Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla)

16 ta’ Lulju 2026 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Stat tad-dritt – Indipendenza tal-membri tal-ġudikatura – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li tiġi vverifikata l-osservanza tar-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità ta’ mħallef fil-kariga fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) – Kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti mitlub jistħarreġ l-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti – Irregolarità tal-kundizzjonijiet għall-ħatra ta’ membru ta’ tali kulleġġ – Konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn din l-irregolarità – Imparzjalità – Supremazija tad-dritt tal-Unjoni”

Fil-Kawża C‑748/23 [Gekus] (i),

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Ottubru 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Diċembru 2023, fil-proċedura

C. Limited

vs

M. S.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla),

komposta minn I. Jarukaitis (Relatur), President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tar-Raba’ Awla, M. Condinanzi, N. Jääskinen u R. Frendo, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

Reġistratur: E. Sartori, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑4 ta’ Ġunju 2025,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal C. Limited, minn M. Kotowicz u M. Radwan‑Röhrenschef, adwokaci,

–        għal M. S., minn J. Baniewska u M. Gutowski, adwokaci, kif ukoll minn R. Rogala, radca prawny,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, D. Mazur, M. Rzotkiewicz u S. Żyrek, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn C. Jacob, M. Jacobs, C. Pochet u L. Van den Broeck, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman u J. M. Hoogveld, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Herrmann, P. Stancanelli u P. J. O. Van Nuffel, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tal‑1 ta’ Ottubru 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, C Limited, kumpannija rregolata mid-dritt Irlandiż, u M. S., ċittadin Irlandiż, dwar talba għal ħlas li jirriżulta minn atti ġuridiċi mwettqa fil-Polonja.

 Il-kuntest ġuridiku

3        L-Artikolu29 tal-ustawa o Sądzie Najwyższym (il-Liġi dwar il-Qorti Suprema), tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal‑2018, pożizzjoni 5), kif emendata bl-ustawa o zmianie ustawy o Sądzie Najwyższym oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-Qorti Suprema u Ċerti Liġijiet Oħra), tad‑9 ta’ Ġunju 2022 ((Dz. U. tal‑2022, pożizzjoni 1259) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Qorti Suprema”), jipprevedi:

“[...]

2.      Fl-ambitu tal-attivitajiet tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja)] jew tal-korpi tagħha, ma huwiex permess li tiġi kkontestata l-leġittimità tal-[qrati], korpi statali kostituzzjonali jew korpi għas-superviżjoni u għall-protezzjoni tal-liġi.

3.      Is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] jew organu ieħor tal-poter ma tistax tivverifika jew tevalwa l-legalità tal-ħatra ta’ mħallef jew tas-setgħa li jwettaq dmirijiet fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja li tirriżulta minn tali ħatra.

4.      Iċ-ċirkustanzi tal-ħatra ta’ mħallef tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] ma jistgħux jikkostitwixxu raġunijiet esklużivi biex tiġi kkontestata deċiżjoni meħuda bil-parteċipazzjoni ta’ dak l-imħallef jew biex tiġi kkontestata l-indipendenza u l-imparzjalità tiegħu.

5.      Il-konformità mar-rekwiżiti ta’ indipendenza u imparzjalità minn imħallef tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] jew imħallef issekondat tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] tista’ tiġi eżaminata, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkustanzi tal-ħatra tiegħu u l-imġiba tiegħu wara l-ħatra, fuq talba tal-parti fil-kawża msemmija fil-paragrafu 7, jekk fiċ-ċirkustanzi ta’ każ partikolari dan jista’ jwassal għal ksur tal-prinċipju ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità li jaffettwa l-eżitu tal-kawża, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkustanzi tal-parti fil-kawża u n-natura tal-kawża.

6.      Talba għal dikjarazzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 5 [(iktar ’il quddiem it-“test ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità”)] tista’ ssir kontra mħallef tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] jew imħallef issekondat lil dik il-qorti u assenjat għal kulleġġ ġudikanti adit:

(1)      b’appell;

[...]

7.      Kull parti fil-kawża quddiem is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 6 għandha d-dritt li tagħmel tali talba.

[...]

9.      It-talba għandha tissodisfa r-rekwiżiti previsti għal att proċedurali u, barra minn hekk, għandha tkun tinkludi:

(1)      talba għall-konstatazzjoni tal-osservanza, fil-każ partikolari, tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 5;

(2)      iċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw it-talba, kif ukoll il-provi insostenn tagħhom.

10.      Talba li ma tkunx tosserva l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 29(9) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli mingħajr talba għar-regolarizzazzjoni tad-difetti formali. Talba mressqa barra mit-terminu jew li tkun inammissibbli għal xi raġuni oħra ukoll għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli

[...]

15.      Is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] għandha tikkunsidra t-talba in camera f’kulleġġ ta’ ħames imħallfin magħżula bil-polza minn fost il-membri kollha tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], wara li tisma’ lill-imħallef li fil-konfront tiegħu tkun ġiet magħmula t-talba, sakemm seduta ma tkunx impossibbli jew diffiċli ħafna li tinżamm. L-imħallef jista’ jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub. L-imħallef ikkonċernat huwa eskluż mit-tlugħ bil-polza.

[...]

18.      Jekk tilqa’ t-talba, is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) għandha tirrikuża lill-imħallef fil-kawża. Ir-rikuża ta’ mħallef f’kawża ma tistax tikkostitwixxi raġuni għar-rikuża ta’ dan l-imħallef f’kawżi oħra eżaminati bil-parteċipazzjoni tiegħu.

[...]

21.      Jista’ jiġi ppreżentat appell quddiem is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] mid-digriet mogħti wara l-eżami tat-talba, f’kulleġġ ta’ seba’ mħallfin magħżula bil-polza minn fost il-membri kollha tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)]. L-imħallef ikkonċernat u l-imħallef li pparteċipa fid-digriet ikkontestat għandhom jiġu esklużi mit-tlugħ bil-polza.”

 Il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

4        It-tilwima fil-kawża prinċipali hija bejn C. Limited, kumpannija Irlandiża, u M. S., ċittadin Irlandiż, u tirrigwarda d-drittijiet u l-obbligi rispettivi tagħhom fir-rigward ta’ atti ġuridiċi konklużi fil-Polonja.

5        Mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, permezz ta’ sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, is-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja, il-Polonja) ikkundannat lil M. S. iħallas lil C. Limited somma li tirrappreżenta l-ammont tal-kreditu ta’ din tal-aħħar.

6        Fid‑29 ta’ Lulju 2021, M. S. talab lill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda), skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 46 tal-Artikolu 45(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1), tirrifjuta li tirrikonoxxi u li teżegwixxi s-sentenza mogħtija mis-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja) minħabba li d-dritt tiegħu għal qorti stabbilita minn qabel bil-liġi kien inkiser minħabba l-preżenza, fil-kulleġġ ġudikanti li ta din is-sentenza, ta’ mħallef issekondat mill-Ministru għall-Ġustizzja Pollakk għal żmien indeterminat.

7        Fl-istess ħin, M. S. appella fil-kassazzjoni quddiem is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) minn dik is-sentenza tas-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja). Ġie maħtur kulleġġ ġudikanti ta’ tliet imħallfin, inkluż l-Imħallef JG, sabiex jisma’ dan l-appell.

8        C. Limited ressqet talba għal test ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità fir-rigward tal-Imħallef JG, f’konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 29 tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema.

9        Sabiex turi l-assenza ta’ sodisfazzjon tar-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità tal-Imħallef JG, C. Limited invokat diversi ċirkustanzi, u b’mod partikolari dawk tal-ħatra tiegħu.

10      Fl-ewwel lok, C. Limited sostniet li l-Imħallef JG inħatar bħala mħallef fl-Awla Ċivili tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) fl‑10 ta’ Ottubru 2018 abbażi tar-Riżoluzzjoni Nru 330/2018 tal-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura, il-Polonja) (iktar ’il quddiem il-“KRS”), filwaqt li l-implimentazzjoni ta’ din ir-riżoluzzjoni kienet ġiet sospiża fis‑27 ta’ Settembru 2018 permezz ta’ digriet tan-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja). Permezz ta’ sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2021, din l-aħħar qorti annullat din ir-riżoluzzjoni.

11      Fit-tieni lok, C. Limited invokat l-aġir tal-Imħallef JG wara l-ħatra tiegħu fl-Awla Ċivili tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u, f’dan ir-rigward, irreferiet għal dikjarazzjoni tat‑28 ta’ Novembru 2019, iffirmata minn ċerti mħallfin ta’ dik l-awla, fosthom JG, li tgħid li s-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982), ma tapplikax għall-imħallfin tal-imsemmija awla maħtura abbażi ta’ riżoluzzjoni tal-KRS adottata fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu.

12      Fit-tielet lok, C. Limited irreferiet għall-fatt li M. S. qiegħed ifittex li jikseb li l-qrati Irlandiżi jirrifjutaw li jiddikjaraw eżekuttiva s-sentenza tas-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja) billi jinvoka, għal dan l-għan, ksur tad-dritt tiegħu li l-kawża tiegħu tinstema’ minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-proċedura quddiem is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) għandha, skont C. Limited, tiżvolġi quddiem imħallfin li ma hemm ebda dubju dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tagħhom.

13      Konformement mal-proċedura prevista fl-Artikolu 29 tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, ħames imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ittellgħu bil-polza sabiex jifformaw il-kulleġġ ġudikanti li għandu jiddeċiedi dwar it-talba għal test ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità. Dan il-kulleġġ ġudikanti jinkludi żewġ imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) maħtura qabel l‑2018 u tliet imħallfin maħtura fuq proposta tal-KRS fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu.

14      Fil-kuntest tal-eżami tal-ammissibbiltà ta’ din it-talba ta’ C. Limited, il-qorti tar-rinviju, b’awla ta’ mħallef uniku bħala l-kulleġġ ġudikanti kompost mill-Imħallef Relatur, li huwa wkoll il-President ta’ dan il-kulleġġ ġudikanti ta’ ħames imħallfin, esprimiet dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 25(9) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta.

15      F’dan ir-rigward, dik il-qorti tindika żewġ interpretazzjonijiet ta’ din id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali dwar l-applikazzjoni tat-test ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema).

16      Skont l-ewwel interpretazzjoni msejħa “stretta”, it-talbiet ibbażati fuq l-Artikolu 29(5) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema għandhom jiġu miċħuda fl-istadju tal-eżami tal-ammissibbiltà tagħhom jekk huma jkunu bbażati biss fuq iċ-ċirkustanzi tal-ħatra tal-imħallef ikkonċernat tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema). Fil-fatt, skont din l-interpretazzjoni, it-talba għal test għandha tippreċiża, minn naħa, dawn iċ-ċirkustanzi kif ukoll l-aġir ta’ dan l-imħallef wara din il-ħatra, li jkunu jippermettu li jitqies li r-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità ma humiex issodisfatti fir-rigward tiegħu u, min-naħa l-oħra, l-effett tal-ksur ta’ dawn ir-rekwiżiti fuq l-eżitu tal-kawża li fil-kuntest tagħha tressqet din it-talba, fid-dawl tan-natura tagħha.

17      Skont it-tieni interpretazzjoni, it-talbiet imressqa abbażi tal-Artikolu 29(5) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema għandhom jiġu eżaminati b’mod iktar wiesa’, abbażi tar-riżoluzzjoni konġunta adottata mill-Awla Ċivili u mill-Awla Kriminali kif ukoll mill-Awla Industrijali u tas-Sigurtà Soċjali tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) fit‑23 ta’ Jannar 2020, li permezz tagħha tqies li l-KRS, peress li kien direttament suġġett għall-awtoritajiet politiċi sa mid-dħul fis-seħħ tal-Liġi tat‑8 ta’ Diċembru 2017, ma huwiex korp indipendenti. Skont din ir-riżoluzzjoni, kulleġġ ġudikanti li jinkludi fost il-membri tiegħu persuna maħtura għall-pożizzjoni ta’ mħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) fuq proposta tal-KRS fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu jikkostitwixxi qorti komposta b’mod irregolari, b’tali mod li l-proċedura ġudizzjarja kkonċernata hija invalida.

18      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-rekwiżit ta’ qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, huwiex issodisfatt meta tliet membri tal-kulleġġ ġudikanti ta’ ħames imħallfin imtellgħin bil-polza sabiex jeżaminaw it-talba għal test ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità mressqa minn C. Limited huma kkonċernati mir-riżoluzzjoni tat-tliet awli msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza. Skont dik il-qorti, l-imħallfin maħtura fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) fuq proposta tal-KRS fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu ma għandhomx jipparteċipaw sehem fl-eżami ta’ dan it-tip ta’ talbiet, peress li dan ikun jippreġudika d-dritt għal smigħ xieraq. F’dan il-kuntest, l-imsemmija qorti tistaqsi dwar il-mod li bih dawn it-talbiet għandhom jiġu ttrattati b’konformità mar-rekwiżiti tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta.

19      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), b’kulleġġ ġudikanti ta’ mħallef uniku, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)       It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, ikkunsidrat fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-[Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċirkustanzi tal-ħatra ta’ mħallef jistgħu minnhom infushom jikkonfermaw li dan l-imħallef ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u imparzjalità, meta dawn iwasslu għall-kostituzzjoni ta’ qorti li tikser id-dritt tal-parti fil-kawża għal qorti, jew, sussidjarjament, fis-sens li l-aċċettazzjoni passiva minn dan l-imħallef (li jimmanifesta bil-fatt li jibqa’ jagħti deċiżjonijiet) tal-irregolaritajiet li jivvizzjaw il-proċedura tal-ħatra tiegħu għall-pożizzjoni ta’ imħallef, u li twassal għall-kostituzzjoni ta’ qorti li tikser id-dritt tal-parti fil-kawża għal qorti, jikkonferma li dawn il-kundizzjonijiet ma jintlaħqux?

(2)       It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, ikkunsidrat fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jistgħux jiddeċiedu f’kawża relatata mal-kriterju hekk imsejjaħ ta’ imparzjalità ta’ mħallef tas-Sąd. Najwyższy (il-Qorti Suprema) ta’ mħallfin li l-parteċipazzjoni tagħhom tikser id-dritt tal-parti fil-kawża għal qorti, peress li l-ħatra tagħhom għall-kariga ta’ imħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) saret fuq proposta tal-[KRS] ikkostitwi[t] [mill-ġdid]? ?

(3)       Jekk it-tieni domanda tingħata risposta fl-affermattiv, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, ikkunsidrat fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li s-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) hija obbligata li tiddetermina l-kulleġġ ġudikanti li jeżamina każ relatat mal-kriterju hekk imsejjaħ ta’ [indipendenza u ta’] imparzjalità billi tiżgura li tali mħallfin ma jipparteċipawx fih, u, fl-aħħar mill-aħħar, minn naħa, tinjora d-dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi kulleġġ ta’ ħames imħallfin f’tali kawżi, u, min-naħa l-oħra, li teżamina t-talba mingħajr il-parteċipazzjoni ta’ dawn l-imħallfin, f’kulleġġ ieħor previst mid-dritt nazzjonali? ”

 Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari

20      C. Limited issostni, essenzjalment, li l-ewwel domanda hija inammissibbli peress li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex neċessarja għall-finijiet tal-eżami tat-talba tagħha għal test ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità. Skont C. Limited, din tal-aħħar ma hijiex ibbażata biss fuq iċ-ċirkustanzi tal-ħatra tal-imħallef ikkonċernat, iżda hija bbażata wkoll fuq elementi oħra, bħall-aġir ta’ dan l-imħallef wara l-ħatra tiegħu. Għalhekk, din it-talba tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 29 tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema u għandha, għalhekk, tkun is-suġġett ta’ eżami fil-mertu, irrispettivament mir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għal din id-domanda.

21      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, ċertament, it-talba għal test ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità fil-kawża prinċipali hija bbażata fuq diversi elementi, li wħud minnhom huma estranji għaċ-ċirkustanzi tal-ħatra tal-imħallef ikkonċernat. Madankollu, din is-sitwazzjoni ma hijiex biżżejjed sabiex l-ewwel domanda ssir irrilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima.

22      Fil-fatt, permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċirkustanzi tal-ħatra ta’ mħallef jistgħu, fihom innifishom, iwasslu sabiex huwa ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti ta’ indipendenza u imparzjalità meħtieġa bis-saħħa ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tirrispondi għal din id-domanda fl-affermattiv u jekk il-kundizzjonijiet għall-ħatra tal-imħallef ikkonċernat, imsemmija mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, kellhom f’dan il-każ jiġu pprovati, il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tikkonstata n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti, mingħajr ma jkollha teżamina l-elementi l-oħra mressqa insostenn tat-talba għal test ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità. Ir-risposta għall-ewwel domanda tista’ għalhekk tiddetermina, waħedha, l-eżitu tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

23      Waqt is-seduta, il-partijiet iddiskutew ukoll l-ammissibbiltà tat-tieni u tat-tielet domanda preliminari. F’dan ir-rigward, ġie sostnut, essenzjalment, li l-qorti tar-rinviju tista’ ma tkunx f’pożizzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni r-risposti mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, f’din il-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tiltaqa’ f’kulleġġ ġudikanti ta’ mħallef uniku kompost mill-Imħallef Relatur, li huwa wkoll il-President tal-kulleġġ ġudikanti ta’ ħames imħallfin responsabbli għall-eżami tat-talba għal test ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità mressqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Tali ċirkustanza hija ta’ natura li tqajjem dubji dwar il-possibbiltà għal dik il-qorti li tapplika effettivament l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, ġie rrilevat li l-Liġi dwar il-Qorti Suprema ma tinkludix regoli speċifiċi dwar ir-rikuża tal-imħallfin li, wara t-tlugħ bil-polza, inħatru sabiex jifformaw parti mill-kulleġġ ġudikanti mitlub jiddeċiedi dwar it-talba għal test ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità li jirrigwarda wieħed minn dawn l-imħallfin. F’dawn iċ-ċirkustanzi, teżisti inċertezza dwar il-possibbiltà għall-qorti tar-rinviju li tirrimedja kull diffikultà li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tidentifika meta tirrispondi għat-tieni u għat-tielet domanda.

24      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju hija komposta mill-President tal-kulleġġ ġudikanti ta’ ħames imħallfin adit bit-talba għal test ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità, li huwa preċiżament l-awtur tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari. Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Gvern Pollakk ikkonferma waqt is-seduta li, fid-dritt Pollakk, il-President tal-kulleġġ ġudikanti jista’ jieħu miżuri differenti sabiex jevita kompożizzjoni irregolari tiegħu. Konsegwentement, l-oġġezzjonijiet imqajma fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-tieni u tat-tielet domanda għandhom jiġu miċħuda.

25      Għaldaqstant, it-tliet domandi preliminari huma ammissibbli.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

26      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċirkustanzi tal-ħatra ta’ mħallef jistgħux, fihom innifishom, iwasslu għal ksur tad-dritt għal qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

27      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri, b’mod partikolari, l-istabbiliment, il-kompożizzjoni, il-kompetenzi u l-funzjonament tal-qrati nazzjonali, taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ dawn l-Istati, huma xorta għandhom l-obbligu, fl-eżerċizzju ta’ din il-ġurisdizzjoni, josservaw l-obbligi li jirriżultaw, għalihom, mid-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mill-Artikolu 19 TUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann‑Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑24 ta’ Marzu 2026, Rzecznik Praw Obywatelskich (Rikuża ta’ mħallef ordinarju), C‑521/21, EU:C:2026:242, punt 28).

28      F’dan ir-rigward, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li għalih jirreferi t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li ġie stabbilit, b’mod partikolari, fl-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), li għalih jikkorrispondi t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. Din l-aħħar dispożizzjoni għandha, għaldaqstant, tittieħed debitament inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dan it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann‑Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑24 ta’ Marzu 2026, Rzecznik Praw Obywatelskich (Rikuża ta’ mħallef ordinarju), C‑521/21, EU:C:2026:242, punt 42).

29      Il-garanziji ta’ aċċess għal qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, b’mod partikolari dawk li jiddeterminaw il-kunċett kif ukoll il-kompożizzjoni tagħha, jirrappreżentaw il-pedament tad-dritt għal smigħ xieraq. Il-verifika tal-punt dwar jekk, permezz tal-kompożizzjoni tagħha, istanza tikkostitwixxix tali qorti, meta jkun hemm dubju serju dwar dan il-punt, hija neċessarja għall-fiduċja li l-qrati ta’ soċjetà demokratika għandhom jispiraw fil-partijiet fil-kawża (sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2026, Rzecznik Praw Obywatelskich (Rikuża ta’ mħallef ordinarju), C‑521/21, EU:C:2026:242, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità hekk meħtieġa taħt id-dritt tal-Unjoni jitolbu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-istanza kkonċernata, tal-ħatra, tat-tul tal-funzjonijiet kif ukoll tar-raġunijiet għal astensjoni, għal rikuża u għat-tneħħija tal-membri tagħha, li jippermettu li jitneħħa kull dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-impermeabbiltà ta’ din l-istanza fil-konfront ta’ elementi esterni u dwar in-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi quddiemha (sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż.(Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra),C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 109, kif ukoll tal‑24 ta’ Marzu 2026, Rzecznik Praw Obywatelskich (Rikuża ta’ mħallef ordinarju), C‑521/21, EU:C:2026:242, punt 70).

31      Il-Qorti tal-Ġustizzja, billi rreferiet għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, iddeċidiet li, għalkemm id-dritt għal “qorti stabbilita minn qabel bil-liġi” jikkostitwixxi dritt awtonomu, dan tal-aħħar xorta waħda għandu rabtiet mill-qrib ħafna mal-garanziji ta’ “indipendenza” u ta’ “imparzjalità”. B’mod partikolari, konformement mal-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri li huwa karatteristika tal-funzjonament ta’ Stat tad-dritt, l-indipendenza tal-qrati għandha b’mod partikolari tiġi żgurata fil-konfront tal-poter leġiżlattiv u ta’ dak eżekuttiv (sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2026, Rzecznik Praw Obywatelskich (Rikuża ta’ mħallef ordinarju), C‑521/21, EU:C:2026:242, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      F’dan ir-rigward, ir-rekwiżit ta’ “qorti stabbilita minn qabel bil-liġi”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, huwa intiż li jevita li l-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja titħalla għad-diskrezzjoni tal-poter eżekuttiv u li jiżgura li dan il-qasam ikun irregolat minn liġi adottata mill-poter leġiżlattiv b’mod konformi mar-regoli li jirregolaw l-eżerċizzju tal-kompetenza tiegħu. Din l-espressjoni tirrifletti, b’mod partikolari, il-valur tal-osservanza tal-Istat tad-dritt u tirrigwarda mhux biss il-bażi legali tal-eżistenza stess tal-qorti, iżda wkoll il-kompożizzjoni tas-sede f’kull kawża kif ukoll kull dispożizzjoni oħra tad-dritt intern li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom jirrendi irregolari l-parteċipazzjoni ta’ mħallef wieħed jew iktar fl-eżami tal-kawża, inklużi, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-membri tal-qorti inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 2020, Réexamen Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni (C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232, punt 73 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata; tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż.(Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra),C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 129; u tal‑24 ta’ Marzu 2026, Rzecznik Praw Obywatelskich (Rikuża ta’ mħallef ordinarju), C‑521/21, EU:C:2026:242, punt 73).

33      Għalhekk huwa neċessarju li l-kundizzjonijiet sostantivi u l-modalitajiet proċedurali li jirregolaw l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tal-ħatra tal-imħallfin ikunu tali li ma jkunux jistgħu joħolqu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dubji leġittimi dwar l-impermeabbiltà tal-imħallfin ikkonċernati fil-konfront ta’ elementi esterni u dwar in-newtralità tagħhom fir-rigward tal-interessi quddiemhom, ladarba jinħatru l-partijiet ikkonċernati. Għal dan il-għan huwa importanti, b’mod partikolari, li dawn il-kundizzjonijiet u dawn il-modalitajiet jitfasslu b’mod li jissodisfaw ir-rekwiżiti mfakkra fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza (sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2026, Rzecznik Praw Obywatelskich (Rikuża ta’ mħallef ordinarju), C‑521/21, EU:C:2026:242, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fid-dawl tal-konsegwenzi fundamentali li l-imsemmi proċess jinvolvi għall-funzjonament tajjeb u għal-leġittimità tal-poter ġudizzjarju fi Stat demokratiku rregolat mill-Istat tad-dritt, tali proċess jikkostitwixxi neċessarjament element inerenti għall-kunċett ta’ “qorti stabbilita minn qabel bil-liġi”, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li l-indipendenza ta’ qorti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, titkejjel, b’mod partikolari, bil-mod li bih il-membri tagħha jkunu nħatru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2026, Rzecznik Praw Obywatelskich (Rikuża ta’ mħallef ordinarju), C‑521/21, EU:C:2026:242, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Madankollu, mhux kwalunkwe żball li jista’ jseħħ matul il-proċedura ta’ ħatra ta’ mħallef huwa ta’ natura li joħloq dubju dwar l-indipendenza u dwar l-imparzjalità ta’ dan l-imħallef u, għaldaqstant, dwar il-kwalità ta’ “qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, ta’ kulleġġ ġudikanti li fih dan l-imħallef ikun sedenti (sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2026, Rzecznik Praw Obywatelskich (Rikuża ta’ mħallef ordinarju), C‑521/21, EU:C:2026:242, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Skont ġurisprudenza stabbilita irregolarità mwettqa waqt il-ħatra tal-imħallfin fi ħdan is-sistema ġudizzjarja kkonċernata twassal għal ksur tar-rekwiżit li qorti tkun stabbilita bil-liġi, b’mod partikolari meta din l-irregolarità tkun ta’ natura u ta’ gravità tali li hija toħloq riskju reali li fergħat oħra tal-poter, b’mod partikolari l-eżekuttiv, ikunu jistgħu jeżerċitaw setgħa diskrezzjonali indebita li tipperikola l-integrità tar-riżultat li jwassal għalih il-proċess ta’ ħatra u li b’hekk toħloq dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-indipendenza u dwar l-imparzjalità tal-imħallef jew tal-imħallfin ikkonċernati, fatt li jkun il-każ meta jkun hemm inkwistjoni regoli fundamentali li jifformaw parti integrali mill-istabbiliment u mill-funzjonament ta’ din is-sistema ġudizzjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 2020, Réexamen Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni, C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232, punt 75, kif ukoll tal‑24 ta’ Marzu 2026, Rzecznik Praw Obywatelskich (Rikuża ta’ mħallef ordinarju), C‑521/21, EU:C:2026:242, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Konstatazzjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur tar-rekwiżit ta’ “qorti stabbilita minn qabel bil-liġi” u dwar il-konsegwenzi ta’ tali ksur hija suġġetta għal evalwazzjoni globali ta’ ċertu numru ta’ elementi, li, meqjusa flimkien, jikkontribwixxu sabiex joħolqu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dubji leġittimi fir-rigward tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-imħallfin (sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2026, Rzecznik Praw Obywatelskich (Rikuża ta’ mħallef ordinarju), C‑521/21, EU:C:2026:242, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      B’applikazzjoni tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 29 sa 31 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fil-punt 77 tas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Krajowa Rada Sądownictwa (Żamma fil-kariga ta’ mħallef) (C‑718/21, EU:C:2023:1015), fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kwalità ta’ “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, tal-Izba Kontroli Nadzwyczajnej i Spraw Publicznych (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi) tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) li, meqjusa flimkien, l-elementi kemm sistemiċi kif ukoll ċirkustanzjali li kkaratterizzaw il-ħatra, fi ħdan dan il-korp, ta’ diversi mħallfin għandhom bħala konsegwenza li dan ma għandux il-kwalità ta’ “qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2025, AW “T”, C‑225/22, EU:C:2025:649, punti 49 u 50).

39      Bl-istess mod, fil-punti 35 u 37 tas-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2024, Prezes Urzędu Ochrony Konkurencji i Konsumentów (C‑326/23, EU:C:2024:940), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li n-nuqqasijiet li affettwaw il-proċess ta’ ħatra tal-imħallef uniku li jifforma l-korp tar-rinviju u li nħatar fl-Awla Ċivili tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), huma identiċi għal dawk li affettwaw il-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin tal-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi, u huma suffiċjenti, fihom innifishom, sabiex joħolqu dubji leġittimi u serji, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-indipendenza u dwar l-imparzjalità ta’ dan l-imħallef, b’tali mod li dan tal-aħħar ma jikkostitwixxix “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

40      Għaldaqstant, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, ċerti nuqqasijiet fil-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin jistgħu, fihom innifishom, jindikaw li l-imħallfin inkwistjoni ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità. F’tali każijiet, ma jistax jiġi meħtieġ minn parti fil-proċedura, li tqajjem il-kwistjoni tal-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti, li hija tipproduċi elementi addizzjonali sabiex tikkorrobora l-ksur allegat tagħhom.

41      Fir-rigward tat-talba għal test ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità ta’ mħallef li jagħmel parti minn kulleġġ ġudikanti, intiża li jiġi ddeterminat jekk dan il-kulleġġ ġudikanti jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, il-parti li tressaq tali talba għandha għalhekk tkun tista’ tillimita ruħha tinvoka argumenti bbażati biss fuq iċ-ċirkustanzi tal-ħatra ta’ dan l-imħallef u li juru li twettqet, f’din l-okkażjoni, irregolarità ta’ natura u ta’ gravità tali li toħloq, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dubji dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tiegħu fir-rigward tal-poter eżekuttiv jew leġiżlattiv, mingħajr ma jkun neċessarju li tinvoka elementi oħra.

42      Fil-każ li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 29 (5) u (9) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema jiġu applikati mill-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) fis-sens li dawn jobbligaw lill-parti li titlob test ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità ta’ mħallef tinvoka, konformement ma’ dak li ssemma fil-punt 16 ta’ din is-sentenza, elementi addizzjonali relatati mal-aġir ta’ dan l-imħallef wara l-ħatra tiegħu ta’ natura li jikkaratterizzaw ksur tar-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità li jikkonċernawh, peress li din il-parti għandha wkoll tippreċiża l-effett ta’ dan il-ksur fuq l-eżitu ta’ kawża partikolari, tali applikazzjoni tkun tmur kontra d-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta.

43      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 19(1)TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċirkustanzi tal-ħatra ta’ mħallef jistgħu, fihom innifishom, iwasslu għal ksur tad-dritt għal qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jekk dawn iċ-ċirkustanzi jkunu jinvolvu irregolarità ta’ natura u ta’ gravità tali li tqajjem dubju leġittimu f’moħħ il-partijiet fil-kawża fir-rigward tal-indipendenza u tal-imparzjalità ta’ dan l-imħallef.

 Fuq it-tieni domanda

44      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-verifika tal-osservanza tar-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità fir-rigward ta’ mħallef fil-kariga fi ħdan qorti u, bl-istess mod, tar-rispett tad-dritt għal qorti stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, tiġi fdata lil kulleġġ ġudikanti ta’ dik il-qorti li jinkludi mħallef wieħed jew iktar li, minħabba l-kundizzjonijiet tal-ħatra tagħhom, ikunu jinsabu f’sitwazzjoni identika għal dik tal-imħallef li jkun is-suġġett ta’ din il-verifika.

45      F’dan ir-rigward, kif imfakkar fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jirreferi għalih it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri, li ġie stabbilit, b’mod partikolari, fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB, li għalih jikkorrispondi it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

46      Barra minn hekk, sa fejn il-Karta tistabbilixxi drittijiet li jikkorrispondu għal dawk iggarantiti mill-KEDB, l-Artikolu 52(3) tal-Karta huwa intiż li jiżgura l-koerenza neċessarja bejn id-drittijiet inklużi fiha u d-drittijiet korrispondenti ggarantiti mill-KEDB, mingħajr ma dan jippreġudika l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni. Skont l-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jikkorrispondi għall-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, għaldaqstant, tiżgura li l-interpretazzjoni li hija tagħti f’din il-kawża tkun tiżgura livell ta’ protezzjoni li ma jkunx inqas minn dak iggarantit mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB, kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

47      Madankollu, għandu jitfakkar li kull Stat Membru għandu, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jiżgura li l-istanzi li huma mitluba, bħala “qorti”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, jiddeċiedu dwar kwistjonijiet marbuta mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt u li għalhekk jaqgħu taħt is-sistema ta’ rimedji tiegħu fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fosthom dak tal-indipendenza (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann‑Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

48      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rekwiżit ta’ indipendenza tal-qrati, li huwa inerenti għall-funzjoni ta’ ġudikatura, jagħmel parti mill-kontenut essenzjali tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, li huma ta’ importanza kardinali inkwantu garanziji tal-protezzjoni tad-drittijiet kollha li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni u tal-ħarsien tal-valuri komuni għall-Istati Membri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, b’mod partikolari l-valur tal-Istat tad-dritt (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann‑Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Skont ġurisprudenza stabbilita, dan ir-rekwiżit ta’ indipendenza fih żewġ aspetti. L-ewwel aspett, ta’ natura esterna, jeħtieġ li l-qorti kkonċernata teżerċita l-funzjonijiet tagħha b’awtonomija sħiħa, mingħajr ma tkun suġġetta għal ebda rabta ġerarkika jew suġġetta għal xi ħadd u mingħajr ma tirċievi ordnijiet jew istruzzjonijiet minn kwalunkwe sors, b’tali mod li b’hekk hija tkun protetta kontra l-interventi jew il-pressjonijiet esterni li jistgħu jippreġudikaw l-indipendenza tal-ġudizzju tal-membri tagħha u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom (sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 121, kif ukoll tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann‑Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 50).

50      It-tieni aspett, ta’ natura interna, jorbot mal-kunċett ta’ “imparzjalità” u jirrigwarda d-distanza ugwali għal dak li jikkonċerna l-partijiet fit-tilwima u l-interessi rispettivi tagħhom fir-rigward tas-suġġett tat-tilwima. Dan l-aħħar aspett jirrikjedi l-osservanza tal-oġġettività u l-assenza ta’ kull interess fis-soluzzjoni tat-tilwima minbarra l-applikazzjoni stretta tal-istat tad-dritt (sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 122, kif ukoll tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann‑Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 51).

51      Dawn il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità jeħtieġu l-eżistenza ta’ regoli dwar, b’mod partikolari, il-kompożizzjoni tal-istanza kkonċernata, li jippermettu li jiġi eskluż kull dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-impermeabbiltà ta’ din l-istanza fir-rigward ta’ elementi esterni u dwar in-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 123, kif ukoll tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann‑Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 52).

52      Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-prinċipju ta’ imparzjalità, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan jeżiġi li l-imħallfin ma jkollhom l-ebda interess personali, parzjalità jew preġudizzju fit-tilwim li huma jkollhom quddiemhom u li huma jittrattaw lill-partijiet kollha b’mod ugwali u ekwu.

53      Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li l-imparzjalità normalment tindika l-assenza ta’ preġudizzju jew ta’ parzjalità, li tista’ tiġi vverifikata b’diversi modi. Skont dik il-qorti, l-imparzjalità għandha tiġi evalwata abbażi ta’ approċċ suġġettiv li jikkonsisti fit-teħid inkunsiderazzjoni tal-konvinzjoni personali u tal-aġir ta’ mħallef partikolari sabiex jiġi vverifikat jekk huwa weriex xi preġudizzju jew parzjalità fil-kawża mressqa quddiemha, iżda wkoll abbażi ta’ approċċ oġġettiv, li jikkonsisti fl-evalwazzjoni ta’ jekk il-qorti stess u, fost aspetti oħra, il-kompożizzjoni tagħha, kinux joffru garanziji suffiċjenti sabiex jiġi eskluż kull dubju leġittimu dwar l-imparzjalità tagħha. (ara, f’dan is-sens, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, 15 ta’ Ottubru 2009, Micallef vs Malta, CE:ECHR:2020:1015JUD 006123312, punt 93).

54      Fil-kuntest tal-evalwazzjoni oġġettiva tal-imparzjalità, għandu jiġi mistoqsi jekk, irrispettivament mill-aġir personali tal-imħallfin, ċerti fatti li jistgħu jiġu vverifikati jiġġustifikawx li tiġi ssuspettata l-imparzjalità ta’ dawn tal-aħħar. F’dan ir-rigward, anki l-apparenzi jistgħu jkunu ta’ importanza. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sabiex tittieħed deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ raġunijiet għal dubji dwar jekk dawn ir-rekwiżiti ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità oġġettiva kinux issodisfatti f’kawża partikolari, il-perspettiva ta’ parti għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, iżda ma għandhiex rwol deċiżiv. L-element determinanti huwa jekk it-tħassib inkwistjoni jistax jitqies li huwa oġġettivament iġġustifikat (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 15 ta’ Ottubru 2009, Micallef vs Malta, CE:ECHR:2009:1015JUD001705606, punti 96 u 98; kif ukoll is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2024, Vivacom Bulgaria, C‑369/23, EU:C:2024:1043, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet ukoll, essenzjalment, li l-parteċipazzjoni ta’ mħallfin f’deċiżjoni dwar ir-rikuża ta’ wieħed mill-kollegi tagħhom, membru tal-istess kulleġġ ġudikanti, tista’ tkun il-bażi tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB jekk huma stess ikunu s-suġġett ta’ tali talba għal rikuża. (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 22 ta’ Settembru 1994, Debled vs Il‑Belġju, CE:ECHR:1994:0922JUD002681891, punt 37).

56      Għalhekk, il-membri ta’ kulleġġ ġudikanti mitlub jiddeċiedi dwar jekk il-parteċipazzjoni ta’ mħallef f’istanza partikolari hijiex ta’ natura li tikser ir-rekwiżit ta’ qorti stabbilita minn qabel bil-liġi ma jistgħux, huma stess, ikunu jinstabu f’sitwazzjoni identika għal dik ta’ dan l-imħallef. Fil-fatt, l-identiċità taċ-ċirkustanzi tal-ħatra tagħhom stess bħala mħallfin ma’ dawk ta’ dan tal-aħħar tista’ tqajjem fi ħdan il-partijiet fil-kawża dubji leġittimi dwar in-newtralità ta’ dan il-kulleġġ fir-rigward tal-interessi quddiemu. Minn dan jirriżulta li l-membri tal-imsemmi kulleġġ ma jistgħux jeżaminaw il-kwistjoni tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-imsemmi mħallef meta huma jkunu jinsabu f’sitwazzjonijiet identiċi.

57      F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dispożizzjonijiet dwar il-proċedura mressqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali daħlu fis-seħħ, wara emenda tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, matul is-sena 2022, sabiex jiġi ggarantit id-dritt tal-partijiet fil-kawża għal qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta. Din il-proċedura tippermetti lill-partijiet fi proċedura quddiem is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) jitolbu test tal-indipendenza u tal-imparzjalità ta’ mħallef ta’ dik il-qorti inkarigat li jiddeċiedi fil-kawża li tikkonċernahom, intiż li jiġi ddeterminat jekk imħallef maħtur sabiex jiddeċiedi fil-kawża li tikkonċernahom kienx jissodisfa r-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità, fejn l-eżami ta’ din it-talba huwa fdat lil kulleġġ ġudikanti speċifiku kompost minn ħames imħallfin imtellgħin bil-polza fost l-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), bl-esklużjoni tal-imħallef ikkonċernat mill-imsemmija talba.

58      Għalhekk, il-kulleġġ ġudikanti fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) mitlub jeżamina, abbażi tal-Artikolu 29 tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, il-kwistjoni tal-indipendenza u tal-imparzjalità ta’ mħallef ta’ dik il-qorti għandu huwa stess jissodisfa r-rekwiżiti ta’ qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens tad-dispożizzjonijiet magħquda tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta.

59      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi b’mod iktar partikolari jekk imħallef maħtur fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), fuq proposta tal-KRS fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu, jistax jifforma parti mill-kulleġġ ġudikanti ta’ ħames imħallfin mitlub jiddeċiedi dwar talba għal test ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità mressqa skont l-Artikolu 29 tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, meta l-kundizzjonijiet għall-ħatra tiegħu stess ikunu identiċi għal dawk tal-imħallef li huwa s-suġġett ta’ din it-talba.

60      F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fi ħdan il-kulleġġ ġudikanti tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) responsabbli għall-eżami tat-talba għal test ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità fil-kawża prinċipali, tliet imħallfin inħatru, b’mod partikolari, fuq il-proposta tal-KRS fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu u li wieħed minn dawn it-tliet imħallfin diġà ġie rrikużat f’kawża oħra fi tmiem l-istess proċedura bħal dik li l-applikazzjoni tagħha qiegħda tiġi mitluba mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

61      Għalhekk, hekk kif ġie indikat fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, meta mħallef fil-kariga fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ikun inħatar f’ċirkustanzi identiċi għal dawk tal-ħatra tal-imħallef li huwa s-suġġett ta’ talba għal test ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità u li fuqhom hija bbażata preċiżament din it-talba, ma jistax jiġi aċċettat li dan l-ewwel imħallef jista’ jifforma parti mill-kulleġġ ġudikanti ta’ dik il-qorti inkarigat li jiddeċiedi dwar din it-talba.

62      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-verifika tal-osservanza tar-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità fir-rigward ta’ mħallef fil-kariga fi ħdan qorti u, bl-istess mod, tar-rispett tad-dritt għal qorti stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, tiġi fdata lil kulleġġ ġudikanti ta’ dik il-qorti li jinkludi mħallef wieħed jew iktar li, minħabba l-kundizzjonijiet tal-ħatra tagħhom, ikunu jinsabu f’sitwazzjoni identika għal dik tal-imħallef li jkun is-suġġett ta’ din il-verifika.

 Fuq it-tielet domanda

63      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ li l-kulleġġ ġudikanti ta’ qorti, mitlub jieħu konjizzjoni ta’ talba intiża li tiġi vverifikata l-osservanza tar-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità ta’ membru ta’ dik il-qorti, jikser huwa stess id-dritt għal qorti stabbilita minn qabel bil-liġi minħabba l-preżenza fi ħdanu ta’ mħallef li ma jissodisfax dawn ir-rekwiżiti, il-qorti inkwistjoni hija meħtieġa tiżgura li tali mħallef ma jipparteċipax fl-eżami ta’ din it-talba u għandha, jekk ikun il-każ, teskludi l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali li jiddeterminaw il-kompożizzjoni ta’ dan il-kulleġġ ġudikanti sabiex l-imsemmija talba tkun tista’ tiġi eżaminata minn istanza konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

64      Għalhekk, minn din id-domanda jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali mitluba tistħarreġ l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ ċerti mħallfin hija meħtieġa tiżgura li l-kulleġġ ġudikanti tagħha li jwettaq dan l-eżami ma jkunx jinkludi mħallfin li ma jkunux jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti u, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, liema huma l-miżuri li dik il-qorti hija meħtieġa tadotta għal dan il-għan.

65      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jistabbilixxi l-preeminenza ta’ dan id-dritt fuq id-dritt tal-Istati Membri. Dan il-prinċipju għalhekk jobbliga lill-istanzi kollha tal-Istati Membri jagħtu effett sħiħ lir-regoli differenti tal-Unjoni, filwaqt li d-dritt tal-Istati Membri ma jistax jaffettwa l-effett irrikonoxxut lil dawn ir-regoli fit-territorju tal-imsemmija Stati (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, YP et (Tneħħija ta’ immunità u sospensjoni ta’ mħallef), C‑615/20 u C‑671/20, EU:C:2023:562, punt 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

66      Għalhekk l-imsemmi prinċipju jimponi, b’mod partikolari, lil kull qorti nazzjonali responsabbli sabiex tapplika, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni l-obbligu li tiżgura l-effett sħiħ tar-rekwiżiti ta’ dan id-dritt fit-tilwima li hija tkun adita biha billi jekk ikun hemm bżonn ma tapplikax, fuq awtorità tagħha stess, kull leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali li tkun tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jkollha effett dirett, mingħajr ma hija jkollha titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel ta’ din il-leġiżlazzjoni jew ta’ din il-prattika nazzjonali permezz ta’ leġiżlazzjoni jew permezz ta’ kwalunkwe proċedura kostituzzjonali oħra. L-osservanza ta’ dan l-obbligu hija b’mod partikolari neċessarja sabiex tiġi żgurata l-ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati u tikkostitwixxi espressjoni tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, YP et (Tneħħija ta’ immunità u sospensjoni ta’ mħallef), C‑615/20 u C‑671/20, EU:C:2023:562, punt 62 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

67      Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jimponi fuq l-Istati Membri obbligu ta’ riżultat ċar u preċiż u li ma jkun suġġett għal ebda kundizzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-qrati mitluba jinterpretaw u japplikaw id-dritt tal-Unjoni u tar-rekwiżit li dawn jiġu stabbiliti minn qabel bil-liġi, jibbenefika minn tali effett dirett li jimplika li ma għandhiex tiġi applikata kull dispożizzjoni nazzjonali, ġurisprudenza jew prattika nazzjonali kuntrarja għal dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, YP et (Tneħħija ta’ immunità u sospensjoni ta’ mħallef), C‑615/20 u C‑671/20, EU:C:2023:562, punt 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

68      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li, anki fl-assenza ta’ miżuri leġiżlattivi nazzjonali li jkunu temmew nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jieħdu l-miżuri kollha sabiex jiffaċilitaw it-twettiq tal-effett sħiħ tad-dritt tal-Unjoni konformement mat-tagħlim li jinsab fis-sentenza li tikkonstata dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Barra minn hekk, l-imsemmija qrati huma meħtieġa, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE, iħassru l-konsegwenzi illegali ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Marzu 2022, Grossmania, C‑177/20, EU:C:2022:175, punti 38 u 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑13 ta’ Lulju 2023, YP et (Tneħħija ta’ immunità u sospensjoni ta’ mħallef), C‑615/20 u C‑671/20, EU:C:2023:562, punt 64).

69      Sabiex tissodisfa l-obbligi mfakkra fil-punti 65 sa 68 ta’ din is-sentenza, qorti nazzjonali għandha, sa fejn ikun possibbli, tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti b’mod konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni. Madankollu, għalkemm tali interpretazzjoni ma tippermettix li jiġi evitat ksur tad-dritt tal-partijiet fil-kawża għal qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi, din il-qorti hija meħtieġa, sabiex tiggarantixxi s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, twarrab l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, b’mod partikolari meta dawn iwasslu sabiex kawża tiġi eżaminata minn qrati li jistgħu jkunu, jew li jistgħu jkunu jidhru li huma, nieqsa mill-imparzjalità meħtieġa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż.(Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra),C‑487/19, EU:C:2021:798, punti 159 u 161,kif ukoll tat‑13 ta’ Lulju 2023, YP et (Tneħħija ta’ immunità u sospensjoni ta’ mħallef), C‑615/20 u C‑671/20, EU:C:2023:562, punt 65).

70      Madankollu, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE ma jimponix fuq l-Istati Membri mudell uniku sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva u lanqas sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-fiduċja fis-sistema ġudizzjarja mitlufa mill-pubbliku minħabba irregolaritajiet sistemiċi fil-ħatra għall-pożizzjonijiet ta’ mħallef (sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2026, Rzecznik Praw Obywatelskich (Rikuża ta’ mħallef ordinarju), C‑521/21, EU:C:2026:242, punt 64).

71      Għaldaqstant, huwa l-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru kkonċernat li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali li jippermettu li jiġi żgurat li talba intiża li tiġi vverifikata l-osservanza tar-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità ta’ membru ta’ qorti tiġi eżaminati minn kulleġġ ġudikanti li josserva r-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt fundamentali għal rimedju effettiv u għal aċċess għal qorti imparzjali.

72      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ li l-kulleġġ ġudikanti ta’ qorti, mitlub jieħu konjizzjoni ta’ talba intiża li tiġi vverifikata l-osservanza tar-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità ta’ membru ta’ dik il-qorti, jikser huwa stess id-dritt għal qorti stabbilita minn qabel bil-liġi minħabba l-preżenza fi ħdanu ta’ mħallef li ma jissodisfax dawn ir-rekwiżiti, il-qorti inkwistjoni hija meħtieġa tiżgura li tali mħallef ma jipparteċipax fl-eżami ta’ din it-talba u għandha, jekk ikun il-każ, teskludi l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali li jiddeterminaw il-kompożizzjoni ta’ dan il-kulleġġ ġudikanti sabiex l-imsemmija talba tkun tista’ tiġi eżaminata minn istanza konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, għandhom jiġu esklużi mill-kulleġġ ġudikanti responsabbli għat-twettiq ta’ dan l-eżami l-imħallfin li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-imparzjalità meħtieġa. Huwa l-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru kkonċernat li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali li jippermettu li jiġi żgurat li tali talba tinstema’ minn kulleġġ ġudikanti li josserva r-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt fundamentali għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq.

 Fuq l-ispejjeż

73      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

iċ-ċirkustanzi tal-ħatra ta’ mħallef jistgħu, fihom innifishom, iwasslu għal ksur tad-dritt għal qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jekk dawn iċ-ċirkustanzi jkunu jinvolvu irregolarità ta’ natura u ta’ gravità tali li tqajjem dubju leġittimu f’moħħ il-partijiet fil-kawża fir-rigward tal-indipendenza u tal-imparzjalità ta’ dan l-imħallef.

2)      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi li l-verifika tal-osservanza tar-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità fir-rigward ta’ mħallef fil-kariga fi ħdan qorti u, bl-istess mod, tar-rispett tad-dritt għal qorti stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, tiġi fdata lil kulleġġ ġudikanti ta’ dik il-qorti li jinkludi mħallef wieħed jew iktar li, minħabba l-kundizzjonijiet tal-ħatra tagħhom, ikunu jinsabu f’sitwazzjoni identika għal dik tal-imħallef li jkun is-suġġett ta’ din il-verifika.

3)      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

fil-każ li l-kulleġġ ġudikanti ta’ qorti, mitlub jieħu konjizzjoni ta’ talba intiża li tiġi vverifikata l-osservanza tar-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità ta’ membru ta’ dik il-qorti, jikser huwa stess id-dritt għal qorti stabbilita minn qabel bil-liġi minħabba l-preżenza fi ħdanu ta’ mħallef li ma jissodisfax dawn ir-rekwiżiti, il-qorti inkwistjoni hija meħtieġa tiżgura li tali mħallef ma jipparteċipax fl-eżami ta’ din it-talba u għandha, jekk ikun il-każ, teskludi l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali li jiddeterminaw il-kompożizzjoni ta’ dan il-kulleġġ ġudikanti sabiex l-imsemmija talba tkun tista’ tiġi eżaminata minn istanza konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, għandhom jiġu esklużi mill-kulleġġ ġudikanti responsabbli għat-twettiq ta’ dan l-eżami l-imħallfin li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-imparzjalità meħtieġa. Huwa l-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru kkonċernat li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali li jippermettu li jiġi żgurat li tali talba tinstema’ minn kulleġġ ġudikanti li josserva r-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt fundamentali għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.


i      L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.