|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1951 |
9.12.2025 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1951
tad-29 ta’ Settembru 2025
li jemenda l-Annessi II, IV u VII tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 5(3), 9(2) u 17(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 jistabbilixxi l-kriterji għall-għoti tal-preferenzi tariffarji skont l-arranġament ġenerali tal-Iskema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi (“SĠP”). |
|
(2) |
Il-punt (a) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 jipprevedi li pajjiż li jkun ġie kklassifikat mill-Bank Dinji bħala pajjiż b’introjtu għoli jew medju superjuri għal 3 snin konsekuttivi jenħtieġ li ma jibbenefikax mis-SĠP. |
|
(3) |
Il-lista tal-pajjiżi benefiċjarji taħt is-SĠP hija stabbilita fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 978/2012. Skont dak ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-Anness II sal-1 ta’ Jannar ta’ kull sena sabiex temenda l-istatus tal-pajjiżi elenkati f’konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4 ta’ dak ir-Regolament. |
|
(4) |
Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012, pajjiż benefiċjarju tas-SĠP u l-operaturi ekonomiċi għandhom jingħataw biżżejjed żmien għal adattament xieraq għar-reviżjoni tal-istatus tas-SĠP tal-pajjiż. Għalhekk, id-deċiżjoni li pajjiż benefiċjarju jitneħħa mil-lista tal-pajjiżi benefiċjarji tas-SĠP abbażi tal-Artikolu 4(1)(a), għandha tapplika minn sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dik id-deċiżjoni. |
|
(5) |
L-Indoneżja ġiet ikklassifikata mill-Bank Dinji bħala pajjiż b’introjtu medju superjuri fl-2023, fl-2024 u fl-2025. Għaldaqstant, l-Indoneżja ma għadhiex tikkwalifika għal status ta’ pajjiż benefiċjarju tas-SĠP f’konformità mal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 u jenħtieġ li titneħħa mil-lista tal-pajjiżi benefiċjarji tas-SĠP fl-Anness II ta’ dak ir-Regolament, b’applikazzjoni mill-1 ta’ Jannar 2027. |
|
(6) |
Skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012, pajjiż li jkun identifikat min-Nazzjonijiet Uniti (“NU”) bħala pajjiż l-anqas żviluppat jenħtieġ li jibbenefika mill-preferenzi tariffarji previsti skont l-arranġament speċjali ta’ Kollox Minbarra Armi (“KMA”) għall-pajjiżi l-anqas żviluppati. Il-lista tal-pajjiżi benefiċjarji tal-KMA hija stabbilita fl-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 978/2012. |
|
(7) |
In-NU ggradwat lil São Tomé u Príncipe mill-kategorija ta’ pajjiż l-anqas żviluppat fit-13 ta’ Diċembru 2024. Għalhekk, São Tomé u Príncipe ma għadhomx jikkwalifikaw għal status ta’ benefiċjarju tal-KMA skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 u jenħtieġ li jitneħħew mill-Anness IV ta’ dak ir-Regolament. F’konformità mal-Artikolu 17(2) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012, l-att delegat li jneħħi lil São Tomé u Príncipe mil-lista tal-pajjiżi benefiċjarji tal-KMA jenħtieġ li japplika wara perjodu tranżitorju ta’ 3 snin mid-data li fiha jidħol fis-seħħ dak l-att delegat. São Tomé u Príncipe, għalhekk, jenħtieġ li jitneħħew mill-Anness IV, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2029. |
|
(8) |
Skont l-Artikolu 9(1), il-punt (a) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012, pajjiż li jibbenefika mis-SĠP jista’ jibbenefika mill-preferenzi tariffarji mogħtija skont l-arranġament speċjali ta’ inċentivi għal żvilupp sostenibbli u governanza tajba jekk jitqies bħala vulnerabbli minħabba nuqqas ta’ diversifikazzjoni u integrazzjoni mhux suffiċjenti fis-sistema tal-kummerċ internazzjonali, kif definit fl-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 978/2012. |
|
(9) |
Skont il-punt 1(b) tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 978/2012, kif emendat bir-Regolamenti Delegati tal-Kummissjoni (UE) 2015/602 (2) u (UE) 2020/129 (3), biex pajjiż jitqies vulnerabbli, l-importazzjonijiet ta’ prodotti elenkati fl-Anness IX fl-Unjoni minn dak il-pajjiż jenħtieġ li jirrappreżentaw inqas mil-limitu ta’ 7,4 % fil-valur tal-importazzjonijiet totali mill-pajjiżi benefiċjarji tas-SĠP fl-Unjoni, bħala medja matul l-aħħar 3 snin konsekuttivi. |
|
(10) |
F’konformità mal-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012, fejn il-lista tal-pajjiżi benefiċjarji tas-SĠP fl-Anness II tiġi emendata, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati biex temenda l-Anness VII sabiex tirrieżamina l-limitu ta’ vulnerabbiltà definit fil-punt 1(b) tal-Anness VII. Tali rieżami għandu l-għan li jżomm proporzjonalment l-istess piż tal-limitu ta’ vulnerabbiltà kif ikkalkolat f’konformità mal-Anness VII, filwaqt li jqis l-emendi preċedenti tal-lista tal-pajjiżi benefiċjarji tas-SĠP. |
|
(11) |
L-aħħar rieżami skont ir-Regolament Delegat (UE) 2020/129 żied il-limitu ta’ vulnerabbiltà minn 6,5 % għal 7,4 % applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2019. |
|
(12) |
Bejn l-1 ta’ Jannar 2019 u l-1 ta’ Jannar 2023, il-lista tal-benefiċjarji tas-SĠP fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 ġiet emendata sostanzjalment, peress li ħames pajjiżi tneħħew mill-Anness II. Għalhekk huwa meħtieġ li l-limitu ta’ vulnerabbiltà stabbilit fil-punt 1(b) tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 jiġi rieżaminat. |
|
(13) |
B’riżultat tal-emendi tal-lista tal-benefiċjarji tas-SĠP fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 bejn l-1 ta’ Jannar 2019 u l-1 ta’ Jannar 2023, l-importazzjonijiet totali fl-Unjoni tal-prodotti elenkati fl-Anness IX mill-pajjiżi benefiċjarji kollha tas-SĠP meħuda bħala medja naqsu bi 17,5 %. Żieda fil-limitu ta’ vulnerabbiltà minn 7,4 % għal 9 %, applikabbli minn meta bdew japplikaw l-emendi tal-Anness II, jiġifieri mill-1 ta’ Jannar 2023, iżżomm proporzjonalment l-istess piż tal-limitu ta’ vulnerabbiltà kif stabbilit fl-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 978/2012, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 huwa emendat kif ġej:
|
(1) |
Fl-Anness II, taħt l-intestatura “Pajjiżi benefiċjarji tal-arranġament ġenerali msemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 1(2)”, il-kodiċijiet alfabetiċi u l-pajjiżi korrispondenti li ġejjin jitneħħew mill-kolonni A u B, rispettivament: “ID L-Indoneżja”; |
|
(2) |
Fl-Anness IV, taħt l-intestatura “Pajjiżi benefiċjarji tal-arranġament speċjali għall-pajjiżi l-anqas żviluppati msemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 1(2)”, il-kodiċijiet alfabetiċi u l-pajjiżi korrispondenti li ġejjin jitneħħew mill-kolonni A u B, rispettivament: “ST São Tomé u Príncipe”; |
|
(3) |
Fil-punt 1(b) tal-Anness VII, il-limitu “7,4 %” huwa sostitwit b’“9 %”. |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
L-Artikolu 1(1) għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2027.
L-Artikolu 1(2) għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2029.
L-Artikolu 1(3) għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2023.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Settembru 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 303, 31.10.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/978/oj.
(2) Ir-Regolamenti Delegati tal-Kummissjoni (UE) 2015/602 tad-9 ta’ Frar 2015 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam il-limitu ta’ vulnerabbiltà ddefinit fil-punt 1(b) tal-Anness VII ta’ dak ir-Regolament (ĠU L 100, 17.4.2015, p. 8, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2015/602/oj).
(3) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/129 tas-26 ta’ Novembru 2019 li jemenda l-limitu ta’ vulnerabbiltà stabbilit fil-punt 1(b) tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati (ĠU L 27, 31.1.2020, p. 8, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/129/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/1951/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)