European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/6830

29.11.2024

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-21 ta’ Ottubru 2024

dwar il-politiki ekonomiċi, baġitarji, tal-impjiegi u strutturali tar-Rumanija

(C/2024/6830)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (“il-Faċilità”), daħal fis-seħħ fid-19 ta' Frar 2021. Il-Faċilità tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. F'konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, il-Faċilità tgħin biex jinkiseb l-irkupru ekonomiku u soċjali u biex jiġu implimentati riformi u investimenti sostenibbli, b'mod partikolari riformi u investimenti biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u biex tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-Unjoni u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) (“ir-Regolament REPowerEU”), li ġie adottat fis-27 ta' Frar 2023, għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi. B'hekk tkun tista' tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza fl-enerġija. Ir-Rumanija żiedet kapitolu REPowerEU ġdid mal-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex tiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li ser jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU.

(3)

Fis-16 ta' Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni intitolata “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030”, sabiex jiġu orjentati d-deċiżjonijiet politiċi u jinħolqu l-kundizzjonijiet qafas għal żieda fit-tkabbir. Il-komunikazzjoni tinkwadra l-kompetittività f'termini ta' disa' fatturi ewlenin li jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku. Fost dawk il-fatturi ewlenin, l-aċċess għall-kapital privat, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-ħiliet, u suq uniku funzjonanti jirriżultaw bħala prijoritajiet ta' politika ta' importanza kbira għar-riforma u l-investiment biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali tal-produttività kif ukoll biex tinbena l-kompetittività fit-tul tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. Fl-14 ta' Frar 2024, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni intitolata “Ir-Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività għall-2024”. Dik il-komunikazzjoni tagħti dettalji dwar il-punti b'saħħithom u l-isfidi tal-kompetittività tas-suq uniku Ewropew, filwaqt li ssegwi l-iżviluppi annwali skont id-disa' fatturi ewlenin tal-kompetittività identifikati.

(4)

Fil-21 ta' Novembru 2023, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024, li ta bidu għas-Semestru Ewropew 2024 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Fit-22 ta' Marzu 2024, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024, li huma ffukati fuq l-erba' dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva. Fil-21 ta' Novembru 2023, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 2024, li fih identifikat lir-Rumanija bħala wieħed mill-Istati Membri li jista' jiġi affettwat, jew li jista' jkun f'riskju li jiġi affettwat, minn żbilanċi u li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2024, li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (5) (“ir-Rakkomandazzjoni tal-2024 dwar iż-żona tal-euro”) fit-12 ta' April 2024 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi fil-11 ta' Marzu 2024.

(5)

Fit-30 ta' April 2024, daħal fis-seħħ il-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika tal-Unjoni. Il-qafas jinkludi r-Regolament il-ġdid (UE) 2024/1263 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (6) emendat dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv, u d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE (7) emendata dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri. L-objettivi tal-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika huma li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, tkabbir sostenibbli u inklużiv u reżiljenza permezz ta' riformi u investimenti, u jipprevjeni defiċits eċċessivi tal-gvernijiet. Il-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika jippromwovi ukoll is-sjieda nazzjonali u l-fokus jinsab aktar fuq it-terminu medju, flimkien ma' infurzar aktar effettiv u koerenti. Kull Stat Membru għandu jippreżenta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju. Pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju fih l-impenji fiskali, ta' riforma u ta' investiment ta' Stat Membru, li jkopru orizzont ta' ppjanar ta' erba' jew ħames snin, skont it-tul regolari tat-terminu leġiżlattiv nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta (8) fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju għandu jkun konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263, inkluż mar-rekwiżiti li d-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors plawżibbli 'l isfel sat-tmiem tal-perjodu ta' aġġustament, jew li jibqa' f'livelli prudenti taħt is-60 % tal-prodott domestiku gross (PDG), u li d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat fuq terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta' riformi u investimenti f'konformità mal-kriterji stipulati fir-Regolament (UE) 2024/1263, il-perjodu ta' aġġustament jista' jiġi estiż b'mhux aktar minn tliet snin. Għall-fini ta' appoġġ għat-tħejjija ta' dawk il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju, fil-21 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni ppubblikat gwida dwar l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-Istati Membri fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tagħhom u fir-rapporti ta' progress annwali tagħhom. F'konformità mal-Artikoli 5 u 36 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Kummissjoni bagħtet lill-Istati Membri t-trajettorji referenzjarji u l-informazzjoni teknika, fejn applikabbli. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tagħhom sal-20 ta' Settembru 2024, sakemm l-Istat Membru u l-Kummissjoni ma jaqblux li jestendu l-iskadenza b'perjodu ta' żmien raġonevoli. F'konformità mal-oqfsa legali nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jiddibattu l-abbozzi tal-pjanijiet tagħhom fuq perjodu medju mal-parlamenti nazzjonali tagħhom, jistgħu jitolbu lill-istituzzjonijiet fiskali indipendenti biex joħorġu opinjoni, u jistgħu jwettqu konsultazzjoni mas-sħab soċjali u ma' partijiet ikkonċernati nazzjonali oħra.

(6)

Fl-2024, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jevolvi f'konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa' essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta' politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu biex jindirizzaw b'mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f'dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020, l-2022 u l-2023 jibqgħu ugwalment rilevanti għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza li ġew riveduti, aġġornati jew emendati f'konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(7)

Fil-31 ta' Mejju 2021, ir-Rumanija ppreżentat il-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f'konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni stipulati fl-Anness V ta' dak ir-Regolament. Fid-29 ta' Ottubru 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għar-Rumanija (9), li ġiet emendata fit-8 ta' Diċembru 2023 skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2021/241 biex il-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli tiġi aġġornata u skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2021/241 biex jiġi emendata il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza minħabba ċirkostanzi oġġettivi, kif ukoll biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU (10). Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq l-adozzjoni ta' deċiżjoni mill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li tiddikjara li r-Rumanija tkun laħqet b'mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stipulati fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill. It-twettiq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.

(8)

Ir-Rumanija ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tagħha għall-2024 fit-13 ta' Mejju 2024. F'konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2024 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tar-Rumanija dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha.

(9)

Fid-19 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2024 għar-Rumanija. Fih ġie vvalutat il-progress tar-Rumanija fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2023, u tqieset l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza mir-Rumanija. Abbażi ta' dik l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta' dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Huwa vvaluta wkoll il-progress tar-Rumanija fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.

(10)

Il-Kummissjoni wettqet analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 għar-Rumanija. Is-sejbiet ewlenin tal-valutazzjoni tal-persunal tal-Kummissjoni tal-vulnerabbiltajiet makroekonomiċi għar-Rumanija għall-finijiet ta' dak ir-Regolament ġew ippubblikati f'Marzu 2024. Fid-19 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-Rumanija qiegħda tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi. B'mod partikolari, ir-Rumanija qiegħda taffaċċja vulnerabbiltajiet relatati mal-kontijiet esterni, prinċipalment marbuta ma' defiċits tal-gvern kbar u li qegħdin jiżdiedu, li għadhom problema, filwaqt li pressjonijiet sinifikanti fuq il-prezzijiet u l-kostijiet żdiedu u l-azzjoni politika kienet batuta. Id-defiċit fil-kont kurrenti tjieb xi ftit fl-2023, prinċipalment minħabba konsum privat aktar dgħajjef u gwadanji f'termini ta' kummerċ, iżda għadu kbir u previst li jibqa' kostanti din is-sena u jitjieb fl-2025. B'riżultat ta' dan, il-pożizzjoni ta' investiment internazzjonali netta ma għadhiex titjieb bħala sehem tal-PDG minkejja t-tkabbir tal-PDG nominali kbir u hemm riskju li l-issoktar tad-defiċits kbar fil-kont kurrenti ser ikompli jitfagħha f'territorju negattiv. L-inflazzjoni globali u dik bażi naqsu iżda l-inflazzjoni bażi għadha għolja ħafna, ftit biss inqas mill-ogħla punt li laħqet reċentement u ogħla minn sena ilu. Id-dinamiċi tal-kost lavorattiv u l-pagi żdiedu fir-ritmu fl-2023 u komplew ikunu b'saħħithom fl-2024, li parzjalment jirrifletti żidiet kbar fil-pagi minimi u pubbliċi, fl-isfond ta' suq tax-xogħol aġitat. Dan wassal għal tħassib dwar il-kompetittività tal-kostijiet, filwaqt li l-kompetittività mhux tal-kostijiet għadha mxekkla minn restrizzjonijiet strutturali. Dawk il-fatturi kollha jżidu mat-tħassib dwar is-solidità tat-telf fil-kompetittività u tad-dewmien fit-titjib meħtieġ fil-bilanċ kummerċjali. Is-sitwazzjoni fiskali, li hija fattur ewlieni ewlieni tad-defiċit għoli fil-kont kurrenti, marret għall-agħar matul is-sena li għaddiet. Id-defiċit fiskali kbir huwa mbassar li jaggrava xi ftit aktar fl-2024 u l-2025. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern għall-PDG żdied minkejja t-tkabbir tal-PDG nominali kbir u għadu moderat fil-livell ta' 50,9 %, iżda b'sehem kbir minnu denominat f'munita barranija. Il-persistenza ta' defiċits għoljin tal-gvern tista' żżid id-dejn estern u tagħmel ir-Rumanija aktar dipendenti fuq sorsi esterni ta' finanzjament, u tħalli lill-pajjiż vulnerabbli għal bidliet fis-sentiment tal-investituri u għax-xokkijiet esterni. Ir-rispons ta' politika biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet identifikati kien batut. Perkors kredibbli ta' konsolidazzjoni fiskali huwa kruċjali biex jitnaqqsu r-riskji għall-istabbiltà tal-ekonomija. Dan jirrikjedi konformità mar-rakkomandazzjonijiet skont il-proċedura ta' defiċit eċċessiv u implimentazzjoni sħiħa tar-riformi fiskali-strutturali inklużi fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, b'mod partikolari dawk li għandhom l-għan li jżidu strutturalment id-dħul tal-gvern, flimkien ma' kontrolli tal-infiq ħafna aktar stretti milli fis-snin li għaddew. L-implimentazzjoni tar-riformi u investimenti tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza lil hinn minn dawk fiskali-strutturali ttejjeb ukoll il-kompetittività.

(11)

Skont id-data vvalidata mill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern estiż tar-Rumanija żdied minn 6,3 % tal-PDG fl-2022 għal 6,6 % tal-PDG fl-2023, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż naqas minn 47,5 % tal-PDG fi tmiem l-2022 għal 48,8 % tal-PDG fi tmiem l-2023.

(12)

Ir-Rumanija ilha soġġetta għal proċedura ta' defiċit eċċessiv mill-2020. Fit-3 ta' April 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2020/509 (11) skont l-Artikolu 126(6) tat-Trattat dwar l-eżistenza ta' sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv fir-Rumanija minħabba nuqqas ta' konformità ppjanat fl-2019 mal-kriterju tad-defiċit tat-Trattat, u ħareġ Rakkomandazzjoni (12) skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv tal-gvern sa mhux aktar tard mill-2022. Fid-dawl tat-tnaqqis profond fl-attività ekonomika marbuta mal-pandemija tal-COVID-19, fit-18 ta' Ġunju 2021, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni riveduta (13) skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat għar-Rumanija bl-għan li s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv tinġieb fi tmiemha sa mhux aktar tard mill-2024 (ir-“Rakkomandazzjoni tat-18 ta' Ġunju 2021”).

(13)

Fir-Rakkomandazzjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 2021, il-Kunsill irrakkomanda li r-Rumanija tnaqqas id-defiċit nominali tagħha għal 8,0 % tal-PDG fl-2021, 6,2 % tal-PDG fl-2022, 4,4 % tal-PDG fl-2023 u 2,9 % tal-PDG fl-2024. Dak kien konsistenti mar-rati ta' tkabbir nominali tan-nefqa primarja netta tal-gvern ta' 3,4 % fl-2021, 1,3 % fl-2022, 0,9 % fl-2023 u 0,0 % fl-2024. Kien jikkorrispondi għal aġġustamenti strutturali annwali ta' 0,7 % tal-PDG fl-2021, 1,8 % tal-PDG fl-2022, 1,7 % tal-PDG fl-2023 u 1,5 % tal-PDG fl-2024. Ir-Rakkomandazzjoni tat-18 ta' Ġunju 2021 speċifikat ukoll li jenħtieġ li kwalunkwe qligħ mhux mistenni jintuża biex jitnaqqas id-defiċit tal-gvern estiż u jenħtieġ li r-Rumanija tirrapporta mill-inqas kull sitt xhur dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni sakemm id-defiċit eċċessiv ikun ġie kkoreġut.

(14)

Id-defiċit nominali laħaq 6,6 % tal-PDG fl-2023 u ma laħaqx il-mira tad-defiċit nominali tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv ta' 4,4 % tal-PDG b'marġni wiesa'. Ir-raġuni ewlenija għal dik id-devjazzjoni kienet tkabbir għoli kontinwu fl-infiq tal-gvern, immotivat prinċipalment minn trasferimenti soċjali, nefqa f'oġġetti u servizzi, u nfiq kapitali. Id-defiċit nominali tal-2023 kien affettwat ukoll mir-reġistrazzjoni tal-pagamenti tal-pagi tas-settur pubbliku (b'valur ta' 0,5 % tal-PDG) wara deċiżjonijiet tal-qorti. Huwa notevoli li l-kuntest makroekonomiku kien favorevoli għall-konsolidazzjoni fiskali. Il-prestazzjoni ekonomika tar-Rumanija mill-adozzjoni tar-rakkomandazzjoni ta' Ġunju 2021 kienet fil-biċċa l-kbira konformi mal-aspettattivi, minkejja x-xokkijiet ekonomiċi li seħħew minn dak iż-żmien 'l hawn. Iż-żieda fid-dħul tal-gvern kienet ħafna aktar mgħaġġla milli kien ipprojettat, u dan jirrifletti kompożizzjoni ta' tkabbir ekonomiku b'taxxa għolja u inflazzjoni għolja.

(15)

L-isforz fiskali fl-2023 kien aktar baxx minn dak rakkomandat mill-Kunsill. Il-bilanċ fiskali strutturali tar-Rumanija baqa' fil-biċċa l-kbira l-istess fl-2023, meta mqabbel ma' titjib ta' 1,7 % tal-PDG rakkomandat mill-Kunsill. It-tkabbir nett fin-nefqa primarja (aġġustat għall-miżuri ta' darba u dawk tal-politika fiskali mil-lat tad-dħul) kien ogħla minn dak rakkomandat fl-2023, f'livell ta' 11,8 % tal-PDG meta mqabbel mal-mira ta' 0,9 % rakkomandata mill-Kunsill. Bħal fis-snin preċedenti koperti mir-Rakkomandazzjoni tat-18 ta' Ġunju 2021, il-biċċa l-kbira tal-gwadanji imprevisti mil-lat tad-dħul intużaw biex jiġi ffinanzjat infiq addizzjonali. Abbażi ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni hija tal-fehma li r-Rumanija ma ħaditx azzjoni effettiva b'reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tat-18 ta' Ġunju 2021.

(16)

Fl-10 ta' Mejju 2024, l-awtoritajiet Rumeni rrappurtaw dwar “azzjonijiet meħuda biex jiġi kkoreġut id-defiċit eċċessiv”. Dak ir-rapport ikkonferma l-mira tad-defiċit tal-gvern għall-2024 ta' 4,9 % tal-PDG inkluża fil-baġit iżda enfasizza wkoll li l-eżekuzzjoni baġitarja fl-ewwel tliet xhur tas-sena ssarrfet f'defiċit baġitarju tal-gvern ta' 2,06 % tal-PDG, 0,6 punti perċentwali tal-PDG ogħla mid-defiċit irreġistrat fl-istess perjodu fl-2023, meta d-defiċit tas-sena sħiħa kien ta' 6,6 % tal-PDG. Id-defiċit ogħla fl-ewwel tliet xhur tal-2024 meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2023 huwa prinċipalment spjegat minn żieda rapida fl-infiq tal-gvern, prinċipalment minħabba nefqa ogħla fuq l-investiment.

(17)

It-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-PDG reali ser jikber bi 3,3 % fl-2024 u 3,1 % fl-2025, u l-inflazzjoni mkejla mill-indiċi armonizzat tal-prezzijiet għall-konsumatur (HICP) ser tkun ta' 5,9 % fl-2024 u 4,0 % fl-2025.

(18)

It-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta' 6,9 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jonqos għal 50,9 % sa tmiem l-2024. Iż-żieda pprojettata tad-defiċit fl-2024 tirrifletti prinċipalment tkabbir rapidu fin-nefqa attwali tal-gvern. Il-pagi pubbliċi huma mistennija li jżidu r-ritmu b'mod qawwi, u dan jirrifletti ż-żidiet diskrezzjonali reċenti fil-pagi fis-setturi tal-edukazzjoni, tas-saħħa u tad-difiża. Il-kalkolu mill-ġdid tal-pensjonijiet fil-kuntest tar-riforma tal-pensjonijiet ser ikollu kost fuq terminu qasir fl-2024 u l-2025, iżda r-riforma sussegwentement ser tiġġenera ffrankar kbir fuq terminu medju u twil. Fl-2024, l-investiment pubbliku bħala sehem tal-PDG huwa mistenni li jibqa' fil-biċċa l-kbira stabbli fil-livell għoli milħuq fl-2023, minħabba l-infiq kapitali li qiegħed jikber b'rata mgħaġġla mill-awtoritajiet lokali u l-użu ta' fondi allokati mill-Faċilità.

(19)

Fl-2024, it-tkabbir fid-dħul tal-gvern huwa mistenni li jisboq it-tkabbir tal-PDG nominali, li jirrifletti kompożizzjoni tat-tkabbir ekonomiku “b'taxxa għolja”, sforzi biex jittejjeb il-ġbir tat-taxxa permezz tad-diġitalizzazzjoni tas-sistema tat-taxxa u l-impatt ta' pakkett ta' miżuri li jżidu d-dħul adottat fil-ħarifa tal-2023, li huma mistennija li jagħtu spinta lid-dħul tal-gvern b'madwar 1 % tal-PDG. Il-pakkett jikkonsisti fil-biċċa l-kbira f'żieda fit-tassazzjoni korporattiva, b'mod partikolari għall-mikrointrapriżi, żieda fit-tassazzjoni tal-individwi, li tinbet minn tneħħija parzjali ta' faċilitajiet tat-taxxa preferenzjali fis-setturi tal-kostruzzjoni u tal-agrikoltura, l-eliminazzjoni ta' rati mnaqqsa tat-taxxa fuq il-valur miżjud għal oġġetti u servizzi magħżula, żieda fid-dazji tas-sisa, u taxxa speċjali fuq il-fatturat tal-banek u l-kumpaniji multinazzjonali. Il-pakkett jinkludi wkoll miżuri mil-lat tan-nefqa, inkluża r-razzjonalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika u kundizzjonijiet aktar stretti għall-eliġibbiltà tal-uffiċjali pubbliċi biex jirċievu kupuni għall-btajjel u allowances għall-ikel. Skont l-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali hija pprojettata li tkun fil-biċċa l-kbira newtrali fl-2024, f'livell ta' 0,1 % tal-PDG.

(20)

In-nefqa li tammonta għal 1,0 % tal-PDG ser tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) fl-ambitu tal-Faċilità fl-2024, meta mqabbla ma' 0,1 % tal-PDG fl-2023, skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità ser tippermetti investiment ta' kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq il-bilanċ jew id-dejn tal-gvern estiż tar-Rumanija. Ir-Rumanija tassumi li n-nefqa ffinanzjata minn self mill-Faċilità ser tammonta għal 0,2 % tal-PDG fl-2024 u 1,2 % tal-PDG fl-2025, meta mqabbla ma' 0,3 % tal-PDG fl-2023.

(21)

Fl-14 ta' Lulju 2023, il-Kunsill irrakkomanda (14) li r-Rumanija tieħu azzjoni biex telimina b'mod gradwali l-miżuri fis-seħħ ta' appoġġ ta' emerġenza għall-enerġija, u tuża' l-iffrankar f'dan ir-rigward biex bih tnaqqas id-defiċit tal-gvern, kemm jista' jkun malajr fl-2023 u fl-2024. Il-Kunsill irrakkomanda wkoll li, jekk iż-żidiet mill-ġdid fil-prezzijiet tal-enerġija jkunu jeħtieġu li jitkomplew il-miżuri ta' appoġġ jew li jkun hemm miżuri ġodda ta' appoġġ, ir-Rumanija tiżgura li tali miżuri ta' appoġġ ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, ikunu fiskalment affordabbli, u jippreservaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, il-kost baġitarju nett (15) tal-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza għall-enerġija huwa stmat li jkun 0,3 % tal-PDG fl-2023 u pprojettat li jkun -0,1 % tal-PDG fl-2024 u fl-2025. L-iskemi ta' appoġġ b'impatt kumplessiv ta' 0,5 % tal-PDG fl-2024 u 0,4 % tal-PDG fl-2025 huma mistennija li jibqgħu fis-seħħ, iżda l-impatt tagħhom huwa pprojettat li jiġi kkumpensat mit-taxxi imprevisti mill-kumpaniji li jipproduċu u jiddistribwixxu l-enerġija. Il-kost baġitarju tal-miżuri ta' appoġġ immirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli huwa stmat għal 0,2 % tal-PDG fl-2024, li minnu inqas minn 0,1 % tal-PDG jippreservaw is-sinjal tal-prezz biex titnaqqas id-domanda għall-enerġija u tiżdied l-effiċjenza enerġetika. Kieku l-iffrankar relatat mit-tnaqqis tal-kost baġitarju nett tal-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza għall-enerġija ntuża biex inaqqas id-defiċit tal-gvern, kif rakkomandat mill-Kunsill, dawk il-projezzjonijiet kienu jimplikaw aġġustament fiskali ta' 0,4 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li n-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali hija prevista li tipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja għall-pożizzjoni fiskali ta' 1,2 % tal-PDG f'dik is-sena. Il-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza għall-enerġija mhumiex ipprojettati li jiġu eliminati gradwalment malajr kemm jista' jkun fl-2023 u l-2024. Hemm riskju li dan ma jkunx f'konformità ma' dak li kien irrakkomandat mill-Kunsill. Barra minn hekk, l-iffrankar relatat mhuwiex ipprojettat li jintuża bis-sħiħ biex inaqqas id-defiċit tal-gvern. Dawk ir-riskji mhumiex konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

(22)

Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda wkoll li r-Rumanija tippreserva l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u tiżgura l-assorbiment effettiv tal-għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità u ta' fondi oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari biex trawwem it-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali huwa pprojettat li jiżdied minn 2,3 % tal-PDG fl-2023 għal 3,3 % tal-PDG fl-2024. Dan huwa konformi ma' dak li ġie rrakkomandat mill-Kunsill. Min-naħa tagħha, in-nefqa pubblika ffinanzjata mid-dħul mill-fondi tal-Unjoni, inkluż l-għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità, hija mistennija li tonqos minn 3,3 % tal-PDG fl-2023 għal 2,3 % tal-PDG fl-2024. Dak it-tnaqqis huwa mmotivat minn tmiem il-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 tal-fondi strutturali tal-Unjoni, li għalihom il-fondi jkunu disponibbli sal-2023.

(23)

Abbażi tal-miżuri ta' politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, u ta' suppożizzjoni ta' ebda bidla fil-politika, it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta' 7,0 % tal-PDG fl-2025. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 53,9 % sa tmiem l-2025. Iż-żieda tad-defiċit fl-2025 tirrifletti prinċipalment il-kost fuq terminu qasir tar-riforma tal-pensjonijiet, li hija mistennija żżid 0,5 % oħra tal-PDG mad-defiċit fl-2025 meta mqabbla ma' xenarju bażi mingħajr riforma. Madankollu, hija probabbli xi moderazzjoni fl-infiq kapitali b'segwitu għall-elezzjonijiet lokali, u t-tkabbir fin-nefqa attwali minbarra l-pensjonijiet huwa mistenni li jmajna xi ftit. It-tbassir tad-defiċit tal-2025 ma jinkludix id-dħul addizzjonali potenzjali li jirriżulta mir-riforma tar-reġim tat-taxxa tal-mikrointrapriżi u r-riforma wiesgħa tat-taxxa, li huma parti mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u li qegħdin jitfasslu bħalissa. Dawn ir-riformi għandhom il-potenzjal li jiġġeneraw dħul sostanzjali għall-gvern u, jekk jitfasslu u jiġu implimentati kif suppost, li jnaqqsu d-defiċit tal-2025 b'mod sinifikanti meta mqabbel mat-tbassir. Jenħtieġ li l-politika fiskali prudenti tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-inflazzjoni bażi, li hija ferm ogħla mill-medja tal-UE, u tista' twassal għal telf fil-kompetittività jekk tippersisti, u jenħtieġ li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-pożizzjoni esterna wkoll.

(24)

F'konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/241 u l-kriterju 2.2 tal-Anness V ta' dak ir-Regolament, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta' riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawk ir-riformi u l-investimenti huma mistennijin jgħinu biex jiġu indirizzati b'mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F'dan il-perjodu ta' żmien strett, it-tkomplija rapida tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul tar-Rumanija permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Biex twettaq l-impenji tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza sa Awwissu 2026, huwa essenzjali li r-Rumanija tħaffef b'mod sinifikanti l-pass tal-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti billi tiżgura governanza effettiva u ssaħħaħ il-kapaċità amministrattiva. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa' essenzjali sabiex tiġi żgurata responsabbiltà wiesgħa għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.

(25)

Bħala parti mir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni, f'konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16), ir-Rumanija hija meħtieġa li tagħmel rieżami ta' kull programm appoġġat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), mill-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), mill-Fond ta' Koeżjoni u mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF) sa Marzu 2025, billi tqis, fost affarijiet oħra, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024, kif ukoll il-pjan nazzjonali tagħha dwar l-enerġija u l-klima. Dak ir-rieżami jifforma l-bażi għall-allokazzjoni definittiva tal-finanzjament tal-Unjoni inkluża f'kull programm. Ir-Rumanija għamlet progress fl-implimentazzjoni tal-programmi ta' politika ta' koeżjoni u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iżda għad hemm sfidi u għad hemm disparitajiet territorjali sinifikanti fl-investiment u l-impjiegi bejn ir-reġjun kapitali u r-reġjuni l-oħra, kif ukoll bejn iż-żoni urbani u dawk mhux urbani. Huwa ta' importanza kruċjali li r-Rumanija tħaffef l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni u ssaħħaħ il-kapaċità amministrattiva fil-livell nazzjonali u reġjonali. Il-prijoritajiet miftiehma fil-programmi għadhom rilevanti. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari għat-titjib tal-ġestjoni u s-sostenibbiltà tas-setturi tal-ilma, tal-ilma mormi u tal-iskart. Huwa daqstant importanti li jittejbu l-produttività tax-xogħol u l-kapaċità tan-negozji li jinnovaw, billi titpoġġa lenti fuq l-appoġġ immirat għan-negozju, inklużi l-kollaborazzjoni pubblika-privata u l-parteċipazzjoni f'inizjattivi Ewropej ta' riċerka u innovazzjoni. L-investiment fin-network ferrovjarju u t-trasport urban sostenibbli jenħtieġ li jkompli jingħata prijorità, flimkien mal-protezzjoni tal-bijodiversità.

(26)

Barra minn hekk, l-iżvilupp tal-kapaċità amministrattiva fil-livelli nazzjonali u sottonazzjonali huwa kruċjali, b'enfasi fuq it-tisħiħ tal-awtoritajiet reġjonali u lokali. Jenħtieġ li tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-pjanijiet territorjali għal tranżizzjoni ġusta, inkluż l-eliminazzjoni gradwali tal-faħam sal-2032. Is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi jenħtieġ li jkomplu jittejbu. F'dak ir-rigward, huwa partikolarment rilevanti li tittejjeb l-effettività tal-miżuri ta' attivazzjoni tas-suq tax-xogħol għan-nisa, iż-żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ, il-persuni b'diżabbiltà u l-komunitajiet emarġinati, bħar-Rom. Huwa meħtieġ investiment fl-edukazzjoni u fit-taħriġ kif ukoll fit-titjib tal-ħiliet u fit-taħriġ mill-ġdid tal-ħiliet tal-popolazzjoni. L-aċċessibbiltà u l-kwalità tal-kura soċjali u fit-tul kif ukoll tas-servizzi tas-saħħa fil-pajjiż kollu għall-gruppi vulnerabbli jeħtieġ li jitjiebu, filwaqt li l-miżuri ta' deistituzzjonalizzazzjoni jeħtieġ li jitħaffu. Il-faqar enerġetiku jibqa' wkoll sfida sinifikanti. Meta jsir ir-rieżami ta' nofs it-terminu, ta' min jagħti attenzjoni ulterjuri lill-għoti ta' akkomodazzjoni soċjali u servizzi soċjali relatati, kif ukoll lill-iżvilupp sostenibbli ta' żoni urbani iżgħar, li jaffaċċjaw skarsezzi persistenti fil-kapaċità amministrattiva. L-indirizzar ta' dawk l-isfidi jikkontribwixxi wkoll għall-appoġġ tal-konverġenza soċjali 'l fuq, f'konformità mal-analiżi tat-tieni stadju tal-pajjiżi tas-servizzi tal-Kummissjoni bbażata fuq il-karatteristiċi tal-Qafas ta' Konverġenza Soċjali, li ġie pilotat fl-2024. F'konformità mal-Artikolu 3(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2024/1263, is-Semestru Ewropew għandu jinkludi s-sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-linji gwida dwar l-impjiegi mill-Kummissjoni, fost l-oħrajn permezz ta' qafas biex jiġu identifikati r-riskji għall-konverġenza soċjali. Ir-Rumanija tista' wkoll tuża l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa, stabbilita bir-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17), biex tappoġġa l-investimenti fil-bijoteknoloġija (bħall-investimenti fl-użu tal-intelliġenza artifiċjali fis-settur mediku u fir-riċerka u l-investimenti produttivi f'mediċini kritiċi), fit-teknoloġiji diġitali u fl-innovazzjoni tat-teknoloġija profonda u f'teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi; kif ukoll biex tinvesti f'kapaċitajiet biex jiġu indirizzati n-nuqqas ta' ħiliet bħall-ħiliet meħtieġa għall-iżvilupp ta' dawk it-teknoloġiji kritiċi.

(27)

Minkejja t-titjib reċenti, ir-riskju tal-faqar u l-inugwaljanza għadhom għoljin b'disparitajiet sinifikanti fost il-gruppi tal-popolazzjoni u r-reġjuni, filwaqt li l-aċċess għall-impjiegi u l-edukazzjoni għadu mhuwiex kullimkien l-istess fir-Rumanija. Is-sistema ta' protezzjoni soċjali għadha turi effettività limitata biex ittaffi r-riskji tal-faqar u l-inugwaljanzi, minħabba l-aċċess insuffiċjenti u l-adegwatezza baxxa tagħha. Barra minn hekk, ir-rata ta' impjieg tibqa' waħda mill-aktar baxxi fl-Unjoni, b'mod partikolari għall-gruppi sottorappreżentati. Fl-aħħar nett, id-diffikultajiet biex jiġi żgurat aċċess ugwali għal edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità għolja għandhom impatt negattiv fuq it-tkabbir inklużiv.

(28)

Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi miżuri relatati mal-isfidi msemmija fil-premessa 27. Tali miżuri jinkludu riforma tas-sistema ta' protezzjoni għall-adulti b'diżabbiltà, riforma biex jiġu introdotti kards tax-xogħol u l-formalizzazzjoni tax-xogħol tal-ħaddiema domestiċi, investiment għal skemi għat-titjib tal-ħiliet jew għat-taħriġ mill-ġdid tal-ħiliet tal-impjegati fid-ditti, riforma tas-sistema edukattiva obbligatorja għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskola u investiment għall-iżvilupp ta' programm qafas għat-taħriġ kontinwu tal-professjonisti fis-servizzi tal-edukazzjoni bikrija tat-tfal. Il-programmi ta' koeżjoni jinkludu wkoll miżuri relatati bħal interventi apposta mmirati li fil-mira tagħhom għandhom l-impjieg fost iż-żgħażagħ, l-attivazzjoni u l-impjieg ta' gruppi żvantaġġati fis-suq tax-xogħol kif ukoll l-inklużjoni soċjali ta' persuni li jappartjenu għal gruppi vulnerabbli. It-tkomplija tal-implimentazzjoni rapida tagħhom tikkontribwixxi biex jiġu indirizzati l-isfidi msemmija fil-premessa 27 u tappoġġa l-konverġenza soċjali 'l fuq.

(29)

Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u l-konklużjonijiet dwar l-eżistenza ta' żbilanċi eċċessivi, ir-rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) u (2). Il-politiki msemmija fir-rakkomandazzjoni (1) jgħinu biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet marbuta mal-kont kurrenti kbir u d-defiċits tal-gvern, li jagħmlu l-ekonomija potenzjalment vulnerabbli għax-xokkijiet u jikkontribwixxu għal inflazzjoni għolja. Il-politiki msemmija fir-rakkomandazzjoni (2) jgħinu biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet marbuta mal-kompetittività tal-kostijiet minħabba żidiet fil-pagi li jaqbżu t-tkabbir fil-produttività tax-xogħol u l-kompetittività mhux tal-kostijiet minħabba restrizzjonijiet strutturali,

B'DAN JIRRAKKOMANDA li r-Rumanija tieħu azzjoni fl-2024 u l-2025 sabiex:

1.

Tippreżenta l-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju f'waqtu. Tissikka l-politika fiskali sabiex tikseb aġġustament fiskali għas-sena 2024 kollha kemm hi. Fl-2025, f'konformità mar-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir riformat, tillimita t-tkabbir fin-nefqa netta (18) għal rata konsistenti, fost l-oħrajn, mat-tnaqqis tad-defiċit tal-gvern estiż lejn il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat u ż-żamma tad-dejn tal-gvern estiż f'livell prudenti fuq terminu medju.

2.

Tħaffef b'mod sinifikanti l-pass tal-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni u l-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, filwaqt li tiżgura t-tlestija tar-riformi u l-investimenti sa Awwissu 2026, billi tiżgura governanza effettiva u ssaħħaħ il-kapaċità amministrattiva. Fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni, tkompli tiffoka fuq il-prijoritajiet miftiehma, filwaqt li tieħu azzjoni biex tindirizza aħjar il-ħtiġijiet fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali, is-servizzi soċjali relatati u l-iżvilupp ta' żoni urbani iżgħar, filwaqt li tikkunsidra l-opportunitajiet ipprovduti mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex ittejjeb il-kompetittività.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta’ Ottubru 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

NAGY I.


(1)   ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj.

(2)   ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1176/oj.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/435/oj).

(5)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' April 2024 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (ĠU C, C/2024/2807, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2807/oj).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/1467/oj).

(7)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta' Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/85/oj).

(8)  Nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (2) tar-Regolament (UE) 2024/1263: “nefqa netta” tfisser in-nefqa tal-gvern netta minn (i) in-nefqa fuq l-imgħax, (ii) il-miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, (iii) in-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni, (iv) in-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta' programmi ffinanzjati mill-Unjoni, (v) l-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u (vi) miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.

(9)  ST 12319/21 u ST 12319/21 ADD 1.

(10)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Diċembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tad-29 ta' Ottubru 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru r-reżiljenza tar-Rumanija (ST 15833/23 u ST 15833/23 ADD 1).

(11)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) Nru 2020/509 tat-3 ta' April 2020 dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv fir-Rumanija (ĠU L 110, 8.4.2020, p. 58, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/509/oj).

(12)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-3 ta' April 2020 bil-għan li tintemm is-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv tal-gvern fir-Rumanija (ĠU C 116, 8.4.2020, p. 1).

(13)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2021 bl-għan li tintemm is-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv tal-gvern fir-Rumanija (ĠU C 304, 29.7.2021, p. 111).

(14)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Lulju 2023 dwar il-Programm ta' Riforma Nazzjonali tal-2023 tar-Rumanija u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tal-2023 tar-Rumanija (ĠU C 312, 1.9.2023, p. 216).

(15)  Iċ-ċifra tirrappreżenta l-livell tal-kost baġitarju annwali ta' dawk il-miżuri, inkluż id-dħul u n-nefqa u, meta jkun applikabbli, nett mid-dħul mit-taxxi fuq il-profitti mhux mistennija tal-fornituri tal-enerġija.

(16)  Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1060/oj).

(17)  Ir-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' Frar 2024 li jistabbilixxi l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP), u li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE u r-Regolamenti (UE) 2021/1058, (UE) 2021/1056, (UE) 2021/1057, (UE) 1303/2013, (UE) 223/2014, (UE) 2021/1060, (UE) 2021/523, (UE) 2021/695, (UE) 2021/697 u (UE) 2021/241 (ĠU L, 2024/795, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/795/oj).

(18)  Skont l-Artikolu 2, il-punt (2) tar-Regolament (UE) 2024/1263, “nefqa netta” tfisser in-nefqa tal-gvern, netta min-nefqa fuq l-imgħax, mill-miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, min-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni, min-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta' programmi ffinanzjati mill-Unjoni, mill-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u minn miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6830/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)