Brussell, 18.3.2025

COM(2025) 109 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI

Rieżami tar-Regolament (UE) 2015/757 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-trasport marittimu b’rabta mal-inklużjoni potenzjali ta’ bastimenti b’tunnellaġġ gross inqas minn 5 000 iżda mhux inqas minn 400


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI

Rieżami tar-Regolament (UE) 2015/757 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-trasport marittimu b’rabta mal-inklużjoni potenzjali ta’ bastimenti b’tunnellaġġ gross inqas minn 5 000 iżda mhux inqas minn 400

1.Introduzzjoni

It-trasport marittimu għandu rwol essenzjali fl-ekonomija tal-UE u huwa wieħed mill-aktar modi ta’ trasport effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Madankollu, huwa wkoll sors sinifikanti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra.

Ir-Regolament (UE) 2015/757 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-trasport marittimu huwa parti essenzjali mill-azzjoni tal-UE biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima fis-settur tat-trasport marittimu. L-hekk imsejjaħ “Regolament MRV marittimu” jirrikjedi li l-kumpaniji tat-tbaħħir jimmonitorjaw l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, il-konsum tal-fjuwil u informazzjoni rilevanti oħra tagħhom marbuta mal-vjaġġi fl-UE. L-objettivi ewlenin tiegħu huma li jiġbor data robusta u vverifikata dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, jistimula l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet effiċjenti fl-użu tal-enerġija u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju b’aktar trasparenza u jappoġġja l-implimentazzjoni tal-politiki dwar il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, bħall-estensjoni reċenti tas-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS, Emissions Trading System) għat-trasport marittimu. Għandu wkoll rwol kritiku biex jikkontribwixxi għal diskussjoni politika futura, peress li l-ewwel pass lejn azzjonijiet ta’ mitigazzjoni huwa li wieħed jifhem kemm u fejn qed jiġi emess.

Skont l-Artikolu 22a tar-Regolament MRV marittimu, l-għan ta’ dan ir-rapport huwa li jivvaluta l-inklużjoni possibbli ta’ bastimenti b’tunnellaġġ gross inqas minn 5 000 iżda mhux inqas minn 400 fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, bil-ħsieb ta’ inklużjoni sussegwenti possibbli ta’ tali bastimenti żgħar fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva ETS 1 jew li jiġu proposti miżuri oħra biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra minn tali bastimenti. Għalhekk, dan ir-rapport se jservi wkoll bħala kontribut, kif meqjus rilevanti, għar-rieżami ppjanat tal-2026 2 tad-Direttiva ETS.

Dan ir-rapport huwa strutturat kif ġej:

·Ħarsa ġenerali lejn l-implimentazzjoni tar-Regolament MRV marittimu, b’mod partikolari fid-dawl tal-bidliet reċenti;

·Rieżami tal-kamp ta’ applikazzjoni attwali tar-Regolament MRV marittimu;

·Valutazzjoni tax-xenarji biex jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament MRV marittimu għal bastimenti iżgħar (b’tunnellaġġ gross ta’ bejn 400 u 4 999).

L-analiżi ppreżentata f’dan ir-rapport tibbaża fuq studju mwettaq minn konsorzju ta’ kuntratturi. 3  

2.Ħarsa ġenerali lejn l-implimentazzjoni tar-Regolament MRV marittimu

2.1 Preżentazzjoni tar-Regolament MRV marittimu u l-modifiki reċenti tiegħu

Mill-1 ta’ Jannar 2018 ’l hawn, bastimenti kbar b’tunnellaġġ gross iktar minn 5 000 li jgħabbu jew iħottu merkanzija jew passiġġieri fil-portijiet fl-Unjoni Ewropea (UE) 4 iridu jimmonitorjaw u jirrappurtaw l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra relatati (l-emissjonijiet tas-CO2 bejn l-2018 u l-2023 biss, iżda anke l-emissjonijiet tal-ossidu nitruż u tal-metan minn Jannar 2024) u informazzjoni rilevanti oħra. Il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-informazzjoni jridu jsiru f’konformità mar-Regolament MRV marittimu.

Ir-Regolament MRV marittimu jistabbilixxi rekwiżiti għall-kumpaniji tat-tbaħħir biex jimmonitorjaw u jirrappurtaw l-emissjonijiet tagħhom għal kull wieħed mill-bastimenti tagħhom, kull sena kalendarja u fuq bażi ċiklika. Il-bastimenti kollha li jagħmlu vjaġġi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament MRV marittimu, irrispettivament mill-Istat tal-bandiera tagħhom, iridu jissottomettu pjan ta’ monitoraġġ li jispjega fid-dettall kif biħsiebhom jiġbru d-data dwar l-emissjonijiet fi żmien xahrejn mill-ewwel waqfa tagħhom f’port fl-UE. Il-pjan ta’ monitoraġġ irid jiġi vvalutat b’mod sodisfaċenti minn verifikatur akkreditat qabel il-ġbir tad-data, u d-data miġbura (ikkompilata f’rapport annwali dwar l-emissjonijiet) trid tiġi vverifikata fi tmiem kull perjodu ta’ rappurtar. Kif issir il-verifika jinħareġ Dokument ta’ Konformità mill-verifikatur u r-rapporti jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni permezz tal-portal THETIS MRV. L-infurzar tal-proċess MRV tal-UE jsir mill-Istati Membri billi jispezzjonaw bastimenti li jidħlu f’portijiet fil-ġuriżdizzjoni tagħhom u billi jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom ikunu konformi mar-Regolament.

Ir-Regolament MRV marittimu tfassal bħala l-ewwel pass qabel l-inklużjoni ta’ dawn l-emissjonijiet fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS, emissions trading system). Tali inklużjoni mmaterjalizzat permezz tar-reviżjoni tal-2023 tad-Direttiva EU ETS, li – fost l-oħrajn – daħħlet l-emissjonijiet tat-trasport marittimu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha minn Jannar 2024. 5

Ir-Regolament MRV marittimu nnifsu ġie emendat fl-2023 6 biex jadatta r-regoli dwar l-MRV għall-inklużjoni tal-attivitajiet marbuta mat-trasport marittimu fl-EU ETS. Ġie emendat ukoll biex jinkludi emissjonijiet oħra għajr is-CO2, jiġifieri l-ossidu nitruż (N2O) u l-metan (CH4) fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu mill-1 ta’ Jannar 2024. Barra minn hekk, ġie maqbul li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jiġi estiż, mill-1 ta’ Jannar 2025, għall-bastimenti tal-merkanzija ġenerali b’tunnellaġġ gross ta’ 400 u aktar, u għall-bastimenti offshore b’tunnellaġġ gross ta’ 400 u aktar 7 . Bħala tali, ir-Regolament MRV marittimu diġà japplika (mill-2025) għal żewġ tipi ta’ bastimenti iżgħar; dan jitqies f’dan ir-rapport.

Barra minn hekk, ir-Regolament MRV marittimu jikkontribwixxi għall-appoġġ tal-implimentazzjoni tar-Regolament 8 FuelEU Maritime, li se jidħol fis-seħħ fl-2025. Id-data kollha mmonitorjata u rreġistrata skont ir-Regolament MRV marittimu, tista’ tabilħaqq tintuża għall-kalkoli ta’ FuelEU, soġġetta għal konferma mill-Verifikatur FuelEU, jekk huwa differenti mill-Verifikatur MRV.

2.2 Implimentazzjoni tar-Regolament MRV marittimu

Ir-Regolament MRV marittimu ilu japplika mill-2018, u pprovda data u indikaturi robusti dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-trasport marittimu. L-istudju ta’ sostenn tal-2022 bit-titolu Supporting study for the implementation of Regulation (EU) 2015/757 on the monitoring, reporting and verification of CO2 emissions from maritime transport 9 enfasizza b’mod partikolari li wieħed mill-vantaġġi ewlenin tar-Regolament huwa l-għarfien miksub dwar il-prestazzjoni ambjentali tal-bastimenti li jidħlu jew joħorġu mill-portijiet tal-UE, billi jippermetti l-ġbir sistematiku tad-data dwar il-prestazzjoni tal-bastimenti. Dak l-istudju enfasizza wkoll xi ostakli fl-implimentazzjoni, bħall-persistenza ta’ xi dewmien fis-sottomissjoni tar-rapporti dwar l-emissjonijiet – b’diversi partijiet ikkonċernati jindikaw li l-issodisfar tar-rekwiżiti kien ta’ sfida, speċjalment fl-ewwel sena (2018).

Biex tgħin lill-partijiet ikkonċernati rilevanti jiffamiljarizzaw ruħhom mal-bidliet tal-2023 fir-Regolament MRV marittimu u jnaqqsu l-isfidi potenzjali marbuta mal-implimentazzjoni, il-Kummissjoni wettqet attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni u żviluppat gwida u materjal disponibbli online. Pereżempju, il-Kummissjoni ppubblikat żewġ settijiet ta’ Mistoqsijiet Frekwenti 10 – dwar ir-Regolament MRV marittimu u dwar l-estensjoni tal-ETS għall-emissjonijiet tat-trasport marittimu – kif ukoll żewġ Dokumenti ta’ Gwida ewlenin 11 . Bejn Settembru tal-2023 u April tal-2024, il-Kummissjoni organizzat ukoll ħames webinars dwar l-aspetti ewlenin tal-bidliet li saru fir-Regolament marittimu MRV u fid-Direttiva ETS (pereżempju dwar l-aġġornamenti għall-pjanijiet ta’ monitoraġġ), flimkien mal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA, European Maritime Safety Agency) 12 . Barra minn hekk, ġie stabbilit helpdesk 13 iddedikat biex jindirizza l-mistoqsijiet tal-kumpaniji tat-tbaħħir u ta’ partijiet ikkonċernati oħra, u bejn Settembru tal-2023 u Ottubru tal-2024 ġew trattati aktar minn 1 400 rikjesta.

Il-monitoraġġ preliminari tal-konformità u l-implimentazzjoni għas-sena ta’ rappurtar 2024 huma inkoraġġanti. Fiż-żmien meta nkiteb dan ir-rapport, aktar minn 15 000 bastiment aġġornaw u ppreżentaw il-pjanijiet ta’ monitoraġġ tagħhom lill-awtoritajiet amministrattivi għall-approvazzjoni, f’konformità mar-rekwiżiti l-ġodda li daħlu fis-seħħ fl-2023. L-istadju importanti ewlieni li jmiss se jkun il-preżentazzjoni tar-rapporti dwar l-emissjonijiet fil-livell tal-bastimenti u fil-livell tal-kumpaniji, li huma mistennija sal-aħħar ta’ Marzu 2025.

Għal kuntest addizzjonali, l-emissjonijiet irrappurtati skont l-MRV għall-2023 oriġinaw minn flotta ta’ aktar minn 12 000 bastiment. Il-vjaġġi mmonitorjati għas-sena ta’ rappurtar 2023 emettew 126,7 miljun tunnellata ta’ CO2 fl-atmosfera. Fiż-żmien meta nkiteb dan ir-rapport, is-sistema kienet tinkludi madwar 5 000 kumpanija tat-tbaħħir. 14  

Kull sena, il-Kummissjoni tippubblika rapport biex tinforma lill-pubbliku rigward l-informazzjoni dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u l-effiċjenza enerġetika tal-flotta mmonitorjata li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament MRV marittimu. 15

3.Rieżami tal-kamp ta’ applikazzjoni attwali tar-Regolament MRV marittimu

Dan ir-rieżami għandu l-għan li jwieġeb għall-mistoqsija ġenerali dwar jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tal-bastimenti skont ir-Regolament MRV marittimu (limiti tad-daqs u tipi ta’ bastimenti) kienx xieraq sa issa, u jekk ir-raġunijiet għall-esklużjoni ta’ ċerti bastimenti b’tunnellaġġ gross ta’ bejn 400 u 4 999 għadhomx validi. Il-limitu inizjali ta’ tunnellaġġ gross ta’ 5 000 intgħażel fl-2015, wara analiżi oġġettiva dettaljata tad-daqsijiet u l-emissjonijiet tal-bastimenti li sejrin lejn il-portijiet tal-UE u li ġejjin minnhom. L-objettiv ta’ dan il-limitu mhux diskriminatorju kien li jkopri l-aktar emittenti rilevanti, filwaqt li jsib il-bilanċ it-tajjeb bejn il-piż amministrattiv u l-effettività ambjentali tar-Regolament MRV marittimu. Dak iż-żmien, l-analiżi ssuġġeriet li l-użu ta’ limitu ta’ tunnellaġġ gross ta’ 5 000 minflok tunnellaġġ gross ta’ 400 kien se jnaqqas b’mod sostanzjali l-kostijiet amministrattivi stmati, bi tnaqqis relattivament żgħir tal-emissjonijiet tas-CO2 koperti.

3.1 Effettività u rilevanza

Ir-Regolament MRV marittimu għandu l-għan li jistabbilixxi sistema standardizzata għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra minn bastimenti li jieqfu fil-portijiet tal-UE, b’regoli armonizzati u aċċess pubbliku għal data vverifikata. It-trasparenza u r-robustezza wara din id-data huma kruċjali biex jgħinu lill-kumpaniji tat-tbaħħir jindirizzaw il-fallimenti eżistenti tas-suq u jwittu t-triq għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ dekarbonizzazzjoni. Il-fallimenti tas-suq tipikament jinkludu kwistjonijiet fir-rigward ta’ informazzjoni, bħan-nuqqas ta’ informazzjoni affidabbli dwar l-iffrankar tal-gassijiet serra jew informazzjoni asimmetrika bejn is-sidien tal-bastimenti u n-noleġġaturi li jistgħu jwasslu għal kwistjonijiet tal-inċentivi maqsuma.

Studju tal-KE tal-2022 16 talab lill-kumpaniji tat-tbaħħir informazzjoni dwar l-użu tagħhom tad-data MRV. Huma rrappurtaw li l-kejl u d-dokumentazzjoni sistematiċi tal-emissjonijiet jipprovdu linja bażi koerenti tal-prestazzjoni ambjentali, li tipprovdi lill-kumpaniji b’għarfien u b’viżjonijiet dwar l-emissjonijiet tal-flotta tagħhom. Dawn il-viżjonijiet wasslu għal komunikazzjoni aktar faċli u simplifikata mal-klijenti tagħhom (l-ispedituri, l-ispedizjonieri, eċċ.). Il-kumpaniji tat-tbaħħir irrappurtaw li jistgħu jittrasferixxu informazzjoni relatata mal-emissjonijiet lill-klijenti tagħhom, u dan iqajjem kuxjenza fost ir-riċevituri tal-katina tal-provvista. Madankollu, studju preċedenti (CE Delft, 2014) jenfasizza li dawn l-effetti pożittivi x’aktarx li jimmaterjalizzaw jekk il-kumpaniji jinvestu f’sistemi ta’ monitoraġġ u ta’ analiżi tad-data akkurati u komprensivi.

Fir-rigward ta’ bastimenti żgħar, l-analiżi tal-effettività għandha l-għan li tifhem sa liema punt il-kamp ta’ applikazzjoni attwali tal-MRV (id-daqs u t-tip tal-bastiment) jista’ jipprevjeni bastimenti iżgħar milli jaħtfu d-diversi benefiċċji li ġejjin mir-Regolament MRV.

Abbażi ta’ konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati mal-awtoritajiet pubbliċi u mal-organizzazzjonijiet tal-industrija, l-analiżi tissuġġerixxi li d-data MRV mistennija tkun siewja ħafna wkoll għal bastimenti iżgħar. Id-data MRV hija tabilħaqq kruċjali biex tinforma d-deċiżjonijiet finanzjarji u ta’ ġestjoni li jistgħu jipprovdu aktar għarfien dwar l-emissjonijiet tal-flotta u jgħinu biex jiġu eliminati l-ostakli tas-suq. Filwaqt li diversi kumpaniji li joperaw bastimenti iżgħar diġà qed jiġbru, b’mod volontarju, data dwar l-emissjonijiet, xi drabi bl-objettiv li jinfurmaw id-deċiżjonijiet ta’ investiment f’teknoloġiji effiċjenti fl-użu tal-enerġija u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, l-analiżi turi li dawn il-kumpaniji u partijiet terzi xorta jistgħu jibbenefikaw mill-MRV fl-iżgurar ta’ proċessi ta’ monitoraġġ u rappurtar aktar konsistenti u affidabbli b’mod ġenerali.

Għalhekk, bil-kamp ta’ applikazzjoni attwali tiegħu, ir-Regolament MRV marittimu ma jirnexxilux jippermetti investimenti fit-teknoloġija għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fuq it-tipi kollha ta’ bastimenti żgħar (jiġifieri lil hinn minn dawk li diġà jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-MRV mill-2025), u jippromwovi l-adozzjoni ta’ miżuri operazzjonali tal-effiċjenza enerġetika, speċjalment għal dawk mingħajr sistemi eżistenti ta’ monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-fjuwil.

F’termini ta’ rilevanza, ir-Regolament MRV marittimu huwa faċilitatur importanti biex jappoġġja l-adozzjoni ta’ miżuri u politiki ta’ mitigazzjoni tal-gassijiet serra fis-settur marittimu. Dan huwa rilevanti peress li s-setturi kollha tal-ekonomija, inkluż il-bastimenti żgħar u kbar, jeħtieġ li jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi tal-UE kif ukoll l-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi. Billi jistabbilixxi sistema standardizzata għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-bastimenti, ir-Regolament jipprovdi għodda kritika għall-kumpaniji tat-tbaħħir biex jinfurmaw id-deċiżjonijiet finanzjarji u ta’ ġestjoni, jikkomunikaw mal-partijiet ikkonċernati, u jidentifikaw opportunitajiet għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u għall-investimenti teknoloġiċi.

 

3.2 Effiċjenza

L-analiżi tal-effiċjenza għandha l-għan li tirrieżamina l-evidenza reċenti dwar il-kompromess bejn il-kopertura tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u l-kostijiet amministrattivi għall-kumpaniji tat-tbaħħir fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-MRV tal-UE 17 . Għal dan l-għan, il-kostijiet amministrattivi potenzjali relatati mal-MRV ġew stmati għal bastimenti iżgħar u mqabbla ma’ dawk ta’ bastimenti li diġà jirrappurtaw skont l-MRV.

L-istimi tal-kostijiet amministrattivi jirriżultaw minn konsultazzjoni tar-rappreżentanti tal-kumpaniji tat-tbaħħir permezz ta’ intervisti mfassla apposta, li jinkludu kemm l-operaturi tal-bastimenti kif ukoll is-sidien tal-bastimenti. L-eżerċizzju kkunsidra kemm il-kostijiet ta’ darba kif ukoll dawk rikorrenti. Il-kumpaniji tat-tbaħħir intalbu jistmaw il-kostijiet rikorrenti mill-bastimenti li bħalissa huma soġġetti għall-MRV, abbażi tal-esperjenza attwali tagħhom, flimkien mal-kostijiet mistennija għal bastimenti iżgħar f’każ li dawn jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament MRV marittimu.

L-analiżi tiżvela li l-kostijiet amministrattivi annwali rikorrenti relatati mal-MRV għal kull bastiment għal bastimenti iżgħar (stmati għal medja ta’ EUR 3 690 għal kull bastiment) ikunu simili jew kemxejn ogħla minn dawk tal-bastimenti li bħalissa huma soġġetti għall-obbligi tal-MRV (stmati għal medja ta’ EUR 3 390 għal kull bastiment). Il-limitazzjonijiet tal-persunal u ż-żieda fil-frekwenza tal-vjaġġi ta’ bastimenti iżgħar ġew ikkwotati minn xi kumpaniji tat-tbaħħir bħala r-raġunijiet ewlenin għal kostijiet ogħla ta’ monitoraġġ.

B’mod ġenerali, il-kompromess bejn il-kostijiet amministrattivi għall-kumpaniji tat-tbaħħir u l-emissjonijiet addizzjonali ta’ gassijiet serra mmonitorjati jkun inqas favorevoli għal bastimenti iżgħar. Il-proporzjon bejn il-kostijiet amministrattivi u l-kopertura tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra jkun bħala medja seba’ darbiet ogħla għal bastimenti iżgħar, meta mqabbel mal-bastimenti akbar li diġà jirrappurtaw skont l-MRV (illustrazzjoni 1). Dan minħabba li l-kostijiet amministrattivi huma komparabbli, filwaqt li bastimenti iżgħar jemettu ħafna inqas emissjonijiet minn bastimenti akbar.

Illustrazzjoni 1 Kost amministrattiv rikorrenti għall-kumpaniji tat-tbaħħir għal kull tunnellata ta’ CO2 koperta għall-bastimenti iżgħar skont it-tip (ikkalkulata bħala dawk ir-riżultati tal-kostijiet amministrattivi rikorrenti totali stmati abbażi tal-kostijiet medji rrappurtati mill-partijiet ikkonċernati kkonsultati għall-emissjonijiet totali ta’ CO2e għal kull kategorija ta’ bastimenti għall-2023)

Sors: Analiżi ta’ Ricardo

Bastimenti inklużi fl-MRV mill-2025

---

Kost amministrattiv medju għal kull tCO2e għall-bastimenti żgħar (b’tunnellaġġ gross ta’ bejn 400 u 4 999)

Bastimenti mhux inklużi fl-MRV

---

Kost amministrattiv medju għal kull tCO2e għall-bastimenti kbar (b’tunnellaġġ gross ta’ aktar minn 5 000)

L-analiżi tal-effiċjenza għandha wkoll l-għan li tirrieżamina l-evidenza dwar il-kapaċità tal-kumpaniji li jiġġestixxu bastimenti iżgħar biex jakkomodaw il-proċessi tal-MRV, meta mqabbla ma’ dawk li diġà jirrappurtaw skont l-MRV. Id-data eżaminata tissuġġerixxi li l-kumpaniji li jiġġestixxu bastimenti iżgħar għandhom it-tendenza li bħala medja, ikunu iżgħar (f’termini ta’ għadd ta’ bastimenti ġestiti minn kull kumpanija) minn dawk li diġà jirrappurtaw skont l-MRV. Tabilħaqq, il-kumpaniji li bħalissa jirrappurtaw skont is-sistema MRV (jiġifieri l-bastimenti kbar) huma responsabbli għal medja ta’ 2,6 bastimenti. Għal bastimenti iżgħar 18 , huwa stmat li l-għadd medju ta’ bastimenti żgħar għal kull kumpanija jkun ta’ 1,6, li huwa ferm aktar baxx. Peress li l-kumpaniji li jimmaniġġjaw bastimenti iżgħar huma mistennija li jkunu responsabbli għal inqas bastimenti, huwa inqas probabbli li jibbenefikaw mill-ekonomiji ta’ skala assoċjati mal-kostijiet ta’ implimentazzjoni relatati mal-MRV.

Barra minn hekk, il-maġġoranza tal-kumpaniji li jiġġestixxu bastimenti iżgħar ikunu ġodda għas-sistema MRV. 29 % tal-kumpaniji ISM 19 u 3 % tas-sidien tal-bastimenti li jimmaniġġjaw bastimenti iżgħar biss huma diġà rreġistrati fuq THETIS-MRV. Dan jissuġġerixxi li l-maġġoranza tal-kumpaniji li jimmaniġġjaw bastimenti iżgħar ikollhom jistabbilixxu u jiffamiljarizzaw ruħhom mal-proċessi tal-MRV, peress li għadhom mhumiex qed jirrappurtaw skont l-MRV.

3.3 Koerenza

Objettiv ewlieni ieħor tar-Regolament MRV marittimu tal-UE huwa li jappoġġja l-implimentazzjoni ta’ politiki adottati reċentement biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fis-settur marittimu tal-UE, b’mod partikolari l-estensjoni tal-EU ETS għat-trasport marittimu u r-Regolament FuelEU Maritime 20 . L-analiżi tal-koerenza għalhekk teżamina jekk il-kamp ta’ applikazzjoni attwali tal-MRV huwiex xieraq biex jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-politiki speċifiċi dwar il-klima, kif ukoll ir-rieżami futur possibbli tagħhom.

F’dak ir-rigward, l-analiżi turi li r-Regolament MRV marittimu diġà qed jappoġġja b’mod effettiv l-introduzzjoni ta’ dawn il-politiki importanti tal-UE. Dan jipprovdi direttament id-data dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra meħtieġa biex tiġi implimentata l-estensjoni tal-EU ETS għat-trasport marittimu, u joffri pjattaforma ta’ rappurtar robusta li tappoġġja l-implimentazzjoni tar-Regolament FuelEU Maritime.

Fir-rigward tal-iżviluppi futuri potenzjali tal-politika, il-kamp ta’ applikazzjoni attwali tar-Regolament MRV marittimu diġà jippermetti l-estensjoni possibbli tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-EU ETS għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra minn bastimenti żgħar tal-merkanzija ġenerali u bastimenti offshore (b’tunnellaġġ gross ta’ bejn 400 u 4 999). Pereżempju, dawk li jfasslu l-politika jkunu jafu l-impatt possibbli ta’ tali estensjoni f’termini taż-żieda fil-limitu tal-ETS jew l-għadd ta’ Kontijiet ta’ Depożitu ta’ Operatur Marittimu addizzjonali li għandhom ikunu mistennija. Il-kumpaniji tat-tbaħħir li joperaw dawn il-bastimenti jkunu wkoll f’pożizzjoni ħafna aħjar, peress li jkunu diġà familjari mal-proċess tal-MRV.

Madankollu, ir-Regolament MRV marittimu attwali ma jippermettix bl-istess mod l-estensjoni possibbli tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-ETS għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra minn tipi oħra ta’ bastimenti żgħar, li għadhom mhumiex inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-MRV.

Barra minn hekk, l-analiżi ħarset lejn il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament MRV marittimu tal-UE meta mqabbel mal-bastimenti koperti taħt is-Sistema tal-Ġbir tad-Data (DCS, Data Collection System) attwali tal-OMI. Din tal-aħħar hija sistema ekwivalenti, għalkemm simplifikata, ta’ monitoraġġ u rappurtar fil-livell globali. L-analiżi tenfasizza li d-differenzi żgħar fil-kamp ta’ applikazzjoni f’termini tad-daqs tal-bastiment u tal-attività koperta ma ġewx identifikati bħala tħassib partikolari f’termini ta’ żieda fir-riżorsi meħtieġa biex jitlestew ir-rekwiżiti ta’ rappurtar.

4.Valutazzjoni tax-xenarji biex possibbilment jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament MRV marittimu għal bastimenti iżgħar oħra

4.1 Ħarsa ġenerali lejn l-attività u l-emissjonijiet minn bastimenti iżgħar

Din l-analiżi għandha l-għan li tipprovdi informazzjoni dwar l-attività u l-emissjonijiet minn bastimenti iżgħar (b’tunnellaġġ gross ta’ bejn 400 u 4 999) b’enfasi fuq l-indikaturi li ġejjin:

·L-għadd ta’ bastimenti iżgħar li jieqfu fil-portijiet tal-UE, skont il-kategorija tal-bastimenti;

·L-emissjonijiet tal-gassijiet serra għal bastimenti iżgħar li jieqfu fil-portijiet tal-UE, differenzjati skont il-vjaġġi intra-UE u extra-UE u skont il-kategorija tal-bastimenti;

·L-għadd ta’ waqfiet fil-port skont is-sena, differenzjati skont il-vjaġġi intra-UE u extra-UE 21 u skont il-kategorija tal-bastiment.

L-analiżi turi li 8 525 bastiment b’tunnellaġġ gross ta’ bejn 400 u 4 999 waqfu fil-portijiet tal-UE fl-2023. Meta jiġu esklużi l-bastimenti tal-merkanzija ġenerali u l-bastimenti offshore, li diġà ġew inkorporati fir-Regolament MRV marittimu fl-2025, l-għadd ta’ bastimenti iżgħar jonqos għal 5 309. Dan jitqabbel mat-12 344 bastiment b’tunnellaġġ gross ta’ 5 000 jew aktar skont l-MRV fl-2023.

L-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġew stmati abbażi ta’ mudell li jiddependi fuq data dwar it-trekkjar tal-bastimenti (jiġifieri data tas-Sistema ta’ Identifikazzjoni Awtomatika) u informazzjoni teknika dwar il-bastimenti. Il-mudell ikkalkula s-CO2, is-CH4 u l-N2O bħala emissjonijiet ekwivalenti għas-CO2. Ir-riżultat ta’ din il-ħidma juri li l-bastimenti iżgħar li jieqfu fil-portijiet tal-UE fl-2023 huma stmati li jemettu madwar 19,28 MtCO2e (jew 18,99 MtCO2, jiġifieri meta ma jitqisux is-CH4 u N2O). Il-bastimenti tal-merkanzija ġenerali u l-bastimenti offshore huma l-ogħla emittenti f’dan is-segment, peress li jirrappreżentaw 22 % u 18 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra minn bastimenti iżgħar, rispettivament. Meta jitnaqqsu l-emissjonijiet minn dawn iż-żewġ kategoriji diġà fl-MRV mill-2025, l-emissjonijiet totali ta’ gassijiet serra mill-kategoriji iżgħar ta’ bastimenti li jifdal huma stmati għal 11,32 MtCO2 22 , li jitqabblu ma’ 126,70 MtCO2 minn bastimenti b’tunnellaġġ gross ta’ 5 000 jew aktar skont l-MRV fl-2023. 23  

F’termini ta’ attività, l-analiżi tad-data dwar il-waqfiet fil-portijiet minn bastimenti iżgħar tissuġġerixxi li l-biċċa l-kbira tal-vjaġġi mwettqa minn bastimenti iżgħar kienu intra-UE fil-perjodu 2019–2023 (madwar 90 %). Minn dawn, il-maġġoranza huma domestiċi, jiġifieri vjaġġi li jibdew u jintemmu fl-istess pajjiż (madwar 75 % tal-vjaġġi totali).

Fil-qosor, din l-analiżi turi li l-bastimenti iżgħar li mhumiex diġà inklużi fir-Regolament MRV mill-2025 (jiġifieri għajr il-bastimenti tal-merkanzija ġenerali u l-bastimenti offshore) huma attivi l-aktar fi vjaġġi intra-UE u jirrappreżentaw 43 % tal-bastimenti u 9 % tal-emissjonijiet tas-CO2 skont l-MRV fl-2023.

It-tabella ta’ hawn taħt tiġbor fil-qosor, skont it-tip ta’ bastiment, l-għadd ta’ bastimenti u l-ammonti ta’ emissjonijiet li jirrappreżentaw.

Tabella 1: L-emissjonijiet tas-CO2 minn bastimenti iżgħar skont it-tip ta’ bastiment meta mqabbla mal-emissjonijiet totali tal-MRV fl-2023

Tip ta’ bastiment

L-għadd ta’ bastimenti b’tunnellaġġ gross ta’ bejn 400 u 4 999 (2023)

Is-sehem tal-bastimenti mqabbel mal-għadd ta’ bastimenti kbar skont l-MRV fl-2023 24

Emissjonijiet totali tas-CO2 (MtCO2) (2023)

Is-sehem tal-emissjonijiet tas-CO2 mqabbel mal-emissjonijiet totali tas-CO2 skont l-MRV fl-2023 25

Bastimenti tal-merkanzija ġenerali

2 296

18,6 %

4,26

3,4 %

Bastimenti offshore

921

7,5 %

3,41

2,7 %

Mixxellanji – sajd

1 065

8,6 %

2,30

1,8 %

Tankers tal-kimika

756

6,1 %

2,21

1,7 %

Bastimenti ro-ro tal-passiġġieri

571

4,6 %

1,57

1,2 %

Jottijiet

896

7,3 %

1,45

1,1 %

Bastimenti ta’ servizz – oħrajn

349

2,8 %

0,77

0,6 %

Bastimenti tal-kruċiera

217

1,8 %

0,56

0,4 %

Bastimenti ta’ servizz – bastimenti tal-irmonk

385

3,1 %

0,49

0,4 %

Tankers tal-gass likwifikat

143

1,2 %

0,44

0,3 %

Tankers taż-żejt u tal-prodotti

256

2,1 %

0,38

0,3 %

Bastimenti tal-passiġġieri biss

253

2,0 %

0,34

0,3 %

Trasportaturi ta’ tagħbija bl-ingrossa

111

0,9 %

0,27

0,2 %

Trasportaturi ta’ tagħbija bl-ingrossa mkessħa

53

0,4 %

0,14

0,1 %

Kontejners

38

0,3 %

0,13

0,1 %

Mixxellanji – oħrajn

154

1,2 %

0,12

0,1 %

Tankers ta’ likwidi oħrajn

42

0,3 %

0,11

0,1 %

Ro-Ro

20

0,2 %

0,04

0,0 %

Total ta’ bastimenti b’tunnellaġġ gross ta’ bejn 400 u 4 999

8 525

69,1 %

18,99

15,0 %

Total ta’ bastimenti b’tunnellaġġ gross ta’ bejn 400 u 4 999 minbarra tal-merkanzija ġenerali u offshore

5 309

43,0 %

11,32

8,9 %

4.2 Preżentazzjoni ta’ xenarji possibbli

Ix-xenarju ewlieni li qed jiġi kkunsidrat għal din il-valutazzjoni huwa l-estensjoni possibbli tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament MRV marittimu għall-bastimenti b’tunnellaġġ gross ta’ bejn 400 u 4 999, għal tipi ta’ bastimenti għajr bastimenti tal-merkanzija ġenerali u offshore. Dan ix-xenarju għandu l-għan li jżid is-sehem tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra koperti mir-Regolament MRV marittimu, li b’mod partikolari jippermetti integrazzjoni possibbli ta’ bastimenti addizzjonali b’tunnellaġġ gross ta’ bejn 400 u 4 999 fil-politiki ta’ dekarbonizzazzjoni marittima bħall-EU ETS u FuelEU.

Il-varjanti potenzjali għall-espansjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-MRV għal bastimenti iżgħar huma definiti skont id-dimensjonijiet li ġejjin:

a)Kategoriji ta’ bastimenti iżgħar differenti fil-kamp ta’ applikazzjoni

Xenarji A

Deskrizzjoni

A.1. Inkluż il-kategoriji tal-bastimenti bl-akbar emissjonijiet

Espansjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni għal tankers, bastimenti ro-ro tal-passiġġieri u bastimenti tal-passiġġieri b’tunnellaġġ gross ta’ bejn 400 u 4 999

A.2. Inkluż il-kategoriji kollha tal-bastimenti ħlief dawk eżentati mill-MRV

Espansjoni għall-kategoriji kollha mhux eżentati 26 għal bastimenti b’tunnellaġġ gross ta’ bejn 400 u 4 999 (jiġifieri l-bastimenti kollha li jittrasportaw merkanzija/passiġġieri għal skopijiet kummerċjali kif ukoll bastimenti offshore)

A.3. Inkluż il-kategoriji kollha tal-bastimenti (inkluż il-kategoriji li bħalissa huma esklużi mill-MRV)

Espansjoni għall-kategoriji kollha mhux eżentati għall-bastimenti b’tunnellaġġ gross ta’ bejn 400 u 4 999, flimkien mal-bastimenti tas-sajd, kwalunkwe bastiment ta’ servizz u bastiment tal-irmonk li mhumiex diġà koperti, u vjaġġi b’jottijiet li mhumiex diġà koperti (jiġifieri dawk li ma sarux għat-trasport ta’ passiġġieri għal skopijiet kummerċjali).

b)Rekwiżiti ta’ monitoraġġ għal bastimenti iżgħar

Xenarji B

Deskrizzjoni

B.1. L-istess rekwiżiti tal-MRV

Ir-rekwiżiti tal-MRV għall-bastimenti żgħar (u tipi oħra ta’ bastimenti) huma eżattament bħal dawk għall-bastimenti li bħalissa huma skont l-MRV

B.2. Limitu aktar baxx li għandu jiġi eżentat mill-monitoraġġ fuq bażi ta’ kull vjaġġ

Il-limitu minimu ta’ 300 vjaġġ fis-sena 27 ma japplikax għal bastimenti b’tunnellaġġ gross ta’ inqas minn 5 000, jiġifieri l-bastimenti kollha li jwettqu vjaġġi intra-UE biss matul perjodu ta’ rappurtar ikunu eżentati mill-monitoraġġ fuq bażi ta’ kull vjaġġ (irrispettivament mill-għadd ta’ vjaġġi).

4.3 Impatti ambjentali mix-xenarji A (kategoriji ta’ bastimenti iżgħar differenti fil-kamp ta’ applikazzjoni jekk ma tiġi preżunta l-ebda bidla fir-rekwiżiti tal-MRV)

Żieda fil-kopertura tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra

L-espansjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament MRV Marittimu tal-UE żżid is-sehem tal-emissjonijiet marittimi tal-UE koperti mir-rekwiżiti tal-MRV u tħalli impatt dirett fuq id-disponibbiltà tad-data dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (illustrazzjoni 2). L-emissjonijiet ta’ gassijiet serra assoċjati max-xenarju A.1 jirrappreżentaw żieda ta’ 4,2 % (jiġifieri 5,61 MtCO2) meta mqabbla ma’ dak li huwa inkluż fil-kamp ta’ applikazzjoni rivedut tal-MRV (jiġifieri inkluż l-emissjonijiet minn bastimenti tal-merkanzija ġenerali u bastimenti offshore b’tunnellaġġ gross ta’ bejn 400 u 4 999 li għandhom jiżdiedu mill-2025). Ix-xenarju A.2 iwassal għal kopertura tal-emissjonijiet marġinalment ogħla meta mqabbel max-xenarju A.1, b’żieda ta’ 4,6 % (jiġifieri 6,19 MtCO2) meta mqabbel mal-kamp ta’ applikazzjoni rivedut tal-MRV. L-opzjoni li tespandi wkoll għal kategoriji oħra (xenarju A.3) twassal għal espansjoni aktar sinifikanti fil-kopertura tal-emissjonijiet b’żieda ta’ 8,4 % (jiġifieri 11,32 MtCO2).

Illustrazzjoni 2 Kopertura addizzjonali tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għax-xenarji A.1, A.2 u A.3 skont il-kategorija tal-bastimenti abbażi tad-data dwar l-emissjonijiet tal-2023

 

Sors: Analiżi ta’ Ricardo

Iffrankar dirett ta’ enerġija u ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra

Minkejja li r-Regolament MRV marittimu ma jimponix limiti diretti fuq l-emissjonijiet jew ma jimponix prattiki ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet, espansjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-MRV tkun mistennija li twassal għal tnaqqis dirett tal-enerġija u tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra minħabba l-potenzjal li d-data MRV tgħin biex jingħelbu xi wħud mill-ostakli eżistenti tas-suq, li jistgħu jwittu t-triq għall-adozzjoni ta’ titjib tekniku u operazzjonali fl-effiċjenza fl-enerġija. Rata konservattiva ta’ tnaqqis kumulattiv ta’ 0,7 % kienet preżunta li tapplika għall-emissjonijiet bażi ta’ gassijiet serra minn bastimenti iżgħar inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-MRV fil-perjodu 2025–2050. 28 Dan iwassal għal iffrankar kumulattiv relattivament żgħir tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ppreżentat hawn taħt fit-tabella 2.

Tabella 2: Iffrankar kumulattiv tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra (2025–2050) mix-xenarji A.1, A.2 u A.3

Iffrankar kumulattiv tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra (MtCO2e) 2025–2050

Xenarju A.1

1,51

Xenarju A.2

1,67

Xenarju A.3

3,06

Sors: Analiżi ta’ Ricardo

Impatti ambjentali indiretti mill-inklużjoni potenzjali ta’ bastimenti iżgħar f’politiki oħra dwar il-klima

Filwaqt li l-iffrankar dirett tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li ġej mill-espansjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-MRV għal bastimenti iżgħar addizzjonali jkun relattivament marġinali, l-impatti ambjentali potenzjali mill-inklużjoni possibbli ta’ dawn il-bastimenti iżgħar f’politiki oħra ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, bħall-EU ETS u l-FuelEU maritime, wara l-espansjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-MRV ikunu ħafna aktar sinifikanti. Pereżempju, l-inklużjoni ta’ emissjonijiet addizzjonali ta’ gassijiet serra fl-EU ETS twassal għal impatt ambjentali f’konformità mat-tnaqqis tal-limitu massimu annwali tal-ETS. Madankollu, tali benefiċċji addizzjonali mhumiex ikkunsidrati għall-fini ta’ din il-valutazzjoni peress li tiffoka fuq l-inklużjoni potenzjali fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-MRV biss.

4.4 Impatti ekonomiċi mix-xenarji A (kategoriji ta’ bastimenti iżgħar differenti fil-kamp ta’ applikazzjoni jekk ma tiġi preżunta l-ebda bidla fir-rekwiżiti tal-MRV)

Kostijiet regolatorji għall-kumpaniji u l-awtoritajiet tat-tbaħħir

Kostijiet amministrattivi addizzjonali għall-kumpaniji tat-tbaħħir jinkludu kemm kostijiet ta’ darba kif ukoll kostijiet rikorrenti relatati mat-tħejjija u l-istabbiliment ta’ sistema ta’ monitoraġġ (għall-kumpaniji li ma jkunux diġà qed jirrappurtaw skont l-MRV), flimkien ma’ attivitajiet rikorrenti ta’ monitoraġġ, rappurtar u verifika biex jikkonformaw mar-Regolament MRV marittimu għal bastimenti addizzjonali koperti. It-tabella 3 tippreżenta l-kostijiet amministrattivi addizzjonali totali ta’ darba kif ukoll dawk rikorrenti għall-kumpaniji tat-tbaħħir għal kull xenarju, abbażi tal-eżiti tal-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati. Barra minn hekk, tinkludi informazzjoni dwar il-kost amministrattiv rikorrenti għal kull tunnellata ta’ CO2 abbażi tal-emissjonijiet totali ta’ gassijiet serra miżjuda mal-kamp ta’ applikazzjoni f’kull xenarju.

Tabella 3: Kost amministrattiv addizzjonali għall-kumpaniji tat-tbaħħir għal kull xenarju, abbażi tad-data dwar il-kostijiet tal-2023

Għadd ta’ bastimenti

Kost ta’ darba (kost totali, f’EUR)

Kost rikorrenti (kost fis-sena, f’EUR)

Kost rikorrenti għal kull tCO2 (EUR/tCO2)

Kost għal kull bastiment

-

3 193

3 690

-

Xenarju A.1

2 238

7,1 miljun

8,3 miljun

1,2

Xenarju A.2

2 460

7,9 miljun

9,1 miljun

1,2

Xenarju A.3

5 309

17-il miljun

19,6 miljun

1,6

Sors: Analiżi ta’ Ricardo

Il-kostijiet tal-attivitajiet ta’ infurzar għall-awtoritajiet nazzjonali assoċjati mar-Regolament MRV marittimu jinkludu dawk relatati mal-attivitajiet ta’ Kontroll tal-Istat tal-Port u l-obbligi tal-Istat tal-Bandiera. L-istimi tal-kostijiet ġew derivati mill-eżiti ta’ kwestjonarju distribwit lill-Istati Membri, li kien jinkludi kemm il-kostijiet amministrattivi kif ukoll dawk tal-infurzar. Il-kostijiet rikorrenti tal-infurzar huma preżunti li jiżdiedu b’mod lineari mal-għadd ta’ bastimenti addizzjonali f’kull xenarju, kemm għall-obbligi tal-Kontroll tal-Istat tal-Port kif ukoll tal-Istat tal-Bandiera. It-tabella 4 tippreżenta l-kostijiet addizzjonali li jirriżultaw u li huma relatati mal-attivitajiet ta’ infurzar.

Tabella 4: Kostijiet addizzjonali relatati mal-attivitajiet ta’ infurzar għall-awtoritajiet nazzjonali, abbażi tad-data dwar il-kostijiet tal-2023

Tip ta’ kost

Xenarji

Xenarju A.1

Xenarju A.2

Xenarju A.3

Kost tal-Kontroll tal-Istat tal-Port (EUR fis-sena)

47 307

51 999

112 221

Kostijiet tal-obbligi tal-Istat tal-bandiera (EUR fis-sena)

58 866

64 705

139 641

Kost totali stmat għall-awtoritajiet nazzjonali (EUR fis-sena)

106 173

116 704

251 862

Il-kostijiet għall-awtoritajiet Ewropej (il-Kummissjoni Ewropea u l-EMSA) li jirriżultaw mill-inklużjoni ta’ bastimenti iżgħar addizzjonali (b’tunnellaġġ gross ta’ bejn 400 u 4 999) fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-MRV jinkludu kostijiet ta’ darba relatati mal-aġġustamenti tal-IT u l-iżviluppi fit-THETIS-MRV u kostijiet rikorrenti relatati ma’ riżorsi umani addizzjonali, mill-analiżi tal-informazzjoni, l-appoġġ tal-helpdesk u t-tfassil/l-aġġornament tal-materjal ta’ informazzjoni. Il-kostijiet addizzjonali li jirriżultaw għal kull xenarju huma ppreżentati hawn taħt fit-tabella 5.

Tabella 5: Kostijiet addizzjonali relatati mal-attivitajiet ta’ infurzar għall-awtoritajiet kompetenti Ewropej, abbażi tad-data dwar il-kostijiet tal-2023

Kost ta’ darba (kost totali, f’EUR)

Kost rikorrenti (kost fis-sena, f’EUR)

Xenarju A.1

100 000

40 000

Xenarju A.2

100 000

42 891 29

Xenarju A.3

100 000

80 000

Sors: Analiżi ta’ Ricardo

Il-kostijiet regolatorji totali ġew stmati billi żdiedu l-kostijiet amministrattivi għall-kumpaniji tat-tbaħħir u l-kostijiet tal-infurzar għall-awtoritajiet kompetenti, kif deskritt aktar ’il fuq. Il-kostijiet ta’ darba kienu preżunti li jintefqu kompletament fl-ewwel sena tal-implimentazzjoni (preżunta li kienet l-2025), filwaqt li l-kostijiet rikorrenti għall-kumpaniji tat-tbaħħir u għall-awtoritajiet kompetenti kienu preżunti li jiżdiedu b’mod proporzjonali mal-għadd ta’ bastimenti matul il-perjodu ta’ bejn l-2025 u l-2050. Dawn il-kostijiet amministrattivi addizzjonali huma mistennija li jkunu żgħar wisq biex jiġġeneraw kwalunkwe distorsjoni sinifikanti tas-suq b’implikazzjonijiet soċjali (eż., fuq il-konsumaturi jew il-ħaddiema). Il-kostijiet regolatorji totali huma ppreżentati fit-tabella 6 b’rata ta’ skont ta’ 3 %.

Kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni

L-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-MRV għal bastimenti iżgħar addizzjonali tkun mistennija li jkollha impatt pożittiv fuq il-kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni billi tiżgura rekwiżiti regolatorji simili għall-bastimenti ftit iktar jew inqas mil-limitu ta’ tunnellaġġ gross ta’ 5 000, li jistgħu jkunu qed jikkompetu għal segmenti simili tas-suq. Analiżi tad-data dwar il-bastimenti segmentata skont id-daqs tissuġġerixxi li proporzjon kbir ta’ bastimenti addizzjonali skont ix-xenarji ta’ politika kkunsidrati jkunu ftit inqas mil-limitu ta’ tunnellaġġ gross ta’ 5 000. Tabilħaqq, bastimenti b’tunnellaġġ gross ta’ bejn 4 000 u 4 999 jirrappreżentaw 32 % tal-flotta kkunsidrata taħt ix-xenarju A.1, 31 % taħt A.2, u 19 % taħt A.3.

4.5 Tqabbil tax-xenarji A f’termini ta’ valur preżenti nett soċjali (kategoriji ta’ bastimenti iżgħar differenti fil-kamp ta’ applikazzjoni jekk ma tiġi preżunta l-ebda bidla fir-rekwiżiti tal-MRV)

Il-valur preżenti nett (VPN) soċjali fix-xenarji kollha kkunsidrati li jespandu l-kamp ta’ applikazzjoni huwa negattiv matul il-perjodu ta’ bejn l-2025 u l-2050 (it-tabella 6). Dan minħabba l-fatt li l-valur preżenti tal-kostijiet amministrattivi addizzjonali għall-kumpaniji u għall-awtoritajiet huwa ogħla mill-iffrankar monetizzat tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra attribwibbli biss għar-Regolament marittimu MRV.

Madankollu, dan il-kalkolu tal-VPN għandu jiġi interpretat b’kawtela peress li ma jqisx il-benefiċċji ambjentali indiretti possibbli li jiġu mill-integrazzjoni sussegwenti possibbli ta’ bastimenti iżgħar f’politiki oħra ta’ mitigazzjoni tal-gassijiet serra, bħall-EU ETS u FuelEU, jew kwalunkwe miżura ekwivalenti oħra, wara l-inklużjoni minn qabel tagħhom fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-MRV. Huwa mistenni li l-inklużjoni tal-kostijiet u l-benefiċċji mill-integrazzjoni ta’ bastimenti iżgħar fl-EU ETS u/jew FuelEU, flimkien mal-MRV, tkun qed turi stampa differenti ħafna, x’aktarx VPN pożittiv.

Tabella 6: Valur Preżenti Nett (VPN) Soċjali tax-xenarji A.1, A.2 u A.3 mqabbel mal-linja bażi (EUR miljun matul il-perjodu ta’ bejn l-2025 u l-2050) (rata ta’ skont ta’ 3 %)

Xenarju A.1

Xenarju A.2

Xenarju A.3

Iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra

3,7

4,1

7,5

Kostijiet regolatorji

-17,6

-17,6

-41,7

VPN Soċjali

-13,9

-13,5

-34,2

Sors: Analiżi ta’ Ricardo

Nota: L-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġie monetizzat bl-użu tal-kost tal-evitar tat-tibdil fil-klima inkluż fil-Manwal tal-2019 tal-kostijiet esterni (EUR 100/tCO2e) ikkoreġut għal-livelli tal-prezzijiet tal-2023 (EUR 133/tCO2e sal-2030 u EUR 358/tCO2e wara l-2030).

4.6 Impatti mix-xenarju B2 relatati ma’ bidliet fir-rekwiżiti ta’ monitoraġġ għal bastimenti iżgħar

It-tneħħija tal-limitu ta’ 300 vjaġġ fis-sena (xenarju B.2) tkun ta’ benefiċċju għal proporzjon kbir ta’ bastimenti li jwettqu vjaġġi intra-UE biss (32 % tat-total ta’ bastimenti iżgħar) 30 , u dan jespandi b’mod sinifikanti l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni biex jirrapporta abbażi ta’ kull vjaġġ.

Ir-rappurtar fuq bażi aggregata, aktar milli abbażi ta’ kull vjaġġ, jista’ jippermetti lill-kumpaniji taħt din l-eżenzjoni jużaw sistemi ta’ monitoraġġ aktar sempliċi (eż., noti tal-bunker b’rendikont limitat), li jkunu assoċjati ma’ kostijiet ta’ monitoraġġ aktar baxxi. Għalhekk, filwaqt li ma saret l-ebda analiżi kwantitattiva fir-rigward tax-xenarju B.2, analiżi kwalitattiva turi li din setgħet tippermetti tnaqqis sinifikanti fil-kostijiet amministrattivi meta mqabbla max-xenarju B.1. Dan it-tnaqqis mhuwiex kwantifikat minħabba nuqqas ta’ evidenza kwantitattiva tad-differenza fil-kostijiet bejn il-monitoraġġ abbażi ta’ kull vjaġġ u fuq bażi aggregata.

5.Konklużjonijiet

L-analiżi mwettqa fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra minn bastimenti b’tunnellaġġ gross inqas minn 5 000 iżda mhux inqas minn 400 tikkonferma li ż-żewġ kategoriji ta’ bastimenti li se jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament MRV marittimu tal-UE mill-2025, huma fil-fatt dawk bl-ogħla emissjonijiet f’dan is-segment. L-emissjonijiet ta’ gassijiet serra minn bastimenti iżgħar fil-kategoriji offshore u ta’ merkanzija ġenerali jirrappreżentaw rispettivament 22 % u 18 % tal-emissjonijiet kollha ta’ gassijiet serra minn bastimenti iżgħar.

Meta jitwarrbu l-emissjonijiet minn dawn iż-żewġ kategoriji, l-emissjonijiet totali ta’ gassijiet serra mill-kategoriji iżgħar ta’ bastimenti li jifdal huma stmati għal 11,32 MtCO2, jiġifieri 9 % tal-emissjonijiet tas-CO2 koperti mill-MRV fl-2023. Fl-istess ħin, dawn jirrappreżentaw 5 309 bastiment, jiġifieri 42 % tal-għadd ta’ bastimenti li kienu soġġetti għall-obbligi tal-MRV fl-2023.

Abbażi ta’ konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-kumpaniji tat-tbaħħir, l-analiżi tiżvela li l-kostijiet amministrattivi annwali rikorrenti relatati mal-MRV għal kull bastiment għall-bastimenti iżgħar, ikunu simili (jew kemxejn ogħla) minn dawk ta’ bastimenti akbar li bħalissa huma soġġetti għall-obbligi tal-MRV. B’riżultat ta’ dan – u minħabba li jemettu inqas emissjonijiet ta’ gassijiet serra minn bastimenti akbar – il-kompromess bejn il-kostijiet amministrattivi għall-kumpaniji tat-tbaħħir u l-emissjonijiet addizzjonali ta’ gassijiet serra mmonitorjati jkun inqas favorevoli għal bastimenti iżgħar. Il-proporzjon bejn il-kostijiet amministrattivi u l-kopertura tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra jkun bħala medja seba’ darbiet ogħla għal bastimenti iżgħar, meta mqabbel mal-bastimenti akbar li bħalissa huma soġġetti għall-obbligi tal-MRV.

L-analiżi tiżvela wkoll li l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament marittimu MRV għal kategoriji addizzjonali ta’ bastimenti iżgħar tgħin biex tiġi sfruttata l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ effiċjenza enerġetika u teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju minħabba l-kapaċità tad-data MRV li tinforma l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Madankollu, il-benefiċċji ambjentali diretti huma stmati li huma pjuttost żgħar, abbażi ta’ suppożizzjonijiet konservattivi.

Min-naħa tiegħu, il-Valur Soċjali Preżenti Nett (VPN) huwa negattiv għax-xenarji ta’ estensjoni kollha kkunsidrati. Dan juri li l-valur preżenti tal-kostijiet amministrattivi addizzjonali għall-kumpaniji u għall-awtoritajiet kompetenti huwa ogħla mill-iffrankar monetizzat tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra attribwibbli biss għar-Regolament MRV marittimu. Madankollu, l-istampa tidher differenti, b’benefiċċji ambjentali ħafna ogħla u x’aktarx VPN pożittiv, meta jitqiesu l-benefiċċji indiretti possibbli li jkunu assoċjati mal-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-integrazzjoni possibbli ta’ bastimenti iżgħar f’politiki oħra ta’ mitigazzjoni tal-gassijiet serra, bħall-EU ETS u FuelEU, wara l-inklużjoni minn qabel tagħhom fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-MRV.

B’rabta ma’ dan, ta’ min isemmi li jistgħu jiġu previsti miżuri ekwivalenti għajr l-integrazzjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni FuelEU u/jew tal-EU ETS – b’mod partikolari jekk dan jippermetti tnaqqis tal-piż amministrattiv. Tali miżuri jistgħu jittieħdu fil-livell nazzjonali, inkluż pereżempju miżuri relatati mat-tassazzjoni jew “inklużjonijiet fakultattivi” fi ħdan l-“ETS2” għall-bini, it-trasport bit-triq u setturi addizzjonali. Xi Stati Membri, inkluż l-Awstrija, in-Netherlands u l-Iżvezja, diġà ddeċidew li jinkludu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-emissjonijiet tal-ETS2 minn xi bastimenti iżgħar u/jew in-navigazzjoni interna.

Fi kwalunkwe każ, il-benefiċċji addizzjonali li jistgħu jirriżultaw mill-integrazzjoni ta’ bastimenti iżgħar f’politiki oħra ta’ mitigazzjoni tal-gassijiet serra ma tqisux f’dan ir-rapport, li jittratta biss l-inklużjoni potenzjali ta’ bastimenti iżgħar addizzjonali fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament MRV marittimu u l-impatti diretti ta’ tali bidla. Se titwettaq valutazzjoni li tinkludi tali benefiċċji addizzjonali fil-kuntest tar-rieżami tal-2026 tad-Direttiva EU ETS.

(1)

Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

(2)

Skont l-Artikolu 3gg(5) tad-Direttiva ETS, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2026, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport li fih “għandha teżamina l-fattibbiltà u l-impatti ekonomiċi, ambjentali u soċjali tal-inklużjoni f’[dik] id-Direttiva tal-emissjonijiet minn bastimenti, inklużi bastimenti offshore b’tunnellaġġ gross ta’ inqas minn 5 000 iżda mhux inqas minn 400, li jibni, b’mod partikolari, fuq l-analiżi li takkumpanja r-rieżami tar-Regolament (UE) 2015/757 mistennija sal-31 ta’ Diċembru 2024.”

(3)

Ricardo et al., 2025 – “Supporting study for the implementation of the ETS directive and MRV requirements for maritime transport”, li għad irid jiġi ppubblikat

(4)

Ir-referenzi għall-UE bħala reġjun li jsiru f’dan ir-rapport jinkludu pajjiżi mhux tal-UE li huma parti miż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

(5)

Għal aktar informazzjoni dwar l-estensjoni tal-ETS għall-emissjonijiet tat-trasport marittimu u l-iskeda ta’ żmien kumplessiva tagħha, inti ġentilment mitlub tirreferi għall-paġna web iddedikata tal-Kummissjoni u għall-Mistoqsijiet Frekwenti: https://climate.ec.europa.eu/eu-action/transport/reducing-emissions-shipping-sector/faq-maritime-transport-eu-emissions-trading-system-ets_mt  

(6)

bir-Regolament (UE) 2023/957

(7)

Għal aktar informazzjoni dwar ir-Regolament MRV marittimu, inti ġentilment mitlub tirreferi għall-paġna web iddedikata tal-Kummissjoni u għall-Mistoqsijiet Frekwenti: https://climate.ec.europa.eu/eu-action/transport/reducing-emissions-shipping-sector/faq-monitoring-reporting-and-verification-maritime-transport-emissions_mt  

(8)

 Ir-Regolament (UE) 2023/1805 dwar l-użu ta’ karburanti rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE

(9)

Supporting study for the implementation of Regulation (EU) 2015/757 on the monitoring, reporting

and verification of CO2 emissions from maritime transport, l-Unjoni Ewropea, 2022: https://climate.ec.europa.eu/document/download/55b302ef-c819-4a2f-9b83-c57c2bcfbe7e_en?filename=policy_transport_maritime_study_eu_mrv_en.pdf  

(10)

Ara taħt it-taqsima “FAQ”: https://climate.ec.europa.eu/eu-action/transport/reducing-emissions-shipping-sector_mt#faq  

(11)

Ara taħt it-taqsima “Dokumentazzjoni”: https://climate.ec.europa.eu/eu-action/transport/reducing-emissions-shipping-sector_mt#documentation  

(12)

Ara r-reġistrazzjonijiet taħt it-taqsima “Avvenimenti”: https://climate.ec.europa.eu/eu-action/transport/reducing-emissions-shipping-sector_mt#events  

(13)

  Fitfor55@emsa.europa.eu  

(14)

Fosthom insibu kumpaniji rreġistrati f’THETIS-MRV b’bastimenti attivi fil-flotta tagħhom.

(15)

Ir-rapporti annwali tal-MRV huma disponibbli fit-taqsima “Dokumentazzjoni” tal-paġna web li ġejja: https://climate.ec.europa.eu/eu-action/transport/reducing-emissions-shipping-sector_mt#documentation  

(16)

Supporting study for the implementation of Regulation (EU) 2015/757 on the monitoring, reporting and verification of CO2 emissions from maritime transport, 2022

(17)

L-estensjoni tar-Regolament MRV marittimu għal bastimenti iżgħar twassal ukoll għal kostijiet addizzjonali għall-awtoritajiet pubbliċi, li huma ppreżentati fil-valutazzjoni tax-xenarji biex jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni. Din l-analiżi tal-effiċjenza tħares lejn il-proporzjon relattiv tal-kostijiet amministrattivi u tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra koperti, u għal dan l-għan jitqiesu biss il-kostijiet amministrattivi għall-kumpaniji tat-tbaħħir peress li jirrappreżentaw il-komponent ewlieni tal-kost.

(18)

Peress li ma nafux liema mill-entità (bejn is-sid tal-bastiment jew il-kumpanija ISM, jekk differenti) tieħu r-responsabbiltà tal-MRV għall-bastimenti żgħar, l-istudju jassumi li l-istess sehem tas-sidien tal-bastimenti u tal-kumpaniji tal-ISM se japprovaw ir-responsabbiltà tal-MRV għall-bastimenti iżgħar bħal fil-każ tal-bastimenti ikbar (jiġifieri 53 % tas-sidien tal-bastimenti u 47 % tal-kumpaniji tal-ISM kif estratti mit-THETIS MRV f’Ottubru 2024). Abbażi tal-informazzjoni tal-bażi tad-data MARINFO, il-flotta ta’ bastimenti iżgħar li qed tiġi kkunsidrata hija relatata ma’ 1 262 kumpanija ISM u 4 014 sid ta’ bastiment.

(19)

“Kumpanija ISM” hija organizzazzjoni jew persuna li assumiet ir-responsabbiltà għall-operat tal-bastiment mingħand sid il-bastiment u li, meta assumiet tali responsabbiltà, qablet li tieħu f’idejha d-dmirijiet u r-responsabbiltajiet kollha imposti mill-Kodiċi Internazzjonali ta’ Ġestjoni għall-Operazzjoni Sikura tal-Bastimenti u għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis, stabbilit fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 336/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(20)

 Ir-Regolament (UE) 2023/1805 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu ta’ karburanti rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE (ĠU L 234, 22.9.2023, p. 48).

(21)

Għall-fini ta’ dan ir-rapport, “vjaġġi intra-UE” jikkorrispondu għal vjaġġi bejn żewġ portijiet tal-UE, filwaqt li “vjaġġi extra-UE” jikkorrispondu għal vjaġġi bejn port tal-UE u port mhux tal-UE.

(22)

Dan ir-riżultat huwa ppreżentat fl-emissjonijiet tas-CO2 (aktar milli l-metrika prestabbilita fis-CO2e) biex ikun jista’ jsir tqabbil mad-data tal-MRV tal-2023, disponibbli biss fl-emissjonijiet tas-CO2.

(23)

In-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-emissjonijiet tas-CH4 u l-N2O jiffaċilita t-tqabbil mad-data MRV tal-2023, peress li dawn iż-żewġ emissjonijiet ta’ gassijiet serra kienu għadhom ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-MRV f’dik is-sena.

(24)

Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-MRV tal-2023, u b’hekk huma esklużi l-bastimenti tal-merkanzija ġenerali iżgħar (b’tunnellaġġ gross ta’ bejn 400 u 4 999) u l-bastimenti offshore li għandhom jiġu inkorporati mill-2025.

(25)

Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-MRV tal-2023, u b’hekk huma esklużi l-bastimenti tal-merkanzija ġenerali iżgħar (b’tunnellaġġ gross ta’ bejn 400 u 4 999) u l-bastimenti offshore li għandhom jiġu inkorporati mill-2025.

(26)

Il-kategoriji eżentati mill-MRV huma definiti fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament MRV marittimu; dawn huma “bastimenti tal-gwerra, bastimenti awżiljarji navali, bastimenti tal-qbid ta’ ħut jew bastimenti tal-ipproċessar tal-ħut, bastimenti tal-injam b’binja primittiva, bastimenti li ma jitħaddmux b’mezzi mekkaniċi, jew bastimenti tal-gvern użati għal skopijiet mhux kummerċjali”.

(27)

L-Artikolu 9(2) tar-Regolament MRV marittimu jistabbilixxi deroga li skontha kumpanija “għandha tiġi eżentata mill-obbligu ta’ monitoraġġ tal-informazzjoni [...] fuq bażi ta’ kull vjaġġ fir-rigward ta’ bastiment speċifiku, jekk: (a) il-vjaġġi kollha tal-bastiment matul il-perjodu ta’ rappurtar jibdew minn port jew jintemmu f’port li jaqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru; u (b) il-bastiment, skont l-iskeda tiegħu, jagħmel aktar minn 300 vjaġġ matul il-perjodu ta’ rappurtar.” Ix-xenarju li qed jiġi kkunsidrat hawnhekk ikun jikkonsisti fit-tneħħija tal-kundizzjoni taħt il-punt (b) għal bastimenti iżgħar.

(28)

Din is-suppożizzjoni hija bbażata fuq studju li jeżamina l-benefiċċji tar-Regolament MRV marittimu bis-sejbiet tiegħu preżunti li huma applikabbli għal bastimenti iżgħar (il-Kummissjoni Ewropea, 2019)

(29)

Il-valur għax-xenarju A.2 jiġi kkalkulat bħala l-valur proporzjonat bejn ix-xenarji A.1 u A.3., meta titqies id-data pprovduta.

(30)

Il-kategoriji tal-bastimenti bl-ogħla sehem ta’ bastimenti li jwettqu vjaġġi intra-UE jinkludu biss bastimenti ro-ro tal-passiġġieri u bastimenti tal-passiġġieri.