European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/2744

12.5.2025

DEĊIŻJONI TAL-BUREAU TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-5 ta' Mejju 2025

dwar ir-Regoli dwar l-aċċess għall-Parlament Ewropew

(C/2025/2744)

IL-BUREAU TAL-PARLAMENT EWROPEW,

- wara li kkunsidra r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, b’mod partikolari l-Artikoli 25 u 126 tagħhom,

- wara li kkunsidra l-leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward tas-sikurezza u r-riskji ta’ ħruq u ta’ paniku u, b’mod partikolari, il-leġiżlazzjoni dwar il-kapaċità massima ta’ persuni li jesgħu l-bini u l-istabbilimenti,

Billi:

(1)

Il-Parlament Ewropew huwa Istituzzjoni li hija miftuħa għaċ-ċittadini u impenjata favur it-trasparenza u għandu jiggarantixxi livell xieraq ta’ sigurtà u sikurezza għall-utenti kollha tal-bini tiegħu. Għalhekk jenħtieġ li jkun jista’ jadotta l-miżuri meħtieġa għaż-żamma tal-ordni fil-bini kollu tiegħu.

(2)

Sabiex jiġi ffaċilitat l-għoti ta’ aċċess għall-bini tal-Parlament u l-kontroll tiegħu, jenħtieġ li tiġi pprovduta badge ta’ aċċess bħala dokument ta’ identifikazzjoni għal kull persuna li tingħata aċċess għall-bini tal-Parlament. Jenħtieġ li tinkorpora sett ta’ drittijiet ta’ aċċess marbuta mal-kategorija ta’ utenti li għaliha jappartjeni d-detentur; u hija strettament personali u mhux trasferibbli.

(3)

Hija meħtieġa aktar ċarezza dwar il-kapaċità li fiha persuna tingħata aċċess għall-bini tal-Parlament, peress li persuna tista’ tappartjeni għal aktar minn kategorija waħda ta’ utenti. Ghalhekk, huwa importanti għal raġunijiet ta’ ċertezza legali li jiġi żgurat li l-aċċess jingħata abbażi ta’ kapaċità unika. Għalhekk, ma għandux ikun possibbli għal persuna li jkollha aktar minn badge ta’ aċċess attiva waħda fi kwalunkwe ħin partikolari.

(4)

L-aċċess għal persuni li magħhom il-Membri għandhom rabta professjonali diretta jew konnessjoni personali, bħal uliedhom, il-konjuġi jew is-sieħeb jew is-sieħba stabbli mhux fiż-żwieġ tagħhom, li jirrikjedu aċċess regolari għall-bini tal-Parlament jenħtieġ li jiġi ffaċilitat.

(5)

Il-President jew, b’delega, is-Segretarju Ġenerali, jenħtieġ li jkollhom is-setgħa li jirrifjutaw l-aċċess għall-bini tal-Parlament għal perjodu ta’ żmien speċifiku meta tali rifjut ikun fl-interess tal-Parlament, b’mod partikolari meta tali rifjut ikun ġustifikat sabiex jiġu żgurati s-sigurtà u s-sikurezza interni tal-Parlament jew iż-żamma tal-ordni interna tiegħu. B’mod partikolari, jenħtieġ li jkollhom is-setgħa li jirrifjutaw aċċess għall-bini tal-Parlament, għal perjodu ta’ żmien speċifiku, għal viżitaturi li jkunu naqsu milli jikkonformaw mar-regoli applikabbli. It-tul ta’ żmien ta’ dak il-perjodu jenħtieġ li jkun proporzjonat għal-livell ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli applikabbli.

(6)

Għall-fini li tiġi żgurata s-sigurtà u s-sikurezza jew iż-żamma tal-ordni fil-bini tal-Parlament, kif ukoll sabiex il-Parlament ikun jista’ jisma’ lill-persuna kkonċernata qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali, jenħtieġ li tkun possibbli rifjut preliminari fuq l-aċċess għall-bini tal-Parlament. It-tul ta’ żmien ta’ tali rifjut preliminari fuq l-aċċess jenħtieġ li jkun limitat għal sitt ġimgħat u jenħtieġ li jkun possibbli li dan jitneħħa fi kwalunkwe ħin, permezz ta’ deċiżjoni tal-President jew, b’delega, tas-Segretarju Ġenerali.

(7)

Meta persuna tkun ġiet ordnata titlaq mill-bini tal-Parlament, l-interess tal-Parlament li jirrifjuta l-aċċess lil dik il-persuna għall-bini tiegħu fuq bażi preliminari jista’ jitqies bħala prevalenti. Għalhekk, f’sitwazzjoni bħal din, jenħtieġ li rifjut preliminari fuq l-aċċess ikun applikabbli direttament skont din id-Deċiżjoni. F’sitwazzjonijiet oħra, jenħtieġ li tiġi adottata deċiżjoni li tiġi imposta rifjut preliminari fuq l-aċċess meta dan ikun fl-interess tal-Parlament,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tirregola l-aċċess għall-bini tal-Parlament Ewropew.

Artikolu 2

Aċċess għall-bini tal-Parlament Ewropew

1.   Il-Membri għandu jkollhom dritt permanenti ta’ aċċess għall-bini tal-Parlament tul il-mandat kollu tagħhom. Għandu jkollhom tali aċċess 24 siegħa kuljum, sebat (7) ijiem fil-ġimgħa.

2.   L-Assistenti Parlamentari Akkreditati u t-trainees tal-Membri fil-bini tal-Parlament għandu jkollhom dritt permanenti ta’ aċċess għall-bini tal-Parlament għall-perjodu stipulat fil-kuntratt tagħhom.

3.   Il-Membri jistgħu, taħt ir-responsabbiltà proprja tagħhom, jitolbu aċċess permanenti għall-bini tal-Parlament għal massimu ta’ sitt persuni li magħhom ikollhom konnessjoni diretta, professjonali jew personali, li jeħtieġu aċċess regolari għall-bini tal-Parlament.

4.   Il-Membri jistgħu jistiednu sa massimu ta’ disa’ persuni kuljum matul il-ġranet tax-xogħol u fil-ħinijiet tal-ftuħ tal-uffiċċji fil-bini tal-Parlament.

5.   Il-Presidenti tal-gruppi politiċi u l-Membri tal-Bureau jistgħu jistiednu sa massimu ta’ 15-il persuna kuljum fil-ġranet tax-xogħol u matul il-ħinijiet tal-ftuħ tal-uffiċċji fil-bini tal-Parlament.

6.   Il-viżitaturi msemmija fil-paragrafi 4 u 5 għandhom jiġu milqugħa mill-Membru li jkun ħareġ l-istedina jew mill-Assistent Parlamentari Akkreditat ta’ dak il-Membru f’waħda mid-daħliet tal-Parlament. Dawn għandhom ikunu akkumpanjati b’mod permanenti mill-Membru jew l-Assistent Parlamentari Akkreditat ta’ dak il-Membru matul il-perjodu kollu ta’ żmien li jqattgħu fil-bini tal-Parlament.

7.   L-ex Membri għandhom ikunu intitolati li jkollhom aċċess, kuljum, għall-bini tal-Parlament fil-jiem tax-xogħol u matul il-ħinijiet tal-ftuħ tal-uffiċċji. L-ex Membri jistgħu jistiednu lil uliedhom, lill-konjuġi jew lis-sieħeb jew sieħba stabbli mhux fiż-żwieġ tagħhom biex jakkumpanjawhom.

8.   Il-Kwesturi jistgħu jistabbilixxu regoli ta’ implimentazzjoni dwar l-arranġamenti ta’ aċċess għall-Membri u l-ex Membri.

9.   Il-Kwesturi għandhom jistabbilixxu regoli dwar l-aċċess għall-bini tal-Parlament għar-rappreżentanti ta’ interess irreġistrati fir-Reġistru ta’ Trasparenza u għal gruppi ta’ viżitaturi kif definit fid-deċiżjoni tal-Bureau tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar Ir-Regoli dwar l-akkoljenza ta’ gruppi ta’ viżitaturi u l-programmi Euroscola, Euromed-Scola u Euronest-Scola.

10.   Is-Segretarju Ġenerali għandu jistabbilixxi regoli dwar l-aċċess għall-bini tal-Parlament għat-tipi kollha ta’ persunal, ir-rappreżentanti tal-midja, u l-Membri tal-Korp Diplomatiku, u kwalunkwe viżitatur ieħor.

11.   Is-Segretarju Ġenerali għandu joħloq reġistru ta’ dħul ġdid għall-persuni kollha li għandhom aktar minn 18-il sena li jżuru l-bini tal-Parlament, li jiddikjara d-data, il-ħin u l-għan taż-żjara. Dak ir-reġistru tad-dħul ma għandux japplika għal ġurnalisti akkreditati, membri u persunal ta’ istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-Unjoni.

Artikolu 3

Aċċess għall-parkeġġi

1.   Il-Membri għandhom ikunu intitolati jużaw il-parkeġġi tal-bini tal-Parlament skont id-Deċiżjoni tal-Bureau tat-2 ta’ Mejju 2022 dwar ir-regoli dwar l-ipparkjar għall-Membri fil-Parlament Ewropew.

2.   Kategoriji oħra ta’ utenti għandhom ikunu intitolati li jużaw il-parkeġġi tal-bini tal-Parlament skont ir-regoli interni dwar l-ipparkjar fil-Parlament maħruġa mis-Segretarju Ġenerali.

3.   Il-Kwesturi jistgħu jistabbilixxu regoli ta’ implimentazzjoni dwar l-aċċess għall-parkeġġi għall-Membri u għall-ex Membri.

Artikolu 4

Badge ta’ aċċess

1.   Badge ta’ aċċess hija dokument ta’ identifikazzjoni li jinkorpora sett speċifiku ta’ drittijiet ta’ aċċess għall-bini tal-Parlament. Dawk id-drittijiet ta’ aċċess għandhom jiġu assenjati abbażi tal-kategorija tal-utenti li għaliha jappartjeni d-detentur.

2.   Persuna għandha tkun intitolata li jkollha badge ta’ aċċess waħda biss attiva għal kwalunkwe perjodu partikolari.

3.   Il-badge ta’ aċċess hija strettament personali u mhux trasferibbli. Id-detentur ma għandux jużaha biex jagħti aċċess għall-bini tal-Parlament lil persuni oħra.

4.   Il-persuni kollha li jaċċedu għall-bini tal-Parlament għandhom ikunu meħtieġa jilbsu l-badges ta’ aċċess tagħhom b’mod viżibbli matul il-ħin kollu li jqattgħu fil-bini tal-Parlament.

5.   Id-detenturi tal-badges ta’ aċċess għandhom ikunu responsabbli jekk din tintuża b’mod ħażin. Il-badges ta’ aċċess għandhom jibqgħu proprjetà tal-Parlament. Id-detenturi għandhom jirritornaw il-badge ta’ aċċess lura ladarba ma jibqgħux jissodisfaw il-kriterji li jkunu wasslu biex tinħarġilhom il-badge. Id-detenturi għandhom ukoll javżaw lis-servizzi kompetenti tal-Parlament jekk jitilfu jew tinsterqilhom il-badge ta’ aċċess.

6.   Is-Segretarju Ġenerali għandu jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni dwar id-disinn u l-aspetti tekniċi tal-badges ta’ aċċess. Is-Segretarju Ġenerali jista’ jiddelega dik is-setgħa lid-Direttur Ġenerali għas-Sigurtà u s-Sikurezza.

Artikolu 5

Aċċess għal żoni speċifiċi

1.   In-nomina ta’ żoni speċifiċi riżervati għall-Membri għandha tiġi determinata mill-Kwesturi.

2.   L-aċċess għal żoni speċifiċi għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jista’ jkun soġġett għal dispożizzjonijiet speċifiċi adottati b’deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali.

Artikolu 6

Sigurtà u sikurezza

1.   Sakemm din id-Deċiżjoni u r-regoli li jirregolaw is-sigurtà u s-sikurezza fil-Parlament Ewropew (1) (id-Deċiżjoni tal-Bureau tal-15 ta’ Jannar 2018) ma jkunx fihom dispożizzjoni speċifika, il-Parlament għandu japplika fil-bini tiegħu r-regolamenti li jirrigwardaw is-sigurtà u s-sikurezza tal-Istat Membru li qegħdin fih, u speċjalment dawk li jirregolaw is-sikurezza f’każ ta’ nirien.

2.   Meta sseħħ sitwazzjoni ta’ riskju speċifiku, il-President għandu/għandha jaġġusta/taġġusta, fuq proposta tas-Segretarju Ġenerali, il-livell tal-istat ta’ allert, li jista’ jinkludi restrizzjonijiet għall-aċċess, skont l-Artikoli 12 sa 14 tad-Deċiżjoni tal-Bureau tal-15 ta’ Jannar 2018.

3.   Is-Segretarju Ġenerali jista’ jadotta miżuri ta’ implimentazzjoni b’referenza għall-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu skont il-politika ta’ sigurtà u sikurezza deċiża mill-Bureau.

Artikolu 7

Sitwazzjonijiet eċċezzjonali

1.   Minkejja regoli applikabbli oħra, il-President jista’/tista’ jagħti/tagħti jew jirrifjuta/tirrifjuta aċċess għall-bini tal-Parlament, meta dan ikun ġustifikat abbażi taċ-ċirkostanzi straordinarji msemmija fl-Artikolu 244 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament, jew abbażi tal-interessi tal-Parlament. B’mod partikolari, il-President jista’/tista’ jirrifjuta/tirrifjuta l-aċċess għall-bini tal-Parlament meta dan ikun ġustifikat bil-ħsieb, fost l-oħrajn, li jiġu żgurati s-sigurtà u s-sikurezza interna tal-Parlament jew li tinżamm l-ordni interna tiegħu.

Qabel ma tiġi adottata deċiżjoni skont l-ewwel subparagrafu, iil-President jista’/tista’ jadotta/tadotta deċiżjoni li tirrifjuta aċċess preliminarjament għall-bini tal-Parlament lill-persuna kkonċernata.

2.   L-aċċess għall-bini tal-Parlament għandu jiġi rrifjutat preliminarjament lil persuna li tkun ġiet ordnata titlaq mill-bini tal-Parlament sa meta:

(a)

il-President jadotta/tadotta deċiżjoni li tirrifjuta l-aċċess għall-bini tal-Parlament fir-rigward ta’ dik il-persuna, skont l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1;

(b)

il-President jadotta/tadotta deċiżjoni li tneħħi r-rifjut preliminari fuq l-aċċess fir-rigward ta’ dik il-persuna; jew

(c)

ikun għadda perjodu ta’ sitt ġimgħat, li jibda mill-jum li fih dik il-persuna tkun ġiet ordnata titlaq mill-bini tal-Parlament.

3.   Il-President jista’/tista’ jiddelega/tiddelega s-setgħat skont il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu lis-Segretarju Ġenerali.

Artikolu 8

Nuqqas ta’ osservanza ta’ din id-Deċiżjoni

1.   Jekk Membru jonqos milli jikkonforma ma’ din id-Deċiżjoni, jista’ japplika l-Artikolu 183 tar-Regoli ta’ Proċedura.

2.   Jekk ex Membru jonqos milli jikkonforma ma’ din id-Deċiżjoni, għandu japplika l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni tal-Bureau tas-17 ta’ April 2023 dwar l-ex Membri.

3.   Jekk persuna għajr Membru jew ex Membru tonqos milli tikkonforma ma’ din id-Deċiżjoni, din tista’ titkeċċa mill-bini tal-Parlament b’applikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Bureau tal-15 ta’ Jannar 2018 u s-Segretarju Ġenerali jista’ jiddeċiedi li jirtira l-badge ta’ aċċess ta’ dik il-persuna.

Artikolu 9

Tħassir

Din id-Deċiżjoni għandha tħassar u tissostitwixxi d-Deċiżjoni tal-Bureau tat-8 ta’ Mejju 2023 dwar ir-Regoli dwar l-aċċess għall-Parlament Ewropew.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Jannar 2018 dwar ir-Regoli dwar is-sigurtà u s-sikurezza fil-Parlament Ewropew (ĠU C 79, 2.3.2018, p. 3).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/2744/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)