri xierqa u effettivi biex jirrikonċilja l-movimenti tal-flussi tal-flus kollha u jwettaq tali rikonċiljazzjonijiet kuljum jew, fil-każ ta' movimenti ta' flus mhux frekwenti, meta jseħħu tali movimenti fil-flussi tal-flus;

(c) 

jimplimenta proċeduri xierqa biex jidentifika fl-għeluq ta' kull ġurnata tan-negozju flussi tal-flus sinifikanti u flussi tal-flus li jistgħu jkunu inkonsistenti mal-operat tal-UCITS;

(d) 

jirrevedi perjodikament l-adegwatezza ta' dawk il-proċeduri inkluż permezz ta' rieżami sħiħ tal-proċess ta' rikonċiljazzjoni mill-inqas darba fis-sena u jiżgura li l-kontijiet tal-flus miftuħa f'isem il-kumpanija ta' investiment jew f'isem il-kumpanija maniġerjali li taġixxi f'isem l-UCITS jew f'isem id-depożitarju li jaġixxi f'isem l-UCITS jiġu inklużi fil-proċess ta' rikonċiljazzjoni;

(e) 

jimmonitorja fuq bażi kontinwa r-riżultati tar-rikonċiljazzjonijiet u l-azzjonijiet meħuda bħala riżultat ta' kwalunkwe diskrepanza identifikata permezz tal-proċeduri ta' rikonċiljazzjoni u jinnotifika mingħajr dewmien żejjed lill-kumpanija maniġerjali jew lill-kumpanija ta' investiment. jekk irregolarità ma tkunx ġiet ikkoreġuta kif ukoll lill-awtoritajiet kompetenti jekk is-sitwazzjoni ma tistax tkun ikkoreġuta;

(f) 

jivverifika li hemm konsistenza bejn ir-rekords tiegħu stess tal-pożizzjonijiet tal-flus ma' dawk tal-UCITS.

Sabiex tiġi evalwata l-ekwivalenza ta' rekwiżiti superviżorji u regolatorji prudenzjali li jkunu applikati għal istituzzjonijiet ta' kreditu ta' pajjiż terz imsemmi fil-punt (a), l-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu l-atti ta' implimentazzjoni adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 107(4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 ).

2.  Il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment għandha tiżgura li l-istruzzjonijiet u l-informazzjoni kollha relatati ma' kont tal-flus miftuħ ma' parti terza jintbagħtu lid-depożitarju, ħalli d-depożitarju jkun jista' jwettaq il-proċedura ta' rikonċiljazzjoni tiegħu stess.

Artikolu 11

Dmirijiet mal-pagamenti mas-sottoskrizzjonijiet

Il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment għandha tiżgura li d-depożitarju jingħata l-informazzjoni dwar pagamenti magħmula minn jew għan-nom tal-investituri mas-sottoskrizzjoni ta' unitajiet ta' UCITS fl-għeluq ta' kull ġurnata ta' negozju meta l-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment li jaġixxu f'isem l-UCITS, jew parti li taġixxi f'isem UCITS, bħal aġent tat-trasferiment, jirċievi tali pagamenti jew ordni mingħand l-investitur. Il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment għandha tiżgura li d-depożitarju jirċievi l-informazzjoni l-oħra rilevanti kollha li jeħtieġ biex jiżgura li l-pagamenti jiġu rreġistrati fil-kontijiet tal-flus miftuħa f'isem il-kumpanij ata' investiment jew f'isem il-kumpanija maniġerjali li taġixxi f'isem l-UCITS jew f'isem id-depożitarju skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22(4) tad-Direttiva 2009/65/KE.

Artikolu 12

Strumenti finanzjarji li għandhom jinżammu f'kustodja

1.  Strumenti finanzjarji li jappartjienu lill-UCITS li ma jistgħux jiġu fiżikament ikkonsenjati lid-depożitarju għandhom jiġu inklużi fl-ambitu tad-dmirijiet ta' kustodja tad-depożitarju fejn ir-rekwiżiti li ġejjin kollha jkunu ssodisfati:

(a) 

Dawn huma strumenti finanzjarji msemmija fil-punti (a) sa (e) u (h) tal-Artikolu 50(1) tad-Direttiva 2009/65/KE jew titoli trasferibbli li jinkorporaw derivattivi kif imsemmi fir-raba' subparagrafu tal-Artikolu 51(3) tad-Direttiva 2009/65/KE;

(b) 

ikunu jistgħu jiġu rreġistrati jew miżmuma f'kont tat-titoli direttament jew indirettament f'isem id-depożitarju.

2.  Strumenti finanzjarji li skont il-liġi nazzjonali applikabbli huma biss direttament irreġistrati f'isem l-UCITS mal-emittent innifsu jew mal-aġent tiegħu, bħal reġistratur jew aġent tat-trasferiment, ma għandhomx jinżammu f'kustodja.

3.  Strumenti finanzjarji li jappartjenu lill-UCITS li jistgħu jiġu fiżikament ikkonsenjati lid-depożitarju dejjem għandhom jiġu inklużi fl-ambitu tad-dmirijiet ta' kustodja tad-depożitarju.

Artikolu 13

Dmirijiet ta' salvagwardja marbuta mal-assi miżmuma f'kustodja

1.  Depożitarju għandu jkun ikkunsidrat li jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt (a) tal-Artikolu 22(5) tad-Direttiva 2009/65/KE fir-rigward ta' strumenti finanzjarji li għandhom jinżammu f'kustodja, fejn huwa jiżgura li:

(a) 

l-istrumenti finanzjarji huma rreġistrati sew skont l-Artikolu 22(5)(a)(ii) tad-Direttiva 2009/65/KE;

(b) 

jinżammu rekords u kontijiet segregati b'mod li jiżgura l-preċiżjoni tagħhom, u partikolarment jirreġistra l-korrispondenza ma' strumenti finanzjarji u flus miżmuma għall-UCITS;

▼M1

(c) 

ir-rikonċiljazzjonijiet jitwettqu ta' spiss skont kemm meħtieġ bejn il-kontijiet interni u r-rekords tad-depożitarju u dawk ta' kull parti terza li lilha tkun ġiet iddelegata s-salvagwardja skont l-Artikolu 22a tad-Direttiva 2009/65/KE;

▼B

(d) 

tiġi eżerċitata attenzjoni dovuta b'rabta mal-istrumenti finanzjarji miżmuma f'kustodja sabiex jiġi żgurat standard għoli ta' protezzjoni għall-investituri;

(e) 

ir-riskji rilevanti kollha tal-kustodja tul il-katina sħiħa tal-kustodja huma vvalutati u mmonitorjati u l-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment ikunu infurmati dwar kwalunkwe riskju materjali identifikat;

(f) 

hemm arranġamenti organizzazzjonali adegwati sabiex ikun imminimizzat ir-riskju ta' telf jew tnaqqis fl-istrumenti finanzjarji, jew ta' drittijiet marbuta ma' dawk l-istrumenti finanzjarji b'riżultat ta' frodi, amministrazzjoni ħażina, reġistrar inadegwat jew negliġenza;

(g) 

id-dritt tas-sjieda tal-UCITS jew id-dritt tas-sjieda tal-kumpanija maniġerjali li taġixxi f'isem l-UCITS fuq l-assi jiġi vverifikat.

▼M1

Fir-rigward tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu, il-frekwenza ta' rikonċiljazzjonijiet għandha tiġi stabbilita fuq il-bażi ta' dawn li ġejjin:

(a) 

l-attività kummerċjali normali tal-UCITS;

(b) 

kull operazzjoni li sseħħ barra mill-attività normali tan-negozjar;

(c) 

kull operazzjoni li sseħħ f'isem kull klijent ieħor li l-assi tiegħu jinżammu mill-parti terza fl-istess kont ta' strumenti finanzjarji bħal dak tal-assi tal-UCITS.

▼M1

2.  Meta depożitarju jkun iddelega l-funzjonijiet ta' salvagwardja tiegħu fir-rigward ta' assi miżmuma f'kustodja, lil parti terza skont l-Artikolu 22a tad-Direttiva 2009/65/KE, għandu jibqa' soġġett għar-rekwiżiti tal-punti minn (a) sa (e) tal-paragrafu 1. Id-depożitarju għandu wkoll jiżgura li l-parti terza tikkonforma mar-rekwiżiti tal-punti minn (b) sa (g) tal-paragrafu 1.

▼B

Artikolu 14

Dmirijiet ta' salvagwardja marbuta mal-verifika tas-sjieda u ż-żamma tar-rekords

1.  Il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment għandhom jipprovdu lid-depożitarju, malli jibda d-dmirijiet tiegħu u fuq bażi kontinwa minn dakinhar 'l hemm, bl-informazzjoni rilevanti kollha li huwa jeħtieġ biex jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont il-punt (b) tal-Artikolu 22(5) tad-Direttiva 2009/65/KE, u jiżgura li d-depożitarju jingħata l-informazzjoni rilevanti kollha mingħand il-partijiet terzi.

2.  Sabiex depożitarju jitqies li hua konformi mar-rekwiżiti msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 22(5) tad-Direttiva 2009/65/KE fejn mill-inqas:

(a) 

ikollu aċċess mingħajr dewmien żejjed għall-informazzjoni rilevanti kollha li jeħtieġ biex iwettaq il-verifika tiegħu tas-sjieda u d-dmirijiet taż-żamma ta' reġistri, inkluża l-informazzjoni rilevanti li għandha tingħata lid-depożitarju minn partijiet terzi;

(b) 

ikollu informazzjoni suffiċjenti u affidabbli biex ikun issodisfat mid-dritt ta' proprjetà tal-UCITS fuq l-assi;

(c) 

iżomm rekord ta' dawk l-assi kollha li għalihom ikun issodisfat li l-UCITS għandu s-sjieda billi:

(i) 

jirreġistra fir-rekords tiegħu, f'isem l-UCITS, assi, inklużi l-ammonti nozzjonali rispettivi tagħhom, li għalihom huwa ssodisfat li l-UCITS ikollu sjieda;

(ii) 

ikun kapaċi jipprovdi fi kwalunkwe ħin inventarju komprensiv u aġġornat tal-assi tal-UCITS, inklużi l-ammonti nozzjonali rispettivi tagħhom.

Għall-finijiet tal-punt (c)(ii) ta' dan il-paragrafu, id-depożitarju għandu jiżgura li jkollu fis-seħħ proċeduri biex l-assi reġistrati ma jkunux jistgħu jiġu assenjati, ittrasferiti, skambjati jew ikkunsinnati mingħajr ma d-depożitarju jew il-parti terza li lilha tkun ġiet delegata s-salvagwardja skont l-Artikolu 22a tad-Direttiva 2009/65/KE ma jkunu infurmata dwar tali tranżazzjonijiet. Id-depożitarju għandu jkollu aċċess mingħajr dewmien żejjed għal evidenza dokumentarja ta' kull tranżazzjoni u pożizzjoni mingħand il-parti terza rilevanti. Il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment għandhom jiżguraw li l-parti terza rilevanti tipprovdi lid-depożitarju mingħajr dewmien żejjed b'ċertifikati jew evidenza oħra dokumentarja kull darba li jsir bejgħ jew akkwist ta' assi jew azzjoni korporattiva li tirriżulta fil-ħruġ ta' strumenti finanzjarji u mill-inqas darba fis-sena.

3.  Depożitarju għandu jiżgura li l-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment għandha u timplimenta proċeduri xierqa biex jivverifikaw li l-assi akkwistati mill-UCITS jiġu rreġistrati kif xieraq f'isem l-UCITS, u għandu jivverifika l-konsistenza bejn il-pożizzjonijiet fir-rekords tal-UCITS u l-assi li dwarhom id-depożitarju huwa ssodisfat li l-UCITS għandha s-sjieda. Il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment għandha tiżgura li l-istruzzjonijiet u l-informazzjoni rilevanti kollha relatati mal-assi u l-operazzjonijiet tal-UCITS jintbagħtu lid-depożitarju, ħalli d-depożitarju jkun jista' jwettaq il-verifika jew il-proċedura ta' rikonċiljazzjoni tiegħu stess.

4.  Depożitarju għandu jwaqqaf u jimplimenta proċedura ta' eskalazzjoni għal sitwazzjonijiet fejn tiġi skoperta xi diskrepanza inkluża n-notifika lill-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment u lill-awtoritajiet kompetenti jekk is-sitwazzjoni ma tistax tiġi kkoreġuta.

Artikolu 15

Diliġenza dovuta

1.  Depożitarju għandu jitqies li jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt (c) tal-Artikolu 22a(2) tad-Direttiva 2009/65/KE fejn dan jimplimenta u japplika proċedura ta' diliġenza dovuta xierqa u ddokumentata għall-għażla u l-monitoraġġ kontinwu ta' parti terza, li lilha għandhom jiġu delegati jew ġew delegati funzjonijiet ta' salvagwardja b'konformità mal-Artikolu 22a ta' dik id-Direttiva. Dik il-proċedura għandha tiġi rieżaminata regolarment u, mill-inqas, darba fis-sena.

2.  Meta jagħżel u jaħtar parti terza, li lilha għandhom ikunu delegati funzjonijiet ta' salvagwardja skont l-Artikolu 22a tad-Direttiva 2009/65/KE, depożitarju għandu jeżerċita l-attenzjoni u d-diliġenza dovuta kollha biex jiżgura li meta l-parti terza tiġi fdata bl-istrumenti finanzjarji jkun hemm standard adegwat ta' protezzjoni. Id-depożitarju għandu mill-inqas:

(a) 

jivvaluta l-qafas regolatorju u ġuridiku, inkluż ir-riskju tal-pajjiż, ir-riskju tal-kustodja u l-eżegwibilità tal-kuntratti ma' dik il-parti terza. Dik il-valutazzjoni għandha b'mod partikolari tippermetti li d-depożitarju jiddetermina l-implikazzjonijiet ta' insolvenza potenzjali tal-parti terza għall-assi u d-drittijiet tal-UCITS.

(b) 

jiżgura li l-valutazzjoni tal-eżegwibilità tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali msemmija fil-punt (a), meta l-parti terza tkun tinsab f'pajjiż terz, hija bbażata fuq il-parir legali ta' persuna fiżika jew ġuridika indipendenti mid-depożitarju jew minn dik il-parti terza;

(c) 

jivvaluta jekk il-prassi, il-proċeduri u l-kontrolli interni tal-parti terza humiex adegwati sabiex jiżguraw li l-assi tal-UCITS igawdu standard għoli ta' attenzjoni u protezzjoni;

(d) 

jivvaluta jekk is-saħħa finanzjarja u r-reputazzjoni tal-parti terza humiex konsistenti mal-kompiti delegati. Dik il-valutazzjoni għandha tkun ibbażata fuq informazzjoni pprovduta mill-parti terza potenzjali kif ukoll dejta u informazzjoni oħra;

(e) 

jiżgura li l-parti terza għandha l-kapaċitajiet operazzjonali u teknoloġiċi biex twettaq il-kompiti delegati tas-salvagwardja b'livell għoli ta' protezzjoni u sigurtà.

▼M1

2a.  Kuntratt li bih id-depożitarju jaħtar parti terza biex iżżomm l-assi tal-klijenti UCITS ta' dan id-depożitarju f'kustodja, għandu jinkludi tal-anqas id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

garanzija tad-dritt tad-depożitarju għall-informazzjoni, l-ispezzjoni, u l-aċċess għar-rekords u l-kontijiet ta' strumenti finanzjarji rilevanti tat-tielet parti li qed issomm l-assi f'kustodja biex id-depożitarju jkun jista' jwettaq is-sorveljanza u l-obbligi tad-diliġenza dovuta u b'mod partikolari jippermettu lid-depożitarju li:

(i) 

jidentifika l-entitajiet kollha fil-katina sħiħa tal-kustodja;

(ii) 

jivverifika li l-kwantità tal-istrumenti finanzjarji identifikati rreġistrati fil-kontijiet tal-istrumenti finanzjarji miftuħa fil-kotba tad-depożitarju f'isem l-UCITS jew f'isem il-kumpanija maniġerjali li taġixxi f'isem il-UCITS, tkun taqbel mal-kwantità tal-istrumenti finanzjarji identifikati miżmuma f'kustodja mill-parti terza għal dik l-UCITS kif irreġistrat fil-kont ta' strumenti finanzjarji miftuħ fil-kotba tal-parti terza;

(iii) 

jivverifika li l-kwantità ta' strumenti finanzjarji identifikati, li huma rreġistrati u miżmuma f'kont ta' strumenti finanzjarji miftuħ fid-Depożitarju Ċentrali tat-Titoli (“CSD”- Central Securities Depository) tal-emittenti, jew l-aġent tiegħu, f'isem parti terza f'isem il-klijenti tagħha, tkun taqbel mal-kwantità ta' strumenti finanzjarji identifikati rreġistrati fil-kontijiet tal-istrumenti finanzjarji miftuħa fil-kotba tad-depożitarju f'isem f'kull wieħed mill-klijenti tal-UCITS tiegħu jew f'isem il-kumpanija maniġerjali li taġixxi f'isem l-UCITS.

(b) 

dettalji tad-drittijiet u l-obbligi ekwivalenti miftiehma bejn il-parti terza u parti terza oħra, f'każ ta' iktar delega tal-funzjonijiet ta' kustodja.

▼B

3.  Depożitarju għandu jeżerċita ħila, kura u diliġenza dovuta fir-rieżami perjodiku u l-monitoraġġ kontinwu ħalli jiżgura li l-parti terza tibqa' konformi mal-kriterji previsti fil-paragrafu 2 u mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a) sa (e) tal-paragrafu 3 tal-Artikolu 22a tad-Direttiva 2009/65/KE u għall-inqas għandu:

(a) 

jimmonitorja l-prestazzjoni tal-parti terza u l-konformità tagħha mal-istandards tad-depożitarju;

(b) 

jiżgura li l-parti terza teżerċita standard għoli ta' attenzjoni, prudenza u diliġenza fit-twettiq tal-kompiti tagħha ta' salvagwardja u partikolarment li effettivament tissegrega l-istrumenti finanzjajri f'konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 16 ta' dan ir-Regolament;

(c) 

janalizza r-riskji tal-kustodja assoċjati mad-deċiżjoni li jiġu fdati assi għand il-parti terza u mingħajr dewmien jinnotifika lill-kumpanija maniġerjali jew lill-kumpanija ta' investiment bi kwalunkwe bidla f'dawn ir-riskji. Din il-valutazzjoni għandha tkun ibbażata fuq informazzjoni pprovduta mill-parti terza kif ukoll fuq dejta u informazzjoni oħra. Matul taqlib fis-suq jew meta jiġi identifikat riskju, il-frekwenza u l-ambitu tal-analiżi għandhom jiżdiedu;

(d) 

monitoraġġ tal-konformità tal-projbizzjoni prevista fil-paragrafu 7 tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2009/65/KE;

(e) 

monitoraġġ tal-konformità tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 25 tad-Direttiva 2009/65/KE u r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 21 sa 24 ta' dan ir-Regolament.

4.  Il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom japplikaw mutatis mutandis meta l-parti terza, għand min ġew iddelegati funzjonijiet ta' salvagwardja skont l-Artikolu 22a tad-Direttiva 2009/65/KE, tiddeċiedi li tiddelega l-funzjonijiet tagħha ta' salvagwardja kollha jew parti minnhom lil parti terza oħra skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 22a(3) tad-Direttiva 2009/65/KE.

5.  Depożitarju għandu jfassal pjanijiet ta' kontinġenza għal kull suq li fih jaħtar parti terza lilha jkunu delegati funzjonijiet ta' salvagwardja skont l-Artikolu 22a tad-Direttiva 2009/65/KE. Pjan ta' kontinġenza għandu jinkludi l-identifikazzjoni ta' fornitur alternattiv, jekk jeżisti.

6.  Depożitarju għandu jieħu miżuri, inkluża t-terminazzjoni tal-kuntratt, li huma fl-aħjar interess tal-UCITS u tal-investituri tiegħu meta l-parti terza għand min tkun ġiet iddelegata l-kustodja skont l-Artikolu 22a tad-Direttiva 2009/65/KE ma tibqax tikkonforma mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament.

7.  Meta depożitarju ikun iddelega l-funzjonijiet ta' kustodja tiegħu skont l-Artikolu 22a tad-Direttiva 2009/65/KE lil parti terza li tinsab f'pajjiż terz, huwa għandu jiżgura li l-Ftehim mal-parti terza jippermetti għal terminazzjoni bikrija, b'kont meħud tal-ħtieġa li jaġixxi fl-aħjar interess tal-UCITS u tal-investituri tiegħu, f'każ li l-liġijiet tal-insolvenza applikabbli u l-każistika ma jibqgħux jirrikonoxxu s-segregazzjoni tal-assi tal-UCITS f'każ ta' insolvenza jew il-parti terza jew il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-liġi u l-ġurisprudenza ma jibqgħux jiġu sodisfatti.

8.  Fejn il-liġi applikabbli ta' insolvenza u l-ġurisprudenza ma tibqax tirrikonoxxi s-segregazzjoni tal-assi tal-UCITS fil-każ ta' insolvenza tal-parti terza li lilha jkunu ġew delegati funzjonijiet ta' salvagwardja skont l-Artikolu 22a tad-Direttiva 2009/65/KE jew ma tibqax tiżgura li l-assi tal-klijenti tad-depożitarju tal-UCITS ma jiffurmawx parti mill-propjetà tal-parti terza f'każ ta' insolvenza u ma jkunux disponibbli biex jitqassmu fost jew jiġu realizzati għall-benefiċċju ta' kredituri tal-parti terza li lilha jkunu ġew delegati funzjonijiet ta' salvagwardja skont l-Artikolu 22a tad-Direttiva 2009/65/KE, id-depożitarju għandu jinforma immedjatament lill-kumpanija maniġerjali jew lill-kumpanija ta' investiment.

9.  Malli tirċievi l-informazzjoni msemmija taħt il-paragrafu 8, il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment għandha immedjatament tinnotifika lill-awtorità kompetenti tagħha b'tali informazzjoni u tikkunsidra l-miżuri kollha xierqa f'dak li għandu x'jaqsam mill-assi tal-UCITS rilevanti, inkluż li tiddisponi minnhom filwaqt li titqies il-ħtieġa li taġixxi fl-aħjar interess tal-UCITS u tal-investituri tagħha.

Artikolu 16

Obbligu ta' segregazzjoni

▼M1

1.  Meta l-funzjonijiet ta' salvagwardja jkunu ġew delegati kompletament jew parzjalment lil parti terza, depożitarju għandu jiżgura li l-parti terza li lilha jkunu ġew iddelegati l-funzjonijiet ta' salvagwardja skont l-Artikolu 22a tad-Direttiva 2009/65/KE, taġixxi skont l-obbligu tas-segregazzjoni stabbilit fil-punt (c) tal-Artikolu 22a(3) ta' dik id-Direttiva filwaqt li jiżgura u jivverifika li l-parti terza:

(a) 

tirreġistra kif xieraq l-istrumenti finanzjarji kollha identifikati fil-kont ta' strumenti finanzjarji li jinfetaħ fil-kotba tal-parti terza, sabiex jinżammu f'kustodja l-istrumenti finanzjarji għall-klijenti tad-depożitarju, li jeskludi l-istrumenti finanzjarji proprjetarji tad-depożitarju u tal-parti terza u tal-klijenti l-oħra tal-parti terza, biex id-depożitorju jkun jista' jaqbel mal-kwantità tal-istrumenti finanzjarji identifikati rreġistrati fil-kontijiet miftuħa fil-kotba tad-depożitarju f'isem kull wieħed mill-klijenti tiegħu tal-UCITS jew f'isem il-kumpanija maniġerjali li taġixxi f'isem l-UCITS;

(b) 

iżżomm ir-rekords u l-kontijiet tal-istrumenti finanzjarji kollha meħtieġa biex id-depożitarju jkun jista' f'kull ħin u mingħajr dewmien jiddistingwi l-assi tal-klijenti tad-depożitarju mill-assi proprji tal-parti terza, l-assi tal-klijenti l-oħra tal-parti terza u l-assi miżmuma għad-depożitarju f'ismu stess;

(c) 

iżżomm rekords u kontijiet ta' strumenti finanzjarji b'mod li jiżgura l-preċiżjoni tagħhom, u b'mod partikolari li l-korrispondenza tagħhom għall-assi jinżammu sikuri, għall-klijenti UCITS tad-depożitarju u li abbażi tagħhom id-depożitarju jkun jista' f'kull ħin jistabbilixxi n-natura preċiża, il-pożizzjoni u l-istatus tas-sjieda ta' dawn l-assi;

(d) 

tipprovdi lid-depożitarju b'dikjarazzjoni, fuq bażi regolari u kull meta sseħħ bidla fiċ-ċirkostanzi, filwaqt li tagħti dettalji dwar l-assi tal-klijenti tad-depożitarju tal-UCITS;

(e) 

twettaq rikonċiljazzjonijiet, ta' spiss kemm ikun meħtieġ, bejn il-kontijiet tal-istrumenti finanzjarji tagħha u r-rekords interni u dawk tal-parti terza li lilha jkunu ġew iddelegati l-funzjonijiet ta' kustodja skont il-punt (c) tal-Artikolu 22a(3) tad-Direttiva 2009/65/KE.

Il-frekwenza tar-rikonċiljazzjoni għandha tiġi determinata f'konformità mal-Artikolu 13(1);

(f) 

tintroduċi arranġamenti organizzazzjonali adegwati biex timminimizza r-riskju ta' telf jew ta' tnaqqis fl-istrumenti finanzjarji, jew ta' drittijiet marbuta ma' dawk l-istrumenti finanzjarji minħabba użu ħażin tal-istrumenti finanzjarji, frodi, amministrazzjoni ħażina, żamma ta' records inadegwata jew negliġenza;

(g) 

ikollha flus tal-UCITS f'kont jew kontijiet ma' bank ċentrali ta' pajjiż terz jew istituzzjoni ta' kreditu awtorizzata f'pajjiż terz, sakemm ir-rekwiżiti superviżorji u regolatorji prudenzjali applikati għall-istituzzjonijiet ta' kreditu f'dak il-pajjiż terz ikunu meqjusa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-UCITS bħala mill-inqas ekwivalenti għal dawk applikati fl-Unjoni, f'konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 22(4) tad-Direttiva 2009/65/KE.

▼B

2.  Il-paragrafu 1 għandu japplika mutatis mutandis meta l-parti terza, għand min ġew delegati funzjonijiet ta' salvagwardja skont l-Artikolu 22a tad-Direttiva 2009/65/KE, tiddeċiedi li tiddelega l-funzjonijiet tagħha ta' salvagwardja kollha jew parti minnhom lil parti terza oħra skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 22a(3) tad-Direttiva 2009/65/KE.

Artikolu 17

Protezzjoni mill-insolvenza ta' assi tal-UCITS meta jkunu delegati funzjonijiet ta' kustodja

1.  Depożitarju għandu jiżgura li parti terza li tinsab f'pajjiż terz, li lilha ingħataw jew għandhom jingħataw funzjonijiet ta' kustodja skont l-Artikolu 22a tad-Direttiva 2009/65/KE tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tiżgura li f'każ ta' insolvenza ta' parti terza, l-assi tal-UCITS miżmuma f'kustodja mill-parti terza ma jkunux disponibbli għal distribuzzjoni fost jew realizzazzjoni għall-benefiċċju ta' kredituri ta' dik il-parti terza.

2.  Depożitarju għandu jiżgura li l-parti terza tieħu l-passi li ġejjin:

(a) 

►M1  tirċievi parir legali minn persuna fiżika jew ġuridika indipendenti li tikkonferma li l-liġi applikabbli ta' insolvenza tirrikonoxxi s-segregazzjoni tal-assi tal-klijenti tad-depożitarju mill-assi tal-parti terza nnifisha stess, mill-assi tal-klijenti l-oħra tal-parti terza, mill-assi miżmuma mill-parti terza għal kont proprju tad-depożitarju u li l-assi tal klijenti UCITS tad-depożitarju ma jifformawx parti mill-patrimonju tal-parti terza f'kaz ta' insolvenza u ma jkunux disponibbli biex jitqassmu fost, jew jiġu realizzati għall-benefiċċju ta' kredituri tal-parti terza li lilha jkunu ġew delegati funzjonijiet ta' salvagwardja skont l-Artikolu 22a tad-Direttiva 2009/65/KE; ◄

(b) 

tiżgura li l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-liġijiet applikabbli u l-każistika ta' dak il-pajjiż terz jirrikonoxxix li l-assi tal-klijenti UCITS tad-depożitarju huma segregati u mhux disponibbli biex jitqassmu fost jew jiġu realizzati għall-benefiċċju tal-kredituri, kif imsemmi fil-punt (a), huma sodisfatti, waqt il-konklużjoni tal-kuntratt ta' delega ta' depożitarju kif ukoll fuq bażi kontinwa għat-tul kollu tad-delega;

(c) 

immedjatament tinforma lid-depożitarju fejn kwalunkwe waħda mill-kondizzjonijiet imsemmija fil-punt (b) m'għadhiex tiġi sodisfatti;

▼M1 —————

▼B

(f) 

tinforma lid-depożitarju dwar bidliet fil-liġi tal-insolvenza applikabbli u tal-applikazzjoni effettiva tagħha.

▼M1 —————

▼B

4.  Id-depożitarju għandu jiżgura li d-doveri stipulati fil-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw mutatis mutandis meta l-parti terza, għand min ġew delegati funzjonijiet ta' salvagwardja skont l-Artikolu 22a tad-Direttiva 2009/65/KE, tiddeċiedi li tiddelega l-funzjonijiet tagħha ta' salvagwardja kollha jew parti minnhom lil parti terza oħra skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 22a(3) tad-Direttiva 2009/65/KE.



KAPITOLU 3

TELF TA' STRUMENTI FINANZJARJI U ĦELSIEN MIR-RESPONSABBILTÀ

L-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2009/65/KE

Artikolu 18

Telf ta' strument finanzjarju miżmum f'kustodja

1.  It-telf ta' strument finanzjarju miżmum f'kustodja fit-tifsira tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2009/65/KE għandu jitqies li jkun seħħ meta, f'relazzjoni ma' strument finanzjarju miżmum f'kustodja mid-depożitarju jew minn parti terza għand min tkun ġiet delegata l-kustodja ta' strumenti finanzjarji skont l-Artikolu 22a tad-Direttiva 2009/65/KE, tkun issodisfata kwalunkwe kondizzjoni minn dawn:

(a) 

dritt iddikjarat ta' sjieda tal-UCITS jiġi pprovat li mhuwiex validu minħabba li jew ma baqax jeżisti jew qatt ma eżista;

(b) 

l-UCITS ġie definittivament imċaħħad mid-dritt tiegħu ta' sjieda tal-istrument finanzjarju;

(c) 

l-UCITS ikun definittivament inkapaċi li jiddisponi direttament jew indirettament mill-istrument finanzjarju.

2.  L-aċċertazzjoni mill-kumpanija maniġerjali jew dik ta' investiment tat-telf ta' strument finanzjarju għandha ssegwi proċess dokumentat faċilment disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti. Ladarba telf jiġi aċċertat, għandu jkun notifikat immedjatament lill-investituri f'mezz durabbli.

3.  Strument finanzjarju miżmum f'kustodja ma għandux jitqies mitluf skont it-tifsira tat-tieni subparagarafu tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2009/65/KE fejn UCITS ikun definittivament imċaħħad mid-dritt tiegħu ta' sjieda fir-rigward ta' strument partikolari, sakemm dan l-istrument jiġi ssostitwit minn jew ikkonvertit fi strument jew strumenti finanzjarji oħra.

4.  Fil-każ ta' insolvenza tal-parti terza għand min tkun ġiet delegata s-salvagwardja ta' strumenti finanzjarji skont l-Artikolu 22a tad-Direttiva 2009/65/KE, it-telf ta' strument finanzjarju miżmum f'kustodja għandu jiġi aċċertata mill-kumpanija maniġerjali jew mill-kumpanija ta' investiment hekk kif waħda mill-kondizzjonijiet elenkati fil-paragrafu 1 tintlaħaq b'ċertezza.

Għandu jkun hemm ċertezza dwar jekk kwalunkwe kondizzjoni stipulata fil-paragrafu 1 hijiex issodisfata mhux aktar tard minn tmiem il-proċedimenti tal-insolvenza. Il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment u d-depożitarju għandhom jimmonitorjaw mill-qrib il-proċedimenti ta' insolvenza biex jiddeterminaw jekk l-istrumenti finanzjarji kollha, jew uħud minnhom, fdati għand parti terza għand min tkun ġiet delegata s-salvagwardja ta' strumenti finanzjarji skont l-Artikolu 22a tad-Direttiva 2009/65/KE jkunux effettivament intilfu.

5.  Telf ta' strument finanzjarju miżmum f'kustodja għandu jiġi aċċertat irrispettivament minn jekk il-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 humiex ir-riżultat ta' frodi, negliġenza jew imġiba intenzjonali jew mhux intenzjonali oħra.

Artikolu 19

Ħelsien mir-responsabbiltà

1.  Ir-responsabbiltà ta' depożitarju skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2009/65/KE ma għandhiex tiskatta sakemm id-depożitarju jista' jipprova li ntlaħqu l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a) 

l-avveniment li wassal għat-telf mhux ir-riżultat ta' kwalunkwe att jew ommissjoni tad-depożitarju jew ta' parti terza għand min ġiet iddelegata s-salvagwardja ta' strumenti finanzjarji miżmuma f'kustodja skont il-punt (a) tal-Artikolu 22(5) tad-Direttiva 2009/65/KE;

(b) 

id-depożitarju ma setax raġonevolment jevitata l-okkorrenza tal-avveniment li wassal għat-telf minkejja li adotta l-prekawzjonijiet kollha mistennija minn depożitarju diliġenti kif riflessi fil-prassi komuni fl-industrija;

(c) 

Id-depożitarju ma setax jipprevjeni t-telf minkejja diliġenza dovuta rigoruża u komprensiva kif dokumentat permezz ta':

(i) 

stabbiliment, implimentazzjoni, applikazzjoni u żamma ta' strutturi u proċeduri u żgurar ta' għarfien espert li jkunu adegwati u proporzjonati għan-natura u l-kumplessità tal-assi tal-UCITS sabiex jidentifikaw fil-ħin u jimmonitorjaw fuq bażi kontinwa avvenimenti esterni li jistgħu jirriżultaw f'telf ta' strument finanzjarju miżmuma f'kustodja;

(ii) 

valutazzjoni fuq bażi kontinwa jekk kwalunkwe avveniment identifikat skont il-punt (i) jippreżentax riskju sinifikanti ta' telf ta' strument finanzjarju miżmuma f'kustodja;

(iii) 

jinforma lill-kumpanija maniġerjali jew lill-kumpanija ta' investiment dwar ir-riskji sinifikanti identifikati u ħa azzjonijiet xierqa, jekk hemm, biex jipprevjeni jew jimmitiga t-telf ta' strumenti finanzjarji miżmuma f'kustodja, fejn avvenimenti esterni attwali jew potenzjali ġew identifikati u huma maħsuba li jippreżentaw riskju sinifikanti ta' telf ta' strument finanzjarju miżmuma f'kustodja.

2.  Ir-rekwiżiti msemmija fil-punti(a) u (b) tal-paragrafu 1 jistgħu jitqiesu ssodisfati fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a) 

avvenimenti naturali lil hinn mill-kontroll jew l-influwenza tal-bniedem;

(b) 

l-adozzjoni ta' kwalunkwe liġi, digriet, regolament, deċiżjoni jew ordni minn kwalunkwe gvern jew korp governattiv, inkluż kwalunkwe qorti jew tribunal, li jkollha impatti fuq l-istrumenti finanzjarji miżmuma f'kustodja;

(c) 

gwerer, irvellijiet jew taqlib maġġuri ieħor.

3.  Ir-rekwiżiti msemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 ma għandhomx ikunu meqjusa li huma ssodisfati f'każijiet bħal żbalji tal-kontabbiltà, nuqqas operazzjonali, frodi, nuqqas ta' applikazzjoni tar-rekwiżiti tas-segregazzjoni fil-livell tad-depożitarju jew parti terza għand min ġiet iddelegata s-salvagwardja ta' strumenti finanzjarji miżmuma f'kustodja skont il-punt (a) tal-Artikolu 22(5) tad-Direttiva 2009/65/KE.



KAPITOLU 4

REKWIŻITI TA' INDIPENDENZA U DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

(Artikolu 25 tad-Direttiva 2009/65/KE)

Artikolu 20

Korp ta' ġestjoni

Għall-finijiet ta' dan il-Kapitolu “korp maniġerjali tal-kumpanija maniġerjali” għandu jinkludi l-korp maniġerjali tal-kumpanija maniġerjali jew il-korp maniġerjali tal-kumpanija ta' investiment.

Artikolu 21

Ġestjoni komuni

Il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment u d-depożitarju għandhom f'kull ħin jikkonformaw mar-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(a) 

l-ebda persuna ma tista' fl-istess ħin tkun kemm membru tal-korp maniġerjali tal-kumpanija maniġerjali u wkoll membru tal-korp maniġerjali tad-depożitarju;

(b) 

l-ebda persuna ma tista' fl-istess ħin tkun kemm membru tal-korp maniġerjali tal-kumpanija maniġerjali u wkoll impjegat tad-depożitarju;

(c) 

l-ebda persuna ma tista' fl-istess ħin tkun kemm membru tal-korp maniġerjali tad-depożitarju u wkoll impjegat tal-kumpanija maniġerjali jew tal-kumpanija ta' investiment;

(d) 

Fejn il-korp maniġerjali tal-kumpanija maniġerjali ma jkunx responsabbli tal-funzjonijiet superviżorji fi ħdan il-kumpanija, mhux iktar minn terz tal-membri ta' korp inkarigat minn funzjonijiet superviżorji għandu jkun magħmul minn membri li huma fl-istess ħin membri tal-korp maniġerjali, il-korp inkarigat mill-funzjonijiet superviżorji jew impjegati tad-depożitarju;

(e) 

Fejn il-korp maniġerjali tad-depożitarju ma jkunx responsabbli tal-funzjonijiet superviżorji fi ħdan id-depożitarju, mhux iktar minn terz tal-membri tal-korp tiegħu inkarigat minn funzjonijiet superviżorji għandu jkun magħmul minn membri li huma fl-istess ħin membri tal-korp maniġerjali tal-kumpanija maniġerjali, jew tal-korp inkarigat mill-funzjonijiet superviżorji tal-kumpanija maniġerjali jew tal-kumpanija ta' investiment jew impjegati tal-kumpanija maniġerjali jew tal-kumpanija ta' investiment.

Artikolu 22

Ħatra ta' depożitarju u d-delega tas-salvagwardja

1.  Il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment għandu jkollha fis-seħħ proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet għall-għażla u l-ħatra ta' depożitarju, li għandu jkun ibbażat fuq kriterji definiti minn qabel u oġġettivi u jissodisfa biss fl-interess tal-UCITS u tal-investituri tal-UCITS.

2.  Fejn il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment taħtar depożitarju li għandu rabta jew rabta ta' grupp, hija għandha żżomm evidenza dokumentarja ta' dan li ġej:

(a) 

valutazzjoni li tqabbel il-merti tal-ħatra ta' depożitarju b'rabta jew rabta ta' grupp mal-mertu tal-ħatra ta' depożitarju li m'għandu l-ebda rabta jew l-ebda rabta ta' grupp mal-kumpanija maniġerjali jew mal-kumpanija ta' investiment, filwaqt li tal-inqas jitqiesu l-kostijiet, il-kompetenza, il-kapaċità finanzjarja u l-kwalità tas-servizzi pprovduti mid-depożitarji kollha valutati;

(b) 

rapport, ibbażat fuq din il-valutazzjoni msemmija fil-punt (a), li jiddeskrivi l-mod li bih il-ħatra tissodisfa l-kriterji predefiniti oġġettivi msemmija fil-paragrafu 1 u jsir biss fl-interess tal-UCITS u tal-investituri tal-UCITS.

3.   ►M1  Il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment għandha turi lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-UCITS li hija sodisfatta bil-ħatra tad-depożitarju u li l-ħatra hi biss fl-interess tal-UCITS u tal-investituri tal-UCITS. Il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment għandha tagħmel l-evidenza dokumentata msemmija fil-paragrafu 2 disponibbli għall-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-UCITS. ◄

4.  Il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment għandha tiġġustifika lill-investituri tal-UCITS, meta jkun hemm talba, l-għażla tad-depożitarju.

5.  Id-depożitarju għandu jkollu fis-seħħ proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet għall-għażla ta' partijiet terzi li lilhom jista' jiddelega funzjonijiet ta' salvagwardja skont l-Artikolu 22a tad-Direttiva 2009/65/KE, li għandu jkun bbażat fuq kriterji predefiniti oġġettivi u jissodisfa biss l-interess tal-UCITS u tal-investituri tal-UCITS.

Artikolu 23

Kunflitti ta' interess

Fejn teżisti rabta jew rabta ta' grupp bejniethom, il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment u d-depożitarju, għandhom idaħħlu fis-seħħ politiki u proċeduri li jiżguraw li:

(a) 

jidentifikaw il-kunflitti ta' interess kollha li jirriżultaw minn dik ir-rabta;

(b) 

jieħdu l-passi raġonevoli kollha biex jevitaw dawn il-kunflitti ta' interess.

Fejn kunflitti ta' interess msemmija fl-ewwel subparagrafu ma jistgħux jiġu evitati, il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment u d-depożitarju għandhom jiġġestixxu, jimmonitorjaw u jiżvelaw dak il-kunflitt ta' interess sabiex jiġu evitati l-effetti negattivi fuq l-interessi tal-UCITS u tal-investituri tal-UCITS.

Artikolu 24

Indipendenza tal-bordijiet maniġerjali u l-funzjonijiet superviżorji

1.  Fejn teżisti rabta ta' grupp bejniethom, il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija ta' investiment u d-depożitarju għandhom jiżguraw li:

(a) 

fejn il-korp maniġerjali tal-kumpanija maniġerjali u l-korp maniġerjali tad-depożitarju huma responsabbli mill-funzjonijiet superviżorji tal-kumpaniji rispettivi, mill-inqas terz tal-membri jew żewġ persuni, liema minnhom ikun l-inqas, fuq il-korp maniġerjali tal-kumpanija maniġerjali u fuq il-korp maniġerjali tad-depożitarju għandhom ikunu indipendenti;

(b) 

fejn il-korp maniġerjali tal-kumpanija maniġerjali u l-korp maniġerjali tad-depożitarju mhumiex responsabbli mill-funzjonijiet superviżorji tal-kumpaniji rispettivi, mill-inqas terz tal-membri jew żewġ persuni, liema minnhom ikun l-inqas, fuq il-korp responsabbli mill-funzjonijiet superviżorji fil-kumpanija maniġerjali u fid-depożitarju għandhom ikunu indipendenti.

2.  Għall-finijiet tal-ewwel paragrafu, il-membri tal-korp maniġerjali tal-kumpanija maniġerjali, il-membri tal-korp maniġerjali tad-depożitarju jew il-membri tal-korp inkarigat mill-funzjonijiet superviżorji ta' dawn il-kumpaniji għandhom jiġu meqjusa bħala indipendenti sakemm ma jkunux membri tal-korp maniġerjali jew tal-korp inkarigat minn funzjonijiet superviżorji u lanqas l-impjegati ta' xi impriżi oħra li bejniethom teżisti rabta ta' grupp u m'għandhom l-ebda negozju, familja jew relazzjoni oħra mal-kumpanija maniġerjali jew mal-kumpanija ta' investiment, mad-depożitarju u ma' kwalunkwe impriża oħra fi ħdan il-grupp li tagħti lok għal kunflitt ta' interess tali li jfixkel il-ġudizzju tagħhom.

Artikolu 25

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa japplika mit-13 ta' Ottubru 2016.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



( 1 ) Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta' ċerti tipi ta' impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).

( 2 ) Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità (ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1).

( 3 ) Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

( 4 ) Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).