|
27.7.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C 175/53 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għal regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi normi speċifiċi għas-settur tal-ħxejjex u l-frott u bdil f'xi regolamenti”
COM(2007) 17 finali — 2007/0012 (CNS)
(2007/C 175/14)
Nhar l-14 ta' Frar 2007, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikoli 36 u 37 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar il- Proposta għal regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi normi speċifiċi għas-settur tal-ħxejjex u l-frott u bdil f'xi regolamenti.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it- 8 ta' Mejju. Ir-rapporteur kien is-Sur Campli.
Matul l-436 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-30 u l-31 ta' Mejju 2007 (seduta tat-30 ta' Mejju 2007), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'unanimità.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1 |
Il-KESE jemmen li jekk l-għanijiet tar-riforma jiġu segwiti b'mod globali, jistgħu joħolqu politika koerenti għall-iżvilupp ta' dan is-settur importanti ta' l-ekonomija agrikola, industrijali u alimentari ta' l-Unjoni Ewropea. |
|
1.2 |
Il-KESE jilqa' l-affermazzjoni tar-rwol ċentrali li jaqdu l-organizzazzjonijiet tal-produtturi fl-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq (OKS) tas-settur tal-ħxejjex u l-frott. |
|
1.3 |
Il-KESE jqis l-aspett finanzjarju bħala parti essenzjali minn politika koerenti li twassal sabiex tiggarantixxi l-kompetittività tas-settur tal-ħxejjex u l-frott Ewropew; għalhekk huwa jsejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra b'aktar attenzjoni l-konsegwenzi finanzjarji ta' l-innovazzjonijiet li qegħdin jiddaħħlu, għalkemm huma pożittivi u ta' min wieħed jaqbel magħhom. |
|
1.4 |
Il-KESE, filfatt, jinnota li l-introduzzjoni ta' miżuri ġodda u importanti fil-programmi operattivi jwasslu għal tnaqqis sostanzjali fir-riżorsi disponibbli għall-investiment u x-xogħol. |
|
1.5 |
Il-KESE jappoġġja l-istrateġija tal-Kummissjoni li għandha l-ħsieb li sa l-2013 tkun wasslet sabiex l-ewwel pilastru kollu jsir omoġeneju u bbilanċjat; għaldaqstant isejjaħ lill-Kummissjoni li twaqqaf, anki fis-settur tal-ħxejjex u l-frott, programm ta' transizzjoni sabiex l-operaturi kollha fis-settur jaġġornaw rwieħhom mas-sistema l-ġdida u fl-istess waqt, il-konsumaturi Ewropej jingħataw garanzija ta' bilanċ adegwat bejn il-kwantità u l-kwalità. |
|
1.6 |
Il-KESE jilqa' l-politika tal-Kummissjoni li għandha l-ħsieb li tħares l-ambjent b'mod attiv. Għal dan l-iskop jirrakkomanda li jkun hemm miżuri flessibbli li jippremjaw il-prattiċi u l-istrateġiji ta' l-operaturi differenti. Il-KESE jirrakkomanda strateġija aktar deċiża fil-politiki orizzontali ta' sostenn fir-rigward tal-promozzjoni tal-konsum tal-ħxejjex u l-frott fost kategoriji partikolari ta' konsumaturi. |
|
1.7 |
Il-KESE jirrakkomanda li jinżammu r-regoli tal-kummerċ li jħarsu l-konsumaturi, b'mod partikolari fejn jidħlu s-sikurezza alimentari u l-oriġini tal-prodotti. |
2. Il-ħsibijiet u l-proposti tal-Kummissjoni
|
2.1 |
Il-Kummissjoni tiddikkjara dawn l-objettivi:
|
|
2.2 |
Ir-riforma hija mibnija fuq tliet pilastri fundamentali:
|
|
2.2.1 |
Il-Kummissjoni tiddikjara li l-objettivi msemmija hawn fuq ġew imfassla b'tali mod li jkunu kompatibbli ma' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, koerenti mar-riforma tal-PAK u konformi mal-perspettivi finanzjari viġenti. |
|
2.2.2 |
Il-Kummissjoni tinnota li l-produzzjoni tal-ħxejjex u l-frott fl-UE tas-27 tirrappreżenta t-3.1 % tal-baġit komunitarju u 17 % tal-produzzjoni agrikola totali fl-UE. |
|
2.2.3 |
Il-riżorsi li l-proposta tar-riforma talloka għall-ħxejjex u l-frott frisk jibqgħu fil-livell ta' 4.1 % tal-valur tal-produzzjoni ikkummerċjalizzata mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi, mentri l-limiti massimi nazzjonali marbuta mal-prodott ipproċessat jiġu trasferiti fil-Ħlas Uniku għall-Azjendi Agrikoli (Single Farm Payment Scheme) skond il-valuri storiċi għal kull pajjiż u fil-każ ta' l-Istati Membri ġodda, skond kif ġie stabbilit fit-trattati ta' l-adeżjoni. |
|
2.2.4 |
Fir-reġjuni fejn il-produtturi ma tantx huma organizzati, tista' tiġi awtorizzata għajnuna finanzjarja supplimentari fuq bażi nazzjonali. |
|
2.2.5 |
Il-finanzjament konġunt tal-programm operativ qiegħed jinżamm fil-livell ta' 50 %, ħlief għal xi każijiet partikolari fejn il-livell jilħaq is-60 % (skemi transnazzjonali, skemi interokkupazzjonali, produzzjoni bijoloġika, produtturi mill-Istati Membri ġodda, amalgamazzjoni ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi, reġjuni li huma fil-periferija estrema, reġjuni li għandhom inqas mill-20 % tal-produzzjoni organizzata). |
|
2.2.6 |
Ħamsa fil-mija tal-produzzjoni tista' tiġi miżmuma mis-suq u ddestinata lejn opri ta' benefiċjenza, entitajiet karitattivi, istituti penali, skejjel, kampijiet tal-vaganzi għat-tfal, sptarijiet u djar ta' l-anzjani bi spiża ta' 100 % fuq il-Kummissjoni. |
|
2.2.7 |
L-Hemm dispożizzjoni sabiex l-Artikolu 51 tar-Regolament 1782/2003 ikun abrogat u għalhekk l-uċuħ tal-ħxejjex u l-frott huma eliġibbli għall-Ħlas Uniku għall-Azjendi Agrikoli. |
|
2.2.8 |
L-istati Membri jistabbilixxu l-ammonti ta' referenza u n-numru ta' ettari eleġibbli għall-iskema ta' Ħlas Uniku fuq il-bażi ta' perjodu rappreżentattiv adattat għas-suq ta' kull ħaxixa u frotta u skond kriterji xierqa oġġettivi u mhux diskriminatorji. |
|
2.2.9 |
Il-Kummissjoni tipprovdi li almenu 20 % ta' l-ispiża totali ta' kull programm operattiv iridu jmorru f' miżuri ta' natura agrikola-ambjentali. |
|
2.2.10 |
Il-proposta ma taffettwax ir-regoli eżistenti fil-qasam tal-kummerċ estern; madankollu tipproponi li jiġi abolit il-ħlas lura fuq l-esportazzjonijiet. |
|
2.2.11 |
Parti mir-regolamentazzjoni tas-settur tal-ħxejjex u frott li tinsab fil-proposta li qiegħda tiġi eżaminata diġà tinstab fil-proposta għal regolament fuq l-“OKS unika” (li bħalissa qiegħda tiġi diskussa mill-Kunsill). |
|
2.2.12 |
Fil-proposta tar-riforma l-Kummissjoni tipprovdi wkoll li wara ssir reviżjoni tan-normi tal-kummerċjalizzazzjoni, b'mod partikolari fejn jidħlu l-kwalità, il-klassifikazzjoni, il-piż, id-daqs, il-kundizzjoni, l-imballaġġ, il-ħażna, it-trasport, il-preżentazzjoni, l-introduzzjoni fis-suq u t-tikkettar. Il-proposta tal-Kummissjoni tikkonferma r-rwol fundamentali li l-produtturi tal-ħxejjex u l-frott frisk għandhom għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi billi:
|
|
2.2.13 |
Il-proposta tirrikonoxxi l-organizzazzjonijiet interokkupazzjonali u tipprovdi sabiex ir-regoli li japplikaw għall-membri ta' l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jiġu estiżi għall-produtturi mhux organizzati, bil-kundizzjoni li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jikkontrollaw ta' l-anqas 60 % tal-produzzjoni fiż-żona kkonċernata. |
|
2.2.14 |
Il-Kummissjoni tippropoponi li l-Istati Membri joħolqu strateġija nazzjonali li tippermetti lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi li jivvalutaw il-programmi operattivi. |
|
2.2.15 |
F'kull programm operattiv hemm miżuri obbligatorji favur iż-żgħażagħ taħt it-18-il sena. |
3. Kummenti ġenerali
|
3.1 |
Il-KESE jemmen li jekk l-għanijiet tar-riforma jiġu segwiti b'mod globali, jistgħu joħolqu politika koerenti għall-iżvilupp ta' dan is-settur importanti ta' l-ekonomija agrikola, industrijali u alimentari ta' l-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni stess, fil-fatt fil-“Ġustifikazzjoni għar-Riforma” tenfasizza li “mid-9.7 miljun azjenda agrikola fl-Unjoni Ewropea tal-25, 1.4 miljun jipproduċu ħxejjex u frott. Dan is-settur ikopri 3 % ta' l-uċuħ ikkoltivati u jipproduċi 17 % tal-valur tal-produzzjoni agrikola ta' l-UE. Huwa jrid jiffaċċja l-pressjoni tal-ktajjen tal-bejgħ bl-imnut, li huma kkaratterizzati minn konċentrazzjoni qawwija, u minn kompetizzjoni akbar mill-prodotti li ġejjin minn pajjiżi terzi (…) Is-settur jirċievi madwar 3.1 % tal-baġit tal-PAK.” (1) Min naħa tiegħu, il-KESE jenfasizza li s-settur tal-ħxejjex u l-frott — huwa s-settur agrikolu li jassorbi l-akbar numru ta' ħaddiema proporzjonalment ma' l-art ikkoltivata. Barraminhekk, is-settur tal-ħxejjex u l-frott jiffaċċja kompetizzjoni internazzjonali (negozjati ma' l-Organizzazzjoni Dinija tal-Kummerċ, iż-żona ta' kummerċ ħieles Ewromediterranja fl-2010) li dejjem aktar ser tinfluwenza l-iżviluppi fil-produzzjoni tal-ħxejjex u l-frott fl-Ewropa. |
|
3.2 |
Barraminhekk il-Qorti Ewropea ta' l-Awdituri fir-rapport speċjali nru.8/2006 “Suċċess jiżdied? L-effettività tas-sostenn ta' l-Unjoni Ewropea għall-programmi operattivi tal-produtturi tal-frott u tal-ħaxix”, li eżaminat b'mod analitiku l-ħidma ta' l-organizzazzjonijiet tal-produtturi ltaqgħet ukoll ma' “avvanz sinifikanti mis-sitwazzjoni inizjali” filwaqt li sejħet sabiex isir monitoraġġ aħjar ħalli jiġi stabbilit kemm hi effettiva l-għajnuna u talbet li ssir “mira aħjar għall-politika” sabiex jissaħħu l-organizzazzjonijiet tal-produtturi. |
|
3.3 |
Il-KESE jinnota' d-differenza li hemm bejn l-objettivi li ġew iddikjarati u r-riżorsi finanzjarji disponibbli — parti essenziali minn politika koerenti — sabiex jitwettqu dawn l-objettivi, dan jikkonferma żbilanċ fil-PAK fir-rigard tal-produzzjoni Mediterranja. Il-KESE jinnota li l-Kummissjoni ffurmat il-proposti tagħha fil-limiti ta' baġit li ma żdietx. Jinnota wkoll li permezz ta' l-abolizzjoni taż-żamma mis-suq u tal-ħlas lura fuq l-esportazzjonijiet, il-Kummissjoni qiegħda żżid ir-riżorsi li huma potenzjalment disponibbli għall-programmi operattivi fil-futur, riżorsi li però jistgħu jibqgħu ma jintużawx u li ma jistgħux jiġu investiti mill-aktar organizzazzjonijiet tal-produtturi effiċjenti. |
|
3.4 |
Il-KESE jinnota wkoll, li minn banda l-proposta ddaħħal miżuri ġodda ta' importanza politika u ekonomika kbira fil-programmi operattivi (l-immaniġġjar tal-kriżijiet fis-suq, politika ambjentali, promozzjoni tal-konsum) u mill-banda l-oħra żżid il-livell ta' finanzjament konġunt (sa 60 %) għal xi miżuri li huma meqjusa strateġiċi. Din il-politika innovattiva, flimkien maż-żamma tal-limitu massimu fuq l-għajnuna finanzjarja mill-Komunità għall-programmi operattivi, li jwassal sa 4.1 % tal-valur tal-produzzjoni kummerċjalizzata minn kull organizzazzjoni tal-produtturi twassal, fil-fatt, għal tnaqqis fir-riżorsi li jistgħu jintefqu f'investimenti. |
|
3.5 |
Il-KESE jinnota wkoll li l-introduzzjoni tas-separazzjoni totali ta' l-għajnuna għal prodotti pproċessati probabbilment tista' wkoll iġġib magħha tnaqqis fil-valur tal-produzzjoni kummerċjalizzata, u bħala konsegwenza, tnaqqis tar-riżorsi finanzjari aggregati meta mqabbla mas-sitwazzjoni preżenti. |
|
3.6 |
Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-KESE jqis li huwa neċessarju li jsiru ta' l-anqas tliet korrezzjonijiet, filwaqt li jinżamm il-prinċipju ta' newtralità “ġenwina” tal-baġit:
|
|
3.7 |
Fuq kollox l-KESE jinnota l-proposta tal-Kummissjoni li tafda l-immaniġġjar tal-kriżijiet lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi u jsejjaħ lill-Kummissjoni li toħroġ kriterji trasparenti għall-immaniġġjar tal-kriżijiet u li tagħmel mezz sabiex l-istrumenti pprovduti għal dan il-għan ikunu jistgħu jiġu wżati mill-produtturi kollha, b'mod li kwalunkwe intervent f'sitwazzjoni ta' kriżi jkun effettiv u jippermetti li s-suq jerġa' jqum fuq saqajh. |
|
3.8 |
Il-KESE huwa konxju li l-Kummissjoni kemm-il darba ddikjarat li l-istrateġija fit-tul tagħha hija li ddaħħal l-OKS kollha fl-Iskema ta' Ħlas Unika għall-Azjendi Agrikoli sa l-2013. Meta wieħed iqis il-każ partikolari ta' kull Stat Membru u tal-prodotti varji, il-KESE jemmen li huwa possibbli, anki bi qbil mar-riformi li s'issa ġew approvati, li jiġi kkunsidrat perjodu xieraq ta' transizzjoni. Il-KESE filfatt huwa konxju ħafna tal-konsegwenzi ta' approċċ li huwa mgħaġġel iżżejjed, li jfixkel b'mod serju l-qasam tax-xogħol u l-industrija ta' l-ipproċessar, li trid tiffaċċja strateġija kkumplikata ta' ristrutturazzjoni — li tista' tinkludi l-għeluq ta' xi fabbriki — u li għaliha l-proposta ta' riforma ma toffri l-ebda miżura speċifika ta' sostenn. |
|
3.9 |
Il-KESE, barraminhekk jinnota li l-Kummissjoni, sabiex tkun kompatibbli ma' l-Organizzazzjoni Dinija tal-Kummerċ tqis li huwa neċessarju li l-Artikolu 51 tar-Regolament 1782/2003 jinbidel. Dan ser iġib miegħu kompetizzjoni akbar fi ħdan is-settur bejn produtturi tal-ħxejjex u l-frott antiki u produtturi potenzjali ġodda. Sabiex jiġu evitati distorsjonijiet artifiċjali fid-dħul tas-settur, il-KESE jikkunsidra li huwa indispensabbli li — għal perjodu ta' transizzjoni — l-Istati Membri jkunu jistgħu jżommu l-Artikolu 51 b'mod selettiv għal xi prodotti ta' natura sensittiva, jew li jinħolqu drittijiet ġodda għal dawk il-produtturi tal-ħxejjex u l-frott li fil-passat qatt ma kisbuhom mill-produzzjonijiet tagħhom. |
|
3.10 |
Il-KESE jinnota li l-Kummissjoni, fil-qasam tal-kummerċ ma' pajjiżi terzi, tipproponi li għal dan is-settur, jitneħħa l-ħlas lura marbut ma' l-esportazzjoni u jinnota li din il-pożizzjoni hija parti minn politika ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea li mhijiex kompletament omoġeneja u koerenti bejn is-setturi varji ta' l-agrikoltura. Barraminhekk jitlob lill-Kummissjoni, li tevita kwalunkwe konċessjoni kummerċjali li tmur kontra l-prinċipju tal-preferenza komunitarja u jirrikkomanda li tiggarantixxi tmexxija rigoruża tat-tariffi u li żżomm il-klawsola ta' salvagwardja speċjali: dan ukoll fid-dawl tal-fatt li l-UE hija l-akbar importatur fid-dinja tal-ħxejjex u l-frott, u li 'l fuq minn 70 % ta' l-importazzjoni ġejja minn pajjiżi li jgawdu minn ftehim kummerċjali preferenzjali u li fis-settur hemm prodotti hekk imsejħa sensittivi. |
|
3.11 |
Filwaqt li jaqbel ma' l-għan li nersqu lejn simplifikazzjoni, il-KESE iqis li ż-żamma ta' normi ta' kummerċjalizzazzjoni hija fundamentali kemm minħabba l-garanzija li joffru lill-konsumatur, fis-sikurezza u fl-oriġini tal-prodott, kif ukoll minħabba r-rwol importanti li jaqdu fir-regolamentazzjoni tas-suq. Għal dan il-għan, il-KESE jenfasizza l-importanza li l-UE jirnexxielha tintroduċi r-rintraċċar ta' l-oriġini bħala miżura bażika għall-immaniġġjar tar-riskji għas-saħħa pubblika u tal-pjanti fin-normi li jirregolaw l-kummerċ internazzjonali. |
|
3.12 |
Il-KESE jinnota wkoll, il-bżonn li l-Unjoni Ewropea tippromwovi, fil-livell internazzjonali, l-introduzzjoni u r-rikonoxximent ta' standards ambjentali u soċjali speċjalment fejn jidħlu l-ħaddiema impjegati fil-proċessi ta' produzzjoni. |
|
3.13 |
Il-KESE jilqa' l-politika tal-Kummissjoni li għandha l-ħsieb li tħares l-ambjent b'mod attiv. Għal dan il-għan, il-KESE jqis li huwa aktar effettiv li tiġi applikata metodoloġija ta' finanzjament konġunt inkrimentali, li tibda minn bażi minima obbligatorja u li tippremja l-programmi operattivi orjentati lejn dawn l-għanijiet, milli li toħloq limiti u parametri b'perċentwali fissi. |
|
3.14 |
Fejn tidħol il-promozzjoni tal-konsum tal-ħxejjex u l-frott fost kategoriji partikolari ta' konsumaturi, il-KESE jaqbel ma' l-importanza li l-Kummissjoni tagħti lil dan il-għan, u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni li toħloq strateġija ta' promozzjoni speċifika fil-qasam tal-politika ta' promozzjoni orizzontali, imma jiddubita kemm l-obbligu li l-programmi operattivi jinkludu miżuri ta' promozzjoni, li dejjem ser ikunu limitati, ikun effettiv |
4. Kummenti speċifiċi
|
4.1 |
Il-Kumitat jindika li l-proposta tal-Kummissjoni ma ssolvix il-problema li qed jiffaċċjaw il-produtturi ta' frott aħmar għall-ipproċessar. Il-KESE jemmen li jkun utli li tinħoloq sistema ta' għajnuna diretta għall-produtturi ta' frott aħmar għall-ipproċessar, bħalma hu l-każ ta' frott u ħxejjex oħra mkabbra għall-ipproċessar (per eżempju l-frott niexef). |
|
4.2 |
Il-KESE jilqa' l-introduzzjoni tal-ħxejjex aromatiċi fost il-prodotti li għalihom tista' titwaqqaf organizzazzjoni tal-produtturi, u jappella sabiex il-Kummissjoni tiżgura li l-lista finali fil-proposta tagħha tirrifletti l-bżonnijiet tat-territorji kollha fl-UE. |
|
4.3 |
Wara esperjenzi simili fid-distribuzzjoni għall-benefiċjenza, il-KESE jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-bżonn ta' miżuri ta' implimentazzjoni effiċjenti u effettivi. |
|
4.4 |
Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra wkoll il-użi mhux alimentari fil-miżuri dwar id-distribuzzjoni bla ħlas. |
|
4.5 |
Il-KESE isejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra d-diffikultà partikolari tal-produtturi ta' l-Istati Membr ġodda sabiex jiffinanzjaw b'mod konġunt l-immaniġġjar tal-kriżijiet. |
|
4.6 |
Il-KESE jqis li l-impożizzjoni ta' livell minimu ta' bejgħ dirett mill-produtturi tmur kontra l-għanijiet tar-riforma u jissuġġerixxi li jinżamm ir-regolament preċedenti. |
|
4.7 |
Il-KESE mhux kuntrarju li l-Istati Membri jfasslu strateġija nazzjonali fejn jidħlu l-programmi operattivi, sabiex jiġu utilizzati u tingħata l-importanza xierqa lill-istrutturi pubbliċi li diġà jeżistu; madankollu jqis li dawn l-istrateġiji nazzjonali jridu jkunu fuq bażi volontarja min-naħa ta' l-Istati Membri ikkonċernati u m'għandhomx iwasslu għal tibdil fil-listi ta' azzjonijiet pożittivi nazzjonali. |
|
4.8 |
Il-KESE, barraminhekk jinnota li, f'xi każijiet, jista' jinħoloq kuntrast bejn il-politika komunitarja intiża li tinċentiva r-raggruppament tal-prodotti, anki permezz ta' l-amalgamazzjoni ta' l-organizzazzjonijiet tal-produtturi, u l-azzjoni ta' l-awtorità komunitarja jew nazzjonali għall-ħarsien tal-kompetizzjoni. Jitlob għalhekk li meta jiġu implimentati r-regolamenti dwar il-kompetizzjoni, tiġi meqjusa d-dimensjoni Ewropea tas-suq tal-ħxejjex u l-frott. |
|
4.9 |
Il-Kumitat jipproponi lill-Kummissjoni li twaqqaf osservatorju komunitarju tal-prezzijiet u tal-prattiċi kummerċjali li, fl-opinjoni tiegħu, jista' jżid it-trasparenza tas-suq għall-benefiċċju tal-partijiet interessati kollha. |
|
4.10 |
Peress li r-riforma proposta twaqqaf organizzazzjoni komuni tas-suq li hija awtonoma għas-settur, il-KESE jsejjaħ lill-Kummissjoni sabiex ma ddaħħalx normi speċifiċi oħra fil-qasam tal-ħxejjex u l-frott fir-regolament dwar OKS unika. |
Brussel, it-30 ta' Mejju 2007
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Dimitris DIMITRIADIS
(1) Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SEC(2007) 75 — Lejn riforma ta' l-organizzazzjonijiet komuni tas-suq tal-ħxejjex u l-frott frisk u pproċessat; Sintesi ta' l-istima ta' l-impatt.
(2) ĠU Ċ 255, 14.10.2005, p. 44, Opinjoni tal-KESE 381/2005 — Il-bejjiegħa bl-imnut il-kbar: tendenzi u konsegwenzi fuq il-bdiewa u l-konsumaturi.