European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2680

28.11.2023

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/2680

tas-27 ta’ Novembru 2023

dwar miżura ta' assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex tiġi appoġġata l-Armata Nazzjonali Somala b'tagħmir militari mfassal biex iwassal forza letali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 41(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (1) tistabbilixxi l-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) għall-finanzjament mill-Istati Membri tal-azzjonijiet tal-Unjoni fil-qafas tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) biex tinżamm il-paċi, jiġu pprevenuti l-konflitti u tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali skont l-Artikolu 21(2), il-punt (c), tat-Trattat. B'mod partikolari, skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, l-EPF għandha tintuża biex tiffinanzja miżuri ta' assistenza bħal azzjonijiet biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta' Stati terzi u ta’ organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali b'rabta ma' kwistjonijiet militari u ta' difiża.

(2)

Is-Somalja ntlaqtet minn konflitt armat u diżastri umanitarji rikorrenti, li spustaw miljuni ta' nies u nqatlu mijiet ta' eluf. L-instabbiltà kontinwa rriżultat fi kriżi umanitarja dejjiema u ħalliet lir-reġjun f'riskju li jsir fortizza għat-terroriżmu u għal networks kriminali tranżnazzjonali.

(3)

L-iżgurar tal-istabbiltà, is-sovranità u l-integrità territorjali ġenerali tas-Somalja, kif ukoll l-iżvilupp paċifiku, u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, f'konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Jannar 2018 dwar l-Approċċ Integrat għal Kunflitti u Kriżijiet Esterni, huwa prijorità ewlenija għall-Unjoni.

(4)

Fid-29 ta' Ottubru 2023, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (ir-"Rappreżentant Għoli") irċieva talba mis-Somalja biex l-Unjoni tassisti lill-Armata Nazzjonali Somala b’akkwist taħt l-EPF ta' tagħmir militari mfassal biex iwassal forza letali.

(5)

Jenħtieġ li jiġu implimentati miżuri ta' assistenza b'kont meħud tal-prinċipji u r-rekwiżiti li jinsabu fid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, b'mod partikolari l-konformità mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (2), u f'konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u nefqa ffinanzjata taħt l-EPF.

(6)

Il-Kunsill jafferma mill-ġdid id-determinazzjoni tiegħu li jipproteġi, jippromwovi u jirrealizza d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-prinċipji demokratiċi u li jsaħħaħ l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, f'konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u mad-dritt internazzjonali, b'mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Stabbiliment, objettivi, ambitu u durata

1.   Hija b'dan stabbilita miżura ta' assistenza għall-benefiċċju tas-Somalja (il-"benefiċjarju") li għandha tiġi ffinanzjata taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) (il-"miżura ta' assistenza").

2.   L-objettiv tal-miżura ta' assistenza huwa li tappoġġa t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Armata Nazzjonali Somala (SNA) li għandha titħarreġ fiċ-Ċentru ta' Taħriġ Ġenerali Dhagabadan, bil-ħsieb li jiġu restawrati s-sikurezza u s-sigurtà fil-pajjiż, u biex tiġi protetta l-popolazzjoni ċivili.

3.   Sabiex jintlaħaq l-objettiv stabbilit fil-paragrafu 2, il-miżura ta' assistenza għandha tiffinanzja il-forniment ta' munizzjon għat-taħriġ tal-persunal tal-Armata Nazzjonali Somala biss.

4.   Il-miżura ta' assistenza għandha ddum 48 xahar mid-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Arranġamenti finanzjarji

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub sabiex ikopri n-nefqa relatata mal-miżura ta' assistenza għandu jkun ta' EUR 1 000 000.

2.   In-nefqa kollha għandha tiġi ġestita f'konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u r-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa taħt l-EPF.

Artikolu 3

Arranġamenti mal-benefiċjarju

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jagħmel l-arranġamenti neċessarji mal-benefiċjarju biex jiżgura li dan ikun f'konformità mar-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet stabbiliti b'din id-Deċiżjoni bħala kundizzjoni għall-għoti ta' appoġġ taħt il-miżura ta' assistenza.

2.   L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-benefiċjarju jiżgura:

(a)

il-konformità tal-unitajiet tal-SNA appoġġata taħt il-miżura ta' assistenza mad-dritt internazzjonali rilevanti, b'mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali;

(b)

l-użu xieraq u effiċjenti ta' kwalunkwe assi pprovduti taħt il-miżura ta' assistenza għall-finijiet li għalihom ikunu ġew ipprovduti;

(c)

il-manutenzjoni suffiċjenti ta' kwalunkwe assi pprovduti taħt il-miżura ta' assistenza biex tiġi żgurata l-użabilità tagħhom u d-disponibbiltà operazzjonali tagħhom matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom;

(d)

li ma jintilfu l-ebda assi pprovduti taħt il-miżura ta' assistenza jew jiġu ttrasferiti mingħajr l-approvazzjoni tal-Kumitat tal-Faċilità stabbilit skont id-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 lil persuni jew entitajiet oħra għajr dawk identifikati f'dawk l-arranġamenti, fi tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom.

3.   L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-appoġġ taħt il-miżura ta' assistenza f'każ li l-benefiċjarju jinstab li jkun kiser l-obbligi stabbiliti fil-paragrafu 2.

Artikolu 4

Implimentazzjoni

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun responsabbli li jiżgura l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni f'konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, u r-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjati taħt l-EPF, f'konformità mal-Qafas Metodoloġiku Integrat għall-valutazzjoni u l-identifikazzjoni tal-miżuri u l-kontrolli meħtieġa għall-miżuri ta' assistenza taħt l-EPF.

2.   L-implimentazzjoni tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(3) għandha titwettaq minn Défense Conseil International – Grupp DCI.

Artikolu 5

Monitoraġġ, kontroll u evalwazzjoni

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jimmonitorja l-konformità tal-benefiċjarju mal-obbligi stipulati fl-Artikolu 3. Dak il-monitoraġġ għandu jintuża biex jiġi pprovdut għarfien tal-kuntest u r-riskji ta' ksur tal-obbligi stabbiliti f'konformità mal-Artikolu 3, u biex jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta' tali ksur, inkluż ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mill-unitajiet tal-SNA appoġġati taħt il-miżura ta' assistenza.

2.   Il-kontroll ta' wara t-trasportazzjoni tat-tagħmir u tal-provvisti għandu jiġi organizzat kif ġej:

(a)

il-verifika tal-kunsinna, fejn iċ-ċertifikati tal-kunsinna tal-EPF jridu jiġu ffirmati mill-forzi tal-utent aħħari mat-trasferiment tas-sjieda;

(b)

ir-rappurtar, fejn il-benefiċjarju jrid jirrapporta b'mod annwali dwar l-attivitajiet imwettqa bit-tagħmir ipprovdut taħt il-miżura ta' assistenza u dwar l-inventarju ta' oġġetti deżinjati sakemm tali rappurtar ma jibqax jitqies meħtieġ mill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS);

(c)

żjarat fuq il-post, fejn, fuq talba, il-benefiċjarju għandu jagħti aċċess lir-Rappreżentant Għoli u lill-awdituri tal-EPF biex iwettqu kontrolli fuq il-post u awditi tal-EPF.

3.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jwettaq evalwazzjoni finali mat-tlestija tal-miżura ta' assistenza biex jivvaluta jekk il-miżura ta' assistenza kkontribwietx biex jintlaħqu l-objettivi ddikjarati fl-Artikolu 1(2).

Artikolu 6

Rappurtar

Matul il-perjodu ta' implimentazzjoni, ir-Rappreżentant Għoli għandu jipprovdi lill-KPS rapporti ta' kull sitt xhur dwar l-implimentazzjoni tal-miżura ta' assistenza, f'konformità mal-Artikolu 63 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509. L-amministratur għall-miżuri ta' assistenza għandu jinforma regolarment lill-Kumitat tal-Faċilità stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 dwar l-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa f'konformità mal-Artikolu 38 ta' dik id-Deċiżjoni, inkluż billi jipprovdi informazzjoni dwar il-fornituri u s-sottokuntratturi involuti.

Artikolu 7

Sospensjoni u terminazzjoni

1.   Il-KPS jista' jiddeċiedi li jissospendi kompletament jew parzjalment l-implimentazzjoni tal-miżura ta' assistenza f’konformità mal-Artikolu 64 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.

2.   Il-KPS jista' jirrakkomanda wkoll li l-Kunsill jittermina l-miżura ta' assistenza.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Novembru 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

Y. DÍAZ PÉREZ


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta' Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14).

(2)  Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2680/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)