European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1957

18.7.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1957

tas-17 ta’ Lulju 2024

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1941 fir-rigward tal-projbizzjoni tal-introduzzjoni, tal-moviment, taż-żamma, tal-multiplikazzjoni jew tar-rilaxx ta’ ċerti pesti

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 30(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1941 (2) jelenka l-pesti li, skont l-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031, huma temporanjament ipprojbiti milli jiġu introdotti, jiġu mċaqilqa, jew miżmuma, immultiplikati jew rilaxxati fit-territorju tal-Unjoni.

(2)

Minn Ġunju 2021 sa Diċembru 2023, diversi Stati Membri nnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-preżenza kkonfermata uffiċjalment, fil-kunsinni ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħrajn li joriġinaw minn pajjiżi terzi, ta’ pesti li mhumiex elenkati bħala pesti ta’ kwarantina fl-Unjoni, pesti ta’ kwarantina f’żona protetta jew pesti regolati mhux ta’ kwarantina fl-Unjoni, fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 (3), u mhumiex regolati skont l-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031.

(3)

Homona magnanima huwa fost il-pesti li għalihom ittieħdu miżuri mill-Ġermanja, skont l-Artikolu 29(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031. Ġie interċettat xi drabi fil-fruntieri tal-Unjoni u mhux magħruf li huwa preżenti fit-territorju tal-Unjoni.

(4)

Il-Ġermanja wettqet valutazzjoni preliminari tar-riskju għall-Homona magnanima (4) għat-territorju tal-Unjoni. Tikkonkludi li l-pest jissodisfa l-kriterji għall-pesti ta’ kwarantina fl-Unjoni stabbiliti fit-Taqsima 3, is-Subtaqsima 2 tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/2031 u għalhekk jenħtieġ li jkun soġġett għal miżuri temporanji f’konformità mal-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031. Peress li l-pjanti ospitanti ta’ dak il-pest jibqgħu jiġu importati minn pajjiżi fejn ikun magħruf li huwa preżenti, dan jippreżenta riskju fitosanitarju għat-territorju tal-Unjoni. Madankollu, hija meħtieġa valutazzjoni tar-riskju ulterjuri biex jiġi ddeterminat jekk Homona magnanima jikkwalifikax bħala pest ta’ kwarantina fl-Unjoni u għandux jiġi elenkat fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072. Għalhekk huwa xieraq li jiġu pprojbiti temporanjament l-introduzzjoni, il-moviment, u ż-żamma, il-multiplikazzjoni u r-rilaxx fl-Unjoni, sakemm titwettaq analiżi tar-riskju sħiħa.

(5)

Barra minn hekk, il-pest Leucinodes orbonalis inizjalment ġie inkluż fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1941, abbażi ta’ kategorizzazzjoni tal-pesti mwettqa mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”). L-Awtorità tat opinjoni xjentifika dwar valutazzjoni sħiħa tar-riskju tal-pesti tal-Leucinodes orbonalis (5) fl-2024. L-Awtorità kkonkludiet li l-probabbiltà tal-istabbiliment u l-impatt mistenni tal-pest fl-Unjoni, kienu baxxi ħafna. Fid-dawl tal-opinjoni tal-Awtorità, jixraq li jiġi konkluż li l-pest Leucinodes orbonalis ma joħloqx riskju fitosanitarju inaċċettabbli għat-territorju tal-Unjoni u għalhekk ma jissodisfax il-kriterji għall-pesti ta’ kwarantina fl-Unjoni stabbiliti fit-Taqsima 1, u lanqas fit-Taqsima 3 is-Subtaqsima 2 tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/2031, fir-rigward tat-territorju tal-Unjoni. Għalhekk, jenħtieġ li ma tibqax soġġetta għall-miżuri temporanji adottati skont l-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2016/2031.

(6)

Għalhekk, l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1941 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(7)

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1941 huwa sostitwit bit-test stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Lulju 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4 ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/2031/2019-12-14.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1941 tat-13 ta’ Ottubru 2022 dwar il-projbizzjoni tal-introduzzjoni, tal-moviment, taż-żamma, tal-multiplikazzjoni jew tar-rilaxx ta’ ċerti pesti skont l-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 268, 14.10.2022, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/1941/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2008 u jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 319, 10.12.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/2072/oj).

(4)   Homona magnanima Express PRA notification (julius-kuehn.de).

(5)  EFSA Panel on Plant Health (PLH), 2024. Scientific Opinion on Pest risk assessment of Leucinodes orbonalis for the European Union. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2024.8498.


ANNESS

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1941 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“ANNESS

Elenku ta’ pesti u l-kodiċi tagħhom assenjati mill-Organizzazzjoni Ewropea u Mediterranja għall-Protezzjoni tal-Pjanti

1.

Chloridea virescens Fabricius [HELIVI]

2.

Homona magnanima Dyakonov [HOMOMA]

3.

Leucinodes pseudorbonalis Mally et al. [LEUIPS]

4.

Resseliella citrifrugis Jiang [RESSCI]

5.

Spodoptera ornithogalli Guenée [PRODOR]

”

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1957/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)