26.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 81/19


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-22 ta’ Lulju 2009

dwar l-għajnuna mill-Istat C 18/05 (ex N 438/04, N 194/05 u PL 34/04) mogħtija mill-Polonja lil Stocznia Gdańsk

(notifikata bid-dokument numru C(2009) 5685)

(It-test Pollakk biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2010/175/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 88(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li talbet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom (1) skont id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

I.   PROĊEDURA

(1)

Skont l-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE, il-Polonja nnotifikat permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Ottubru 2004, irreġistrata fl-istess ġurnata, miżuri ta’ għajnuna għar-ristrutturar estiżi favur Stocznia Gdańsk - Grupa Stoczni Gdynia S.A. (‘It-Tarzna ta’ Gdańsk’). Il-Polonja għarrfet lill-Kummissjoni dwar dawn il-miżuri bil-għan li tikseb ċertezza legali li dawn kienu ngħataw qabel l-adeżjoni u għalhekk ma jikkostitwixxu ebda għajnuna ġdida li setgħet ġiet eżaminata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 88 tat-Trattat tal-KE. F’każ li l-Kummissjoni ssib li dawn il-miżuri jikkostitwixxu għajnuna ġdida, il-Polonja titlob biex dawn jiġu approvati bħala għajnuna għar-ristrutturar. Il-Polonja bagħtet lill-Kummissjoni l-Pjan tar-Ristrutturar għat-Tarzna ta’ Gdańsk (Aġġornament) li jmur lura għal Marzu 2004. Il-każ kien irreġistrat bħala N 438/04.

(2)

Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Novembru 2004 il-Kummissjoni talbet lill-Polonja għal informazzjoni supplimentari dwar il-każ N 438/04, li għaliha l-Polonja wieġbet b’ittra tas-17 ta’ Jannar 2005, irreġistrata nhar il-21 ta’ Jannar 2005.

(3)

Skont il-punt 3 tal-Anness IV għat-Trattat ta’ Adeżjoni li jirregola l-proċedura ta’ mekkaniżmu interim, il-Polonja nnotifikat qabel, fid-29 ta’ April 2004, miżuri ta’ ristrutturar favur Stocznia Gdynia S.A. (“it-Tarzna ta’ Gdynia”), li f’dak iż-żmien kienet il-kumpanija prinċipali tat-Tarzna ta’ Gdańsk. Il-każ kien irreġistrat bħala PL 34/04. Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Mejju 2004 il-Kummissjoni talbet lill-Polonja sabiex tissottometti ċerti dokumenti li kienu neqsin. Dawn kienu pprovduti nhar is-16 ta’ Ġunju 2004. Il-Kummissjoni talbet biex tingħata aktar informazzjoni permezz ta’ ittri tat-30 ta’ Lulju 2004, it-8 ta’ Ottubru 2004, it-23 ta’ Novembru 2004 u l-4 ta’ Marzu 2005, li għalihom il-Polonja wieġbet, rispettivament, permezz ta’ ittri tat-3 ta’ Settembru 2004, irreġistrata fis-7 ta’ Settembru 2004, tal-10 ta’ Novembru 2004, irreġistrata fil-15 ta’ Novembru 2004, tas-17 ta’ Frar 2005, irreġistrata fil-21 ta’ Frar 2005, tat-30 ta’ Marzu 2005, irreġistrata fl-1 ta’ April 2005 u tat-18 ta’ April 2005, irreġistrata fl-20 ta’ April 2005.

(4)

Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Frar 2005, irreġistrata fid-9 ta’ Frar 2005, il-Polonja qablet li tgħaqqad iż-żewġ każijiet N 438/04 u PL 34/04 hekk kif dawn kienu jikkonċernaw żewġ kumpaniji li jappartjenu għall-istess grupp – il-Grupp tat-Tarzna ta’ Gdynia. L-informazzjoni pprovduta wara fir-rigward tal-każ PL 34/04 tqieset ukoll bħala rilevanti għall-każ N 438/04.

(5)

Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ April 2005, irreġistrata fl-istess ġurnata, il-Polonja aċċettat li l-Kummissjoni tittratta n-notifika tad-29 ta’ April 2004 tal-każ PL 34/04 bħala notifika skont l-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE fir-rigward ta’ kwalunkwe miżuri misjuba li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Il-każ ġie attribwit numru ġdid: N 194/05.

(6)

Fl-1 ta’ Ġunju 2005 il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tal-miżuri eżaminati fil-każ N 438/04 u N 194/05, li kienet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali (2), u stiednet lill-Polonja u lill-partijiet interessati sabiex jibagħtu l-kummenti tagħhom.

(7)

Wara li ngħatat estensjoni tad-data tal-għeluq għas-sottomissjoni tal-kummenti (ittra tad-9 ta’ Awwissu 2005), il-Polonja bagħtet il-kummenti tagħha permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Settembru 2005, irreġistrata fil-5 ta’ Settembru 2005.

(8)

Il-Grupp tat-Tarzna ta’ Gdynia bagħat il-kummenti tagħha permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Ottubru 2005, irreġistrata fl-14 ta’ Ottubru 2005. Il-kummenti ntbagħtu wkoll minn Ray Car Carriers (permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Ottubru 2005, irreġistrata fl-10 ta’ Ottubru 2005), mir-Rappreżentanza Permanenti Daniża għall-UE (permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Ottubru 2005, irreġistrata fil-11 ta’ Ottubru 2005), mill-assoċjazzjoni Daniża għall-bini tal-bastimenti Danish Maritime (permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Ottubru 2005, irreġistrata fl-istess ġurnata), mit-trade union għas-Solidarjetà (permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Ottubru 2005, irreġistrata fl-10 ta’ Ottubru 2005) u mill-assoċjazzjoni Pollakka għall-bini tal-bastimenti (permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Ottubru 2005, irreġistrata fil-11 ta’ Ottubru 2005).

(9)

Il-Kummissjoni bagħtet dawn il-kummenti lill-Polonja permezz ta’ ittri tas-26 ta’ Ottubru 2005 u tat-12 ta’ Diċembru 2005 (3). Il-Polonja wieġbet għal dawn il-kummenti mogħtija mill-Grupp tat-Tarzna ta’ Gdynia permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Jannar 2006, irreġistrata fit-18 ta’ Jannar 2006. Il-Polonja ma pprovdietx kummenti dwar is-sottomissjonijiet tal-partijiet terzi l-oħrajn.

(10)

Il-Kummissjoni fittxet l-assistenza ta’ konsulent estern għall-evalwazzjoni tal-Pjan ta’ Ristrutturar għat-Tarzna ta’ Gdańsk (Aġġornament) datat Marzu 2004. Il-konsulent bagħat ir-rapport tiegħu lill-Kummissjoni f’Diċembru 2005.

(11)

Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Jannar 2006, il-Kummissjoni talbet lill-Polonja biex tagħtiha informazzjoni dwar l-aħħar żviluppi fl-istrateġija ta’ ristrutturar tagħha għat-Tarzna ta’ Gdańsk u għall-Grupp tat-Tarzna ta’ Gdynia fit-totalità tiegħu. Il-Polonja wieġbet permezz ta’ ittra datata l-20 ta’ Frar 2006, irreġistrata fit-22 ta’ Frar 2006, filwaqt li fit-22 ta’ Frar 2006 saret laqgħa bejn rappreżentanti tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet Pollakki u l-Grupp tat-Tarzna ta’ Gdynia. Il-Polonja ħabbret li l-pjan ta’ ristrutturar tal-2004 għat-Tarzna ta’ It-tarzna ta’ Gdańsk kien għadda żmienu u li hija adottat strateġija ġdida għar-ristrutturar tat-Tarzna ta’ Gdańsk, li tinvolvi l-qtugħ tagħha milIt-tarzna ta’ Gdynial-Grupp tat-Tarzna ta’ Gdynia u l-privatizzazzjoni tagħha. Il-Polonja ħabbret ukoll li kellu jintbagħat pjan ta’ ristrutturar emendat lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2006.

(12)

Bħala segwitu għal din il-laqgħa, il-Kummissjoni bagħtet ittra lill-Polonja fit-8 ta’ Marzu 2006, li għaliha l-Polonja wieġbet permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Marzu 2006, irreġistrata fl-istess ġurnata, fejn ħabbret skeda ta’ żmien għall-privatizzazzjoni għat-Tarzna ta’ Gdańsk. Il-Polonja pprovdiet informazzjoni addizzjonali dwar il-proċess tal-privatizzazzjoni permezz ta’ ittra datata d-29 ta’ Marzu 2006, irreġistrata fit-30 ta’ Marzu 2006. Il-Kummissjoni talbet għal aktar informazzjoni permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Marzu 2006, li għaliha l-Polonja wieġbet permezz ta’ ittra tad-19 ta’ April 2006, irreġistrata fl-20 ta’ April 2006.

(13)

Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ April 2006, irreġistrata fl-10 ta’ April 2006, il-Polonja ssottomettiet l-ewwel abbozz tad-dokument ‘Strateġija għas-settur tal-bini tal-bastimenti (tarzni għall-kostruzzjoni marittima) fil-Polonja 2006-10.’ Il-Kummissjoni pprovdiet il-kummenti tagħha permezz ta’ ittri tat-12 ta’ April 2006 u tat-28 ta’ April 2006. Finalment, id-dokument ġie approvat mill-Gvern Pollakk fil-31 ta’ Awwissu 2006 u ntbagħat lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Settembru 2006, irreġistrata fl-istess ġurnata.

(14)

Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Mejju 2006, il-Grupp tat-Tarzna ta’ Gdynia issottometta lill-Kummissjoni r-‘Rapport ta’ Evalwazzjoni tat-Tarzna ta’ Gdańsk – il-Grupp tat-Tarzna ta’ Gdynia’ datat it-30 ta’ Settembru 2005.

(15)

Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Mejju 2006, irreġistrata fit-30 ta’ Mejju 2006, il-Polonja bagħtet aktar informazzjoni dwar il-proċess ta’ privatizzazzjoni li kien jinsab għaddej, inkluża l-lista ta’ kumpaniji li esprimew interess inizjali fl-akkwist tat-Tarzna ta’ Gdańsk u l-lista ta’ kumpaniji li ssottomettew offerti inizjali. Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Lulju 2006, irreġistrata fis-17 ta’ Lulju 2006, il-Polonja bagħtet aktar informazzjoni dwar il-proċess ta’ privatizzazzjoni li kien jinsab għaddej, fejn għarrfet lill-Kummissjoni li ż-żewġ kumpaniji ssottomettew offerti vinkolanti biex jixtru l-ishma tat-Tarzna ta’ Gdańsk u pprovdew analiżi komparattiva ta’ dawn l-offerti mill-konsulent tal-privatizzazzjoni.

(16)

Fid-9 ta’ Ġunju 2006, it-Tarzna ta’ Gdańsk bagħtet l-ewwel abbozz ta’ pjan ta’ ristrutturar immodifikat lill-Kummissjoni. Rappreżentanti tal-Kummissjoni żaru t-tarzna fl-14 ta’ Ġunju 2006 u għaddew kummenti inizjali dwar il-pjan ta’ ristrutturar immodifikat. Il-konsulent estern tal-Kummissjoni pprovda l-kummenti tiegħu f’rapport datat Lulju 2006. Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni kkummentat dwar in-nuqqasijiet tal-pjan ta’ ristrutturar immodifikat permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Lulju 2006.

(17)

Il-Polonja ssottomettiet kummenti addizzjonali rigward il-pjan ta’ ristrutturar immodifikat permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Lulju 2006, irreġistrata fis-17 ta’ Lulju 2006.

(18)

Ġew organizzati diversi laqgħat, li għalihom attendew rappreżentanti tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Pollakki, dwar il-proċess ta’ privatizzazzjoni u t-tħejjija tal-pjan ta’ ristrutturar immodifikat: fi Brussell fil-31 ta’ Jannar, fit-22 ta’ Frar u fl-10 ta’ Mejju 2006 u fil-bini tat-tarzna ta’ Gdańsk fit-13 ta’ Ġunju 2006.

(19)

Il-Polonja wieġbet għall-ittra tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Lulju 2006 permezz ta’ ittra datata l-31 ta’ Awwissu 2006, irreġistrata fl-1 ta’ Settembru 2006.

(20)

Fl-4 ta’ Settembru 2006, intbagħtet lill-Kummissjoni l-verżjoni finali tal-pjan ta’ ristrutturar immodifikat tat-tarzna datata Awwissu 2006 u bit-titolu “Il-Pjan ta’ Ristrutturar għat-Tarzna ta’ Gdańsk – Aġġornament”.

(21)

Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Settembru 2006, irreġistrata fit-13 ta’ Settembru 2006, il-Polonja pprovdiet aktar informazzjoni dwar il-proċess ta’ ristrutturar tat-tarzna ta’ Gdańsk, fejn qalet, b’mod partikolari, li l-kapital tat-tarzna ta’ Gdańsk u tal-Grupp tat-Tarzna ta’ Gdynia ġie sseparat. Il-maġġoranza tal-ishma fit-tarzna ta’ Gdańsk ittieħdu mill-Aġenzija tal-Istat għall-Iżvilupp Industrijali u mis-sussidjarji tagħha. Informazzjoni addizzjonali ġiet sottomessa permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Settembru 2006.

(22)

Il-Polonja nnotifikat għajnuna ġdida addizzjonali għal It-tarzna ta’ Gdańsk permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Novembru 2006, irreġistrata fis-27 ta’ Novembru 2006.

(23)

Fis-7 ta’ Diċembru 2006 saret laqgħa bejn il-Kummissjoni u l-Ministru Pollakk għall-Affarijiet Ekonomiċi, li fiha l-awtoritajiet Pollakki kkommettew ruħhom li jipprivatizzaw it-tarzna sabiex itejbu l-prospetti għar-restawr tal-vijabbiltà tagħha u biex jassiguraw kontribuzzjoni proprja suffiċjenti għar-ristrutturar. Il-Polonja kkonfermat dan l-impenn permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Diċembru 2006, irreġistrata fl-4 ta’ Jannar 2007, billi rreferiet għad-deċiżjoni tal-Kabinett Pollakk tad-19 ta’ Diċembru 2006 li jadotta dokument bit-titolu ‘L-istat tal-industrija tal-bini tal-bastimenti.’ L-impenn għall-privatizzazzjoni tat-tarzna sat-30 ta’ Ġunju 2008 kien imbagħad ikkonfermat fl-ittra datata l-5 ta’ Jannar 2007 mibgħuta mill-awtoritajiet Pollakki. Il-Polonja talbet lill-Kummissjoni biex tidħol f’taħditiet dwar il-kwistjoni tal-miżuri ta’ kumpens.

(24)

Il-Kummissjoni żaret it-tarzna fid-19 ta’ Diċembru 2006, assistita mill-konsulent estern tagħha, sabiex tiġbor il-fatti u d-dejta meħtieġa biex tkun tista’ tevalwa l-miżuri ta’ kumpens. Il-konsulent estern tal-Kummissjoni bagħat ir-rapport tiegħu dwar il-kapaċità attwali tat-tarzna fis-16 ta’ Jannar 2007.

(25)

Il-Kummissjoni wieġbet għall-ittra tas-27 ta’ Diċembru 2006 permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Jannar 2007, li fiha talbet lill-Polonja biex tissottometti proposta għal miżuri ta’ kumpens għat-tarzna ta’ Gdańsk sal-aħħar ta’ Frar 2007.

(26)

Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Frar 2007, irreġistrata fl-istess ġurnata, il-Polonja impenjat ruħha li tipprivatizza t-Tarzna ta’ Gdańsk sal-aħħar tal-2007 u ssottomettiet proposta għal miżuri ta’ kumpens.

(27)

Fuq dik il-bażi, fil-15 ta’ Marzu 2007 saret laqgħa teknika bejn il-Kummissjoni, l-awtoritajiet Pollakki u rappreżentanti tat-tarzna, li primarjament kienet tittratta l-miżuri ta’ kumpens, iżda wkoll il-proċess li kien jinsab għaddej tal-privatizzazzjoni. Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Pollakki qablu li l-Kummissjoni għandha tidħol f’diskussjonijiet diretti mat-tarzna ta’ Gdańsk dwar kwistjonijiet tekniċi bil-għan li tiġbor flimkien id-dejta kollha meħtieġa għall-valutazzjoni tagħha tal-miżuri ta’ kumpens proposti mill-Polonja.

(28)

Permezz ta’ ittra lit-tarzna ta’ Gdańsk datata d-29 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni talbet informazzjoni teknika dwar il-kapaċità tat-tarzna. Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ April 2007, irreġistrata fit-3 ta’ Mejju 2007, it-tarzna wieġbet għat-talba msemmija fuq. Billi l-informazzjoni pprovduta ma kinitx suffiċjenti, il-Kummissjoni talbet għal aktar informazzjoni permezz ta’ ittra datata l-10 ta’ Mejju 2007, li għaliha t-tarzna wieġbet permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Mejju 2007, irreġistrata fis-7 ta’ Ġunju 2007. Il-Kummissjoni talbet lill-Polonja biex tipprovdi aktar kjarifiki permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Ġunju 2007, fejn hija indikat li jekk tonqos milli tipprovdi l-informazzjoni kollha mitluba dan jista’ jwassal lill-Kummissjoni biex tadotta deċiżjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (inġunzjoni ta’ informazzjoni) (4). Il-Polonja wieġbet permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Ġunju 2007, irreġistrata fis-26 ta’ Ġunju 2007. Billi qieset din it-tweġiba bħala waħda insuffiċjenti, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 659/1999 fid-19 ta’ Lulju 2007.

(29)

Il-Kummissjoni talbet informazzjoni komprensiva dwar żviluppi ġodda fil-proċess ta’ privatizzazzjoni permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Mejju 2007 u tenniet it-talba tagħha permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Ġunju 2007. Il-Polonja wieġbet għal dawn it-talbiet permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Ġunju 2007, irreġistrata fil-25 ta’ Ġunju 2007 u, wara talba oħra għall-informazzjoni tat-28 ta’ Ġunju 2007, ikkompletat is-sottomissjoni tagħha permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Lulju 2007, irreġistrata fl-istess ġurnata. Il-Kummissjoni talbet għal aktar informazzjoni rigward il-proċess ta’ privatizzazzjoni u l-miżuri ta’ kumpens ippjanati permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Lulju 2007.

(30)

Il-Polonja ssottomettiet informazzjoni dwar il-miżuri ta’ kumpens ippjanati permezz ta’ ittra datata l-20 ta’ Awwissu 2007, irreġistrata fil-21 ta’ Awwissu 2007. Aktar informazzjoni dwar il-miżuri ta’ kumpens ġiet sottomessa permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Awwissu 2007, irreġistrata fl-istess ġurnata u permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Settembru 2007, irreġistrata fl-10 ta’ Settembru 2007. Il-Kummissjoni wieġbet permezz ta’ ittra datata t-3 ta’ Ottubru 2007.

(31)

Minn Lulju 2007 il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Pollakki kkorrispondew b’mod intensiv fuq il-proċess ta’ privatizzazzjoni tat-tarzna ta’ Gdańsk. Il-Kummissjoni talbet informazzjoni dwar il-proċess ta’ privatizzazzjoni permezz ta’ ittri tat-30 ta’ Lulju 2007, tat-13 ta’ Awwissu 2007, tat-3 ta’ Ottubru 2007, tat-30 ta’ Novembru 2007 u tas-17 ta’ Jannar 2008. L-awtoritajiet Pollakki bagħtu informazzjoni permezz ta’ ittri tal-21 ta’ Awwissu 2007, irreġistrata fis-27 ta’ Awwissu 2007, tal-24 ta’ Settembru 2007, irreġistrata fil-25 ta’ Settembru 2007, tat-23 ta’ Ottubru 2007, irreġistrata fl-24 ta’ Ottubru 2007 u tal-25 ta’ Ottubru 2007, irreġistrata fid-29 ta’ Ottubru 2007. Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Diċembru 2007, irreġistrata fl-20 ta’ Diċembru 2007, il-Polonja indikat li ISD Polska sejra tieħu ishma ġodda fit-tarzna, biex b’hekk, sejra tikseb il-kontroll tal-kumpanija. Informazzjoni supplimentari kienet sottomessa minn ISD Polska, il-proprjetarja l-ġdida tat-tarzna ta’ Gdańsk, permezz ta’ e-Mail tal-25 ta’ Jannar 2008.

(32)

Fl-istess ħin, permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Ġunju 2007, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Pollakki biex jipprovdu informazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat irċevuta mit-tarzna ta’ Gdańsk wara t-tnedija tal-proċedura tal-investigazzjoni formali. L-awtoritajiet Pollakki wieġbu permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Lulju 2007, irreġistrata fl-istess ġurnata. Il-Kummissjoni talbet għal aktar spjegazzjonijiet permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Novembru 2007. Il-Polonja wieġbet permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Jannar 2008, irreġistrata fl-istess ġurnata.

(33)

Fl-24 ta’ Jannar 2008, meta saret laqgħa bejn l-awtoritajiet Pollakki, is-sid maġġoritarju l-ġdid tat-tarzna ta’ Gdańsk, ISD Polska, u l-Kummissjoni, bdew diskussjonijiet tekniċi li jikkonċernaw il-pjanijiet tas-sid maġġoritarju l-ġdid għar-ristrutturar tat-tarzna. L-awtoritajiet Pollakki bagħtu informazzjoni permezz ta’ ittri tal-25 ta’ Jannar 2008, irreġistrata fit-28 ta’ Jannar 2008, u tat-30 ta’ Jannar 2008 u l-4 ta’ Frar 2008, irreġistrati fl-istess ġranet. Aktar informazzjoni kienet sottomessa permezz ta’ ittri tal-14 ta’ Frar 2008, irreġistrata fid-19 ta’ Frar 2008, tal-15 ta’ Frar 2008 u l-21 ta’ Frar 2008, it-tnejn irreġistrati fit-3 ta’ Marzu 2008, tas-26 ta’ Frar, irreġistrata fit-12 ta’ Marzu 2008, tal-10 ta’ Marzu 2008, irreġistrata fl-istess ġurnata, u tal-10 ta’ April 2008 u l-11 ta’ April, it-tnejn irreġistrati fis-17 ta’ April 2008. Il-Kummissjoni wieġbet permezz ta’ ittri tat-30 ta’ Jannar, tal-14 ta’ Frar, tal-25 ta’ Frar u tat-28 ta’ Frar 2008. Fil-11 ta’ Frar u fit-18 ta’ Marzu 2008 saru laqgħat li kienu jinvolvu l-awtoritajiet Pollakki, rappreżentanti ta’ ISD Polska u l-Kummissjoni.

(34)

Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ April 2008, il-Kummissjoni reġgħet talbet lill-Polonja biex tissottometti abbozz komprensiv ta’ pjan ta’ ristrutturar għat-tarzna. F’dik l-ittra, il-Kummissjoni indikat li f’każ li l-Polonja tonqos milli tipprovdi l-informazzjoni mitluba, hija tista’ tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999. Wara din l-ittra l-Kummissjoni rċeviet informazzjoni mit-tarzna permezz ta’ ittri tat-23 ta’ April 2008, irreġistrata fl-istess ġurnata, u tat-25 ta’ April 2008, irreġistrata fid-29 ta’ April 2008. Permezz ta’ ittra datata t-30 ta’ April 2008 il-Kummissjoni tenniet it-talba tagħha għall-informazzjoni. Il-Polonja bagħtet informazzjoni addizzjonali permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Mejju 2008, irreġistrata fit-13 ta’ Mejju 2008, u ISD Polska pprovdiet informazzjoni addizzjonali permezz ta’ ittri tad-9 ta’ Mejju 2008, irreġistrata fl-istess ġurnata, tas-16 ta’ Mejju 2008, irreġistrata fis-26 ta’ Mejju 2008, u tas-26 ta’ Mejju 2008, irreġistrata fl-istess ġurnata.

(35)

Minħabba li l-Polonja naqset milli tipprovdi l-informazzjoni kollha mitluba mill-Kummissjoni, fit-23 ta’ Mejju 2005 il-Kummissjoni adottat deċiżjoni skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999. Il-Polonja wieġbet permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Ġunju 2008, irreġistrata fl-istess ġurnata.

(36)

Il-Polonja ssottomettiet aktar informazzjoni permezz ta’ ittri tal-1 ta’ Lulju 2008 u tat-2 ta’ Lulju 2008, it-tnejn irreġistrati fit-3 ta’ Lulju 2008. Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Lulju 2008 il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali, li ġiet ipprovduta mill-Polonja permezz ta’ ittri tas-7 ta’ Lulju 2008, irreġistrata fl-istess ġurnata, tat-8 ta’ Lulju 2008, irreġistrata fl-istess ġurnata u tat-8 ta’ Lulju 2008, irreġistrata fid-9 ta’ Lulju 2008. Il-Polonja ssottomettiet aktar informazzjoni permezz ta’ ittri tal-10 ta’ Lulju 2008, irreġistrata fl-istess ġurnata, u tal-10 ta’ Lulju, irreġistrata fil-11 ta’ Lulju, tal-11 ta’ Lulju 2008, irreġistrata fl-istess ġurnata, tas-16 ta’ Lulju 2008, irreġistrata fis-17 ta’ Lulju 2008, tas-17 ta’ Lulju 2008, irreġistrata fit-18 ta’ Lulju 2008, tat-18 ta’ Lulju 2008, irreġistrata fil-25 ta’ Lulju 2008, tal-21 ta’ Lulju 2008, tat-28 ta’ Lulju 2008, tal-4 ta’ Awwissu 2008, tat-13 ta’ Awwissu 2008, tal-20 ta’ Awwissu 2008, tal-21 ta’ Awwissu 2008, tal-25 ta’ Awwissu 2008, tal-1 ta’ Settembru 2008, tat-8 ta’ Settembru 2008, tad-9 ta’ Settembru 2008, u tal-10 ta’ Settembru 2008, kollha rreġistrati fid-data tas-sottomissjoni tagħhom.

(37)

Fit-12 ta’ Settembru 2008 il-Polonja bagħtet pjan ta’ ristrutturar konġunt rivedut għat-tarzna ta’ Gdańsk u t-tarzna ta’ Gdynia. Aktar informazzjoni kienet sottomessa mill-Polonja permezz ta’ ittri tas-16 ta’ Settembru 2008, tas-17 ta’ Settembru 2008, tad-19 ta’ Settembru 2008, tat-23 ta’ Settembru 2008, tal-25 ta’ Settembru 2008, tas-26 ta’ Settembru 2008, tal-1 ta’ Ottubru 2008, tat-2 ta’ Ottubru 2008, tat-3 ta’ Ottubru 2008, kollha rreġistrati fid-data tas-sottomissjoni tagħhom. Aktar informazzjoni kienet sottomessa permezz ta’ ittri tas-6 ta’ Ottubru 2008, irreġistrata fis-7 ta’ Ottubru 2008, u tat-22 ta’ Ottubru 2008, irreġistrata fl-istess ġurnata. Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Novembru 2008, irreġistrata fl-4 ta’ Novembru 2008, il-Polonja qalet li hija sejra tissottometti pjan wieħed għat-tarzna ta’ Gdańsk. Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Novembru, irreġistrata fil-5 ta’ Novembru 2008, l-awtoritajiet Pollakki bagħtu abbozz inkomplet ta’ pjan ta’ ristrutturar għat-tarzna ta’ Gdańsk.

(38)

Fis-6 ta’ Novembru 2008 il-Kummissjoni adottat deċiżjoni negattiva dwar it-tarzna ta’ Gdynia (5) li fiha sabet li l-pjan ta’ ristrutturar imħejji minn ISD Polska għat-tarzna ta’ Gdynia u t-tarzna ta’ Gdańsk ma kienx kompatibbli mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

(39)

Fit-8 ta’ Diċembru 2008 il-Polonja ssottomettiet pjan ta’ ristrutturar waħdieni għat-tarzna ta’ Gdańsk. Aktar informazzjoni kienet sottomessa permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Diċembru 2008, irreġistrata fl-istess ġurnata.

(40)

Permezz ta’ ittri tat-23 ta’ Diċembru 2008, irreġistrata fit-12 ta’ Jannar 2008, u tat-13 ta’ Frar 2009, irreġistrata fl-istess ġurnata, il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni, li ġiet ipprovduta mill-Polonja permezz ta’ ittri tat-30 ta’ Jannar u tal-20 ta’ Frar 2009, it-tnejn irreġistrati fid-data tas-sottomissjoni tagħhom.

(41)

Il-Kummissjoni talbet aktar kjarifiki permezz ta’ ittra tat-8 ta’ April 2009, irreġistrata fl-istess ġurnata. Il-Polonja bagħtet informazzjoni addizzjonali permezz ta’ ittri tas-16 u t-28 ta’ April 2009, it-tnejn irreġistrati fid-data tas-sottomissjoni tagħhom.

(42)

Fit-8 ta’ Mejju 2009 il-Polonja ssottomettiet pjan ta’ ristrutturar rivedut għat-tarzna ta’ Gdańsk. Il-pjan kien irreġistrat fl-istess ġurnata. Il-Polonja ssottomettiet aktar kjarifiki permezz ta’ ittri tal-21 ta’ Mejju 2009, tal-1 ta’ Ġunju 2009 u tal-5 ta’ Ġunju 2009, kollha rreġistrati fid-data tas-sottomissjoni tagħhom.

II.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-GĦAJNUNA

1.   Il-kumpanija

(43)

Il-benefiċjarja tal-għajnuna hija Stocznia Gdańsk S.A (‘It-tarzna ta’ Gdańsk’). Il-kumpanija tinsab fir-reġjun ta’ Gdańsk-Gdynia-Sopot fit-tramuntana tal-Polonja.

(44)

L-attivitajiet tat-tarzna ta’ Gdańsk jinkludu l-kostruzzjoni ta’ bastimenti li jbaħħru u attivitajiet oħrajn relatati mal-bini tal-bastimenti, bħall-produzzjoni ta’ partijiet ta’ bastimenti u partijiet tal-azzar kif ukoll diversi servizzi anċillari.

(45)

It-tarzna ta’ Gdańsk falliet fl-1996 u fl-1998 l-assi tagħha nxtraw mill-akbar tarzna fil-Polonja, it-tarzna ta’ Gdynia, li tinsab madwar 20 km ‘il bogħod mit-tarzna ta’ Gdańsk. It-tarzna ngħatat l-isem ġdid ta’ “It-tarzna ta’ Gdańsk – il-Grupp tat-Tarzna ta’ Gdynia”. Minn dakinhar, t-tarzna ta’ Gdynia ikkonkludiet kuntratti, xtrat materjal u għamlet arranġamenti għal finanzjament għall-produzzjoni tat-tarzna ta’ Gdańsk. Għalkemm it-tarzna ta’ Gdańsk saret fil-biċċa l-kbira tagħha dipendenti fuq il-kumpanija prinċipali, fl-2006 l-awtoritajiet Pollakki ddeċidew, fi ħdan il-qafas tal-istrateġija tal-gvern, li t-tarzni għandhom jiġu sseparati. F’Awwissu 2006 il-maġġoranza tal-ishma fit-tarzna ta’ Gdańsk ittieħdu mill-Aġenzija tal-Istat għall-Iżvilupp Industrijali (‘l-IDA’) u s-sussidjarji tagħha Centrala Zaopatrzenia Hutnictwa permezz ta’ tranżazzjoni ta’ dejn għal ekwità. Din it-tranżazzjoni sseparat lit-tarzna ta’ Gdańsk mit-tarzna ta’ Gdynia.

(46)

Wara li f’Diċembru 2006 ikkommettew ruħhom li jipprivatizzaw lit-tarzna ta’ Gdańsk sabiex itejbu l-prospetti għar-restawr tal-vijabbiltà tagħha, fis-17 ta’ Settembru 2007 l-awtoritajiet Pollakki nedew sejħa għall-offerti għas-sottoskrizzjoni tal-ishma fil-kapital li kien għadu kif ġie miżjud tat-tarzna ta’ Gdańsk, kif deċiż fir-Riżoluzzjoni tal-Laqgħa Ġenerali Straordinarja tal-10 ta’ Awwissu 2007. ISD Polska, sussidjarja tal-kumpanija Ukraina Donbas li tipproduċi l-azzar u li hija diġà azzjonista minoritarja fit-tarzna ta’ Gdańsk, issottomettiet offerta vinkolanti biex tixtri l-ishma l-ġodda f’Novembru 2007. Minn Jannar 2008, ISD Polska saret l-azzjonista maġġoritarja fit-tarzna ta’ Gdańsk. Minn Ġunju 2008 ISD Polska kellha fil-pussess tagħha 83,6 % tal-ishma, bl-ishma li jibqa’ jkunu miżmuma mill-IDA. Il-kapital tal-ishma jammonta għal PLN 405 miljun.

(47)

It-tarzna ta’ Gdańsk tikri tliet skali b’kapaċità totali ta’ madwar 160 000 CGT (skont iċ-ċifri tal-kumpanija). Il-kumpanija kienet tipproduċi primarjament bastimenti tal-merkanzija, trasportaturi li jġorru kwantitajiet kbar, sezzjonijiet, blokki u bwieq għall-kumpanija prinċipali tagħha it-tarzna ta’ Gdynia u għal kumpaniji oħrajn. Wara l-privatizzazzjoni, fl-2007 u l-2008 it-tarzna ffokat fuq il-produzzjoni ta’ bwieq ta’ bastimenti speċjalizzati iżgħar u bwieq mgħammra parzjalment. Barra minn hekk, it-tarzna tipproduċi blokki u sezzjonijiet għal tarzni oħrajn u strutturi tal-azzar għal diversi industriji u negozji tal-kostruzzjoni.

(48)

Fl-aħħar tal-2006 it-tarzna kienet timpjega 2 893 ħaddiem, li 60 % minnhom kienu involuti direttament fil-produzzjoni. Fl-2008 il-forza tax-xogħol tnaqqset għal 2 235 ħaddiem, tnaqqis ta’ 23 %.

(49)

Ir-ristrutturar tat-tarzna ta’ Gdańsk beda kmieni fl-1998, immedjatament wara li ġiet iddikjarata falluta u l-assi tagħha ttieħdu mit-tarzna ta’ Gdynia. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Pollakki, il-Grupp tat-Tarzna ta’ Gdynia (li tiegħu kienet parti it-tarzna ta’ Gdańsk sa Awwissu 2006) esperjenza diffikultajiet għall-ewwel darba fl-2002. Fil-fatt, wara l-falliment fl-1996, it-tarzna ta’ Gdańsk għamlet profitt għall-ewwel darba fl-ewwel nofs tal-2002 u wara bdiet tirreġistra telf sinifikanti. Il-problemi tal-Grupp naturalment infirxu wkoll għat-tarzna ta’ Gdańsk. Il-fatturi li kkontribwixxew għas-sitwazzjoni finanzjarja diffiċli kienu esterni, bħall-kompetizzjoni mill-Ażja, il-pożizzjoni b’saħħitha tal-munita zloty kontra d-dollaru, diffikultajiet fl-aċċess għall-finanzjament għall-bastimenti wara l-problemi ta’ Stocznia Szczecin Porta Holding S.A. u l-waqgħa ta’ krejn bit-torri (gantry crane) fit-Tarzna ta’ Gdynia waqt maltempata fl-1999. Fatturi oħrajn kienu ta’ natura aktar interna. Fit-tentattiv li timla l-ktieb tal-ordnijiet tagħha, speċjalment wara ż-żieda fil-potenzjal tal-produzzjoni wara l-akkwist tat-tarzna ta’ Gdańsk fl-1998, it-tarzna ta’ Gdynia ħadet għadd ta’ deċiżjonijiet maniġerjali li kienu problematiċi. It-tarzna ta’ Gdynia assumiet riskji kummerċjali, finanzjarji, teknoloġiċi u tad-disinn (prodotti ġodda, prototipi, il-kostruzzjoni b’telf ta’ bastimenti ġodda għat-tarzna: trasportaturi żgħar li jġorru kwantitajiet kbar, trasportaturi ta’ sustanzi kimiċi, bastimenti ro-ro, trasportaturi ta’ sustanzi kimiċi u gassijiet, trasportaturi ta’ kwantità kbira ta’ kontejners u bastimenti tal-merkanzija ġenerali). Ir-rata li biha t-tarzna naqqset l-ispejjeż operattivi wkoll ma kinitx waħda sodisfaċenti.

(50)

Id-diffikultajiet finanzjarji tal-Grupp wasslu għal arretrati fil-ħlas tas-salarji u l-obbligi skont il-liġi pubblika u ċivili, nuqqasijiet fil-provvisti ta’ materjali, fil-proċessi tal-produzzjoni iktar bil-mod, żidiet fl-ispejjeż (konsum tax-xogħol, penalitajiet), u dewmien fit-tlestija tal-kuntratti.

(51)

Id-dejta li ġejja dwar l-operat tat-tarzna saret disponibbli.

Tabella 1:

L-Operat tat-tarzna ta’ Gdańsk

(f’miljun PLN)

 

1999

2000

2001

2002

2003

2005

2006

2007

2008

Ammont ta’ dħul

153

212

251

168

98

185,6

221

308

248

Riżultat operattiv (1999-2003);

Riżultat nett (2005-2008).

–32

–49

–38

–14  (*1)

–47

– 100

–71

– 237

–17

2.   Deċiżjoni biex jinbdew proċeduri skont l-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE

(52)

Fid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni ddeċidiet li kienu ngħataw għadd ta’ miżuri indikati fil-parti A tal-Anness II għad-deċiżjoni lit-tarzna ta’ Gdańsk qabel l-1 ta’ Mejju 2004 u dawn ma kinux applikabbli wara l-adeżjoni fi ħdan it-tifsira tal-punt 3 tal-Anness IV għat-Trattat tas-Sħubija u, għalhekk, mhux sejrin jiġu eżaminati skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE. Dawk il-miżuri għalhekk ma jaqgħux taħt din id-deċiżjoni. Madankollu, huma kellhom jiġu kkunsidrati fil-valutazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq komuni tal-miżuri mogħtija wara l-adeżjoni.

(53)

Il-Kummissjoni indikat ukoll li wħud mill-miżuri għat-tarzna ta’ Gdańsk ikkostitwixxew għajnuna ġdida minħabba li kienu ngħataw wara l-adeżjoni tal-Polonja mal-UE fl-1 ta’ Mejju 2004 jew saħansitra kienu għadhom ma ngħatawx fil-ħin tad-deċiżjoni. Il-Kummissjoni elenkat dawn il-miżuri fil-parti B tal-Anness II għad-deċiżjoni.

(54)

Essenzjalment, il-Kummissjoni sostniet li ma ttieħdet ebda deċiżjoni vinkolanti legalment fuq il-miżuri elenkati fil-parti B tal-Anness II għad-deċiżjoni qabel l-adeżjoni tal-Polonja, għalkemm hija rrikonoxxiet li f’dak iż-żmien kienu ttieħdu xi passi preliminari bil-għan li tiġi adottata deċiżjoni vinkolanti legalment.

(55)

Fir-rigward tar-ristrutturar tad-dejn pubbliku skont il-proċedura tal-Kapitolu 5a bbażata fuq l-Att dwar l-għajnuna mill-Istat (Intrapriżi ta’ Sinjifikanza Speċjali għas-Suq tax-Xogħol) tat-30 ta’ Ottubru 2002, kif emendat (6) (miżuri 10-16 tal-parti B tal-Anness II għad-Deċiżjoni) il-Kummissjoni kkonkludiet li deċiżjoni ta’ ristrutturar maħruġa mill-President tal-IDA, l-aġenzija tal-gvern responsabbli għall-amministrazzjoni tal-proċedura tal-Kapitolu 5a, tikkostitwixxi deċiżjoni vinkolanti legalment sabiex tingħata l-għajnuna. Madankollu, f’dan il-każ, ma nħarġet ebda deċiżjoni bħal din dwar ir-ristrutturar qabel l-adeżjoni (7). Id-deċiżjoni maħruġa mill-President tal-IDA fit-30 ta’ April 2004 li approvat il-pjan ta’ ristrutturar għat-tarzna ta’ Gdańsk ta’ Marzu 2004 ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti proċedurali u sostantivi biex jikkwalifika bħala deċiżjoni ta’ ristrutturar u għalhekk ma kkostitwixxa ebda deċiżjoni vinkolanti legalment sabiex tingħata l-għajnuna.

(56)

Il-Kummissjoni aċċettat l-ispjegazzjoni tal-Polonja li l-imgħax akkumulat fuq dawn id-djun taħt il-liġi pubblika jiġi paċut għal kollox flimkien mal-kapital minħabba n-natura anċillari tiegħu, mingħajr ma jkun hemm il-ħtieġa li tinħareġ deċiżjoni separata.

(57)

Il-Kummissjoni ma sabet ebda evidenza ta’ deċiżjonijiet vinkolanti legalment għal serje ta’ miżuri elenkati bħala l-miżuri 17-22 fil-parti B tal-Anness II għad-deċiżjoni. Dawn il-miżuri kienu relatati mar-ristrutturar ta’ obbligazzjonijiet pubbliċi fuq il-bażi ta’ atti legali għajr l-Att tat-30 ta’ Ottubru 2002 imsemmi fuq. Fir-rigward tal-garanzija elenkata bħala l-miżura 23 tal-parti B tal-Anness II għad-deċiżjoni, il-Kummissjoni wieġbet b’mod partikolari għall-argument ewlieni tal-Polonja, jiġifieri li din il-miżura kienet inkluża fil-pjan ta’ ristrutturar ta’ Marzu 2004 għat-tarzna ta’ Gdańsk, li kien approvat mill-Bord Superviżorju tat-tarzna, li fih kien irrappreżentat it-Teżor.

(58)

B’mod partikolari, il-Kummissjoni sabet li l-Bord Superviżorju ma kellux is-setgħa li jadotta deċiżjonijiet b’riperkussjonijiet finanzjarji għall-azzjonisti billi l-azzjonisti ma kinux ħadu l-passi meħtieġa għal dak il-għan. Il-Kummissjoni sabet ukoll li, wara li saħansitra assumiet li l-Bord Superviżorju kien bit-titolu li jieħu deċiżjonijiet bħal dawn f’isem u akkont tal-azzjonisti, baqa’ mhux ċar jekk deċiżjoni bħal din kinitx sejra toħloq obbligu pożittiv min-naħa tat-Teżor biex jagħti għajnuna mill-Istat, minħabba li normalment ma jkunx possibbli li jiġu assimilati l-azzjonijiet meħuda mill-Istat bħala parteċipant fis-suq ma’ azzjonijiet meħuda mill-Istat skont id-diversi objettivi pubbliċi.

(59)

Il-Kummissjoni nnotat ukoll li kienet ingħatat notifika tal-miżuri 24 u 25 tal-parti B tal-Anness II għad-Deċiżjoni (kanċellazzjoni tad-dejn u l-injezzjoni tal-kapital) bħala alternattivi fid-dawl li t-tarzna ta’ Gdynia ma setgħetx twettaq l-injezzjoni tal-kapital ippjanata fit-tarzna ta’ Gdańsk; għalhekk, kien ċar li dawn il-miżuri ma kinux ingħataw qabel l-adeżjoni u li kkostitwixxew għajnuna ġdida ppjanata.

(60)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnotat li l-Grupp tat-Tarzna ta’ Gdynia kien qiegħed jibbenifika minn garanziji tal-produzzjoni pprovduti mill-Korporazzjoni għall-Assigurazzjoni tal-Krediti ta’ Esportazzjoni, l-aġenzija Pollakka għall-krediti ta’ esportazzjoni. Il-Kummissjoni qajmet dubji fir-rigward tan-natura kummerċjali ta’ dawn il-garanziji billi dawn kienu nħarġu fi ħdan il-qafas tal-attivitajiet mhux kummerċjali tal-Korporazzjoni għall-Assigurazzjoni tal-Krediti ta’ Esportazzjoni (b’garanziji tat-Teżor). Wara li kkunsidrat li l-grupp kien jinsab f’diffikultajiet finanzjarji, il-Kummissjoni ddubitat jekk il-primjums iddebitati b’mod xieraq kinux jirriflettu r-riskju involut u jekk il-garanziji mitluba mill-Korporazzjoni għall-Assigurazzjoni tal-Krediti ta’ Esportazzjoni kinux suffiċjenti.

(61)

Wara li sabet li għadd ta’ miżuri għat-tarzna ta’ Gdańsk ikkostitwixxew għajnuna ġdida, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk kinitx ġiet issodisfata xi waħda mill-kundizzjonijiet għall-għajnuna sabiex tiġi approvata bħala għajnuna għar-ristrutturar.

3.   Kummenti minn partijiet interessati

(a)   Kummenti mill-Grupp tat-Tarzna ta’ Gdynia

(62)

Il-Kummissjoni tinnota li t-tarzna ta’ Gdańsk innifisha ma ssottomettiet ebda kumment dwar id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-investigazzjoni formali. Madankollu, il-kummenti sottomessi mill-kumpanija prinċipali tagħha indirizzaw ukoll il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kompetenza tagħha fir-rigward tal-miżuri elenkati fil-parti B tal-Anness II għad-deċiżjoni u fir-rigward tad-dubji tal-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna.

(63)

Fir-rigward tar-ristrutturar tad-dejn pubbliku skont il-proċedura tal-Kapitolu 5a, it-tarzna ta’ Gdynia Group sostna li l-għajnuna ngħatat permezz tad-deċiżjoni tar-ristrutturar maħruġa mill-President tal-IDA. Madankollu, it-tarzna ta’ Gdynia Group sostna, bħalma għamlet il-Polonja fil-fażi inizjali tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni, li d-deċiżjoni li tikkonċerna lit-tarzna ta’ Gdańsk ġiet adottata mill-President tal-IDA qabel l-adeżjoni, fit-30 ta’ April 2004.

(64)

Il-Grupp tat-tarzna ta’ Gdynia sostna li kien il-ftehim tal-kredituri pubbliċi individwali kollha dwar ir-ristrutturar skont il-proċedura tal-Kapitolu 5a li kkostitwixxa l-għoti tal-għajnuna qabel l-adeżjoni (8).

(65)

Kuntrarju għal dak li qalet il-Polonja fl-ewwel fażi tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni, Il-Grupp tat-tarzna ta’ Gdynia sostna li ma ġie akkumulat ebda imgħax moratorju wara t-30 ta’ Ġunju 2003 fuq id-djun taħt il-liġi pubblika ristrutturati skont il-Kapitolu 5a.

(66)

It-tarzna ta’ Gdynia Group ikkummenta wkoll dwar aspetti oħrajn tad-deċiżjoni. B’mod partikolari, huwa qal li l-garanziji tal-produzzjoni pprovduti lit-tarzna mill-Korporazzjoni għall-Assigurazzjoni tal-Krediti ta’ Esportazzjoni ma kkostitwixxew ebda għajnuna mill-Istat. Il-Grupp tat-tarzna ta’ Gdynia sostna li l-iskema tal-garanziji tal-Korporazzjoni għall-Assigurazzjoni tal-Krediti ta’ Esportazzjoni kienet sistema ta’ awto-finanzjament li fiha, fuq perjodu ta’ żmien twil, il-primjums miġbura qabżu r-riskji koperti u l-ammonti attwalment imħallsa. Il-Grupp tat-tarzna ta’ Gdynia iddeskriva l-kundizzjonijiet li fihom il-Korporazzjoni għall-Assigurazzjoni tal-Krediti ta’ Esportazzjoni toħroġ dawn il-garanziji (il-primjums u t-tip ta’ garanziji meħtieġa).

(67)

Fir-rigward tar-rekwiżit li l-għajnuna tkun limitata għall-minimu neċessarju, il-benefiċjarju sostna li l-ammont tal-għajnuna kien limitat għall-minimu strett, u li sejjer ikun ġustifikat li tingħata aktar għajnuna, jekk tkun disponibbli. It-tarzna ta’ Gdynia Group issuġġerixxa wkoll li anki li kieku l-Kummissjoni ddefinixxiet l-ispejjeż tar-ristrutturar b’mod restrittiv (jiġifieri bħala li ma jinkludux l-ispejjeż operattivi tat-tarzna), il-komponent tal-finanzjament ta’ dawn l-ispejjeż ħielsa mill-għajnuna mill-Istat xorta waħda jkun fil-medda ta’ 30 %, sabiex b’hekk jissodisfa l-Linji Gwida għar-Ristrutturar tal-1999 (9).

(68)

Il-Grupp tat-tarzna ta’ Gdynia sostna wkoll li l-għajnuna mill-Istat lill-grupp ma ħolqitx distorsjoni fil-kompetizzjoni fl-Ewropa, billi rrimarka li t-theddida kompetittiva reali għat-tarzni Ewropej kienet ġejja mil-Lvant Imbiegħed. Il-benefiċjarju rrikonoxxa li l-bastimenti tal-merkanzija kienu mibnija wkoll f’tarzni Ewropej oħrajn, b’mod partikolari fil-Ġermanja, iżda sostna li dawn il-bastimenti kienu differenti minn xulxin f’termini ta’ disinn u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi.

(b)   Kummenti minn partijiet interessati oħrajn

(69)

Id-Danimarka u Danish Maritime appoġġaw l-isforzi tal-Kummissjoni li tassigura li l-għajnuna mill-Istat tingħata f’konformità mar-regoli applikabbli. Huma rrimarkaw li, bħala riżultat tas-sitwazzjoni kompetittiva fis-suq dinji tal-bini tal-bastimenti, għadd ta’ tarzni Daniżi għalqu l-bibien tagħhom jew iffaċċjaw falliment mingħajr ma ġiet ipprovduta ebda għajnuna mill-Istat. Huma kkonfermaw ukoll li l-firxa ta’ prodotti tat-tarzni Daniżi kienet simili għal dik tat-tarzni Pollakki, bir-riżultat li t-tarzni Daniżi jistgħu jiġu affettwati minn kompetizzjoni inġusta. Id-Danimarka ħeġġet ukoll lill-Kummissjoni biex titlob għal tnaqqis fil-kapaċità fit-tarzna ta’ Gdańsk biex b’hekk l-għajnuna mill-Istat ma tintużax biex iżżid il-kapaċità eċċessiva madwar id-dinja.

(70)

Ray Car Carriers, bħala l-akbar klijenta ta’ Il-Grupp tat-tarzna ta’ Gdynia u azzjonista minoritarja tal-kumpanija prinċipali tat-tarzna ta’ Gdańsk, enfasizzat l-importanza tal-grupp għall-operazzjonijiet tagħha stess fid-dawl tal-kuntratti kontinwi tagħha mat-tarzna.

(71)

It-trade union Solidarjetà għamlet enfasi fuq is-sitwazzrjoni tat-tarzna li dejjem sejra għall-agħar, fejn sostniet li kien hemm bżonn ta’ ristrutturar malajr. Il-union iddeskriviet uħud mill-miżuri ta’ ristrutturar li diġà ttieħdu fit-tarzna u esprimiet it-twemmin li, bit-teknoloġija u l-forza tax-xogħol disponibbli għaliha, it-tarzna sejra tkun tista’ tlaħħaq u tingħaqad mat-tarzni Ewropej li jagħmlu l-profitti. Għaldaqstant, l-għajnuna mill-Istat kienet meħtieġa sabiex jiġi implimentat il-pjan ta’ ristrutturar.

(72)

L-assoċjazzjoni Pollakka għall-bini tal-bastimenti, Forum Okrętowe, spjegat ir-raġunijiet għad-diffikultajiet tat-tarzna u esprimiet l-appoġġ tagħha għall-proċess ta’ ristrutturar u għall-użu tal-għajnuna mill-Istat għal dak il-għan.

(c)   Kummenti mill-Polonja

(73)

Bħall-Grupp tat-tarzna ta’ Gdynia, il-Polonja kkummentat dwar l-aspetti relatati mal-kompetenza tal-Kummissjoni u mal-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni.

(74)

Fir-rigward tar-ristrutturar tad-dejn pubbliku taħt il-Kapitolu 5a, il-Polonja ma ressqet ebda argument addizzjonali. Madankollu, fir-reazzjoni tagħha għall-kummenti tal-Grupp tat-tarzna ta’ Gdynia, il-Polonja esprimiet nuqqas ta’ qbil mal-interpretazzjoni tal-liġi Pollakka minn dan tal-aħħar.

(75)

Fir-rigward tal-miżuri indikati fil-parti B tal-Anness II għad-deċiżjoni, il-Polonja ma rribattitx il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni kif indikati fid-deċiżjoni li tinfetaħ investigazzjoni formali.

(76)

Fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-għajnuna ġdida mas-suq komuni, il-Polonja qalet li l-pjan ta’ ristrutturar ta’ Marzu 2004 ikkostitwixxa bażi ekonomika soda għall-proċess ta’ ristrutturar tat-tarzna. Filwaqt li l-Polonja rrikonoxxiet li l-proċess ta’ ristrutturar twettaq b’riżorsi finanzjarji limitati, hija sostniet li kienet diġà tejbet is-sitwazzjoni finanzjarja tat-tarzna. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Pollakki pprovdew deskrizzjoni qasira tal-miżuri ta’ ristrutturar inklużi fil-pjan ta’ ristrutturar ta’ Marzu 2004 sabiex juru li r-ristrutturar ma kienx purament finanzjarju fl-ambitu tiegħu. Huma ddefendew il-miżuri ta’ kumpens proposti fil-pjan ta’ ristrutturar ta’ Marzu 2004 u implimentati fi ħdan il-Grupp tat-tarzna ta’ Gdynia. Fir-rigward tal-ħtieġa li l-għajnuna tkun limitata għall-minimu neċessarju, il-Polonja qalet li l-għajnuna ma ntużatx għal skopijiet differenti mir-ristrutturar u sostniet li l-intensità tal-għajnuna kienet tammonta għal 31 %, jiġifieri għajnuna bħala perċentwal tal-ispejjeż tar-ristrutturar totali, inklużi l-ispejjeż operattivi. Il-Polonja sostniet li l-injezzjoni tal-kapital ippjanata mit-tarzna ta’ Gdynia lit-tarzna ta’ Gdańsk, in-negozjar mill-ġdid tal-prezzijiet tal-kuntratti u l-profitti akkumulati u l-likwidità pożittiva ġġenerata mit-tarzna fil-futur għandhom jitqiesu bħala li jikkostitwixxu ‘kontribuzzjoni proprja’.

(77)

L-awtoritajiet Pollakki ddeskrivew fid-dettall kif operat is-sistema tal-garanziji tal-Korporazzjoni għall-Assigurazzjoni tal-Krediti ta’ Esportazzjoni u sostnew li dawn il-garanziji kienu pprovduti fuq termini tas-suq u, għalhekk, ma kkostitwixxew ebda għajnuna mill-Istat.

4.   Deskrizzjoni kronoloġika tal-avvenimenti deċiżivi wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ l-investigazzjoni formali

(78)

Hawn taħt sejra tingħata ħarsa fil-qosor lejn l-investigazzjoni tal-Kummissjoni u l-avvenimenti li seħħew matul l-andament tagħha.

(79)

Bħala tweġiba għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ l-investigazzjoni formali, l-awtoritajiet Pollakki ssottomettew spjegazzjonijiet ta’ żewġ tipi fil-ħarifa tal-2005: l-ewwelnett, huma jiddubitaw il-kompetenza tal-Kummissjoni li taġixxi fir-rigward tal-miżuri identifikati bħala għajnuna ġdida fid-deċiżjoni tagħha, u, it-tieni, isostnu li anki li kieku l-miżuri kkostitwixxew għajnuna ġdida, huma kienu kompatibbli mas-suq komuni bħala għajnuna għar-ristrutturar. Ir-reazzjoni tal-Grupp tat-tarzna ta’ Gdynia għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet ta’ natura simili. It-tnejn huma deskritti aktar ‘il fuq.

(80)

B’sostenn għall-argument tagħha dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna, il-Polonja rreferiet għall-pjan ta’ ristrutturar tal-2004 għat-tarzna ta’ Gdańsk sottomess lill-Kummissjoni f’Ottubru 2004, li fir-rigward tiegħu l-Kummissjoni fetħet l-investigazzjoni formali minħabba dubji dwar il-kredibbiltà u r-robustezza tiegħu. Madankollu, il-Kummissjoni studjat bir-reqqa l-pjan ta’ ristrutturar tal-2004 u fittxet assistenza mingħand konsulent estern. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-pjan ta’ ristrutturar tal-2004 ma ssodisfa ebda waħda mill-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tal-għajnuna għar-ristrutturar preskritta mil-linji gwida rilevanti. Waqt laqgħa fit-22 ta’ Frar 2006, il-Kummissjoni spjegat it-tħassib ewlieni tagħha lill-awtoritajiet Pollakki. Il-Kummissjoni għamlet enfasi fuq id-dgħufijiet ewlenin tal-pjan ta’ ristrutturar tal-2004: investimenti baxxi, produttività baxxa ppjanata, spejjeż għoljin tal-produzzjoni, b’mod partikolari spejjeż ġenerali, u tisħiħ insuffiċjenti tal-bażi tal-kapital proprju tat-tarzna. L-għajnuna pprovduta lit-tarzna kellha titqies bħala għajnuna operattiva f’sostenn għar-ristrutturar tad-dejn u għall-operat kontinwu tat-tarzna.

(81)

F’Diċembru 2005 il-Kummissjoni saret taf minn sorsi pubbliċi (10) li Korporacja Polskie Stocznia (“KPS”), grupp kapitali taħt proprjetà pubblika, kien inħoloq bil-għan li jintegra t-tliet l-akbar tarzni Pollakki fi Gdynia, Gdańsk u Szczecin taħt umbrella waħda (“il-pjan ta’ konsolidazzjoni”). Ir-rwol ewlieni tal-KPS kien li jipprovdi finanzjament għall-produzzjoni tat-tarzni. Il-Polonja ma kinitx informat lill-Kummissjoni dwar il-pjan ta’ konsolidazzjoni f’xi stadju tal-proċedura, la qabel u lanqas wara d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-investigazzjoni formali.

(82)

Fl-istess ħin, il-Kummissjoni saret taf mill-istampa dwar it-taħditiet li kienu għaddejjin dwar il-bejgħ tat-tarzni fi Gdynia u Gdańsk lil investituri strateġiċi u dwar is-separazzjoni taż-żewġ kumpaniji, li sa dakinhar kienu dejjem operaw bħala parti mill-istess grupp. Il-Kummissjoni talbet lill-Gvern Pollakk permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Jannar 2006 biex jispjega x’kienet fir-realtà l-istrateġija tiegħu għall-Grupp tat-tarzna ta’ Gdynia.

(83)

Il-Polonja spjegat permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Frar 2006 li l-pjan ta’ konsolidazzjoni kien fil-fatt ikkunsidrat preċedentement iżda mbagħad kien ġie abbandunat, u li fi żmien qasir għandha tiġi adottata strateġija ġdida għar-ristrutturar fis-settur tal-bini tal-bastimenti Pollakk.

(84)

F’laqgħa tat-22 ta’ Frar 2006 u permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Marzu 2006, l-awtoritajiet Pollakki informaw lill-Kummissjoni li l-pjan ta’ ristrutturar tal-2004 għat-tarzna ta’ Gdańsk kien għadda żmienu u kellu jiġi emendat. L-awtoritajiet Pollakki impenjaw ruħhom li jissottomettu l-pjan ta’ ristrutturar emendat sa Ġunju 2006. Huma ppreżentaw ukoll il-karatteristiċi ewlenin tal-istrateġija l-ġdida tar-ristrutturar għas-settur tal-bini tal-bastimenti Pollakk. L-ewwelnett, it-tarzna ta’ Gdańsk kellha tiġi sseparata mit-tarzna ta’ Gdynia mill-aktar fis possibbli. It-tieni, il-Gvern kellu jippermetti injezzjoni ta’ kapital privat fit-tarzna ta’ Gdańsk bl-objettiv fit-tul li jipprivatizza t-tarzna għal kollox.

(85)

Il-Kummissjoni rċeviet l-ewwel abbozz tal-pjan ta’ ristrutturar tal-2006 fid-9 ta’ Ġunju 2006. Wara li żaret it-tarzna u ħadet l-opinjoni ta’ konsulent estern, il-Kummissjoni esprimiet tħassib serju dwar dan l-abbozz matul iż-żjara fuq il-post fl-14 ta’ Ġunju 2006 u bil-miktub fis-17 ta’ Lulju 2006, billi rrimarkat li ma kienx jidher li l-pjan ta’ ristrutturar seta’ jintlaħaq u li mhuwiex probabbli li dan jippermetti lit-tarzna tirkupra l-vijabbiltà fit-tul mingħajr distorsjoni bla bżonn tal-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni nnotat li l-istrateġija ta’ ristrutturar ma kinitx tidher li hija bbażata fuq analiżi bir-reqqa tal-profitabilità tal-attivitajiet differenti tat-tarzna fil-passat, iżda minflok assumiet li tespandi l-attività tal-bini tal-bastimenti b’mod konsiderevoli, li ma kien hemm ebda prospett reali li r-ristrutturar jiġi ffinanzjat minn riżorsi ħielsa minn għajnuna mill-Istat u, fl-aħħarnett, li minħabba n-natura espansjonista tiegħu, il-pjan naqas b’mod ċar milli jikkonforma mar-rekwiżit tal-miżuri ta’ kumpens. Filwaqt li tirreferi għad-dipendenza kontinwa fuq garanziji għall-finanzjament tal-bastimenti pprovduti mill-Korporazzjoni għall-Assigurazzjoni tal-Krediti ta’ Esportazzjoni, aġenzija tal-gvern, il-Kummissjoni wissiet lit-tarzna u lill-awtoritajiet Pollakki li dawn il-garanziji kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

(86)

Minkejja dawn it-twissijiet, il-pjan ta’ ristrutturar tal-2006 eventwalment sottomess mill-Polonja f’Settembru 2006, xahrejn tard, ma kienx differenti sostanzjalment mill-ewwel abbozz.

(87)

F’Awwissu 2006, il-maġġoranza tal-ishma fit-tarzna ta’ Gdańsk ittieħdu mill-ARP u s-sussidjarja tagħha Centrala Zaopatrzenia Hutnictwa permezz ta’ tranżazzjoni ta’ dejn għal ekwità (l-ishma tat-tarzna ta’ Gdynia fit-tarzna ta’ Gdańsk servew bħala garanziji għal self mogħti mill-ARP lit-tarzna ta’ Gdynia, li parti minnu sar pagabbli f’Ġunju 2006). Bħala riżultat, it-tarzna ta’ Gdańsk ġiet isseparata mill-Grupp tat-tarzna ta’ Gdynia.

(88)

F’laqgħa li saret fis-7 ta’ Diċembru 2006 u permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Jannar 2007, il-Kummissjoni indikat lill-awtoritajiet Pollakki li eżaminazzjoni preliminari ikkonkludiet li l-pjan ta’ ristrutturar tal-2006 għat-tarzna ta’ Gdańsk ma kien konformi ma ebda waħda mill-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tal-għajnuna għar-ristrutturar skont il-linji gwida attwali.

(89)

Waqt dik il-laqgħa l-awtoritajiet Pollakki ħabbru li huma kellhom il-ħsieb li jipprivatizzaw it-tarzna ta’ Gdańsk. Il-Polonja indikat li l-proċess tal-privatizzazzjoni kellu jitlesta sa Ġunju 2008. Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Frar 2007, il-Polonja impenjat ruħha li tipprivatizza t-tarzna ta’ Gdańsk sal-aħħar tal-2007. Waqt it-tħejjija tad-dokumenti tal-privatizzazzjoni, il-Polonja talbet lill-Kummissjoni biex toħroġ stqarrija dwar il-miżuri ta’ kumpens meħtieġa għat-tarzna ta’ Gdańsk, biex b’hekk l-investituri potenzjali jkunu jistgħu jiġu pprovduti bl-informazzjoni korretta.

(90)

Fix-xhur ta’ wara, l-amministrazzjoni tat-tarzna ta’ Gdańsk organizzat taħdidiet ma’ diversi investituri potenzjali bil-għan li jinstab investitur strateġiku għat-tarzna, li kien sejjer jakkwista ishma ġodda maħruġa fil-kumpanija, biex b’hekk jipprovdi l-fondi meħtieġa għall-proċess ta’ ristrutturar u jkun jista’ jieħu l-kontroll tal-kumpanija.

(91)

Fl-istess ħin, wara ftehim milħuq mill-awtoritajiet Pollakki f’Diċembru 2006, il-Kummissjoni kienet involuta f’diskussjonijiet intensivi mal-awtoritajiet Pollakki u t-tarzna ta’ Gdańsk bil-għan li jiġu ddeterminati l-miżuri ta’ kumpens meħtieġa. Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Frar 2007 il-Polonja impenjat ruħha li tagħlaq skal waħda fit-tarzna ta’ Gdańsk wara li jkunu tlestew l-ordnijiet pendenti, jiġifieri minn Jannar 2010.

(92)

Il-Kummissjoni talbet lit-tarzna ta’ Gdańsk biex tipprovdi informazzjoni sabiex hija tkun tista’ tiddetermina jekk din il-proposta tikkostitwix miżura ta’ kumpens ġenwina. Billi l-informazzjoni sottomessa ma kinitx kompluta u ma wrietx li l-miżuri ta’ kumpens proposti mill-Polonja għat-tarzna kienu suffiċjenti, fid-19 ta’ Lulju 2007 il-Kummissjoni adottat deċiżjoni skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 li ordnat lill-Polonja tissottometti l-informazzjoni meħtieġa sabiex issolvi l-kwistjoni tal-miżuri ta’ kumpens fit-tarzna ta’ Gdańsk.

(93)

L-awtoritajiet Pollakki wieġbu permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Awwissu 2007, fejn sostnew li l-għeluq ta’ aktar minn skal waħda ma kienitx għażla, minħabba li dan kien jagħmilha impossibbli li tiġi rkuprata l-vijabbiltà tat-tarzna fit-tul. Madankollu, l-istudju sottomess biex jappoġġa din il-pożizzjoni kien ibbażat fuq is-suppożizzjoni li ma kienet sejra tiġi implimentata ebda miżura ta’ ristrutturar jew aġġustament wara li jingħalqu l-iskali. Is-sottomissjoni Pollakka ssuġġeriet ukoll li l-proprjetarju futur tat-tarzna jista’ jikkunsidra li jixtri faċilità ta’ varar ġdida, minħabba li l-iskali użati mit-tarzna sal-lum kienu mikrija mingħand partijiet terzi. Għalhekk, permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni nnotat li l-kwistjoni tal-miżuri ta’ kumpens meħtieġa baqgħet ma ġietx solvuta u li l-Polonja għandha tinforma b’mod xieraq lill-investituri potenzjali interessati fl-akkwist tat-tarzna ta’ Gdańsk dwar l-għajnuna mill-Istat li kienet irċeviet wara li l-Polonja ssieħbet fl-Unjoni Ewropea, u dwar il-ħtieġa li jiġi ppreparat pjan ta’ ristrutturar kredibbli bbażat fuq l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ kumpens ġenwini. L-awtoritajiet Pollakki pproponew ukoll li għandu jintlaħaq qbil dwar l-ambitu u l-metodu ta’ implimentazzjoni tal-miżuri ta’ kumpens meħtieġa mal-proprjetarju l-ġdid tat-tarzna.

(94)

F’Settembru 2007 l-awtoritajiet Pollakki nedew il-proċedura tal-offerti għas-sottoskrizzjoni tal-ishma fil-kapital li kien għadu kif ġie miżjud tat-tarzna ta’ Gdańsk b’konformità mar-Riżoluzzjoni tal-Laqgħa Ġenerali Straordinarja tal-10 ta’ Awwissu 2007. ISD Polska, sussidjarja tal-kumpanija Ukraina Donbas li tipproduċi l-azzar u diġà azzjonista minoritarja fit-tarzna ta’ Gdańsk, issottomettiet offerta vinkolanti biex tixtri l-ishma l-ġodda f’Novembru 2007. L-ishma li kienu għadhom kif ġew sottoskritti kienu rreġistrati mill-qorti kompetenti f’Jannar 2008. ISD Polska xtrat ukoll ħafna mill-ishma eżistenti fit-tarzna ta’ Gdańsk mingħand it-tarzna ta’ Gdynia, l-IDA u s-sussidjarja tagħha Cenzin. Minn Jannar 2008, ISD Polska akkwistat 79 % tal-ishma fit-tarzna ta’ Gdańsk. F’April 2008 il-kumpanija prinċipali ta’ ISD Polska waqqfet sussidjarja ġdida: ISD Stocznia. Sussegwentement, l-ishma fit-tarzna ta’ Gdańsk ġew trasferiti minn ISD Polska għal ISD Stocznia, li saret il-proprjetarja formali tat-tarzna ta’ Gdańsk.

(95)

Fl-24 ta’ Jannar 2008 saret l-ewwel laqgħa bejn l-awtoritajiet Pollakki, il-Kummissjoni u s-sid maġġoritarju ġdid tat-tarzna ta’ Gdańsk – ISD Polska. Sussegwentement saru diskussjonijiet tekniċi intensivi dwar il-pjanijiet tas-sid maġġoritarju ġdid għar-ristrutturar tat-tarzna. Fil-11 ta’ Frar u fit-18 ta’ Marzu 2008 saru laqgħat addizzjonali bejn l-awtoritajiet Pollakki, rappreżentanti ta’ ISD Polska u l-Kummissjoni.

(96)

B’risposta għat-talbiet tal-Kummissjoni għall-informazzjoni, il-Polonja ssottomettiet diversi dokumenti li b’mod mhux dettaljat kienu jippreżentaw strateġiji alternattivi għal ISD Polska fir-rigward tal-investigazzjoni tal-għajnuna mill-Istat.

(97)

L-ewwelnett, il-Kummissjoni rċeviet dokument sommarju li jenfasizza xi karatteristiċi tal-istrateġija tar-ristrutturar ta’ ISD Polska għat-tarzna u fuq il-bażi tas-suppożizzjoni li l-għajnuna mill-Istat (EUR 20 miljun fl-opinjoni ta’ ISD Polska) sejra titħallas lura. Allegatament din kienet il-bażi tad-deċiżjoni ta’ ISD Polska li takkwista t-tarzna. ISD Polska indikat aktar tard waqt laqgħa fit-18 ta’ Marzu 2008 li din l-alternattiva ma kinitx għadha qiegħda tiġi kkunsidrata, peress li l-għajnuna mill-Istat li tista’ tiġi rkuprata kienet ogħla milli stmat oriġinarjament minn ISD Polska.

(98)

It-tieni, il-Kummissjoni rċeviet abbozz ta’ verżjoni tal-pjan tan-negozju li jistabbilixxi li r-ristrutturar għandu jsir skont il-Linji Gwida. Taħt dan ix-xenarju, it-tarzna għandha tkun tikkonsisti fi tliet attivitajiet: il-bini tal-bastimenti bħala l-attività ewlenija tagħha, il-produzzjoni ta’ impjanti tal-enerġija mir-riħ u l-produzzjoni ta’ strutturi tal-azzar. Fir-rigward tal-kapaċità tat-tarzna, il-pjan ipprovda għal attivitajiet li jridu jitwettqu fuq it-tliet skali eżistenti sal-2012; dawn għandhom jiġu ssostitwiti bi floating dock ġdida mill-2013. L-abbozz tal-pjan tan-negozju pprovda għal investiment ta’ EUR 183 miljun.

(99)

It-tielet, il-Kummissjoni rċeviet analiżi qasira mingħand ISD, li allegatament kienet turi li l-għeluq immedjat ta’ żewġ skali u l-limitazzjoni tax-xogħol prodott mill-2013 kellhom jipprevjenu lit-tarzna milli tirkupra l-vijabbiltà tagħha.

(100)

Ebda wieħed mid-dokumenti msemmija fuq ippreżentati mill-awtoritajiet Pollakki wara l-privatizzazzjoni ma jista’ jitqies li jikkostitwixxi pjan ta’ ristrutturar komprensiv u koeżiv kif mitlub mil-Linji Gwida.

(101)

Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ April 2008 il-Kummissjoni reġgħet talbet lill-Polonja biex tissottometti abbozz ta’ pjan għar-ristrutturar komprensiv tat-tarzna. Peress li l-informazzjoni pprovduta tqieset bħala insuffiċjenti, fit-23 ta’ Mejju 2008 il-Kummissjoni adottat deċiżjoni (11) skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 659/1999 fejn ordnat lill-Polonja tipprovdi d-dokumentazzjoni, l-informazzjoni u d-dejta kollha meħtieġa sabiex jiġi vvalutat jekk tistax tiġi rkuprata l-vijabbiltà tat-tarzna ta’ Gdańsk, u jekk iva, meta, jekk humiex sejrin jiġu implimentati miżuri ta’ kumpens suffiċjenti, jekk l-għajnuna mill-Istat hijiex sejra tkun limitata għall-minimu neċessarju u x’sejra tkun il-kontribuzzjoni proprja ħielsa mill-għajnuna mill-Istat kif mitlub mil-Linji Gwida, jiġifieri li jiġi vvalutat jekk l-għajnuna għar-ristrutturar għat-tarzna ta’ Gdańsk hijiex sejra tkun kompatibbli mas-suq komuni. Id-data tal-għeluq għas-sottomissjoni tal-informazzjoni mitluba kienet is-26 ta’ Ġunju 2008.

(102)

Waqt laqgħa li saret fl-10 ta’ Ġunju 2008 irriżulta li l-awtoritajiet Pollakki kienu qegħdin iwettqu taħditiet intensivi ma’ ISD Polska u t-tarzna ta’ Gdańsk dwar ix-xiri possibbli tat-tarzna ta’ Gdynia u l-inkorporazzjoni taż-żewġ tarzni. Il-Polonja pproponiet li jiġu implimentati miżuri ta’ kumpens fit-tarzna inkorporata u indikat li l-investitur il-ġdid kien talab għajnuna addizzjonali mill-istat bħala kundizzjoni biex jieħu sehem fil-privatizzazzjoni tat-tarzna ta’ Gdynia. Il-Polonja għarrfet ukoll lill-Kummissjoni li ISD Polska kienet qiegħda tħejji pjan ta’ ristrutturar konġunt għaż-żewġ tarzni li kellu jintbagħat lill-Kummissjoni sas-26 ta’ Ġunju 2008 wara l-inġunzjoni tal-informazzjoni Pollakk msemmija fuq.

(103)

Fuq it-talba tal-awtoritajiet Pollakki, il-Kummissjoni għarrfet lill-Polonja u lil ISD Polska waqt il-laqgħa tal-10 ta’ Ġunju 2008 u għal darb’oħra waqt il-laqgħa tat-13 ta’ Ġunju 2008 li kellhom jintlaħqu ċerti kundizzjonijiet bażiċi li kieku ISD Polska kellha tixtri t-tarzna ta’ Gdynia bl-intenzjoni li toperaha flimkien ma’ dik fi Gdańsk. Dawn il-kundizzjonijiet bażiċi kienu li ISD Polska jkollha tippreżenta pjan ta’ ristrutturar konġunt għaż-żewġ tarzni sas-26 ta’ Ġunju 2008, tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-ispejjeż tar-ristrutturar u tadotta miżuri ta’ kumpens ġenwini b’konformità mal-linji gwida rilevanti. Il-Kummissjoni qalet li l-kontribuzzjoni proposta ta’ ISD Polska għall-ispejjeż tar-ristrutturar ma kinitx suffiċjenti, wara li kkunsidrat l-ammont tal-għajnuna mill-Istat li ż-żewġ tarzni kienu rċevew fil-passat u l-għajnuna addizzjonali li ISD Polska kienet applikat għaliha b’konnessjoni mal-privatizzazzjoni.

(104)

Fis-26 ta’ Ġunju 2008 il-Kummissjoni rċeviet abbozz ta’ pjan ta’ ristrutturar datat Ġunju 2008 u mħejji minn ISD Polska bit-titolu ‘Pjan ta’ Ristrutturar għat-Tarzna l-Ġdida ta’ Gdańsk-Gdynia’, li kien jippreżenta strateġija ta’ ristrutturar konġunta għat-tarzni fi Gdańsk u Gdynia (minn hawn ‘il quddiem il-‘pjan ta’ ristrutturar konġunt (ISD)’)

(105)

Fit-12 ta’ Settembru 2008 il-Polonja ssottomettiet il-‘Pjan ta’ Ristrutturar finali għat-Tarzna l-Ġdida ta’ Gdańsk-Gdynia’ mħejji minn ISD Polska (‘il-pjan ta’ ristrutturar konġunt tat-12 ta’ Settembru’), li essenzjalment kien verżjoni aġġornata tal-pjan ta’ ristrutturar konġunt tas-26 ta’ Ġunju 2008.

(106)

Fis-6 ta’ Novembru 2008 il-Kummissjoni kkonkludiet l-investigazzjoni rigward l-għajnuna għar-ristrutturar għat-tarzna ta’ Gdynia, fejn sabet li l-għajnuna għat-tarzna ma kinitx kompatibbli mas-suq komuni u ordnat l-irkupru tagħha (12). F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni rrifjutat il-pjan ta’ ristrutturar konġunt tat-12 ta’ Settembru, billi ma kienx intwera li dan il-pjan kien sejjer jirkupra l-vijabbiltà fit-tul taż-żewġ tarzni li joperaw fi ħdan grupp wieħed, li l-għajnuna kienet sejra tkun limitata għall-minimu neċessarju u li kienu sejrin jiġu pprovduti miżuri sabiex tiġi limitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni maħluqa mill-għajnuna.

(107)

F’Novembru 2008 il-Kummissjoni rċeviet abbozz ta’ pjan ta’ ristrutturar waħdieni għat-tarzna ta’ Gdańsk imħejji minn ISD Polska. Wara korrispondenza intensiva bejn il-Kummissjoni, l-awtoritajiet Pollakki u ISD Polska, fit-8 ta’ Mejju 2009 il-Kummissjoni rċeviet il-pjan ta’ ristrutturar finali għat-tarzna ta’ Gdańsk, bit-titolu ‘Pjan ta’ Ristrutturar għat-tarzna ta’ Gdańsk - verżjoni riveduta tal-pjan tal-5 ta’ Diċembru 2008 ’ u datat is-7 ta’ Mejju 2009 (‘il-Pjan ta’ Ristrutturar tal-2009’).

5.   Il-Pjan ta’ Ristrutturar tal-2009

(108)

Il-Pjan ta’ Ristrutturar tal-2009 ifakkar il-fatt li l-Pjan ta’ Ristrutturar tal-2006 ma rnexxilux jirkupra l-vijabbiltà tat-tarzna u jidentifika l-kawżi tad-diffikultajiet finanzjarji attwali tat-tarzna. Huwa jisħaq dwar il-fatt li t-tarzna ma ġietx ipprivatizzata fl-2006 u li l-kapital tat-tarzna ma ġiex miżjud għal livelli li jippermettu li jsir ir-ristrutturar. Il-pjan jidentifika fatturi makroekonomiċi bħall-apprezzament taz-zloty Pollakka kontra d-dollaru Amerikan, iż-żieda fil-prezzijiet tal-azzar u fatturi esterni bħat-tluq ta’ ħaddiema kwalifikati mit-tarzna, assenteiżmu għoli, organizzazzjoni fqira u produttività baxxa.

(a)   L-istrateġija tal-bejgħ

(109)

Il-pjan huwa bbażat fuq suppożizzjoni li t-tarzna sejra tiddiversifika l-attivitajiet tagħha. Huwa assunt li l-kumpanija sejra tipproċessa madwar [… aktar minn 100] (*2) elf tunnellata ta’ azzar kull sena: [… madwar 15 %] tunnellata għall-bini tal-bastimenti, [… madwar 40 %] tunnellata għall-produzzjoni tal-enerġija mir-riħ u [… madwar 45 %] tunnellata għall-produzzjoni ta’ strutturi tal-azzar.

(110)

Fir-rigward tan-negozju tal-bini tal-bastimenti, ISD Polska sejra timmira għas-segment tas-suq tal-bwieq mgħammra parzjalment tal-bastimenti speċjalisti off-shore u tal-bastimenti speċjalisti sismiċi.

(111)

L-analiżi tas-suq hija bbażata fuq paragun mal-produzzjoni ta’ tarzni Ewropej oħrajn u l-esperjenza tat-tarzna ta’ Gdańsk. Skont dan il-pjan, it-tarzna għandha tikkonċentra fuq il-produzzjoni ta’ bastimenti off-shore u sismiċi mgħammra parzjalment bħala sottokuntrattur ta’ tarzni oħrajn. Il-Pjan ta’ Ristrutturar tal-2009 jiddeskrivi l-esperjenza preċedenti tat-tarzna ta’ Gdańsk fil-bini ta’ bwieq għal bastimenti off-shore u jispjega li t-tarzna għandha ordnijiet għal bastimenti ta’ dan it-tip.

(112)

Skont il-portafoll tal-produzzjoni ppjanata, sejrin jiġu prodotti sa […] bwieq/bastimenti kull sena. It-tarzna qiegħda tippjana li tikkonkludi ftehimiet ta’ kooperazzjoni fit-tul ma’ tarzni li jispeċjalizzaw fis-segment tal-bastimenti off-shore u li jibnu partijiet ta’ bastimenti kompluti għal dawn it-tarzni.

(113)

Fir-rigward tan-negozju tagħha mhux relatat mal-bini tal-bastimenti, ISD Polska għandha l-ħsieb li tibda l-produzzjoni ta’ torrijiet tar-riħ u strutturi tal-azzar. Skont dan il-pjan, il-produzzjoni tal-enerġija mir-riħ għandha tibda fl-2012 f’[…] torrijiet tar-riħ, li jitilgħu sa […] torrijiet tar-riħ mill-2015 (b’għoli ta’ 80 metru).

(114)

Il-pjan jipprovdi għall-produzzjoni ta’ diversi strutturi tal-azzar (eż. jibs, prefabbrikati, strutturi għall-ħżin, strutturi tal-azzar għall-industrija tal-bini), li tiżdied minn […aktar minn 10 000] tunnellata fl-2008 għal [… aktar minn 50 000] tunnellata mill-2013 (13).

(115)

Il-pjan ta’ ristrutturar jiddeskrivi l-għarfien ta’ ISD Polska (jew ta’ kumpaniji oħrajn li jappartjenu għall-grupp Donbas) fil-qasam tal-istrutturi tal-azzar. Jipprovdi sabiex parti mill-produzzjoni tiċċaqlaq minn Huta Częstochowa għat-tarzna ta’ Gdańsk. Il-pjan jiġbor fil-qosor ir-riżultati ta’ studju tas-suq minn konsulent indipendenti mwettaq bi tħejjija għall-iżvilupp tas-segment tal-istrutturi tal-azzar fit-tarzna ta’ Gdańsk wara d-dħul ta’ ISD Polska fil-bidu tal-2007. L-istudju jbassar tkabbir fis-segment tal-istrutturi tal-azzar fl-Ewropa, u b’mod partikolari fil-Polonja (pereżempju l-iżvilupp ta’ infrastruttura bl-għajnuna tal-Fondi Strutturali). Il-pjan jispjega li t-tarzna ta’ Gdańsk għandha l-potenzjal li tiżviluppa attività ta’ strutturi tal-azzar fid-dawl tat-tkabbir antiċipat fis-suq għall-istrutturi tal-azzar, il-lokazzjoni tajba tat-tarzna ħdejn il-baħar, li tippermetti trasport irħis, u l-esperjenza miksuba minn ISD Polska Group.

(116)

ISD Polska bdiet il-produzzjoni tal-istrutturi tal-azzar fit-tarzna ta’ Gdańsk immedjatament wara li ħadet f’idejha t-tarzna. Fl-2008 it-tarzna biegħet madwar [… aktar minn 10] elf tunnellata ta’ strutturi tal-azzar, primarjament partijiet ta’ torrijiet tar-riħ.

(117)

Il-Pjan ta’ Ristrutturar tal-2009 jinkludi diversi previżjonijiet għall-volum tal-produzzjoni ta’ strutturi tal-azzar, kif muri fit-Tabella 2 li ġejja.

Tabella 2:

Produzzjoni ppjanata ta’ strutturi tal-azzar f’tunnellati (Pjan ta’ Ristrutturar tal-2009)

Prodotti

2008

2009

2010

2011

2012

2013

2014

Jibs

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Prefabbrikati

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Strutturi għall-ħżin

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Strutturi tal-azzar għall-bini

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Total

[… aktar minn 10 000 ]

[…]

[…]

[…]

[…]

[… aktar minn 50 000 ]

[… aktar minn 50 000 ]

b   Ristrutturar industrijali u operattiv

(118)

Il-Pjan ta’ Ristrutturar tal-2009 josserva li l-assi tal-produzzjoni tat-tarzna ddeterjoraw b’mod sinifikanti u jinsabu fil-livell tat-tarzni Ewropej fil-bidu tas-snin disgħin. L-investimenti ppjanati jammontaw għal PLN [… inqas minn 100] miljun għall-bini tal-bastimenti u PLN [… madwar 200] miljun għall-produzzjoni mhux relatata mal-bini tal-bastimenti (PLN […] miljun għat-torrijiet tar-riħ u PLN […] miljun għal strutturi tal-azzar).

(119)

L-investimenti fil-bini tal-bastimenti sejrin jiġu implimentati bejn l-2009 u l-2011. Il-komponenti ewlenin (14) huma investimenti f’infrastruttura ġdida ta’ varar, portals għall-qtugħ, l-ipproċessar u l-ventilazzjoni tal-panewijiet. Dawn l-investimenti, flimkien ma’ bidliet organizzattivi, għandhom jirriżultaw f’titjib fil-produttività mill-45 persuna-siegħa/CGT attwali għall-mira ta’ 27 persuna-siegħa/CGT (15).

(120)

Il-ħtiġijiet organizzattivi ewlenin huma identifikati fl-oqsma li ġejjin: il-bejgħ (kuntratti), ix-xiri ta’ materjali u servizzi, il-kapaċitajiet tad-disinn, il-produzzjoni, ir-riżorsi umani u t-teknoloġija tal-informatika.

(121)

Il-Pjan ta’ Ristrutturar tal-2009 jipprevedi l-ħolqien ta’ Ċentru tal-Ippjanar inkarigat mill-ippjanar tal-produzzjoni b’mod effiċjenti fil-livelli kollha tal-organizzazzjoni tat-tarzna. Huwa mfassal biex jeqred in-nuqqasijiet fl-ippjanar, l-iskedar, l-ibbaġitjar u l-monitoraġġ tal-proċess tal-produzzjoni.

(122)

Fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti, ISD Polska għandha l-ħsieb li tintroduċi klawżoli ta’ indiċjar sabiex tipproteġi lit-tarzna minn żidiet fil-prezzijiet għall-materjali u l-pagi billi tittrasferixxi r-riskju lil sid il-bastiment. It-tarzna għandha wkoll il-ħsieb li tnaqqas il-penalitajiet imposti għad-dewmien fil-kostruzzjoni. It-tarzna għandha tintroduċi mudell ta’ kuntratt ġdid. Estratti minn xi kuntratti eżistenti tal-bini tal-bastimenti kienu mehmuża mal-Pjan ta’ Ristrutturar bil-għan li juru li t-tarzna tista’ tinnegozja klawżoli ta’ indiċjar li jassiguraw ir-riskju tal-varjazzjonijiet fil-prezzijiet tal-azzar.

(123)

Sabiex tipproteġi lilha nnifisha mir-riskju tal-varjazzjonijiet fil-kambju, it-tarzna għandha l-ħsieb li tintroduċi l-infrastruttura meħtieġa, wara li tkun identifikat l-ispejjeż u d-dħul li jiġġeneraw riskji relatati mal-kambju u wara li tkun iddefinixxiet l-espożizzjoni permessibbli għal dawn ir-riskji. Il-Pjan ta’ Ristrutturar jipproponi li jindirizza dan ir-riskju b’erba’ pilastri: li jikkunsidra dan ir-riskju meta jiġi biex jiddefinixxi l-istrateġija tat-tarzna (definizzjoni tat-tolleranza tar-riskju, il-kontroll tar-riskju), jaġġusta l-istruttura organizzattiva, juża t-teknoloġija tal-informatika u jadotta diversi metodi ta’ limitazzjoni tar-riskji (hedging naturali, klawżoli ta’ indiċjar fil-kuntratti u x-xiri ta’ prodotti finanzjarji bħal opzjonijiet tal-valuta u forwards). Il-pjan jiddeskrivi l-proposta tal-politika tal-hedging tal-valuta f’aktar dettall. Huwa jidentifika tliet strumenti tal-hedging li għandha tuża t-tarzna (hedging naturali, tranżazzjonijiet fx forwards u opzjonijiet tal-valuta); huwa jikkwantifika l-espożizzjoni tal-ktieb tal-ordnijiet għar-riskji tal-valuta sal-2012 u jistma l-ispejjeż ta’ dawn l-istrumenti tal-hedging fuq dik il-bażi. Skont il-pjan, ISD Polska kkuntattjat numru ta’ banek, li, bil-għan li jippreparaw offerti ta’ hedging, talbu lil ISD biex tissottometti strateġija ta’ hedging sodisfaċenti. Skont il-pjan, din l-istrateġija għandha titfassal matul l-ewwel sitt xhur tar-ristrutturar.

(124)

Fil-qasam tal-produzzjoni, l-għan huwa li tiġi indirizzata l-problema tal-loġistika ineffiċjenti li tirriżulta mid-distanzi twal bejn iż-żona tal-prefabbrikazzjoni u l-faċilitajiet tal-assemblaġġ tal-bastimenti. Il-pjan jipproponi li tinbidel l-istruttura tat-tarzna u li tiġi riveduta t-teknoloġija tal-bini tal-bastimenti. Sabiex tqassar iċ-ċiklu tal-produzzjoni tal-bastimenti, it-tarzna sejra tassigura provvista aħjar ta’ materjali u l-funzjonament mingħajr xkiel tal-proċess tal-produzzjoni, bir-riżervi tax-xogħol potenzjali jirriżultaw min-natura ċiklika tal-produzzjoni tal-bini tal-bastimenti użati fin-negozju aktar flessibbli tal-istrutturi tal-azzar.

(125)

F’dak li għandu x’jaqsam max-xiri u l-ġestjoni tal-materjali, l-għan ewlieni huwa li jitnaqqsu l-ispejjeż. Il-miżuri ta’ ristrutturar jinkludu l-ġestjoni ta’ database waħdanija u koeżiva tal-materjali, ix-xiri skont il-pjan tal-produzzjoni, l-implimentazzjoni ta’ ftehimiet ta’ qafas u rkanti elettroniċi sabiex isir tfaddil, il-ġestjoni tal-istokks, ix-xiri ta’ materjali billi ssir għażla minn mill-inqas tliet offerti, kooperazzjoni fix-xiri ma’ Huta Częstochowa eċċ.

(126)

Fil-qasam tal-IT, it-tarzna qiegħda tippjana li timpjega u tħarreġ ħaddiema kwalifikati, testendi l-użu ta’ u timmodernizza t-teknoloġija tal-informatika eżistenti u tintroduċi sistema ta’ IT waħdanija fit-tarzna li tkun integrata mal-unitajiet organizzattivi kollha jew kważi kollha.

(127)

Fil-qasam tal-impjiegi, l-għan huwa li jiġu indirizzati r-rati għolja tar-rotazzjoni u l-assenteiżmu. ISD Polska qiegħda tippjana li tikkoopera ma’ aġenzija tar-reklutaġġ lokali. Internament, il-pjan jistabbilixxi linji politiċi għall-iżvilupp fil-karrieri, l-introduzzjoni ta’ sistema motivazzjonali ta’ rimunerazzjoni (ġestjoni tas-sahra, l-evalwazzjoni tal-impjegati, il-monitoraġġ tal-assenteiżmu, rimunerazzjoni bbażata fuq il-proġetti u l-prontezza u l-kwalità tal-implimentazzjoni) u l-iżvilupp tal-identità tal-kumpanija. Il-pjan jgħid li n-numru ta’ impjegati għandu jitnaqqas.

(128)

Fl-aħħar tal-2008 il-kumpanija kienet timpjega 2 235 persuna. Fi kliem ieħor, in-numru ta’ impjegati tnaqqas b’658 mill-2 893 persuna fl-aħħar tal-2006.

(129)

Il-pjan jipprevedi tnaqqis sa tmiem l-2011 fin-numru ta’ impjegati involuti direttament fil-produzzjoni b’[…] u fin-numru ta’ impjegati fl-amministrazzjoni u persuni oħrajn b’kuntratti permanenti b’[…]. Min-naħa l-oħra, il-kumpanija qiegħda tippjana li żżid gradwalment l-impjiegi fl-attivitajiet mhux relatati mal-bini tal-bastimenti b’madwar […] ħaddiema (fl-2013) fil-produzzjoni tal-enerġija bit-torrijiet tar-riħ u b’[…] ħaddiema (fl-2013) fin-negozju tal-istrutturi tal-azzar. Bħala riżultat, in-numru ta’ persuni impjegati mill-kumpanija sejjer jitnaqqas b’[…]. Il-mira ppjanata ta’ impjieg fis-settur tal-bini tal-bastimenti hija [… inqas minn 1 500] ħaddiema.

(130)

Il-pjan rivedut jinkludi kalkolu tal-ispejjeż u l-effetti tar-ristrutturar fl-impjiegi.

(131)

Fil-qasam tal-attivitajiet tad-disinn, il-pjan jipprevedi li l-ħidma tal-uffiċċju tad-disinn għandha tiġi razzjonalizzata u li għandhom jitjiebu r-rabtiet mal-proċess tal-produzzjoni. Il-pjan jassumi li sejrin jinxtraw strumenti u sistemi addizzjonali għall-uffiċċju tad-disinn; madankollu, f’dak li jikkonċerna l-bini tal-bastimenti, il-pjan jassumi li sejrin jiġu implimentati proġetti standardizzati, biex b’hekk jitnaqqsu l-ispejjeż marbuta mal-iżvilupp ta’ disinji ġodda.

(132)

Il-pjan jinkludi deskrizzjoni qasira u ġenerali tal-effetti mixtieqa ta’ dawn il-miżuri ta’ ristrutturar organizzattiv u jikkwantifikhom f’sommarju meta jasserixxi li t-titjib fil-produttività minħabba dawn il-miżuri sejjer ikun ta’ madwar 12-il persuna-siegħa/CGT (16).

(c)   Ristrutturar finanzjarju

(133)

Fil-qasam tar-ristrutturar finanzjarju, il-pjan jipprovdi għal għajnuna ġdida mill-Istat fil-forma ta’ injezzjoni ta’ kapital ta’ PLN 46,7 miljun u self ta’ PLN 103,3 miljun. B’kollox, l-għajnuna l-ġdida sejra tammonta għal PLN 150 miljun (valur nominali).

(d)   Spejjeż tar-ristrutturar u l-kontribuzzjoni proprja

(134)

Il-pjan ta’ ristrutturar tal-2009 jikkwantifika l-ispejjeż tar-ristrutturar imġarrba mit-tarzna ta’ Gdańsk fil-passat (wara l-1 ta’ Mejju 2004) għal PLN 405 miljun. L-investimenti ppjanati jammontaw għal PLN [… madwar 300] miljun. Il-pjan jipprovdi għall-ħlas lura ta’ djun pubbliċi akkumulati ta’ PLN 95,3 miljun u ta’ obbligazzjonijiet ċivili akkumulati ta’ PLN […] miljun. L-ispejjeż tar-ristrutturar fl-impjiegi mistennija jammontaw għal PLN […] miljun. Huwa assunt li sejjer ikun hemm bżonn PLN […] miljun sabiex jiġu bbilanċjati l-finanzi tat-tarzna (kopertura tat-telf li sar fil-passat, provvediment ta’ likwidità suffiċjenti u kapital). B’kollox, l-ispejjeż tar-ristrutturar sejrin jammontaw għal PLN [… aktar minn 1 000] miljun.

(135)

Il-pjan jassumi li PLN [… madwar 500] miljun sejrin ikunu ffinanzjati minn riżorsi ħielsa mill-għajnuna, jiġifieri kontribuzzjoni proprja. Dan l-ammont jinkludi PLN 305 miljun fil-forma ta’ injezzjoni ta’ kapital ipprovduti minn ISD Polska (diġà rreġistrati u mħallsa), PLN […] miljun mill-bejgħ u l-kiri ta’ assi żejda u PLN […] miljun minn self ta’ investiment li jrid jinkiseb mis-suq u mfassla biex jiffinanzjaw investimenti fl-attivitajiet mhux relatati mal-bini tal-bastimenti.

(136)

Fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ u l-kiri tal-assi, it-tarzna qiegħda tippjana li tbigħ l-ishma tagħha f’Kuznia Gdańsk ([…] % tal-ishma). It-tarzna bdiet in-negozjati ma’ xerrejja potenzjali u rċeviet offerta għall-ishma, li ttieħdet f’kunsiderazzjoni fil-pjan ta’ ristrutturar. L-ammont offrut kien ta’ PLN […] miljun. Barra minn hekk, it-tarzna qiegħda tippjana li tikri assi lil kumpaniji kooperattivi ġirien, bi dħul stmat (fuq il-bażi tal-ftehimiet tal-kiri eżistenti) ta’ PLN […] miljun mill-kiri tal-art (2009-12) u PLN […] miljun mill-kiri tal-faċilitajiet tal-produzzjoni (2009-12).

(137)

Fir-rigward tas-self għall-investiment ta’ PLN […] miljun għall-iżvilupp tal-produzzjoni tal-enerġija bit-torrijiet tar-riħ, dan in-negozju sejjer ikun operat minn kumpanija bi skop speċjali.

(138)

Sabiex juru li l-produzzjoni tal-enerġija bit-torrijiet tar-riħ sejra tattira kapital estern, l-awtoritajiet Pollakki ssottomettew garanziji kundizzjonali minn żewġ banek sabiex jipprovdu l-finanzjament lil ISD Stocznia għal dan il-proġett bid-data tal-1 ta’ Ġunju 2009. Wara li rrevedew il-pjan tan-negozju għall-produzzjoni tat-torrijiet tar-riħ u l-projezzjonijiet finanzjarji, il-banek iddikjaraw li huma kienu jikkunsidraw is-suppożizzjonijiet finanzjarji li fuqhom huwa bbażat il-pjan tan-negozju bħala li jirriflettu l-kundizzjonijiet attwali tas-suq, li l-proġett tat-torrijiet tar-riħ kellu potenzjal sinifikanti u li huma kienu jqisu dan il-proġett bħala wieħed vijabbli u profittabbli.

(139)

L-impenji tal-banek li jipprovdu l-finanzjament għall-proġett tat-torrijiet tar-riħ huma suġġetti għall-issodisfar tal-kundizzjonijiet li ġejjin: a) deċiżjoni pożittiva mill-Kummissjoni rigward il-Pjan ta’ Ristrutturar tal-2009 għat-tarzna ta’ Gdańsk, b) li ISD Stocznia tikseb il-permessi amministrattivi kollha meħtieġa biex timplimenta l-proġett tat-torrijiet tar-riħ, c) garanziji fil-forma ta’ ipoteka fuq żona magħżula tat-tarzna ta’ Gdańsk u d) deċiżjoni pożittiva fir-rigward tal-finanzjament tal-proġett mill-kumitat tas-self tal-Bank u l-bord ta’ tmexxija. Wieħed mill-banek qal li huwa lest li jiffinanzja sa PLN […] miljun u l-ieħor huwa ppreparat biex jipprovdi sa PLN […] miljun, jiġifieri PLN […] miljun b’kollox. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Pollakki ssottomettew ftehim bejn iż-żewġ banek u ISD Stocznia, li fih il-banek iddikjaraw li huma lesti li jagħtu kreditu ta’ konsorzju jew żewġ krediti paralleli biex jiffinanzjaw il-proġett. Il-banek ikkonfermaw li l-finanzjament tagħhom sejjer jiġi pprovdut fil-kundizzjonijiet prevalenti tas-suq mingħajr ebda garanzija mill-Istat.

(e)   Projezzjonijiet finanzjarji

(140)

Il-projezzjonijiet finanzjarji tal-pjan huma bbażati fuq is-suppożizzjonijiet li ġejjin, l-aktar mill-estimi magħmula mill-esperti esterni.

(141)

Is-suppożizzjonijiet sottostanti għall-projezzjonijiet finanzjarji stabbiliti fil-Pjan ta’ Ristrutturar tal-2009 huma ppreżentati fit-Tabella 3.

Tabella 3

Suppożizzjonijiet sottostanti għall-projezzjonijiet finanzjarji stabbiliti fil-Pjan ta’ Ristrutturar tal-2009

 

2009

2010

2011

2012

2013

2014

2015

2016

2017

2018

Inflazzjoni

1,80  %

2,13  %

2,44  %

2,31  %

2,28  %

2,26  %

2,24  %

2,19  %

2,15  %

2,11  %

WIBOR 3M

3,42  %

3,34  %

3,69  %

3,85  %

3,85  %

3,85  %

3,85  %

3,85  %

3,85  %

3,85  %

USD/PLN

3,00

2,70

2,50

2,35

2,32

2,32

2,32

2,32

2,32

2,32

EUR/PLN

3,90

3,75

3,50

3,30

3,25

3,25

3,25

3,25

3,25

3,25

Prezzijiet tal-azzar (EUR)

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Tibdil fil-prezzijiet tal-enerġija

[…] %

[…] %

[…] %

[…] %

[…] %

[…] %

[…] %

[…] %

[…] %

[…] %

(142)

Is-suppożizzjonijiet li jikkonċernaw bidliet fil-prezzijiet tal-konsumatur u l-livell medju annwali ta’ WIBOR 3M kienu bbażati fuq il-previżjoni ta’ Global Insight tas-6 ta’ Frar 2009 (17). Għar-rati tal-kambju, il-previżjoni kienet ispirata minn rapport ta’ Goldman Sachs, li bassar li l-PLN kienet sejra tapprezza kontra l-munita euro matul l-erba’ snin li kienu ġejjin, fejn kienet sejra tilħaq livell ta’ PLN/EUR 3.25.

Attività tal-bini tal-bastimenti

(143)

Il-pjan jantiċipa żieda fis-salarji fis-settur tal-bini tal-bastimenti. Il-paga kienet mistennija li tkun [… madwar 15 %] ogħla fl-2009 milli kienet fl-2007. Fis-snin li ġejjin, iż-żieda antiċipata fil-pagi tammonta għal […] % fis-sena Il-pjan ta’ ristrutturar jinnota li, bħala riżultat tal-kriżi finanzjarja u l-likwidazzjoni taż-żewġ tarzni Pollakki l-oħrajn fi Szczecin u Gdynia, l-aspettattivi finanzjarji tal-ħaddiema naqsu bil-bosta u għalhekk jidher raġonevoli li wieħed jassumi li ż-żidiet fil-pagi matul is-snin li ġejjin sejrin ikunu modesti.

(144)

Il-projezzjonijiet finanzjarji huma bbażati fuq is-suppożizzjoni li l-attività tal-bini tal-bastimenti, jiġifieri l-kunsinna ta’ 6 bastimenti offshore mgħammra parzjalment kull sena, sejrin jiġġeneraw 30 % tad-dħul tat-tarzna. Id-dħul antiċipat huwa bbażat fuq il-prezzijiet miftiehma fil-kuntratti eżistenti tat-tarzna, l-ittri ta’ intenzjoni u sorsi oħrajn fis-suq. Il-pjan jassumi li d-dħul mill-bini tal-bastimenti sejjer jammonta għal PLN [… aktar minn 300] miljun fl-2009, u għal PLN [… madwar 300] miljun p.a fil-perjodu 2011-15. It-tarzna qiegħda tistenna li tiġġenera profitti matul il-perjodu ta’ ristrutturar (PLN […] miljun fl-2009, PLN […] miljun fl-2010, PLN […] miljun fl-2011 u aktar minn PLN […] miljun fis-snin li ġejjin). Il-pjan qiegħed jipprevedi likwidità pożittiva mill-2009, billi jikkalkula l-valur nett totali preżenti tan-negozju tal-bini tal-bastimenti għall-perjodu 2009-18, wara li ħa wkoll f’kunsiderazzjoni l-valur residwu ta’ dan l-investiment, għal PLN [… bejn 400 u 500] miljun. Ir-rata interna mistennija ta’ ritorn tammonta għal [… aktar minn 20 %].

Il-produzzjoni tat-torrijiet tar-riħ

(145)

Il-pjan ta’ ristrutturar jassumi li l-produzzjoni sejra tibda fl-2012 bi produzzjoni ta’ […] torrijiet, u sussegwentement sejra tiżdied għal […] torrijiet fl-2013, […] torrijiet fl-2014 u l-kapaċità fil-mira ta’ […] torrijiet fl-2015.

(146)

Il-pjan jassumi li d-dħul mill-produzzjoni tat-torrijiet tar-riħ sejjer jammonta għal PLN […] miljun fl-2012 u fis-snin li ġejjin sejjer jiżdied għal livell ta’ aktar minn PLN […] miljun mill-2015 ‘il quddiem. Il-kumpanija ressqet evidenza li t-tarzna sejra tkun tista’ tikseb il-materjali meħtieġa mill-grupp ISD bi prezzijiet denominati fil-munita euro. Peress li l-materjali sejrin jammontaw għal […] % tal-ispejjeż tal-produzzjoni tat-torrijiet tar-riħ, ebda politika ta’ hedging addizzjonali ma titqies bħala neċessarja għal din l-attività.

(147)

Il-valur nett preżenti stmat tan-negozju tat-torrijiet tar-riħ huwa ta’ PLN [… aktar minn 200] miljun u r-rata interna tar-ritorn għal [… madwar 20] % (għall-perjodu 2009-18).

Strutturi tal-azzar

(148)

Il-pjan jantiċipa żieda sinifikanti fid-dħul min-negozju tal-istrutturi tal-azzar, li tiżdied minn PLN […] miljun fl-2009 għal PLN […] miljun fl-2010, PLN […] miljun fl-2011, PLN […] miljun fl-2012 u madwar PLN […] miljun fis-snin li ġejjin. Il-marġini gross mistennija jiżdiedu minn […] % fl-2009 għal aktar minn […] % mill-2013. Il-pjan jiġġustifika din is-suppożizzjoni b’referenza għall-għarfien u l-esperjenza eżistenti ta’ ISD Polska fin-negozju tal-istrutturi tal-azzar. Madankollu, il-pjan josserva wkoll li l-marġini antiċipati huma stima konservattiva u huma aktar baxxi mill-marġini attwalment miksuba minn ISD Polska fl-2008 (18). Il-valur nett preżenti stmat jammonta għal PLN [… madwar 200] miljun għall-perjodu 2009-18 u r-rata interna tar-ritorn għal [… aktar minn 50] % (kull sena). Din ir-rata interna għolja ta’ ritorn ġejja mill-fatt li l-kalkolu ma jikkunsidrax l-investimenti magħmula sal-lum minn ISD Polska (b’mod partikolari l-injezzjoni tal-kapital ta’ PLN 305 miljun fit-tarzna ta’ Gdańsk), iżda hija bbażata fuq id-dħul mill-produzzjoni tal-istrutturi tal-azzar mill-2009. Minbarra dan, il-kumpanija ssostni li din ir-rata interna għolja ta’ ritorn hija kkawżata minn sinerġiji bejn it-tarzna u l-grupp ISD, li bis-saħħa tagħhom jista’ jiġi garantit dħul sinifikanti mill-assi tat-tarzna anki b’investimenti limitati.

(149)

Il-kumpanija ressqet evidenza li t-tarzna sejra tkun tista’ tikseb il-materjali meħtieġa mill-grupp ISD bi prezzijiet denominati fil-munita euro. Peress li l-materjali sejrin jammontaw għal […] % tal-ispejjeż marbuta mal-produzzjoni tat-torrijiet tar-riħ, ebda politika ta’ hedging addizzjonali ma titqies bħala neċessarja għal din l-attività.

Attività konsolidata

(150)

Il-perjodu mistenni għall-ħlas lura huwa […] snin (f’valuri nominali) u […] snin f’termini skontati. Skont il-projezzjonijiet finanzjarji tal-pjan, il-ħlas lura skontat (b’kunsiderazzjoni tal-valur dejjem jinbidel tal-flus matul iż-żmien) sejjer jinkiseb fi […] snin wara d-dħul tal-investitur, jiġifieri fl-2017. Dan il-kalkolu jikkunsidra biss l-espożizzjoni finanzjarja tal-investitur (PLN […] miljun: injezzjoni ta’ kapital ta’ PLN 305 miljun u PLN […] miljun għax-xiri tal-ishma eżistenti).

(151)

Il-valur nett preżenti stmat tal-proġett b’mod ġenerali huwa ta’ madwar PLN [… aktar minn 800] miljun għall-perjodu 2009-18 u r-rata interna tar-ritorn hija [… aktar minn 20] %.

(152)

ISD Polska tindika li dawn ir-riżultati finanzjarji huma attraenti ħafna għall-investituri. Il-proġett jiġġenera sinerġija għall-grupp ISD. It-tliet attivitajiet kollha tat-tarzna ta’ Gdańsk sejrin joħolqu domanda għall-prodotti ta’ Huta Czestochowa. Din l-integrazzjoni vertikali sejra tippermetti tbassir aktar preċiż tad-domanda f’Huta Czestochowa u sejra tkun ukoll ta’ benefiċċju għat-tarzna ta’ Gdańsk, li sejra jkollha provvisti regolari garantiti, inkluż saħansitra xi prefabbrikati prodotti f’Huta Czestochowa għall-bini tal-bastimenti.

(153)

Il-pjan ta’ ristrutturar tal-2009 jinkludi analiżi tas-sensittività li tiskrutinizza l-effett ta’ ċerti bidliet fis-suppożizzjonijiet ewlenin li jsostnu l-EBIDTA ta’ 10 snin u l-profitti akkumulati ta’ 10 snin. B’mod partikolari, il-pjan juri l-konsegwenzi finanzjarji tal-fatturi ta’ riskju li ġejjin:

—

apprezzament ulterjuri fil-PLN għal PLN 3,0 għal EUR 1 fil-perjodu 2009-12;

—

żieda addizzjonali fl-ispiża tal-impjiegi b’200 b.p. ‘il fuq mix-xenarju tal-bażi;

—

prezzijiet tal-azzar 10 % ogħla milli previst fix-xenarju tal-bażi;

—

inqas effiċjenza milli previst fix-xenarju tal-bażi.

Il-materjalizzazzjoni ta’ kwalunkwe wieħed minn dawn il-fatturi sejra żżid il-perjodu tal-ħlas lura minn […] snin previst fix-xenarju tal-bażi għal […] snin. Il-kumpanija ssostni li dan ir-riżultat jindika li l-pjan mhuwiex vulnerabbli għall-kundizzjonijiet dejjem jinbidlu tas-suq. Fix-xenarji kollha, il-valur nett preżenti tal-proġett jibqa’ attraenti.

(f)   Evitar ta’ distorsjoni żejda tal-kompetizzjoni

(154)

Sabiex jillimita d-distorsjoni tal-kompetizzjoni maħluqa mill-għajnuna, il-Pjan ta’ Ristrutturar tal-2009 jipprovdi għall-implimentazzjoni tal-miżuri li ġejjin. L-ewwelnett, it-tarzna sejra tagħlaq tnejn mit-tliet skali użati bħalissa, li huma assi tal-produzzjoni użati għall-varar tal-bastimenti u indispensabbli għall-attivitajiet tal-bini tal-bastimenti. It-tarzna diġà temmet il-ftehim tal-kiri għal skal B5 (mill-1 ta’ Lulju 2009) u għal skal B3 (mill-1 ta’ Jannar 2010).

(155)

It-tieni, it-tarzna ntrabtet li ma tużax aktar minn faċilità waħda ta’ varar. Jekk it-tarzna tixtri jew tikseb b’mod ieħor l-aċċess għal (pereżempju permezz ta’ kiri jew self) faċilità oħra ta’ varar, hija tieħu l-iskal B1 barra mill-proċess tal-produzzjoni (jiġifieri, kif inhi s-sitwazzjoni fil-ħin tad-deċiżjoni, hija għandha twaqqaf il-ftehim tal-kiri mal-proprjetarju ta’ skal B1). Kwalunkwe faċilità oħra ta’ varar użata mit-tarzna sejra jkollha kapaċità ta’ mhux aktar minn madwar 100 000 CGT.

(156)

Fl-aħħarnett, it-tarzna ntrabtet li tikkonforma ma’ limitu ta’ produzzjoni annwali ta’ 100 000 CGT għal 10 snin wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

6.   Għajnuna mill-Istat mogħtija lit-tarzna ta’ Gdańsk

(157)

Skont l-awtoritajiet Pollakki, mill-1 ta’ Mejju 2004 it-tarzna ta’ Gdańsk bdiet tirċievi għadd ta’ miżuri ta’ għajnuna mill-Istat li huma elenkati fit-Tabella 4 hawn taħt (ara wara l-premessa 174).

(158)

It-tabella 4 tistabbilixxi l-għajnuna mogħtija wara l-1 ta’ Mejju 2004, id-data tas-sħubija tal-Polonja fl-UE. In-notifika ta’ ħafna minn dawn il-miżuri ngħatat mill-Polonja permezz ta’ ittri tat-13 ta’ Lulju 2007 u tad-9 ta’ Jannar 2008. Lista aġġornata ta’ dawn il-miżuri kienet mehmuża mal-Pjan ta’ Ristrutturar tal-2009 (Anness 12). Il-lista tinkludi wħud mill-miżuri deskritti fil-parti B tal-Anness I għad-deċiżjoni li tinfetaħ investigazzjoni formali.

(159)

Il-Polonja pprovdiet spjegazzjonijiet addizzjonali dwar ir-ristrutturar tal-obbligazzjonijiet taħt il-Kapitolu 5a. L-awtoritajiet Pollakki spjegaw li t-tarzna ttrasferiet lill-Operatur (19) assi li jikkorrispondu għal 31,6 % tal-valur tal-obbligazzjonijiet trasferiti lill-Operatur ARP Sp. z o.o. (20). Skont il-Polonja, l-element tal-għajnuna huwa għalhekk ekwivalenti għal 68,4 % tal-valur nominali tal-obbligazzjonijiet trasferiti lill-Operatur. Dan il-valur nominali huwa stabbilit fit-Tabella 4 hawn taħt.

(160)

Il-garanzija pprovduta mit-Teżor u li ssir referenza għaliha bħala l-miżura 16 fit-Tabella 4 hawn taħt kienet ingħatat formalment lit-tarzna ta’ Gdynia Group, iżda għall-produzzjoni tal-bastimenti fit-tarzna ta’ Gdańsk. L-awtoritajiet Pollakki pprovdew din l-informazzjoni fl-ittra tagħhom tat-13 ta’ Lulju 2007. Barra minn hekk, l-informazzjoni rigward l-għajnuna mill-Istat għat-tarzna ta’ Gdańsk ippreżentata fil-Pjan ta’ Ristrutturar tal-2009 kienet tinkludi l-garanzija tat-Teżor. Is-self kopert mill-garanzija tat-Teżor ingħata b’rata ta’ imgħax ugwali għal LIBOR 3M + 100 punt bażiku, filwaqt li r-riskju tan-nuqqas meta nħarġu l-garanziji kien stmat mill-awtoritajiet Pollakki fil-perċentwal ta’ 60 %. Il-garanziji tat-Teżor ingħataw kontra garanziji fil-forma ta’ bond mhux denominat maħruġ mit-tarzna u att notarili li fih it-tarzna qablet mal-infurzar tal-assi tagħha sa 120 % tal-valur tal-garanzija. It-Teżor talab primjum ekwivalenti għal 0.4 % tal-ammont garantit.

(161)

Il-miżura 17 fit-Tabella 4 hija garanzija pprovduta lit-tarzna ta’ Gdańsk mill-IDA għal kreditu ta’ ristrutturar mogħti minn NORD/LB Bank Polska S.A. Il-garanzija ingħatat skont il-ftehim tas-17 ta’ Awwissu 2005. Fis-sottomissjoni tagħhom tad-9 ta’ Jannar 2008 ĺ-awtoritajiet Pollakki qalu li din il-miżura kienet inkluża fil-Parti A tal-Anness II għad-deċiżjoni tal-ftuħ bħala l-miżura Nru 7, jiġifieri kienet waħda mill-miżuri mogħtija qabel l-adeżjoni u mhux applikabbli wara l-adeżjoni. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li l-ftehim tal-garanziji kien iffirmat fis-17 ta’ Awwissu 2005, tabilħaqq wara l-adeżjoni tal-Polonja mal-UE. Barra minn hekk, fl-anness għall-Pjan ta’ Ristrutturar tal-2009, il-garanzija hija ppreżentata bħala waħda mill-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat.

(162)

It-Tabella 4 tistabbilixxi wkoll is-self mogħti minn KPS għall-finanzjament tal-ħtiġijiet tal-kapital tax-xogħol tat-tarzna. Fis-sottomissjonijiet tagħha tal-11 ta’ Lulju 2007 u tad-9 ta’ Jannar 2008 il-Polonja sostniet li dan is-self ma jikkostitwixxi ebda għajnuna mill-Istat għaliex l-imgħax iddebitat kien jikkorrispondi għall-valutazzjoni tar-riskju għall-proġett li għalih intalab is-self.

(163)

Għas-self mogħti fl-2005-06, il-KPS talab imgħax li jvarja minn 9.70 % sa 11.62 %. Dan talab ukoll ħlas ta’ darba li kien ivarja minn 0.1 % sa 0.4 %. Skont l-awtoritajiet Pollakki, il-KPS talab garanziji fil-forma ta’ aċċettazzjoni ta’ infurzar, ftehim fuq iċ-ċessjoni ta’ ammonti riċevibbli, ordni ta’ ħlas mingħajr kundizzjonijiet, bond mhux denominat jew pleġġ tal-assi (21).

(164)

Il-KPS inħoloq fl-2004 bħala grupp sussidjarju totali tal-IDA bil-funzjoni ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju għall-Aġenzija. L-irwol inizjali tiegħu kien li jservi bħala vettura għall-konsolidazzjoni tat-tliet tarzni ewlenin fil-Polonja, iżda dan il-proġett kien abbandunat fl-2006. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Polonja fl-2006 (22), il-KPS kellu jkun iffinanzjat permezz ta’ injezzjoni ta’ kapital mill-IDA, kontribuzzjoni fi flus (ishma f’kumpaniji terzi) ipprovduti mill-Aġenzija u self bankarju li jiġġedded garantit mill-Aġenzija, li kien speċifikament allokat bħala għajnuna finanzjarja għat-tarzni. Skont l-informazzjoni disponibbli fil-websajt tal-Gvern Pollakk, KPS kellu jappoġġa wkoll l-operazzjonijiet tal-bini tal-bastimenti fil-Polonja billi joħroġ bonds totalment garantiti mill-IDA. Fil-fatt, id-dokument bit-titolu ‘Strateġija għas-settur tal-bini tal-bastimenti (tarzni għall-kostruzzjoni marittima) fil-Polonja 2006-10’ (23) jikkonferma li KPS għandu jiġġenera fondi permezz tal-ħruġ ta’ strumenti ta’ djun għal ammont ta’ madwar USD 100 miljun, assigurati fuq l-assi allokati għar-ristrutturar tal-industrija tal-bini tal-bastimenti fil-forma ta’ fondi trasferiti mit-Teżor lill-IDA.

(165)

It-Tabella 4 tinkludi wkoll l-obbligazzjonijiet pubbliċi legali pendenti tat-tarzna ta’ Gdańsk kif ippreżentati mill-awtoritajiet Pollakki fis-sottomissjoni tagħhom tad-9 ta’ Jannar 2008 u fl-anness għall-Pjan ta’ Ristrutturar tal-2009. F’dik l-ittra, il-Polonja kkonfermat li t-tarzna ta’ Gdańsk ma kinitx qiegħda tħallas l-obbligazzjonijiet pubbliċi legali tagħha regolarment.

(166)

It-tarzna ta’ Gdańsk ibbenifikat ukoll minn garanziji ta’ ħlas bil-quddiem mill-Korporazzjoni għall-Assigurazzjoni ta’ Krediti ta’ Esportazzjoni (minn hawn ‘il quddiem “garanziji ta’ ħlas bil-quddiem” jew “garanziji tal-produzzjoni”). Il-lista tal-garanziji li bbenifikat minnhom it-tarzna kienet sottomessa mill-Polonja permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Lulju 2007. L-awtoritajiet Pollakki indikaw li għalkemm dawn il-garanziji kienu ngħataw formalment lill-Grupp tat-tarzna ta’ Gdynia, dawn intużaw għall-produzzjoni tal-bastimenti fit-tarzna ta’ Gdańsk. B’kollox, wara l-1 ta’ Mejju 2004 it-tarzna ta’ Gdańsk ibbenifikat minn 20 garanzija mill-Korporazzjoni għall-Assigurazzjoni tal-Krediti ta’ Esportazzjoni b’valur nominali totali ta’ PLN 346 372 107,33.

(167)

Karatteristika komuni tal-industrija hija li tipikament it-tarzni mhumiex kapaċi jiġġeneraw kapital tax-xogħol suffiċjenti għall-kostruzzjoni tal-bastimenti internament u jiddependu fuq il-finanzjament estern, kemm jekk permezz ta’ self (self tal-produzzjoni) jew permezz ta’ ħlasijiet bil-quddiem mill-proprjetarji tal-bastimenti għall-pre-finanzjament tal-produzzjoni. Il-proprjetarji tal-bastimenti tipikament iħallsu 80 % tal-prezz bil-quddiem f’pagamenti bin-nifs, li jikkoinċidu f’ċerti stadji deċiżivi tal-kostruzzjoni tal-bastiment, bl-20 % li jifdal jitħallsu mal-kunsinna. L-involviment tal-proprjetarji tal-bastimenti fil-finanzjament tal-bini tal-bastimenti huwa għalhekk kruċjali. Il-garanziji tal-Korporazzjoni għall-Assigurazzjoni tal-Krediti ta’ Esportazzjoni kienu pprovduti lit-tarzna sabiex tkun tista’ tassigura ħlasijiet bil-quddiem minn proprjetarji tal-bastimenti kontra r-riskju li t-tarzna tonqos mill-obbligu tagħha li tikkonsenja l-bastiment.

(168)

Diversi sottomissjonijiet mill-Polonja dwar l-operat tas-sistema tal-garanziji tal-Korporazzjoni għall-Assigurazzjoni tal-Krediti ta’ Esportazzjoni (24) jindikaw li dawn il-garanziji kienu ngħataw lit-tarzna bil-mod li ġej. L-ewwel, ġie ffirmat kuntratt mal-proprjetarju tal-bastiment, li tipikament ikun marbut mal-kundizzjoni li t-tarzna f’ċertu perjodu ta’ żmien turi bil-provi li l-finanzjament tal-produzzjoni sejjer ikun garantit mill-Korporazzjoni għall-Assigurazzjoni tal-Krediti ta’ Esportazzjoni. Il-Korporazzjoni għall-Assigurazzjoni tal-Krediti ta’ Esportazzjoni ħarġet riżoluzzjoni li permezz tagħha tintrabat li tassigura l-finanzjament tal-bastiment b’mod ġenerali billi tiggarantixxi l-ħlasijiet bil-quddiem. Fi ftehimiet individwali sussegwenti, il-Korporazzjoni għall-Assigurazzjoni tal-Krediti ta’ Esportazzjoni attivat il-garanzija għal kull ħlas individwali bil-quddiem (tipikament erbgħa). Tipikament, l-espożizzjoni ġenerali tal-Korporazzjoni għall-Assigurazzjoni tal-Krediti ta’ Esportazzjoni għar-riskju tan-nuqqas min-naħa tat-tarzna fuq l-obbligu tagħha li tikkonsenja l-bastiment kienet 80 % tal-prezz tax-xiri, jiġifieri l-ammont totali tal-ħlasijiet bil-quddiem magħmula mill-proprjetarju tal-bastiment qabel il-kunsinna. Din l-espożizzjoni ġenerali kienet saret magħrufa meta l-Korporazzjoni għall-Assigurazzjoni tal-Krediti ta’ Esportazzjoni ħarġet ir-riżoluzzjoni li tassigura l-finanzjament tal-bastiment mill-proprjetarju tal-bastiment. Il-garanzija skadiet mal-kunsinna tal-bastiment.

(169)

L-operazzjonijiet tal-Korporazzjoni għall-Assigurazzjoni tal-Krediti ta’ Esportazzjoni huma varjati (25) u huma essenzjalment maqsuma bejn attivitajiet kummerċjali u attivitajiet magħmula f’isem, u garantiti mit-Teżor. Kont bankarju separat bl-isem ta’ “Interes Narodowy” jinżamm għall-fini ta’ dawn l-attivitajiet tal-aħħar. Il-garanziji mogħtija lit-tarzna ta’ Gdynia Group, inklużi dawk għall-benefiċċju tat-tarzna ta’ Gdańsk, huma parti min-negozju garantit mill-ġdid mit-Teżor.

(170)

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Polonja, il-Korporazzjoni għall-Assigurazzjoni tal-Krediti ta’ Esportazzjoni tat garanziji ta’ ħlas bil-quddiem kontra miżata li kienet tvarja skont l-ammont tal-garanzija. Il-miżata tammonta għal 2 % kull sena għal garanziji li ma jaqbżux il-PLN 35 miljun u 1 % kull sena għal garanziji li jaqbżu l-PLN 35 miljun. Il-Korporazzjoni għall-Assigurazzjoni tal-Krediti ta’ Esportazzjoni tirrikjedi bħala kollateral it-trasferiment tal-proprjetà tal-bastiment, il-bastiment taħt kostruzzjoni jew il-materjali tal-kostruzzjoni.

(171)

It-Tabella 4 turi li t-tarzna ta’ Gdańsk ibbenifikat minn għajnuna b’valur nominali totali ta’ PLN 405 030 629,80 (madwar EUR 90 miljun) mill-1 ta’ Mejju 2004.

(172)

Il-pjan jipprovdi wkoll għal għajnuna ġdida mill-Istat fil-forma ta’ injezzjoni ta’ kapital ta’ PLN 46.7 u self ta’ PLN 103.3 miljun. B’kollox, l-għajnuna l-ġdida sejra tammonta għal PLN 150 miljun (valur nominali).

(173)

Barra minn hekk, il-Pjan ta’ Ristrutturar tal-2009 jassumi li sa tmiem il-perjodu ta’ ristrutturar it-tarzna ta’ Gdańsk sejra tkompli tibbenifika minn garanziji tal-Korporazzjoni għall-Assigurazzjoni tal-Krediti ta’ Esportazzjoni għal valur ta’ madwar PLN 180 miljun fis-sena. Huwa previst li l-ħlasijiet tal-garanziji sejrin ikunu, safejn ikun possibbli, konformi mal-iskema tal-garanziji approvata mill-Kummissjoni bħala ħielsa minn għajnuna mill-Istat (26). Skont din l-iskema, il-primjum mitlub lill-kumpaniji fil-kategorija tal-ogħla riskju iżda li xorta huma eliġibbli għal garanziji taħt l-iskema, huwa […] % għal garanziji taħt is-sentejn u […] % għal garanziji ta’ aktar minn sentejn.

(174)

B’konklużjoni, il-valur nominali tal-miżuri kollha ta’ għajnuna għar-ristrutturar huwa PLN 555 030 629,80 (PLN 405 miljun ta’ għajnuna mogħtija diġà u PLN 150 miljun ta’ għajnuna ppjanata) u l-valur nominali totali tal-garanziji tal-Korporazzjoni għall-Assigurazzjoni tal-Krediti ta’ Esportazzjoni huwa madwar PLN 526 miljun (f’termini nominali, b’PLN 346 miljun ikunu l-valur tal-garanziji mogħtija diġà u PLN 180 miljun bħala l-espożizzjoni annwali massima tal-Korporazzjoni għall-Assigurazzjoni tal-Krediti ta’ Esportazzjoni għal dawn il-garanziji).

Tabella 4

Għajnuna mill-Istat mogħtija lit-tarzna ta’ Gdańsk wara l-1 ta’ Mejju 2004, skont l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Pollakki u minn ISD Polska (PLN).

Nru

Entità li tagħti l-għajnuna

Strument tal-għajnuna

Bażi legali

Numru ta’ deċiżjoni jew ftehim

Data tal-għoti tal-għajnuna

Data tad-dħul fis-seħħ

Perjodu li għalih ingħatat l-għajnuna

Valur nominali tal-għajnuna

1.

2.

3.

4.

5.

6.

7.

8.

9.

1.

Fond tal-Assigurazzjoni Soċjali

xoljiment

Att tat-30.10.2002

Deċiżjoni mill-President tal-ARP tat-30.12.2004 Nru UPP/12/3/04

30.12.2004

15.3.2005

tranżazzjoni ta’ darba

13 521 851,00  (*3)

2.

Uffiċċju tat-Taxxa ta’ Pomerania

xoljiment

Att tat-30.10.2002

Deċiżjoni mill-President tal-ARP tat-30.12.2004 Nru UPP/12/3/04

30.12.2004

15.3.2005

tranżazzjoni ta’ darba

24 215 557,00  (*3)

3.

Uffiċċju tat-Taxxa ta’ Gdańsk I

xoljiment

Att tat-30.10.2002

Deċiżjoni mill-President tal-ARP tat-30.12.2004 Nru UPP/12/3/04

30.12.2004

15.3.2005

tranżazzjoni ta’ darba

1 215 460,00  (*3)

4.

Marixxal ta’ Pomerania Voivodship

xoljiment

Att tat-30.10.2002

Deċiżjoni mill-President tal-ARP tat-30.12.2004 Nru UPP/12/3/04

30.12.2004

15.3.2005

tranżazzjoni ta’ darba

698 462,00  (*3)

5.

Fond tal-Assigurazzjoni Soċjali

xoljiment

Att tat-30.10.2002

Deċiżjoni mill-President tal-ARP tal-15.12.2005 Nru UPP/12/4/05

15.12.2005

9.1.2006

tranżazzjoni ta’ darba

2 975 558,00  (*3)

6.

Uffiċċju tat-Taxxa ta’ Pomerania

xoljiment

Att tat-30.10.2002

Deċiżjoni mill-President tal-ARP tal-15.12.2005 Nru UPP/12/4/05

15.12.2005

9.1.2006

tranżazzjoni ta’ darba

5 398 177,00  (*3)

7.

Marixxal ta’ Pomerania Voivodship

xoljiment

Att tat-30.10.2002

Deċiżjoni mill-President tal-ARP tal-15.12.2005 Nru UPP/12/4/05

15.12.2005

9.1.2006

tranżazzjoni ta’ darba

138 531,00  (*3)

8.

KPS

Self

attività statutorja tal-KPS

ftehim ta’ self Nru 03/06.2005

6.6.2005

9.6.2005

26.8.2005

7 000 000,00

9.

KPS

Self

attività statutorja tal-KPS

ftehim ta’ self Nru 02/10.2005

27.10.2005

28.10.2005

31.1.2006

6 000 000,00

10.

KPS

Self

attività statutorja tal-KPS

ftehim ta’ self Nru 01/01.2006

11.1.2006

17.1.2006

30.6.2006

9 000 000,00

11.

KPS

Self

attività statutorja tal-KPS

ftehim ta’ self Nru 03/07.2006

27.7.2006

7.8.2006

31.10.2006

4 000 000,00

12.

KPS

Self

attività statutorja tal-KPS

ftehim ta’ self Nru 03/07.2006

27.7.2006

22.9.2006

28.2.2007

8 000 000,00

13.

KPS

Self

attività statutorja tal-KPS

ftehim ta’ self Nru 01/11.2006

8.11.2006

16.11.2006

20.7.2007

4 000 000,00

14.

PHZ Cenzin

Injezzjoni tal-kapital

Kodiċi tal-Kumpanija Pollakka tal-15.9.2000

Att tal-21.12.2006

21.12.2006

27.12.2006 (l-ewwel porzjon ta’ PLN 7 miljun) u 29.12.2006 (it-tieni porzjon ta’ PLN 13 miljun)

injezzjoni ta’ kapital ta’ darba

20 000 000,00

15.

It-tarzna ta’ Gdynia

Injezzjoni tal-kapital

Kodiċi tal-Kumpanija Pollakka tal-15.9.2000

Att tas-27.6.2005

27.6.2005

Lulju 2005 (l-ewwel porzjon ta’ PLN 12 miljun) u Awwissu 2005 (it-tieni porzjon ta’ PLN 8 miljun)

injezzjoni ta’ kapital ta’ darba

20 000 000,00

16.

It-Teżor

garanziji – bastimenti Numri 8184/9-10, 8184/12-13 u 8184/18

Att tat-8 ta’ Mejju 1997 dwar garanziji mogħtija mit-Teżor u minn xi persuni legali (Ġurnal tal-Liġijiet 2003/174 entrata 1689 kif emendata)

Digriet tal-Kunsill tal-Ministru Nru 222/04 tal-21.9.2004

21.9.2004

1.10.2004

sal-15.1.2008

161 285 903,00

17.

ARP

Garanzija għal self ta’ NORD/LB

attività statutorja tal-ARP

Att tas-17.8.2005

17.8.2005

17.8.2005

sat-30.6.2000

20 000 000,00

18.

Fond tal-Assigurazzjoni Soċjali

nuqqas ta’ infurzar tal-obbligazzjonijiet

—

—

—

1.5.2004

31.9.2009 (*4)

95 354 830,80  (*5)

19.

Il-muniċipalità ta’ Gdańsk

nuqqas ta’ infurzar tal-obbligazzjonijiet

—

—

—

1.5.2004

31.9.2009 (*4)

20.

Il-muniċipalità ta’ Gdańsk

xoljiment

Att tat-Taxxa tad-29.8.1997

għadha ma ngħatatx

—

—

—

2 226 300,00

 

 

 

 

 

 

 

TOTAL

405 030 629,80

III.   EVALWAZZJONI

1.   Il-Kompetenza tal-Kummissjoni

(175)

Il-Punt 3 tal-Anness IV għat-Trattat tas-Sħubija jiddeskrivi l-proċedura ta’ mekkaniżmu interim. Dan jikkostitwixxi qafas legali għall-valutazzjoni ta’ skemi ta’ għajnuna u miżuri ta’ għajnuna individwali li jitpoġġew fis-seħħ fi Stat Membru ġdid qabel id-data tas-sħubija tiegħu fl-UE u huma applikabbli wara s-sħubija.

(176)

Il-miżuri li ddaħħlu fis-seħħ qabel is-sħubija u li mhumiex applikabbli wara s-sħubija ma jistgħux jiġu eżaminati mill-Kummissjoni, la taħt il-proċedura ta’ mekkaniżmu interim u lanqas taħt il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE.

(177)

Madankollu, miżuri li ma daħlux fis-seħħ qabel is-sħubija sejrin jiġu vvalutati mill-Kummissjoni bħala għajnuna nnotifikata jew bħala għajnuna illegali skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE.

(178)

Il-kriterju użat sabiex jiġi ddeterminat il-mument meta ddaħħlet fis-seħħ miżura partikolari huwa l-att vinkolanti legalment, li permezz tiegħu l-awtorità nazzjonali kompetenti timpenja ruħha li tagħti l-għajnuna (27). Jekk att amministrattiv huwiex legalment vinkolanti jew le hija kwistjoni tal-liġi nazzjonali. Madankollu, il-Kummissjoni għandha, speċjalment f’każijiet marġinali, tkun kapaċi tirrevedi dawn l-atti amministrattivi u tevalwa, fuq il-bażi tal-forma u l-kontenut tagħhom, jekk dawn setgħux iwasslu għal aspettattivi leġittimi min-naħa tal-benefiċjarji li jistgħu jiġu infurzati quddiem qorti tal-liġi Pollakka. Din il-kapaċità tar-reviżjoni tal-atti amministrattivi nazzjonali hija indispensabbli għat-twettiq tal-kompetenza esklussiva tal-Kummissjoni biex tapprova derogi mill-projbizzjoni ġenerali tal-għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-miżuri mdaħħla fis-seħħ fil-Polonja wara l-1 ta’ Mejju 2004.

(179)

Miżura mdaħħla fis-seħħ qabel l-adeżjoni hija applikabbli anki wara l-adeżjoni jekk xorta waħda tkun tista’ twassal għall-għoti ta’ għajnuna addizzjonali jew għal żieda fl-ammont ta’ għajnuna diġà mogħtija, jiġifieri jekk l-espożizzjoni ekonomika preċiża tal-Istat ma tkunx magħrufa fid-data li fiha l-miżura daħlet fis-seħħ u tibqa’ mhux magħrufa fid-data tal-adeżjoni.

(180)

Fid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ l-investigazzjoni formali, il-Kummissjoni kkonkludiet, fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Polonja, li serje ta’ miżuri li dwarhom kienet innotifikata fit-8 ta’ Ottubru 2004 fil-fatt kienu jikkostitwixxu għajnuna ġdida, illeġittima jew notifikata, minħabba li kienet ingħatat wara l-1 ta’ Mejju 2004, id-data tal-adeżjoni tal-Polonja mal-UE. Il-kummenti pprovduti mill-Polonja u l-partijiet terzi wara li nfetħet l-investigazzjoni ma wasslux lill-Kummissjoni biex tbiddel il-konklużjoni tagħha. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ssostni li hija kompetenti biex tevalwa jekk il-miżuri indikati fil-parti B tal-Anness II għad-deċiżjoni li tinfetaħ l-investigazzjoni formali humiex kompatibbli mas-suq komuni. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li wħud minn dawn il-miżuri ġew abbandunati (miżuri 23-25 tal-parti B tal-Anness II għad-deċiżjoni li tinfetaħ l-investigazzjoni formali).

(181)

Hawn taħt il-Kummissjoni tindika għaliex hija ma tistax taċċetta l-argumenti mressqa mill-Polonja u mill-partijiet interessati.

(a)   Ristrutturar ta’ dejn pubbliku legali taħt il-Kapitolu 5a

(182)

Il-Kummissjoni taqbel mal-kumment tat-tarzna ta’ Gdynia Group li l-avveniment li wassal għax-xoljiment parzjali tal-obbligazzjonijiet pubbliċi legali taħt il-Kapitolu 5a kien l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar ir-ristrutturar mill-President tal-IDA. Madankollu, il-Kummissjoni ma tistax taċċetta d-dikjarazzjoni li din id-deċiżjoni kienet adottata fit-30 ta’ April 2004, jiġifieri qabel l-adeżjoni tal-Polonja mal-UE. Il-Kummissjoni spjegat ir-raġunijiet għall-pożizzjoni tagħha fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-investigazzjoni formali, u la l-Polonja u lanqas il-Grupp tat-tarzna ta’ Gdynia ma ssottomettew argumenti ulterjuri li jbiddlu din il-pożizzjoni. Il-Kummissjoni ttenni li d-deċiżjoni tat-30 ta’ April 2004 approvat biss il-Pjan ta’ Ristrutturar ta’ Marzu 2004, u ma qablitx mar-ristrutturar tal-obbligazzjonijiet pubbliċi legali skont il-Kapitolu 5a. Il-President tal-IDA ma kienx f’pożizzjoni li joħroġ deċiżjoni ta’ ristrutturar kompluta qabel l-adeżjoni minħabba li, f’dak iż-żmien, huwa ma kellux, kif mitlub mill-Kapitolu 5a, la l-ftehim tal-kredituri pubbliċi legali rilevanti kollha għar-ristrutturar tal-obbligazzjonijiet tagħhom, u lanqas il-ftehim tal-Operatur. Il-Kummissjoni tinnota li l-President tal-IDA irrikonoxxa dan il-fatt meta fid-deċiżjoni tiegħu tat-30 ta’ April 2004 huwa semma li hemm bżonn ta’ deċiżjoni oħra sabiex jitlesta r-ristrutturar tal-obbligazzjonijiet pubbliċi legali skont il-Kapitolu 5a u meta huwa eventwalment ħareġ id-deċiżjoni tar-ristrutturar fit-30 ta’ Diċembru 2004, jiġifieri wara l-adeżjoni tal-Polonja mal-UE.

(183)

Il-Kummissjoni ma tistax taċċetta l-argument tal-Grupp tat-tarzna ta’ Gdynia li l-ftehim tal-kredituri pubbliċi legali kollha għar-ristrutturar tal-ammonti riċevibbli tagħhom taħt il-Kapitolu 5a kien jikkostitwixxi l-att vinkolanti legalment mitlub mil-liġi Pollakka. Il-Grupp tat-tarzna ta’ Gdynia sostna li l-Kapitolu 5a ma kienx lex specialis fir-rigward ta’ liġijiet oħrajn li jippermettu r-ristrutturar ta’ obbligazzjonijiet pubbliċi legali u li l-funzjoni tal-President tal-Aġenzija għall-Iżvilupp Industrijali kienet li dan jamministra u jiffaċilita l-proċess ta’ ristrutturar, mhux li jaġixxi għall-kredituri pubbliċi legali rilevanti fir-rigward ta’ obbligazzjonijiet speċifiċi. Il-Kummissjoni tinnota li din l-interpretazzjoni tal-liġi Pollakka tmur kontra s-sottomissjonijiet kollha mill-Polonja sal-lum u mat-test u l-loġika tal-Kapitolu 5a nnifsu. Bla ebda dubju, kif sostna l-Grupp tat-tarzna ta’ Gdynia, l-Att tat-30 ta’ Ottubru 2002 ‘ma jipprojbixxix lill-awtoritajiet tar-ristrutturar milli joħorġu kwalunkwe deċiżjonijiet ta’ xoljiment sakemm dawn ikunu permessi li jagħmlu dan permezz ta’ dispożizzjonijiet ġenerali’. Madankollu, jekk huma jagħmlu dan, dawk l-obbligazzjonijiet ma jibqgħux jaqgħu taħt il-Kapitolu 5a bil-vantaġġi kollha assoċjati magħhom: l-eliġibbiltà għal self mill-IDA, is-sospensjoni ta’ kwalunkwe proċeduri ta’ infurzar li jkunu għaddejjin, is-sospensjoni ta’ falliment u n-nuqqas ta’ akkumulazzjoni ta’ imgħax fuq l-ammonti dovuti.

(184)

Il-Kummissjoni ma tistax taċċetta l-argument tal-Grupp tat-tarzna ta’ Gdynia li ma kien hemm ebda imgħax akkumulat wara t-30 ta’ Ġunju 2006 fuq l-obbligazzjonijiet ristrutturati taħt il-Kapitolu 5a. Din l-interpretazzjoni tal-liġi Pollakka ġiet irrifjutata mill-Polonja.

(b)   Miżura 23 tal-parti B tal-Anness II għad-deċiżjoni li tinfetaħ l-investigazzjoni formali

(185)

Il-Kummissjoni ma tistax taċċetta l-argument tal-Polonja li din l-għajnuna ngħatat de facto minħabba l-fatt li l-awtoritajiet aġġudikanti rilevanti kollha għamlu dikjarazzjonijiet verbali waqt laqgħa tal-grupp ta’ ħidma tal-Gvern dwar ir-ristrutturar tat-tarzni fil-Polonja (it-tim tal-industrija tal-bini tal-bastimenti). Dikjarazzjonijiet bħal dawn, jekk kien hemm, kienu purament verbali u ċertament kien hemm bżonn ta’ miżuri implimentattivi ulterjuri sabiex jinħolqu aspettattivi leġittimi skont il-liġi Pollakka.

(c)   Miżuri 24-25 tal-parti B tal-Anness II għad-deċiżjoni li tinfetaħ l-investigazzjoni formali

(186)

Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni tinnota li la l-Polonja u lanqas il-Grupp tat-tarzna ta’ Gdynia ma kkontestaw il-konklużjoni tagħha li l-miżuri 24-25 tal-parti B tal-Anness II għad-deċiżjoni li tinfetaħ l-investigazzjoni formali kienu jikkostitwixxu għajnuna ġdida u għalhekk jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 88 tat-Trattat tal-KE.

2.   Għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE

2.1.   Eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat

(187)

L-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE jgħid li kwalunkwe għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, fi kwalunkwe forma li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, hija inkompatibbli mas-suq komuni.

(188)

Il-Kummissjoni ssib li l-għajnuna kollha deskritta fil-premessi (105) - (170) u fit-Tabella 4 kienet mogħtija mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat u, peress li ngħatat lil impriża waħda partikolari, kienet selettiva.

(189)

It-tarzna ta’ Gdańsk hija tarzna Ewropea kbira u kompetitur ewlieni fis-suq tal-bini tal-bastimenti. Wara l-1 ta’ Mejju 2004, it-tarzna kompliet tibni l-bastimenti tal-merkanzija, tikkompeti ma’ tarzni fil-Ġermanja u d-Danimarka b’mod partikolari, kif irrikonoxxew il-Polonja u l-Grupp tat-tarzna ta’ Gdynia u kif kien innotat mid-Danimarka u mill-assoċjazzjoni Daniża għall-bini tal-bastimenti fil-kummenti tagħhom dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ l-investigazzjoni formali. Il-bastimenti tal-merkanzija ammontaw għal 26 % tal-kotba tal-ordnijiet tat-tarzni Ewropej fi tmiem l-2006 (28). It-tarzna kienet qiegħda tipproduċi strutturi tal-azzar, blokki u sezzjonijiet, biex b’hekk kienet qiegħda tikkompeti ma’ ħafna kumpaniji oħrajn li jaġixxu bħala sottokuntratturi għal tarzni oħrajn li jibnu bastimenti sħaħ. Fl-aħħar sentejn it-tarzna bdiet tipproduċi bastimenti off-shore, li huwa segment fejn huma attivi tarzni Ewropej oħrajn, pereżempju dawk Norveġiżi.

(190)

Is-sussidjar kontinwu tat-tarzna ta’ Gdańsk, pereżempju permezz tan-nuqqas ta’ infurzar tal-obbligazzjonijiet pubbliċi, garanziji tal-produzzjoni kif ukoll għadd numeruż ta’ injezzjonijiet ta’ kapital u self, ippermetta lit-tarzna tikkonkludi kuntratti mingħajr ir-rikonoxximent sħiħ u r-rimunerazzjoni tar-riskji kollha involuti. Inkella, il-kompetituri tagħha setgħu ħadu mill-inqas parti mis-sehem tagħha fis-suq.

(191)

Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna mill-Istat mogħtija lit-tarzna ta’ Gdańsk affettwat in-negozju bejn l-Istati Membri.

(192)

Il-Kummissjoni għandha bżonn ukoll li tiddetermina jekk il-miżuri mogħtija lit-tarzna ta’ Gdańsk kinux jagħtuha vantaġġ mhux dovut u għalhekk jekk iwasslux għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni.

(193)

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li d-dipendenza fuq l-għajnuna mill-Istat ippermettiet lit-tarzna ta’ Gdańsk tipparteċipa fi prattika mhux kompetittiva, bħal prezzijiet inqas mill-ispejjeż tal-produzzjoni mingħajr ma ssofri l-konsegwenzi li normalment ikunu jinvolvu prattiċi bħal dawn, jiġifieri l-eliminazzjoni mis-suq.

(194)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li waħda mill-problemi ewlenin fit-tul tat-tarzna ta’ Gdańsk kienet il-konklużjoni ta’ kuntratti li kienu qegħdin jagħmlu t-telf hekk kif iz-zloty apprezzat kontra d-dollaru, il-munita dominanti fin-negozju tal-bini tal-bastimenti, u l-prezz tal-pjanċi tal-azzar żdied madwar id-dinja. Dawn il-fatturi esterni kienu diġà identifikati bħala t-theddidiet ewlenin għall-operat kontinwu tat-tarzna fil-Pjan ta’ Ristrutturar għall-2003-08, u mbagħad sussegwentement fil-verżjoni emendata ta’ Marzu 2004, fil-Pjan ta’ Ristrutturar ġdid tal-2006 u, fl-aħħarnett, fil-Pjan ta’ Ristrutturar tal-2009.

(195)

Minkejja l-fatt li l-amministrazzjoni tat-tarzna kienet konxja minn dawn it-theddidiet, it-tarzna kompliet tikkonkludi kuntratti mingħajr ma ħadet xi miżuri sabiex tnaqqas ir-riskju. Din il-prattika kummerċjali kompliet matul l-isplużjoni ekonomika mingħajr preċedent fis-suq tal-bini tal-bastimenti bejn l-2004 u l-2008, meta l-prezzijiet tal-bini tal-bastimenti telgħu għal livelli rekord. Bħala riżultat ta’ din il-prattika, it-tarzna rnexxielha żżomm l-istess livelli ta’ attività u impjiegi, iżda bir-riżultat ta’ telf kbir fuq il-produzzjoni regolari tal-bini tal-bastimenti.

(196)

Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna kollha mogħtija lit-tarzna ta’ Gdańsk deskritta fil-premessi (105) - (170) kienet tali li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni fis-suq tal-bini tal-bastimenti.

(197)

Il-Kummissjoni tinnota li l-awtoritajiet Pollakki ma kkontestawx il-klassifikazzjoni tal-miżuri koperti mid-deċiżjoni preżenti bħala għajnuna mill-Istat, b’żewġ eċċezzjonijiet. L-ewwelnett, huma sostnew li s-self mogħti lit-tarzna ta’ Gdańsk mill-KPS ma kkostitwixxa ebda għajnuna. It-tieni, huma kkontestaw in-natura tal-għajnuna tal-garanziji pprovduti mill-Korporazzjoni għall-Assigurazzjoni tal-Krediti ta’ Esportazzjoni li allegatament kienu jikkonformaw mal-prinċipju tal-operatur tal-ekonomija tas-suq. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Pollakki ma taw ebda notifika tan-nuqqas ta’ infurzar kontinwu tal-obbligazzjonijiet pubbliċi legali bħala miżura separata ta’ għajnuna mill-Istat.

(198)

Hawn taħt il-Kummissjoni sejra tispjega għaliex hija tqis li dawn it-tliet miżuri jikkostitwixxu vantaġġ li jwassal għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni.

(a)   Nuqqas ta’ infurzar kontinwu ta’ obbligazzjonijiet pubbliċi legali

(199)

Skont każistika stabbilita (29), in-nuqqas ta’ infurzar kontinwu ta’ djun pubbliċi legali jista’ fih innifsu jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. L-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Pollakki (30) tindika b’mod ċar li t-tarzna ta’ Gdańsk għandha arretrati pubbliċi legali importanti li jmorru lura sal-2004. Dawn huma ppreżentati fit-Tabella 4 bħala l-miżuri 18 u 19. Kif ġie spjegat mill-awtoritajiet Pollakki (31), minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja prekarja tagħha, wara l-1 ta’ Mejju 2004 it-tarzna ma setgħetx tħallas l-obbligazzjonijiet pubbliċi legali tagħha fil-ħin u d-dejn pendenti tagħha kien kontinwament differit mingħajr ebda deċiżjoni formali min-naħa tal-kredituri pubbliċi rilevanti.

(200)

Il-Pjan ta’ Ristrutturar tal-2009 jassumi li l-obbligazzjonijiet pubbliċi legali akkumulati sejrin jitħallsu lura f’Settembru 2009 wara li t-tarzna tirċievi għajnuna ġdida mill-Istat. Dan juri li fil-prattika, l-obbligazzjonijiet pubbliċi legali akkumulati mill-2004 kienu differiti għal perjodu ta’ żmien mhux limitat jew mhux speċifikat, tħallsu lura biss okkażjonalment kif permess mil-likwidità tat-tarzna u issa jistgħu jitħallsu lura kompletament grazzi biss għall-għajnuna addizzjonali mill-Istat. Il-Kummissjoni tqis li l-ebda kreditur tal-ekonomija tas-suq mhu sejjer jaċċetta tali differiment mhux limitat tal-obbligazzjonijiet tiegħu. Barra minn hekk, anki wara l-privatizzazzjoni tat-tarzna u l-injezzjoni tal-kapital minn ISD Polska ta’ PLN 305 miljun, l-awtoritajiet Pollakki ma ħadux miżuri biex jinfurzaw il-ħlas lura tal-obbligazzjonijiet. L-informazzjoni sottomessa mill-awtoritajiet Pollakki ma fiha ebda indikazzjoni li l-kredituri pubbliċi ħadu xi azzjoni sabiex jinfurzaw l-ammonti dovuti lilhom skont il-liġi pubblika mit-tarzna ta’ Gdańsk, b’mod partikolari permezz ta’ rkupru sfurzat jew il-liġi dwar il-falliment. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li n-nuqqas ta’ infurzar kontinwu tal-obbligazzjonijiet pubbliċi legali jirrappreżenta vantaġġ li l-benefiċjarju ma kienx ikun jista’ jikseb mingħand kreditur tal-ekonomija tas-suq u għalhekk jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat simili għal self (mingħajr imgħax).

(201)

Skont il-Pjan ta’ Ristrutturar tal-2009 l-ammont totali ta’ obbligazzjonijiet pubbliċi mhux infurzati huwa ta’ PLN 63 013 631. Madankollu, skont l-informazzjoni sottomessa mill-awtoritajiet Pollakki fl-ittra tagħhom tad-9 ta’ Jannar 2008, l-obbligazzjonijiet pubbliċi akkumulati tat-tarzna ta’ Gdańsk f’dak iż-żmien kienu jammontaw għal PLN 90 245 096,76 (inkluż l-imgħax akkumulat). Barra minn hekk, meta jikkwantifika l-ispejjeż tar-ristrutturar, il-Pjan ta’ Ristrutturar tal-2009 jindika li t-tarzna sejra jkollha bżonn tħallas lura ammont ta’ PLN 95 354 830,90 f’obbligazzjonijiet pubbliċi akkumulati. Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni tqis li l-valur totali tal-obbligazzjonijiet pubbliċi mhux infurzati, bl-imgħax, jammonta għal PLN 95 354 830,90; dak l-ammont kien indikat fit-Tabella 4 hawn fuq.

(b)   Self tal-KPS

(202)

Il-Kummissjoni ma tistax taċċetta l-argument tal-Polonja li l-għajnuna fil-forma ta’ self ta’ kapital tax-xogħol mill-KPS kien ħieles mill-għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni tosserva li r-rata tal-imgħax mitluba mill-KPS kienet madwar 400 punt ta’ bażi ‘l fuq mir-rata ta’ referenza. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li t-tarzna ta’ Gdańsk għamlet diversi snin f’sitwazzjoni finanzjarja prekarja ħafna, fejn kienet qiegħda tagħmel telf sinifikanti u takkumula d-djun. It-tarzna ta’ Gdańsk ma setgħetx tikseb finanzjament għall-produzzjoni tagħha minn xi sors estern ieħor. Il-kapital tax-xogħol tagħha kien iffinanzjat minn ħlasijiet bil-quddiem koperti b’mod sħiħ minn garanziji mill-Korporazzjoni għall-Assigurazzjoni ta’ Krediti ta’ Esportazzjoni, minn self kopert b’mod sħiħ minn garanziji tat-Teżor u minn self tal-KPS. Għalhekk, ma jidhirx li r-rata tal-imgħax mitluba mill-KPS kienet tirrifletti b’mod korrett ir-riskju involut. Għalkemm il-KPS kien jeħtieġ il-garanziji, il-valur tiegħu jibqa’ diskutibbli. Jidher probabbli li l-KPS ma kienx kapaċi jikseb garanziji tal-ewwel grad fuq l-assi tat-tarzna. Fi kwalunkwe każ, il-Polonja naqset milli tipprovdi informazzjoni dettaljata li tippermetti lill-Kummissjoni li tiddetermina l-valur reali tal-garanziji meħtieġa.

(203)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li l-KPS kien stabbilit bħala fond ikkontrollat mill-gvern b’għanijiet tal-politika pubblika, li l-finanzjament tiegħu kien ipprovdut b’mod sħiħ, jew garantit, mill-Istat permezz tal-IDA. Skont id-dokument ‘Strateġija għas-settur tal-bini tal-bastimenti (tarzni għall-kostruzzjoni marittima) fil-Polonja 2006-10’, il-KPS kien ‘imwaqqaf biex jorganizza l-finanzjament tal-produzzjoni tat-tarzna sakemm ħadu l-kontroll l-investituri privati’. L-istrateġija, li hija mfassla biex tilħaq mhux biss miri ekonomiċi iżda wkoll soċjali u makroekonomiċi (32), tagħti mandat lill-KPS b’poteri differenti, flimkien mal-IDA, it-Teżor u korpi pubbliċi kompetenti oħrajn. Ir-rabtiet finanzjarji tal-KPS mal-IDA u t-Teżor huma ċari u l-KPS jaġixxi pjuttost bħala vettura għat-trasferiment tal-assi allokati mill-baġit tal-Istat għal tarzni fil-Polonja, inkluża t-tarzna ta’ Gdańsk.

(204)

Finalment, il-Kummissjoni tinnota li fl-ittra li tagħti notifika tal-Pjan ta’ Ristrutturar tal-2009, l-awtoritajiet Pollakki rrikonoxxew li s-self tal-KPS kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

(205)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-KPS ma aġixxiex bħala investitur fl-ekonomija tas-suq meta ta self ta’ kapital tax-xogħol lit-tarzna ta’ Gdańsk. Għaldaqstant, dan is-self, elenkat fit-Tabella 4, jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

(c)   Garanziji tal-Korporazzjoni għall-Assigurazzjoni tal-Krediti ta’ Esportazzjoni

(206)

L-ewwelnett, il-Kummissjoni tosserva li l-garanziji tal-produzzjoni tal-Korporazzjoni għall-Assigurazzjoni tal-Krediti ta’ Esportazzjoni ngħataw formalment lill-Grupp tat-tarzna ta’ Gdynia. Madankollu, uħud minn dawn il-garanziji ntużaw esklussivament biex jiffinanzjaw il-bini tal-bastimenti fit-tarzna ta’ Gdańsk, li mbagħad saret sussidjarja tal-Grupp tat-tarzna ta’ Gdynia. Kien bis-saħħa ta’ dawn il-garanziji li t-tarzna ta’ Gdańsk setgħet tattira kuntratti ġodda u tkompli l-attività tagħha tal-bini tal-bastimenti.

(207)

Fil-kummenti tagħha wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tinfetaħ l-investigazzjoni formali, il-Polonja sostniet li l-garanziji mogħtija mill-Korporazzjoni għall-Assigurazzjoni tal-Krediti ta’ Esportazzjoni lit-tarzna ta’ Gdynia Group ma kienu jikkostitwixxu ebda għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni ma tistax taċċetta din l-affermazzjoni.

(208)

L-ewwelnett, il-Kummissjoni tfakkar li l-garanziji tal-ħlas bil-quddiem tal-Korporazzjoni għall-Assigurazzjoni tal-Krediti ta’ Esportazzjoni huma garantiti mit-Teżor u li t-tranżazzjonijiet relatati jiddaħħlu f’kont bankarju separat fl-isem ta’ ‘Interes Narodowy’. Jekk f’dak il-kont ma jkunx hemm biżżejjed fondi disponibbli, il-Korporazzjoni għall-Assigurazzjoni tal-Krediti ta’ Esportazzjoni tista’ jew tieħu self mit-Teżor jew inkella tibbenifika minn garanziji ta’ self mit-Teżor. Din hija garanzija li operatur fl-ekonomija tas-suq ma jistax jiddependi fuqha.

(209)

It-tieni, il-Kummissjoni tfakkar fid-deċiżjoni tat-18 ta’ Lulju 2007 fil-Każ N 105/07 (33) fejn hija approvat bħala ħielsa mill-għajnuna mill-Istat l-iskema li taħtha l-Korporazzjoni għall-Assigurazzjoni tal-Krediti ta’ Esportazzjoni operat il-programm tagħha ta’ assigurazzjoni għall-esportazzjoni garantit mit-Teżor. Fost miżuri oħrajn, din l-iskema tkopri wkoll it-tip ta’ garanziji tal-produzzjoni li kienet qiegħda tirċievi t-tarzna ta’ Gdańsk għal dawn l-aħħar snin. Il-Kummissjoni tinnota li l-iskema teskludi espliċitament (34) dawk il-kumpaniji li jinsabu f’diffikultajiet finanzjarji fi ħdan it-tifsira tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat sabiex jiġu salvati u ristrutturati l-impriżi f’diffikultà (35). Il-karatteristika ewlenija tal-iskema hija li l-primjums tal-garanziji jiġu ddeterminati fuq il-bażi ta’ valutazzjoni tar-riskju. Biex nieħdu eżempju, il-primjum tal-garanzija għal kumpanija li tappartjeni għall-kategorija bl-ogħla riskju jikkorrespondi għal […] % fis-sena għal garanziji ta’ inqas minn sentejn u […] % fis-sena għal garanziji ta’ aktar minn sentejn. Il-primjum bażiku huwa ugwali għal 2,8 % fis-sena B’paragun, il-garanziji lit-tarzna ta’ Gdańsk ingħataw mill-Korporazzjoni għall-Assigurazzjoni tal-Krediti ta’ Esportazzjoni kontra primjum ta’ 2 % fis-sena jekk il-garanzija ma taqbiżx il-PLN 35 miljun u kontra primjum ta’ 1 % fis-sena jekk il-garanzija tkun qabżet dak l-ammont.

(210)

Għalhekk huwa ċar li t-tarzna ta’ Gdańsk, bħala kumpanija f’diffikultajiet, mhijiex eliġibbli għal garanziji koperti mill-iskema deskritta fuq u approvata mill-Kummissjoni bħala ħielsa mill-għajnuna. Għaldaqstant, il-garanziji mogħtija lit-tarzna ta’ Gdańsk mhumiex ħielsa mill-għajnuna.

(211)

Barra minn hekk, huwa ovvju li l-primjum tal-garanzija impost fuq it-tarzna huwa ferm inqas mill-primjum bażiku użat għal garanziji mogħtija lil kumpaniji b’saħħithom u diversi drabi inqas mill-primjum impost fuq kumpaniji f’riskju għoli li huma eliġibbli taħt l-iskema deskritta fuq. Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-primjum tal-garanzija applikat għat-tarzna ta’ Gdańsk ma jikkorrispondix għal primjum tas-suq u li, għalhekk, dawn il-garanziji jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

(212)

It-tielet, skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għal għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji (36), fil-każ ta’ garanzija mill-Istat individwali li ma tikkostitwixxi ebda għajnuna mill-Istat, min jissellef mgħandux ikun f’diffikultà finanzjarja. Ċertament li dan mhuwiex il-każ hawnhekk. Skont l-istess Avviż, meta min jissellef ikun f’diffikultà finanzjarja, l-element ta’ għajnuna tal-garanzija jista’ jkun għoli daqs l-ammont kopert minn dik il-garanzija.

(213)

Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni tinnota li t-tarzna ta’ Gdańsk iddependiet esklussivament fuq garanziji pprovduti mill-Korporazzjoni għall-Assigurazzjoni tal-Krediti ta’ Esportazzjoni u mit-Teżor tal-Istat u ma rnexxilhiex tikseb garanziji fuq is-suq.

(214)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Korporazzjoni għall-Assigurazzjoni tal-Krediti ta’ Esportazzjoni ma aġixxietx bħala investitur fl-ekonomija tas-suq meta tat garanziji lit-tarzna ta’ Gdańsk.

(215)

Il-Kummissjoni tinnota li l-garanziji tal-produzzjoni ta’ dan it-tip huma karatteristika tipika tas-settur tal-bini tal-bastimenti. Il-Korporazzjoni għall-Assigurazzjoni tal-Krediti ta’ Esportazzjoni li tipprovdi l-garanziji meħtieġa bħala kollateral għat-trasferiment tal-proprjetà tal-bastiment, il-bastiment taħt kostruzzjoni u l-materjali tal-kostruzzjoni.

(216)

Il-Kummissjoni tqis li l-element ta’ għajnuna stmata inerenti fil-garanziji mogħtija lit-tarzna ta’ Gdańsk wara l-1 ta’ Mejju 2004 jammonta għal PLN 18,9 miljun. Dan l-ammont kien ikkalkulat permezz ta’ paragun bejn il-miżati mħallsa mit-tarzna u dawk li normalment jiġu imposti fis-suq. Huwa meqjus li l-iskema ħielsa mill-għajnuna tal-Korporazzjoni għall-Assigurazzjoni tal-Krediti ta’ Esportazzjoni sservi bħala referenza għall-miżati imposti fis-suq. Dan il-livell ta’ referenza ġie miżjud b’400 b.p. sabiex ikun jirrifletti r-riskju addizzjonali involut meta tiġi pprovduta għajnuna lil kumpanija li tkun tinsab f’sitwazzjoni finanzjarja diffiċli, bħalma kienet it-tarzna ta’ Gdańsk.

(217)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li, skont il-Pjan ta’ Ristrutturar tal-2009, it-tarzna ta’ Gdańsk għandha l-ħsieb li tkompli tuża l-garanziji tal-produzzjoni pprovduti mill-Korporazzjoni għall-Assigurazzjoni tal-Krediti ta’ Esportazzjoni. Hija sejra tirċievi dawn il-garanziji fuq termini li jikkorrispondu għal dawk applikati, taħt l-iskema ħielsa mill-għajnuna approvata mill-Kummissjoni (37), lil dawk il-kumpaniji bi profil tal-ogħla riskju. B’mod partikolari, dan ifisser primjum ta’ […] % fis-sena għal garanziji taħt is-sentejn u ta’ […] % fis-sena għal garanziji li jaqbżu s-sentejn. Il-Kummissjoni tinnota li dawk il-kumpaniji f’diffikultajiet finanzjarji, bħat-tarzna ta’ Gdańsk, mhumiex eliġibbli għal miżuri taħt l-imsemmija skema. Jidher li, matul ir-ristrutturar tat-tarzna ta’ Gdańsk, il-garanziji mill-Korporazzjoni għall-Assigurazzjoni tal-Krediti ta’ Esportazzjoni sejrin ikomplu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

(218)

Il-Kummissjoni tqis li l-komponent ta’ għajnuna stmata inerenti fil-garanziji tal-produzzjoni fil-futur pprovduti mill-Korporazzjoni għall-Assigurazzjoni tal-Krediti ta’ Esportazzjoni jammonta għad-differenza bejn il-miżati li jiġu imposti fis-suq, flimkien ma’ 400 b.p. (sabiex ikun jirrifletti r-riskju addizzjonali involut fil-provvediment ta’ garanziji lil kumpanija f’diffikultajiet) u l-miżati li t-tarzna fil-fatt ikollha tħallas. Il-komponent ta’ għajnuna stmata kkalkulat b’dan il-mod jammonta għal PLN 28,8 miljun.

Konklużjoni

(219)

B’konklużjoni, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżuri kollha mogħtija lit-tarzna ta’ Gdańsk u elenkati fit-Tabella 4, il-miżuri ppjanati msemmija fil-premessa (168) u l-garanziji tal-produzzjoni mill-Korporazzjoni għall-Assigurazzjoni tal-Krediti ta’ Esportazzjoni, kemm jekk diġà mogħtija jew jekk sejrin jingħataw matul il-perjodu tar-ristrutturar, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE.

2.2.   Possibbiltà għall-Polonja u għall-partijiet terzi biex jissottomettu kummenti

(220)

Permezz tad-deċiżjoni tagħha tal-1 ta’ Ġunju 2005, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni formali fir-rigward ta’ serje ta’ miżuri, inkluż ir-ristrutturar tad-dejn (xoljimenti, differimenti, bidliet fl-iskeda tal-ħlas) fuq diversi bażijiet legali u li jikkonċernaw għadd ta’ kredituri pubbliċi, injezzjonijiet tal-kapital u garanziji tat-Teżor.

(221)

Il-Kummissjoni ddikjarat b’mod ċar li l-argument tal-Polonja li l-ħlasijiet bil-quddiem minn proprjetarji tal-bastimenti għandhom jitqiesu bħala kontribuzzjoni proprja ma jistax jiġi aċċettat. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk il-garanziji tal-ħlas bil-quddiem ipprovduti mill-Korporazzjoni għall-Assigurazzjoni tal-Krediti ta’ Esportazzjoni kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat jew le u ħabbret li sejra tinvestiga n-natura ta’ dawk il-ħlasijiet bil-quddiem.

(222)

Kemm il-Polonja kif ukoll il-kumpanija prinċipali tat-tarzna ta’ Gdańsk issottomettew il-kummenti tagħhom; madankollu, filwaqt li kkontestaw il-kompetenza tal-Kummissjoni biex tevalwa l-kompatibbiltà ta’ wħud mill-miżuri kkonċernati, huma ma kkontestawx il-konklużjoni tal-Kummissjoni li, sakemm dawn il-miżuri kienu mogħtija wara l-adeżjoni tal-Polonja fl-UE, kienu jikkostitwixxu għajnuna ġdida skont it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE. L-unika eċċezzjoni kienet in-natura tal-garanziji pprovduti mill-Korporazzjoni għall-Assigurazzjoni tal-Krediti ta’ Esportazzjoni, li allegatament kienu ħielsa minn għajnuna mill-Istat. Sussegwentement, il-Polonja sostniet ukoll li s-self mogħti minn KPS ma kien jikkostitwixxi ebda għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni identifikat ukoll għajnuna addizzjonali mhux notifikata fil-forma ta’ nuqqas ta’ infurzar kontinwu tal-obbligazzjonijiet pubbliċi legali. Il-Kummissjoni indirizzat l-eżistenza tal-għajnuna mill-Istat fit-tliet miżuri indikati aktar ‘il fuq.

(223)

Matul l-investigazzjoni tal-Kummissjoni, f’diversi okkażjonijiet saru tibdiliet sinifikanti fl-istrateġija tal-Gvern Pollakk fir-rigward tat-tarzna ta’ Gdańsk. L-istrateġija tal-konsolidazzjoni tas-settur tal-bini tal-bastimenti nbidlet fi strateġija tas-separazzjoni tat-tarzni ta’ Gdynia u Gdańsk u l-privatizzazzjoni tat-tarzna ta’ Gdańsk.

(224)

Kif ġie indikat aktar ‘il fuq, il-Kummissjoni żammet kuntatti regolari mal-awtoritajiet Pollakki bħala l-proprjetarji tat-tarzna ta’ Gdańsk, mat-tarzna ta’ Gdańsk innifisha u mal-proprjetarju l-ġdid tat-tarzna ta’ Gdańsk, ISD Polska. Il-Kummissjoni għarrfet regolarment lil dawn il-partijiet interessati li l-miżuri kollha mogħtija lit-tarzna mir-riżorsi tal-Istat probabbilment kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE, minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja prekarja tat-tarzna u l-assenza ta’ kwalunkwe finanzjament estern ħieles minn għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni wissiet ukoll li din l-għajnuna mill-Istat kienet ingħatat bi ksur tal-Artikolu 88(3) tat-Trattat tal-KE u ma kinitx kompatibbli mas-suq komuni. Il-Kummissjoni rrimarkat ukoll f’diversi okkażjonijiet li l-garanziji pprovduti lill-Grupp tat-tarzna ta’ Gdynia mill-Korporazzjoni għall-Assigurazzjoni tal-Krediti ta’ Esportazzjoni u użati għall-bini tal-bastimenti fit-tarzna ta’ Gdańsk kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

(225)

Matul l-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni ġabret ukoll dettalji dwar l-operazzjonijiet tal-KPS u n-natura tas-self tal-kapital tax-xogħol mogħti lit-tarzna mill-KPS. Il-Kummissjoni indikat lill-Polonja li dan is-self probabbilment kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE.

(226)

Fl-aħħarnett, matul l-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni nnotat li t-tarzna ta’ Gdańsk kienet għadha qiegħda takkumula l-obbligazzjonijiet pubbliċi legali. Il-Kummissjoni ġabret l-informazzjoni dwar is-suġġett u għarrfet lill-Polonja (fil-kapaċità tagħha bħala l-kreditriċi tat-tarzna u, sa ċertu mument, bħala l-proprjetarja tagħha wkoll) li n-nuqqas ta’ infurzar tad-dejn pubbliku legali jew ir-ristrutturar tagħha jistgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE.

3.   Il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq waħdieni – deroga skont l-Artikolu 87(3) tat-Trattat tal-KE

(227)

L-għan ewlieni tal-miżuri huwa li jassistu kumpanija li tkun tinsab f’diffikultà finanzjarja u jżommuha għaddejja. F’dawn il-każijiet, l-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE, li tawtorizza l-għajnuna mill-Istat mogħtija sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi kemm-il darba dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sal-punt li jmur kontra l-interess pubbliku, tista’ tiġi applikata jekk tintlaħaq konformità mal-kundizzjonijiet rilevanti. L-għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturar lil kumpaniji fil-bżonn preżentament hija rregolata mil-Linji Gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar tal-impriżi f’diffikultà (38) (“il-Linji Gwida”), li ssostitwixxew it-test preċedenti adottat fl-1999 (39) (“il-Linji Gwida tal-1999”).

(228)

Id-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Linji Gwida jistipulaw li n-notifiki rreġistrati qabel l-10 ta’ Ottubru 2004 għandhom jiġu eżaminati fid-dawl tal-kriterji applikabbli fil-ħin tan-notifika (punt 103). Fil-każ preżenti, il-Kummissjoni kienet innotifikata dwar uħud minn dawn il-miżuri fit-8 ta’ Ottubru 2004, meta kienu fis-seħħ il-Linji Gwida tal-1999. Madankollu, il-Linji Gwida jistipulaw ukoll li huma għandhom japplikaw għall-evalwazz‘il-Linji Gwida tal-1999’joni ta’ kwalunkwe għajnuna għas-salvataġġ jew għar-ristrutturar mogħtija mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni (għajnuna illegali) jekk l-għajnuna kollha jew parti minnha tingħata wara l-1 ta’ Ottubru 2004 (punt 104, l-ewwel subparagrafu). Minħabba li kważi l-miżuri kollha deskritti fil-premessi 105 - 170 kienu ngħataw b’mod illegali wara dik id-data, il-Kummissjoni tikkonkludi li għalhekk għandhom japplikaw il-Linji Gwida tal-2004.

(229)

Il-Linji Gwida japplikaw għall-impriżi fis-setturi kollha, ħlief għall-eċċezzjonijiet elenkati fil-punt 18 tal-Linji Gwida. Il-Kwadru dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat għall-bini tal-bastimenti (40), li huwa l-qafas legali għall-evalwazzjoni tal-għajnuna mill-Istat għal dan is-settur, jirreferi għall-punt 12 tal-Linji Gwida bħala l-bażi legali rilevanti għall-evalwazzjoni tal-għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturar.

(230)

Id-definizzjoni inkluża fil-punt 17 tal-Linji Gwida tindika li l-għajnuna għar-ristrutturar hija bbażata fuq pjan fattibbli, koerenti u wiesa’ sabiex tiġi rkuprata l-vijabbiltà fit-tul tal-impriża fi żmien raġonevoli. Ir-ristrutturar ġeneralment jinvolvi l-elementi li ġejjin: ir-ristrutturar tal-aspetti kollha tal-attivitajiet tal-kumpanija, l-organizzazzjoni mill-ġdid u r-razzjonalizzazzjoni tan-negozju tagħha, inkluż l-irtirar minn attivitajiet li jagħmlu t-telf u r-ristrutturar finanzjarju. Madankollu, l-operazzjonijiet tar-ristrutturar, jekk ikunu qegħdin jibbenifikaw minn għajnuna mill-Istat, ma jistgħux ikunu ristretti għal għajnuna finanzjarja mfassla purament biex tagħmel tajjeb għat-telf li sar fil-passat mingħajr ma jkunu indirizzati r-raġunijiet għal dak it-telf, jiġifieri mingħajr ma jsir ristrutturar ġenwin. Barra minn hekk, ir-ristrutturar għandu jiġi ffinanzjat mill-inqas parzjalment mir-riżorsi proprji tal-kumpanija jew minn sorsi esterni ħielsa minn għajnuna mill-Istat, u l-għajnuna mill-Istat għandha tkun limitata għall-minimu neċessarju sabiex tiġi rkuprata l-vijabbiltà. Fl-aħħarnett, għandhom jiġu adottati miżuri ta’ kumpens sabiex jitnaqqas l-effett distortiv tal-għajnuna.

(231)

Minħabba li l-għajnuna għar-ristrutturar għandha tendenza li toħloq distorzjoni kbira, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-għajnuna lil impriżi f’diffikultà tista’ tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ attivitajiet ekonomiċi mingħajr ma taffettwa b’mod negattiv in-negozju sa tali punt li jmur kontra l-interess Komunitarju biss jekk jintlaħqu l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fil-Linji Gwida.

(a)   Eliġibbiltà

(232)

Sabiex tkun eliġibbli għal għajnuna għar-ristrutturar, l-impriża għandha tikkwalifika bħala impriża f’diffikultà skont it-tifsira tal-Linji Gwida. Kif ġie ppreżentat fit-tabella 1 aktar ‘il fuq, is-sitwazzjoni finanzjarja tat-tarzna ta’ Gdańsk, għall-inqas mill-2002 ‘il quddiem, kienet ikkaratterizzata minn nuqqas kontinwu ta’ likwidità u żieda fit-telf. Għalhekk, it-tarzna ta’ Gdańsk hija impriża f’diffikultà skont it-tifsira tal-punt 11 tal-Linji Gwida.

(233)

Skont il-punt 73 tal-Linji Gwida, jekk l-impriża kkonċernata tkun diġà rċeviet għajnuna għas-salvataġġ jew għar-ristrutturar fil-passat, li tinkludi kwalunkwe għajnuna mhux innotifikata, u fejn ikunu għaddew inqas minn 10 snin minn mindu tkun ingħatat l-għajnuna għas-salvataġġ, il-perjodu tar-ristrutturar wasal fi tmiemu jew l-implimentazzjoni tal-pjan tar-ristrutturar kienet twaqqfet (irrispettivament minn liema jkun l-aktar tard), il-Kummissjoni mhijiex sejra tippermetti li tingħata aktar għajnuna għas-salvataġġ jew għar-ristrutturar (il-prinċipju “ta’ darba, l-aħħar darba”).

(234)

Fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-investigazzjoni formali, il-Kummissjoni nnotat li t-tarzna ta’ Gdańsk għaddiet minn ristrutturar fl-1998, li, skont l-awtoritajiet Pollakki, kien ħieles minn għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni aċċettat il-pożizzjoni tal-awtoritajiet Pollakki fuq din il-kwistjoni. L-investigazzjoni ma wrietx li dan ir-ristrutturar kien jinvolvi għajnuna mill-Istat.

(235)

Barra minn hekk, l-għajnuna mill-Istat mogħtija lit-tarzna ta’ Gdańsk sa mill-2002 serviet biex tappoġġa proċess uniku ta’ ristrutturar.

(236)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-prinċipju ‘ta’ darba, l-aħħar darba’ kien ġie rrispettat.

(b)   Irkupru tal-vijabbiltà fit-tul

(237)

Skont il-punt 34 tal-Linji Gwida, l-għoti tal-għajnuna għandu jkun marbut mal-kundizzjoni li jiġi implimentat pjan ta’ ristrutturar, li għandu jippermetti lill-kumpanija biex tirkupra l-vijabbiltà tagħha fi żmien raġonevoli. L-irkupru tal-vijabbiltà jfisser li l-kumpanija, wara li tlesti r-ristrutturar tagħha, tkun tista’ tkopri l-ispejjeż kollha tagħha u tiġġenera dħul suffiċjenti fuq il-kapital sabiex tkun tista’ tikkompeti fuq il-merti tagħha stess. Ir-ristrutturar għandu jitwettaq malajr kemm jista’ jkun.

(238)

Il-Kummissjoni tinnota li, matul l-investigazzjoni tagħha, hija rrevediet żewġ pjanijiet ta’ ristrutturar (Marzu 2004 u 2006) imħejjija mill-amministrazzjoni tat-tarzna u approvati mill-proprjetarju maġġoritarju tagħha. Il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tħassib serju tagħha dwar jekk iż-żewġ pjanijiet kellhomx iġibu lura l-vijabbiltà tat-tarzna baqa’ ma ttaffiex. Imbagħad, il-Kummissjoni evalwat il-pjan tar-ristrutturar konġunt imħejji minn ISD Polska fl-2008 għal operazzjoni li tgħaqqad lit-tarzna ta’ Gdańsk mat-tarzna ta’ Gdynia. Fid-deċiżjoni tagħha tas-6 ta’ Novembru 2008, li tikkonċerna l-investigazzjoni rigward l-għajnuna mill-Istat lit-tarzna ta’ Gdynia (41), il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx intwera li l-pjan ta’ ristrutturar konġunt kellu jassigura l-irkupru tal-vijabbiltà fit-tul taż-żewġ tarzni.

(239)

Fl-aħħarnett, fl-2009 l-awtoritajiet Pollakki ssottomettew il-pjan ta’ ristrutturar imħejji mill-proprjetarju l-ġdid tat-tarzna ta’ Gdańsk, ISD Polska, li jissostitwixxi l-pjanijiet ta’ ristrutturar kollha li ġew sottomessi qabel lill-Kummissjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni sejra tillimita l-valutazzjoni tagħha hawn taħt għall-Pjan ta’ Ristrutturar tal-2009.

(240)

Id-diffikultajiet tat-tarzna kienu kkawżati u aggravati minn snin ta’ investimenti negliġenti, tmexxija ħażina u nuqqas ta’ linji politiċi xierqa għall-mitigazzjoni tar-riskji. Dawn in-nuqqasijiet interni, maqgħuda mal-karattru ċikliku tas-suq tal-bini tal-bastimenti, iż-żieda fil-prezzijiet tal-azzar u l-apprezzament taz-zloty Pollakka, wasslu għal telf sinifikanti fit-tarzna, akkumulazzjoni ta’ obbligazzjonijiet, kapital tax-xogħol insuffiċjenti u aktar ineffiċjenzi u dewmien fil-proċess tal-produzzjoni.

(241)

Fil-fehma tal-Kummissjoni, intwera li l-miżuri tar-ristrutturar proposti jindirizzaw b’mod adegwat il-problemi tat-tarzna u huma wiesgħa biżżejjed, l-istrateġija magħżula għad-diversifikazzjoni tal-attivitajiet tal-kumpanija hija kredibbli u l-projezzjonijiet finanzjarji huma bbażati fuq suppożizzjonijiet realistiċi. Għalhekk, intwera li l-Pjan ta’ Ristrutturar tal-2009 sejjer iwassal għall-irkupru tal-vijabbiltà fit-tul tat-tarzna.

(242)

Il-Kummissjoni tinnota li l-Pjan ta’ Ristrutturar tal-2009 kien imħejji mill-proprjetarju l-ġdid tat-tarzna, li diġà investa fondi privati sinifikanti għall-akkwist ta’ din il-kumpanija (PLN 305 miljun injettati fil-kumpanija flimkien ma’ PLN […] miljun għax-xiri ta’ ishma mingħand l-azzjonisti eżistenti) u impenja ruħu li jimplimenta l-pjan b’mod sħiħ bil-konvinzjoni li dan sejjer irodd lura profitt raġonevoli. Il-fatt li kumpanija privata investiet fondi sinifikanti fit-tarzna u qiegħda tippjana li tiffinanzja l-Pjan ta’ Ristrutturar tal-2009 huwa, fil-fehma tal-Kummissjoni, sinjal li operatur fis-suq jemmen li t-tarzna ta’ Gdańsk tista’ terġa’ tirkupra l-vijabbiltà tagħha. Barra minn hekk, ISD Polska wriet li hija għandha esperjenza siewja ħafna fir-ristrutturar b’suċċess tal-kumpaniji f’diffikultajiet (Huta Częstochowa), li tipprovdi assigurazzjoni addizzjonali għall-kredibbiltà tal-pjan.

(243)

Fir-rigward tal-istrateġija tan-negozju tat-tarzna, il-Kummissjoni tqis li d-diversifikazzjoni ppjanata tal-attivitajiet mhux biss sejra tagħmel lill-kumpanija inqas vulnerabbli għall-bidliet ċikliċi fis-suq tal-bini tal-bastimenti, iżda sejra tagħtiha wkoll l-opportunità li tuża l-kapaċitajiet tagħha fl-ipproċessar tal-azzar b’mod aktar effiċjenti u li tibbenifika minn opportunitajiet ġodda fis-suq fil-produzzjoni tal-enerġija mir-riħ. Barra minn hekk, id-diversifikazzjoni tal-attivitajiet sejra tippermetti li l-ispejjeż fissi tal-kumpanija jinqasmu bejn diversi attivitajiet u sejra tagħmel il-kumpanija aktar reżistenti għall-kundizzjonijiet dejjem jinbidlu tas-suq.

(244)

Il-Kummissjoni tqis li l-miżuri tar-ristrutturar ippjanati sejrin jindirizzaw in-nuqqasijiet tat-tarzna b’mod adegwat. Il-pjan jippreżenta strateġija dettaljata għall-implimentazzjoni tal-miżuri kollha tar-ristrutturar, b’mod partikolari fil-qasam tal-organizzazzjoni, l-ippjanar, iċ-ċiklu tal-produzzjoni, il-provvisti, il-loġistika u l-impjiegi.

(245)

Il-Kummissjoni tinnota li l-pjan jassumi ristrutturar wiesa’ fl-impjiegi, li jinvolvi tnaqqis sinifikanti fl-impjiegi minn naħa waħda u żieda fil-pagi fuq in-naħa l-oħra. Il-pjan ta’ ristrutturar jirrikonoxxi li l-assenteiżmu għoli, ir-rotazzjoni u l-ineffiċjenza tal-istruttura tal-impjiegi u l-pagi huma fost il-problemi ewlenin tat-tarzna. Il-Kummissjoni tqis li l-miżuri ppjanati, bħaż-żidiet fil-pagi u l-implimentazzjoni ta’ direzzjonijiet fil-karrieri u sistemi ta’ lealtà stabbiliti, sejrin jindirizzaw il-problemi identifikati. Il-Kummissjoni tinnota li l-impjiegi diġà tnaqqsu b’[… aktar minn 20]% mill-2006 sal-lum. Il-paga medja fix-xahar fl-2008 fil-produzzjoni diretta żdiedet b’[… aktar minn 20]% sa mill-2005. Il-pjan jipprovdi għal aktar żidiet fil-pagi: b’[…] % fl-2009, […] % fl-2010, […] % fl-2011 u […] % fl-2012, filwaqt li jirrikonoxxi wkoll li, bħala riżultat tat-tnaqqis ekonomiku u l-għeluq tat-tarzni fi Gdynia u Szczecin, l-aspettattivi finanzjarji tal-ħaddiema naqsu.

(246)

Il-Pjan ta’ Ristrutturar tal-2009 jispjega li żieda fl-effiċjenza tal-produzzjoni u kooperazzjoni aktar frekwenti mas-sottokuntratturi sejrin ikunu jfissru li jkun hemm bżonn ta’ inqas ħaddiema fit-tarzna. Il-pjan jistabbilixxi wkoll l-impatt finanzjarju tat-tnaqqis fl-impjiegi. Fuq il-bażi tal-argumenti msemmija fuq, il-Kummissjoni hija tal-fehma li r-ristrutturar propost fl-impjiegi sejjer ikun wiesa’ biżżejjed sabiex jindirizza l-problemi tat-tarzna.

(247)

Il-Kummissjoni tqis li l-istrateġija ppjanata tat-tnaqqis b’mod sinifikanti tal-attività tal-bini tal-bastimenti u l-ispeċjalizzazzjoni fil-produzzjoni ta’ bastimenti speċjalizzati mgħammra parzjalment hija waħda raġonevoli. Barra minn hekk, l-investitur wera bil-provi li l-istrateġija magħżula hija waħda realistika, meta wieħed iqis li fl-2008 it-tarzna pproduċiet ħames bwieq għal bastimenti off-shore minn fost is-sitt bastimenti prodotti b’kollox.

(248)

Fir-rigward tal-attività tal-bini tal-bastimenti, il-pjan jipprovdi diversi miżuri biex jindirizza l-aktar kawżi esterni importanti tad-diffikultajiet attwali tat-tarzna. Il-pjan jipprovdi klawżoli tal-indiċjar fil-kuntratti tal-bini tal-bastimenti għat-trasferiment ta’ mill-inqas parti mir-riskji assoċjati mal-ispejjeż materjali u tal-pagi lill-proprjetarju tal-bastiment. Il-Pjan ta’ Ristrutturar tal-2009 jipprevedi wkoll l-implimentazzjoni ta’ politika dettaljata dwar il-hedging sabiex jittaffew ir-riskji relatati mal-kambju. Il-Kummissjoni tqis li l-miżuri proposti huma adegwati. L-analiżi tas-sensittività ppreżentata turi li l-miżuri ppjanati sejrin irendu lill-kumpanija f’waħda relattivament reżistenti għall-kundizzjonijiet dejjem jinbidlu tas-suq, inklużi l-varjazzjonijiet fir-rati tal-kambju.

(249)

Fir-rigward tal-produzzjoni tal-istrutturi tal-azzar, il-pjan ta’ ristrutturar jinkludi pjan ta’ negozju separat ibbażat fuq l-analiżi tas-suq imħejjija minn konsulent estern ta’ ISD Polska. Il-pjan jgħid li l-prospetti għall-iżvilupp ta’ dan is-segment tas-suq fil-Polonja huma tajbin u jagħmel enfasi fuq il-benefiċċji tal-pożizzjoni qrib il-Baħar Baltiku. Barra minn hekk, l-esperjenza ta’ ISD Polska fil-produzzjoni u l-bejgħ tal-istrutturi tal-azzar għandha żżid mal-punti ta’ saħħa tal-kumpanija. Il-pjan jassumi produzzjoni fil-mira ta’ madwar […aktar minn 50 000] tunnellata mill-2013, li għandha tinkiseb permezz ta’ żieda gradwali fis-snin li ġejjin. Dan il-livell ta’ produzzjoni għandu jagħti lit-tarzna ta’ Gdańsk sehem fis-suq ta’ […] % fis-suq Pollakk.

(250)

Ġie muri li l-pjanijiet biex tiżdied il-produzzjoni tal-istrutturi tal-azzar huma realistiċi, għaliex sa minn kmieni fl-2008, l-ewwel sena tal-operazzjonijiet wara li t-tarzna ttieħdet minn ISD Polska, il-kumpanija rnexxielha tipproduċi u tbiegħ aktar minn 10 000 tunnellata ta’ strutturi tal-azzar, li qabżu bil-kbir l-aspettattivi oriġinali tal-investitur. Barra minn hekk, f’Huta Częstochowa, ISD Polska rnexxielha żżid il-bejgħ tagħha minn [… aktar minn 30 000] tunnellata fl-2004 għal [… aktar minn 50 000] tunnellata fl-2006 u [… aktar minn 90 000] tunnellata fl-2008.

(251)

Il-produzzjoni tal-istrutturi tal-azzar fil-Polonja ilha tiżdied b’mod kostanti mis-snin disgħin. Fl-2003 il-produtturi Pollakki bnew strutturi tal-azzar li kienu jiswew PLN 6 miljun, waqt li ċ-ċifri korrispondenti għall-2006 u l-2007 kienu PLN 9,4 miljun u PLN 12,5 miljun rispettivament. Dan jindika li s-suq ħa xejra ‘l fuq. Huwa assunt li fis-snin li ġejjin sejra tkompli tiżdied t-talba għall-istrutturi tal-azzar fil-Polonja. Il-pjan tan-negozju jirrikonoxxi li t-talba naqset bħala riżultat tal-kriżi ekonomika attwali, iżda huwa mistenni li din tiżdied permezz ta’ investimenti fil-Polonja li jkunu kofinanzjati mill-fondi strutturali tal-UE u proġetti ta’ infrastruttura importanti.

(252)

L-investitur issottometta kopji tal-kuntratti eżistenti għall-kunsinna tal-istrutturi tal-azzar, pereżempju għal ordni mingħand ISD Trade, kumpanija sussidjarja li hija responsabbli għall-bejgħ tal-istrutturi tal-azzar f’ISD Group, minn […] Sp. z o.o. għall-kunsinna ta’ strutturi tal-azzar b’volum totali ta’ 25-30 000 tunnellata fl-2008. Għalkemm mhuwiex ċar xi proporzjon tal-ordni għandu jitwettaq fit-tarzna ta’ Gdańsk u f’Huta Częstochowa rispettivament, dan jindika li hemm domanda fis-suq u li ISD Polska hija kapaċi tattira klijenti u ssib ix-xerrejja għall-prodotti tagħha. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li l-bejgħ tal-istrutturi tal-azzar previst fil-Pjan ta’ Ristrutturar tal-2009 huwa realistiku.

(253)

Intwera li l-marġini tal-profitti antiċipati huma realistiċi. Il-marġini tal-profitti antiċipati huma iżgħar minn dawk attwalment miksuba minn ISD Polska (il-marġini fuq il-bejgħ kienu jammontaw għal [… aktar minn 10] % fl-2006, [… bejn 10 u 20] % fl-2007 u [… aktar minn 10] % fl-2008), filwaqt li l-marġini futuri antiċipati fuq EBITDA fit-tarzna ta’ Gdańsk jammontaw għal [… mhux aktar minn 10] %. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-bejgħ u r-riżultati finanzjarji antiċipati għall-produzzjoni tal-istrutturi tal-azzar jistgħu jitqiesu bħala prudenti u kredibbli.

(254)

Il-Kummissjoni tinnota li l-produzzjoni tal-istrutturi tal-azzar fit-tarzna ta’ Gdańsk sejra tkun ibbażata fuq il-kapaċità eżistenti tal-ipproċessar tal-azzar użata bħalissa għall-bini tal-bastimenti. Għalhekk, iż-żieda sinifikanti antiċipata fil-produzzjoni sejra tinkiseb b’investimenti relattivi mhux sinifikanti, riflessi f’rata interna relattivament għolja ta’ ritorn għall-attività tal-istrutturi tal-azzar.

(255)

Fuq il-bażi tal-informazzjoni sottomessa, il-Kummissjoni tikkonkludi li n-negozju tal-kostruzzjoni tal-azzar, li għandu jifforma parti integrali u sinifikanti mill-operazzjonijiet tat-tarzna l-ġdida, huwa bbażat fuq analiżi kredibbli tal-pożizzjoni kompetittiva tal-kumpanija. L-analiżi tas-suq turi li l-bejgħ u r-riżultati finanzjarji antiċipati huma realistiċi. Ġie muri li l-pjan huwa bbażat fuq suppożizzjonijiet realistiċi.

(256)

Il-pjan ta’ ristrutturar tal-2009 jinkludi pjan ta’ negozju separat għall-attivitajiet tal-produzzjoni tal-enerġija mir-riħ tat-tarzna ta’ Gdańsk. Dan il-pjan huwa bbażat fuq analiżi tas-suq, li tindika prospetti tajbin għall-kumpaniji li jidħlu f’dan is-segment tas-suq. Il-kumpanija sejra tibbenifika minn provvisti regolari minn Huta Częstochowa, sejjer ikollha lokazzjoni tajba li tippermettilha tiddistribwixxi l-prodotti bil-baħar u sejra tibbenifika mill-esperjenza ta’ ISD Polska fil-produzzjoni tal-komponenti tat-torrijiet tar-riħ. Il-pjan juri wkoll li t-talba għat-torrijiet tar-riħ sejra tiżdied bħala riżultat ta’ inċentivi leġiżlattivi (li jippromwovu sorsi rinovabbli tal-enerġija) u fatturi ekonomiċi (pereżempju prezzijiettal-materji primi li jvarjaw). Skont analiżi indipendenti, fl-2010 it-torrijiet tar-riħ sejrin jipproduċu 172 miljun MW ta’ enerġija madwar id-dinja, li jiżdiedu għal 378 miljun MW fl-2015 (42).

(257)

Il-kumpanija ssottomettiet evidenza li fi Frar u April 2009 hija organizzat diskussjonijiet ma’ bennejja potenzjali tal-impjant tat-torri tar-riħ (43). Dawn id-diskussjonijiet ikkonfermaw is-suppożizzjonijiet tal-investitur rigward l-ispiża u l-iskeda tal-iżvilupp tal-proġett.

(258)

Il-pjan jippreżenta s-suppożizzjonijiet li jsostnu l-projezzjonijiet finanzjarji fid-dettall, pereżempju d-dħul ibbażat fuq informazzjoni miksuba mingħand ix-xerrejja potenzjali, l-ispejjeż ibbażati fuq previżjonijiet għall-prezzijiet tal-azzar u l-enerġija, l-impjieg ta’ madwar […] ħaddiema, eċċ. Il-Kummissjoni tqis li ntwera li dawn is-suppożizzjonijiet huma kredibbli u li r-riżultati finanzjarji antiċipati huma għalhekk realistiċi.

(259)

Il-fatt li kien hemm żewġ banek li wrew interess fl-iffinanzjar tal-investiment fin-negozju tat-torrijiet tar-riħ huwa indikazzjoni oħra li l-proġett huwa kredibbli u li s-suq jemmen fil-vijabbiltà fit-tul tiegħu.

(260)

Il-Kummissjoni tqis li ntwera li l-projezzjonijiet finanzjarji aggregati għat-tliet attivitajiet kollha tat-tarzna huma kredibbli u jindikaw li l-implimentazzjoni tal-pjan sejra twassal għall-irkupru tal-vijabbiltà fit-tul tat-tarzna.

(261)

Il-Kummissjoni tqis li s-suppożizzjonijiet li jsostnu l-projezzjonijiet huma raġonevoli. Intwera li dawn huma bbażati fuq sorsi kredibbli u huma realistiċi. Iż-żieda antiċipata fil-prezzijiet tal-enerġija u l-konsumaturi u t-tendenzi previsti fir-rati tal-imgħax interbankarji kienu bbażati fuq analiżi indipendenti. Il-prezzijiet tal-bejgħ antiċipat tal-bastimenti huma bbażati fuq ir-riżultati miksuba sal-lum, il-prezzijiet ikkuntrattati eżistenti, l-ittri ta’ intenzjoni u d-dejta tas-suq.

(262)

Fir-rigward tal-evoluzzjoni tas-salarji, il-Kummissjoni tinnota li l-paga fit-tarzna diġà żdiedet b’mod sinifikanti. Il-mudell finanzjarju jassumi li, matul il-perjodu 2009-18, l-ispejjeż medji tax-xogħol għal kull siegħa sejrin jiżdiedu b’[… aktar minn 40] %. Anki jekk il-paga medja fit-tarzna fl-2009 sejra tkun [… madwar 15] % ogħla milli kienet fl-2007, il-pjan jantiċipa li sejjer ikun hemm aktar żidiet fis-salarji. Fid-dawl tal-fatturi msemmija fuq u meta wieħed jikkunsidra l-kriżi ekonomika attwali u l-issikkar tas-suq tax-xogħol fil-Polonja, b’mod partikolari fis-settur tal-bini tal-bastimenti, il-Kummissjoni tqis is-suppożizzjonijiet rigward l-evoluzzjoni tas-salarji bħala korretti.

(263)

Fl-aħħarnett, l-analiżi tas-sensittività turi li l-pjan sejjer jagħmel lit-tarzna ta’ Gdańsk b’saħħitha biżżejjed sabiex tkun tiflaħ għall-fatturi ta’ riskju prinċipali assoċjati mal-attivitajiet tagħha. Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-analiżi tas-sensittività turi li l-projezzjonijiet finanzjarji huma relattivament reżistenti għall-bidliet fis-suppożizzjonijiet sottostanti.

(264)

Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Pjan ta’ Ristrutturar tal-2009 huwa b’saħħtu biżżejjed sabiex jassigura l-irkupru tal-vijabbiltà tat-tarzna ta’ Gdańsk.

(c)   Għajnuna limitata għall-minimu strett

(265)

Skont il-punt 43 tal-Linji Gwida, l-ammont tal-għajnuna għandu jkun limitat għall-minimu strett tal-ispejjeż tar-ristrutturar neċessarji sabiex jippermetti li jitwettaq ir-ristrutturar. Il-benefiċjarju mistenni jagħmel kontribuzzjoni sinifikanti għall-finanzjament tar-ristrutturar mir-riżorsi tiegħu stess jew minn finanzjament estern fil-kundizzjonijiet tas-suq. Minn naħa waħda, din il-kontribuzzjoni hija sinjal li s-suq jemmen li l-kumpanija tista’ ssir vijabbli u, min-naħa l-oħra, mod ta’ kif ikun żgurat li l-għajnuna mill-Istat hija limitata għall-minimu. Fil-każ ta’ impriżi kbar, bħat-tarzna ta’ Gdańsk, din il-kontribuzzjoni għandha tkun mill-inqas 50 % tal-ispejjeż għar-ristrutturar. Il-kontribuzzjoni proprja għandha tkun reali u attwali, li teskludi l-profitti antiċipati u l-likwidità (il-punt 43 tal-Linji Gwida).

(266)

L-ispejjeż għar-ristrutturar u s-sorsi tal-finanzjament huma deskritti fil-premessa 134 aktar ‘il fuq. Il-Kummissjoni tinnota li l-ispejjeż finanzjarji relatati mal-garanziji tal-produzzjoni ssussidjati mill-Istat għandhom jittieħdu wkoll f’kunsiderazzjoni. Għalhekk, l-ispejjeż totali għar-ristrutturar jammontaw għal PLN [… aktar minn 1 000] miljun. Dan l-ammont jinkludi l-ispejjeż ta’ PLN [… aktar minn 1 000] miljun kif ippreżentat fil-premessa 134 hawn fuq, il-komponent tal-għajnuna tal-garanziji tal-produzzjoni li huma speċifiċi iżda karatteristika normali tal-bini tal-bastimenti mogħtija lit-tarzna fil-passat f’ammont ta’ PLN 18,9 miljun, kif ġie deskritt fil-premessa 216 fuq, u l-komponent tal-għajnuna tal-garanziji tal-produzzjoni fil-futur f’ammont ta’ PLN 28,8 miljun, kif ġie deskritt fil-premessa 218.

(267)

Il-Kummissjoni tqis li l-ispejjeż tar-ristrutturar huma limitati għall-minimu neċessarju u kienu debitament ġustifikati. Il-pjan ta’ ristrutturar jippreżenta pjan ta’ investiment ċar u dettaljat. L-obbligazzjonijiet ċivili u pubbliċi pendenti li jeħtieġ li jitħallsu lura huma definiti sewwa. Il-pjan jippreżenta u jispjega b’mod ċar l-ispejjeż tar-ristrutturar fl-impjiegi u jindika l-kapital meħtieġ sabiex tittejjeb il-karta tal-bilanċ tal-kumpanija. Fir-rigward tal-perjodu wara l-1 ta’ Mejju 2004 u qabel ir-ristrutturar attwali fuq il-bażi tal-Pjan ta’ Ristrutturar tal-2009, il-Kummissjoni tinnota li l-għajnuna mill-Istat mogħtija lit-tarzna ntużat biex tkopri t-telf u biex iżżomm it-tarzna għaddejja u għalhekk tista’ titqies bħala prokura għall-ħtiġijiet tal-likwidità tal-kumpanija fil-perjodu taħt reviżjoni.

(268)

Il-pjan ta’ ristrutturar jassumi li l-kontribuzzjoni proprja biex tkopri l-ispejjeż tar-ristrutturar tat-tarzna ta’ Gdańsk sejra tiġi mis-sorsi li ġejjin: injezzjoni ta’ kapital minn ISD Polska (PLN 305 miljun), il-bejgħ u l-kiri ta’ assi superfluwi (PLN […] miljun) u finanzjament estern f’termini tas-suq, jiġifieri self mill-banek (PLN […] miljun).

(269)

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-elementi proposti tal-kontribuzzjoni proprja hija ppreżentata hawn taħt.

(270)

L-ewwelnett, l-injezzjoni tal-kapital ta’ PLN 305 miljun diġà ġiet ipprovduta minn ISD Polska, li hija kumpanija privata, u diġà ġiet irreġistrata u mħallsa. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li din għandha titqies bħala kontribuzzjoni proprja reali u attwali kif mitlub mil-Linji Gwida.

(271)

It-tieni, il-Kummissjoni taċċetta, fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli, id-dħul mill-bejgħ ta’ xi assi jew il-kiri tagħhom bħala kontribuzzjoni proprja li hija reali u attwali, peress li kienet ġiet ipprovduta u ssostanzjata evalwazzjoni tad-dħul. Dan id-dħul mill-bejgħ/kiri jirrappreżenta ammont ta’ madwar PLN […] miljun.

(272)

Fir-rigward tal-finanzjament ta’ PLN […] miljun li l-kumpanija qiegħda tippjana li tikseb minn sorsi esterni skont it-termini tas-suq, il-Kummissjoni tinnota li l-kumpanija ssottomettiet garanziji kundizzjonali minn żewġ banek sabiex tikkofinanzja l-iżvilupp tal-proġett tat-torrijiet tar-riħ għal ammont totali ta’ PLN […] miljun. Il-Kummissjoni tqis li l-impenji tal-banek huma suffiċjenti sabiex il-finanzjament jitqies bħala ħieles minn għajnuna mill-Istat u bħala reali u attwali skont it-tifsira tal-Linji Gwida. L-ewwelnett, il-garanziji tal-banek huma bbażati fuq il-valutazzjoni tagħhom tal-pjan tan-negozju għall-attività tat-torrijiet tar-riħ u huma kkonfermaw il-kredibbiltà tal-proġett u r-riżultati finanzjarji antiċipati. It-tieni, l-issodisfar tal-kundizzjonijiet imposti mill-banek jiddependi primarjament fuq ISD Stocznia u mhux fuq ċirkostanzi esterni jew imprevedibbli. Fl-aħħarnett, il-banek ikkonfermaw li l-finanzjament sejjer jiġi pprovdut f’kundizzjonijiet prevalenti tas-suq mingħajr ebda garanzija mill-Istat.

(273)

Il-Kummissjoni tinnota li fir-rigward tal-permessi meħtieġa biex titwettaq l-attività u l-garanziji mitluba mill-banek, ISD Stocznia diġà ħadet passi sabiex tassigura l-issodisfar tar-rekwiżiti tal-banek. L-ewwelnett, il-kumpanija applikat mal-awtoritajiet tal-portijiet u t-Teżor għal permess sabiex tittrasferixxi l-art mit-tarzna ta’ Gdańsk għal entità legali separata, ISD Energia Sp. z o.o., li l-attivitajiet tagħha sejrin jinkludu l-produzzjoni tal-enerġija bit-torrijiet tar-riħ. Dan il-permess huwa mitlub bil-liġi, peress li l-art tinsab fiż-żona tal-port, iżda ma hemm ebda indikazzjoni li dan il-permess jista’ jiġi rrifjutat. It-tieni, fir-rigward tal-garanziji meħtieġa fil-forma ta’ ipoteka fuq l-art fil-kwistjoni, ISD Stocznia pprovdiet l-ispjegazzjoni li ġejja. Bħalissal-art hija ipotekata sabiex tiggarantixxi l-obbligazzjonijiet pubbliċi pendenti tat-tarzna. Ladarba l-pjan ta’ ristrutturar tat-tarzna jkun ġie approvat u tkun ingħatat l-għajnuna ppjanata, it-tarzna, skont il-pjan ta’ ristrutturar, sejra tħallas lura l-obbligi pendenti u l-art sejra tiġi rilaxxata mill-ipoteka. Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li fil-probabbiltà kollha, ISD Stocznia sejra tissodisfa dawn iż-żewġ kundizzjonijiet. Ladarba din id-deċiżjoni tiġi adottata, l-approvazzjoni mill-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-banek sejra tkun l-uniku rekwiżit li jifdal. Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-finanzjament estern ippjanat ta’ PLN […] miljun għall-finanzjament tal-proġett tat-torrijiet tar-riħ jista’ jitqies bħala kontribuzzjoni proprja ħielsa mill-għajnuna, reali u attwali sabiex jiġu koperti l-ispejjeż tar-ristrutturar.

(274)

B’kollox il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-finanzjament ta’ PLN […madwar 500] miljun (305 miljuni + […] miljun + […] miljun) jista’ jitqies bħala kontribuzzjoni proprja reali u attwali għall-finanzjament tal-ispejjeż tar-ristrutturar. Peress li l-ispejjeż tar-ristrutturar totali jammontaw għal PLN [… aktar minn 1 000] miljun, il-kontribuzzjoni proprja tal-ammont imsemmi aktar ‘il fuq tikkostitwixxi 45 % tal-ispejjeż tar-ristrutturar totali.

(275)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li t-tarzna bdiet ir-ristrutturar sa minn kmieni fl-2002. Fid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni nnotat li kien hemm bżonn li l-għajnuna mogħtija lit-tarzna qabel l-adeżjoni tittieħed f’kunsiderazzjoni fil-valutazzjoni ta’ jekk l-għajnuna mill-Istat mogħtija wara l-adeżjoni tal-Polonja mal-UE kinitx limitata jew le għall-minimu neċessarju.

(276)

Matul il-perjodu 2002-04, kif stabbilit fid-deċiżjoni li tinfetaħ l-investigazzjoni formali, it-tarzna ta’ Gdańsk irċeviet PLN 157 miljun bħala għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni tqis li dan l-ammont ikopri l-ispejjeż meħtieġa sabiex tinżamm il-likwidità tal-kumpanija f’dak il-perjodu. Konsegwentement, l-ispejjeż tar-ristrutturar totali mill-2002 jammontaw għal PLN […] miljun. Bħala riżultat, il-kontribuzzjoni proprja ta’ PLN [… madwar 500] miljun sejra tkopri 40 % ta’ dawn l-ispejjeż tar-ristrutturar.

(277)

Il-Kummissjoni tinnota li l-livell ta’ 40 %, għalkemm sinifikanti, jibqa’ taħt il-limitu ta’ 50 % normalment mitlub mil-Linji Gwida. Madankollu, skont il-punt 44 tal-Linji Gwida, f’ċirkostanzi eċċezzjonali u f’każijiet ta’ tbatija partikolari, il-Kummissjoni tista’ taċċetta kontribuzzjoni aktar baxxa. L-ewwelnett, il-livell ta’ 40 % huwa sinifikanti. It-tieni, il-kumpanija tinsab f’żona li hija eliġibbli għal għajnuna reġjonali skont l-Artikolu 87(3)(a) tat-Trattat tal-KE, li jista’ jiġġustifika, skont il-punt 56 tal-linji gwida, livell aktar baxx ta’ kontribuzzjoni proprja (44). It-tielet, il-Kummissjoni tinnota li t-tarzna ta’ Gdańsk għamlet perjodu twil ta’ żmien f’diffikultà finanzjarja. Minkejja l-falliment tagħha fl-1996 u t-teħid tagħha mit-tarzna ta’ Gdynia fl-1998, it-tarzna (u l-kumpanija prinċipali tagħha) naqset milli tagħmel bidliet strutturali xierqa sabiex taġġusta gradwalment għall-ekonomija tas-suq u l-kompetizzjoni internazzjonali. Wara l-adeżjoni tal-Polonja mal-UE, it-tarzna baqgħet proprjetà tal-Istat għal aktar minn tliet snin u kwalunkwe appoġġ mill-azzjonisti tat-tarzna f’dak iż-żmien kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Peress li l-privatizzazzjoni ma seħħitx qabel l-2007, kien sejjer ikun diffiċli għall-proprjetarju privat attwali biex iqabbel l-ammonti sinifikanti tal-għajnuna mogħtija lit-tarzna ma’ kontribuzzjoni proprja mingħajr ma jipperikola qligħ raġonevoli fuq l-investiment tiegħu u l-irkupru tal-vijabbiltà tat-tarzna.

(278)

Il-Kummissjoni tapprezza wkoll li l-awtoritajiet Pollakki rnexxielhom jipprivatizzaw it-tarzna u għal din ir-raġuni hija tal-fehma li l-kontribuzzjoni proprja hija l-ogħla possibbli fiċ-ċirkostanzi. Il-Kummissjoni tinnota li t-tentattivi mingħajr suċċess biex tipprivatizza u tirristruttura ż-żewġ tarzni Pollakki l-oħrajn fi Gdynia u Szczecin jindikaw li huwa diffiċli li tattira investituri privati li jkunu lesti li jagħmlu kontribuzzjoni finanzjarja sinifikanti għar-ristrutturar ta’ settur b’rekord daqstant ħażin. Għaldaqstant, l-involviment sinifikanti minn ISD Polska fit-tarzna ta’ Gdańsk jista’ jitqies bħala l-massimu li jista’ jinkiseb.

(279)

Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni tinnota li, jekk jittieħdu f’kunsiderazzjoni biss l-ispejjeż tar-ristrutturar imġarrba wara l-2004 (inklużi l-ħtiġijiet tal-likwidità ffinanzjati permezz tal-għajnuna mill-Istat), il-kontribuzzjoni proprja tammonta għal 45 %. L-għajnuna mill-Istat mogħtija lit-tarzna bejn l-2002 u l-2004 tnaqqas din il-kontribuzzjoni għal 40 %, li l-Kummissjoni tqis bħala aċċettabbli għar-raġunijiet imsemmija aktar ‘il fuq u għar-raġunijiet li ġejjin. Fil-perjodu qabel l-2004, meta ngħatat din l-għajnuna, kienu japplikaw il-Linji Gwida tal-1999 u dawk il-Linji Gwida ma kinux jippreskrivu limitu ta’ 50 % għal kontribuzzjonijiet proprji. Fid-dawl ta’ dawk il-Linji Gwida u tal-prattika tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni f’dak iż-żmien, fil-probabbiltà kollha, kontribuzzjoni proprja ta’ 40 % kienet meqjusa bħala waħda suffiċjenti.

(280)

Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni hija tal-fehma li f’dan il-każ, meta wieħed iqis l-istorja twila ta’ tentattivi sabiex tinżamm il-likwidità finanzjarja tal-kumpanija taħt il-pussess tal-Istat u l-fatt li t-tarzna kienet eventwalment privatizzata, kontribuzzjoni proprja ta’ 40 % hija sinifikanti biżżejjed u tassigura li l-għajnuna tkun limitata għall-minimu meħtieġ sabiex tippermetti li jsir ir-ristrutturar tat-tarzna ta’ Gdańsk u biex din tikseb lura l-vijabbiltà tagħha.

(281)

Il-Kummissjoni tinnota li minbarra l-għajnuna għall-iffinanzjar tal-ispejjeż tar-ristrutturar, it-tarzna ta’ Gdańsk sejra tkompli tiffinanzja l-ħtiġijiet tal-kapital tax-xogħol tagħha bl-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji tal-produzzjoni pprovduti mill-Korporazzjoni għall-Assigurazzjoni tal-Krediti ta’ Esportazzjoni. Hija sejra tirċievi dawn il-garanziji fuq termini li jikkorrispondu għal dawk applikati, taħt l-iskema ħielsa mill-għajnuna approvata mill-Kummissjoni (45), għal kumpaniji bl-ogħla profil ta’ riskju. Il-Kummissjoni tinnota li dawn il-garanziji jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, kif ġie spjegat fil-premessa (214). Madankollu, il-Kummissjoni tqis li t-termini ta’ dawn il-garanziji, b’mod partikolari l-ipprezzar, huma allinjati mal-kundizzjonijiet tal-iskema tal-garanziji msemmija fuq, li tassigura li l-għajnuna tkun limitata għall-minimu meħtieġ. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi wkoll il-ħtieġa għal dawn il-garanziji, li ġeneralment jintużaw fis-settur u li mhumiex speċifiċi għal dawk il-kumpaniji f’diffikultà finanzjarja.

(d)   Evitar ta’ distorsjoni żejda tal-kompetizzjoni

(282)

Skont il-punti 38-42 tal-Linji Gwida, għandhom jittieħdu miżuri sabiex jittaffew kemm jista’ jkun possibbli kwalunkwe effetti negattivi tal-għajnuna fuq il-kompetituri. L-għajnuna m’għandhiex toħloq distorsjoni bla bżonn tal-kompetizzjoni. Dan normalment ikun ifisser li s-sehem tal-kumpanija fis-suq jiġi llimitat wara l-aħħar tal-perjodu tar-ristrutturar. It-tnaqqis jew il-limitazzjoni obbligatorja tal-preżenza tal-kumpanija fis-suq rilevanti tirrappreżenta miżura ta’ kumpens favur il-kompetituri tagħha. Din għandha tkun fi proporzjon tajjeb għall-effetti ta’ distorsjoni tal-għajnuna u għall-importanza relattiva tal-impriża fis-suq jew is-swieq tagħha.

(283)

Il-Kummissjoni tinnota li mill-2002 it-tarzna ta’ Gdańsk bdiet tibbenifika minn ammonti sinifikanti ta’ għajnuna u fil-fatt, minn dak iż-żmien, il-preżenza tagħha fis-suq kienet possibbli grazzi għall-għajnuna kostanti mill-Istat ipprovduta f’forom differenti: in-nuqqas ta’ infurzar ta’ obbligazzjonijiet pubbliċi, self, injezzjonijiet ta’ kapital u garanziji ta’ ħlas bil-quddiem fuq termini vantaġġużi, li mingħajrhom it-tarzna ma kinitx tkun tista’ tikkonkludi l-kuntratti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li t-tarzna hija waħda mill-akbar tliet tarzni fil-Polonja u fost il-produtturi importanti fl-Ewropa, li tirrinforza d-distorsjoni tal-kompetizzjoni maħluqa mill-għajnuna. Għalhekk, skont il-punt 40 tal-Linji Gwida, il-miżuri għandhom ikunu wiesa’ biżżejjed sabiex ikunu fi proporzjon mal-effetti distortivi tal-għajnuna. Il-Kummissjoni tqis li l-miżuri kumpensatorji proposti jillimitaw b’mod suffiċjenti d-distorsjoni tal-kompetizzjoni maħluqa permezz tal-għajnuna mogħtija lit-tarzna ta’ Gdańsk.

(284)

L-ewwelnett, il-Kummissjoni tinnota li t-tarzna sejra tnaqqas il-kapaċità tal-attività tal-bini tal-bastimenti tagħha b’mod sinifikanti billi tagħlaq l-assi tal-produzzjoni li huma indispensabbli għall-bini tal-bastimenti u li sal-lum kienu qegħdin joħolqu l-ostakoli: tnejn minn tliet skali.

(285)

Il-Kummissjoni tqis li l-għeluq ta’ żewġ skali huwa suffiċjenti għar-raġunijiet li ġejjin. Meta ġiet biex tiddetermina l-ambitu tat-tnaqqis tal-kapaċità meħtieġa, il-Kummissjoni evalwat il-kapaċità teknika attwali tat-tarzna u qabblitha mal-kapaċità potenzjali li tista’ tinkiseb mit-tarzna wara l-proċess ta’ ristrutturar u t-titjib fl-effiċjenza tal-produzzjoni. L-għeluq tal-kapaċità kien imfassal biex jassigura li l-kapaċità teknika tat-tarzna wara r-ristrutturar tkun aktar baxxa mill-kapaċità tagħha qabel ir-ristrutturar appoġġat mill-għajnuna mill-Istat.

(286)

Skont il-konsulent tat-tarzna ta’ Gdańsk, il-kapaċità attwali tat-tarzna qabel l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe miżuri ta’ ristrutturar tammonta għal 165 elf CGT. Il-Pjan ta’ Ristrutturar tal-2009 jassigura li l-kapaċità futura tal-iskal li jifdal jew ta’ kwalunkwe faċilità oħra ta’ varar li sejra tkun qiegħda tuża t-tarzna tkun limitata għal madwar 100 elf CGT. Għalhekk, jidher ċar li l-kapaċità tat-tarzna tnaqqset b’madwar 39 %.

(287)

Barra minn hekk, it-tarzna ntrabtet li ma tużax aktar minn faċilità waħda ta’ varar fi kwalunkwe żmien partikolari, jew l-iskal B1 eżistenti jew kwalunkwe faċilità oħra ta’ varar li t-tarzna tista’ takkwista jew ikollha għad-dispożizzjoni tagħha. Intant, f’każ li t-tarzna tibda tuża faċilità ta’ varar ġdida, il-Kummissjoni tinnota li hija kienet intrabtet li twaqqaf immedjatament il-ftehim tal-kiri li jikkonċerna l-iskal B1.

(288)

L-għeluq ta’ żewġ skali minn tlieta u l-impenn li ma tintużax aktar minn faċilità ta’ varar waħda, filwaqt li l-kapaċità teknika tiġi llimitata għal madwar 100 000 CGT, itaffu d-dubji tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward u jassiguraw li t-tnaqqis tal-kapaċità huwa wiesa’ biżżejjed sabiex jiġi pprovdut kumpens sinifikanti għall-kompetituri tat-tarzna.

(289)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li l-Pjan ta’ Ristrutturar tal-2009 jipprevedi li l-kumpanija sejra tnaqqas b’mod sinifikanti l-attivitajiet tagħha tal-bini tal-bastimenti. Fil-biċċa l-kbira tagħha, il-kumpanija mhijiex sejra tibqa’ tibni bastimenti kompluti. Għalhekk, il-preżenza tat-tarzna fis-swieq fejn seħħet id-distorsjoni tal-kompetizzjoni sejra titnaqqas b’mod sinifikanti.

(290)

Il-Kummissjoni tinnota li l-miżuri ta’ kumpens għandhom jiġu implimentati kemm jista’ jkun malajr wara li tingħata l-għajnuna mill-Istat. F’dan il-każ, il-kumpanija wriet li l-għeluq taż-żewġ skali sejjer jiġi implimentat mill-aktar fis possibbli, billi tittieħed f’kunsiderazzjoni l-ħtieġa li l-bastimenti jiġu mmanifatturati skont il-kuntratti vinkolanti eżistenti mal-proprjetarji tal-bastimenti. L-għeluq aktar kmieni tal-iskali iwassal għal disturbi serji fiċ-ċiklu tal-produzzjoni u jagħmel il-kunsinna tal-bastimenti kuntrattati impossibbli. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li ż-żmien propost għall-għeluq huwa ġustifikat. Il-Kummissjoni tinnota li diġà saru provvedimenti sabiex jingħalqu żewġ slipways fi żmien dovut peress li, f’April 2009, il-kumpanija ffirmat ftehim mal-proprjetarju tal-iskali, li permezz tiegħu l-ftehim tal-kiri jintemm fl-1 ta’ Lulju 2009 għal skal B5 u fl-1 ta’ Jannar 2010 għal skal B3.

(291)

Il-Kummissjoni tqis ukoll li d-distorsjoni tal-kompetizzjoni sejra tkun limitata aktar minħabba l-fatt li t-tarzna impenjat ruħha li tirrispetta l-limitu tal-produzzjoni annwali ta’ 100 000 CGT għal 10 snin mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Għalhekk, saru provvedimenti sabiex jiġi assigurat li, għall-għaxar snin li jmiss, l-għajnuna mill-Istat mogħtija lill-kumpanija ma tistax tintuża għall-espansjoni tal-attivitajiet tagħha tal-bini tal-bastimenti.

(292)

Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri ta’ kumpens proposti huma sinifikanti u wiesa’ biżżejjed sabiex jiġu evitati d-distorsjonijiet żejda tal-kompetizzjoni bħala riżultat tal-għajnuna.

III.   KONKLUŻJONI

(293)

Il-Kummissjoni ssib li l-għajnuna mill-Istat favur it-tarzna ta’ Gdańsk deskritta fil-premessi 105 sa 170 u fit-Tabella 4 ta’ din id-deċiżjoni, kemm l-għajnuna mogħtija illegalment bi ksur tal-Artikolu 88(3) tat-Trattat tal-KE kif ukoll l-għajnuna nnotifikata li għadha ma ngħatatx sal-lum, hija kompatibbli mas-suq komuni skont il-Linji Gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar tal-impriżi f’diffikultà.

(294)

Il-Kummissjoni tinnota li t-tarzna ta’ Gdańsk għandha timplimenta l-pjan ta’ ristrutturar b’mod sħiħ u għandha twettaq kwalunkwe impenji oħrajn li jsostnu din id-deċiżjoni (punt 47 tal-Linji Gwida). Il-Kummissjoni għandha tkun kapaċi taċċerta li l-pjan ta’ ristrutturar ikun qiegħed jiġi implimentat sewwa permezz ta’ rapporti regolari u dettaljati pprovduti mill-Polonja (punt 49 et seq. tal-Linji Gwida). Fil-każ tat-tarzna ta’ Gdańsk, li hija impriża kbira, l-ewwel minn dawn ir-rapporti normalment ikunu jridu jiġu sottomessi lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn sitt xhur wara d-data ta’ din id-deċiżjoni. Sussegwentement ir-rapporti jridu jintbagħtu lill-Kummissjoni mill-inqas darba f’sena, fl-anniversarju ta’ din id-deċiżjoni, sakemm l-objettivi tal-pjan ta’ ristrutturar jkunu jistgħu jitqiesu li ntlaħqu. Dawn ir-rapporti għandhom jinkludu l-informazzjoni kollha li teħtieġ il-Kummissjoni sabiex tkun tista’ timmonitorja l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar u l-finanzjament tiegħu (b’konformità mal-kriterji ppreżentati lill-Kummissjoni), l-iskeda għall-ħlasijiet lill-kumpanija u l-pożizzjoni finanzjarja tagħha, kif ukoll il-konformità ma’ kwalunkwe kundizzjonijiet jew impenji previsti f’din id-deċiżjoni. B’mod partikolari, dawn għandhom jinkludu l-informazzjoni kollha rilevanti dwar kull għajnuna għal kwalunkwe għan li l-kumpanija tkun irċeviet, jew fuq bażi individwali jew inkella taħt skema ġenerali, matul il-perjodu tar-ristrutturar (ara l-punti 68 sa 71 tal-Linji Gwida). Fejn il-Kummissjoni tkun teħtieġ konferma fil-pront ta’ ċerti elementi ewlenin tal-informazzjoni, pereżempju, dwar it-tnaqqis tal-kapaċità, hija tista’ titlob għal rapporti aktar frekwenti (il-punt 48 tal-Linji Gwida). Kwalunkwe emenda fil-pjan tar-ristrutturar trid tiġi nnotifikata skont il-punt 52 et seq. tal-Linji Gwida. Il-Kummissjoni għandha tivverifika, jekk ikun hemm bżonn bl-appoġġ ta’ konsulent estern, li r-rapporti jipprovdu informazzjoni komprensiva u preċiża skont id-deċiżjoni preżenti.

(295)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-prinċipju ‘ta’ darba, l-aħħar darba’ japplika skont il-punt 72 et seq. tal-Linji Gwida,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-għajnuna mill-Istat li l-Polonja implimentat parzjalment u li qiegħda tippjana li tagħti favur it-tarzna ta’ Gdańsk għall-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar tagħha ta’ Mejju 2009, deskritta fil-premessi 105 sa 170 u fit-Tabella 4 ta’ din id-deċiżjoni, u li tammonta għal PLN 555 030 629,80, hija kompatibbli mas-suq komuni skont it-tifsira tal-Artikolu 87(3)(ċ) tat-Trattat tal-KE.

2.   Barra minn hekk, l-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji tal-Korporazzjoni għall-Assigurazzjoni tal-Krediti ta’ Esportazzjoni li kienet implimentata parzjalment (valur nominali ta’ PLN 346 miljun) u li għandha tingħata favur it-tarzna ta’ Gdańsk għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Ristrutturar tal-2009 (valur nominali ta’ PLN 180 miljun bħala l-espożizzjoni massima annwali tal-Korporazzjoni għall-Assigurazzjoni tal-Krediti ta’ Esportazzjoni) hija kompatibbli mas-suq komuni skont it-tifsira tal-Artikolu 87(3)(ċ) tat-Trattat tal-KE.

3.   L-implimentazzjoni tal-għajnuna mill-Istat imsemmija fl-Artikolu 1(1) u (2) hija għalhekk awtorizzata taħt il-kundizzjoni li l-Pjan ta’ Ristrutturar tal-2009 u l-miżuri ta’ kumpens previsti jkunu implimentati kif xieraq u li jiġi rrispettat il-proporzjon previst ta’ kontribuzzjoni proprja ħielsa mill-għajnuna mill-Istat għall-ispejjeż tar-ristrutturar. Il-Polonja għandha tissottometti rapporti regolari u dettaljati lill-Kummissjoni, li jagħtuha l-opportunità li timmonitorja l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar u l-finanzjament tiegħu, kif ukoll il-konformità mal-arranġamenti għat-tnaqqis fil-kapaċità u r-restrizzjonijiet tal-produzzjoni deskritti fil-premessi (284) u (291) ta’ din id-deċiżjoni. Ir-rapporti għandhom jinkludu l-informazzjoni kollha deskritta fil-premessa (294) ta’ din id-deċiżjoni u għandhom jintbagħtu b’konformità mal-iskeda ta’ żmien indikata f’dik il-premessa.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Lulju 2009.

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU C 220, 8.9.2005, p. 7.

(2)  Ara n-Nota 1 ta’ qiegħ il-paġna.

(3)  Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Novembru 2005, irreġistrata fit-18 ta’ Novembru 2005, l-awtoritajiet Pollakki talbu għal siltiet bl-Ingliż magħżula mis-sottomissjonijiet tal-partijiet terzi lill-Kummissjoni sabiex jiġu tradotti għall-Pollakk. Il-Kummissjoni bagħtet dawn it-traduzzjonijiet permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Diċembru 2005.

(4)   ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(5)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 6771 tas-6 ta’ Novembru 2008 fil-każ C 17/05 Għajnuna għar-ristrutturar għal Stocznia Gdynia, li għadha ma ġietx ippubblikata.

(*1)  L-ewwel nofs tal-2002 ġab miegħu żviluppi ġodda għat-tarzna (fir-ristrutturar mill-1998), meta għall-ewwel darba hija għamlet profitt fuq bażi ta’ nofs sena. Madankollu, ir-riżultat globali għas-sena 2002 xorta waħda kien għadu negattiv.

(6)  Il-bażi legali hija deskritta fid-dettall fid-deċiżjoni li tinfetaħ investigazzjoni formali, parti 3.2.

(7)  Id-deċiżjoni biex tiġi ristrutturata t-Tarzna ta’ Gdańsk fil-fatt inħarġet fit-30 ta’ Diċembru 2004.

(8)  Għad-dettalji ara l-premessa 67 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni sabiex tinfetaħ investigazzjoni formali.

(9)  Il-benefiċjarju jasserixxi li l-linji gwida Komunitarji tal-1999 dwar l-għajnuna tal-Istat biex jiġu salvati u ristrutturati ditti f’diffikultà (ĠU C 288, 9.10.1999, p. 2) japplikaw.

(10)  Minuti tal-Kunsill tal-Ministri tal-25 ta’ Jannar 2005 u tal-5 ta’ Ottubru 2005, ippubblikati fuq il-websajt.

(11)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Mejju 2008 (C(2008) 2277).

(12)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 6771 tas-6 ta’ Novembru 2008 fil-każ C 17/05 Għajnuna għar-ristrutturar għal Stocznia Gdynia, li għadha ma ġietx ippubblikata.

(*2)  Partijiet minn dan it-test ġew moħbija bil-għan li ma tixxandarx informazzjoni kunfidenzjali. Dawn ġew indikati b’linja bit-tikek fil-parentesi kwadri.

(13)  Kien assunt li l-produzzjoni tal-jibs kienet sejra tiżdied minn […] tunnellati fl-2008 għal […] tunnellati fl-2009, il-produzzjoni tal-istrutturi għall-ħżin minn […] tunnellati fl-2008 għal […] tunnellati fl-2009, il-produzzjoni tal-istrutturi tal-azzar għall-bini minn […] għal […] tunnellati fl-2011 u l-kostruzzjoni ta’ partijiet tal-bastimenti għal produtturi oħrajn minn […] għal […] tunnellati fl-2011.

(14)  Il-lista sħiħa ta’ investimenti tista’ tinstab fit-Tabelli 27 u 28, p. 138 u pp.96-97 tal-Pjan ta’ Ristrutturar tal-2009 tal-ISD Polska.

(15)  Tabella 42, paġna 247 tal-Pjan ta’ Ristrutturar tal-2009 (ISD Polska).

(16)  Graff numru 38, p. 141 tal-Pjan ta’ Ristrutturar Konġunt tal-ISD.

(17)  Anness 16 għall-Pjan ta’ Ristrutturar għall-2009.

(18)  Anness 40 għall-Pjan ta’ Ristrutturar tal-2009 li jirrappreżenta l-profitabilità tan-negozju tal-istrutturi tal-azzar f’ISD Huta Czestochowa.

(19)  Kumpanija proprjetà tal-Istat li timplimenta r-ristrutturar tal-obbligazzjonijiet pubbliċi-legali b’konformità mal-Kapitolu 5a.

(20)  Għad-dettalji tal-proċedura ta’ ristrutturar skont il-Kapitolu 5a, ara l-punt 3.2 tad-deċiżjoni biex tinfetaħ investigazzjoni formali.

(21)  Ittra tad-9 ta’ Jannar 2008, p. 15.

(22)  Ittra tas-17 ta’ Frar 2006, irreġistrata fit-22 ta’ Frar 2006.

(23)  Strateġija għas-settur tal-bini tal-vapuri (tarzni tal-kostruzzjoni marittima) fil-Polonja 2006-10, adottata f’Awwissu 2006, paġna 30.

(24)  Risposta tal-Polonja tat-2 ta’ Settembru 2005 għad-deċiżjoni sabiex tiġi mnedija investigazzjoni formali.

(25)  Ara wkoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18.7.2007 fil-każ N 105/07, Skema ta’ garanziji għal kuntratti ta’ esportazzjoni, avviż tas-sommarju fil-ĠU C 214, 13.9.2007. Permezz ta’ din id-deċiżjoni il-Kummissjoni approvat bħala ħielsa mill-għajnuna mill-Istat l-iskema tal-garanziji mmexxija mill-Korporazzjoni għall-Assigurazzjoni tal-Krediti ta’ Esportazzjoni għal dawk il-kumpaniji li mhumiex f’diffikultà finanzjarja.

(26)  Ara wkoll id-Deċiżjoni tat-18 ta’ Lulju 2007 fil-każ N 105/07.

(*3)  Obbligazzjonijiet ristrutturati taħt il-Kapitolu 5a. It-tabella tistabbilixxi l-valur nominali tal-obbligazzjonijiet trasferiti lill-Operatur. Skont l-awtoritajiet Pollakki, l-assi ekwivalenti għal mill-inqas 45 % tal-valur nominali tal-obbligazzjonijiet kienu wkoll trasferiti lill-Operatur.

(*4)  Id-data tal-ħlas lura ppjanat tal-obbligazzjonijiet, kif previst fil-Pjan ta’ Ristrutturar tal-2009.

(*5)  Skont il-Pjan ta’ Ristrutturar tal-2009, il-livell totali tal-obbligazzjonijiet pubbliċi mhux infurzati jammonta għal PLN 63 013 631; madankollu, skont l-informazzjoni sottomessa mill-awtoritajiet Pollakki permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Jannar 2008, l-obbligazzjonijiet pubbliċi akkumulati tat-tarzna ta’ Gdańsk kienu jammontaw għal PLN 90 245 096,76 (inkluż l-imgħax akkumulat sa dak iż-żmien). Barra minn hekk, meta jikkwantifika l-ispejjeż tar-ristrutturar, il-Pjan ta’ Ristrutturar tal-2009 jindika li t-tarzna sejra jkollha bżonn tħallas lura ammont ta’ PLN 95 354 830,90 ta’ obbligazzjonijiet pubbliċi akkumulati. Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni tqis li l-valur totali tal-obbligazzjonijiet pubbliċi mhux infurzati, bl-imgħax, jammonta għal PLN 95 354 830,90.

(27)  Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Jannar 2004 fil-Kawża T-109/01 Fleuren Compost vs Il-Kummissjoni [2004] Ġabra II-00127, punt 74.

(28)  Rapport Annwali 2006-07 ta’ CESA, il-Komunità tal-Assoċjazzjonijiet tat-Tarzni Ewropej.

(29)  Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs, il-Kawża C-256/97 DM Transport [1999] Ġabra I-3915, u fil-Kawża C-480/98 Spanja vs Il-Kummissjoni [2000] Ġabra I-8717.

(30)  B’mod partikolari l-Anness 3 għall-ittra tad-9 ta’ Jannar 2008.

(31)  Sottomissjoni tad-9 ta’ Jannar 2009.

(32)  Strateġija għas-settur tal-bini tal-vapuri (tarzni tal-kostruzzjoni marittima) fil-Polonja 2006-10, adottata f’Awwissu 2006, p. 7.

(33)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Lulju 2007 fil-Każ N 105/07.

(34)  Artikolu 3(1)1) tar-Riżoluzzjoni 111/06 tal-Kumitat dwar il-Politika għall-Assigurazzjoni tal-Esportazzjoni tal-20 ta’ Diċembru 2006.

(35)   ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

(36)   ĠU C 71, 11.3.2001, p. 14.

(37)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Lulju 2007 fil-Każ N 105/07.

(38)   ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

(39)   ĠU C 288, 9.10.1999, p. 2.

(40)   ĠU C 317, 30.12.2003, p. 11.

(41)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 6771 tas-6 ta’ Novembru 2008 fil-każ C 17/05 Għajnuna għar-ristrutturar għal Stocznia Gdynia, li għadha ma ġietx ippubblikata.

(42)  Previżjoni tal-Assoċjazzjoni għall-Enerġija Dinjija mir-Riħ – xenarju ta’ bażi, l-Anness 7 għall-Pjan ta’ Ristrutturar tal-2009, paġna 54.

(43)  Anness 18 għall-Pjan ta’ Ristrutturar tal-2009.

(44)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni N464/05 tat-22 ta’ Frar 2006 rigward l-għajnuna għar-ristrutturar favur AB Kauno ketaus liejykla (ĠU C 270 7.11.2006, p. 2).

(45)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Lulju 2007 fil-Każ N 105/07, Skema ta’ garanziji għal kuntratti ta’ esportazzjoni, avviż tas-sommarju fil-ĠU C 214, 13.9.2007.