European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2315

15.10.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/2315

tat-12 ta’ Ottubru 2026

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp stabbilit bil-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istati tal-EPA SADC, min-naħa l-oħra, dwar is-sostituzzjoni tal-lista ta’ arbitri

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istati EPA SADC, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”), ġie ffirmat mill-Unjoni skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1623. (2) Il-Ftehim ġie applikat b’mod proviżorju bejn l-Unjoni, minn naħa waħda, u l-Botswana, l-Eswatini, il-Lesoto, in-Namibja u l-Afrika t’Isfel, min-naħa l-oħra, mill-10 ta’ Ottubru 2016, u bejn l-Unjoni u l-Mozambique, mill-4 ta’ Frar 2018.

(2)

Skont l-Artikolu 94(1) tal-Ftehim, il-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp previst fl-Artikolu 103 tal-Ftehim irid jistabbilixxi lista ta’ 21 individwu li huma lesti u kapaċi jservu bħala arbitri (il-“lista ta’ arbitri”). Permezz tad-Deċiżjoni Nru 1/2019 tat-18 ta’ Frar 2019 (3), il-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp stabbilixxa l-lista ta’ arbitri.

(3)

Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim previstss fil-Parti III tal-Ftehim u sabiex jinżamm in-numru minimu ta’ arbitri disponibbli, jenħtieġ li l-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp jissostitwixxi l-lista ta’ arbitri.

(4)

Id-Deċiżjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp, jekk tiġi adottata, se tipproduċi effetti legali għall-Unjoni.

(5)

Huwa għalhekk xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed fi ħdan il-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp dwar is-sostituzzjoni tal-lista ta’ arbitri,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f“isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istati EPA SADC, min-naħa l-oħra, dwar is-sostituzzjoni tal-lista ta’ arbitri għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.Artikolu 3

Magħmul fil-Lussemburgu, it-12 ta’ Ottubru 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

K. KALLAS


(1)   ĠU L 250, 16.9.2016, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2016/1623/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1623 tal-1 ta’ Ġunju 2016 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istati EPA SADC, min-naħa l-oħra (ĠU L 250, 16.9.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2016/1623/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni Nru 1/2019 tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp stabbilit taħt il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istati EPA SADC, min-naħa l-oħra tat-18 ta’ Frar 2019 rigward l-istabbiliment ta’ lista ta’ arbitri (ĠU L 70, 12.3.2019, p. 33, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/391/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/2315/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)