26.8.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 221/103


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1430

tal-24 ta’ Awwissu 2022

dwar it-talba għar-reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Sejħa biex jinkiseb ambjent ħieles mit-tabakk u l-ewwel ġenerazzjoni Ewropea mingħajr tabakk sal-2030” skont ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2022) 5968)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(2) u (3) tiegħu,

Billi:

(1)

Talba għar-reġistrazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Sejħa biex jinkiseb ambjent ħieles mit-tabakk u l-ewwel ġenerazzjoni Ewropea mingħajr tabakk sal-2030” ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni fid-29 ta’ Ġunju 2022.

(2)

L-għanijiet tal-inizjattiva huma spjegati mill-organizzaturi kif ġej: “il-pandemija tat-tabakk hija l-ewwel kawża ta’ mewt li tista’ tiġi evitata. It-truf tas-sigaretti fuq il-bajjiet jikkawżaw ħsara ambjentali lill-oċean u lill-organiżmi selvaġġi tiegħu, fil-foresti jikkawżaw nirien u jikkontaminaw il-ħamrija u l-ilma. Sabiex il-ġenerazzjonijiet il-ġodda jiġu salvati milli jaqgħu f’dipendenza fuq it-tabakk, minbarra li jaġixxu b’mod qawwi kontra l-perikli ambjentali kkawżati mit-truf tas-sigaretti u l-ġlieda kontra t-tipjip, huwa meħtieġ li: (1) tiġi promossa l-ewwel ġenerazzjoni Ewropea ħielsa mit-tabakk sal-2028, li ttemm il-bejgħ tat-tabakk u tal-prodotti tan-nikotina liċ-ċittadini li twieldu mill-2010; (2) tinħoloq xibka Ewropea ta’ bajjiet ħielsa mit-tabakk u ħielsa mit-truf tas-sigaretti, u b’hekk dawn l-ispazji jsiru aktar b’saħħithom u ambjentalment sostenibbli; (3) tiġi stabbilita xibka Ewropea ta’ parks nazzjonali ħielsa mit-tabakk u ħielsa mit-truf tas-sigaretti li tagħmilhom aktar b’saħħithom u tnaqqas il-kontaminazzjoni u r-riskju ta’ nirien; (4) jiġu estiżi l-ispazji barra ħielsa mid-duħħan u mill-fwar, speċjalment dawk iffrekwentati mill-minorenni (parks, pixxini, avvenimenti sportivi u ċentri, wirjiet u terrazzi tar-ristoranti); (5) jiġi eliminat ir-reklamar u l-preżenza tat-tabakk fil-produzzjonijiet awdjoviżivi, fil-media soċjali, bl-indirizzar b’mod speċjali tar-reklamar moħbi permezz ta’ influwenzaturi u l-inklużjoni ta’ prodotti kummerċjali; (6) jiġu ffinanzjati proġetti ta’ riċerka u żvilupp (R&D) għal mard ikkawżat mill-użu tat-tabakk biex titjieb il-pronjożi tagħhom u jsiru kurabbli.”

(3)

Fir-rigward tas-sejħa għal azzjoni biex jiġu implimentati l-ewwel u l-ħames objettivi tal-inizjattiva, biex tiġi promossa ġenerazzjoni mingħajr tabakk sal-2028 u biex jiġu eliminati r-reklamar u l-preżenza tat-tabakk fil-produzzjonijiet awdjoviżivi, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tippreżenta proposti għal atti legali li jipprojbixxu l-bejgħ u r-reklamar ta’ ċerti prodotti tat-tabakk abbażi tal-Artikolu 114 tat-Trattat.

(4)

Fir-rigward tas-sejħa għal azzjoni biex jiġu implimentati t-tieni, it-tielet u r-raba’ objettivi tal-inizjattiva, biex tinħoloq xibka Ewropea ta’ bajjiet ħielsa mit-tabakk u ħielsa mit-truf tas-sigaretti, biex jiġu stabbiliti parks nazzjonali ħielsa mit-tabakk u ħielsa mit-truf tas-sigaretti u biex jiġu estiżi l-ispazji barra ħielsa mid-duħħan u mill-fwar, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tippreżenta proposti għal atti legali abbażi tal-Artikolu 192 tat-Trattat.

(5)

Fir-rigward tas-sejħa għal azzjoni biex jiġi implimentat is-sitt objettiv tal-inizjattiva, biex jiġu ffinanzjati proġetti ta’ riċerka u żvilupp (R&D) għal mard ikkawżat mill-użu tat-tabakk, il-Missjoni dwar il-Kanċer hija komponent ewlieni tal-investiment tal-Unjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni dwar il-kanċer fil-kuntest tal-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni 2021–2027 ta’ Orizzont Ewropa (2).

(6)

Għal dawn ir-raġunijiet, l-ebda parti mill-inizjattiva ma taqa’ manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati.

(7)

Din il-konklużjoni hija mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni ta’ jekk il-kundizzjonijiet sostantivi konkreti meħtieġa biex il-Kummissjoni taġixxi, inklużi l-konformità mal-prinċipji tal-proporzjonalità u tas-sussidjarjetà u l-kompatibilità mad-drittijiet fundamentali, ikunux issodisfati f’dan il-każ.

(8)

Il-grupp ta’ organizzaturi pprovda evidenza xierqa li huwa jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2019/788 u ħatar il-persuni ta’ kuntatt f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(3) ta’ dak ir-Regolament.

(9)

L-inizjattiva la hija manifestament abbużiva, frivola jew vessatorja u lanqas ma tmur manifestament kontra l-valuri tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u d-drittijiet stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(10)

L-inizjattiva intitolata “Sejħa biex jinkiseb ambjent ħieles mit-tabakk u l-ewwel ġenerazzjoni Ewropea ħielsa mit-tabakk sal-2030” għandha għalhekk tiġi rreġistrata.

(11)

Il-konklużjoni li l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2019/788 huma ssodisfati bl-ebda mod ma timplika li l-Kummissjoni tikkonferma l-korrettezza fattwali tal-kontenut tal-inizjattiva, li hija r-responsabbiltà unika tal-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva. Il-kontenut tal-inizjattiva jesprimi biss il-fehmiet tal-grupp ta’ organizzaturi, u bl-ebda mod ma jista’ jitqies li jirrifletti l-fehmiet tal-Kummissjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Sejħa biex jinkiseb ambjent ħieles mit-tabakk u l-ewwel ġenerazzjoni Ewropea mingħajr tabakk sal-2030” għandha tiġi rreġistrata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva taċ-ċittadini intitolata “Sejħa biex jinkiseb ambjent ħieles mit-tabakk u l-ewwel ġenerazzjoni Ewropea mingħajr tabakk sal-2030”, irrappreżentata mis-Sinjura Raquel FERNANDEZ MEGINA u s-Sur Francisco RODRIGUEZ LOZANO li jaġixxu bħala persuni ta’ kuntatt.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Awwissu 2022.

Għall-Kummissjoni

Věra JOUROVÁ

Viċi President


(1)   ĠU L 130, 17.5.2019, p. 55.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1).