KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RICHARD DE LA TOUR
ippreżentati fil‑11 ta’ Diċembru 2025 ( 1 )
Kawżi magħquda C‑684/24 u C‑685/24
Across Fiduciaria SpA,
Galvani Fiduciaria Srl,
Sfo Fiduciaria Srl
vs
Presidenza del Consiglio dei ministri,
Ministero dell’Economia e delle Finanze,
Ministero delle Imprese e del Made in Italy,
Garante per la protezione dei dati personali,
Unione italiana delle Camere di commercio, industria, artigianato e agricoltura (Unioncamere),
Infocamere Scpa (C‑684/24),
fil-preżenza ta’
Camera di commercio, industria, artigianato e agricoltura di Roma,
Camera di commercio, industria, artigianato e agricoltura di Milano, Monza-Brianza, Lodi,
Camera di commercio, industria, artigianato e agricoltura di Bologna
u
Unione Fiduciaria SpA,
Assoservizi Fiduciari,
Torino Fiduciaria – Fiditor Srl,
Ser-Fid Italiana Fiduciaria e di Revisione SpA
vs
Ministero delle Imprese e del Made in Italy,
Presidenza del Consiglio dei ministri,
Ministero dell’Economia e delle Finanze,
Garante per la protezione dei dati personali,
Unione italiana delle Camere di commercio, industria, artigianato e agricoltura (Unioncamere),
Camera di commercio, industria, artigianato e agricoltura di Milano, Monza-Brianza, Lodi,
Camera di commercio, industria, artigianato e agricoltura di Torino,
Camera di commercio, industria, artigianato e agricoltura di Roma,
Infocamere Scpa (C-685/24),
fil-preżenza ta’
Aletti Fiduciaria SpA,
Camera di commercio, industria, artigianato e agricoltura di Roma,
Camera di commercio, industria, artigianato e agricoltura di Milano, Monza-Brianza, Lodi
(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika interna tal-Unjoni Ewropea – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Direttiva (UE) 2015/849 – Prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu – Artikolu 31 – Informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja ta’ trusts u arranġamenti legali simili – Aċċess għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi li għandhom interess leġittimu – Natura vaga tal-kunċett ta’ ‘interess leġittimu’ – Drittijiet fundamentali tas-sidien benefiċjarji – Validità”
I. Daħla
|
1. |
L-aċċess għall-informazzjoni dwar is-sidien benefiċjarji ta’ arranġamenti legali simili għal trusts (iktar ’il quddiem l-“arranġamenti legali simili”) fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu kif għandu jkun marbut mad-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, mad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali u mad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv ta’ dawn is-sidien benefiċjarji, protetti rispettivament mill-Artikoli 7, 8 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”)? |
|
2. |
Din id-domanda tinkludi diversi aspetti li huma s-suġġett ta’ talbiet għal interpretazzjoni preliminari u dwar il-validità tal-Artikolu 31 tad-Direttiva (UE) 2015/849 ( 2 ), kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑30 ta’ Mejju 2018 ( 3 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2015/849”). |
|
3. |
F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha tikkunsidra l-konformità, fir-rigward tad-Direttiva 2015/849, tal-għażla li għamel il-leġiżlatur Taljan li jindika l-mandati fiduċjarji bħala arranġamenti legali simili suġġetti bħala tali għall-obbligu li jindikaw is-sidien benefiċjarji tagħhom sabiex jiġu rreġistrati fir-reġistru ċentrali tas-sidien benefiċjarji. Hija ser ikollha tevalwa jekk il-kunċett ta’ “arranġamenti legali simili” huwiex suffiċjentement ċar, preċiż u prevedibbli, fin-nuqqas ta’ definizzjoni f’din id-direttiva, u jekk il-mandati fiduċjarji, li ma jinvolvux trasferiment tas-sjieda, jistgħux jitqiesu bħala tali arranġamenti legali simili. Hija ser ikollha teżamina, minn naħa, jekk l-aċċess għall-informazzjoni dwar dawn is-sidien benefiċjarji għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jistgħu juru interess leġittimu, previst fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(4) tal-imsemmija direttiva, joħloqx problema ta’ validità tat-test fir-rigward tad-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja u tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali u, min-naħa l-oħra, jekk id-definizzjoni tal-interess leġittimu adottata mil-leġiżlatur Taljan hijiex konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu. Il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha tanalizza jekk il-kompetenza mogħtija lil korp mhux ġudizzjarju sabiex jevalwa d-deroga mill-aċċess għall-informazzjoni, li minnha jistgħu jibbenefikaw is-sidien benefiċjarji f’ċerti ċirkustanzi eċċezzjonali, tirrispettax id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv peress li, fil-każ ta’ ċaħda tat-talba għal deroga, l-informazzjoni tiġi żvelata b’mod irrimedjabbli. |
|
4. |
Ser nipproponi li tingħata risposta lill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), li huwa l-qorti tar-rinviju, li hija possibbli interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati ta’ dan l-Artikolu 31 konformi mad-dritt primarju u mal-għanijiet tad-Direttiva 2015/849, li l-mandati fiduċjarji tal-kumpanniji fiduċjarji huma arranġamenti ġuridiċi simili, li l-interess leġittimu li għandhom juru l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jixtiequ jaċċessaw l-informazzjoni dwar is-sidien benefiċjarji jista’ jiġi ppreċiżat bil-mod kif jagħmel il-leġiżlatur Taljan u li l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li jistgħu jiġġustifikaw deroga mill-aċċess għall-informazzjoni dwar is-sid benefiċjarju tista’ ssir, taħt ċerti kundizzjonijiet, minn korp mhux ġudizzjarju. |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
1. Id-Direttiva 2015/849
|
5. |
Il-premessi 14, 16 u 17 tad-Direttiva 2015/849 jipprovdu:
[…]
|
|
6. |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(6) tad-Direttiva 2015/849 jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti u l-[Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja] ikollhom aċċess f’waqtu u mhux ristrett għall-informazzjoni kollha miżmuma fir-reġistru ċentrali […] mingħajr ma tinġibed l-attenzjoni tal-entità kkonċernata. […]” [cellules de renseignement financier] aient un accès en temps utile et sans restriction à toutes les informations conservées dans le registre central […] sans alerter l’entité concernée. […]” |
|
7. |
L-Artikolu 31 ta’ din id-direttivajipprevedi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dan l-Artikolu japplika għal trusts u tipi oħrajn ta’ arranġamenti legali, bħal, inter alia, fiducie, ċerti tipi ta’ Treuhand jew fideicomiso, fejn tali arranġamenti jkollhom struttura jew funzjonijiet simili għat-trusts. L-Istati Membri għandhom jidentifikaw il-karatteristiċi li jiddeterminaw fejn l-arranġamenti legali jkollhom struttura jew funzjonijiet simili għat-trusts fir-rigward ta’ tali arranġamenti legali rregolati taħt il-liġi tagħhom. Kull Stat Membru għandu jirrikjedi li l-fiduċjarji ta’ kwalunkwe trust speċifika amministrata f’dak l-Istat Membru jiksbu u jżommu informazzjoni adegwata, preċiża u attwali dwar is-sjieda benefiċjarja tat-trust. Din l-informazzjoni għandha tinkludi l-identità ta’:
[…] 3a. L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja ta’ trusts speċifiċi u arranġamenti legali simili kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandha tinżamm f’reġistru ċentrali ta’ sjieda benefiċjarja stabbilit mill-Istat Membru fejn il-fiduċjarju tat-trust jew persuna li jkollha kariga ekwivalenti f’arranġament legali simili huwa stabbilit jew jirrisjedi. […] 4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja ta’ trust jew ta’ arranġament ġuridiku ieħor tkun aċċessibbli fil-każijiet kollha għal: […]
[…] L-informazzjoni aċċessibbli għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi msemmija fil-punti (c) u (d) tal-ewwel subparagrafu għandha tikkonsisti fl-isem, ix-xahar u s-sena tat-twelid u l-pajjiż ta’ residenza u ta’ nazzjonalità tas-sid benefiċjarju, kif ukoll in-natura u l-portata tal-interess benefiċjarju miżmum. L-Istati Membri jistgħu, skont kundizzjonijiet li jiġu stabbiliti taħt il-liġi nazzjonali, jipprovdu aċċess għal informazzjoni addizzjonali li tippermetti l-identifikazzjoni tas-sid benefiċjarju. Dik l-informazzjoni addizzjonali għandha tinkludi għall-inqas id-data tat-twelid jew id-dettalji ta’ kuntatt skont ir-regoli tal-protezzjoni tad-data. L-Istati Membri jistgħu jippermettu aċċess usa’ għall-informazzjoni miżmuma fir-reġistru f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom. […] 7a. F’ċirkostanzi eċċezzjonali li għandhom jiġu stipulati fil-liġi nazzjonali, fejn l-aċċess imsemmi fil-punti (b), (c) u (d) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4 jesponi lis-sid benefiċjarju għal riskju sproporzjonat, riskju ta’ frodi, sekwestru, rikatt, estorsjoni, fastidju, vjolenza jew intimidazzjoni, jew fejn is-sid benefiċjarju jkun minorenni jew ma jkunx kapaċi f’termini legali għal xi raġuni oħra, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eżenzjoni minn tali aċċess għall-informazzjoni kollha jew parti minnha fuq is-sjieda benefiċjarja fuq bażi ta’ każ b’każ. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn l- eżenzjonijiet jingħataw fuq evalwazzjoni ddettaljata tan-natura eċċezzjonali taċ-ċirkostanzi. Id-drittijiet għal rieżami amministrattiv tad-deċiżjoni ta’ eżenzjoni u għal rimedju ġudizzjarju effikaċi għandhom ikunu garantiti. Stat Membru li jkun ta eżenzjonijiet għandu jippubblika data statistika annwali dwar in-numru ta’ eżenzjonijiet mogħtija u r-raġunijiet iddikjarati u jirrapporta d-data lill-Kummissjoni [Ewropea]. […] 10. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, il-kategoriji, id-deskrizzjoni tal-karatteristiċi, l-ismijiet u, fejn applikabbli, il-bażijiet ġuridiċi tat-trusts u arranġamenti legali simili msemmija fil-paragrafu 1 sal‑10 ta’ Lulju 2019. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista kkonsolidata ta’ tali trusts u arranġamenti legali simili f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sal‑10 ta’ Settembru 2019. Sas‑26 ta’ Ġunju 2020, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jevalwa jekk it-trusts u l-arranġamenti legali simili kollha kif imsemmi fil-paragrafu 1 irregolati skont il-liġi tal-Istati Membri ġewx identifikati debitament u jekk kinux ssoġġetti għall-obbligi kif stipulat f’din id-Direttiva. Fejn xieraq, il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi meħtieġa biex taġixxi fuq is-sejbiet ta’ dak ir-rapport.” |
2. Id-Direttiva 2018/843
|
8. |
Il-premessi 29, 30, 38 u 42 tad-Direttiva 2018/843 jipprovdu:
[…]
[…]
|
B. Id-dritt Taljan
1. Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 231/2007
|
9. |
L-Artikolu 1(2)(ee) tad-decreto legislativo n. 231 – Attuazione della direttiva 2005/60/CE concernente la prevenzione dell’utilizzo del sistema finanziario a scopo di riciclaggio dei proventi di attività criminose e di finanziamento del terrorismo nonchè della direttiva 2006/70/CE che ne reca misure di esecuzione (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 231, li Jimplimenta d-Direttiva 2005/60/KE dwar il-Prevenzjoni tal-Użu tas-Sistema Finanzjarja għall-Iskop tal-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu, kif ukoll id-Direttiva 2006/70/KE li Tistabbilixxi Miżuri Implimentattivi) ( 6 ), tal‑21 ta’ Novembru 2007, fil-verżjoni applikabbli għall-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 231/2007”), jiddefinixxi “fornitur ta’ servizz ta’ trusts jew kumpanniji” bħala “kwalunkwe persuna li, fuq bażi professjonali, tipprovdi xi wieħed mis-servizzi li ġejjin lil partijiet terzi: […] taġixxi bħala jew tirranġa biex persuna oħra taġixxi bħala fiduċjarju ta’ express trust jew ta’ arranġament legali simili ieħor”. |
|
10. |
L-Artikolu 20 ta’ dan id-digriet leġiżlattiv jirregola l-identifikazzjoni tas-sjieda benefiċjarja. |
|
11. |
L-Artikolu 21(3) u (4) tal-imsemmi digriet leġiżlattiv jipprevedi: “3. It-trusts […] kif ukoll l-arranġamenti ġuridiċi simili, stabbiliti jew residenti fit-territorju tar-Repubblika Taljana, huma obbligati li jiġu rreġistrati fit-taqsima speċjali, prevista għal dan l-għan, tar-reġistru tal-impriżi. L-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 22(5) dwar is-sjieda benefiċjarja ta’ dawn it-trusts u arranġamenti legali simili stabbiliti jew residenti fit-territorju tar-Repubblika Taljana għandha tiġi kkomunikata, mill-fiduċjarju/i jew minn persuna oħra f’isem il-fiduċjarju jew il-persuna li teżerċita d-drittijiet, is-setgħat u l-fakultajiet ekwivalenti f’arranġamenti legali simili, […] lir-reġistru tal-impriżi, sabiex titniżżel fih. […] 4. L-aċċess għall-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 22(5) dwar is-sjieda benefiċjarja tat-trusts huwa permess: […]
|
|
12. |
L-Artikolu 22(5) u (5a) tal-istess digriet leġiżlattiv jipprovdi: “5. Id-diretturi ta’ express trusts […] u l-persuni li jeżerċitaw drittijiet, setgħat u fakultajiet ekwivalenti f’arranġamenti legali simili, sakemm ikunu stabbiliti jew ikollhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom fit-territorju tar-Repubblika Taljana, għandhom jiksbu u jżommu informazzjoni xierqa, preċiża u attwali dwar persuni li jkollhom drittijiet fi trust jew f’arranġament legali simili, jiġifieri informazzjoni dwar l-identità tas-settlor(s), tal-amministratur(i), tal-protettur(i) jew ta’ kwalunkwe persuna oħra li taġixxi f’isem l-amministratur, fejn applikabbli, il-benefiċjarji jew klassijiet ta’ benefiċjarji u persuni fiżiċi oħrajn li jeżerċitaw kontroll fuq it-trust jew fuq arranġament legali simili u fuq kwalunkwe persuna fiżika oħra li fl-aħħar mill-aħħar teżerċita kontroll fuq l-assi li jappartjenu lit-trust jew lil arranġament legali simili permezz ta’ sjieda diretta jew indiretta jew b’mezzi oħra. Il-fiduċjarji ta’ express trusts u l-persuni li jeżerċitaw drittijiet, setgħat u fakultajiet ekwivalenti f’arranġamenti legali simili għandhom iżommu dik l-informazzjoni għal perijodu ta’ mhux inqas minn ħames snin wara t-tmiem tal-istatus fiduċjarju tagħhom u għandhom jagħmluha disponibbli mingħajr dewmien għall-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 21(2)(a) u (b). L-istess fiduċjarji li, f’din il-kapaċità, jistabbilixxu relazzjoni kontinwa jew professjonali jew jeżegwixxu servizz okkażjonali għandhom jiddikjaraw l-istatus tagħhom lill-entitajiet marbutin b’obbligu. 5a. Għall-finijiet ta’ dan id-digriet, l-entitajiet u l-arranġamenti li, minħabba l-istruttura u l-funzjonijiet tagħhom, jipproduċu effetti legali ekwivalenti għal dawk ta’ express trusts, inkluż fir-rigward tal-użu tal-assi għal skop, u li fuqhom persuna teżerċita l-kontroll li ma hijiex is-sid, għall-benefiċċju tal-benefiċjarju/i jew sabiex jintlaħaq għan speċifiku, għandhom jitqiesu li huma arranġamenti legali simili għat-trusts.” |
2. Id-Digriet Ministerjali Nru 55/2022
|
13. |
L-Artikolu 1(g) tad-decreto del Ministero dell’Economia e delle Finanze, no 55 – Regolamento recante disposizioni in materia di comunicazione, accesso e consultazione dei dati e delle informazioni relativi alla titolarità effettiva di imprese dotate di personalità giuridica, di persone giuridiche private, di trust produttivi di effetti giuridici rilevanti ai fini fiscali e di istituti giuridici affini al trust (id-Digriet Nru 55 tal-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Finanzi, li Jistabbilixxi r-Regolament li Jistabbilixxi Dispożizzjonijiet fil-Qasam tal-Komunikazzjoni, tal-Aċċess u tal-Konsultazzjoni tad-Data u tal-Informazzjoni dwar is-Sidien Benefiċjarji ta’ Impriżi b’Personalità Ġuridika, ta’ Persuni Ġuridiċi Privati, ta’ Trusts li Jipproduċu Effetti Legali Rilevanti fil-Qasam Fiskali u ta’ Arranġamenti Legali Simili għat-Trusts) ( 7 ), tal‑11 ta’ Marzu 2022 (iktar ’il quddiem id-“Digriet Ministerjali Nru 55/2022”), jirriproduċi d-definizzjoni ta’ arranġamenti legali simili li hemm fl-Artikolu 22(5)(a) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 231/2007. |
|
14. |
L-Artikolu 4(1)(e) tad-Digriet Ministerjali Nru 55/2022 jipprevedi “r-riferiment possibbli għal ċirkustanzi eċċezzjonali, sabiex jiġi rrifjutat l-aċċess għall-informazzjoni dwar is-sidien benefiċjarji, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 21(2)(f) u tat-tielet sentenza tal-Artikolu 21(4)(da) tad-[Digriet Leġiżlattiv Nru 231/2007], kif ukoll l-indikazzjoni ta’ indirizz tal-posta elettronika biex jiġu rċevuti l-komunikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(3) bħala parti kkonċernata”. |
|
15. |
L-Artikolu 7(2) u (3) tad-Digriet Ministerjali Nru 55/2022 jipprevedi: “2. Id-data u l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja tat-trusts u tal-arranġamenti legali simili […] li jridu jiġu rreġistrati fit-taqsima speċjali, ikkomunikati skont l-Artikolu 3 u miżmuma fit-taqsima speċjali tar-reġistru tal-impriżi, għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ kull persuna fiżika jew ġuridika, inklużi dawk li għandhom interess mifrux, li għandha d-dritt li jkollha aċċess għalihom konformement mal-ewwel u t-tieni sentenzi tal-Artikolu 21(4)(da) tad-[Digriet Leġiżlattiv Nru 231/2007], abbażi tat-tressiq quddiem il-Kamra tal-Kummerċ territorjalment kompetenti ta’ talba għal aċċess motivata li turi li l-kundizzjonijiet preliminari stabbiliti fl-ewwel u fit-tieni sentenzi tal-Artikolu 21(4)(da) huma ssodisfatti. Fi żmien għoxrin jum mit-talba, il-Kamra tal-Kummerċ territorjalment kompetenti għandha tagħti l-aċċess lill-applikant jew tikkomunikalu ċ-ċaħda motivata tagħha, permezz ta’ posta elettronika ċċertifikata. Fin-nuqqas ta’ komunikazzjoni fit-terminu ċċitat iktar ’il fuq, l-aċċess għandu jitqies li ġie miċħud. 3. […] [I]l-kamra tal-kummerċ territorjalment kompetenti għandha tibgħat it-talba għall-aċċess imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 lill-parti kkonċernata […] Fi żmien għaxart ijiem wara li tirċievi din il-komunikazzjoni, il-parti interessata tista’ tibgħat […] oppożizzjoni motivata. Il-Kamra tal-Kummerċ tivvaluta każ b’każ iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali msemmija fl-Artikolu 21(2)(f) u (4)(d) tad-[Digriet Leġiżlattiv Nru 231/2007] esposti mill-parti kkonċernata li jiġġustifikaw iċ-ċaħda, totali jew parzjali, tal-aċċess, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-prinċipju tal-proporzjonalità bejn ir-riskju invokat u l-interess għall-aċċess. Il-Kamra tal-Kummerċ territorjalment kompetenti tista’ tirrifjuta, totalment jew parzjalment, l-aċċess għad-data msemmija fil-paragrafi 1 u 2 wara li tkun evalwat iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali invokati mill-parti kkonċernata. Ir-rifjut ta’ aċċess, motivat, għandu jiġi kkomunikat lill-applikant […] fi żmien għoxrin jum mit-talba għal aċċess. Fin-nuqqas ta’ komunikazzjoni fit-terminu, l-aċċess għandu jitqies bħala miċħud.” |
III. Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
16. |
Diversi kumpanniji fiduċjarji Taljani kkontestaw quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lazio, l-Italja) l-atti li permezz tagħhom il-Gvern Taljan inkluda l-mandati fiduċjarji tal-kumpanniji fiduċjarji fost l-arranġamenti legali simili, bil-konsegwenza li jobbligahom jipprovdu informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja ta’ dawn il-mandati. |
|
17. |
Fost dawn il-kumpanniji hemm Across Fiduciaria SpA, Galvani Fiduciaria Srl, Sfo Fiduciaria Srl (iktar ’il quddiem “Across Fiduciaria et”), Unione Fiduciaria SpA, Assoservizi Fiduciari, Aletti Fiduciaria SpA, Torino Fiduciaria – Fiditor Srl (iktar ’il quddiem “Unione Fiduciaria et”) u Ser-Fid Italiana Fiduciaria e di Revisione SpA (iktar ’il quddiem “Ser-Fid”). |
|
18. |
Il-kontestazzjonijiet tagħhom ġew miċħuda. |
|
19. |
Fir-rikorsi tagħhom quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-leġiżlazzjoni Taljana hija inkompatibbli mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, li din tal-aħħar stess hija illegali u li l-miżuri tad-dritt Taljan huma illegali sa fejn inkludew fost l-arranġamenti legali simili l-mandati fiduċjarji tal-kumpanniji fiduċjarji. |
|
20. |
Quddiem il-qorti tar-rinviju, il-partijiet jiddiskutu l-validità tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 31 tad-Direttiva 2015/849 dwar id-definizzjoni, minn naħa, tal-kunċett ta’ “arranġamenti legali simili” fid-dawl tal-Artikoli 114 u 288 TFUE u, min-naħa l-oħra, tal-kunċett ta’ “interess leġittimu” li l-persuni fiżiċi u ġuridiċi għandhom juru sabiex jaċċessaw l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. |
|
21. |
Il-qorti tar-rinviju tesprimi, barra minn hekk, dubji dwar il-fatt li l-mandati fiduċjarji tal-kumpanniji fiduċjarji jistgħu jitqiesu bħala arranġamenti legali simili u jkunu suġġetti, abbażi ta’ dan, għall-obbligu li jipprovdu data lir-reġistru tas-sidien benefiċjarji. Barra minn hekk, din il-qorti tistaqsi dwar il-modalitajiet adottati mil-leġiżlazzjoni Taljana għall-protezzjoni tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv tas-sid benefiċjarju. Hija tosserva li l-valutazzjoni tad-dritt għal deroga minħabba l-espożizzjoni, b’mod partikolari, għal riskju sproporzjonat hija r-responsabbiltà ta’ korp amministrattiv, mingħajr rikors ġudizzjarju qabel l-iżvelar tad-data. |
|
22. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-Kawża C‑684/24, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
|
23. |
Fil-Kawża C‑685/24, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
|
24. |
Permezz ta’ Deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑4 ta’ Diċembru 2024, il-Kawżi C‑684/24 u C‑685/24 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċeduri bil-miktub u orali kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza. |
|
25. |
Il-qorti tar-rinviju talbet ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tissottometti l-kawżi preżenti għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
26. |
Il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ċaħad din it-talba għal proċedura mħaffa, permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Settembru 2025 ( 10 ), u ddeċieda li l-informazzjoni trażmessa mill-qorti tar-rinviju kienet tiġġustifika trattament prijoritarju tal-kawża, taħt l-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura. |
|
27. |
Across Fiduciaria et, Unione Fiduciaria et, Ser-Fid, il-Camera di Commercio Industria Artigianato e Agricoltura di Roma (il-Kamra tal-Kummerċ, tal-Industrija, tal-Artiġjanat u tal-Agrikoltura ta’ Ruma, l-Italja), il-Gvern Ġermaniż u l-Gvern Taljan, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Dawn il-partijiet, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Ġermaniż, ippreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom waqt is-seduta li saret fil‑25 ta’ Settembru 2025. |
IV. Analiżi
|
28. |
Ser nibda l-analiżi tiegħi bil-kwistjoni dwar il-validità tal-kunċett ta’ “arranġamenti legali simili” (A). Imbagħad ser neżamina l-kwistjonijiet relatati mal-mandati fiduċjarji u l-issuġġettar tagħhom għar-reġim applikabbli għal tali arranġamenti legali simili (B). Ser inkompli billi nesplora, minn naħa, il-konformità mad-drittijiet fundamentali tad-dispożizzjonijiet li jorganizzaw l-aċċess għall-informazzjoni dwar is-sidien benefiċjarji mill-persuni li jistgħu juru interess leġittimu u, min-naħa l-oħra, liema interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tista’ tagħmilhom konformi ma’ dawn id-drittijiet fundamentali (C). Ser nikkonkludi billi nindirizza l-kwistjoni tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv għas-sid benefiċjarju li t-talba tiegħu għal deroga mill-aċċess għall-informazzjoni tiegħu tkun ġiet miċħuda minn korp mhux ġudizzjarju (D). |
A. Fuq il-ħames domanda fil-Kawża C‑685/24
|
29. |
Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-validità tal-Artikolu 31(1), (2) u (10) tad-Direttiva 2015/849 fid-dawl tal-Artikolu 114 tal-Artikolu 288(3) TFUE kif ukoll tal-prinċipju tal-effett utli. |
|
30. |
Din il-qorti adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja b’din id-domanda minħabba l-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar il-validità ta’ att tal-Unjoni ( 11 ), iżda ma għandhiex dubju dwar il-validità ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
31. |
Fil-fatt, il-kunċett li l-validità tiegħu hija kkontestata huwa dak ta’ “arranġamenti legali simili”, li r-rikorrenti jqisu li ma huwiex suffiċjentement ċar, preċiż u prevedibbli sabiex jippermetti li jintlaħaq l-għan ta’ ċertezza legali u li jkun hemm kundizzjonijiet ugwali ta’ applikazzjoni tas-sistema li tirriżulta minnu bejn l-Istati Membri. |
|
32. |
Bħall-qorti tar-rinviju, inqis li l-marġni ta’ manuvra mogħti lil-leġiżlatur tal-Unjoni skont l-Artikolu 114(1) TFUE sabiex jasal għal approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet ( 12 ) fil-qasam tal-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu ( 13 ) u l-għażla ta’ direttiva vinkolanti fuq l-Istati Membri fir-rigward tar-riżultat li għandu jintlaħaq, filwaqt li tħallilhom il-kompetenza fir-rigward tal-forma u tal-mezzi, jagħmilha possibbli li jintuża l-kunċett ta’ “arranġamenti legali simili” fid-Direttiva 2015/849 mingħajr ma jkollhom għalfejn jiġu speċifikati iktar il-limiti ta’ dan il-kunċett fid-direttiva stess. |
|
33. |
Fil-fatt, l-għan ta’ din id-direttiva huwa li tiżgura l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Bħala tali, l-għan li tiġi żgurata trasparenza ikbar tas-sistema finanzjarja permezz tal-aċċess għall-informazzjoni dwar is-sidien benefiċjarji jintlaħaq biss jekk l-arranġamenti legali simili, li ma humiex mekkaniżmi rikonoxxuti fl-Istati Membri kollha, ikunu suġġetti għall-istess regoli bħat-trusts sabiex tiġi evitata ċ-ċirkomvenzjoni ta’ dan l-obbligu ta’ trasparenza. |
|
34. |
Barra minn hekk, il-fatt li jitħalla, minn naħa, f’idejn l-Istati Membri, skont l-Artikolu 31(10) tad-Direttiva 2015/849, li jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-kategoriji, id-deskrizzjoni tal-karatteristiċi, l-isem u, fejn applikabbli, il-bażi legali tal-arranġamenti legali simili eżistenti fid-dritt nazzjonali tagħhom u, min-naħa l-oħra, f’idejn il-Kummissjoni li tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-lista kkonsolidata ta’ dawn l-arranġamenti legali simili ma jidhirx li jmur kontra l-marġni ta’ manuvra mogħti kemm lil-leġiżlatur tal-Unjoni kif ukoll lill-Istati Membri. |
|
35. |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet marġni ta’ manuvra lil-leġiżlatur tal-Unjoni meta l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet seħħet f’oqsma kkaratterizzati minn partikolaritajiet tekniċi kumplessi ( 14 ), li huwa l-każ tad-definizzjoni ta’ mekkaniżmi li jistgħu jkunu relatati mat-trusts. |
|
36. |
Fl-aħħar nett, nosserva li l-ebda waħda mill-partijiet ma tispjega kif l-estensjoni tar-reġim tal-aċċess għall-informazzjoni dwar is-sidien benefiċjarji għall-arranġamenti legali simili, in-notifika lill-Kummissjoni dwar tali arranġamenti eżistenti skont id-dritt nazzjonali u l-pubblikazzjoni tagħhom timmina l-effettività tad-Direttiva 2015/849, li tintroduċi aktar trasparenza fis-sistema finanzjarja. Min-naħa l-oħra, dan il-prinċipju tal-effett utli għandu jiggwida l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. |
|
37. |
Konsegwentement, nipproponi li r-risposta lill-qorti tar-rinviju għandha tkun li l-eżami tal-ħames domanda preliminari fil-Kawża C‑685/24 ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 31(1), (2) u (10) tad-Direttiva 2015/849. |
B. Fuq l-ewwel sar-raba’ domandi fil-Kawża C‑685/24
|
38. |
Permezz ta’ dawn l-erba’ domandi, li, fil-fehma tiegħi, għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddetermina jekk il-mandati fiduċjarji tal-kumpanniji fiduċjarji rregolati mid-dritt Taljan humiex arranġamenti legali simili, fis-sens tal-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 2015/849. B’mod iktar preċiż, din il-qorti tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “arranġamenti legali simili” jirreferix għall-eżistenza ta’ grupp ikkoordinat ta’ regoli u ta’ prinċipji jew, għall-kuntrarju, għal operazzjoni konkreta u speċifika jew, ukoll, għal ċerti tipi ta’ tranżazzjonijiet evalwati skont il-karatteristiċi essenzjali tagħhom. L-imsemmija qorti tixtieq tkun taf ukoll jekk in-notifiki u l-pubblikazzjoni previsti fl-Artikolu 31(10) ta’ din id-direttiva għandhomx valur normattiv jew sempliċement informattiv u jekk il-qorti nazzjonali għandhiex tivverifika jekk struttura nnotifikata u ppubblikata tistax tiġi kklassifikata bħala “arranġamenti legali simili”. L-istess qorti tistaqsi dwar jekk l-imsemmija direttiva tipprekludix il-leġiżlazzjoni Taljana li tassimila l-mandati fiduċjarji tal-kumpanniji fiduċjarji ma’ arranġamenti legali simili, anki jekk dawn il-mandati fiduċjarji huma suġġetti għas-superviżjoni tal-awtoritajiet nazzjonali. |
|
39. |
Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, jeħtieġ li jiġu kkunsidrati suċċessivament l-erba’ punti ta’ oriġini tad-domandi. |
|
40. |
Fl-ewwel lok, il-kunċett ta’ “arranġament legali simili”, minkejja r-realtajiet differenti fid-dritt nazzjonali li jista’ jiġbor flimkien, huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni u, għalhekk, għandu jkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni mhux id-definizzjoni fid-dritt nazzjonali jew il-pożizzjoni tad-duttrina nazzjonali, iżda l-għanijiet tad-Direttiva 2015/849 li fiha huwa stabbilit ( 15 ). |
|
41. |
Għalhekk, minn naħa, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, il-verżjoni inizjali tal-Artikolu 31(8) tad-Direttiva 2015/849 kienet issemmi l-arranġamenti legali simili biss kif ġej: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri previsti f’dan l-Artikolu japplikaw għal tipi oħra ta’ arranġamenti legali li jkollhom struttura jew funzjonijiet simili għat-trusts”. Dak iż-żmien, iż-żieda tat-trusts kif ukoll tal-arranġamenti legali simili fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-aċċess għall-informazzjoni dwar is-sidien benefiċjarji kienet iġġustifikata minn raġunijiet ta’ ugwaljanza bejn tipi differenti ta’ strutturi legali ( 16 ). |
|
42. |
Min-naħa l-oħra, il-premessa 29 tad-Direttiva 2018/843 tindika b’mod ċar li għandu jiġi speċifikat liema arranġamenti legali għandhom jitqiesu li huma simili għat-trusts minħabba l-funzjonijiet jew l-istruttura tagħhom “[s]abiex jiġu żgurati ċ-ċertezza legali u kundizzjonijiet ekwi”. L-għan imfittex minn dan l-obbligu ta’ trasparenza huwa li jiġi evitat l-użu abbużiv ta’ dan it-tip ta’ kumpanniji u ta’ entitajiet ġuridiċi oħra għall-finijiet ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu. Għalhekk, l-emendi li saru fid-Direttiva 2015/849 bid-Direttiva 2018/843 ipprevedew li l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-“il-kategoriji, id-deskrizzjoni tal-karatteristiċi, l-ismijiet u, fejn applikabbli, il-bażijiet ġuridiċi tat-trusts u arranġamenti legali simili” u li l-Kummissjoni għandha tippubblika lista konsolidata tagħhom f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ( 17 ). Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament u lill-Kunsill li fih għandha tivvaluta jekk ġewx identifikati it-trusts u l-arranġamenti legali simili kollha u ġew suġġetti għall-obbligi tad-Direttiva 2015/849 u, jekk iva, għandha tieħu l-miżuri meħtieġa b’segwitu tal-konklużjonijiet tar-rapport ( 18 ). |
|
43. |
Minn dan ta’ hawn fuq jirriżulta li arranġamenti legali simili huma dawk li għandhom funzjonijiet jew struttura simili għat-trusts u li l-Istati Membri huma fl-aħjar pożizzjoni biex jidentifikawhom skont ir-regoli nazzjonali tagħhom. |
|
44. |
Fit-tieni lok, fir-rigward tan-natura ġuridika ta’ din il-lista kkonsolidata stabbilita mill-Kummissjoni, inqis li din hija informattiva u mhux vinkolanti. Il-premessa 29 tad-Direttiva 2018/843 tipprovdi li n-notifika mill-Istati Membri u l-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni għandhom jippermettu lill-Istati Membri l-oħra jidentifikaw dawn l-arranġamenti legali simili. Kif tirrileva l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, il-pubblikazzjoni ta’ din il-lista kkonsolidata ma ssirx fil-parti “Leġiżlazzjoni” ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, iżda fil-parti “Informazzjoni u Avviżi” ( 19 ). |
|
45. |
Fit-tielet lok, fir-rigward tal-assimilazzjoni tal-mandati fiduċjarji konklużi minn trusts ma’ arranġamenti legali simili, il-qorti tar-rinviju tispjega li fid-dritt Taljan huwa stabbilit li dawn il-mandati jistgħu jiġu assimilati mat-trusts imsejħa “Ġermaniżi”, jiġifieri mingħajr trasferiment tas-sjieda. Madankollu, għandu jitfakkar li la trust u lanqas kumpannija fiduċjarja ma huma ddefiniti fid-Direttiva 2015/849 u li dawn il-mekkaniżmi huma rregolati biss mid-dritt nazzjonali ta’ tliet Stati Membri u rrikonoxxuti biss fit-territorju ta’ tliet Stati Membri oħra abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi Applikabbli għat-Trusts u r-Rikonoxximent Tagħhom, iffirmata fl‑1 ta’ Lulju 1985 fil-kuntest tal-Konferenza ta’ Den Haag dwar id-Dritt Internazzjonali Privat ( 20 ). Għaldaqstant, huwa possibbli li tittieħed inkunsiderazzjoni d-definizzjoni adottata f’din il-konvenzjoni sabiex jiġi evalwat liema strutturi jew funzjonijiet għandhom ikunu simili tagħhom l-arranġamenti legali nazzjonali. |
|
46. |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija konvenzjoni jipprovdi li “t-terminu ‘trust’ jirreferi għar-relazzjonijiet ġuridiċi maħluqa minn persuna, is-settlor – permezz ta’ att inter vivos jew causa mortis – meta l-assi jkunu tqiegħdu taħt il-kontroll ta’ trustee fl-interess ta’ benefiċjarju jew għal għan speċifiku” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Din id-dispożizzjoni żżid li t-trust b’mod partikolari jkollha l-karatteristiċi li ġejjin: l-assi tat-trust ma jifformawx parti mill-patrimonju tat-trustee, it-titolu relatat mal-assi tat-trust huwa stabbilit f’isem it-trustee jew persuna oħra għan-nom ta’ dan tal-aħħar, it-trustee għandu jamministra, jamministra jew jiddisponi mill-assi skont it-termini tat-trust. |
|
47. |
Konsegwentement, it-trasferiment tas-sjieda lit-trustee fis-sens strett ma huwiex obbligatorju, iżda, min-naħa l-oħra, il-fatt li t-trustee, jew persuna li taġixxi f’ismu, jissemma fit-titolu relatat mal-assi huwa karatteristika tat-trust. Issa, hija preċiżament din il-funzjoni tat-trust li tiġġustifika l-għoti ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar is-sidien benefiċjarji ta’ tali trust sabiex jiġi evitat it-twettiq ta’ reati fil-qasam tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu. Għalhekk, din il-funzjoni ta’ ħabi tas-sid benefiċjarju tikkontribwixxi għas-similarità mat-trusts li għandha tiġi analizzata mill-qorti tar-rinviju. |
|
48. |
Għaldaqstant, peress li l-mandati fiduċjarji jinvolvu l-investiment ta’ assi f’isem ħaddieħor skont il-qorti tar-rinviju, inqis li hija din il-persuna li isimha jidher fit-titolu dwar l-assi li tidher li hija s-sid, fil-konfront ta’ terzi. B’riżultat ta’ dan, l-identità tas-sid benefiċjarju ma hijiex aċċessibbli għal partijiet terzi mal-ewwel daqqa ta’ għajn. Dan in-nuqqas ta’ trasparenza dwar is-sid benefiċjarju huwa simili għal dak li jeżisti għat-trusts u, bħala tali, il-mandat fiduċjarju ta’ kumpannija fiduċjarja jista’ jitqies bħala arranġament legali simili. |
|
49. |
Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti jikkontestaw l-għażla tal-awtoritajiet Taljani li jinnotifikaw il-mandati fiduċjarji bħala arranġamenti legali simili, minħabba li l-issuġġettar tagħhom għas-sistema stabbilita mill-Artikolu 31 tad-Direttiva 2015/849 huwa sproporzjonat fid-dawl tal-obbligi kollha li diġà jaqgħu fuq dawn il-mandati skont id-dritt nazzjonali. Il-qorti tar-rinviju elenkat id-differenzi li jeżistu bejn kull obbligu msemmi mir-rikorrenti u s-sistema stabbilita minn dan l-Artikolu 31 sabiex tikkonkludi li din is-sistema hija iktar stretta mill-obbligi nazzjonali preeżistenti sa fejn tipprevedi, b’mod partikolari, trasparenza ikbar permezz ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja. Fil-fatt, kieku l-obbligi kienu identiċi, ir-rikorrenti ma kinux jikkontestaw din l-assimilazzjoni tal-mandati fiduċjarji mat-trusts. Barra minn hekk, kull leġiżlazzjoni ssegwi l-għanijiet tagħha stess u l-fatt li tkun suġġetta għal leġiżlazzjoni ma teskludix li tkun suġġetta għal leġiżlazzjoni ġdida li jkollha għan ieħor, possibbilment b’mezzi oħra. |
|
50. |
Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Artikolu 31(1), (2) u (10) tad-Direttiva 2015/849 għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tinkludi, fost l-arranġamenti legali simili, il-mandati fiduċjarji tal-kumpanniji fiduċjarji bħala tipi ta’ operazzjonijiet ekonomiċi-legali, ivvalutati abbażi l-karatteristiċi essenzjali tagħhom, jekk l-istruttura u l-funzjonijiet jwasslu għall-investiment tal-assi f’isem ħaddieħor, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Il-fatt li l-mandati fiduċjarji tal-kumpanniji fiduċjarji huma suġġetti għal obbligi u għal superviżjoni mill-awtoritajiet nazzjonali huwa irrilevanti f’dan ir-rigward. |
C. Fuq l-ewwel domanda fil-Kawża C‑684/24 u fuq is-sitt domanda fil-Kawża C‑685/24
|
51. |
Permezz ta’ dawn iż-żewġ domandi, li, fil-fehma tiegħi, għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, dwar il-validità tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(4) tad-Direttiva 2015/849, fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta li jipproteġu d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, kif ukoll dwar l-interpretazzjoni tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet sabiex jiġi ddeterminat jekk din tipprekludix id-dispożizzjonijiet nazzjonali li ttrasponewha, billi jipprevedu definizzjoni tal-interess leġittimu fl-ordinament ġuridiku Taljan. |
|
52. |
Fir-rigward tal-validità ta’ din id-dispożizzjoni, jistgħu jinsiltu għadd ta’ lezzjonijiet mis-sentenza Luxembourg Business Registers li ddikjarat invalida, fir-rigward tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, id-dispożizzjoni li tistabbilixxi aċċess fil-każijiet kollha għal kwalunkwe membru tal-pubbliku ġenerali għal informazzjoni dwar is-sidien benefiċjarji ta’ kumpanniji u ta’ entitajiet legali oħra ( 21 ). Għalhekk, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li tali aċċess kien jikkostitwixxi ndħil serju fid-drittijiet fundamentali minquxa fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta ( 22 ). |
|
53. |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-ġustifikazzjoni tal-indħil li jirriżulta minn dan l-aċċess tal-pubbliku ġenerali għal din l-informazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-Artikolu 52(1) tal-Karta jistabbilixxi erba’ kundizzjonijiet għal-limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali. Din il-limitazzjoni għandha tkun prevista mil-liġi, għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawn id-drittijiet u, bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, fejn tkun meħtieġa u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni ( 23 ). |
|
54. |
Fis-sentenza Luxembourg Business Registers, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, marbuta mar-rispett tal-prinċipju ta’ legalità ( 24 ) kif ukoll mar-rispett tal-essenza tad-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tagħha ( 25 ), kienu ssodisfatti. Hija stabbilixxiet ukoll li l-għan ta’ dan l-indħil, li jikkonsisti fil-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu billi jistabbilixxi, permezz ta’ trasparenza ikbar, ambjent li huwa inqas suxxettibbli li jintuża għal dawn il-finijiet, kien jikkostitwixxi għan ta’ interess ġenerali li jista’ jiġġustifika ndħil, anki serju, f’dawn id-drittijiet fundamentali ( 26 ). |
|
55. |
Fir-rigward tal-aħħar kundizzjoni, jiġifieri n-natura xierqa, neċessarja u proporzjonata tal-indħil inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-aċċess tal-pubbliku ġenerali għall-informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi huwa adatt biex jissodisfa l-għan ta’ interess ġenerali tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu ( 27 ). |
|
56. |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tan-natura neċessarja u proporzjonata tal-indħil, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li dawn ma kinux issodisfatti fil-każ ta’ aċċess għall-pubbliku ġenerali għall-informazzjoni dwar is-sidien benefiċjarji. |
|
57. |
Tabilħaqq, l-ewwel nett, il-fatt li jitwessa’ l-aċċess għal din l-informazzjoni billi jiġi sostitwit l-aċċess irriżervat għal kwalunkwe persuna jew organizzazzjoni li tista’ turi interess leġittimu b’aċċess għall-pubbliku ġenerali, minħabba d-diffikultà bid-definizzjoni ta’ tali interess leġittimu, ma jissodisfax, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-ħtieġa stretta tal-indħil ( 28 ). It-tieni, fir-rigward tal-proporzjonalità tal-indħil, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa, li kien hemm nuqqas ta’ preċiżjoni u ta’ identifikazzjoni tad-data li setgħet titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ġenerali peress li l-informazzjoni minima li kellha ssir disponibbli kienet elenkata f’forma mhux eżawrjenti ( 29 ). Min-naħa l-oħra, hija indikat li l-ibbilanċjar tal-gravità tal-indħil mal-importanza tal-objettiv ta’ interess ġenerali ma kienx sodisfaċenti, minħabba li l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu tiddependi prinċipalment fuq l-awtoritajiet pubbliċi u l-aggravament tal-indħil li jirriżulta mill-ftuħ għall-pubbliku ġenerali tal-aċċess għall-informazzjoni ma kienx ikkumpensat mill-benefiċċji possibbli li jirriżultaw minn din ir-riforma meta mqabbla mas-sistema preċedenti ( 30 ). |
|
58. |
Minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja invalidat id-dispożizzjoni li tagħti aċċess għall-informazzjoni dwar is-sidien benefiċjarji lill-pubbliku ġenerali, inqis li r-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja espost iktar ’il fuq jista’ jwassal għal soluzzjoni kuntrarja għal dik adottata fis-sentenza Luxembourg Business Registers fl-evalwazzjoni tal-validità tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(4) tad-Direttiva 2015/849, li jipprevedi l-aċċess għall-informazzjoni dwar is-sidien benefiċjarji ta’ trusts jew ta’ arranġamenti legali simili għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jistgħu juru interess leġittimu. |
|
59. |
Fil-fatt, fl-ewwel lok, jeżistu differenzi bejn iż-żewġ mekkaniżmi ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja previsti fl-Artikoli 30 u 31 tad-Direttiva 2015/849. |
|
60. |
L-ewwel differenza tikkonċerna l-kontenut tal-informazzjoni bażika. Filwaqt li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 30(5) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi lista mhux eżawrjenti ta’ informazzjoni li għandha ssir disponibbli, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(4) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi lista eżawrjenti ta’ informazzjoni aċċessibbli għall-persuni msemmija fl-Artikolu 31(4)(c) u (d) tal-istess direttiva. Il-fatt li l-lista hija eżawrjenti jikkontribwixxi, fil-fehma tiegħi, għal definizzjoni u identifikazzjoni suffiċjentement preċiżi tad-data disponibbli – b’mod partikolari għal kwalunkwe persuna li turi interess leġittimu – li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 31 ). Il-fatt li l-marġni ta’ evalwazzjoni tal-Istati Membri li jixtiequ jagħtu aċċess għal informazzjoni addizzjonali huwa inkwadrat mill-preċiżjoni, fil-paragrafu ta’ wara, li, f’dan il-każ, din l-informazzjoni addizzjonali għandha tinkludi “għall-inqas id-data tat-twelid jew id-dettalji ta’ kuntatt, f’konformità mar-regoli tal-protezzjoni tad-data” ( 32 ), ukoll huwa ta’ natura li jista’ jiddefinixxi u jidentifika aħjar in-natura ta’ din l-informazzjoni addizzjonali. |
|
61. |
It-tieni differenza mis-sitwazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja evalwat fis-sentenza Luxembourg Business Registers tikkonċerna r-rekwiżit tal-prova ta’ interess leġittimu mill-persuna li titlob l-aċċess għall-informazzjoni, kunċett li t-test tad-Direttiva 2015/849 ma jiddefinixxix il-limiti tiegħu. |
|
62. |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-validità u l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “interess leġittimu”, previst fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(4) tad-Direttiva 2015/849, nixtieq infakkar tliet punti. |
|
63. |
L-ewwel nett, l-inkompatibbiltà ta’ kunċett mad-drittijiet fundamentali li tista’ twassal għall-invalidazzjoni tat-test li jistabbilixxih tista’ tiġi kkonstatata biss jekk dan il-kunċett ma jkunx jista’ jingħata interpretazzjoni konformi mar-rispett għal dawn id-drittijiet ( 33 ). Għalhekk, il-kunċett ta’ “interess leġittimu” jista’ jiġi interpretat konformement mad-drittijiet fundamentali, għall-kuntrarju tal-kunċett ta’ “pubbliku ġenerali”, li jirreferi għal kwalunkwe persuna mingħajr distinzjoni. Sussegwentement, kif fakkart preċedentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-osservanza tal-prinċipju ta’ legalità neċessarja sabiex jiġi ġġustifikat indħil timplika li d-definizzjoni tal-portata tal-limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt fundamentali tkun prevista fl-att li jistabbilixxi din il-limitazzjoni, iżda ma teskludix li l-formulazzjoni ta’ din il-limitazzjoni ssir f’termini suffiċjentement miftuħa sabiex tkun tista’ tiġi adattata għal każijiet differenti kif ukoll għat-tibdil fis-sitwazzjoni. Fl-aħħar nett, il-portata konkreta tal-limitazzjoni tista’ tiġi ppreċiżata permezz tal-interpretazzjoni li tagħti l-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward kemm tal-formulazzjoni stess tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni inkwistjoni kif ukoll tal-istruttura ġenerali tagħha u tal-għanijiet li hija tfittex, kif interpretati fid-dawl tad-drittijiet fundamentali ( 34 ). |
|
64. |
Inqis li, f’dan il-każ, għalkemm l-interpretazzjoni letterali tal-kunċett ta’ “interess leġittimu”, mingħajr ebda preċiżazzjoni oħra, ma tippermettix li jingħata kontenut ċar lil dan il-kunċett, li neċessarjament huwa suġġettiv, min-naħa l-oħra, l-istruttura ġenerali u l-għanijiet tad-Direttiva 2015/849 jippermettu li tiġi ddelimitata l-portata tal-imsemmi kunċett. |
|
65. |
Minn naħa, l-għan tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu permezz ta’ trasparenza ikbar li ġie rrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala skop li jista’ jiġġustifika ndħil, anki serju, fil-kuntest tal-aċċess għall-informazzjoni dwar is-sidien benefiċjarji ( 35 ) għandu jiggwida l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “interess leġittimu”. |
|
66. |
Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni tista’ tiġi ċċarata mill-premessi tad-Direttiva 2018/843. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet mill-premessa 30 ta’ din id-direttiva li l-istampa u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li għandhom rabta ma’ din il-ġlieda għandhom interess leġittimu li jaċċedu għal din l-informazzjoni, kif għandhom ukoll il-persuni li jixtiequ jkunu jafu min huma s-sidien benefiċjarji li potenzjalment jistgħu jiffirmaw kuntratt magħhom ( 36 ). Fir-rigward tal-premessa 42 tal-imsemmija direttiva, din tipprovdi li l-interess leġittimu ma għandux ikun limitat għal “proċedimenti amministrattivi jew legali pendenti” u għandu jippermetti “li jittieħed kont tal-ħidma preventiva fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, il-finanzjament tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-reati predikati assoċjati mwettqa mill-organizzazzjonijiet nongovernattivi u l-ġurnalisti investigattivi, meta dan ikun xieraq”. |
|
67. |
Għalhekk, meta persuna tkun tixtieq taċċedi għal informazzjoni dwar is-sidien benefiċjarji ta’ trusts, hija trid turi l-interess leġittimu tagħha fir-rigward tal-objettiv tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Tali interpretazzjoni hija konformi mar-rispett tad-drittijiet protetti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. |
|
68. |
Barra minn hekk, peress li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni hija direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li d-dispożizzjonijiet tad-direttivi huma ta’ natura relattivament ġenerali, peress li għandhom japplikaw għal numru kbir ta’ sitwazzjonijiet varji li jistgħu jippreżentaw ruħhom fl-Istati Membri kollha u li huwa loġiku li jinkludu regoli li jħallu lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni li huwa neċessarju sabiex jiġu definiti l-miżuri ta’ traspożizzjoni li jistgħu jiġu adattati għas-sitwazzjonijiet differenti li jistgħu jinħolqu ( 37 ). Hija żżid li huma l-Istati Membri li għandhom l-obbligu li, fit-traspożizzjoni tad-direttivi, jaraw li jibbażaw ruħhom fuq interpretazzjoni ta’ dawn tal-aħħar li tippermetti li jiġi assigurat bilanċ ġust bejn id-diversi drittijiet fundamentali protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ( 38 ). Għalhekk, li l-Istati Membri jitħallew jiddefinixxu l-interess leġittimu mingħajr ma jiddefinixxu l-limiti tiegħu fid-Direttiva 2015/849 ma jħallihomx marġni sħiħ ta’ evalwazzjoni: iridu jqisu l-objettiv tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu ( 39 ). |
|
69. |
L-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi ma’ dan l-għan huwa impost ukoll fuq l-Istati Membri fil-kuntest tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2015/849. Fihom infushom, it-termini tad-definizzjoni adottata mil-leġiżlazzjoni Taljana ma jidhirlix li joħolqu diffikultà f’dan ir-rigward peress li l-aċċess għall-informazzjoni huwa permess lill-individwi, inklużi dawk li għandhom interess mifrux, li għandhom interess ġuridiku rilevanti u distint, meta jkun neċessarju li jkunu jafu s-sidien benefiċjarji sabiex jiġi ppreservat jew imħares interess li jikkorrispondi għal sitwazzjoni legalment protetta, jekk dawn l-individwi jkollhom provi konkreti u dokumentati li s-sid benefiċjarju u s-sid legali huma persuni distinti, filwaqt li jiġi ppreċiżat li l-interess għandu jkun dirett, konkret u attwali u, għall-entitajiet li jirrappreżentaw interessi mifruxa, ma jikkoinċidux mal-interess ta’ persuni li jaqgħu fil-kategorija rrappreżentata ( 40 ). Din id-definizzjoni, li tipprova tippreċiża l-kunċett ta’ “interess leġittimu”, tħalli marġni ta’ evalwazzjoni lill-awtoritajiet li għandhom japplikawha każ b’każ. |
|
70. |
Madankollu, dawn l-awtoritajiet lanqas ma għandhom libertà totali fl-evalwazzjoni tal-interess leġittimu invokat mill-persuna li tixtieq taċċedi għall-informazzjoni. Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li, fl-implementazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-direttivi, l-awtoritajiet u l-qrati tal-Istati Membri għandhom mhux biss għandhom jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod konformi mad-direttivi, iżda għandhom ukoll jiżguraw li ma jibbażawx ruħhom fuq interpretazzjoni tagħhom li tkun f’kunflitt mad-drittijiet fundamentali protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jew mal-prinċipji ġenerali l-oħra rrikonoxxuti fid-dritt tal-Unjoni ( 41 ). Għalhekk, dawn l-awtoritajiet għandhom jadottaw interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “interess leġittimu” li tiżgura bilanċ ġust bejn l-objettiv tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u d-drittijiet protetti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. Għaldaqstant, huma ma jistgħux jiċħdu sistematikament l-aċċess għall-informazzjoni u lanqas, għall-kuntrarju, ma jistgħu dejjem jilqgħu t-talbiet għal aċċess. |
|
71. |
Fi kwalunkwe każ, infakkar li, fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali, dwar il-kundizzjoni li l-interessi jew il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data ma jipprevalixxux fuq l-interess leġittimu tal-kontrollur jew ta’ terz, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li din timplika bbilanċjar bejn id-drittijiet u l-interessi opposti inkwistjoni li jkun jiddependi, bħala prinċipju, fuq iċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ partikolari u li, konsegwentement, hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq dan l-ibbilanċjar billi tieħu inkunsiderazzjoni dawn iċ-ċirkustanzi speċifiċi ( 42 ). Dan ir-rekwiżit ta’ ponderazzjoni jaqa’ wkoll fuq l-awtoritajiet responsabbli mir-reġistri tas-sidien benefiċjarji. |
|
72. |
Bħala konklużjoni, inqis li l-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(4) tad-Direttiva 2015/849, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 52 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti aċċess għall-informazzjoni dwar is-sidien benefiċjarji ta’ arranġamenti legali simili għall-individwi, inklużi dawk li għandhom interess mifrux, li għandhom interess ġuridiku rilevanti u distint, meta jkun neċessarju li wieħed ikun jaf is-sidien benefiċjarji sabiex jiġi ppreservat jew imħares interess li jikkorrispondi għal sitwazzjoni legalment protetta, jekk dawn l-individwi jkollhom provi konkreti u dokumentati li s-sid benefiċjarju u s-sid ġuridiku huma persuni distinti, u din il-leġiżlazzjoni teżiġi wkoll li l-interess għandu jkun dirett, konkret u attwali u, għall-entitajiet li jirrappreżentaw interessi mifruxa, ma jikkoinċidix mal-interess tal-persuni li jaqgħu fil-kategorija rrappreżentata. |
D. Fuq it-tieni domanda fil-Kawża C‑684/24
|
73. |
Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 31(7)(a) tad-Direttiva 2015/849, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, jistax jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lil korp amministrattiv mhux ġudizzjarju s-setgħa li jiddeċiedi dwar l-iżvelar tad-data dwar is-sid benefiċjarju, filwaqt li jipprevedi rikors ġudizzjarju sussegwenti għal dan l-iżvelar. |
|
74. |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(7a) tad-Direttiva 2015/849 jindika li l-Istati Membri jistgħu jiddefinixxu ċirkustanzi eċċezzjonali li fihom l-aċċess għall-informazzjoni dwar is-sid benefiċjarju, minn ċerti kategoriji ta’ applikanti ( 43 ), jesponi lil dan tal-aħħar għal riskju sproporzjonat, li jiġġustifika deroga każ b’każ mill-aċċess għal din l-informazzjoni kollha jew għal parti minnha. Din id-direttiva żżid li din id-deroga għandha tingħata abbażi ta’ evalwazzjoni ddettaljata tan-natura eċċezzjonali taċ-ċirkustanzi. Hija tispeċifika li huma ggarantiti d-dritt għal rieżami amministrattiv tad-deċiżjoni ta’ deroga u d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv. |
|
75. |
Ir-rikorrenti jqisu li d-dritt Taljan li jipprevedi l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi eċċezzjonali magħmula mill-Kamra tal-Kummerċ territorjalment kompetenti, mingħajr rikors ġudizzjarju qabel l-iżvelar tal-informazzjoni, jikser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 31(7a) tad-Direttiva 2015/849. |
|
76. |
Nixtieq infakkar, minn naħa, li s-sid benefiċjarju għandu jiġi informat bid-drittijiet tiegħu fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali ( 44 ). Min-naħa l-oħra, id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv protett mill-Artikolu 47 tal-Karta ma jimponix li deċiżjoni bħal dik li jiġi evalwat jekk sid benefiċjarju jissodisfax il-kundizzjonijiet li jippermettu li jibbenefika minn deroga mill-aċċess għall-informazzjoni li tikkonċernah tittieħed minn korp ġudizzjarju. Min-naħa l-oħra, dan l-artikolu jirrikjedi li d-deċiżjoni ta’ awtorità li hija stess ma tissodisfax il-kundizzjonijiet imposti minn dan l-Artikolu 47 tkun suġġetta għal rieżami sussegwenti minn korp ġudizzjarju li jkollu, fost l-oħrajn, ġurisdizzjoni biex jikkunsidra l-kwistjonijiet rilevanti kollha ( 45 ). Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li l-qorti nazzjonali adita b’tilwima rregolata mid-dritt tal-Unjoni għandha tkun tista’ tagħti miżuri provviżorji sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata fuq l-eżistenza tad-drittijiet invokati skont id-dritt tal-Unjoni ( 46 ). Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi interpretat l-Artikolu 31(7a) tad-Direttiva 2015/849. |
|
77. |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkunsidrat l-għan tal-analiżi “każ b’każ” prevista minn dan it-test, jiġifieri analiżi tad-deroga mitluba mis-sid benefiċjarju, b’mod ġenerali jew ad hoc, jew analiżi tat-talba għal aċċess għall-informazzjoni tiegħu. |
|
78. |
L-ewwel nett, il-qari letterali tal-frażi “[l]-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eżenzjoni minn tali aċċess għall-informazzjoni kollha jew parti minnha fuq is-sjieda benefiċjarja fuq bażi ta’ każ b’każ” iħalli dubju bejn id-diversi possibbiltajiet. Madankollu, il-kontenut tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(7a) tad-Direttiva 2015/849, li fih tiddaħħal din il-parti tas-sentenza, huwa ta’ natura li jiċċara n-natura tal-għażla magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Tabilħaqq, dan il-paragrafu jirreferi biss għad-deroga għall-benefiċċju tas-sid benefiċjarju: ċirkustanzi eċċezzjonali li jippermettu li tingħata d-deroga; evalwazzjoni ddettaljata tan-natura eċċezzjonali ta’ dawn iċ-ċirkustanzi; id-dritt li jinkiseb rieżami amministrattiv tad-deċiżjoni ta’ deroga. L-istess japplika fis-subparagrafi l-oħra ta’ dan il-paragrafu 7a. Għaldaqstant, inqis li l-kwistjoni tal-aċċess għall-informazzjoni u l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet tal-applikant li jiġi miċħud aċċess ma hijiex ittrattata fl-imsemmi paragrafu 7a ( 47 ), li ma jfissirx li dan l-applikant ma għandux dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv fl-istat attwali tad-dritt ( 48 ). |
|
79. |
It-tieni, il-kwistjoni hija jekk l-evalwazzjoni każ b’każ taċ-ċirkustanzi eċċezzjonali tirrigwardax kull sid benefiċjarju, irrispettivament minn jekk saritx talba għall-aċċess jew le, jew jekk tirrigwardax kull talba għal aċċess għall-informazzjoni tiegħu skont l-applikant. Kif indikat il-Kummissjoni waqt is-seduta, id-deroga li tikkonċerna lill-minorenni jew lill-persuni milquta minn inkapaċità ma tistax tiġi evalwata b’mod differenti skont l-applikant għal aċċess. Minn dan niddeduċi li l-evalwazzjoni każ b’każ tikkonċerna r-riskji mġarrba mis-sid benefiċjarju b’mod ġenerali u mhux fir-rigward tal-persuna li titlob l-aċċess. |
|
80. |
Fit-tieni lok, din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-mod kif id-drittijiet fundamentali tas-sid benefiċjarju jistgħu jiġu protetti fil-kuntest tar-rimedju ġudizzjarju effettiv tiegħu kontra deċiżjoni li tirrifjuta li tagħtih deroga. Fil-fatt, għalkemm l-eżami każ b’każ jirrigwarda l-persuna tas-sid benefiċjarju, ir-rikors ġudizzjarju ta’ dan tal-aħħar kontra tali deċiżjoni ta’ rifjut ta’ deroga jista’ jkun is-suġġett ta’ miżuri provviżorji li jippermettu li tiġi ggarantita l-assenza ta’ komunikazzjoni tal-informazzjoni li tikkonċernah matul il-proċedura. Barra minn hekk, anki jekk ma jiġux ordnati miżuri provviżorji, ma huwiex ċert li ser jintalab aċċess matul il-proċedura ġudizzjarja. Minbarra dan, kieku applikant kellu jikkontesta ċ-ċaħda tal-aċċess, il-proċedura tista’ sseħħ mingħajr ma jiġi avżat is-sid benefiċjarju peress li din tkun tirrigwarda biss il-punt dwar jekk dan l-applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet sabiex jaċċeddi għall-informazzjoni, u l-assenza ta’ deroga, jekk ikun il-każ, tkun ġiet deċiża b’mod ieħor. |
|
81. |
Min-naħa l-oħra, kieku l-eżami każ b’każ kellu jirrigwarda r-riskju mġarrab minħabba talba għal aċċess partikolari, inqis li l-azzjoni ġudizzjarja eżerċitata jew mis-sid benefiċjarju jew mill-applikant ma tistax, a priori, tirrikonċilja l-interessi kunfliġġenti inkwistjoni. Fil-fatt, jekk in-natura proporzjonata tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni fil-kuntest ta’ talba konkreta għal aċċess, kemm il-benefiċjarju effettiv kif ukoll il-persuna li titlob l-aċċess għandhom ikunu jistgħu jargumentaw dwar din in-natura proporzjonata, li teħtieġ li tkun magħrufa l-identità tal-parti l-oħra u r-riskji jew l-interess leġittimu li hija tinvoka, skont il-każ, mingħajr ma l-miżuri provviżorji ta’ sospensjoni tal-aċċess ikunu jistgħu jikkumpensaw għal dan l-inkonvenjent peress li l-iżvelar tal-identitajiet tas-sid benefiċjarju u tal-persuna li titlob l-aċċess ikun seħħ fil-kuntest tal-proċedura. Għaldaqstant, jidhirli li huma mminati diversi għanijiet tad-Direttiva 2015/849. Minn naħa, is-sid benefiċjarju jkun informat bit-talba għal aċċess, għall-kuntrarju ta’ dak li huwa rrakkomandat mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(6) ta’ din id-direttiva, sabiex l-applikant jiġi mħares minn pressjoni jew ritaljazzjoni possibbli mis-sid benefiċjarju ( 49 ). Min-naħa l-oħra, l-identità tas-sid benefiċjarju tiġi żvelata, filwaqt li, fi tmiem il-proċedura, jista’ jingħatalu l-benefiċċju tad-deroga. |
|
82. |
Waqt is-seduta, il-Kummissjoni esponiet li hija biss il-leġiżlazzjoni Taljana li tipprevedi li s-sid benefiċjarju jiġi informat minn qabel dwar min indika li huwa suġġett għaċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li jippermettu deroga, sabiex dan ikun jista’ jippreżenta oppożizzjoni motivata. Il-Kamra tal-Kummerċ territorjalment kompetenti għandha l-kompetenza sabiex tevalwa dawn iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali billi tieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ proporzjonalità bejn ir-riskju invokat u l-interess għall-aċċess ( 50 ). |
|
83. |
Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, għalkemm huwa possibbli li korp mhux ġudizzjarju, bħal kamra tal-kummerċ, jingħata s-setgħa li jevalwa ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li jistgħu jkunu l-bażi ta’ deroga mill-aċċess għall-informazzjoni dwar is-sidien benefiċjarji, dan huwa biss bil-kundizzjoni li jiġi previst rimedju ġudizzjarju effettiv, anki wara d-deċiżjoni ta’ dan il-korp, għas-sid benefiċjarju, fil-każ ta’ ċaħda tat-talba tiegħu għal deroga, li tinkludi l-possibbiltà, jekk ikun il-każ, li jiġu ppreżervati d-drittijiet ta’ dan is-sid benefiċjarju matul il-proċedura, inkluż permezz ta’ miżuri provviżorji. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li l-leġiżlazzjoni Taljana, li tippermetti lill-Kamra tal-Kummerċ territorjalment kompetenti tiddeċiedi fl-istess deċiżjoni l-kwistjonijiet dwar l-evalwazzjoni tar-riskji involuti u l-interess tal-aċċess, toffri dawn il-garanziji proċedurali lis-sid benefiċjarju. Iktar ’il fuq esponejt għaliex jidhirli li l-għażla adottata mil-leġiżlatur Taljan toħloq diffikultajiet f’dan ir-rigward. |
|
84. |
Konsegwentement, nipproponi li r-risposta lill-qorti tar-rinviju għandha tkun li l-Artikolu 31(7a) tad-Direttiva 2015/849, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lil korp mhux ġudizzjarju l-kompetenza sabiex jevalwa jekk humiex issodisfatti l-kundizzjonijiet neċessarji għall-għoti ta’ deroga mill-aċċess għall-informazzjoni dwar is-sidien benefiċjarji ta’ arranġamenti legali simili, bil-kundizzjoni li l-proċedura ġudizzjarja sussegwenti għad-deċiżjoni ta’ dan il-korp tinkludi l-possibbiltà, jekk ikun il-każ, li jiġu ppreżervati d-drittijiet ta’ dawn is-sidien benefiċjarji matul il-proċedura, inkluż permezz ta’ miżuri provviżorji. |
V. Konklużjoni
|
85. |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU 2015, L 141, p. 73, rettifika fil-ĠU L, 2024/90601, p. 1).
( 3 ) ĠU 2018, L 156, p. 43.
( 4 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2).
( 5 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU 2016, L 119, p. 89).
( 6 ) GURI Nru 290, tal‑14 ta’ Diċembru 2015, p. 5.
( 7 ) GURI Nru 121, tal‑25 ta’ Mejju 2022, p. 1.
( 8 ) Iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950.
( 9 ) C‑37/20 u C‑601/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza Luxembourg Business Registers, EU:C:2022:912.
( 10 ) Ara d-Digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑2 ta’ Settembru 2025, Across Fiduciaria et. (C‑684/24 u C‑685/24, EU:C:2025:727).
( 11 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 12 ) Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, Swedish Match (C‑151/17, EU:C:2018:938, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 13 ) Ara l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2015/849.
( 14 ) Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, Swedish Match (C‑151/17, EU:C:2018:938, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 15 ) Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 1984, Ekro (327/82, EU:C:1984:11, punt 11).
( 16 ) Ara l-premessa 17 tad-Direttiva 2015/849.
( 17 ) Ara l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(10) tad-Direttiva 2015/849.
( 18 ) Ara t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(10) tad-Direttiva 2015/849.
( 19 ) Ara l-lista ta’ trusts u arranġamenti legali simili rregolati taħt il-liġi tal-Istati Membri kif notifikati lill-Kummissjoni (ĠU 2019, C 360, p. 28). Ara wkoll it-tieni lista, li tħassar u tissostitwixxi l-ewwel lista, jiġifieri l-lista ta’ trusts u arranġamenti legali simili regolati taħt il-liġi tal-Istati Membri kif notifikati lill-Kummissjoni (ĠU 2020, C 136, p. 5).
( 20 ) Ara r-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2020 li jivvaluta jekk l-Istati Membri debitament identifikawx it-trusts u l-arranġamenti ġuridiċi kollha rregolati permezz tal-liġijiet tagħhom u jekk dawn kinux soġġetti għall obbligi tad-Direttiva (UE) 2015/849 (COM(2020) 560 final), p. 3.
( 21 ) Din kienet l-Artikolu 1(15)(c) tad-Direttiva 2018/843 li emenda l-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2015/849 fil-verżjoni inizjali tiegħu.
( 22 ) Ara s-sentenza Luxembourg Business Registers (punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 23 ) Ara s-sentenza Luxembourg Business Registers (punt 46).
( 24 ) Ara s-sentenza Luxembourg Business Registers (punti 47 sa 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 25 ) Ara s-sentenza Luxembourg Business Registers (punti 50 sa 54).
( 26 ) Ara s-sentenza Luxembourg Business Registers (punti 55 sa 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 27 ) Ara s-sentenza Luxembourg Business Registers (punt 67).
( 28 ) Ara s-sentenza Luxembourg Business Registers (punti 71 u 72).
( 29 ) Ara s-sentenza Luxembourg Business Registers (punti 81 u 82).
( 30 ) Ara s-sentenza Luxembourg Business Registers (punti 83 sa 85).
( 31 ) Ara s-sentenza Luxembourg Business Registers (punti 65 u 82).
( 32 ) Ara t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(4) tad-Direttiva 2015/849.
( 33 ) Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2025, Kinsa (C‑460/23, EU:C:2025:392, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 34 ) Ara s-sentenza Luxembourg Business Registers (punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 35 ) Ara s-sentenza Luxembourg Business Registers (punti 58 u 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 36 ) Ara s-sentenza Luxembourg Business Registers (punt 74).
( 37 ) Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2008, Promusicae (C‑275/06, EU:C:2008:54, punt 67).
( 38 ) Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2008, Promusicae (C‑275/06, EU:C:2008:54, punt 68).
( 39 ) Ara l-Artikolu 41(2) tad-Direttiva 2015/849 li jipprovdi li “[i]d-data personali għandha tiġi proċessata mill-entitajiet marbutin b’obbligu abbażi ta’ din id-Direttiva biss għall-finijiet tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu kif imsemmi fl-Artikolu 1 u ma għandhiex tiġi pproċessata ulterjorment b’mod li ma jkunx kompatibbli ma’ dawk il-finijiet. L-ipproċessar tad-data personali abbażi ta’ din id-Direttiva għal kwalunkwe fini ieħor bħal finijiet kummerċjali, għandu jkun projbit”. Ara wkoll il-premessa 14 ta’ din id-direttiva.
( 40 ) Ara l-Artikolu 21(4)(da) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 231/2007.
( 41 ) Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2025, Kinsa (C‑460/23, EU:C:2025:392, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 42 ) Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2024, HTB Neunte Immobilien Portfolio et Ökorenta Neue Energien Ökostabil IV (C‑17/22 u C‑18/22, EU:C:2024:738, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 43 ) L-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu 7a jagħmel riferiment għall-punti (b), (c) u (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(4) tad-Direttiva 2015/849, li jsemmu l-entitajiet marbutin b’obbligu ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti tagħhom, il-persuni li jistgħu juru interess leġittimu, kif ukoll kull persuna fiżika jew ġuridika li tressaq talba bil-miktub dwar trust jew arranġament legali simili li għandha jew tipposjedi sehem ta’ kontroll f’kumpannija jew f’entità ġuridika oħra minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 30(1) ta’ din id-direttiva permezz ta’ sjieda diretta jew indiretta, b’mod partikolari permezz ta’ azzjonijiet bearer jew permezz ta’ kontroll permezz ta’ mezzi oħra.
( 44 ) Ara l-premessa 38 tad-Direttiva 2018/843.
( 45 ) Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 128 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 46 ) Ara s-sentenzi tad‑19 ta’ Ġunju 1990, Factortame et (C‑213/89, EU:C:1990:257, punt 21), u tat-3 ta’ Lulju 2025, Ati-19 (C‑605/23, EU:C:2025:513, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, b’analoġija, f’każ ta’ miżuri provviżorji sabiex jiġi evitat it-tniġġis, is-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2013, Križan et (C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 109).
( 47 ) Nirrileva li din il-kwistjoni tal-possibbiltà li l-applikant għal aċċess jikkontesta ċaħda jew revoka ta’ aċċess hija ttrattata b’mod espliċitu fl-Artikolu 13(9) tad-Direttiva (UE) 2024/1640 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑31 ta’ Mejju 2024, dwar il-mekkaniżmi li għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri għall-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda d-Direttiva (UE) 2019/1937, u li temenda u tħassar id-Direttiva (UE) 2015/849 (ĠU L 2024/1640).
( 48 ) Minbarra l-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 47 tal-Karta, ara l-premessa 42 tad-Direttiva 2018/843.
( 49 ) Il-premessa 38 tad-Direttiva 2018/843 tipprevedi biss li, biex jiġi evitat l-abbuż mill-informazzjoni li tinsab fir-reġistri u biex id-drittijiet tas-sidien benefiċjarji jiġu bbilanċjati, l-Istati Membri jistgħu jqisu li jkun xieraq li jagħmlu l-informazzjoni dwar il-persuna li tkun qiegħda tagħmel it-talba kif ukoll il-bażi legali għat-talba tagħha disponibbli għas-sid benefiċjarju.
( 50 ) Ara l-Artikolu 7(2) u (3) tad-Digriet Ministerjali Nru 55/2022 kif ukoll, b’riferiment, l-Artikolu 21(4)(da) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 231/2007.