|
28.4.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 133/52 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/581
tas-27 ta’ April 2020
li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/659 dwar il-kundizzjonijiet biex jidħlu fl-Unjoni ekwidi ħajjin u s-semen, l-ova u l-embrijuni tagħhom
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE tat-13 ta’ Lulju 1992, li tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ ta’, u l-importazzjoni fil-Komunità ta’ annimali, semen, ova u embrijuni mhux suġġetti għal ħtiġijiet ta’ saħħa tal-annimali meħtieġa f’regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A(I) tad-Direttiva 90/425/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 17(3) tagħha,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2009/156/KE tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali li jirregolaw il-moviment u l-importazzjoni minn pajjiżi terzi ta’ ekwidi (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(1) u (4), l-Artikolu 13(2), l-Artikolu 16 u l-Artikolu 19(b) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/659 (3) dwar il-kundizzjonijiet biex jidħlu fl-Unjoni ekwidi u s-semen, l-ova u l-embrijuni tagħhom. Din tistabbilixxi l-lista ta’ pajjiżi terzi minn fejn l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw id-dħul ta’ ekwidi u ta’ semen, ova u embrijuni ta’ annimali tal-ispeċi ekwina, u tispeċifika l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali u taċ-ċertifikazzjoni veterinarja għal dawn l-entrati. |
|
(2) |
Id-Direttiva 2009/156/KE tistipula r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali li jirregolaw l-importazzjoni tal-ekwidi fl-Unjoni. Tipprevedi li l-importazzjoni tal-ekwidi fl-Unjoni hija awtorizzata biss minn pajjiżi terzi jew partijiet mit-territorji tagħhom li ilhom ħielsa mill-glanders (Burgholderia mallei) għal perjodu ta’ mill-inqas sitt xhur. |
|
(3) |
Fil-25 ta’ Diċembru 2019, it-Turkija nnotifikat permezz tas-Sistema ta’ Notifika tal-Mard tal-Annimali li fl-4 ta’ Diċembru 2019 ġie kkonfermat każ ta’ glanders f’żiemel fil-Gżira ta’ Büyükada, il-Provinċja ta’ Istanbul, it-Turkija. Id-dħul fl-Unjoni ta’ ekwidi u ta’ prodotti ġerminali ta’ ekwidi mit-Turkija jenħtieġ li jiġi sospiż għal perjodu ta’ mill-inqas sitt xhur. Għalhekk jeħtieġ li tiġi emendata l-entrata għat-Turkija fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/659. |
|
(4) |
Ġie stabbilit Show Jumping League ġdid fl-Emirati Għarab Magħquda taħt l-awspiċi tal-Fédération Equestre Internationale (“FEI”) li jinkludi testijiet li jikkwalifikaw għax-Show Jumping World Cup. Abbażi tal-garanziji tas-saħħa tal-annimali pprovduti mill-Emirati Għarab Magħquda, iż-żieda tas-serje ta’ kompetizzjonijiet tax-show jumping tal-International Show Jumping League tal-Emirati Għarab Magħquda mal-lista ta’ avvenimenti li għalihom huwa awtorizzat id-dħul mill-ġdid fl-Unjoni wara esportazzjoni temporanja ta’ inqas minn 90 jum hija ġustifikata. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi emendat il-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa u l-mudell tad-dikjarazzjoni stabbilit fil-Kapitolu 1 tat-Taqsima B tal-Parti 2 tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/659. |
|
(5) |
Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/659 jiġi emendat skont dan. |
|
(6) |
Biex ikun evitat impatt negattiv fuq il-kummerċ, jeħtieġ li jiġi previst perjodu tranżitorju sal-31 ta’ Diċembru 2020 li tulu ċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali li nħarġu f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/659, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2147 (4), għandhom jiġu aċċettati dment li jkunu nħarġu qabel il-21 ta’ Ottubru 2020. |
|
(7) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/659 huwa emendat kif ġej:
|
(1) |
Fl-Anness I, l-entrata għat-Turkija hija emendata f’konformità mal-Anness I ta’ dan ir-Regolament. |
|
(2) |
Fl-Anness II, il-Kapitolu 1 tat-Taqsima B tal-Parti 2 huwa sostitwit bit-test stipulat fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament. |
Artikolu 2
Sal-31 ta’ Diċembru 2020, l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw id-dħul fl-Unjoni ta’ żwiemel irreġistrati li jkollhom magħhom iċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali rilevanti mfassal f’konformità mal-mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali stabbiliti fil-Kapitolu 1 tat-Taqsima B tal-Parti 2 tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/659, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2147, dment li ċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali rilevanti jkun inħareġ qabel il-21 ta’ Ottubru 2020.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ April 2020.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54.
(2) ĠU L 192, 23.7.2010, p. 1.
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/659 tat-12 ta’ April 2018 dwar il-kundizzjonijiet biex jidħlu fl-Unjoni ekwidi ħajjin u s-semen, l-ova u l-embrijuni tagħhom (ĠU L 110, 30.4.2018, p. 1).
(4) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2147 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jemenda u jikkoreġi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/659 dwar il-kundizzjonijiet biex jidħlu fl-Unjoni ekwidi ħajjin u s-semen, l-ova u l-embrijuni tagħhom (ĠU L 325, 16.12.2019, p. 99).
ANNESS I
Fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/659, fil-lista ta’ pajjiżi terzi u tal-partijiet mit-territorju tal-pajjiżi terzi li minnhom jidħlu konsenji ta’ ekwidi u tas-semen, l-ova u l-embrijuni tal-ekwidi fl-Unjoni hija awtorizzata, l-entrata għat-Turkija hija sostitwita b’dan li ġej:
|
“TR |
it-Turkija |
TR-0. |
Il-pajjiż kollu |
— |
— |
— |
— |
— |
— |
— |
— |
— |
— |
— |
|
|
TR-1. |
Il-provinċji ta’ Ankara, Edirne, Istanbul, Izmir, Kirklareli u Tekirdag |
E |
— |
— |
— |
— |
— |
— |
— |
— |
— |
—” |
|
ANNESS II
Fit-Taqsima B, il-punt 2 tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/659, tl-Kapitolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
Mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa u mudell tad-dikjarazzjoni li japplikaw għad-dħul mill-ġdid fl-Unjoni ta’ żwiemel reġistrati għall-kompetizzjonijiet wara l-esportazzjoni temporanja għal perjodu ta’ mhux aktar minn 90 jum biex jipparteċipaw f’avvenimenti ekwestri organizzati taħt il-patroċinju tal-Fédération Equestre Internationale (FEI)
(Avveniment ta’ ttestjar bi tħejija għal-Logħob Olimpiku, għal-Logħob Olimpiku Paraolimpijadu, tal-Kompetizzjoni Ekwestri Dinjija/il-Kampjonat Dinji, tal-Kompetizzjoni Ekwestri Asjatika, tal-Kompetizzjonijiet Ekwestri Amerikani (fosthom il-Kompetizzjoni Pan Amerikana, il-Kompetizzjoni tal-Amerka t’Isfel, il-Kompetizzjoni tal-Amerka Ċentrali, u l-Kompetizzjoni tal-Karibew), l-Endurance World Cup fl-Emirati Għarab Magħquda, l-LG Global Champions Tour, l- International Show Jumping League tal-Emirati Għarab Magħquda)