30.4.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 116/25


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tad-29 ta’ April 2008

li temenda Deċiżjoni 2007/868/KE li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu

(2008/343/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 2580/2001 ta’ l-20 ta’ Diċembru 2007 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-27 ta’ Diċembru 2001, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2007/868/KE li timplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu, u li tħassar id-Deċiżjoni 2007/445/KE (2).

(2)

Fil-25 ta’ Frar 2008, il-Kunsill ipprovda lis-Sur Jose Maria SISON b’dikjarazzjoni aġġornata bir-raġunijiet għaliex qed jinżamm fuq il-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet li huma soġġetti għall-miżuri restrittivi speċifiċi previsti fir-Regolment (KE) Nru 2580/2001 u stieden lis-Sur SISON biex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar dan fi żmien xahar. Is-Sur SISON ippreżenta osservazzjonijiet lill-Kunsill b’ittra datata l-24 ta’ Marzu 2008, li ġiet ikkunsidrata mill-Kunsill.

(3)

Il-Kunsill ikkonkluda li s-Sur SISON kien involut f’atti terroristiċi skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 1(2) u (3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK tas-27 ta’ Diċembru 2001 dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (3) u li ttieħdu deċiżjonijiet fir-rigward tas-Sur SISON minn awtorità kompetenti nazzjonali skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 1(4) ta’ dik il-Pożizzjoni Komuni. Il-Kunsill ikkonkluda wkoll li l-iskrizzjonijiet għas-Sur SISON u għall-Partit Komunista tal-Filippini fuq il-lista tal-persuni, gruppi u entitajiet li għalihom japplika r-Regolament (KE) 2580/2001 għandhom jiġu emendati sabiex jirriflettu d-dikjarazzjoni tar-raġunijiet aġġornata.

(4)

Il-Kunsill għalhekk iqis li s-Sur SISON għandu jkompli jkun soġġett għall-miżuri restrittivi speċifiċi previsti fir-Regolament (KE) Nru 2580/2001.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/868/KE l-iskrizzjoni għas-Sur SISON, Jose Maria (magħruf ukoll bħala Armando Liwanag, magħruf ukoll bħala Joma), għandha tiġi sostitwita b’dan li ġej:

“SISON, Jose Maria (magħruf ukoll bħala Armando Liwanag, magħruf ukoll bħala Joma), imwieled fit-8.2.1939 f’Cabugao (il-Filippini) – persuna li għandha rwol ċentrali fil-‘Partit Komunista tal-Filippini’, inkluż l-‘NPA’ ”.

Artikolu 2

Fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/868/KE l-iskrizzjoni għall-Partit Komunista tal-Filippini għandha tiġi sostitwita b’dan li ġej:

“ ‘Il-Partit Komunista tal-Filippini’, inkluż in-‘New Peoples Army’ – ‘NPA’, il-Filippini, marbuta ma’ SISON, Jose Maria (magħruf ukoll bħala Armando Liwang, magħruf ukoll bħala Joma, li għandu rwol ċentrali fil-‘Partit Komunista tal-Filippini’, inkluż l-‘NPA’)”.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fil-Lussemburgu, 29 ta’ April 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

D. RUPEL


(1)   ĠU L 344, 28.12.2001, p. 70. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bid-Deċiżjoni 2007/868/KE (ĠU L 340, 22.12.2007, p. 100).

(2)   ĠU L 340, 22.12.2007, p. 100.

(3)   ĠU L 344, 28.12.2001, p. 93. Il-Pożizzjoni Komuni kif emendata l-aħħar bil-Pożizzjoni Komuni 2007/971/PESK (ĠU L 340, 22.12.2007, p. 109).