28.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 29/23


IR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/83

tas-27 ta’ Jannar 2021

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/466 fir-rigward tat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali u ta’ attivitajiet uffiċjali oħra minn persuni fiżiċi awtorizzati b’mod speċifiku u tal-perjodu ta’ applikazzjoni tal-miżuri temporanji

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 141(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2017/625 jistabbilixxi regoli, fost l-oħrajn, għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali u ta’ attivitajiet uffiċjali oħra mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Jagħti wkoll is-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, il-miżuri temporanji xierqa meħtieġa biex jiġu limitati r-riskji għas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti u għat-trattament xieraq tal-annimali, jekk ikollha evidenza ta’ tfixkil serju fis-sistema ta’ kontroll ta’ Stat Membru.

(2)

Sabiex jiġu indirizzati ċ-ċirkostanzi speċifiċi marbutin mal-kriżi li għaddejja relatata mal-marda tal-coronavirus (COVID-19), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/466 (2) jippermetti lill-Istati Membri japplikaw miżuri temporanji fir-rigward tal-kontrolli uffiċjali u ta’ attivitajiet uffiċjali oħra.

(3)

L-Istati Membri informaw lill-Kummissjoni li fid-dawl tal-kriżi marbuta mal-COVID-19, ċertu tfixkil serju fil-funzjonament tas-sistemi ta’ kontroll tagħhom, diffikultajiet biex jitwettqu l-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra fuq iċ-ċertifikati uffiċjali u l-attestazzjonijiet uffiċjali fir-rigward tal-movimenti tal-annimali u l-oġġetti lejn l-Unjoni u fi ħdan l-Unjoni u diffikultajiet biex jiġu organizzati laqgħat fiżiċi mal-operaturi u l-persunal tagħhom fil-kuntest tal-kontrolli uffiċjali, se jippersistu wara l-1 ta’ Frar 2021.

(4)

L-Istati Membri informaw ukoll lill-Kummissjoni dwar tfixkil ieħor relatat mal-kapaċità li jużaw persunal xieraq, kif meħtieġ mir-Regolament (UE) 2017/625, fil-kuntest ta’ kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra.

(5)

Biex jiġi indirizzat dan it-tfixkil serju, li x’aktarx jippersisti fix-xhur li ġejjin, u biex jiġu ffaċilitati l-ippjanar u t-twettiq tal-kontrolli uffiċjali u ta’ attivitajiet uffiċjali oħra matul il-kriżi marbuta mal-COVID-19, jenħtieġ li terġa’ tiġi introdotta l-possibbiltà li persuni fiżiċi li jkunu awtorizzati b’mod speċifiku jiġu fdati b’kontrolli uffiċjali u b’attivitajiet uffiċjali oħra, kif stabbilit preċedentement fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/466 sal-1 ta’ Awwissu 2020, u jenħtieġ ukoll li l-perjodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/466 jiġi estiż sal-1 ta’ Lulju 2021.

(6)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/466 jiġi emendat skont dan.

(7)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/466 huwa emendat kif ġej:

(1)

jiddaħħal l-Artikolu 3 li ġej:

“Artikolu 3

Il-kontrolli uffiċjali u l-attivitajiet uffiċjali l-oħra jistgħu jitwettqu b’mod eċċezzjonali minn persuna fiżika waħda jew aktar li jkunu awtorizzati b’mod speċifiku mill-awtorità kompetenti abbażi tal-kwalifiki, tat-taħriġ u tal-esperjenza prattika tagħhom, li jkunu f’kuntatt mal-awtorità kompetenti bi kwalunkwe mezz ta’ komunikazzjoni disponibbli, u li għandhom isegwu l-istruzzjonijiet tal-awtorità kompetenti għat-twettiq tat-tali kontrolli uffiċjali u tat-tali attivitajiet uffiċjali oħra. Dawn il-persuni għandhom jaġixxu b’mod imparzjali u ma għandu jkollhom l-ebda kunflitt ta’ interess b’rabta mal-kontrolli uffiċjali u mal-attivitajiet uffiċjali l-oħra li huma jwettqu.”

(2)

fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 6, id-data “1 ta’ Frar 2021” tiġi sostitwita bi “1 ta’ Lulju 2021”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mit-2 ta’ Frar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Jannar 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/466 tat-30 ta’ Marzu 2020 dwar miżuri temporanji biex jiġu limitati r-riskji għas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti u għat-trattament xieraq tal-annimali matul ċertu tfixkil serju tas-sistemi ta’ kontroll tal-Istati Membri minħabba l-marda tal-coronavirus (il-COVID-19) (ĠU L 98, 31.3.2020, p. 30).