02017D1215 — MT — 13.07.2018 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1215

tat-23 ta' Ġunju 2017

li tistabbilixxi l-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għad-deterġenti għall-magni tal-ħasil tal-platti industrijali u istituzzjonali

(notifikata bid-dokument C(2017) 4228)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 180 12.7.2017, p. 16)

Emendata bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/993 Test b'rilevanza għaż-ŻEE tal-11 ta' Lulju 2018

  L 177

14

13.7.2018




▼B

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1215

tat-23 ta' Ġunju 2017

li tistabbilixxi l-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għad-deterġenti għall-magni tal-ħasil tal-platti industrijali u istituzzjonali

(notifikata bid-dokument C(2017) 4228)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)



Artikolu 1

Il-grupp ta' prodotti tad-“deterġenti għall-magni tal-ħasil tal-platti industrijali u istituzzjonali” għandu jinkludi d-deterġenti għall-magni tal-ħasil tal-platti, l-aġenti għat-tlaħliħ u l-aġenti għat-tixrib minn qabel li jidħlu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 648/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ), li huma kkummerċjalizzati u maħsubin biex jintużaw minn persunal speċjalizzat f'magni tal-ħasil tal-platti professjonali.

Dan il-grupp ta' prodotti jinkludi sistemi b'diversi komponenti li jinkludu iktar minn komponent wieħed li jintużaw biex jinħoloq deterġent komplet. Is-sistemi b'diversi komponenti jista' jkun fihom għadd ta' prodotti bħal pereżempju aġenti għat-tixrib minn qabel u aġenti għat-tlaħliħ u għandhom jiġu ttestjati bħala prodott wieħed sħiħ.

Dan il-grupp ta' prodotti m'għandux jinkludi d-deterġenti għall-magni tal-ħasil tal-platti maħsubin biex jintużaw f'magni domestiċi tal-ħasil tal-platti u d-deterġenti maħsubin biex jintużaw f'magni għall-ħasil ta' tagħmir mediku jew f'magni speċjali għall-industrija tal-ikel.

L-isprejs li ma jkunux iddożati b'pompi awtomatiċi huma esklużi minn dan il-grupp ta' prodotti.

Artikolu 2

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) “sustanzi mdaħħlin” tfisser sustanzi miżjudin bi ħsieb, prodotti sekondarji u impuritajiet mill-materja prima fil-formulazzjoni finali tal-prodott [(inkluż il-fojl li jdub fl-ilma, jekk jintuża)];

(2) “imballaġġ primarju” tfisser:

(a) għal dożi fi qratas individwali li jkunu maħsubin biex jitneħħew qabel l-użu, il-qratas tad-dożi individwali u l-imballaġġ maħsub biex jikkostitwixxi l-iżgħar unità tal-bejgħ għad-distribuzzjoni lill-utenti jew lill-konsumaturi finali fil-post fejn jinxtara, inkluża t-tikketta jekk dan ikun applikabbli;

(b) għat-tipi l-oħra kollha ta' prodotti, l-imballaġġ maħsub biex jikkostitwixxi l-iżgħar unità tal-bejgħ għad-distribuzzjoni lill-utenti jew lill-konsumaturi finali fil-post fejn jinxtara, inkluża t-tikketta jekk dan ikun applikabbli;

(3) “mikroplastiċi” tfisser partikoli tal-plastik makromolekulari li ma jinħallx b'daqs ta' inqas minn 5 mm, miksubin b'wieħed mill-proċessi li ġejjin:

(a) proċess ta' polimerizzazzjoni bħal pereżempju l-poliaddizzjoni, il-polikondensazzjoni jew proċess simili ieħor li fih jintużaw il-monomeri jew sustanzi oħra ta' bidu;

(b) il-modifika kimika ta' makromolekuli naturali jew sintetiċi;

(c) il-fermentazzjoni bil-mikrobi;

(4) “nanomaterjal” tfisser materjal naturali, inċidentali jew manifatturat li fih partikoli, fi stat maħlul jew bħala aggregat jew agglomerat, u fejn, għal 50 % jew iktar tal-partikoli fid-distribuzzjoni dimensjonali numerika, dimensjoni esterna waħda jew aktar hija fil-firxa ta' daqs 1 nm-100 nm ( 2 ).

Artikolu 3

Sabiex jingħataw l-Ekotikketta tal-UE skont ir-Regolament (KE) Nru 66/2010, id-deterġenti għall-magni tal-ħasil tal-platti għandhom ikunu jiffurmaw parti mill-grupp ta' prodotti tad-“deterġenti għall-magni tal-ħasil tal-platti industrijali u istituzzjonali” kif iddefinit fl-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni u għandhom ikunu konformi mal-kriterji u mar-rekwiżiti ta' valutazzjoni u ta' verifika relatati magħhom stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 4

Il-kriterji għall-grupp ta' prodotti tad-“deterġenti għall-magni tal-ħasil tal-platti industrijali u istituzzjonali” u r-rekwiżiti ta' valutazzjoni u ta' verifika relatati magħhom għandhom ikunu validi għal sitt snin mid-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

Għal finijiet amministrattivi, in-numru tal-kodiċi assenjat lill-grupp ta' prodotti tad-“deterġenti għall-magni tal-ħasil tal-platti industrijali u istituzzjonali” għandu jkun “038”.

Artikolu 6

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/720/UE qed titħassar.

Artikolu 7

1.  B'deroga mill-Artikolu 6, l-applikazzjonijiet għall-Ekotikketta tal-UE għal prodotti li jiffurmaw parti mill-grupp ta' prodotti tad-“deterġenti għall-magni tal-ħasil tal-platti industrijali u istituzzjonali” li jitressqu qabel id-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu evalwati skont il-kundizzjonjiiet stipulati fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/720/UE.

2.  L-applikazzjonijiet għall-Ekotikketta tal-UE għal prodotti li jiffurmaw parti mill-grupp ta' prodotti tad-“deterġenti għall-magni awtomatiċi tal-ħasil tal-platti industrijali u istituzzjonali” li jitressqu fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni jistgħu jissejsu jew fuq il-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/720/UE jew inkella fuq il-kriterji stabbiliti f'din id-Deċiżjoni. Dawk l-applikazzjonijiet għandhom jiġu evalwati skont il-kriterji li fuqhom jissejsu.

▼M1

3.  Il-liċenzji tal-Ekotikketta tal-UE mogħtija skont il-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjoni 2012/720/UE jistgħu jintużaw sas-26 ta' Diċembru 2018.

▼B

Artikolu 8

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.




ANNESS

QAFAS

IL-KRITERJI TAL-EKOTIKKETTA TAL-UE

Il-kriterji għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għal deterġenti għall-magni tal-ħasil tal-platti industrijali u istituzzjonali

KRITERJI

1. Tossiċità għall-organiżmi akkwatiċi

2. Bijodegradabbiltà

3. Sorsi sostenibbli ta' żejt tal-palm, żejt tal-qalba tal-ġewż tal-palm u d-derivattivi tagħhom

4. Sustanzi esklużi u ristretti

5. Imballaġġ

6. Adegwatezza għall-użu

7. Sistemi ta' ddożar awtomatiku

8. Informazzjoni għall-utenti

9. Informazzjoni li tidher fuq l-Ekotikketta tal-UE

VALUTAZZJONI U VERIFIKA

(a)    Rekwiżiti

Ir-rekwiżiti speċifiċi tal-valutazzjoni u tal-verifika huma indikati f'kull kriterju.

Meta l-applikant jintalab jipprovdi lill-organi kompetenti dikjarazzjonijiet, dokumentazzjoni, analiżi, rapporti tat-testijiet, jew evidenza oħra sabiex juri li hemm konformità mal-kriterji, dawn jistgħu jiġu mingħand l-applikant u/jew mingħand il-fornitur(i) tiegħu, kif ikun xieraq.

Il-korpi kompetenti għandhom jirrikonoxxu preferenzjalment iċ-ċertifikazzjonijiet li joħorġu korpi akkreditati skont l-istandard armonizzat rilevanti għal-laboratorji tal-ittestjar u tal-ikkalibrar, u l-verifiki li jagħmlu korpi akkreditati skont l-istandard armonizzat rilevanti għall-korpi li jiċċertifikaw il-prodotti, il-proċessi u s-servizzi. L-akkreditament għandu jsir skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ).

Meta jkun jixraq, jistgħu jintużaw metodi oħra tal-ittestjar apparti dawk imniżżla għal kull kriterju, diment li l-korp kompetenti li jkun qed jivvaluta l-applikazzjoni jaċċetta l-ekwivalenza tagħhom.

Meta xieraq, il-korpi kompetenti jistgħu jitolbu dokumentazzjoni ta' sostenn u jistgħu jagħmlu verifiki indipendenti jew żjarat fuq il-post.

Bħala prerekwiżit, il-prodott għandu jissodisfa r-rekwiżiti legali rispettivi kollha tal-pajjiż jew il-pajjiżi fejn il-prodott ikun intenzjonat li jitqiegħed fis-suq. L-applikant għandu jiddikjara l-konformità tal-prodott ma' dan ir-rekwiżit.

Il-lista “Il-Bażi tad-Dejta ta' Ingredjenti ta' Deterġenti” (il-lista DID), disponibbli fis-sit tal-Ekotikketta tal-UE, fiha l-aktar sustanzi li jintużaw fil-formulazzjonijiet ta' deterġenti u kożmetiċi. Din għandha tintuża biex tinkiseb id-dejta għall-kalkoli tal-Volum Kritiku tad-Dilwizzjoni (CDV) u għall-valutazzjoni tal-bijodegradabbiltà tas-sustanzi mdaħħla. Għas-sustanzi li mhumiex fil-lista DID, tingħata gwida dwar kif għandha tiġi kkalkolata jew estrapolata d-dejta rilevanti.

Il-lista tas-sustanzi mdaħħla kollha għandha tiġi ppreżentata lill-korp kompetenti, u tindika l-isem kummerċjali (jekk ikun jeżisti), l-isem kimiku, in-numru tal-CAS, in-numru DID, il-kwantità mdaħħla, il-funzjoni u l-forma preżenti fil-formulazzjoni finali tal-prodott (inkluż folj li jinħall fl-ilma, jekk ikun hemm).

Priżervattivi u aġenti koloranti għandhom jiġu indikati irrispettivament mill-konċentrazzjoni tagħhom. Sustanzi mdaħħla oħra għandhom jiġu indikati meta jkunu f'konċentrazzjoni ta' 0,010 % jew iktar tal-piż skont il-piż.

Is-sustanzi mdaħħla kollha preżenti fil-forma ta' nanomaterjali għandhom jiġu indikati b'mod ċar fil-lista, bil-kelma “nano” miktuba fil-parentesi.

Għal kull sustanza mdaħħla elenkata, għandhom jiġu pprovduti l-Iskedi tad-Dejta dwar is-Sikurezza (SDS) skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 ). Meta ma jkunx hemm SDS għal xi sustanza partikolari waħda minħabba li tkun parti minn taħlita, l-applikant għandu jipprovdi l-SDS tat-taħlita.

(b)    Limiti tal-kejl

Il-konformità mal-kriterji ekoloġiċi hi meħtieġa għal kull sustanza mdaħħla kif speċifikat fit-Table 1.



Tabella 1

Limiti tal-kejl applikabbli għas-sustanzi mdaħħla skont il-kriterju għad-deterġenti tal-magna tal-ħasil tal-platti industrijali u istituzzjonali (% piż skont il-piż)

Isem il-kriterju

Aġenti tensjoattivi

Priżervattivi

Aġenti koloranti

Oħrajn (pereż. enżimi)

Tossiċità għall-organiżmi akkwatiċi

≥ 0,010

l-ebda limitu (*1)

l-ebda limitu (*1)

≥ 0,010

Bijodegradabbiltà

Aġenti tensjoattivi

≥ 0,010

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Sustanzi organiċi

≥ 0,010

l-ebda limitu (*1)

l-ebda limitu (*1)

≥ 0,010

Sorsi sostenibbli ta' żejt tal-palm

≥ 0,010

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

≥ 0,010

Sustanzi esklużi jew limitati

Sustanzi esklużi u limitati speċifikati

l-ebda limitu (*1)

l-ebda limitu (*1)

l-ebda limitu (*1)

l-ebda limitu (*1)

Sustanzi perikolużi

≥ 0,010

≥ 0,010

≥ 0,010

≥ 0,010

SVHCs

l-ebda limitu (*1)

l-ebda limitu (*1)

l-ebda limitu (*1)

l-ebda limitu (*1)

Priżervattivi

Mhux applikabbli

l-ebda limitu (*1)

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Aġenti koloranti

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

l-ebda limitu (*1)

Mhux applikabbli

Enżimi

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

l-ebda limitu (*1)

(*1)   “l-ebda limitu” tfisser: irrelevanti mill-konċentrazzjoni, is-sustanzi kollha miżjuda intenzjonalment, prodotti sekondarji u impuritajiet minn materja prima (limitu analitiku ta' detezzjoni).

DOŻAĠĠ TA' REFERENZA

Dan id-dożaġġ għandu jitqies bħala d-dożaġġ ta' referenza għall-kalkoli intiżi li jiddokumentaw il-konformità mal-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE u għall-ittestjar tal-kapaċità ta' tindif:

L-ogħla doża rakkomandata mill-manifattur għal litru soluzzjoni għall-ħasil (indikata bħala g/l ta' soluzzjoni għall-ħasil jew m/l ta' soluzzjoni għall-ħasil) għal tliet gradi ta' ebusija tal-ilma (artab, medju, iebes).

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi t-tikketta tal-prodott jew l-iskeda tal-istruzzjonijiet għall-utenti li tinkludi l-istruzzjonijiet dwar id-dożaġġ.

Kriterju 1 — Tossiċità għall-organiżmi akkwatiċi

Il-volum kritiku tad-dilwizzjoni (CDVkroniku) tal-prodott ma għandux jaqbeż il-limiti li ġejjin għad-doża ta' referenza.



Ebusija tal-ilma

Tip ta' prodott

Artab

(< 1,5 mmol CaCO3/l)

(l/l ta' soluzzjoni għall-ħasil)

Medju

(1,5 — 2,5 mmol CaCO3/l)

(l/l ta' soluzzjoni għall-ħasil)

Iebes

(< 2,5 mmol CaCO3/l)

(l/l ta' soluzzjoni għall-ħasil)

Aġenti għat-tixrib minn qabel

2 000

2 000

2 000

Deterġenti għall-magni tal-ħasil tal-platti

3 000

5 000

7 000

Sistemi b'komponenti multipli

3 000

4 000

5 000

Aġenti għat-tlaħliħ

3 000

3 000

3 000

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi l-kalkolu tas-CDVkroniku tal-prodott. Spreadsheet għall-kalkolu tal-valur CDVkroniku tinsab fis-sit elettroniku tal-Ekotikketta tal-UE.

Is-CDVkroniku huwa kkalkulat għas-sustanzi kollha li jiddaħħlu (i) fil-prodott, bl-użu tal-ekwazzjoni li ġejja:

image

Fejn:

id-dożaġġ(i)

:

il-piż (g) tas-sustanza (i) fid-doża ta' referenza;

DF(i)

:

il-fattur ta' degradazzjoni tas-sustanza (i);

TFkroniku(i)

:

il-fattur ta' tossiċità kronika tas-sustanza (i).

Il-valuri tad-DF(i) u t-TFkroniku(i) għandhom ikunu kif mogħtija fil-Parti A l-iktar aġġornata tal-lista DID. Jekk sustanza mdaħħla ma tiġix inkluża fil-Parti A, l-applikant għandu jagħmel stima tal-valuri billi jsegwi l-approċċ deskritt fil-Parti B ta' dik il-lista u jehmeż id-dokumentazzjoni assoċjata.

Kriterju 2 — Il-bijodegradabbiltà

(a)    Il-bijodegradabbiltà tal-aġenti tensjoattivi

L-aġenti tensjoattivi kollha għandhom ikunu faċilment degrababbli (ajrobikament).

L-aġenti tensjoattivi kollha kklassifikati bħala perikolużi għall-ambjent akkwatiku: Il-Kategorija Akuta 1 (H400) jew il-Kategorija Kronika 3 (H412), skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 5 ), għandhom barra minn hekk ikunu bijodegradabbli anajrobikament.

(b)    Il-bijodegradabbiltà tal-komposti organiċi

Il-kontenut ta' sustanzi organiċi fil-prodott li huma ajrobikament mhux bijodegradabbli (mhux bijodegradabbli malajr, aNBO) jew anajrobikament mhux bijodegradabbli (anNBO) ma għandux jaqbeż il-limiti li ġejjin għad-doża ta' referenza:

aNBO (g/l ta' soluzzjoni għall-ħasil)



Ebusija tal-ilma

Tip ta' prodott

Artab

< 1,5 mmol CaCO3/l

Medju

1,5 — 2,5 mmol CaCO3/l

Iebes

> 2,5 mmol CaCO3/l

Aġenti għat-tixrib minn qabel

0,40

0,40

0,40

Deterġenti għall-magni tal-ħasil tal-platti/Sistema b'komponenti multipli

0,40

0,40

0,40

Aġenti għat-tlaħliħ

0,04

0,04

0,04

aNBO (g/l ta' soluzzjoni għall-ħasil)



Ebusija tal-ilma

Tip ta' prodott

Artab

< 1,5 mmol CaCO3/l

Medju

1,5 — 2,5 mmol CaCO3/l

Iebes

> 2,5 mmol CaCO3/l

Aġenti għat-tixrib minn qabel

0,40

0,40

0,40

Deterġenti għall-magni tal-ħasil tal-platti/Sistema b'komponenti multipli

0,60

1,00

1,00

Aġenti għat-tlaħliħ

0,04

0,04

0,04

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dokumentazzjoni għad-degradabbiltà tal-aġenti tensjoattivi, kif ukoll għall-kalkolu tal-aNBO u tal-anNBO għall-prodott. Spreadsheet għall-kalkolu tal-valuri aNBO u anNBO tinsab fis-sit elettroniku tal-Ekotikketta tal-UE.

Għad-degradabbiltà tal-aġenti tensjoattivi u għall-valuri aNBO u anNBO tal-komposti organiċi, għandha ssir referenza għal-lista DID l-iktar aġġornata.

Għas-sustanzi mdaħħla li ma jkunux fil-Parti A tal-lista DID, għandha tingħata informazzjoni rilevanti mil-letteratura teknika jew minn sorsi oħra, jew jingħataw ir-riżultati xierqa tat-testijiet, li jkunu juru li huma ajrobikament u anajrobikament bijodegradabbli, kif tiddeskrivi l-Parti B ta' dik il-lista.

Fin-nuqqas ta' dokumentazzjoni dwar id-degradabbiltà deskritta hawn fuq, sustanza mdaħħla li ma tkunx aġent tensjoattiv tista' tiġi eżentata mir-rekwiżit tal-degradabbiltà anajrobika diment li tiġi ssodisfata waħda minn dawn it-tliet alternattivi:

(1) tkun faċilment degradabbli u jkollha assorbiment baxx (A < 25 %);

(2) tkun faċilment degradabbli u jkollha desorbiment għoli (D > 75 %);

(3) tkun faċilment degradabbli u ma tkunx bijoakkumulattiva ( 6 ).

L-ittestjar għall-assorbiment jew għad-desorbiment għandu jsir skont il-Linji Gwida tal-OECD Nru 106.

Kriterju 3 — Sorsi sostenibbli ta' żejt tal-palm, żejt tal-qalba tal-ġewż tal-palm u d-derivattivi tagħhom

Is-sustanzi mdaħħla li jintużaw fil-prodotti li ġejjin miż-żejt tal-palm jew miż-żejt tal-qalba tal-ġewż tal-palm għandhom jinkisbu minn pjantaġġuni li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' skema ta' ċertifikazzjoni għall-produzzjoni sostenibbli li hija bbażata fuq organizzazzjonijiet b'diversi partijiet interessati u li għandha sħubija mifruxa, inklużi l-NGOs, l-industrija u l-gvern u li tindirizza l-impatti ambjentali inklużi dawk fuq il-ħamrija, il-bijodiversità, il-ħażniet tal-karbonju organiku u l-konservazzjoni tar-riżorsi naturali.

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi evidenza permezz ta' ċertifikati mingħand partijiet terzi u katina ta' kustodja li ż-żejt tal-palm u ż-żejt tal-qalba tal-ġewż tal-palm li jintużaw fil-manifattura tas-sustanzi mdaħħla jkunu ġejjin minn pjantaġġuni li huma mmaniġġjati b'mod sostenibbli.

Ċertifikati aċċettati jinħtieġ li jinkludu d-Diskussjonijiet Madwar Mejda Tonda dwar iż-Żejt tal-Palm Sostenibbli msejħa “Roundtable for Sustainable Palm Oil (RSPO)” (b'identità ppriżervata, segregata jew bilanċ tal-massa) jew kwalunkwe skema ta' produzzjoni sostenibbli ekwivalenti jew aktar stretta.

Għad-derivattivi kimiċi taż-żejt tal-palm u għaż-żejt tal-qalba tal-ġewż tal-palm, għandu jkun biżżejjed li tintwera sostenibbiltà permezz ta' sistemi “book&claim” bħalma huma ċ-ċertifikati GreenPalm jew ekwivalenti billi jingħataw l-ammonti ddikjarati tal-ACOP (l-Kommunikazzjonijiet ta' Progress Annwali) taċ-ċertifikati GreenPalm akkwistati jew mifdija matul il-perjodu ta' negozjar annwali l-aktar riċenti.

Kriterju 4 — Sustanzi esklużi u ristretti

(a)    Sustanzi esklużi u ristretti speċifikati

(i)    Sustanzi esklużi

Is-sustanzi indikati hawn taħt ma għandhomx jiġu inklużi fil-formulazzjoni tal-prodott irrispettivament mill-konċentrazzjoni:

— Alkilfenoletossilati (APEOs) u derivattivi oħra tal-alkilfenol;

— Atranol;

— Kloroatranol;

— Aċidu dietilenetriamminapentaaċetiku (DTPA);

— Aċidu etilendiamminatetraaċetiku (EDTA) u l-imluħa tiegħu;

— Il-formaldeid u r-rilaxxaturi tiegħu (pereż. 2-bromo-2-nitropropan-1,3-diol, 5-bromo-5-nitro-1,3-diossan, idrossimetilgliċinat tas-sodju, diażolidinilurea) bl-eċċezzjoni ta' impuritajiet tal-formaldeid f'aġenti tensjoattivi bbażati fuq il-kimika tal-polialkoksi sa konċentrazzjoni ta' 0,010 % tal-piż skont il-piż fis-sustanza mdaħħla;

— Glutaraldeid;

— Idrossisoeżil 3-ċikloeżen karboksaldeid (HICC);

— Mikroplastiċi;

— Nanofidda;

— Nitromiski u miski poliċikliċi;

— Alkaliti perfluwurorati;

— Imluħa kwaternarji tal-ammonju mhux faċilment bijodegradabbli;

— Komposti reattivi tal-kloru;

— Rodamina B;

— Triklosan;

— Butilkarbamat tat-3-jodo-2-propinil.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata u jekk ikun xieraq, bl-appoġġ ta' dikjarazzjonijiet tal-fornituri, li jikkonfermaw li s-sustanzi elenkati ma ġewx inklużi fil-formulazzjoni tal-prodott.

(ii)    Sustanzi ristretti

Is-sustanzi indikati hawn taħt ma għandhomx jiġu inklużi fil-formulazzjoni tal-prodott f'konċentrazzjonijiet ikbar minn dawk indikati:

— 2-Metil-2H-iżotijażol-3-on: 0,0050 % tal-piż skont il-piż;

— 1,2-Benżiżotijażol-3(2H)-on: 0,0050 % tal-piż skont il-piż;

— 5-kloro-2-metil-4-iżotijażolin-3-on/2-metil-4-iżotijażolin-3-on: 0,0015 % tal-piż skont il-piż.

Il-kontenut totali ta' fosforu (P) ikkalkolat bħala P elementali għandu jkun limitat għal:



Tip ta' prodott

(fi g/l ta' soluzzjoni għall-ħasil)

Ebusija tal-ilma (mmol CaCO3/l)

Artab (< 1,5)

Medju (1,5–2,5)

Iebes (> 2,5)

Aġenti għat-tixrib minn qabel

0,08

0,08

0,08

Deterġenti għall-magni tal-ħasil tal-platti

0,15

0,30

0,50

Aġenti għat-tlaħliħ

0,02

0,02

0,02

Sistema b'komponenti multipli

0,17

0,32

0,52

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dawn id-dokumenti:

(a) Jekk jintużaw l-isotijażolinoni, dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata u jekk ikun xieraq, bl-appoġġ ta' dikjarazzjonijiet tal-fornituri, li jikkonfermaw li l-kontenut ta' isotijażolinoni użati huwa ekwivalenti għal-limiti stabbiliti jew inqas;

(b) Dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata u jekk ikun xieraq, bl-appoġġ ta' dikjarazzjonijiet tal-fornituri, li jikkonfermaw li l-ammont totali ta' P elementali huwa ekwivalenti għal-limiti stabbiliti jew inqas; Id-dikjarazzjoni għandha tiġi appoġġjata bil-kalkoli tat-total ta' kontenut P tal-prodott.

(b)    Sustanzi perikolużi

(i)    Prodott finali

Il-prodott finali ma għandux jiġi klassifikat u tikkettat bħala tossiku akut, bħala sustanza tossika speċifika għal organi ta' mira, bħala sensitizzatur respiratorju jew tal-ġilda jew bħala prodott karċinoġenu, mutaġenu jew tossiku għar-riproduzzjoni, jew bħala prodott perikoluż għall-ambjent akkwatiku, kif definiti fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u skont il-lista fit-Tabella 2.

(ii)    Sustanzi mdaħħla

Il-prodott ma għandux ikollu sustanzi mdaħħla f'limitu tal-konċentrazzjoni ta' 0,010 % jew iktar tal-piż skont il-piż fil-prodott finali li jilħqu l-kriterji tal-klassifikazzjoni bħala tossiċi, perikolużi għall-ambjent akkwatiku, sensitizzaturi respiratorji jew tal-ġilda jew karċinoġeni, mutaġeni jew tossiċi għar-riproduzzjoni, skont l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u skont il-lista fit-Table 2.

Meta jkunu aktar stretti, il-limiti ġeneriċi jew speċifiċi tal-konċentrazzjoni ddeterminati skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 għandhom jieħdu preċedenza.



Tabella 2

Il-klassifikazzjonijiet ristretti tal-periklu u t-tqassim tagħhom f'kategoriji

Tossiċità akuta

Kategoriji 1 u 2

Kategorija 3

H300 Fatali jekk jinbela'

H301 Tossiku jekk jinbela'

H310 Fatali jekk imiss mal-ġilda

H311 Tossiku jekk imiss mal-ġilda

H330 Fatali jekk jinġibed man-nifs

H331 Tossiku jekk jinġibed man-nifs

H304 Jaf ikun fatali jekk jinbela' u jmur fil-pajp tan-nifs

EUH070 Tossiku jekk imiss mal-għajnejn

Tossiċità speċifika għal organi ta' mira

Kategorija 1

Kategorija 2

H370 Jagħmel ħsara lill-organi

H371 Jaf jagħmel ħsara lill-organi

H372 Jagħmel ħsara lill-organi jekk jiġu esposti għalih fit-tul jew kemm-il darba

H373 Jaf jagħmel ħsara lill-organi jekk jiġu esposti għalih fit-tul jew kemm-il darba

Sensitizzazzjoni respiratorja u tal-ġilda

Kategorija 1 A/1

Kategorija 1B

H317 Jistgħu jikkawżaw reazzjoni allerġika tal-ġilda

H317 Jistgħu jikkawżaw reazzjoni allerġika tal-ġilda

H334 Jistgħu jikkawżaw sintomi ta' allerġija jew ta' ażma jew diffikultajiet biex jittieħed in-nifs jekk jinxtammu

H334 Jistgħu jikkawżaw sintomi ta' allerġija jew ta' ażma jew diffikultajiet biex jittieħed in-nifs jekk jinxtammu

Karċinoġenu, mutaġenu jew tossiku għar-riproduzzjoni

Kategoriji 1 A u 1B

Kategorija 2

H340 Jaf jikkawża difetti ġenetiċi

H341 Suspettat li jikkawża difetti ġenetiċi

H350 Jaf jikkawża l-kanċer

H351 Suspettat li jikkawża l-kanċer

H350i Jaf jikkawża l-kanċer jekk jinġibed man-nifs

 

H360F Jaf jagħmel ħsara lill-fertilità

H361f Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità

H360D Jaf jagħmel ħsara lit-tarbija fil-ġuf

H361d Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija fil-ġuf

H360FD Jaf jagħmel ħsara lill-fertilità. Jaf jagħmel ħsara lit-tarbija fil-ġuf

H361fd Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità. Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx

H360Fd Jaf jagħmel ħsara lill-fertilità. Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx

H362 Jaf jagħmel ħsara lit-tfal imreddgħa

H360Df Jaf jagħmel ħsara lit-tarbija fil-ġuf. Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità

 

Perikoluż għall-ambjent akkwatiku

Kategoriji 1 u 2

Kategoriji 3 u 4

H400 Tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi

H412 Jagħmel ħsara lill-organiżmi akkwatiċi u jħalli effetti fit-tul

H410 Tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi u jħalli effetti fit-tul

H413 Jaf iħalli effetti dejjiema lill-organiżmi akkwatiċi

H411 Tossiku għall-organiżmi akkwatiċi u jħalli effetti fit-tul

 

Perikolużi għas-saff tal-ożonu

H420 Perikoluż għas-saff tal-ożonu

 

Dan il-kriterju ma japplikax għal sustanzi mdaħħla li jkopri l-Artikolu 2(7)(a) u (b) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, li jistabbilixxi kriterji għall-eżenzjoni ta' sustanzi li hemm l-Annessi IV u V ta' dan ir-Regolament mir-reġistrazzjoni, mill-obbligi tal-utent downstream u mir-rekwiżiti tal-evalwazzjoni. Sabiex isib jekk dik l-esklużjoni tkunx tapplika, l-applikant għandu jgħarrex għal kull sustanza mdaħħla li tkun preżenti f'konċentrazzjoni aktar minn 0,010 % tal-piż skont il-piż.

Is-sustanzi u t-taħlitiet fit-Tabella 3 huma eżentati mill-punt (b)(ii) tal-Kriterju 4



Tabella 3

Sustanzi derogati

Sustanza

Dikjarazzjoni tal-Periklu

Aġenti tensjoattivi

H400 Tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi

H412 Jagħmel ħsara lill-organiżmi akkwatiċi u jħalli effetti fit-tul

Subtiliżina

H400 Tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi

 

H411 Tossiku għall-organiżmi akkwatiċi u jħalli effetti fit-tul

Enżimi (*1)

H317 Jistgħu jikkawżaw reazzjoni allerġika tal-ġilda

H334 Jistgħu jikkawżaw sintomi ta' allerġija jew ta' ażma jew diffikultajiet biex jittieħed in-nifs jekk jinxtammu

NTA bħala impurità f'MGDA u GLDA (*2)

H351 Suspettat li jikkawża l-kanċer

(*1)   Inklużi l-istabbilizzaturi u kull sustanza awżiljari oħra fil-preparazzjonijiet

(*2)   F'konċentrazzjonijiet aktar baxxi minn 0,2 % fil-materja prima sakemm il-konċentrazzjoni totali fil-prodott finali tkun aktar baxxa minn 0,10 %.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu juri konformità ma' dan il-kriterju għall-prodott finali u għal kull sustanza mdaħħla li jkun hemm f'konċentrazzjoni akbar minn 0,010 % tal-piż skont il-piż fil-prodott finali. L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata u jekk ikun xieraq, bl-appoġġ tad-dikjarazzjonijiet tal-fornituri, jew SDS li jikkonfermaw li l-ebda waħda minn dawn is-sustanzi ma tissodisfa l-kriterji għall-klassifikazzjoni b'waħda jew aktar mid-dikjarazzjonijiet tal-periklu elenkati fit-Tabella 2 fil-forma jew forom u fl-istat(i) fiżiku/fiżiċi kif inhuma preżenti fil-prodott.

Għas-sustanzi mniżżla fl-Annessi IV u V tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, li huma eżentati mill-obbligi tar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 2(7)(a) u (b) ta' dak ir-Regolament, ikun biżżejjed li tingħata dikjarazzjoni tal-applikant għall-konformità.

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata u jekk ikun xieraq, bl-appoġġ ta' dikjarazzjonijiet tal-fornituri, li jikkonfermaw il-preżenza ta' sustanzi mdaħħla li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tad-deroga.

(c)    Sustanzi ta' tħassib serju ħafna (SVHCs)

Il-prodott finali ma għandux ikun fih sustanzi mdaħħla li ġew identifikati skont il-proċedura deskritta fl-Artikolu 59(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, li jistabbilixxi l-lista tal-kandidati għal sustanzi ta' tħassib serju ħafna.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata u jekk ikun xieraq, bl-appoġġ ta' dikjarazzjonijiet tal-fornituri, jew SDS li jikkonfermaw in-nuqqas ta' preżenza tas- sustanzi kollha fil-lista tal-kandidati.

Fid-data tal-applikazzjoni għandha ssir referenza għall-aħħar aġġornament tal-lista tas-sustanzi identifikati bħala sustanzi ta' tħassib serju ħafna.

(d)    Fwejjaħ

Il-prodotti għall-magni tal-ħasil tal-platti industrijali u istituzzjonali ma għandux ikun fihom fwejjaħ.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata.

(e)    Priżervattivi

(i) Il-prodott jista' jinkludi biss priżervattivi sabiex jippreżervaw il-prodott, u fid-dożaġġ xieraq għal dan l-iskop biss. Dan ma jirreferix għall-aġenti tensjoattivi, li jista' jkollhom ukoll karatteristiċi bijoċidali.

(ii) Il-prodotti jista' jkun fihom priżervattivi diment li dawn ma jkunux bijoakkumulattivi. Priżervattiv jitqies mhux bijoakkumulattiv jekk il-valur BCF ikun < 100 jew il-valur log Kow ikun < 3,0. Jekk il-valur BCF u l-valur log Kow ikunu disponibbli t-tnejn, għandu jintuża l-ogħla valur BCF imkejjel.

(iii) Huwa pprojbit li jkun iddikjarat jew issuġġerit fuq l-imballaġġ jew bi kwalunkwe komunikazzjoni oħra li l-prodott jaġixxi kontra l-mikrobi jew għandu effett diżinfettanti.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata u jekk ikun xieraq, bl-appoġġ ta' dikjarazzjonijiet tal-fornituri, flimkien mal-SDS ta' kull priżervattiv miżjud, u informazzjoni dwar il-valur BCF jew log Kow tiegħu. L-applikant għandu wkoll jipprovdi l-grafika tal-imballaġġ.

(f)    Aġenti koloranti

L-aġenti koloranti fil-prodott ma għandhomx ikunu bijoakkumulattivi.

Aġent kolorant jitqies mhux bijoakkumulattiv jekk il-valur BCF ikun < 100 jew il-valur log Kow ikun < 3,0. Jekk il-valur BCF u l-valur log Kow ikunu disponibbli t-tnejn, għandu jintuża l-ogħla valur ta' BCF imkejjel. Jekk l-aġenti koloranti jkunu approvati biex jintużaw fl-ikel, mhemmx bżonn li titressaq dokumentazzjoni dwar il-potenzjal bijoakkumulattiv.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata u jekk ikun xieraq, bl-appoġġ ta' dikjarazzjonijiet tal-fornituri, flimkien mal-SDS ta' kull aġent kolorant miżjud, u informazzjoni dwar il-valur BCF jew log Kow tiegħu, jew dokumentazzjoni li tiżgura li l-aġent kolorant huwa approvat biex jintuża fl-ikel.

(g)    Enżimi

Għandhom jintużaw biss enżimi inkapsulati (f'forma solida) u enżimi f'forma likwida jew sospensjonijiet magħquda.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata u jekk ikun xieraq, bl-appoġġ ta' dikjarazzjonijiet tal-fornituri, flimkien mal-SDS ta' kull enżima miżjuda.

Kriterju 5 — L-imballaġġ

(a)    Sistemi ta' teħid lura tal-imballaġġ

Jekk il-prodott jitwassal f'imballaġġ li jkun parti minn sistema ta' teħid lura, dak il-prodott ikun eżentat mir-rekwiżiti stabbilit fil-punti (b) u (c) tal-Kriterju 5.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata flimkien mad-dokumentazzjoni rilevanti li tiddeskrivi jew turi li ġiet stabbilita sistema ta' teħid lura tal-imballaġġ.

(b)    Proporzjon piż/utilità (weight/utility ratio, WUR)

Il-proporzjon piż/utilità (WUR) tal-prodott għandu jiġi kkalkulat għall-imballaġġ primarju biss u ma għandux jaqbeż dawn il-valuri għad-dożaġġ ta' referenza.



Ebusija tal-ilma

Tip ta' prodott

Artab

< 1,5 mmol CaCO3/l

(g/l ta' soluzzjoni għall-ħasil)

Medju

1,5 — 2,5 mmol CaCO3/l

(g/l ta' soluzzjoni għall-ħasil)

Iebes

> 2,5 mmol CaCO3/l

(g/l ta' soluzzjoni għall-ħasil)

Trabijiet

0,8

1,4

2,0

Likwidi

1,0

1,8

2,5

Imballaġġ primarju magħmul minn iktar minn 80 % ta' materjal riċiklat huwa eżentat minn dan ir-rekwiżit.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi l-kalkolu tal-WUR tal-prodott. Jekk il-prodott jinbiegħ f'imballaġġi differenti, jiġifieri b'volumi differenti, għandu jitressaq il-kalkolu għal kull daqs tal-imballaġġ li għalih trid tingħata l-Ekotikketta tal-UE.

Il-WUR jiġi kkalkulat kif ġej:

WUR = Σ ((Wi + Ui )/(Di * Ri ))

Fejn:

Wi

:

il-piż (g) tal-imballaġġ primarju (i)

Ui

:

il-piż (g) tal-imballaġġ riċiklat mhux wara l-użu fl-imballaġġ primarju (i). Ui = Wi sakemm l-applikant ma jistax juri mod ieħor

Di

:

l-għadd ta' dożi ta' referenza fl-imballaġġ primarju (i)

Ri

:

indiċi tar-rikariki. Ri = 1 (l-imballaġġ ma jerġax jintuża għall-istess skop) jew Ri = 2 (jekk l-applikant ma jiddokumentax li l-kontenut tal-imballaġġ jista' jerġa' jintuża għall-istess skop u jinbiegħu r-rikariki).

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata li tikkonferma l-kontenut ta' materjal riċiklat wara l-użu, flimkien mad-dokumentazzjoni rilevanti. L-imballaġġ jitqies bħala riċiklat wara l-użu jekk il-materja prima li tintuża għall-imballaġġ tkun inġabret minn manifatturi tal-imballaġġ fl-istadju tad-distribuzzjoni jew fl-istadju tal-konsumatur.

(c)    Disinjar għar-riċiklaġġ

L-imballaġġ tal-plastik għandu jiġi ddisinjat b'mod li jiffaċilita r-riċiklaġġ effettiv billi jiġu evitati kontaminanti u materjali inkompatibbli potenzjali li huma magħrufin li jfixklu s-separazzjoni jew l-ipproċessar mill-ġdid jew li jnaqqsu l-kwalità tal-materjal riċiklat. Weħidhom jew flimkien, it-tikketta jew “shrink wrap”, it-tapp u meta applikabbli, il-kisjiet tal-protezzjoni ma għandhomx jinkludu l-materjali u l-komponenti mniżżlin fit-Table 4. Il-mekkaniżmi tal-pompi (inklużi dawk tal-isprejs) huma eżentati minn dan ir-rekwiżit.



Tabella 4

Materjali u komponenti li ma għandux ikun hemm fost l-elementi tal-imballaġġ

Element tal-imballaġġ

Materjali u komponenti esklużi (*1)

Tikketta jew “shrink wrap”

— Tikketta jew “shrink wrap” PS flimkien ma' flixkun PET, PP jew HDPE

— Tikketta jew “shrink wrap” PVC flimkien ma' flixkun PET, PP jew HDPE

— Tikketta jew “shrink wrap” PETG flimkien ma' flixkun PET

— Kwalunkwe materjal tal-plastik ieħor għall-“shrink wraps”/għat-tikketti b'densità > 1 g/cm3 użat għal flixkun PET

— Kwalunkwe materjal tal-plastik ieħor għall-“shrink wraps”/għat-tikketti b'densità < 1 g/cm3 użat għal flixkun PP jew HDPE

— Tikketti jew “shrink wraps” metallizzati jew iwweldjati mal-qafas tal-imballaġġ (tikketta fonduta)

Tapp

— Tapp PS flimkien ma' flixkun PET, HDPE jew PP

— Tapp PVC flimkien ma' flixkun PET, PP jew HDPE

— Tappijiet jew materjal tat-tappijiet PETG b'densità > 1 g/cm3 flimkien ma' flixkun PET

— Tappijiet tal-metall, tal-ħġieġ jew tal-EVA li ma jisseparawx ruħhom faċilment minn mal-flixkun

— Tappijiet tas-silikon. Ħlief tappijiet tas-silikon b'densità < 1 g/cm3 flimkien ma' flixkun PET u tappijiet tas-silikon b'densità > 1 g/cm3 flimkien ma' flixkun PEHD jew PP.

— Folji jew siġilli tal-metall li meta jinfetaħ il-prodott xorta jibqgħu mwaħħla mal-flixkun jew mat-tapp tiegħu

Kisjiet tal-protezzjoni

Poliammid, poliolefini funzjonali, kisjiet ta' lqugħ metallizzati u ħfief

(*1)   EVA — Etilenvinilaċetat, HDPE — polietilen b'densità għolja, PET — poli etilentereftalat, PETG — polietilentereftalat glikol-modifikat, PP — Polipropilen, PS — Polistiren, PVC — Polivinilklorur

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata u li tispeċifika l-kompożizzjoni tal-materjal tal-imballaġġ inklużi l-kontenitur, it-tikketta jew “shrink wrap”, il-kolol, it-tapp, u l-kisja tal-protezzjoni, jekk ikun xieraq, kif ukoll ritratti jew disinni tal-imballaġġ primarju.

Kriterju 6 — Adegwatezza għall-użu

Il-prodott għandu jkollu prestazzjoni ta' tindif sodisfaċenti fl-inqas temperatura u dożaġġ rakkomandati mill-manifattur għall-ebusija tal-ilma skont il-“Qafas tat-test tal-prestazzjoni tad-deterġenti tal-magni tal-ħasil tal-platti industrijali u istituzzjonali” li jinsab fs-sit elettroniku tal-Ekotikketta tal-UE ( 7 )

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dokumentazzjoni li turi li l-prodott ġie ttestjat fil-kundizzjonijiet imniżżla fil-qafas u li r-riżultati wrew li l-prodott laħaq tal-inqas il-prestazzjoni minima tat-tindif meħtieġa. L-applikant għandu jipprovdi wkoll dokumentazzjoni li turi l-konformità mar-rekwiżiti tal-laboratorju li hemm fl-istandards armonizzati rilevanti tal-laboratorji tal-ittestjar u l-kalibrazzjoni, jekk ikun xieraq.

Jista' jintuża test tal-prestazzjoni ekwivalenti jekk l-ekwivalenza tiġi vvalutata u aċċettata mill-korp kompetenti.

Kriterju 7 — Sistemi ta' ddożar awtomatiku

Għas-sistemi b'komponenti multipli, l-applikant għandu jiżgura li l-prodott jintuża b'sistema ta' ddożar awtomatiku u kkontrollat.

Sabiex jiġi żgurat id-dożaġġ korrett fis-sistemi ta' ddożar awtomatiku, għandhom isiru żjarat tal-klijenti fil-binjiet kollha tal-manifatturi u tal-fornituri ta' dan il-prodott, tal-anqas darba fis-sena matul il-perjodu tal-liċenzja, u dawn għandhom jinkludu kalibrazzjoni tal-apparat għall-iddożar. Parti terzi tista' tagħmel dawn iż-żjarat tal-klijenti.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata flimkien ma' deskrizzjoni tal-kontenut taż-żjarat tal-klijenti, min hu responsabbli minnhom u l-frekwenza tagħhom.

Kriterju 8 — Informazzjoni għall-utenti

Il-prodott għandu jkollu miegħu struzzjonijiet dwar l-użu xieraq biex tittejjeb kemm jista' jkun il-prestazzjoni tal-prodott u jitnaqqas kemm jista' jkun l-iskart, filwaqt li t-tniġġis tal-ilma u l-użu tar-riżorsi jitnaqqsu wkoll. Dawn l-istruzzjonijiet għandhom ikunu jistgħu jinqraw faċilment jew jinkludu disinni jew simboli, u għandu jkollhom informazzjoni dwar dawn:

(a)  Struzzjonijiet dwar id-dożaġġ

L-istruzzjonijiet dwar id-dożaġġ għandhom jinkludu d-doża fi g jew ml u/jew sistema metrika oħra jew alternattiva (pereż. Tappijiet, attwazzjonijiet tal-isprej) u l-impatt tal-ebusija tal-ilma fuq id-doża.

Dan ir-rekwiżit ma japplikax għal prodotti b' komponenti multipli li jużaw sistemi ta' ddożar awtomatiku.

Għandhom jingħataw indikazzjonijiet dwar l-ikbar prevalenza tal-ebusija tal-ilma fiż-żona fejn il-prodott ikun maħsub li jitqiegħed fis-suq jew fejn tista' tinstab din l-infomazzjoni.

(b)  Informazzjoni dwar ir-rimi tal-imballaġġ

L-imballaġġ primarju għandu jinkludi informazzjoni dwar l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u r-rimi korrett tal-imballaġġ.

(c)  Informazzjoni ambjentali

Fuq l-imballaġġ primarju għandu jkun hemm test li jispjega l-importanza li jintużaw id-dożaġġ korrett u l-inqas temperatura rakkomandata biex jitnaqqsu kemm jista' jkun il-konsum tal-enerġija u tal-ilma u t-tniġġis tal-ilma.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata flimkien ma' kampjun tat-tikketta tal-prodott.

Kriterju 9 — L-informazzjoni li tidher fuq l-Ekotikketta tal-UE

Il-logo għandu jkun viżibbli u leġibbli. In-numru tar-reġistrazzjoni/tal-liċenzja tal-Ekotikketta tal-UE għandhom jidhru fuq il-prodott u għandhom ikunu leġibbli u viżibbli b'mod ċar.

L-applikant jista' jagħżel li jinkludi fuq it-tikketta kaxxa testwali bil-kliem li ġej:

— Impatt limitat fuq l-ambjent akkwatiku;

— Ammont ristrett ta' sustanzi perikolużi;

— Ittestjat għall-prestazzjoni tat-tindif tiegħu.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni tal-konformità flimkien ma' kampjun tat-tikketta tal-prodott jew tal-grafika tal-imballaġġ li turi fejn titqiegħed l-Ekotikketta tal-UE.



( 1 ) Ir-Regolament (KE) Nru 648/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 dwar diterġenti (ĠU L 104, 8.4.2004, p. 1).

( 2 ) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2011/696/UE tat-18 ta' Ottubru 2011 fuq id-definizzjoni tan-nanomaterjali (ĠU L 275, 20.10.2011, p. 38).

( 3 ) Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).

( 4 ) Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).

( 5 ) Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, it-tikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).

( 6 ) Sustanza titqies mhux bijoakkumulattiva jekk il-valur BCF ikun < 100 jew il-valur log Kow ikun < 3,0. Jekk il-valur BCF u l-valur log Kow ikunu disponibbli t-tnejn, għandu jintuża l-ogħla valur ta' BCF imkejjel.

( 7 ) Disponibbli fuq: [Il-URL tas-sit elettroniku dwar il-protokoll tal-Ekotikketta tal-UE jiddaħħal iktar tard — attwalment il-proposti kollha tal-protokoll qegħdin fir-Rapport Tekniku].