Brussell, 9.8.2024

COM(2024) 999 final/2 - DOWNGRADED ON 18.9.2024

2024/0207(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi rakkomandazzjonijiet għal azzjonijiet korrettivi bl-għan li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet serji identifikati fl-evalwazzjoni ta’ Schengen tal-2024 tal-Ungerija dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen relatati mad-drittijiet fundamentali fil-kuntest tal-ġestjoni tal-fruntieri u r-ritorn


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

•Raġunijiet u objettivi tal-proposta

F’konformità mal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/922 1 dwar l-istabbiliment u l-operazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen, il-programm ta’ evalwazzjoni pluriennali 2020-2024 2 u l-programm ta’ evalwazzjoni annwali għall-2024 3 , saret evalwazzjoni perjodika ta’ Schengen tal-Ungerija minn tim ta’ esperti tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri, bis-sostenn ta’ osservaturi minn aġenziji u korpi tal-UE 4 . Din l-evalwazzjoni vverifikat l-implimentazzjoni tal-acquis ta’ Schengen mill-Ungerija fl-oqsma tal-ġestjoni tal-fruntieri, ir-ritorn, il-viża, il-kooperazzjoni tal-pulizija, is-sistemi tal-IT fuq skala kbira (is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen) u l-protezzjoni tad-data. L-evalwazzjoni ddedikat ukoll attenzjoni għall-ivverifikar tar-rispett tad-drittijiet fundamentali fl-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen mill-Ungerija.

Fi tmiem l-attività tal-evalwazzjoni, l-Ungerija ġiet infurmata li, f’konformità mal-Artikolu 2(10) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/922, ġew identifikati nuqqasijiet serji fl-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, jiġifieri n-nuqqas ta’ aċċess għall-proċeduri ta’ ażil fl-Ungerija kif ukoll in-nuqqas ta’ rispett tal-prinċipju ta’ non-refoulement u tas-salvagwardji tad-Direttiva 2008/115, li jwassal għall-ipprattikar tat-tkeċċijiet kollettivi. F’konformità mal-Artikolu 22(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/922, fid-9 ta’ Awwissu 2024, il-Kummissjoni adottat rapport ta’ evalwazzjoni 5 , li jistabbilixxi s-sejbiet u l-valutazzjonijiet relatati man-nuqqasijiet serji identifikati matul l-evalwazzjoni. Kif previst fil-Gwida tal-Evalwazzjoni ta’ Schengen għall-implimentazzjoni tar-Regolament 2022/922 6 , dan ir-rapport ta’ evalwazzjoni jinkludi biss dawk is-sejbiet li wasslu biex jiġu ddeterminati n-nuqqasijiet serji. L-eżitu tal-evalwazzjoni kompluta tal-Ungerija, bl-eċċezzjoni tan-nuqqasijiet serji identifikati, se jiġi ppreżentat fir-rapport ta’ evalwazzjoni komprensiv f’konformità mal-Artikolu 20 tar-Regolament 2022/922.

Din il-proposta fiha r-rakkomandazzjonijiet għal azzjoni korrettiva bl-għan li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet serji identifikati fir-rapport adottat mill-Kummissjoni fid-9 ta’ Awwissu 2024.

•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Dawn ir-rakkomandazzjonijiet iservu biex id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat jiġu implimentati b’mod korrett u effettiv.

•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Dawn ir-rakkomandazzjonijiet mhumiex marbuta ma’ politiki ewlenin oħrajn tal-Unjoni.

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

•Bażi legali

L-Artikolu 22(4) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/922 tad-9 ta’ Ġunju 2022 dwar l-istabbiliment u l-operazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1053/2013. 

•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

L-Artikolu 22(4) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/922 jitlob speċifikament lill-Kummissjoni biex tressaq proposta lill-Kunsill biex jadotta r-rakkomandazzjonijiet għal azzjoni korrettiva bl-għan li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet serji identifikati matul l-attività ta’ evalwazzjoni. Hemm bżonn li tittieħed azzjoni fil-livell tal-Unjoni biex issaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u biex tiżgura koordinazzjoni aħjar fil-livell tal-Unjoni biex jiġi żgurat li r-regoli kollha ta’ Schengen jiġu applikati b’mod korrett u effettiv mill-Istati Membri.

•Proporzjonalità

L-Artikolu 22(4) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/922 jirrifletti s-setgħat speċifiċi tal-Kunsill fil-qasam tal-evalwazzjoni reċiproka tal-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Fid-dawl ta’ dan, din il-proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill hija proporzjonata mal-objettiv fil-mira.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli

•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

F’konformità mal-Artikolu 30(3) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/922 u tal-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 182/2011, ir-rapport ta’ evalwazzjoni għandu jitressaq għall-konsultazzjoni ex post tal-Kumitat ta’ Schengen fi żmien 14-il jum wara l-adozzjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni mill-Kummissjoni.

•Ġbir u użu tal-għarfien espert

Mhux applikabbli

•Valutazzjoni tal-impatt

Mhux applikabbli

•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Mhux applikabbli

•Drittijiet fundamentali

Matul il-proċess tal-evalwazzjoni tqieset il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Mhux applikabbli

5.ELEMENTI OĦRA

Mhux applikabbli

2024/0207 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi rakkomandazzjonijiet għal azzjonijiet korrettivi bl-għan li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet serji identifikati fl-evalwazzjoni ta’ Schengen tal-2024 tal-Ungerija dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen relatati mad-drittijiet fundamentali fil-kuntest tal-ġestjoni tal-fruntieri u r-ritorn

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/922 tad-9 ta’ Ġunju 2022 dwar l-istabbiliment u l-operazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1053/2013 7 , u b’mod partikolari l-Artikolu 22(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Iż-żona Schengen mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni tiddependi fuq l-applikazzjoni effettiva u effiċjenti tal-acquis ta’ Schengen mill-Istati Membri. Dak l-acquis jinkludi miżuri fil-qasam tal-fruntieri esterni, miżuri ta’ kumpens għan-nuqqas tal-kontrolli fil-fruntieri interni u qafas ta’ monitoraġġ b’saħħtu, li flimkien isaħħu l-moviment liberu u jaċċertaw livell għoli ta’ sigurtà, ġustizzja u protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, inkluża l-protezzjoni tad-data personali.

(2)F’konformità mal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/922, kif ukoll mal-programm ta’ evalwazzjoni pluriennali 2020-2024 8 u mal-programm ta’ evalwazzjoni annwali għall-2024 9 , saret evalwazzjoni perjodika ta’ Schengen tal-Ungerija minn tim ta’ evalwazzjoni magħmul minn esperti tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri, bis-sostenn ta’ osservaturi minn aġenziji u korpi tal-UE 10 . Din l-evalwazzjoni vverifikat l-implimentazzjoni tal-acquis ta’ Schengen mill-Ungerija fl-oqsma tal-ġestjoni tal-fruntieri, ir-ritorn, il-viża, il-kooperazzjoni tal-pulizija, is-sistemi tal-IT fuq skala kbira (is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen) u l-protezzjoni tad-data. L-evalwazzjonijiet ta’ Schengen jiddedikaw ukoll attenzjoni partikolari għall-ivverifikar tar-rispett tad-drittijiet fundamentali fl-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen.

(3)Mill-aħħar evalwazzjoni li saret fl-2019, l-ambjent operattiv fl-Ungerija nbidel b’mod sinifikanti minħabba r-riskji migratorji u għas-sigurtà li qegħdin jevolvu fir-reġjun. Filwaqt li l-pressjoni migratorja fil-Balkani tal-Punent għadha waħda għolja, il-pressjoni fil-fruntiera bejn l-Ungerija u s-Serbja battiet matul dawn l-aħħar xhur. Barra minn hekk, il-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna kellha implikazzjonijiet mifruxa sew fl-Ungerija u fiż-żona Schengen kollha kemm hi, li jirrikjedu viġilanza akbar sabiex il-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri tillimita r-riskji għas-sigurtà u tiġi ssalvagwardjata l-integrità taż-żona Schengen.

(4)Fl-evalwazzjoni ta’ Schengen tal-2024 tal-Ungerija, ġew identifikati nuqqasijiet serji fl-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li jikkonċernaw id-drittijiet fundamentali fil-kuntest tal-ġestjoni tal-fruntieri u r-ritorn. Il-Kunsill ġie infurmat b’dan fl-4 ta’ Lulju 2024. L-abbozz tar-rapport ġie kondiviż mal-awtoritajiet tal-Ungerija fil-11 ta’ Lulju 2024 u l-kummenti tagħhom ġew riċevuti fid-19 ta’ Lulju 2024. Fid-9 ta’ Awwissu 2024, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2024) 9000 adottat ir-rapport li jidentifika dawn in-nuqqasijiet serji.

(5)Jenħtieġ li jiġu stabbiliti rakkomandazzjonijiet għal azzjonijiet korrettivi u li dawn jittieħdu minnufih mill-Ungerija sabiex tindirizza n-nuqqasijiet serji identifikati. Meta wieħed iqis in-natura tas-sejbiet, il-persistenza tagħhom u l-ħtieġa li jiġu indirizzati mill-aktar fis, ir-rakkomandazzjonijiet kollha jingħataw l-istess livell ta’ prijorità.

(6)Fi żmien xahar mill-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, jenħtieġ li l-Ungerija, skont l-Artikolu 22(6) tar-Regolament (UE) 2022/922, tistabbilixxi pjan ta’ azzjoni biex timplimenta r-rakkomandazzjonijiet kollha u tirrimedja n-nuqqasijiet serji identifikati fir-rapport ta’ evalwazzjoni. Jenħtieġ li l-Ungerija tipprovdi dan il-pjan ta’ azzjoni lill-Kummissjoni għar-rieżami tal-adegwatezza tiegħu, kif ukoll lill-Kunsill. Jenħtieġ li l-Ungerija tirrapporta lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tagħha kull xahrejn mid-data tan-notifika li fiha jiġi riċevut ir-rieżami tal-pjan ta’ azzjoni u sakemm il-Kummissjoni tqis li r-rakkomandazzjonijiet kollha jkunu ġew kompletament implimentati.

(7)F’konformità mal-Artikolu 22(7) tar-Regolament (UE) 2022/922, jenħtieġ li ssir żjara mill-ġdid mit-tim biex jiġi vverifikat il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet, li jenħtieġ li tiġi organizzata mhux aktar tard minn sena mid-data tal-attività ta’ evalwazzjoni.

(8)Dawn ir-rakkomandazzjonijiet huma mingħajr preġudizzju għall-azzjonijiet li jenħtieġ li jittieħdu mill-Ungerija biex tikkonforma mas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi C-808/18 11 , C-823/21 12 , C‑123/22 13 , li jinsabu taħt monitoraġġ mill-Kummissjoni f’konformità mal-proċeduri stabbiliti.

(9)Din id-Deċiżjoni se tintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri.

JIRRAKKOMANDA:

Jenħtieġ li l-Ungerija

1.twaqqaf il-prattika ta’ tneħħija ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu daħlu irregolarment fl-Ungerija jew ikunu qegħdin jirrisjedu illegalment fiha, inklużi dawk li jkunu esprimew l-intenzjoni tagħhom li japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali, f’konformità mal-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (UE) 2016/399 14 u l-Artikoli 4(4), 5, 6(1), 12(1) u 13 tad-Direttiva 2008/115 15 moqrija flimkien mal-Artikoli 18 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE sabiex tiżgura li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin ifittxu protezzjoni internazzjonali fit-territorju, inkluż fil-fruntiera, ikollhom effettivament aċċess għall-protezzjoni internazzjonali;

2.temenda l-liġi nazzjonali u tibdel il-prattika amministrattiva sabiex tagħti s-setgħa legali lill-awtoritajiet nazzjonali biex jirreferu liċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali lill-awtoritajiet rilevanti fit-territorju Ungeriż sabiex tissodisfa l-obbligi tal-Artikoli 3 u 4 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen moqrija flimkien mal-Artikolu 18 tal-Karta;

3.temenda l-leġiżlazzjoni nazzjonali u tibdel il-prattika amministrattiva biex tiżgura li ċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li ma jkunux inqabdu b’rabta mal-qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri iżda li jkunu qegħdin jirrisjedu illegalment fit-territorju Ungeriż u jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ konċessjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, jiġu pprovduti b’deċiżjoni ta’ ritorn b’segwitu għal valutazzjoni individwali, inkluż tal-prinċipju ta’ non-refoulement, f’konformità mal-Artikoli 5, 6(1), 12(1) u 13 tad-Direttiva 2008/115 moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta;

4.tieħu l-miżuri neċessarji biex tiżgura r-rispett sħiħ tal-prinċipju ta’ non-refoulement fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jinqabdu fil-fruntiera esterna b’segwitu għal qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri, kif meħtieġ mill-Artikolu 4(4), il-punt (b) tad-Direttiva 2008/115 u l-Artikoli 3 u 4 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen moqrija flimkien mal-Artikoli 19 u 47 tal-Karta.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/922 tad-9 ta’ Ġunju 2022 dwar l-istabbiliment u l-operazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1053/2013; ĠU L 160, 15/06/2022.
(2)    C(2019) 3692.
(3)    C(2023) 5300.
(4)    Il-Frontex, l-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, l-eu-LISA, l-Europol u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.
(5)    C(2024) 9000.
(6)    C(2023) 6790 final, p. 42.
(7)    ĠU L 160, 15.6.2022, p. 1.
(8)    C(2019) 3692.
(9)    C(2023) 5300.
(10)    Il-Frontex, l-Europol, l-eu-LISA, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.
(11)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 2020 fil-Kawża C-808/18 Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Ungerija, ECLI:EU:C:2020:1029.
(12)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 2023 fil-Kawża C-823/21 Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Ungerija, ECLI:EU:C:2023:504.
(13)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Ġunju 2024 fil-Kawża C-123/22 Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Ungerija, ECLI:EU:C:2024:493.
(14)    Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen); ĠU L 77, 23.3.2016.
(15)    Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment; ĠU L 348, 24.12.2008.