31997D0427



Official Journal L 183 , 11/07/1997 P. 0038 - 0039


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tal-25 ta’ Ġunju 1997

li tistipula kondizzjonijiet speċjali għall-importazzjoni ta’ molluski bivalvoli ħajjin, ekinodermi, tunicates u gastropodi marini li joriġinaw fl-Awstralja

(Test b’relevanza għall-Ftehim ŻEE)

(97/427/KE)

Il-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkonsidrat it-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkonsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/492/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tistipula il-kondizzjonijiet tas-saħħa għall-produzzjoni u tqegħid fis-suq ta’ molluski bivalvoli [1], kif l-aħħar emendata bl-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-Awstrija, il-Finlandja u l-Iżvezja, u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tagħha,

Billi l-leġiżlazzjoni ta’ l-Awstralja tagħmel responsabbli lid-‘Departiment ta’ l-Industriji Primarji u l-Enerġija - Servizz ta’ Kwarantina u Spezzjonijiet Awstraljani - (AQIS)’ għall-ispezzjonar tas-saħħa ta’ molluski bivalvoli ħajjin, ekinodermi, tunicates u gastropodi tal-baħar u għas-sorveljanza ta l-iġjene u tal-kondizzjonijiet tas-saħħa tal-produzzjoni; billi l-istess leġislazzjoni tagħti s-setgħa lill-AQIS li tawtorizza jew tipprojbixxi il-ġbir ta’ molluski bivalvoli, ekinodermi, tunicates u gastropodi tal-baħar minn ċerti żoni;

Billi l-AQIS u l-laboratorji tiegħu għandhom il-kapaċità li effettivament jivverifikaw l-applikazzjonijiet tal-liġijiet fis-seħħ fl-Awstralja;

Billi l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Awstralja ntrabtu li jikkomunikaw b’mod regolari u ta’ malajr mal-Kummissjoni tagħrif dwar il-preżenza ta’ plankton li jkun fih tossini fiż-żoni ta’ ġbir;

Billi l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Awstralja pprovdew assigurazzjonijiet uffiċċjali dwar il-konformità mal-ħtiġijiet speċifikati fil-Kapitolu V ta’ l-Anness li jinsab mad-Direttiva 91/492/KEE u ma’ ħtiġiet ekwivalenti għal dawk preskritti f’dik id-Direttiva għall-klassifikazzjoni taż-żoni tal-produzzjoni u trasmissjoni, l-approvazzjoni ta’ ċentri ta’ dispaċċ u purifikazzjoni u l-kontroll tas-saħħa pubblika u s-sorveljanza tal-produzzjoni; billi, b’mod partikolari, kull bidla possibbli fiż-żoni tal-ġbir għandha tiġi komunikata lill-Komunità;

Billi l-Awstralja hija eliġibbli biex tiddaħħal fil-lista tal-pajjiżi terzi li jikkonformaw mal-kondizzjonijiet ta’ ekwivalenza msemmija fl-Artikolu 9(3)(a) tad-Direttiva 91/492/EEC;

Billi l-Awstralja tixtieq li tesporta lejn il-Komunità molluski bivalvoli pproċessati jew iffriżati, ekinodermi, tunicates u gastropodi tal-baħar;

Billi, għal dan il-għan, skond l-Artikolu 9(3)(b) (ii) tad-Direttiva 91/492/KEE, iż-żoni ta’ produzzjoni li minnhom jistgħu jinġabru u jiġu esportati lejn il-Komunità molluski bivalvoli, ekinodermi, tunicates u gastropodi tal-baħar għandhom jiġu denominati;

Billi l-kondizzjonijiet speċjali ta’ importazzjoni japplikaw mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet meħuda skond id-Direttiva tal-Kunsill 91/67/KEE tat-28 ta’ Jannar 1991 li tikkonċerna l-kondizzjonijiet ta’ saħħa ta’ l-annimali li jirregolaw it-tqegħid fis-suq ta’ annimali u prodotti ta’ l-akwakultura [2], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 95/22/KEE [3];

Billi l-miżuri li għalihom tipprovdi din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Veterinarju Permanenti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-"Departiment ta’ l-Industriji Primarji u l-Enerġija - Servizz ta’ Kwarantina u Spezzjonijiet Awstraljani - (AQIS)" għandu jkun l-awtorità kompetenti fl-Awstralja għall-verifikazzjoni u ċertifikazzjoni li molluski bivalvoli ħajjin, ekinodermi, tunicates u gastropodi tal-baħar jikkonformaw mal-ħtiġiet tad-Direttiva 91/492/KEE.

Artikolu 2

Molluski bivalvoli, ekinodermi, tunicates u gastropodi tal-baħar li joriġinaw fl-Awstralja u maħsuba għall-konsum uman għandhom ikunu joriġinaw fiż-żoni awtorizzati ta’ produzzjoni elenkati fl-Anness hawn mehmuż.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussel, fil-25 ta’ Ġunju 1997.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU Nru L 268, ta’ l-24.9.1991, p. 1.

[2] ĠU Nru L 46, tad-19.2.1991, p. 1.

[3] ĠU Nru L 243, tal-11.10.1995, p. 1.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

Żoni ta’ produzzjoni li jkkonformaw mad-disposizzjoni stipulati fl-Anness I, 1 (a) li jinsab mad-Direttiva 91/492/KEE

BORDURI ĠEOGRAFIĊI

Tasmanja | Bigbay Duck Bay Port Sorell Moulting Bay Great Swanport Little Swanport Blackman Bay Dunalley Bay | Eagle Hawk Bay Garfish Bay/Dart Island Little Norfolk Bay Pittwater Pipeclay Lagoon Birchs Bay Fleurty's Point Long Bay Reef | Great Bay Simpsons Bay Little Taylors/Satellite Deep Bay Chale Bay Port Esperance Hastings Bay Recherche Bay | Garden Bay Huon River Gardners Bay Flinders Bay Ansons Bay Apollo/Roberts/Sykes Norfolk |

Queensland | Moreton Island | North Stradbroke Island | Mud Island | |

Victoria | Besumaris Flinders | Dromana | Clifton Springs | Pt Arlington |

L-Awstralja tal-Punent | Cockburn Sound (Kwinana Grain Terminal) | Oyster Harbour | | |

L-Awstralja tan-Nofsinhar | Denial Bay Franklin Harbour | Smoky Bay Nepean Bay | Streaky Bay | Coffin Bay |

--------------------------------------------------